Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2432

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2432 tat-18 ta' Settembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35484 (2013/C) (ex SA.35484 (2012/NN)) mogħtija mill-Ġermanja għal testijiet tal-kwalità tal-ħalib skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam (notifikata bid-dokument C(2015) 6295)

    ĠU L 334, 22.12.2015, p. 23–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2432/oj

    22.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 334/23


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2432

    tat-18 ta' Settembru 2015

    dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35484 (2013/C) (ex SA.35484 (2012/NN)) mogħtija mill-Ġermanja għal testijiet tal-kwalità tal-ħalib skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam

    (notifikata bid-dokument C(2015) 6295)

    (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li stiednet lill-partijiet interessati kollha sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skont l-imsemmija dispożizzjoni (1),

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz tal-ittri datati t-28 ta' Novembru 2011 u s-27 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem: “il-Kummissjoni”) staqsiet lill-Ġermanja għal aktar informazzjoni dwar ir-Rapport Annwali tal-2010 dwar l-Għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikultura li l-Ġermanja kienet issottomettiet skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999. (2) Il-Ġermanja wieġbet il-mistoqsijiet tal-Kummissjoni permezz tal-ittri datati s-16 ta' Jannar 2012 u s-27 ta' April 2012. Fid-dawl tat-tweġibiet tal-Ġermanja, irriżulta li l-Ġermanja kienet tat għajnuna finanzjarja lis-settur tal-ħalib Ġermaniż skont il-Gesetz über den Verkehr mit Milch, Milcherzeugnissen und Fetten tal-1952 (minn hawn 'il quddiem: “Milch- und Fettgesetz” [Il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam] jew “l-MFG”).

    (2)

    Permezz tal-ittra datata t-2 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni informat lill-Ġermanja li l-miżuri inkwistjoni kienu ġew irreġistrati bħala għajnuna mhux notifikata taħt in-numru SA.35484 (2012/NN). Permezz tal-ittri datati s-16 ta' Novembru 2012, is-7, it-8, il-11, it-13, l-14, il-15 u d-19 ta' Frar, il-21 ta' Marzu, it-8 ta' April, it-28 ta' Mejju, l-10 u l-25 ta' Ġunju u t-2 ta' Lulju 2013, il-Ġermanja ssottomettiet aktar informazzjoni.

    (3)

    Permezz tal-ittra tas-17 ta' Lulju 2013 (C(2013) 4457 finali) il-Kummissjoni informat lill-Ġermanja li kienet iddeċidiet li ser tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (3) (minn hawn 'il quddiem: “id-Deċiżjoni tal-ftuħ”) fir-rigward ta' ċerti miżuri sekondarji taħt l-MFG. Fl-istess ittra, il-Kummissjoni indikat li miżuri sekondarji oħrajn kienu kompatibbli mas-suq intern, kemm fil-perjodu bejn it-28 ta' Novembru 2001 u l-31 ta' Diċembru 2006 jew fil-perjodu li beda mill-1 ta' Jannar 2007 kif ukoll fiż-żewġ perjodi, jew li miżuri sekondarji ulterjuri ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE jew li ma kinux jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (4)

    Fil-każ tal-għajnuna koperta minn din id-Deċiżjoni relatata mat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib f'Baden-Württemberg u fil-Bavarja, il-Kummissjoni sabet li kienet kompatibbli mas-suq intern għall-perjodu ta' bejn it-28 ta' Novembru 2001 u l-31 ta' Diċembru 2006.

    (5)

    Madankollu, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-istess testijiet tal-kwalità tal-ħalib mas-suq intern għall-perjodu li beda mill-1 ta' Jannar 2007.

    (6)

    Din id-Deċiżjoni tirrigwarda esklussivament it-testijiet tal-kwalità tal-ħalib li saru fil-perjodu li beda mill-1 ta' Jannar 2007.

    (7)

    Permezz tal-ittra datata l-20 ta' Settembru 2013, il-Ġermanja ssottomettiet kummenti dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ.

    (8)

    Id-Deċiżjoni tal-ftuħ kienet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar.

    (9)

    Il-Kummissjoni rċeviet 19-il kumment mingħand il-partijiet interessati. Waħda minn dawn il-partijiet talbet lill-Kummissjoni biex ma tiżvelax l-identità tagħha u tat raġunijiet validi għal dan. Sebgħa minn dawn id-19-il kumment minn partijiet interessati, għalkemm mhux dawn tal-aħħar, kienu relatati mal-miżuri li jirrigwardaw it-testijiet tal-kwalità tal-ħalib inkwistjoni.

    (10)

    Il-kummenti li waslu ntbagħtu lill-Ġermanja permezz tal-ittri tas-27 ta' Frar, it-3 ta' Marzu u t-3 ta' Ottubru 2014 mingħajr ma ġiet żvelata l-identità tal-parti interessata msemmija hawn fuq.

    (11)

    Għall-ewwel il-Ġermanja ma weġbitx għall-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati fi Frar 2014. Il-Ġermanja wieġbet għal opinjoni oħra li ġġib id-data tat-8 ta' Lulju 2014 permezz tal-ittra datata t-3 ta' Diċembru 2014.

    2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

    (12)

    Hawn taħt insibu deskrizzjoni tal-għajnuna finanzjarja relatata mat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib li saru f'Baden-Württemberg u fil-Bavarja, indikati fid-Deċiżjoni tal-ftuħ bħala l-miżuri sekondarji BW 1 u BY 1, li dwarhom il-Kummissjoni esprimiet dubji rigward il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern għall-perjodu li beda mill-1 ta' Jannar 2007.

    Ir-raġunijiet li wasslu lill-Kumissjoni biex tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE

    (13)

    L-MFG hija Liġi federali li daħlet fis-seħħ fl-1952 u minn dakinhar ġiet emendata diversi drabi, l-aħħar darba fil-31 ta' Ottubru 2006. Hija tikkostitwixxi l-qafas legali tal-miżuri ta' għajnuna sottostanti inkwistjoni, u l-validità tagħha ma għandhiex limitu fiż-żmien.

    (14)

    Kif indikat il-Ġermanja, it-testijiet tal-kwalità tal-ħalib li saru fil-Bavarja mhumiex iffinanzjati biss minn riżorsi ta' imposta fuq il-ħalib iżda wkoll mill-baġit tal-Land.

    (15)

    It-Taqsima 22(1) tal-MFG tawtorizza lil-Länder Ġermaniżi jimponu imposta fuq il-ħalib fuq l-imħaleb ibbażata fuq il-kwantitajiet ta' ħalib ikkonsenjat. L-imposti imposti mil-Länder jammontaw sa EUR 0,0015 għal kull kg ta' ħalib.

    (16)

    Il-Ġermanja fissret li l-imposta fuq il-ħalib imposta mil-Länder rispettiv mhijiex applikabbli għall-importazzjonijiet. Iżda l-esportazzjonijiet jistgħu jkunu soġġetti għall-imposta fuq il-ħalib.

    (17)

    It-Taqsima 22(2) tal-MFG tipprovdi li d-dħul miksub mill-imposta fuq il-ħalib jista' jintuża biss:

    1.

    għat-titjib u ż-żamma tal-kwalità abbażi ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni;

    2.

    għat-titjib tal-iġjene waqt il-ħlib u t-twassil, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib;

    3.

    għar-reġistrazzjoni tar-rendiment tal-ħalib;

    4.

    għall-għoti ta' pariri lill-operaturi dwar kwistjonijiet relatati mal-industrija tal-ħalib u t-taħriġ kontinwu ta' impjegati żgħażagħ;

    5.

    għar-reklamar immirat biex iżid il-konsum tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib;

    6.

    għat-twettiq tal-kompiti konferiti mill-MFG.

    (18)

    It-Taqsima 22(2)(a) tal-MFG tipprovdi li, b'deroga mill-paragrafu nru 2, id-dħul iġġenerat skont l-ewwel paragrafu jista' jintuża wkoll sabiex:

    1.

    titnaqqas iż-żieda fl-ispejjeż tal-ġbir strutturali relatati mal-provvista ta' ħalib u krema mill-produttur għall-maħleb.

    2.

    titnaqqas iż-żieda fl-ispejjeż ta' trasport relatati mal-provvista tal-ħalib bejn l-imħaleb fejn tali provvista hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-provvista tal-ħalib tax-xorb fiż-żona tal-bejgħ tal-maħleb, u

    3.

    titjieb il-kwalità relatata mad-distribuzzjoni ċentrali tal-prodotti tal-ħalib.

    (19)

    It-Taqsima 22(4) tal-MFG tipprovdi li l-kontribuzzjonijiet u l-miżati mħallsa mill-imħaleb jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom lill-istabbilimenti fl-industrija tal-ħalib għall-finijiet stipulati fit-tieni aragrafu jistgħu jkunu kkumpensati kollha jew parzjalment mid-dħul iġġenerat mill-imposta fuq il-ħalib.

    (20)

    Baden-Württemberg u l-Bavarja jagħtu għajnuna finanzjarja għat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib indikati fid-Deċiżjoni tal-ftuħ bħala l-miżuri sekondarji BW 1 u BY 1. Il-fondi kollha assenjati (miż-żewġ Länder ikkombinati, inklużi riżorsi tal-baġit ġenerali tal-Land fil-każ tal-Bavarja) kienu jammontaw għal madwar EUR 9 miljuni fis-sena.

    (21)

    Skont it-Taqsima 10 tal-MFG, kif moqrija flimkien mat-Taqsima 1(1) tal-Verordnung über die Güteprüfung und Bezahlung der Anlieferungsmilch (Milch-Güteverordnung [ir-Regolament dwar il-Kwalità tal-Ħalib]; minn hawn 'il quddiem “l-MGV”) tad-9 ta' Lulju 1980, (5) min jixtri l-ħalib irid jara li, għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kwalità, il-ħalib kollu mwassal jiġi ttestjat jew jittestjawh huma stess għal dan:

    il-kontenut tax-xaħam,

    il-kontenut ta' proteini,

    il-kontenut batterjoloġiku,

    il-kontenut taċ-ċelloli somatiċi u

    il-punt ta' ffriżar.

    (22)

    It-testijiet imsemmija fit-Taqsima 1(1) tal-MGV huma obbligatorji għall-ħalib miksub mill-imħaleb fil-Ġermanja (ix-xerrejja tal-ħalib).

    (23)

    Mhemm l-ebda Länder minbarra Baden-Württemberg u l-Bavarja, inklużi dawk il-Länder li ma jitolbux imposta fuq il-ħalib, li jagħti għajnuna finanzjarja għat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib.

    (24)

    Il-bażijiet legali elenkati hawn taħt jirregolaw l-implimentazzjoni tal-miżuri sekondarji BW 1 u BY 1:

    it-Taqsima 22(2), il-punt 1, tal-MFG;

    l-MGV tad-9 ta' Lulju 1980;

    ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-MGV tat-18 ta' Mejju 2004; (6)

    il-Komunikazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-Milchprüfring Baden-Württemberg e.V. [l-Aġenzija tal-Ittestjar ta' Baden-Württemberg], kif emendata fil-21 ta' Lulju 2004 (7);

    it-Taqsimiet 23 u 44 tal-Ordni tal-Baġit tal-Land ta' Baden-Württemberg (LHO);

    ir-Regolament dwar imposta fuq il-ħalib (BayMilchUmlV) tas-17 ta' Ottubru 2007; (8)

    ir-Regolament dwar l-impożizzjoni ta' imposti fir-rigward tal-industrija tal-ħalib tat-18 ta' Mejju 2004 (9), imħassar mir-Regolament tal-Ministeru tal-Affarijiet Rurali u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-14 ta' Frar 2013 li ħassar ir-Regolament dwar it-talba għal imposti fir-rigward tal-industrija tal-ħalib;

    it-Taqsimiet 23 u 44 tal-Baġit tal-Land tal-Bavarja (BayHO).

    (25)

    Il-Ġermanja tgħid li dawn il-miżuri mhumiex għajnuna għar-raġunijiet li ġejjin: Il-pagamenti jsiru biex jikkumpensaw lill-aġenziji li jagħmlu t-testijiet għall-ispejjeż li jġarrbu fit-twettiq ta' kompiti pubbliċi.

    (26)

    Il-pagamenti jikkumpensaw għal piżijiet meħtieġa li l-Milchprüfringe ikollhom iġorru għat-twettiq ta' kompiti li huma obbligu tal-Istat. It-testijiet jiżugraw is-sigurtà tal-prodotti bl-għan li jħarsu lill-konsumaturi mill-perikli għas-saħħa u jipprovdu lill-pubbliku bi prodotti ta' kwalità għolja.

    (27)

    Partikolarment importanti huma testijiet oħrajn fuq il-ħalib mhux ipproċessat, li jmorru ferm lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mill-MGV. Dan jippermetti lill-aġenziji tat-testijiet li jħaddmu sistema ta' monitoraġġ tal-inibituri sabiex jidentifikaw u, jekk ikun meħtieġ, jippenalizzaw iż-żieda ta' inibituri mal-ħalib ikkonsenjat b'mod immirat f'każijiet ta' suspett. Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna finanzjarja mħallsa fir-rigward ta' dawn it-testijiet addizzjonali huma koperti minn Deċiżjoni separata.

    (28)

    Wara li l-Kummissjoni kienet irreġistrat il-miżuri kollha li jaqgħu taħt l-MFG bħala għajnuna mhux notifikata permezz tal-ittra tat-2 ta' Ottubru 2012, Baden-Württemberg u l-Bavarja qablu li jissospendu r-rimborż tal-ispejjeż relatati mat-testijiet uffiċjali tal-kwalità tal-ħalib li qabel kienu koperti mid-dħul mill-imposta fuq il-ħalib. Minflok, l-industrija tal-ħalib tibda tħallas lura l-ispejjeż direttament lill-aġenziji li jagħmlu t-testijiet. Minħabba li l-parti l-kbira tar-riżorsi tal-imposta fuq il-ħalib f'Baden-Württemberg (madwar 80 %) kienet qiegħda tintefaq fuq l-imsemmija testijiet uffiċjali tal-ħalib ikkonsenjat, biex tissemplifika u tnaqqas il-burokrazija, Baden-Württemberg kien abolixxa għal kollox il-ġbir tal-imposta fuq il-ħalib, mill-1 ta' Jannar 2013. Iżda fil-Bavarja, is-sospensjoni tar-rimborż tal-ispejjeż kienet tpattiet bi tnaqqis fir-rata tal-imposta fuq il-ħalib.

    Il-kummenti tal-Ġermanja tal-20 ta' Settembru 2013

    (29)

    Dwar is-suġġett tal-miżuri sekondarji BY 1 u BW 1 inkwistjoni, il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti li ġejjin u li kienu ġew ikkoordinati bejn iż-żewġ Länder ikkonċernati.

    (30)

    Hija qieset li l-kumpens tal-ispejjeż għall-kontrolli ta' rutina fuq il-kwalità tal-ħalib kien legali wkoll anki wara l-perjodu 2001-2006. Minħabba li t-testijiet saru minn Milchprüfring Bayern e.V. (“MPBY”)/Milchprüfring Baden-Württemberg e.V. (“MPBW”), ma kienet ingħatat l-ebda għajnuna peress li ma ngħatatx preferenza lill-industrija tal-ħalib fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Anki jekk ingħatat għajnuna (li l-Ġermanja tiċħad), kellha titqies bħala għajnuna eżistenti. Fi kwalunkwe każ, il-Ġermanja argumentat li l-miżuri BY 1 u BW 1 kienu kompatibbli mas-suq intern. Kien biss għal raġunijiet ta' ċertezza legali li l-Bavarja kienet issospendiet temporanjament il-finanzjament tal-imposta. Bl-istess mod, kien biss għal raġunijiet ta' ċertezza legali marbuta mas-sitwazzjoni speċifika f'Baden-Württemberg li l-finanzjament tal-imposta u l-ġbir kienu ġew sospiżi għalkollox fil-31 ta' Diċembru 2012.

