Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1072

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1072 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar miżuri mill-Ġermanja favur Propapier PM2 GmbH – Għajnuna mill-istat SA.23827 (2013/C) (ex NN 46/12) (ex N 582/07) (notifikata bid-dokument C(2014) 6837) (It-test bil-Ġermaniż biss huwa vinkolanti)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 179, 8.7.2015, pp. 54–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1072/oj

8.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/54


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1072

tal-1 ta’ Ottubru 2014

dwar miżuri mill-Ġermanja favur Propapier PM2 GmbH – Għajnuna mill-istat SA.23827 (2013/C) (ex NN 46/12) (ex N 582/07)

(notifikata bid-dokument C(2014) 6837)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa vinkolanti)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari s-subsezzjoni 1 tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra datata t-8 ta’ Ottubru 2007 u rreġistrata mill-Kummissjoni dak inhar stess, il-Ġermanja nnotifikat b’konformità mal-Artikolu 108(3) TFUE l-għajnuna ppjanata favur Propapier PM2 GmbH (ara l-punt 2.2 “il-benefiċjarju tal-għajnuna”) għal proġett ta’ investiment kbir f’Eisenhüttenstadt (Brandenburg-Nordost, il-Ġermanja), fuq il-bażi tal-Linji Gwida għall-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (1) (minn hawn “il quddiem imsejħin il-“Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali”). L-għajnuna ppjanata ġiet irreġistrata bin-numru N 582/07.

(2)

Wara li rċeviet aktar informazzjoni u bosta lmenti formali (2) u wara li ltaqgħet mar-rappreżentanti tal-Ġermanja u l-benefiċjarju tal-għajnuna, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tat-2 ta’ April 2008 (3) li ma tqajjem ebda oġġezzjoni għall-għajnuna notifikata.

(3)

Wara li adottat id-deċiżjoni tagħha fit-2 ta’ April 2008, il-Kummissjoni rċeviet sottomissjonijiet oħrajn mingħand l-ilmentaturi li kkontestaw il-valutazzjoni tal-Kummissjoni u d-deċiżjoni tagħha li ma tqajjem ebda oġġezzjoni għall-miżura tal-għajnuna. Smurfit Kappa Group plc (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Smurfit Kappa”) issottometta wkoll informazzjoni fl-24 ta’ Ġunju 2008 u talab li l-Kummissjoni tħassar id-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi tar-raġuni li Propapier PM2 GmbH & Co. KG kienet irċeviet għajnuna infrastrutturali addizzjonali. Il-Kummissjoni fetħet inkjesta separata bin-numru SA.36147 (C 30/10) (4) sabiex tqis it-tali allegazzjoni.

(4)

Fil-5 ta’ Awwissu 2008, Smurfit Kappa fetaħ proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex titħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2008.

(5)

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2008, il-Ġermanja għarrfet lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-investiment li għandu jiġi ssusidjat. Permezz tal-ittri tat-22 ta’ Diċembru 2008 u t-13 ta’ Jannar 2010, il-Ġermanja avżat lill-Kummissjoni dwar għadd ta’ bidliet fil-proġett notifikat.

(6)

Permezz tas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012 fil-kawża T-304/08 Smurfit Kappa Group plc v Il-Kummissjoni, il-Qorti ddikjarat li t-tali Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2008 hija nulla u bla effett (minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ id-“deċiżjoni annullata”). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha terġa’ tikkunsidra l-miżura tal-għajnuna u tadotta deċiżjoni ġdida, jiġifieri kienet fl-istess sitwazzjoni li kienet fiha fit-2 ta’ April 2008. (5)

(7)

Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Ġermanja organizzaw laqgħa fl-14 ta’ Awwissu 2012 li għaliha attendew ukoll rappreżentanti tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Il-Ġermanja ssottomettiet kummenti permezz ta’ ittri datati l-24 ta’ Awwissu 2012 u l-5 ta’ Frar 2013.

(8)

Ta’ min jinnota li l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi approvata mill-Kummissjoni qabel ma tingħata mill-Ġermanja. Il-Ġermanja bdiet tagħti l-għajnuna biss ladarba l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ April 2008, li eventwalment ġiet annullata. Madankollu, wara l-annullament mill-Qorti, hemm bżonn li kollox jitreġġa’ lura daqslikieku d-deċiżjoni annullata mill-Kummissjoni qatt ma ġiet adottata u l-għajnuna ppjanata mill-Ġermanja qatt ma ġiet approvata kif xieraq mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni daħħlet il-każ bin-numru SA.23827 (2012/NN-46) fir-reġistru tal-għajnuna mhux notifikata.