    (31)

    Il-miżuri BY 1 u BW 1 ma kienu jinvolvu ebda għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE peress li l-imħaleb ma bbenefikawx mit-testijiet imwettqa minn MPBY u MPBW. B'mod partikolari, l-imħaleb ma ġew meħlusa minn ebda spiża li normalment ikollhom iġorru. Ma kienx korrett li l-ispejjeż imġarrba fit-twettiq tal-obbligi legali nazzjonali jitqiesu bħala spejjeż operattivi tipiċi li l-impriżi inkwistjoni, jiġifieri l-imħaleb, normalment ikollhom iġarrbu huma stess.

    (32)

    L-ispejjeż li impriża “normalment” ikollha ġġarrab kienu ġejjin minn rekwiżiti stipulati bil-liġi nazzjonali (test anċillari). Dan wassal għall-mistoqsija rigward il-piżijiet li impriża “normalment” ikollha ġġorr. Rigward skemi ta' taxxa, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ma jeżisti l-ebda vantaġġ (selettiv) li huwa rilevanti mill-aspett ta' għajnuna mill-Istat meta japplikaw arranġamenti ta' taxxa differenti f'reġjuni differenti ta' Stat Membru. Il-qafas ta' referenza għall-iskemi ta' taxxa ma kienx jeħtieġ neċessarjament li jkun definit fil-konfini tal-Istat Membru kkonċernat, u għalhekk miżura li tagħti vantaġġ f'parti waħda tat-territorju nazzjonali ma kinitx selettiva għal dik ir-raġuni biss għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (10).

    (33)

    L-istess japplika meta dan jiġi applikat għall-ħlas tal-ispejjeż ta' testijiet tal-kwalità tal-ħalib. Peress li s-setgħat jingħataw fuq bażi Federali, “it-tassazzjoni normali” fil-Ġermanja kienet tirriżulta biss minn interazzjoni bejn il-liġi Federali u tal-Land. Għaldaqstant, l-ispejjeż tal-ittestjar tal-ħalib ma kinux jikkostitwixxu spejjeż operattivi tipiċi għall-imħaleb.

    (34)

    Il-liġi Federali ma kinitx tistipula li l-imħaleb għandhom iġorru l-ispejjeż tat-testijiet tal-kwalità. Il-kwistjoni ta' min kellu jġorr l-ispejjeż ma kinitx iddeterminata mill-MFG u lanqas mill-MGV. It-Taqsima 1(1) tal-MGV taqra kif ġej: “Min jixtri l-ħalib għandu jiżgura, għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kwalità […] li l-ħalib ikkonsenjat kollu jiġi ttestjat jew jittestjah huwa stess skont it-Taqsima 2(1) sa (8).”

    (35)

    It-Taqsima 2(8) tipprovdi biss li mhumiex l-imħaleb iżda korpi awtorizzati għall-ittestjar li għandhom jagħmlu t-testijiet. “L-analiżijiet jistgħu jsiru biss minn korpi tal-ittestjar awtorizzati minn awtorità kompetenti taħt il-liġi tal-Land. L-awtorità kompetenti taħt il-liġi tal-Land tista' tippermetti li t-testijiet isiru mix-xerrej innifsu.”

    (36)

    Għaldaqstant, il-Liġi Federali (l-MFG u l-MGV) stipulat biss li x-xerrejja tal-ħalib għandhom id-dmir li jiżguraw li jsiru l-analiżijiet. Għalhekk, taħt it-Taqsima 10(2) tal-MFG, il-kompetenza biex jiġi ddeterminat kif jiġi implimentat l-ittestjar tal-ħalib fil-prattika (b'mod partikolari fir-rigward ta' min iġarrab l-ispejjeż) hija r-responsabbiltà tal-Länder.

    (37)

    Għaldaqstant kienet il-liġi tal-Land li tiddetermina jekk it-testijiet isirux minn korp li jagħmel it-testijiet jew mix-xerrej innifsu. Il-kwistjoni ta' min kien obbligat iħallas l-ispejjeż (ix-xerrej jew il-korp li jagħmel it-testijiet) setgħet ukoll tiġi deċiża mil-Land inkwistjoni. Minħabba f'hekk, kienu jeżistu arranġamenti differenti fil-Ġermanja dwar il-kwistjoni ta' min kien meħtieġ iħallas l-ispejjeż. Skont il-każistika msemmija hawn fuq, dawn kienu jifformaw il-qafas ta' referenza għas-soluzzjoni tal-kwistjoni dwar liema spejjeż għandha ġġarrab “normalment” impriża.

    (38)

    Għalhekk fil-Bavarja, l-MPBY kienet responsabbli mill-ittestjar tal-ħalib. Kienet l-uniku korp awtorizzat biex jagħmel it-testijiet fil-Bavarja. Kienet twettaq kompiti pubbliċi bħala organizzazzjoni tal-ittestjar indipendenti u għalhekk kienet soġġetta għal kontroll kontinwu mill-Istat. L-ispejjeż li ġarrbet f'dan ir-rigward kienu parzjalment koperti mill-imposta mitluba skont it-Taqsima 22 tal-MFG u parzjalment, kif ikkomunikat mill-Ġermanja, mill-baġit ġenerali. Peress li l-Länder għandhom is-setgħa li jirregolaw min huwa meħtieġ li jġarrab l-ispejjeż għaż-żona partikolari tagħhom, ma ġewx iffavoriti ċerti impriżi fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE jekk it-testijiet tal-kwalità ġew kompletament jew parzjalment iffinanzjati f'Land partikolari mill-imposta fuq il-ħalib. Il-Liġi Federali ma kinitx il-qafas ta' referenza korrett għad-determinazzjoni ta' min għandu jġarrab l-ispejjeż. Għaldaqstant kien irrilevanti li f'Länder oħrajn minbarra Baden-Württemberg u l-Bavarja dan l-iffinanzjar (parzjali) mill-imposta ma seħħx.

    (39)

    Fil-Bavarja u f'Baden-Württemberg l-impriżi kollha kellhom iġarrbu l-ispejjeż indaqs. Għaldaqstant ma kien hemm l-ebda preferenza (selettiva) ta' ċerti impriżi fuq oħrajn.

    (40)

    Aspett ieħor ukoll wera li ma kien hemm l-ebda favoreġġament ta' mħaleb li kien rilevanti mill-perspettiva ta' għajnuna mill-Istat, jiġifieri, il-fatt li l-imħaleb kellhom xorta waħda jħallsu l-ispejjeż li normalment ikollhom iħallsu minħabba li kienu meħtieġa min-naħa tagħhom iħallsu kontribut akbar mill-imposta fuq il-ħalib. Parti biss mill-imposta fuq il-ħalib intużat għall-iffinanzjar tal-ittestjar tal-ħalib. Meta l-livell ta' finanzjament għall-ittestjar tal-ħalib intemm fid-dawl tal-proċeduri tal-Kummissjoni, ir-rata tal-imposta tnaqqset ukoll. Il-kumpens li rċevew l-imħaleb fir-rigward tat-testijiet tal-kwalità b'hekk żdied sabiex ipatti għall-finanzjament aktar baxx mill-imposta. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet f'dan ir-rigward li ma jeżisti l-ebda vantaġġ meta kontribut jikkorrispondi għall-ispiża ekonomika attwali tal-benefiċċji pprovduti inkumpens (11). Din ir-rabta bejn il-benefiċċju u l-korrispettiv imħallas għalih kienet teżisti fil-każ ta' imposti (parafiskali) jekk l-imposti kienu jinġabru b'konnessjoni ma' għan speċifiku. Kif kienet stabbilixxiet il-Kummissjoni nnifisha (12), tali “ipotekar” kien jeżisti f'dan il-każ. Peress li l-benefiċċju (kontribut għall-imposta) kien jaqbeż il-korrispettiv (spejjeż aktar baxxi tat-testijiet tal-ħalib) f'dan il-każ, kwalunkwe vantaġġ li jiġi mill-aspett tal-għajnuna mill-Istat jista' jiġi eskluż.

    (41)

    Sussidjarjament, il-Ġermanja ddikjarat li l-miżuri sekondarji inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna eżistenti.

    (42)

    Il-bażi għall-iffinanzjar tat-testijiet mid-dħul iġġenerat mill-imposta kienet it-Taqsima 22(2), il-punt 1, tal-MFG. L-għajnuna mogħtija skont dik id-dispożizzjoni kienet (l-aktar) għajnuna eżistenti u għaldaqstant soġġetta għall-anterjorità. L-istatus tal-għajnuna bħala għajnuna eżistenti la kien imminat minn xi bidla u lanqas minn xi miżura xierqa.

    (43)

    L-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ipprovda li “għajnuna eżistenti” tiġbor fiha għajnuna li “l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta' għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat”. L-MFG tfasslet fl-1952 u kienet baqgħet fis-seħħ mingħajr emendi sostanzjali minn dakinhar 'l hawn. L-iskema ta' għajnuna kienet għalhekk ġiet introdotta ferm qabel id-data rilevanti li tikkwalifika (l-1 ta' Jannar 1958).

    (44)

    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, l-għajnuna eżistenti titlef il-protezzjoni tagħha taħt il-klawżola tal-anterjorità u jkollha tiġi nnotifikata jekk tinbidel. Skont il-każistika stabbilita u l-prattika tad-deċiżjonijiet, l-għajnuna tista' biss titqies li nbidlet fit-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE jekk tkun ġiet emendata b'mod sostanzjali.

    (45)

    Emenda tkun rilevanti biss jekk taffettwa n-natura essenzjali tal-għajnuna, jekk l-għajnuna tingħata fuq bażi legali differenti jew jekk temenda l-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema. Il-(possibbiltà tal-applikazzjoni) l-iskema ta' għajnuna ma kinitx ġiet emendata b'mod sostanzjali mill-1958. B'mod partikolari, it-Taqsima 22(2) tal-MFG, li sservi bħala bażi għall-miżuri inkwistjoni, kienu sarulha biss bidliet żgħar, u l-punt 1 ta' din id-dispożizzjoni, li huwa rilevanti għal dan il-każ, kien baqa' kompletament l-istess. Il-punt 5 biss tat-Taqsima 22(2), li mhuwiex rilevanti għal dan il-każ, kien ġie emendat.

    (46)

    L-emendi għad-dispożizzjonijiet tal-Länder individwali ma affettwawx il-kamp ta' applikazzjoni jew in-natura tal-miżuri inkwistjoni. Tabilħaqq, l-iskopijiet li għalihom id-dħul mill-imposta seta' jintuża kienu stipulati mit-Taqsima 22(1) tal-MFG. Kieku ġew emendati regoli proċedurali individwali, l-għajnuna eżistenti kienet tinbidel fit-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE biss kieku l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern kienet ġiet affettwata. Fil-każ tal-Bavarja, ir-Regolament rilevanti dwar l-imposta fuq il-ħalib (BayMilchUmlV) kien jirregola biss id-dettalji, eż. rigward il-ġbir tal-imposta, u l-istess kien japplika għal Baden-Württemberg. L-aspetti relatati mal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, jiġifieri l-provenjenza tal-fondi (l-imposta skont it-Taqsima 22(1)) u l-iskop li għalihom kienu sejrin jintużaw (it-Taqsima 22(2)) kienu, madankollu, diġà stabbiliti biżżejjed fl-MFG.

    (47)

    Ir-rati tal-imposta applikati fiż-żewġ Länder kienu wkoll waqgħu b'mod stabbli mill-1984. Ir-rati baxxi tal-imposti ma setgħux jimminaw il-kompatibbiltà tal-iskema ta' għajnuna.

    (48)

    Il-fatt li xi wħud mill-fondi possibbilment ingħataw fuq il-bażi tal-MFG f'każijiet individwali u għal ftit żmien biss (13) ma kienx itellef milli jitqiesu bħala għajnuna eżistenti. Din l-għajnuna ngħatat fuq il-bażi tal-MFG, li kienet skema ta' għajnuna, u għalhekk, min-natura tagħha, tiddeskrivi l-għajnuna individwali purament f'termini astratti. Barra minn hekk, skema ta' għajnuna mhux bilfors kellha tintuża fuq bażi kontinwa.

    (49)

    Il-miżuri xierqa li jinsabu fil-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat fis-Settur tal-Agrikultura 2000-2006 (14) (minn hawn 'il quddiem: “il-Linji Gwida 2000-2006”) u fil-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-Għajnuna mill-Istat fis-Settur tal-Agrikultura u l-Forestrija 2007-2013 (15) (minn hawn 'il quddiem: “il-Linji Gwida 2007-2013”) ma kinux japplikaw għall-miżuri rilevanti f'dan il-każ, li jfisser li baqgħu jkunu għajnuna eżistenti. Il-miżuri xierqa jkollhom jirrigwardaw b'mod speċifiku l-għajnuna inkwistjoni u jiddeterminaw li ma kinitx kompatibbli mas-suq intern.

    (50)

    Il-Linji Gwida 2007-2013 ma indirizzawx il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-kontrolli tal-kwalità tal-ħalib, għall-inqas mhux fid-dettall meħtieġ. F'dan il-kuntest, il-Ġermanja rreferiet għall-paragrafi 108 u 109 tal-Linji Gwida 2007-2013.

    (51)

    Il-klassifikazzjoni ta' għajnuna fil-Linji Gwida 2007-2013 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 (16) tagħmel distinzjoni bejn “l-għajnuna fis-settur tat-trobbija tal-bhejjem” u “l-għajnuna għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli”. Il-paragrafu 108 tal-Linji Gwida 2007-2013 kien jirrigwarda biss b'mod ċar l-għajnuna lill-azjendi tal-bhejjem peress li kien relatat mal-“kwalità ġenetika tal-bhejjem tal-Komunità”. L-esperjenza kienet “uriet li din l-għajnuna għandha tinżamm biss meta verament tikkontribwixxi għall-konservazzjoni u t-titjib tal-kwalità ġenetika tal-bhejjem”. L-introduzzjoni ta' tekniki innovattivi ta' tnissil tal-bhejjem tkun kompatibbli ma' dan, filwaqt li l-appoġġ għall-konservazzjoni ta' annimali ta' tnissil ma jkunx. Il-paragrafu 109 tal-Linji Gwida 2007-2013 jista' jinftiehem biss li jfisser li għandu jikkunsidra dan l-għarfien dwar il-konservazzjoni tal-kwalità ġenetika tal-bhejjem (il-paragrafu108) peress li din kienet l-unika ħaġa li ttratta.

    (52)

    L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006, li għalih jirreferi l-paragrafu 109 tal-Linji Gwida 2007-2013, kien jirrigwarda “l-għajnuna lis-settur tat-trobbija tal-bhejjem” u mhux il-kontrolli tal-kwalità tal-ħalib fis-sens rilevanti għal dan il-każ. L-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006 kien jittratta l-kontrolli tal-kwalità tal-ħalib b'relazzjoni mat-tnissil tal-annimali. Dan kien ċar mill-kuntest tad-dispożizzjoni, li stipulat li l-eżenzjoni kienet estiża għall-għajnuna (sa rata ta' 70 %) biex tiġi ddeterminata l-kwalità ġenetika jew ir-rendiment tal-bhejjem. Jekk il-kontrolli ta' rutina tal-kwalità tal-ħalib kienu esklużi minn dan, allura dan kien jirrigwarda biss il-kontrolli li ġeneralment isiru għad-determinazzjoni tar-rendiment tal-annimali. L-eċċezzjoni kienet tirrigwarda biss lill-kontrolli ta' rutina tal-kwalità tal-ħalib li jsiru direttament fuq il-baqra tal-ħalib minħabba li dawn il-kontrolli biss jistgħu jiddeterminaw il-karatteristiċi tal-annimal inkwistjoni. Fil-Bavarja, dawn it-testijiet tal-kwalità fuq l-annimali kienu jsiru mil-Landeskuratorium der Erzeugerringe für tierische Veredelung in Bayern e.V. (LKV), filwaqt li f'Baden-Württemberg kienu jsiru mil-Landesverband Baden-Württemberg für Leistungsprüfungen in der Tierzucht e.V.

    (53)

    Għall-kuntrarju, it-testijiet tal-kwalità tal-ħalib li kienu jsiru mill-MPBY u mill-MPBW rilevanti f'dan il-każ kienu jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-karatteristiċi tal-ħalib innifsu (u mhux il-karatteristiċi ġenetiċi tal-baqra). Il-karatteristiċi tal-ħalib inkwistjoni (eż. il-kontenut ta' xaħam u proteini) kienu rilevanti għall-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib. Ma kinux jippermettu li jsiru inferenzi dwar annimali individwali peress li kienu jsiru b'mod differenti. Il-kampjuni ma kinux jiġu separati biex ikun jista' jiġi identifikat minn liema baqra kienu ġejjin, iżda minflok kienu jittieħdu mill-bawżers tal-ħalib. Dan kien ifisser li l-ħalib ma setax ikun isseparat aktar skont il-baqra li ġie minnha peress li l-ħalib minn diversi baqar kien diġà tħallat flimkien meta ttieħed il-kampjun.

    (54)

    Għaldaqstant, la l-paragrafu 109 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tal-Linji Gwida 2007-2013 ma kienu jeskludu l-possibbiltà li l-għajnuna għall-kontrolli tal-kwalità tal-ħalib kienet kompatibbli mas-suq intern. Kienet ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li turi li l-miżuri individwali kienu inkompatibbli mas-suq intern. Kwalunkwe ambigwità fil-formulazzjoni ta' miżuri xierqa ma setgħetx tkun għad-detriment tal-Istati Membri (17).

    (55)

    Għalhekk l-aċċettazzjoni mill-Istat Membru meħtieġa taħt l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 setgħet tkun effettiva biss jekk l-Istat Membru kien jaf liema miżuri kien qed jaċċetta b'mod speċifiku. Il-Länder inkwistjoni seta' għalhekk jassumi li l-miżuri kkontestati kienu kompatibbli mas-suq intern. Jekk il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tikkunsidra t-testijiet tal-kwalità tal-ħalib tal-Bavarja u ta' Baden-Württemberg inkompatibbli mas-suq komuni, setgħet (espressament) tagħmel dan bl-istess mod kif għamlet dan f'deċiżjonijiet oħrajn (18). Il- Kummissjoni ma kinitx, madankollu, iddiskutiet il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-finanzjament tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib fil-Bavarja u f'Baden-Württemberg permezz ta' imposta. Fid-dawl tal-kliem tal-Linji Gwida 2007-2013, li ftit li xejn huwa ċar, kien ikun meħtieġ skont il-prinċipji ġenerali taċ-ċertezza legali u kooperazzjoni sinċiera (l-Artikolu 4(3) tat-TUE) li tindirizza b'mod speċifiku dawn il-miżuri, b'mod partikolari peress li l-Länder inkwistjoni kienu assumew li l-miżuri sekondarji BY 1 u BW 1 ma kienu jinvolvu ebda għajnuna.

    (56)

    Għaldaqstant il-Linji Gwida 2007-2013 ma għandhomx jinftiehmu li jfissru li l-miżuri implimentati skont it-Taqsima 22(2)(1) tal-MFG kienu inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, l-iffinanzjar tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib fil-Bavarja u f'Baden-Württemberg permezz ta' imposta (BY 1/BW 1) ma kienx jaqa' taħt id-definizzjoni ta' miżuri xierqa.

    (57)

    Sussidjarjament, il-Ġermanja argumentat ukoll li l-miżuri kienu kompatibbli mas-suq intern anki jekk jikkostitwixxu għajnuna.

    (58)

    Ma jirriżultax mill-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006 li kien inkompatibbli mas-suq intern li tingħata għajnuna għall-kontrolli tal-kwalità tal-ħalib. Taħt dik id-dispożizzjoni, dawn ma kinux “awtomatikament” kompatibbli mas-suq intern u b'hekk eżenti mir-rekwiżit ta' notifikazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi f'każ individwali li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern.

    (59)

    L-għajnuna allegata għall-imħaleb tal-Bavarja/Baden-Württemberg kienet fi kwalunkwe każ kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. Din l-opinjoni kienet ukoll sostnuta mill-fatt li din il-forma ta' għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern taħt il-punt 13.3 tal-Linji Gwida 2000-2006, kif kienet irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (il-paragrafi 164 et seq.). B'mod partikolari, din tirrigwarda kontrolli previsti li jsiru minn partijiet terzi. Il-kompatibbiltà mas-suq intern hija kkonfermata wkoll mill-fatt li l-imħaleb infushom kienu jħallsu l-ispejjeż tal-kontrolli ta' kwalità permezz tal-imposta fuq il-ħalib. Dan naqqas kwalunkwe vantaġġ potenzjali li l-imħaleb setgħu jiksbu (19). Il-kompetizzjoni bejn l-imħaleb ma kinitx imminata mis-sistema differenti, irrispettivament minn jekk l-ispejjeż kienu mħallsa direttament jew permezz ta' imposta. Il-konklużjoni kienet li l-imħaleb kienu jġorru l-ispejjeż fi kwalunkwe każ. Ma kienx ċar kif il-kompatibbiltà mas-suq intern ta' għajnuna li kienet ġiet inkluża b'mod espliċitu fil-Linji Gwida 2000-2006 kellha tinbidel mill-2007.

    Kummenti mingħand il-partijiet interessati

    (60)

    Bejn il-5 u s-7 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni rċeviet total ta' seba' ittri minn partjiet interessati b'kummenti dwar l-għajnuna mogħtija għat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib.

    (61)

    Fl-ittra tagħha tal-5 ta' Frar, l-MPBY argumentat li l-imħaleb ma kienu ngħataw l-ebda vantaġġ bis-saħħa tal-finanzjament tal-imposti. Għaldaqstant kien kompletament inkomprensibbli kif din is-sistema fit-tul u ġeneralment aċċettata setgħet tgħawweġ il-kompetizzjoni jew taffettwa b'mod negattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-kuntest tal-proċedura ulterjuri, għalhekk, il-miżuri msemmija [fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ] taħt l-intestatura BY 1 għandhom, wara l-eżami mill-ġdid, jitqiesu solvuti.

    (62)

    L-MPBW iddikjarat fil-kummenti tagħha tas-6 ta' Frar li l-pagamenti relatati mal-miżura sekondarja BW 1 ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. B'mod partikolari, is-sistema tat-twettiq ta' testijiet tal-kwalità fuq il-ħalib ikkonsenjat f'Baden-Württemberg ma kinitx assoċjata ma' xi spiża għall-erarju pubbliku. Vantaġġi simili għal sussidji li jistgħu jkunu rintraċċati għal miżura tal-Istat mingħajr ma jkun hemm ebda telf finanzjarju korrispondenti għat-Teżor, madankollu, ma kinux jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (20).

    (63)

    Taħt it-Taqsima 22(3) tal-MFG, il-fondi miġbura kellhom jiġu ġestiti b'mod separat. Ma setgħux jintużaw sabiex ikopru l-ispejjeż amministrattivi tal-ogħla awtoritajiet tal-Land u d-dipartimenti subordinati tagħhom. Kellhom jintwerew fil-baġit tal-Land ta' Baden-Württemberg taħt subintestatura separata, u l-baġit irrefera espressament għall-fatt li kienu assenjati għal skop speċifiku. Għalhekk id-dħul mill-imposta fuq il-ħalib qatt ma ntuża għal finijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-MFG.

    (64)

    Fuq kollox, madankollu, fil-kuntest tal-kompiti assenjati lilha, l-MPBW irċeviet ħlasijiet minn riżorsi ta' imposti li ma kinux jaqbżu r-riżorsi ffinanzjati mill-imposta. Dan kien ifisser li l-ebda fondi tal-Istat — minn taxxi jew dħul tal-Istat ieħor, pereżempju — ma tħallsu lill-MPBW iżda biss id-dħul li ġej mill-imposta mħallsa mill-imħaleb. Minflok, Baden-Württemberg kienet sempliċiment assumiet il-kompitu li torganizza u tqassam l-imposta fuq il-ħalib. Għaldaqstant is-sistema ta' testijiet tal-kwalità fuq il-ħalib ikkonsenjat f'Baden-Württemberg ma kienet twassal għall-ebda telf finanzjarju għat-Teżor.

    (65)

    Peress li Baden-Württemberg ma kien ta l-ebda sussidji minbarra l-imposta fuq il-ħalib u ma kien hemm ebda spiża netta finanzjarja korrispondenti għall-baġit tal-Land, ma setax jagħti xi għajnuna “fil-forma ta' servizzi ssussidjati”.

    (66)

    Anki jekk l-imposta fuq il-ħalib f'Baden-Württemberg kienet attribwibbli għall-Istat kontra l-kriterji stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fi PreussenElektra, ma kien hemm l-ebda vantaġġ għall-imħaleb. L-aspett tat-“trattament favorevoli” bħala l-element ċentrali tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE ġie interpretat b'mod wiesa' skont il-ġurisprudenza stabbilita u l-prattika tal-Kummissjoni (21).

    (67)

    Taxxi parafiskali spiss kienu jifformaw il-bażi għal sistemi li jinvolvu l-provvediment ta' servizzi li huma fl-interess speċifiku ta' dawk responsabbli mill-ħlas tagħhom (l-aspett tal-benefiċċju kollettiv). F'dawn is-sistemi, dawk li jħallsu l-imposta kienu prima facie dawk stess li bbenefikaw mis-servizz iffinanzjat mill-imposta parafiskali. Fil-każ ta' imposti parafiskali, il-każistika għalhekk kienet tiddetta li jrid jiġi eżaminat jekk is-servizz riċevut huwiex tal-istess valur tal-kontribuzzjoni (l-imposta) imħallsa, jiġifieri li l-pagament u l-benefiċċju riċevut huma ekwivalenti.

    (68)

    Din l-ekwivalenza ma għandhiex tkun eżaminata b'mod individwali iżda fil-kuntest tas-sistema ġenerali. Għalkemm huwa veru li s-sistemi parafiskali ta' finanzjament jinvolvu tipikament ċertu element ta' ridistribuzzjoni, jiġifieri mhux dawk kollha li jridu jħallsu jieħdu l-istess benefiċċju minn kull servizz individwali offrut, l-aspetti tal-bilanċ u tal-ekwivalenza f'tali sistemi ma kinux imminati jekk din ir-ridistribuzzjoni isseħħ fuq il-bażi tas-solidarjetà (22).

    (69)

    Il-livell tal-imposta f'Baden-Württemberg kien iddeterminat skont il-kwantità speċifika ta' ħalib ikkonsenjat. Maħleb A li kkonsenja d-doppju tal-ħalib għall-ittestjar tal-kwalità minn MPBW ikollu jħallas eżattament id-doppju tal-imposta. Dan kien ifisser li l-kunċett tal-ekwivalenza f'termini ta' pagament u benefiċċju riċevut ma kienx imminat.

    (70)

    L-awtoritajiet kompetenti f'Baden-Württemberg ma kellhom l-ebda diskrezzjoni fil-kalkolu tal-imposta fuq il-ħalib. Din is-sistema kienet tiżgura wkoll li ma jkunx hemm benefiċjarji netti strutturali peress li l-imħaleb kollha kienu obbligati jħallsu l-imposta fuq il-bażi biss tal-kwantità ta' ħalib ikkonsenjat u jirċievu servizzi mingħand MPBW fuq dik il-bażi biss.

    (71)

    Għaldaqstant MPBW assumiet li ma kienet qiegħda tingħata l-ebda għajnuna, jew tal-inqas, l-ebda vantaġġ.

    (72)

    Fil-kummenti tagħha tal-5 ta' Frar 2014, Landesvereinigung der Bayerischen Milchwirtschaft e.V. iddikjarat li s-sistema ta' imposta fuq il-ħalib kienet apprezzata ħafna fost il-konsumaturi, li ma kinitx meqjusa barra l-Bavarja bħala vantaġġ li jgħawweġ il-kompetizzjoni, u li ma kinitx ikkontestata mill-imħaleb la fil-Ġermanja u lanqas barra l-pajjiż. Għaldaqstant ma kienx jagħmel sens li t-testijiet fuq il-kwalità tal-ħalib ma setgħux ikomplu mill-2007 'il quddiem. Dawn kienu u baqgħu jservu bħala garanzija għall-konsumaturi li l-ħalib kien ta' kwalità għolja mingħajr residwi inibituri (23).

    (73)

    Fil-kummenti tagħha tas-7 ta' Frar 2014, id-DHB — Netzwerk Haushalt ikkunsidrat li s-servizzi pprovduti minn muva Kempten fil-qasam tat-testijiet magħmula biex jinstabu kostitwenti nutrizzjonalment rilevanti kienu ta' kontribut essenzjali għall-protezzjoni tal-konsumaturi u għall-informazzjoni disponibbli għalihom. Il-fatt li r-riżultati tal-analiżijiet kienu newtrali u mhux influwenzati mill-imħaleb jew min-negozju, id-detezzjoni rapida ta' kwalunkwe kontaminant perikoluż fil-ħalib u fil-prodotti tal-ħalib u, għalhekk, il-kapaċità ta' rispons mgħaġġel f'sitwazzjoni kritika kienu kollha elementi li d-DHB — Netzwerk Haushalt kienet tapprezza. Dawn il-miżuri għenu biex jiżguraw li ikel ta' kwalità għolja kien disponibbli għall-kummerċ u għalhekk għall-konsumaturi. L-importanza ta' dawn it-testijiet għall-konsumaturi kollha ma setgħetx tiġi injorata.

    (74)

    Fil-kummenti tagħha tas-6 ta' Frar 2014, it-trejdjunjin Nahrung-Genuss-Gaststätten Region Allgäu indikat li l-Landesvereinigung der Bayerischen Milchwirtschaft e.V. dejjem kienet meqjusa bħala assoċjazzjoni li tħares il-konsumaturi. Bid-deċiżjoni tagħha dwar kif kellhom jintużaw ir-riżorsi mill-imposta, b'mod partikolari fir-rigward tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib, tista' teżerċità influwenza konsiderevoli dwar kif kienu jsiru dawn it-testijiet.

    (75)

    Skont l-opinjoni tal-Genossenschaftsverband Bayern e.V., kif stabbilita fil-kummenti tagħha tal-5 ta' Frar 2014, la l-irziezet individwali u lanqas l-impriżi tal-ipproċessar tal-ħalib ma setgħu jieħdu xi tip ta' vantaġġ kompetittiv mill-impożizzjoni tal-imposta. Meta kontrolli tal-kwalità tal-ħalib ta' rutina kienu ġew parzjalment finanzjati minn riżorsi ta' imposti fil-passat, l-impriżi tal-ipproċessar tal-ħalib kienu ħallsu kontribuzzjonijiet lejn l-imposta u għaldaqstant kienu jġorru l-ispiża totali ta' dan il-kofinanzjament. F'Länder Ġermaniżi oħrajn fejn ma kienet titqiegħed l-ebda imposta, l-imħaleb ma kienu jħallsu l-ebda imposta, iżda l-korpi tal-ittestjar lanqas ma kienu jirċievu xi riżorsi mill-imposti.

    (76)

    Fl-ittra tagħha tas-7 ta' Frar 2014, il-Landesvereinigung der Milchwirtschaft Niedersachsen е. V. (LVN) ma kkummentatx direttament dwar il-ħlasijiet mogħtija għat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib, iżda ċaħdet b'mod fundamentali l-eżistenza ta' kwalunkwe għajnuna għal kwalunkwe miżura sekondarja taħt l-MFG.

    (77)

    Dwar il-kwistjonijiet individwali, l-LVN ressqet il-fehmiet tagħha li l-miżuri ffinanzjati mir-riżorsi tal-imposta fuq il-ħalib ma kienu jinvolvu l-ebda telf għall-baġit tal-Land, li l-Istat ma kellu l-ebda setgħa li jiddisponi jew jikkontrolla r-riżorsi tal-imposta fuq il-ħalib, u li l-Istat ma eżerċita l-ebda kontroll kemm fuq l-ammont tal-imposta kif ukoll fuq il-kontenut tal-miżuri. Għaldaqstant, il-pagamenti inkwistjoni ma setgħux jiġu attribwiti lill-Istat. Barra minn hekk, l-Istat la kkontrolla l-livell tal-pagamenti u lanqas ma kien involut fl-organizzazzjoni tal-LVN.