(9)

Permezz tal-ittra tal-15 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni avżat lill-Ġermanja dwar id-deċiżjoni tagħha li tibda proċedimenti skont l-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna reġjonali nazzjonali mogħtija lil Propapier PM2 GmbH (minn hawn ‘il quddiem imsejħa d-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-8 ta’ Awwissu 2013 (6). Il-partijiet interessati ġew mistiedna jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(10)

Il-Ġermanja ssottomettiet kummenti permezz tal-ittra tal-15 ta’ Lulju 2013 (2013/073407).

(11)

Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand il-Ġermanja permezz tal-ittra elettronika tal-20 ta’ Settembru 2013 (2013/092832) u l-ittra tal-20 ta’ Novembru 2013 (2013/113552), li l-Ġermanja pprovdiet bl-ittri tas-16 ta’ Ottubru 2013 (2013/102801), id-9 ta’ Diċembru 2013 (2013/123872) u l-21 ta’ Jannar 2014 (2014/007118).

(12)

Permezz tal-ittra tas-6 ta’ Settembru 2013 (2013/090228), Smurfit Kappa ssottometta kummenti bħala parti interessata (dawn għaddew lill-Ġermanja mal-ittra tat-13 ta’ Settembru 2013 (2013/091012) u avża li jista’ jkun li jibgħat kummenti oħrajn. Permezz tal-ittra tat-30 ta’ Settembru 2013 (2013/095929), il-Kummissjoni talbet lil Smurfit Kappa sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu sat-30 ta’ Ottubru 2013. Bl-ittra elettronika tat-30 ta’ Ottubru 2013 (2013/107610), Smurfit Kappa ddikjara li ma kellu ebda kumment ieħor u talab informazzjoni dwar il-proċedimenti. Il-Kummissjoni wieġbet bl-ittra tad-29 ta’ Novembru 2013 (2013/119741). Il-Ġermanja wieġbet għall-kummenti ta’ Smurfit Kappa bl-ittra tal-14 ta’ Ottubru 2013 (2013/101451).

(13)

Permezz tal-ittri tat-30 ta’ Settembru 2013 (2013/095932, 2013/095939 2013/095941, 2013/095942), il-Kummissjoni avżat lill-ilmentaturi ta’ qabel (Swedish Forest Industries Federation und Finnish Forest Industry Federation, Koninklijke Vereniging van Nederlandse Papier- en Kartonfabrieken und Procelpac – Groupement français des fabricants de papiers et cartons d’emballage à base de cellulose), li kienu ppreżentaw ilmenti matul l-analiżi preliminari ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata (ara l-premessa 2), li kienet inbdiet proċedura ta’ investigazzjoni formali u stednithom jissottomettu l-kummenti. L-ebda wieħed minn dawn l-ilmentaturi ma ssottometta kummenti.

2.   DESKRIZZJONI DDETTALJATA

2.1.   OBJETTIV

(14)

L-intenzjoni tal-Ġermanja kienet li tkompli l-iżvilupp reġjonali billi tagħti lil Propapier PM2 GmbH & Co. KG għajnuna għall-investiment reġjonali għal fabbrika tal-karti ġdida f’Eisenhüttenstadt. Eisenhüttenstadt tinsab bejn Brandenburg-Nordost, żona assistita skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, li fiha l-għajnuna reġjonali massima fuq il-bażi tal-mappa tal-għajnuna reġjonali tal-Ġermanja għall-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013 hija 30 % tal-ekwivalenti tal-għotja gross (EGħG) (7).

2.2.   BENEFIĊJARJU TAL-GĦAJNUNA

(15)

Il-benefiċjarju tal-għajnuna msemmi fid-deċiżjoni annullata kien Propapier PM2 GmbH & Co. KG, impriża kbira li tagħmel parti minn Progroup AG (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Progroup”).