    (78)

    Hija ddikjarat ukoll li l-LVN ma kinitx superviżjonata minn xi korpi statali iżda pjuttost mill-Kamra tal-Agrikoltura ta' Hannover, korp awtoregolatorju pubbliku li għalhekk ma kienx jaqa' direttament taħt l-amministrazzjoni pubblika.

    (79)

    F'kummenti addizzjonali mressqa fit-8 ta' Lulju 2014, l-LVN irreferiet fost l-oħrajn għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/416/UE (24) fil-Każ Val'Hor. F'dik id-Deċiżjoni l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li la s-setgħa tal-Istat li jirrikonoxxi organizzazzjoni interprofessjonali u lanqas l-appoġġ regolatorju tiegħu fil-ġbir ta' “kontribuzzjonijiet” relatati mas-settur (permezz tal-possibbiltà, fil-każ inkwistjoni, ta' estensjoni ta' ftehimiet) ma wasslu għall-konklużjoni li l-miżuri implimentati mill-organizzazzjoni interprofessjonali kienu attribwibbli għall-Istat. Jekk l-involviment tal-Istat f'sistemi parafiskali ta' finanzjament kienx iwassal biex il-vantaġġi jiġu attribwiti lill-Istat bħala “għajnuna mill-Istat” kien jiddependi miċ-ċirkustanzi fil-każ individwali u fuq valutazzjoni globali li ssir fuq dik il-bażi. L-aspetti li kienu rilevanti biex jiġi eżaminat jekk kinitx teżisti għajnuna mill-Istat, kif żviluppati mill-każistika, kienu dawn li ġejjin:

    Min kien jiddeċiedi dwar il-ġbir u l-użu tal-fondi?

    Jekk din kienet organizzazzjoni privata, b'liema mod l-Istat influwenza din id-deċiżjoni?

    Minn liema riżorsi ġew iffinanzjati l-pagamenti?

    X'tip ta' miżuri ġew iffinanzjati?

    Mingħand min inġabru r-riżorsi?

    Min kien responsabbli għat-tnedija tal-miżura?

    (80)

    Permezz tar-rappreżentanti legali tagħha, l-LVN kienet eżaminat is-sitwazzjoni legali f'Länder Ġermaniżi oħrajn u kienet waslet għall-konklużjoni li l-indikaturi għall-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat żviluppati mill-każistika ma kinux issodisfati, li kien ifisser li l-MFG inġenerali ma setgħetx titqies li tinkludi element ta' għajnuna.

    (81)

    Skont l-LVN, kienu l-assoċjazzjonijiet tal-Land li ddeċidew li jiġbru l-imposta mill-imħaleb. Taħt l-ewwel sentenza tat-Taqsima 22(1) tal-MFG, l-imposta setgħet tinġabar biss f'konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-Land. Taħt it-tieni sentenza tat-Taqsima 22(1) tal-MFG, kwalunkwe żieda fl-imposta kellha tintalab mill-assoċjazzjoni tal-Land.

    (82)

    L-arranġamenti dettaljati u l-ammont tal-imposta kienu rregolati fis-Sassonja ta' Isfel u f'Thuringia minn Regolament dwar il-Ġbir ta' Imposta [Umlageerhebungsverordnung (UmlErhVO)] li kien inħareġ “f'konsultazzjoni” mal-assoċjazzjoni tal-Land rilevanti.

    (83)

    L-assoċjazzjoni tal-Land inkwistjoni kienet tiddetermina wkoll kif kellu jintuża d-dħul mill-imposta, li kellu jiġi amministrat b'mod separat (ara l-ewwel sentenza tat-Taqsima 22(3) tal-MFG). Għal din ir-raġuni, f'ċerti każijiet kien saħansitra jitħallas f'kont li jappartjeni għall-assoċjazzjoni tal-Land (ara, pereżempju, it-Taqsima 3(1) tar-Regolament dwar il-Ġbir ta' Imposta f'Thuringia). L-assoċjazzjonijiet tal-Land b'hekk fasslu proposta taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess fil-qasam ta' kif id-dħul għandu jintuża. F'Thuringia, pereżempju, dan seħħ fuq il-bażi ta' applikazzjonijiet sottomessi lill-assoċjazzjoni lokali tal-Land, il-Landesvereinigung Thüringer Milch (LVTM), mill-membri tagħha (ara l-punt 6.3 tal-Linji Gwida ta' Ħidma ta' Thuringia [Thüringer Arbeitsrichtlinie]).

    (84)

    Għalkemm il-proposti dwar l-użu tar-riżorsi mfassla mill-assoċjazzjonijiet tal-Land kienu “promulgati” (għas-Sassonja ta' Isfel, ara l-punt 6.2 tal-Linji Gwida dwar il-Pagamenti [Zuwendungsrichtlinie], u għal Thuringia, ara t-Taqsima 4 tal-Ordni tal-Ġbir tal-Imposti ta' Thuringia) jew “approvati” (bħal fir-Renju tat-Tramuntana-Westphalia u l-Bavarja) minn korp tal-Istat, dan ma kienx ifisser li l-Istat eżerċita xi influwenza sinifikanti peress li l-unika bażi għas-“sorveljanza” mill-Istat kienet dik stipulata mit-Taqsima 22(2) tal-MFG. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma taw l-ebda setgħa akbar lill-korpi tal-Istat li jidderieġu jew jinfluwenzaw l-amministrazzjoni tal-fondi milli f'Doux Elevage  (25).

    (85)

    Barra minn hekk, id-dħul mill-imposta kien tabilħaqq użat fil-Länder kollha skont il-proposti mressqa mill-assoċjazzjonijiet tal-Land. Dan fih innifsu kien prova biżżejjed — irrispettivament mill-arranġamenti legali speċifiċi applikabbli — li d-dħul inkwistjoni ma kienx imputabbli lill-Istat (26).

    (86)

    Skont l-LVN, kull waħda mill-assoċjazzjonijiet tal-Land kellha l-istatus ta' korp pubbliku. L-istatuti tagħhom kienu jagħmluha ċara li kienu jikkunsidraw lilhom infushom li jirrappreżentaw l-interessi tal-membri tagħhom, li kienu ġejjin biss mill-industrija tal-ħalib (inklużi r-rappreżentanti tal-konsumaturi).

    (87)

    Fit-Taqsima 14 tal-MFG, l-assoċjazzjonijiet tal-Land kienu deskritti bħala organizzazzjonijiet “volontarji” magħmulin minn negozji u konsumaturi involuti fl-industrija tal-ħalib li l-għan tagħhom kien li jiżguraw ir-rappreżentanza konġunta tal-interessi ekonomiċi tal-membri tagħhom.

    (88)

    L-assoċjazzjonijiet tal-Land kienu jvarjaw mill-Hoofdbedrijfschap Ambachte, l-assoċjazzjoni kummerċjali tal-ottiċi fdata bil-ġbir u l-allokazzjoni ta' imposta obbligatorja għal miżuri ta' reklamar, li kienet il-kwistjoni fil-każ Pearle. Għalkemm din l-assoċjazzjoni kummerċjali kellha l-istatus ta' korp pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li ma kinitx teżisti għajnuna mill-Istat peress li l-miżuri ta' reklamar ma kinux iffinanzjati minn riżorsi magħmulin disponibbli għall-korpi tal-Istat iżda pjuttost minn imposti miġburin minn impriżi li joperaw fis-settur (27).

    (89)

    L-assoċjazzjonijiet tal-Land, bħala l-korpi kompetenti għall-ġbir u l-allokazzjoni tal-imposta fuq il-ħalib, kienu differenti wkoll mill-kumitati agrikoli fil-każ Plans de Campagne, li ma kinux involuti fid-definizzjoni tal-miżuri inkwistjoni u ma kellhom l-ebda diskrezzjoni fl-applikazzjoni tagħhom (28).

    (90)

    L-assoċjazzjonijiet tal-Land ma kinux statali u kienu kompletament korpi privati li jiddeterminaw l-ammont u l-allokazzjoni tal-imposta fuq il-ħalib bħala tali b'responsabbiltà tagħhom stess.

    (91)

    Barra minn hekk, il-benefiċċju li kienet tgawdi minnu l-industrija tal-ħalib ma kienx qed jittieħed mit-Teżor peress li l-imposta fuq il-ħalib inġabret mingħand operaturi li jappartjenu għall-industrija tal-ħalib, jiġifieri l-“vantaġġ” selettiv kien ikkumpensat b'piż selettiv. Dan minnu nnifsu kien biżżejjed biex jeskludi kwalunkwe trattament preferenzjali jew distorsjoni tal-kompetizzjoni peress li l-“vantaġġi” li gawdew l-imħaleb u l-produtturi tal-ħalib kienu kkumpensati bil-ħlas tal-imposta.

    (92)

    Fil-każ Vent de Colère, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet sabet li sistema ta' taxxi kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat peress li — wara bidla fil-liġi — il-piż ma baqax biss ikkumpensat minn taxxi mħallsa minn membri tas-settur ekonomiku inkwistjoni (tal-enerġija) iżda minn taxxi mħallsa mill-konsumaturi aħħarin tal-elettriku residenti fit-territorju nazzjonali (29).

    (93)

    L-LVN ikkunsidrat ukoll li ma teżistix għajnuna mill-Istat meta tkun relatata ma' “operazzjonijiet kollettivi” implimentati fl-interessi ta' settur speċifiku u ffinanzjati fuq il-bażi ta' kontribuzzjonijiet miġburin minn membri ta' dak is-settur.

    (94)

    Il-miżuri kkontestati kienu maħsuba biss biex jippromwovu l-ħalib bħala prodott u b'hekk l-interess kollettiv tal-industrija tal-ħalib. Il-miżuri inkwistjoni kienu jħarsu wkoll parzjalment l-interessi tal-konsumaturi peress li ż-żewġ għanijiet ma setgħux ikunu separati minn xulxin minħabba li kien hemm sovrappożizzjoni ta' interessi.

    (95)

    Ir-rwol tal-Istat kien limitat għal li jagħmel mekkaniżmu ta' kumpens statutorju disponibbli għas-settur tal-ħalib permezz tal-MFG li — min-natura tiegħu — kien jiggarantixxi li l-membri tal-industrija tal-ħalib li kienu jibbenefikaw mill-miżuri implimentati favur il-ħalib kienu dawk stess li jikkontribwixxu għall-ispejjeż. Bħal fil-każijiet Pearle, Doux Elevages u VaľHor, l-Istat b'hekk iffunzjona biss bħala faċilitatur li jippermetti li l-mekkaniżmu ta' kumpens li kien inħoloq mis-settur privat isir obbligatorju u b'hekk jiżgura qsim ġust ta' piżijiet (30).

    (96)

    L-imposta kienet tnediet mill-assoċjazzjonijiet tal-Land u għalhekk mis-settur privat. L-imposta għaldaqstant inġabret skont it-Taqsima 22 tal-MFG biss f“konsultazzjoni” mal-assoċjazzjonijiet tal-Land. L-assoċjazzjonijiet tal-Land infushom lanqas ma kienu prodott ta' azzjoni tal-Istat iżda pjuttost organizzazzjonijiet “volontarji” magħmulin minn membri tal-industrija tal-ħalib (it-Taqsima 14 tal-MFG). Is-sitwazzjoni f'Thuringia, fejn l-assoċjazzjoni tal-Land ma kinitx rikonoxxuta sal-1999, kienet iddokumentata b'mod ċar f'dan ir-rigward. Fuq talba tal-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa ta' Thuringia, il-Ministeru kompetenti “ta bidu għall-passi amministrattivi formali” biex tinġabar l-imposta mill-imħaleb u miċ-ċentri tal-ġbir tal-ħalib. Dan għamilha sfaċċatament ċar li l-imposta fuq il-ħalib kienet mekkaniżmu ta' kumpens purament privat, bl-Istat jaġixxi biss bħala faċilitatur sabiex jagħmel il-pagament tal-imposta obbligatorju (31).

    (97)

    Fis-sommarju tagħha, l-LVN enfasizzat dak li hija kkunsidrat kienu s-similaritajiet u d-differenzi bejn id-diversi każijiet legali fuq naħa u l-MFG fuq naħa oħra.

    (98)

    Fil-każ VaľHor Deċiżjoni 2014/416/UE (riżultat: ebda għajnuna), bħal fil-każ tal-imposta fuq il-ħalib, il-fondi nġabru u kienu allokati essenzjalment minn organizzazzjoni interprofessjonali privata u volontarja rikonoxxuta mill-Istat, il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-operaturi fil-qasam intużaw biex jiffinanzjaw operazzjonijiet kollettivi għall-benefiċċju tal-qasam, il-possibbiltà pprovduta mil-liġi ta' rikonoxximent mill-Istat tal-organizzazzjoni interprofessjonali privata fiha nfisha ma wasslitx għas-suppożizzjoni ta' kontroll pubbliku, l-Istat ma setax fil-fatt juża l-fondi sabiex jappoġġja ċerti negozji, u l-organizzazzjoni interprofessjonali ddeċidiet waħedha kif kellhom jintużaw il-fondi.

    (99)

    Fil-każ Vent de Colère (C-262/12) (riżultat: għajnuna), għall-kuntrarju tal-imposta fuq il-ħalib, l-ammont tat-taxxa inkwistjoni ġie stabbilit unilateralment permezz ta' digriet ministerjali mingħajr l-involviment ta' partijiet privati, kien hemm garanzija mill-Istat, il-fondi kienu ġestiti minn korp pubbliku u ġie stabbilit mekkaniżmu ta' penali mill-Istat.

    (100)

    Fil-każ Doux Elevage (C-677/2011) (riżultat: ebda għajnuna), bħal fil-każ tal-imposta fuq il-ħalib, il-fondi nġabru u kienu allokati essenzjalment minn organizzazzjoni interprofessjonali privata u volontarja rikonoxxuta mill-Istat, il-possibbiltà pprovduta mil-liġi ta' rikonoxximent mill-Istat tal-organizzazzjoni interprofessjonali privata fiha nfisha ma wasslitx għas-suppożizzjoni ta' kontroll pubbliku, il-fondi ġew kollha minn kontribuzzjonijiet miġburin mingħand operaturi ekonomiċi, l-Istat ma setax fil-fatt juża l-fondi biex jappoġġja ċerti negozji, u l-organizzazzjoni interprofessjonali ddeċidiet waħedha kif kellhom jintużaw il-fondi.

    (101)

    Fil-każ Plans de Campagne (T-139/09) (riżultat: għajnuna), għall-kuntrarju tal-imposta fuq il-ħalib, awtorità ddeċidiet il-livell tal-kontribuzzjonijiet, id-dħul mill-kontribuzzjonijiet kompla jiżdied b'riżorsi tal-Istat, il-miżuri kienu definiti mill-Istat (timbru tal-kontrollur finanzjarju tal-Istat, eċċ.) mingħajr l-involviment min-naħa tal-kumitati tal-qasam, dawn tal-aħħar ma kellhom ebda diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-miżuri, u rappreżentant tal-Ministru ħa sehem fil-laqgħat tal-kumitati.

    (102)

    Fil-każ Pearle (C-345/02) (riżultat: ebda għajnuna), bħal fil-każ tal-imposta fuq il-ħalib, il-fondi ntużaw biss għall-finijiet tal-qasam inkwistjoni, assoċjazzjoni ta' qasam speċifiku kienet talbet lil korp pubbliku jiġbor kontribuzzjonijiet sabiex timplimenta ċerti miżuri għall-benefiċċju ta' dak il-qasam, u, għall-kuntrarju tal-każ tal-imposta fuq il-ħalib, assoċjazzjoni pubbliku u mhux privata kellha rwol importanti fil-ġbir u l-allokazzjoni tal-imposta obbligatorja, bir-riżultat li Pearle dehret aktar problematika mill-imposta fuq il-ħalib.