(16)

L-istruttura tal-parteċipazzjoni bejn il-benefiċjarju tal-għajnuna u l-grupp hija kif ġej: Propapier PM2 Beteiligungs GmbH għandha sehem ta’ […] (*1) % fil-kapital ta’ Propapier PM2 GmbH & Co. KG bħala sieħeb ġenerali tas-sħubija limitata. L-ishma fi Propapier PM2 Beteiligungs GmbH huma ta’ Propapier Papiererzeugung GmbH ([…] %) u tas-Sur Jürgen Heindl ([…] %). L-uniku azzjonist ta’ Propapier Papiererzeugung GmbH kien Progroup, li fih is-Sur Jürgen Heindl għandu […] % tal-ishma permezz ta’ JH-Holding GmbH. Il-[…] % tal-ishma li jifdal fi Progroup inqasmu kif ġej: żewġ azzjonisti kellhom sehem ta’ […] % kull wieħed u azzjonist ieħor kellu sehem ta’ […] %. L-ebda wieħed minn dawn l-azzjonisti ma kellu drittijiet tal-vot.

(17)

Progroup jimmanifattura materjal ikkorrugat għall-kontenituri u kartun korrugat li jqassam permezz tas-sussidjarji tiegħu. Fl-2007, meta saret in-notifika, il-kartun korrugat kien qiegħed jiġi mmanifatturat f’impjanti fl-Ewropa (minn Prowell GmbH & Co. KG u s-sussidjarji tagħha Prowell S.A. (Franza), Prowell s.r.o. (ir-Repubblika Ċeka) u, lejn tmiem l-2008, Prowell Sp. z.o.o. (Il-Polonja)). Il-materjal ikkorrugat għall-kontenituri kien qiegħed jiġi mmanifatturat minn Propapier Papiererzeugung GmbH. Il-kumpaniji l-oħrajn ta’ Progroup jipprovdu servizzi marbutin mal-bejgħ ta’ kartun korrugat.

(18)

Il-proġett, kif deskritt fin-notifika oriġinali tal-2007, kien jinvolvi l-bini ta’ impjant tal-enerġija li jforni lill-fabbrika tal-karti ġdida. Il-parti ewlenija tal-proġett ta’ investiment kienet tikkonċerna l-bini tal-fabbrika tal-karti, li kellha tinbena u titħaddem minn Propapier PM2 GmbH & Co. KG stess, filwaqt li l-impjant tal-enerġija li jforni l-fwar u l-enerġija għall-proċess tal-manifattura fil-fabbrika tal-karti kellu jinbena u jiġi ffinanzjat minn Propower GmbH (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Propower”), li wkoll tagħmel parti minn Progroup. Propower hija tal-istess grupp u għandha l-[…] % tal-ishma li jifdal fi Propapier PM2 GmbH & Co. KG. Liċenzja għall-impjant tal-enerġija kellha tiġi ttrasferita lil Propapier PM2 GmbH & Co. KG skont lokazzjoni eżegwita bejn il-partijiet.

(19)

Il-Ġermanja spjegat li, skont il-liġijiet fiskali tal-Ġermanja, l-assi li jappartjenu għall-assi operatorji straordinarji ta’ azzjonist (f’dan il-każ Propower) ta’ sħubija (f’dan il-każ Propapier PM2 GmbH & Co. KG) huma inklużi fl-assi tas-sħubija u mhux fl-assi tal-azzjonist għal skopijiet tat-taxxa, anki jekk l-azzjonist kien proprjetarju tal-assi skont il-liġi ċivili. Dan huwa konsegwenza tar-rekwiżiti ta’ trasparenza imposti fuq is-sħubijiet mil-liġi fiskali. B’konsegwenza ta’ dan, Propapier PM2 GmbH & Co. KG irnexxielha tapplika għall-għajnuna għall-proġett ta’ investiment sħiħ, inkluż il-bini tal-impjant tal-enerġija li ser jitħaddem minn Propower.

(20)

Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata, il-Ġermanja avżat lill-Kummissjoni li l-impjant tal-enerġija ma kienx għadu parti mill-proġett ta’ investiment assistit u li ma kienet saret ebda applikazzjoni għal għajnuna u lanqas ma ġiet approvata xi għajnuna għall-bini tal-impjant tal-enerġija. Propower kellha tinbiegħ lil EnBW Energy Solutions GmbH (ESG), sussidjarja ta’ EnBW Energie Baden-Württemberg AG.