    Is-sottomissjoni tal-Ġermanja tat-3 ta' Diċembru 2014

    (103)

    Il-Ġermanja inizjalment ma weġbitx għall-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati fi Frar 2014. Il-Ġermanja wieġbet għal opinjoni addizzjonali tal-LVN datata t-8 ta' Lulju 2014 permezz ta' ittra datata t-3 ta' Diċembru 2014, kif ġej:

    (104)

    Fil-kummenti tagħhom fil-proċedura formali ta' investigazzjoni dwar l-imposta fuq il-ħalib pprovduta fl-MFG, il-Länder Ġermaniżi inkwistjoni kienu ffukaw fuq żewġ aspetti: il-konsistenza tal-miżuri implimentati mar-rekwiżiti materjali tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (b'mod partikolari rigward il-kompatibbiltà tagħhom mar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni tal-Agrikoltura u l-linji gwida attwali dwar l-agrikoltura), u l-kwistjoni dwar jekk kienx hemm xi “vantaġġ” rilevanti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (105)

    Il-kummenti tal-LVN tat-8 ta' Lulju 2014 u l-prattika deċiżjonali attwali tal-Qrati Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea ħolqu l-ħtieġa ta' kummenti oħrajn ta' natura fundamentali dwar jekk kinitx tabilħaqq teżisti għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, u b'mod partikolari jekk l-element kostitwenti ta' għajnuna mogħtija “permezz ta' riżorsi tal-Istat” kienx japplika.

    (106)

    Il-kummenti tal-LVN tat-8 ta' Lulju 2014 u eżami tas-Sentenzi msemmija hawn fuq tal-inqas ħolqu dubji dwar jekk l-element ta' għajnuna mogħtija “permezz ta' riżorsi tal-Istat” kienx japplika f'dan il-każ u jekk, allura, il-ġbir u l-allokazzjoni tal-imposta fuq il-ħalib kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Ir-raġunijiet għal dan kienu kif ġej:

    (107)

    Kif kien irriżulta mill-każijiet Val'Hor (Deċiżjoni 2014/416/UE) u Doux Élevage (C-677/11), il-miżuri ffinanzjati u implimentati minn organizzazzjonijiet interprofessjonali privati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. L-assoċjazzjonijiet tal-Land għall-ħalib li kienu jeżistu fil-Länder individwali kienu organizzazzjonijiet li setgħu jitqiesu simili għall-organizzazzjonijiet imsemmija f'Val'Hor u Doux Élevage. Il-korpi statali qatt ma kienu membri ta' dawn l-assoċjazzjonijiet tal-Land. Huma ħadu sehem fil-laqgħat mingħajr ebda dritt ta' vot u b'hekk kienu essenzjalment mistiedna esterni. L-involviment ta' korpi statali fl-implimentazzjoni tal-imposta fuq il-ħalib jew fil-monitoraġġ tal-konformità mal-kundizzjonijiet legali stipulati fl-MFG ma kienx jibdel il-fatt li l-assoċjazzjonijiet tal-Land kienu l-korp kompetenti li jagħżel il-proġetti.

    (108)

    Fir-realtà, kienu l-assoċjazzjonijiet rispettivi tal-Land li kienu jġestixxu d-dħul mill-imposta u jiddeterminaw kif għandu jiġi allokat. L-ebda influwenza mill-Istat bħala riżultat tal-“monitoraġġ” jew l-“adozzjoni” tal-proposti tal-assoċjazzjoni tal-Land minn korpi tal-Istat ma kienet teżisti fir-realtà peress li dawn tal-aħħar kienu jaħdmu biss kif ipprovdut fit-Taqsima 22(2) tal-MFG u fittxew li jeżaminaw jekk ir-rekwiżiti statutorji tat-Taqsima 22 tal-MFG kinux qegħdin jiġu ssodisfati. Ir-riżorsi tal-imposta ntużaw skont il-proposti li l-assoċjazzjonijiet tal-Land infushom għamlu dwar l-allokazzjoni tagħhom, fatt li, skont is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2002 fil-każ Stardust Marine (C-482/99), kien jindika b'mod ċar li ma kinux riżorsi tal-Istat.

    (109)

    L-assoċjazzjonijiet tal-Land kienu purament organizzazzjonijiet privati. Dan il-fatt, flimkien mal-osservazzjoni li l-assoċjazzjonijiet tal-Land kienu jġestixxu l-imposta tal-ħalib u kif kienet tintuża, kien indikazzjoni ċara li l-imposta tal-ħalib ma kellhiex, skont il-każistika msemmija hawn fuq, tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

    (110)

    L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat kompliet tkun ikkonfutata mill-fatt li r-riżorsi tal-imposta fuq il-ħalib kienu purament riżorsi privati. Kienu riżorsi li ġejjin mill-assi tal-impriżi privati li kienu meħtieġa jħallsu l-imposta. Fil-każ tal-imposta fuq il-ħalib, ma kien hemm ebda finanzjament jew garanzija mill-Istat, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fil-Każijiet C-262/12 (Vent de Colère) u T-139/09 (Plans de Campagne), fejn instab li l-għajnuna mill-Istat kienet teżisti proprju minħabba din ir-raġuni.

    (111)

    Barra minn hekk, l-imposta fuq il-ħalib kienet miżura kollettiva u mifruxa mal-industrija kollha li, skont is-sitwazzjoni legali attwali kif stabbilita fil-każijiet Val'Hor (Deċiżjoni 2014/416/UE) u Doux Élevage (C-677/11), kienet taħdem kontra l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat.

    (112)

    Kien ukoll dubjuż jekk ingħatax xi vantaġġ permezz tal-iskema, xi ħaġa li jkollha tagħmel kieku wieħed kellu jassumi li tikkostitwixxi għajnuna. Dan għaliex il-vantaġġi li bbenefikaw minnhom l-imħaleb u l-produtturi tal-ħalib kienu kkanċellati kollha jew “newtralizzati” mill-imposti mħallsa mill-imħaleb u għalhekk b'mod indirett mill-produtturi tal-ħalib. Dan kien ikkonfermat ukoll mis-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2013 fil-każ Vent de Colère, fejn ukoll tqies li kienet teżisti għajnuna mill-Istat peress li l-ispejjeż ma baqgħux jitħallsu biss mill-operaturi fil-qasam iżda mill-konsumaturi domestiċi kollha tal-elettriku.

    (113)

    Irriżulta, minn dawn il-punti, li xi wħud minnhom kienu ħarġu minn analiżi tal-iskema tal-imposta fuq il-ħalib u mill-fatt li l-Länder Ġermaniżi inkwistjoni kienu qegħdin iżommu l-pożizzjoni attwali tagħhom, li kien hemm dubji dwar jekk is-sistema tal-imposta fuq il-ħalib kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Din il-mistoqsija, u b'mod partikolari jekk kienx jeżisti l-element ta' “riżorsi tal-Istat”, kellha tweġibha l-Kummissjoni Ewropea.

    3.   VALUTAZZJONI

    L-eżistenza ta' għajnuna

    (114)

    L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jistipula li kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, hija inkompatibbli mas-suq intern.

    Għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat

    (115)

    Jeħtieġ li jiġi eżaminat fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli u, b'mod partikolari, tal-kummenti magħmula mill-partijiet interessati u mill-awtoritajiet Ġermaniżi, jekk ir-riżorsi tal-imposta fuq il-ħalib jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (116)

    Skont il-każistika stabbilita, mhuwiex xieraq li ssir distinzjoni bejn każijiet fejn l-għajnuna tingħata direttament mill-Istat u dawk fejn tingħata minn korp pubbliku jew privat maħtur jew stabbilit minn dak l-Istat (32). Madankollu, biex il-vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, huma jridu, l-ewwel nett, jingħataw b'mod dirett jew indirett permezz ta' riżorsi tal-Istat u, it-tieni, ikunu attribwibbli lill-Istat (33).

    (117)

    Fir-rigward tal-miżuri deskritti aktar 'il fuq fit-Taqsima 2 ta' din id-Deċiżjoni, jidher li l-għajnuna ngħatat abbażi ta' dispożizzjonijiet legali tal-Länder Ġermaniżi, li l-qafas legali tagħhom huwa l-MFG.

    (118)

    B'mod speċifiku, l-ewwel sentenza tat-Taqsima 22(1) tal-MFG tipprovdi li l-Gvernijiet tal-Land, li jaġixxu f'konsultazzjoni mal-assoċjazzjoni jew l-organizzazzjonijiet professjonali tal-Land, jistgħu jiġbru imposti li jammontaw sa 0,1 ċenteżmi għal kull kilogramma ta' ħalib ikkonsenjat b'mod konġunt mill-imħaleb, iċ-ċentri ta' ġbir tal-ħalib u l-produtturi tal-kremi. Taħt it-tieni sentenza tat-Taqsima 22(1) tal-MFG, il-Gvernijiet tal-Land jistgħu, jekk ikunu mitluba jagħmlu dan mill-assoċjazzjoni jew l-organizzazzjonijiet professjonali tal-Land, jiġbru imposti konġunti sa 0,2 ċenteżmi għal kull kilogramma ta' ħalib ikkonsenjat jekk l-imposti pprovduti taħt l-ewwel sentenza ma jkunux suffiċjenti għat-twettiq tal-kompiti.

    (119)

    Il-Gvernijiet tal-Land jiġbru l-imposta fuq il-ħalib b'konsultazzjoni mal-assoċjazzjoni tal-Land inkwistjoni. Madankollu, il-“konsultazzjoni” hija forma konsiderevolment aktar dgħajfa ta' parteċipazzjoni minn “ftehim”. Filwaqt li “ftehim” ifisser li korp ieħor (eż. korp leġiżlattiv jew awtorità leġiżlattiva) irid bilfors jagħti l-kunsens tiegħu qabel jiġi adottat (legalment) att legali, deċiżjoni li trid tiġi adottata f“konsultazzjoni” ma' korp ieħor mhux bilfors, għall-kuntrarju, tiddependi fuq il-kunsens ta' dak il-korp l-ieħor. Din id-distinzjoni bejn forom differenti ta' parteċipazzjoni ssir f'ċerti oqsma tal-liġi amministrattiva Ġermaniża (34): Minħabba li l-ewwel sentenza tat-Taqsima 22(1) tal-MFG tipprovdi għall-forma ta' parteċipazzjoni ta' “konsultazzjoni”, is-setgħa li tinġabar l-imposta u d-deċiżjoni li jsir dan hija f'idejn il-Gvernijiet tal-Land (35). Għall-kuntrarju, il-Landesvereinigungen jissejħu biss għat-tħejjija u l-implimentazzjoni teknika tal-miżuri li għandhom jittieħdu skont it-Taqsima 22 (ara t-Taqsima 14(1) tal-MFG) u f'dan ir-rigward huma soġġetti għas-“superviżjoni” tal-ogħla awtoritajiet tal-Land (ara t-Taqsima 14(2) tal-MFG).

    (120)

    Il-bażi legali għall-ġbir ta' imposta fuq il-ħalib fil-Länder individwali Ġermaniżi hija pprovduta minn regolament tal-Land korrispondenti dwar l-arranġamenti dettaljati għall-ġbir tal-imposta, inkluż l-ammont tal-imposta (36). Għaldaqstant huwa l-Istat (irrappreżentat mill-Gvern rispettiv tal-Land) li jirregola l-ġbir tal-imposta. Kif spjegat fil-premessa preċedenti 119, dan ma jinbidilx mill-fatt li r-regolamenti inkwistjoni jinħarġu f'konsultazzjoni mal-assoċjazzjoni rispettiva tal-Land li tirrappreżenta lill-industrija tal-ħalib.

    (121)

    F'dan il-każ, l-imposta qiegħda tinġabar mingħand impriżi privati. Id-dħul minn din l-imposta jakkumula fil-baġit tal-Land rispettiv qabel ma jintuża għall-iffinanzjar tad-diversi miżuri ta' appoġġ u, taħt l-ewwel sentenza tat-Taqsima 22(3) tal-MFG, irid ikun ġestit b'mod separat fih. Taħt it-Taqsima 23 tal-ordinanzi baġitarji rispettivi (ara l-premessa 25), l-approprjazzjonijiet tan-nefqa u ta' impenn għall-pagamenti lil korpi barra l-amministrazzjoni tal-Land biex jissodisfaw għanijiet (sussidji) speċifiċi jistgħu jkunu magħmula disponibbli biss jekk il-Land ikollu interess konsiderevoli fil-korpi inkwistjoni li jwettqu għan partikolari li ma jistax jitwettaq, jew li mhux imwettaq biżżejjed, mingħajr sussidji. Dan ir-rekwiżit jimplika l-interess tal-Istat fil-miżuri implimentati.

    (122)

    Bi tweġiba għall-argumenti ppreżentati mill-partijiet interessati u mill-Ġermanja, il-Kummissjoni ssib dan li ġej:

    (123)

    L-affermazzjoni mill-MPBW li l-iskema tal-imposta fuq il-ħalib mhijiex assoċjata ma' xi spiża għat-Teżor f'Baden-Württemberg (il-premessi 60 sa 63) hija kontradetta l-ewwel mill-fatt li d-dħul mill-imposta fuq il-ħalib jiddaħħal taħt subintestatura speċifika fil-baġit (il-premessa 61). Ġeneralment huwa l-każ li anki jekk ir-riżorsi użati għal sussidju jkunu ġejjin minn taxxa (imposta) (speċifika) imħallsa minn partijiet privati, wieħed għandu jassumi li hemm spiża għat-Teżor u li għalhekk qegħdin jintużaw riżorsi tal-Istat jekk dawk ir-riżorsi jakkumulaw l-ewwel fil-baġit. F'dan ir-rigward, hemm differenza konsiderevoli mill-Każ PreussenElektra iċċitat mill-MPBW, li kien jirrigwarda sistema ta' prezzijiet minimi, fejn il-mezzi finanzjarji qatt ma daħlu fil-baġit tal-Istat jew l-Istat kellu xi kontroll fuqhom f'xi forma oħra (u anki fil-forma ta' attribuzzjoni lil partijiet terzi). Għaldaqstant, l-użu ta' riżorsi tal-Istat kien eskluż f'dak il-każ (37).

    (124)

    Barra minn hekk, wieħed ma jistax jikkonkludi mis-sempliċi ċirkustanza li MPBW ma rċeviet l-ebda pagament mit-taxxa jew dħul ieħor tal-Istat biex tagħmel it-testijiet tal-kwalità tal-ħalib li l-pagamenti inkwistjoni ma kinux riżorsi tal-Istat. Skont il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni f'dan il-qasam, il-miżuri ffinanzjati biss minn riżorsi parafiskali jitqiesu li huma għajnuna fit-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (38).

    (125)

    Rigward l-affermazzjoni tal-LVN li huma l-assoċjazzjonijiet tal-Land li effettivament jiddeċiedu li jiġbru l-imposta mingħand l-imħaleb (il-premessi82 sa 86 u 91), il-Kummissjoni tqis li huwa l-Gvern Federali li, fuq il-bażi tat-Taqsima 22(1) tal-MFG, ta s-setgħa lill-Gvernijiet tal-Land li jiġbru imposta fuq il-ħalib. Dik id-dispożizzjoni tistipula, inter alia, li l-imposta fuq il-ħalib tista' normalment tammonta għal 0,1 ċenteżmi għal kull kilogramma u li l-Gvern tal-Land jista' jżid l-imposta għal 0,2 ċenteżmi għal kull kilogramma jekk jintalab jagħmel dan mill-assoċjazzjoni tal-Land jew b'mod konġunt mill-organizzazzjonijiet professjonali.

    (126)

    Barra minn hekk, il-punti 1 sa 6 tat-Taqsima 22(2) tal-MFG jistipulaw l-għanijiet li għalihom ir-riżorsi tal-imposta fuq il-ħalib jistgħu jintużaw.

    (127)

    Taħt it-tielet sentenza tat-Taqsima 22(3) tal-MFG, l-assoċjazzjoni tal-Land jew l-assoċjazzjonijiet professjonali jridu biss jiġu kkonsultati qabel jintużaw ir-riżorsi.

    (128)

    Dan juri li, għalkemm l-Istat (fil-livell Federali) jagħti lill-assoċjazzjonijiet tal-Land ċerti drittijiet ta' parteċipazzjoni, madankollu huwa stabbilixxa qafas legali ċar fejn il-gvernijiet tal-Land rispettivi (jew fil-każ ta' delegazzjoni l-oberste Landesbehörden) jiddeċiedu dwar ir-rati li għandhom ikunu applikati fir-rigward tal-imposta fuq il-ħalib u kif ir-riżorsi għandhom jintużaw. Ma jkunx possibbli, pereżempju, li r-rata tal-imposta tiżdied għal aktar minn 0,2 ċenteżmi għal kull kilogramma kieku l-assoċjazzjonijiet tal-Land kellhom jitolbu dan jew li r-riżorsi jintużaw għal skopijiet oħra minbarra dawk stipulati fil-punti 1 sa 6 tat-Taqsima 22(2) tal-MFG. Barra minn hekk, id-dmir tal-konsultazzjoni fir-rigward tal-użu tar-riżorsi (it-tielet paragrafu tat-tielet sentenza tat-Taqsima 22(3) tal-MFG) bl-ebda mod ma jeħtieġ li l-opinjoni ta' dawk ikkonsultati tiġi segwita. Id-deċiżjoni finali dwar kif jintużaw ir-riżorsi hija f'idejn l-awtoritajiet tal-Land rispettivi, jiġifieri, f'idejn l-Istat.

    (129)

    Dan jiddistingwi dan il-każ b'mod konsiderevoli mill-Każ Doux Elevage iċċitat mil-LVN. Il-ġbir ta' imposta fuq il-ħalib u l-allokazzjoni tar-riżorsi korrispondenti huma rregolati mill-Istat f'żewġ livelli, jiġifieri dak Federali u dak tal-Land. Fil-Ġermanja, il-leġiżlatur mhux biss ta lill-Gvernijiet tal-Land is-setgħa li jiġbru l-imposta iżda wkoll illimita l-marġni disponibbli ta' kif jintużaw ir-riżorsi ġġenerati mill-imposti skont il-liġi Federali fil-livell tal-Land. L-assoċjazzjonijiet tal-Land ma jistgħux jippruvaw jemendaw l-għanijiet li jistgħu jkunu promossi kif stipulat fil-punti 1 sa 6 tat-Taqsima 22(2) tal-MFG, pereżempju billi jressqu talba għal dak l-għan. Restrizzjoni mill-Istat ta' dan it-tip ma kinitx tifforma parti mill-fatti li fuqhom kienu bbażati l-Każijiet Val'Hor u Doux Elevage.

    (130)

    Barra minn hekk, l-MFG ma tistax tinftiehem biss bħala mezz ta' infurzar ta' interessi purament ekonomiċi ta' organizzazzjoni interprofessjonali. It-Taqsima 14 tal-MFG tistipula, pereżempju, li, jekk jixtiequ jipparteċipaw, l-organizzazzjonijiet professjonali li jaġixxu għall-agrikoltura, l-imħaleb u l-kummerċ tal-prodotti tal-ħalib għandhom ikunu rrappreżentati fiha, filwaqt li għandha tiġi żgurata wkoll rappreżentanza xierqa tal-konsumaturi fil-korpi tal-assoċjazzjoni. B'dawn ir-rekwiżiti rigward il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza, il-leġiżlatur (u għalhekk l-Istat) jiżgura li meta jkun qed isegwi l-għanijiet ta' natura pubblika kif imsemmi fl-MFG l-interessi kollha jkunu rrappreżentati bl-aktar mod wiesa', u b'hekk imur lil hinn mis-sempliċi promozzjoni ta' settur ekonomiku.

    (131)

    Għall-kuntrarju tal-Każ Doux Elevage, l-għanijiet ta' promozzjoni stabbiliti fl-MFG mhumiex għanijiet li l-organizzazzjonijiet interprofessjonali stabbilixxew u introduċew huma stess (39). L-għanijiet 1 (intejbu u nżommu l-kwalità fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet maħruġin taħt it-Taqsima 10 ta' dan l-Att jew it-Taqsima 37 tal-Milchgesetz [L-Att dwar il-Ħalib] tal-31 ta' Lulju 1930 (Il-Gazzetta tal-Liġi tar-Reich I, p. 421) u 2 (“intejbu l-iġjene waqt it-taħlib u l-kunsinna, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib”) stabbiliti fit-Taqsima 22(2) tal-MFG b'mod partikolari juru karatteristiċi li — għall-kuntrarju tal-Każ Doux Elevage (40) — jiffurmaw parti minn politika ddeterminata mill-awtoritajiet tal-Istat u jirreferu għal kompiti li jaqgħu taħt l-Istat, li skont it-Taqsima 14(3) tal-MFG ma għandhomx a priori jingħataw lill-assoċjazzjonijiet tal-Land.

    (132)

    Ukoll għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni f'Doux Elevage, l-assoċjazzjonijiet tal-Land ma għandhomx għalfejn isegwu l-proċess ġudizzjarju ċivili jew kummerċjali normali sabiex jiġbru l-imposti fuq il-ħalib f'każ ta' nuqqas ta' pagament (41). Dan għaliex it-Taqsima 23(2) tal-MFG tistipula li l-imposti huma rkuprabbli skont l-Abgabenordnung (Kodiċi Ġenerali dwar it-Taxxa) u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu. Fir-regolamenti rispettivi tagħhom dwar il-ġbir tal-imposta fuq il-ħalib, il-Länder inkwistjoni pprovdew bl-istess mod għall-irkupru skont l-Abgabenordnung u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu (42). Taħt is-sistema legali Ġermaniża, l-Abgabenordnung huwa meqjus li jifforma parti mil-liġi pubblika. Fil-Ġermanja, id-djun pubbliċi huma infurzati permezz ta' mezzi amministrattivi, filwaqt li taħt il-liġi ċivili dawn huma infurzati permezz tal-qrati. Il-mezzi amministrattivi, meta mqabbla mal-proċeduri fil-Qorti, huma l-aktar mezz effettiv ta' infurzar, peress li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiksbu titolu eżekutorju għalihom infushom billi joħorġu att amministrattiv (43), li fil-każ tad-djun taħt il-liġi ċivili jridu jiġu kkontestati fil-Qorti (44). Dan jindika li l-Istat huwa interessat fil-ġbir effettiv u komplut (u, fejn xieraq, l-irkupru) ta' ħlasijiet pendenti ta' imposti safejn huwa l-aktar possibbli, inkluż sabiex jiggarantixxi li l-għanijiet tal-Istat iffinanzjati b'riżorsi ta' imposti jitwettqu f'waqthom.

    (133)

    B'hekk, l-argumenti msemmija hawn fuq jikkonfutaw l-affermazzjoni tal-LVN li r-riżorsi tal-imposti fuq il-ħalib mhumiex riżorsi tal-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (134)

    Għaldaqstant, id-dħul mill-imposta inkwistjoni għandu jitqies li huma taħt il-kontroll tal-Istat (45) u l-miżuri ffinanzjati minnhom ingħataw permezz ta' riżorsi tal-Istat u huma attribwibbli lill-Istat.

    (135)

    Dan jgħodd aktar u aktar fir-rigward tar-riżorsi tal-baġit ġenerali użati fil-Bavarja għall-iffinanzjar tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib inkwistjoni. Dawn ir-riżorsi wkoll jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    Vantaġġ selettiv/Impriżi

    (136)

    Il-benefiċjarji tal-pagamenti ta' riżorsi tal-Istat huma inizjalment l-MPBW u l-MPBY. Huma jwettqu testijiet fil-laboratorju f'isem l-Istat. Madankollu, dawn it-testijiet huma fl-aħħar mill-aħħar għall-benefiċċju tal-imħaleb peress li huwa huma li huma meħtieġa bil-liġi li jittestjaw il-ħalib ikkonsenjat lilhom. It-testijiet tal-laboratorju huma għalhekk servizzi li l-MPBW u l-MPBY jipprovdu għall-imħaleb. L-imħaleb jistgħu għalhekk jitqiesu bħala benefiċjarji ta' għajnuna mogħtija fil-forma ta' benefiċċji in natura. Mhemmx dubju li l-imħaleb huma impriżi fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Kwalunkwe vantaġġ possibbli qed jingħata lil “ċerti impriżi”, peress li hemm ħafna setturi ekonomiċi oħrajn minbarra s-settur tal-ħalib li ma jibbenefikawx mill-miżuri inkwistjoni. Għaldaqstant il-vantaġġ possibbli li qed jingħata huwa selettiv.

    (137)

    Taħt it-Taqsima 1(1) tal-MGV, l-imħaleb, bħala xerrejja kummerċjali tal-ħalib, huma meħtieġa li jittestjaw huma stess il-ħalib kollu kkonsenjat lilhom jew li jittestjah xi ħadd għalihom. Bħal meta jittestjawh huma stess, f'liema każ l-ispejjeż bilfors iridu jġorruhom huma, l-ispejjeż li jinħolqu meta l-ħalib jgħadduh lil xi korp tal-ittestjar għandhom jitqiesu bħala spejjeż operattivi tipiċi li normalment jinġarru mill-impriżi inkwistjoni, jiġifieri, l-imħaleb, bħala l-partijiet meħtieġa li jwettqu l-anliżijiet taħt l-iskema nazzjonali. Il-Kummissjoni għaldaqstant tassumi li l-imħaleb f'Baden-Württemberg qegħdin jingħataw vantaġġ mir-riżorsi tal-imposta fuq il-ħalib u fil-Bavarja mir-riżorsi tal-imposta fuq il-ħalib u mir-riżorsi baġitarji ġenerali minħabba li qegħdin jitħallsu lura l-ispejjeż tat-testijiet tal-laboratorju mir-riżorsi tal-imposta, vantaġġ li, kif spjegat fil-premessa 136, għandu impatt selettiv.

    (138)

    F'dan il-kuntest, wieħed għandu jeżamina wkoll jekk it-testijiet tal-laboratorju mwettqa humiex relatati ma' attivitajiet ekonomiċi.

    (139)

    Il-Ġermanja tiddikjara li bit-twettiq tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib l-aġenziji li jittestjaw il-ħalib qegħdin iwettqu kompiti taħt ir-responsabbiltà tal-Istat, (ara l-premessa 26 aktar 'il fuq). It-testijiet tal-kwalità tal-ħalib fil-fatt isiru fuq il-bażi ta' regoli tal-liġi pubblika, jiġifieri l-MGV. Ir-rekwiżit li jsiru testijiet stipulat fit-Taqsima 1(1) tal-MGV għandu għan pubbliku (jiżgura l-kwalità tal-ħalib) u jista' jiġi infurzat b'mod pubbliku permezz ta' multi taħt il-liġi amministrattiva. Madankollu, wieħed ma jistax jikkonkludi minn dan li l-iffinanzjar tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib permezz ta' imposta mhuwiex relatat mal-attivitajiet ekonomiċi li jwettqu l-impriżi (46). Pjuttost inkwistjoni hemm wieħed mill-ħafna rekwiżiti regolatorji (eż.: is-sigurtà tal-prodott, l-istandards ambjentali, eċċ.) li l-operaturi ekonomiċi (hawnhekk: l-imħaleb) ikollhom jirrispettaw meta jwettqu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. Barra minn hekk, it-testijiet tal-kwalità tal-ħalib ma jikkostitwixxux kwalunkwe attività li tifforma parti mill-kompiti essenzjali tal-Istat fit-tifsira tal-paragrafu 16 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat lill-kumpens mogħti għall-provvediment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (47).

    (140)

    It-Taqsima 1(1) tal-MGV hija l-bażi ta' rekwiżit għall-imħaleb li jwettqu xi testijiet. Dan ir-rekwiżit huwa kkombinat ma' obbligu li jġorru l-ispejjeż tat-testijiet, jiġifieri l-ispejjeż tat-testijiet fil-laboratorju li jintalbu mill-aġenziji tal-ittestjar tal-ħalib (ara l-premessa 137 aktar 'il fuq). Dan jirriżulta b'mod ċar mill-fatt li t-twettiq tat-testijiet huwa prerekwiżit biex l-imħaleb jitħallew ibiegħu l-ħalib li jkun ġie ttestjat. L-impriżi jridu jħallsu huma nfushom l-ispejjeż li jinħolqu biex ibiegħu l-prodotti tagħhom bħall-ispejjeż operattivi tipiċi. Għaldaqstant, f'Länder oħrajn minbarra Baden-Württemberg u l-Bavarja, fejn l-MGV tapplika wkoll, l-ispejjeż tal-imħaleb inkwistjoni ma jitħallsux lura minn riżorsi tal-imposta fuq il-ħalib, jiġifieri ma jiffrankawhomx u jkollhom iħallsuhom. Il-bejgħ mill-imħaleb huwa bla dubju ta' xejn attività ekonomika. Minħabba li l-ispejjeż tal-analiżijiet jitħallsu lura minn riżorsi tal-imposta, l-imħaleb f'Baden-Württemberg u fil-Bavarja huma għalhekk eżenti minn spejjeż li normalment ikollhom iħallsu huma stess fl-eżerċitar tal-attivitajiet ekonomiċi.

    (141)

    Rigward id-dikjarazzjoni tal-Ġermanja li l-liġi Federali mhijiex il-qafas ta' referenza biex tiġi ddeterminata l-kwistjoni ta' min għandu jġorr l-ispejjeż tal-imħaleb u għaldaqstant ma tistax tkun il-bażi għal xi selettività (il-premessi 31 sa 38), ta' min jinnota li r-rekwiżit li jitwettqu t-testijiet u li joħloq l-obbligu li jitħallsu l-ispejjeż tagħhom fl-aħħar mill-aħħar huwa regolat mil-liġi Federali, jiġifieri fit-Taqsima 1(1) tal-MGV.

    (142)

    Kif iddikjarat qabel, it-Taqsima 1(1) tal-MGV teħtieġ li l-imħaleb iwettqu testijiet fuq il-ħalib ikkonsenjat lilhom (ara wkoll il-premessi 139 u 142). L-istess MGV, fit-Taqsima 6, tagħti ċerti setgħat lil-Länder, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda t-teħid ta' kampjuni taħt it-Taqsima 2 tal-MGV. Dawn l-arranġamenti, madankollu, ma għandhomx ikunu inkonsistentimal-bqija tal-MGV (inkluż it-Taqsima 6 tal-MGV).

    (143)

    Fl-istess kuntest, dwar il-kwistjoni tad-demarkazzjoni tas-setgħat bejn l-awtoritajiet Federali u dawk tal-Land, il-Ġermanja rreferiet għat-Taqsima 10(2) tal-MFG (premessa 37). Din id-dispożizzjoni tgħid li l-Gvernijiet tal-Land jistgħu joħorġu regoli diment li l-Ministeru Federali ma jkunx ħareġ regoli huwa stess. Kif indikat hawn fuq, il-Ministeru Federali kompetenti fil-fatt għamel dan permezz tal-MGV. Għalkemm il-Gvernijiet tal-Land huma awtorizzati jiġbru imposti taħt l-ewwel sentenza tat-Taqsima 22(1) tal-MFG, fl-istess ħin l-MFG tillimita l-awtonomija tal-Länder billi tistabbilixxi limiti fuq l-ammont tal-imposta u l-miżuri li jistgħu jkunu appoġġjati taħt it-Taqsimiet 22(2), punti 1-6, tal-MFG.

    (144)

    Rigward il-Każ Il-Portugall vs Il-Kummissjoni  (48) iċċitat mill-Ġermanja f'dan il-kuntest (il-premessi 31 sa 38), il-Kummissjoni tinnota li kien jirrigwarda sistema ta' tassazzjoni differenzjata, li minnu dan il-każ ivarja b'mod sinifikanti. Jekk is-sejbiet f'Il-Portugall vs Il-Kummissjoni kellhom madankollu jiġu applikati għall-fatti ta' dan il-każ, kif qiegħda tipprova tagħmel il-Ġermanja, il-qafas ta' referenza msemmi fil-paragrafu 64 ta' dak il-każ ikun l-obbligu li jitħallsu l-ispejjeż tat-testijiet kif stipulat fit-Taqsima 1(1) tal-MGV. Il-qafas ta' referenza huwa għalhekk regolat fil-livell Federali, jiġifieri mill-“gvern ċentrali” fit-termini użati fil-Każ Il-Portugall vs Il-Kummissjoni. Rifużjoni tal-ispejjeż inkwistjoni minn riżorsi ta' imposta b'hekk twassal, permezz ta' proċess ta' raġunament a contrario fir-rigward tal-paragrafu 64, għall-konklużjoni li vantaġġ selettiv jeżisti tabilħaqq.

    (145)

    Il-Kummissjoni hija wkoll tal-opinjoni li l-eżistenza ta' vantaġġ selettiv ma jistax ikun ikkonfutat billi wieħed jiddikjara li l-imħaleb diġà ħallsu l-valur tat-testijiet imwettqa permezz tal-imposta fuq il-ħalib. Tabilħaqq, il-Kummissjoni tirrifjuta d-dikjarazzjoni tal-Ġermanja u tal-MPBW li l-imposta tikkorrispondi għall-ispiża ekonomika attwali tas-servizzi pprovduti bi tpattija (il-premessa 39). Kif jidher mill-Kapitolu 2.6 tad-Deċiżjoni, hemm varjetà ta' miżuri sekondarji ffinanzjati mill-imposta fuq il-ħalib. Hija fin-natura tal-miżuri sekondarji li l-benefiċċju li kull impriża individwali tieħu minn miżuri sekondarji speċifiċi mhuwiex bilfors ekwivalenti għall-ammonti ta' imposta mħallsin qabel. Barra minn hekk, fil-każ tal-Bavarja, il-miżuri inkwistjoni mhux biss huma ffinanzjati minn riżorsi tal-imposta fuq il-ħalib iżda wkoll minn riżorsi addizzjonali li ġejjin mill-baġit ġenerali li allura jeskludi “kumpens”.

    (146)

    Il-Kummissjoni b'hekk issib li l-imħaleb f'Baden-Württemberg u fil-Bavarja kisbu vantaġġ selettiv minħabba li tħallsu lura l-ispejjeż tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib minn riżorsi ta' imposta.

    Distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (147)

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva ta' impriża permezz tal-għoti ta' għajnuna mill-Istat ġeneralment joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni ma' impriżi oħrajn kompetituri li ma jkunux ibbenefikaw minn din l-għajnuna (49). Għajnuna lil impriża li topera f'suq fejn hemm kummerċ fi ħdan l-Unjoni aktarx li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (50), anki jekk l-impriża li tirċeviha ma tipparteċipax hija stess fil-kummerċ intra-Komunitarju (51). Kien hemm kummerċ intra-UE sostanzjali fi prodotti agrikoli fil-perjodu ta' bejn l-2001 u l-2012. Pereżempju, l-importazzjonijiet intra-Komunitarji lejn u l-esportazzjonijiet mill-Ġermanja ta' prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 0401 tan-Nomenklatura Magħquda (Ħalib u krema, mhux konċentrati u mingħajr iż-żieda ta' zokkor jew ta' xi materjal ieħor biex jagħmel ħelu) (52) kienu jiswew EUR 1,2 biljun u EUR 957 miljun rispettivament fl-2011 (53).

    (148)

    Il-miżuri vvalutati f'din id-Deċiżjoni huma mfassla sabiex jappoġġjaw attivitajiet fis-settur tal-agrikoltura, b'mod partikolari l-attivitajiet tal-imħaleb. Kif deskritt hawn fuq, il-kummerċ fil-prodotti tal-imħaleb jeżisti fi ħdan l-Unjoni. Il-Kummissjoni għaldaqstant hija tal-fehma li l-miżuri inkwistjoni jaffettwaw lill-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (149)

    Fid-dawl tal-livell sostanzjali ta' kummerċ fil-prodotti kummerċjali, wieħed jista' jassumi għalhekk li l-miżuri sekondarji inkwistjoni ħolqu distorsjoni jew heddew li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni u affettwaw lill-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    Għajnuna eżistenti/għajnuna ġdida

    (150)

    Skont l-Artikolu 108(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, is-sistemi kollha ta' għajnuna li jeżistu f'dawk l-Istati. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista' tikseb mingħand l-Istati Membri kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-eżami tal-iskemi ta' għajnuna eżistenti u, jekk ikun meħtieġ, toħroġ rakkomandazzjoni dwar il-miżuri xierqa.

    (151)

    L-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jiddefinixxi l-għajnuna eżistenti bħala l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettiv u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat.

    (152)

    Madankollu, skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, kull tibdil fl-għajnuna eżistenti jagħmilha “għajnuna ġdida”. L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (54) jiddefinixxi tibdil fl-għajnuna eżistenti bħala “xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta' natura purament formali jew amministrattiva li ma jistgħux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura tal-għajnuna mas-suq komuni”.

    (153)

    Skont il-ġurisprudenza (55), meta t-tibdil jaffettwa biss is-sustanza attwali tal-iskema oriġinali din tal-aħħar issir skema ta' għajnuna ġdida. Ma jkunx hemm tibdil sostanzjali meta l-element il-ġdid ikun jista' jiġi sseparat b'mod ċar mill-iskema inizjali.

    (154)

    Skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, kull għajnuna ġdida trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u ma tistax tiddaħħal fis-seħħ qabel tkun ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropea (obbligu ta' waqfien).

    (155)

    Skont l-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE hija illegali.

    (156)

    Fuq il-bażi tal-MFG u fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom, il-Ministeru Federali kompetenti u l-Länder Ġermaniżi (ara l-premessa 24 aktar 'il fuq) adottaw miżuri ta' implimentazzjoni li jikkostitwixxu l-bażijiet legali għall-miżuri vvalutati f'din id-Deċiżjoni. Bl-eċċezzjoni tal-MFG innifisha (li hija biss liġi qafas u att ta' abilitazzjoni għall-iskemi tal-Land, iżda li ma tipprovdi ebda dritt għall-appoġġ finanzjarju), l-awtoritajiet Ġermaniżi ma ppreżentaw l-ebda informazzjoni li turi li l-bażi legali maħruġa qabel l-1958 kienet għadha tapplika fil-verżjoni oriġinali tagħha matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Ir-regolamenti applikabbli li taħthom inġabret l-imposta jmorru lura għas-sena 2004 (Baden-Württemberg) u 2007 (il-Bavarja) rispettivament (ara l-premessa 24). Il-bażijiet legali għall-użu ta' riżorsi huma l-Ordnijiet tal-Baġit tal-Länder, li, f'dak li jirrigwarda l-għan tan-nefqa, iridu jikkonformaw biss mal-qafas tat-Taqsima 22(2) tal-MFG. Abbażi ta' dan, l-awtoritajiet tal-Land jawtorizzaw f'kull sena baġitarja rispettiva n-nefqa tar-riżorsi għal kull att ta' nefqa. Għaldaqstant il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna ġdida li kellha tiġi nnotifikata skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Peress li l-Ġermanja qatt ma nnotifikat l-iskema ta' għajnuna inkwistjoni, din hija illegali (l-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999).

    (157)

    Għaldaqstant mhemmx bżonn li wieħed jiddiskuti l-affermazzjoni tal-Ġermanja li l-miżuri sekondarji BW 1 u BY 1 ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' miżuri xierqa (il-premessi 50 sa 56) peress li l-affermazzjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li l-miżuri sekondarji huma għajnuna eżistenti, li, kif spjegat qabel, mhuwiex il-każ.

    Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib

    (158)

    L-għajnuna mogħtija bejn it-28 ta' Novembru 2001 u l-31 ta' Diċembru 2006 għall-finijiet ta' rifużjoni tal-ispejjeż tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib ġiet eżaminata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Linji Gwida tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-Agrikoltura (2000-2006) u approvata bħala kompatibbli mas-suq intern fil-kuntest tad-Deċiżjoni tas-17 ta' Lulju 2013 (C(2013) 4457 finali) (il-premessi 162 sa 165 tad-Deċiżjoni pożittiva).

    Regoli applikabbli

    (159)

    Taħt l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, tista' titqies kompatibbli mas-suq intern.

    (160)

    Skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta' għajnuna illegali (56), kwalunkwe għajnuna illegali fit-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 għandha tiġi evalwata skont ir-regoli applikabbli fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna.

    (161)

    L-għajnuna mogħtija mill-1 ta' Jannar 2007 sejra tiġi vvalutata fid-dawl tal-Linji Gwida 2007-2013.

    (162)

    Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-għajnuna mogħtija b'konnessjoni mat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib mill-1 ta' Jannar 2007 jistgħux jitqiesu kompatibbli mas-suq intern (il-premessi 166 u 167 tad-Deċiżjoni).

    (163)

    Kif diġà indikat fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna għal kontrolli ta' rutina tal-ħalib ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 109 tal-Linji Gwida 2007-2013, kif moqri b'mod konġunt mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006. Tabilħaqq, id-dispożizzjoni tal-aħħar tistipula b'mod espliċitu li l-għajnuna li tinvolvi r-rifużjoni tal-ispejjeż ta' tali kontrolli ta' rutina ma tistax tkun kompatibbli mas-suq intern.

    (164)

    Għall-kuntrarju tal-opinjoni espressa mill-Ġermanja fil-kummenti tagħha (il-premessa 53), il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ispejjeż ta' “kontrolli ta' rutina tal-kwalità tal-ħalib” imsemmija fl-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006 ikopru wkoll l-ispejjeż tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib inkwistjoni. Għalkemm 16(1)(b) jiddikjara b'mod speċifiku li l-għajnuna għall-“ispejjeż ta' testijiet magħmulin minn partijiet terzi jew f'isimhom, biex tiġi stabbilita l-kwalità ġenetika jew ir-rendiment tal-bhejjem” hija kompatibbli mas-suq intern.

    (165)

    L-esklużjoni negattiva espliċita fl-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006 b'konnessjoni mal-għajnuna għall-kontrolli ta' rutina fuq il-kwalità tal-ħalib għandha tinftiehem, fil-fehma tal-Kummissjoni, b'mod usa', peress li din id-dispożizzjoni tenfasizza l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jeskludi l-għajnuna mill-kompatibbiltà mas-suq intern.

    (166)

    Il-kontrolli tal-kwalità tal-ħalib huma relatati mal-kwalità tal-ħalib bħala tali, jiġifieri mal-karatteristiċi mikrobijoloġiċi tal-ħalib. Madankollu, dawn il-karatteristiċi mhumiex relatati direttament mal-kwalità ġenetika jew mar-rendiment tal-bhejjem. Il-karatteristiċi mikrobijoloġiċi jinkludu b'mod speċifiku dawk li huma stabbiliti permezz tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib (eż. il-kontenut ta' xaħam jew ta' ċelloli somatiċi).

    (167)

    L-esklużjoni pprovduta fl-Artikolu 16(1)(b) hija essenzjalment immirata biex teskludi l-kontrolli tal-kwalità tal-ħalib kollha ta' rutina mill-kompatibbiltà mas-suq intern peress li l-ispejjeż imġarrba fir-rigward tagħhom jagħmlu parti mill-ispejjeż operattivi ta' impriża. L-għajnuna li tinvolvi r-rifużjoni ta' spejjeż operattivi għandha effett partikolari ta' distorsjoni fuq is-suq intern. (57)

    (168)

    F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar il-projbizzjoni ġenerali tal-għoti ta' għajnuna stipulata fl-Artikolu 107(1) TFUE. L-eċċezzjonijiet minn din il-projbizzjoni ġenerali huma pprovduti fl-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE, applikati flimkien mar-regoli dwar il-kompatibbiltà fil-forma ta' regolamenti, linji gwida, eċċ. Madankollu, għall-perjodu 2007-2013, hawnhekk ma kienet teżisti l-ebda dispożizzjoni ta' kompatibbiltà bħal din għall-kontrolli ta' rutina fuq il-ħalib (indipendenti minn ċerta kwalità u mhux bl-iskop li jtejbu l-kwalità). Għaldaqstant, apparti milli tirreferi għall-kompatibbiltà tagħhom fiż-żmien preċedenti fil-Linji Gwida 2000-2006, il-Ġermanja ma identifikat ebda dispożizzjoni bħal din li tapplika fil-perjodu relevanti. Minflok, huwa ċar li hemm l-intenzjoni min-naħa tal-leġiżlatur, fl-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006, biex dan jeskludi b'mod espliċitu l-kompatibbiltà mas-suq intern. Anki l-punt 13.3 tal-Linji Gwida 2000-2006 stipula li l-medda ta' kontrolli magħmula b'rutina matul il-proċess tal-produzzjoni kienet żdiedet b'mod sostanzjali, u l-ispiża ta' tali kontrolli kienet saret parti normali mill-ispejjeż ta' produzzjoni, u li minħabba l-impatt dirett tal-ispejjeż tal-kontroll tal-kwalità fuq l-ispejjeż ta' produzzjoni, tali għajnuniet joħolqu riskju reali ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalkemm, skont l-istess dispożizzjoni, l-għajnuna setgħet tingħata fir-rigward ta' kontrolli magħmulin minn partijiet terzi jew f'isimhom, bħall-awtoritajiet regolatorji kompetenti, jew korpi li jaġixxu f'isimhom. B'mod li jikkonforma mal-Linji Gwida 2007-2013, il-leġiżlatur, wara li ħa inkunsiderazzjoni r-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, iddikjara l-għajnuna għall-kontrolli ta' rutina fuq il-ħalib bħala inkompatibbli mas-suq. Fid-dawl ta' din id-deċiżjoni leġiżlattiva ċara, mhemm l-ebda ambitu għal xi dikjarazzjoni ta' kompatibbiltà abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE.

    (169)

    Il-fatt li l-Kummissjoni qieset it-testijiet fuq il-kwalità tal-ħalib imwettqa matul il-perjodu 2001-2006 bħala kompatibbli mas-suq intern, ma jistax, kif issostni l-Ġermanja (il-premessa 60), awtomatikament iwassal biex l-għajnuna inkwistjoni tibqa' kompatibbli mas-suq intern fil-perjodu sussegwenti tal-2007-2013. Huwa ċar mill-Artikolu 108(1) tat-TFUE li s-suq intern qed jiżviluppa b'mod progressiv u li l-Kummissjoni meta tkompli tiżviluppa l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat u regoli oħrajn dwar l-għajnuna mill-Istat (eż. ir-Regolamenti ta' eżenzjoni ta' kategorija) tista' tieħu inkunsiderazzjoni dan l-iżvilupp sabiex tiżgura l-funzjonament tas-suq intern. Hija fin-natura tad-dispożizzjonijiet tal-kompatibbiltà li huma limitati fiż-żmien, bħal fil-każ tal-Linji Gwida maħruġa fil-qasam tal-Agrikoltura, li linji gwida sussegwenti dwar l-għajnuna mill-Istat jew regolamenti ta' eżenzjoni ta' kategorija rispettivament ma jibqgħux iżommu bilfors id-dispożizzjonijiet tar-regoli preċedenti.

    (170)

    Fid-dawl ta' dak li ntqal, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mogħtija fil-perjodu 2007-2013 b'rabta mat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib, iffinanzjata kollha minn riżorsi ta' imposta fuq il-ħalib fil-każ tal-miżura sekondarja BW 1 u mir-riżorsi tal-imposta fuq il-ħalib u tal-baġit ġenerali fil-każ tal-miżura sekondarja BY 1, hija inkompatibbli mas-suq intern.

    4.   KONKLUŻJONI

    (171)

    L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jistipula li l-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu suġġetti għal perjodu ta' limitazzjoni ta' għaxar snin. Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, “kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni b'rigward għall-għajnuna illegali għandha tinterrompi l-perjodu ta' limitazzjoni.”

    (172)

    Minbarra s-sottomissjoni tal-Ġermanja tar-Rapport Annwali tal-2010 dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-agrikoltura, il-Kummissjoni talbet lill-Ġermanja permezz tal-ittra datata t-28 ta' Novembru 2011 tipprovdi aktar informazzjoni dwar l-iskema. Din l-azzjoni tal-Kummissjoni interrompiet il-perjodu ta' limitazzjoni. Peress li l-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni pożittiva kienet diġà vvalutat li l-kontrolli tal-kwalità tal-ħalib inkwistjoni kienu kompatibbli mas-suq intern matul il-perjodu ta' bejn it-28 ta' Novembru 2001 u l-31 ta' Diċembru 2006 u peress li bejn il-31 ta' Diċembru 2006 u t-28 ta' Novembru 2011 kienu għaddew inqas minn għaxar snin, il-perjodu li għalih tapplika din id-Deċiżjoni jibda mill-1 ta' Jannar 2007.

    (173)

    Il-Kummissjoni ssib li l-Ġermanja tat għajnuna illegali bi ksur tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE li, diment li ngħatat fl-1 ta' Jannar 2007 jew wara (ara l-premessi 160 u 164), mhijiex kompatibbli mas-suq intern. Din l-għajnuna ngħatat biss minn riżorsi ta' imposta fuq il-ħalib skont l-MFG fil-każ ta' Baden-Württemberg u minn riżorsi ta' imposta fuq il-ħalib u minn riżorsi tal-baġit ġenerali fil-każ tal-Bavarja.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat illegalment bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE fir-rigward tat-testijiet tal-kwalità tal-ħalib magħmulin mil-Länder ta' Baden-Württemberg u tal-Bavarja favur l-impriżi tas-settur tal-ħalib f'dawn il-Länder hija inkompatibbli mas-suq intern fil-perjodu li jibda fl-1 ta' Jannar 2007.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna li ngħatat b'konnessjoni mal-iskema ta' għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u li hija inkompatibbli mas-suq intern.

    2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarja sal-irkupru attwali tagħhom.

    3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (58) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

    4.   Il-Ġermanja għandha tħassar il-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

    Artikolu 3

    1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija abbażi tal-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

    2.   Il-Ġermanja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    1.   Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, il-Ġermanja għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    lista tal-benefiċjarji li rċevew l-għajnuna skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali ta' għajnuna li kull wieħed minnhom irċieva skont dik l-iskema;

    (b)

    l-ammont totali (prinċipal u imgħaxijiet fuq l-irkupru) li jrid jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju;

    (c)

    deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati biex tinżamm konformità ma' din id-Deċiżjoni;

    (d)

    dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

    2.   Il-Ġermanja għandha żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex timplimenta din id-Deċiżjoni sakemm ikun intemm l-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1. Fuq talba sempliċi tal-Kummissjoni, għandha tissottometti minnufih informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ħadet u dawk ippjanati sabiex tkun f'konformità ma' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u ta' mgħaxijiet fuq l-irkupru li jkunu diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ġermanja. Il-Ġermanja hija mitluba tagħti lill-benefiċjarji kopja ta' din id-Deċiżjoni mingħajr dewmien.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Settembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Phil HOGAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 7, 10.1.2014, p. 8.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

    (3)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar il-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta' dispożizzjonijiet huma, sostanzjalment, identiċi. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar il-KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, fejn xieraq.

    (4)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1. Rettifika kienet ippreżentata preċedentement lill-Ġermanja permezz ta' ittra datata d-9 ta' Diċembru 2013.

    (5)  Il-Gazzetta tal-Liġi Federali (BGBl.) I p. 878, 1081, kif emendata l-aħħar mill-Artikolu 1 tar-Regolament tas-17 ta' Diċembru 2010 (BGBl. I, p. 2132)

    (6)  Il-Gazzetta tal-Liġi (GBl.) Nru 8, p. 350.

    (7)  Il-Gazzetta tal-Istat [Staatsanzeiger] Nru 30 tat-2 ta' Awwissu 2004.

    (8)  GVBl 2007, p. 727, kif emendata l-aħħar mir-Regolament tad-29 ta' Novembru 2012.

    (9)  GBl. p. 350.

    (10)  Is-sentenza tal-Qorti tas-6 ta' Settembru 2006, Il-Portugall vs il-Kummissjoni, C-88/03, ECLI:EU:C:2006:511, il-paragrafu 56.

    (11)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Mejju 2003, Freskot, C-355/00, ECLI:EU:C:2003:298, il-paragrafu 84.

    (12)  Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-paragrafi 265 et seq.

    (13)  Ara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-premessa 147.

    (14)  ĠU C 28, 1.2.2000, p. 2.

    (15)  ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.

    (16)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna mill-Istat għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju attivi fil-produzzjoni ta' prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (ĠU L 358, 16.12.2006, p. 3).

    (17)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 213/85, ECLI:EU:C:1988:39, il-paragrafu 29 et seq.

    (18)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2012 fil-Każ E 10/2000 — Anstaltslast und Gewährträgerhaftung.

    (19)  Il-Qafas Komunitarju 2000-2006, punt 13.4.

    (20)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, ECLI:EU:C:2001:160.

    (21)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, ECLI:EU:C:2005:768, il-paragrafu 77; każistika stabbilita, ara s-Sentenza tat-23 ta' Frar 1961, Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, ECLI:EU:C:1961:2. is-Sentenza tas-7 ta' Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, ECLI:EU:C:2005:768; il-paragrafu 51; is-Sentenza tal-10 ta' Jannar 2006, Cassa di Risparmio, C-222/04, EU:C:2006:8, il-paragrafu 131.

    (22)  Ara f'dan is-sens is-Sentenza fi Freskot, C-355/00, ECLI:EU:C:2003:298, il-paragrafu 86, l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fi Freskot, C-355/00, ECLI:EU:C:2002:658, il-paragrafi 76-77, u l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl f'Nazairdis, il-Kawżi Magħquda C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, ECLI:EU:C:2005:480, il-paragrafu 51.

    (23)  Kummenti mill-Kummissjoni: Dan il-kumment jirrigwarda wkoll il-miżuri sekondarji tal-“monitoraġġ tal-kontaminanti” (il-miżuri sekondarji BW 9, BY 5, HE 8, NI 2, NW 1, RP 3, SL 4 u TH 8 fid-Deċiżjoni tal-ftuħ), li mhumiex ittrattati f'din id-Deċiżjoni.

    (24)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/416/UE tad- 9 ta' April 2014 dwar l-iskema ta' għajnuna mill-Istat SA.23257 (12/C) [ex NN 8/10, ex CP 157/07] implimentata minn Franza (ftehim interprofessjonali konkluż taħt l-awspiċi tal-Assoċjazzjoni Franċiża għall-valorizzazzjoni tal-prodotti u tas-setturi professjonali fil-qasam tal-ortikultura u tal-pajsaġġ — “Val'Hor”) (ĠU L 192, 1.7.2014, p. 59).

    (25)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Mejju 2013, Doux Elevage, C-677/11, ECLI:EU:C:2013:348, il-paragrafu 38.

    (26)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Mejju 2002, Stardust Marine, C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-paragrafu 52.

    (27)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 2004, Pearle BV, C-345/02, ECLI:EU:C:2004:448, il-paragrafu 36.

    (28)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Settembru 2012, Plans de Campagne, T-139/09, ECLI:EU:T:2012:496, il-paragrafu 62.

    (29)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2013, Vent de Colère and Others, C-262/12, ECLI:EU:C:2013:851, paragrafu 11; kif ikkonfermat b'mod ċar mill-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Jääskinen tal-11 ta' Lulju 2013, Vent de Colère and Others, C-262/12, ECLI:EU:C:2013:851, paragrafu 49.

    (30)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 2004, Pearle BV, C-345/02, ECLI:EU:C:2004:448, paragrafu 37. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Mejju 2013, Doux Elevage, C-667/2011, ECLI:EU:C:2013:348, paragrafu 40. Id-Deċiżjoni2014/416/UE.

    (31)  Ara s-Sentenza tal-15 ta' Lulju 2004, Pearle BV, C-345/02, EU:C:2004:448, il-paragrafu 37; is-Sentenza tat-30 ta' Mejju 2013, Doux Elevage, C-677/2011, ECLI:EU:C:2013:348, il-paragrafu 40.

    (32)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Novembru 2003, Il-Ministeru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija vs GEMO, C-126/01, ECLI:EU:C:2003:622, il-paragrafu 23.

    (33)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Novembru 2003, Il-Ministeru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija vs GEMO, C-126/01, ECLI:EU:C:2003:622, il-paragrafu 24.

    (34)  Ara, pereżempju, it-tielet sentenza tat-Taqsima 37(2) tal-Kodiċi Ġermaniż dwar il-Bini (BauGB), it-Taqsimiet 17(1) u (2), 18 (3) u (4) u 22(5) tal-Att Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura (BnatSchG), u t-Taqsimiet 2(7), 11(2), (3), 12(7), it-tieni punt ta' 14(4), 26(3), 35a(3) tal-AEG. Fejn tidħol it-Taqsima 9 preċedenti tal-BnatSchG, ara l-paragrafu 22 tas-sentenza tal-Qorti Federali Amministrattiva tad-29.4.1993 fil-Kawża 7 A 4/93, (“… deċiżjoni f'‘konsultazzjoni’ ma teħtieġ l-ebda qbil ta' rieda b'kuntrast ma' deċiżjoni bi ‘ftehim’. Tfisser biss is-smigħ (tal-pariri) tal-awtorità l-oħra, li mbagħad ikollha l-opportunità li tesprimi l-opinjoni tagħha fil-proċedura”) u, rigward il-punt 2 tal-ewwel sentenza tat-Taqsima 18(2) tal-AEG, il-paragrafu 5 tas-sentenza tal-Qorti Federali Amministrattiva tal-31 ta' Ottubru 2000 fil-Kawża 11 VR 12/00 (“Il-konsultazzjoni mal-applikant, kif ipprovdut fil-punt 2 tal-ewwel sentenza tat-Taqsima 18(2) ta' qabel tal-AEG, ma teħtieġ l-ebda qbil ta' rieda għall-kuntrarju ta' ftehim …”) u fil-paragrafu 11 tas-Sentenza tas-7 ta' Frar 2005 fil-Kawża 9 VR 15/04 (“Il-konsultazzjoni meħtieġa mal-applikant ġiet rispettata mill-awtorità ta' awtorizzazzjoni tal-pjan billi tat lill-applikant l-opportunità li jagħti l-opinjoni tiegħu”).

    (35)  Ara wkoll is-sitt sentenza tat-Taqsima 22(1) tal-MFG b'referenza għas-“setgħat” tal-gvernijiet tal-Land (u l-possibbiltà li jiddelegaw kompiti lill-obersten Landesbehörden) u t-Taqsima 23(2) tal-MFG, li jgħid li l-imposti għandhom ikunu rkuprati skont id-dispożizzjonijiet tal-Abgabenordnung, li min-naħa tagħha teħtieġ il-ħruġ ta' att fiskali jew att amministrattiv simili (ara t-Taqsimiet 122 u 251 tal-AO). Skont it-Taqsima 14(3) tal-MFG l-ebda kompitu tal-Istat ma għandu jingħata lil-Landesvereinigung rispettiv.

    (36)  Għal Baden-Württemberg: ir-Regolament dwar il-ħlas ta' imposti fir-rigward tal-industrija tal-ħalib tat-18 ta' Mejju 2004 (GBl. p. 350), sostitwit mir-Regolament tal-Ministeru tal-Affarijiet Rurali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-14 ta' Frar 2013 li jħassar ir-Regolament dwar il-ħlas ta' imposti fir-rigward tal-industrija tal-ħalib.

    Għall-Bavarja: Ir-Regolament dwar imposta fuq il-ħalib (BayMilchUmlV) tas-17 ta' Ottubru 2007 (GVBl 2007, p. 727), kif emendat l-aħħar mir-Regolament tad-29 ta' Novembru 2012.

    (37)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/99, ECLI:EU:C:2001:160, il-paragrafi 7 u 8; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Lulju 2014, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T-52/12, ECLI:EU:T:2014:677, il-paragrafi 119 u 120. għall-finijiet ta' distinzjoni minn PreussenElektra, ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Diċembru 2014, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T-251/11, ECLI:EU:T:2014:1060, il-paragrafi 56-71 u 82.

    (38)  Ara, inter alia, id-Deċiżjoni SA.35932 (2013/N) Il-Pajjiżi l-Baxxi — Fond għall-kwistjonijiet ta' Kultivazzjoni, il-premessi 31 sa 35.

    (39)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Mejju 2013, Doux Élevage SNC u l-Kooperattiva Agrikola GBP-ARREE vs Il-Ministeru tal-Agrikoltura, C-677/11, ECLI:EU:C:2013:348, il-paragrafu 40.

    (40)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Mejju 2013, Doux Élevage SNC u l-Kooperattiva Agrikola GBP-ARREE vs Il-Ministeru tal-Agrikoltura, C-677/11, ECLI:EU:C:2013:348, il-paragrafu 31.

    (41)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Mejju 2013, Doux Élevage SNC u l-Kooperattiva Agrikola GBP-ARREE vs Il-Ministeru tal-Agrikoltura, C-677/11, ECLI:EU:C:2013:348, il-paragrafu 32.

    (42)  Ara, pereżempju, it-Taqsima 6(3) tar-Regolament dwar imposta fuq il-ħalib (BayMilchUmlV) tas-17 ta' Ottubru 2007.

    (43)  Ara, pereżempju, is-Sezzjoni 5 tar-Regolament dwar imposta fuq il-ħalib (BayMilchUmlV) tas-17 ta' Ottubru 2007.

    (44)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-527/12, ECLI:EU:C:2014:2193, il-paragrafi 41 u 56.

    (45)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Mejju 2013, Doux Élevage SNC u l-Kooperattiva Agrikola GBP-ARREE vs Il-Ministeru tal-Agrikoltura, C-677/11, ECLI:EU:C:2013:348, il-paragrafi, 32, 35 u 38.

    (46)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Marzu 2015, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, T-538/11, il-punt 96, ECLI:EU:T:2015:188, li jgħid li l-fatt li l-impriżi jkollhom iġorru l-piż ta' ħlasijiet taħt il-liġi nazzjonali li inevitabbilment jirrigwarda l-eżerċitar tas-setgħa pubblika mill-Istat Membru, ma jeskludi l-ebda kwalifika ta' dawn il-ħlasijiet bħala “ħlasijiet li normalment ikollha tħallas l-impriża”.

    (47)  ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4.

    (48)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, ECLI:EU:C:2006:511.

    (49)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Settembru 1980, Philip Morris Holland BV vs Il-Kummissjoni, 730/79, ECLI:EU:C:1980:209, il-paragrafi 11-12.

    (50)  Ara, b'mod partikolari, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1988Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni, 102/87, ECLI:EU:C:1988:391.

    (51)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Jannar 2015, Eventech Ltd vs Parking Adjudicator, C-518/13, ECLI:EU:C:2015:9, il-paragrafu 67.

    (52)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 ad- 9 ta' Ottubru 2012 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni' (ĠU L 304, 31.10.2012, p. 1).

    (53)  Sors: Eurostat.

    (54)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

    (55)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' April 2002, Ġibiltà vs Il-Kummissjoni, T-195/01 u T-207/01, ECLI:EU:T:2002:111, il-paragrafu 111.

    (56)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.

    (57)  Ara f'dan ir-rigward ukoll il-premessa 17 tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006, li tgħid li għajnuna “ma għandux ikollha l-effett uniku li kontinwament jew perjodikament tnaqqas l-ispejjeż operattivi li l-benefiċjarju normalment ikollu jagħmel”.

    (58)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).


    Top