(21)

Skont id-dritt soċjetarju tal-Ġermanja, sħubija limitata jrid ikollha minimu ta’ żewġ azzjonisti, u wieħed minn dawn irid ikollu responsabbiltà limitata; għalhekk, Propapier PM2 GmbH & Co. KG kellha tiġi xolta ladarba tinbiegħ Propower. L-azzjonist l-ieħor, Propapier PM2 Beteiligungs GmbH, ġie kkonvertit minn kumpanija ta’ investiment għal kumpanija operatorja u ngħata l-isem il-ġdid ta’ Propapier PM2 GmbH (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Propapier”), u wara dan sar il-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna.

(22)

Il-Ġermanja ddikjarat li issa Propapier Papiererzeugung GmbH bdiet tinnegozja bħala Propapier PM1 GmbH u hija l-proprjetarja tal-ishma kollha fi Propapier PM 2.

2.3.   PROĠETT TA’ INVESTIMENT

2.3.1.   PRODOTTI U TEKNOLOĠIJA

(23)

Il-materjal ikkorrugat għall-kontenituri huwa l-karta użata fil-manifattura tal-kartun korrugat u jinkludi kemm inforri kif ukoll skanalatura. L-inforra tifforma saff ġewwieni/estern lixx u l-iskanalatura tintuża għas-saff immewweġ. Il-materjal ikkorrugat għall-kontenituri huwa magħmul minn fibra tal-injam naturali jew fibra rriċiklata. L-inforri li jsiru minn fibra tal-injam (minn hawn “il quddiem ‟fibra ġdida”) huma magħrufin bħala kraftliners u inforri magħmulin minn fibra rriċiklata huma magħrufin bħala testliners. Skanalatura magħmula minn fibra ġdida tissejjaħ skanalatura SC u skanalatura magħmula minn fibra rriċiklata tissejjaħ skanalatura rriċiklata. Il-materjal ikkorrugat għall-kontenituri magħmul minn karta rriċiklata jinkludi l-materjal ikkorrugat għall-kontenituri kollu magħmul minn fibra rriċiklata, jiġifieri testliners u skanalatura rriċiklata. Il-Figura 1 turi d-diversi tipi ta’ materjal ikkorrugat għall-kontenituri.

Figura 1

Image 1

(24)

Il-materjal ikkorrugat għall-kontenituri jintuża bħala l-bażi għall-manifattura tal-kartun korrugat (li matulha jitwaħħlu l-inforri u l-iskanalatura). Imbagħad, il-kartun korrugat jiġi pproċessat sabiex jipproduċi kaxxi tal-kartun korrugat għall-imballaġġ.

(25)

L-impjant tfassal biex jipproduċi żewġ tipi ta’ materjali ikkorrugat għall-kontenituri: testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalatura rriċiklata.

(26)

Skont il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju fi żmien in-notifika, sehem kbir (madwar 75 %) mill-materjal ikkorrugat għall-kontenituri immanifatturat fl-impjant assistit kien qiegħed jintuża fil-manifattura tal-prodott downstream (kartun korrugat) fi ħdan Progroup. Progroup ibigħ kartun korrugat bħala prodott finali. Il-materjal ikkorrugat għall-kontenituri mhux użat internament kellu jinbiegħ lil parti terza. Progroup ma kienx involut fil-manifattura ta’ kaxxi tal-kartun korrugat għal klijenti finali.

(27)

Il-fabbrika tal-karti li kellha tinbena kellha tinkludi tħejjija tal-karta rriċiklata, magna tal-karti għall-manifattura tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri, bini tal-uffiċċji, maħżen tal-parts tal-bdil, bini għal kmamar tax-xogħol u maħżen tar-rombli tal-karti.

(28)

L-impjant tal-enerġija kellu jipproduċi l-fwar meħtieġ fil-proċess tal-produzzjoni. Sabiex isir użu effiċjenti mill-enerġija termali, l-impjant tal-enerġija kellu jipproduċi biżżejjed enerġija biex ikopri madwar [< 60] % tal-enerġija meħtieġa minn Propapier ukoll.

2.3.2.   IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROĠETT

(29)

L-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment bdiet f’Diċembru 2007 u kellha titlesta sa nofs l-2010. Il-produzzjoni sħiħa (6 15  000 tunnellata materjal ikkorrugat għall-kontenituri fis-sena) għandha tinkiseb b’mod gradwali (sal-2015).

2.4.   SPEJJEŻ ELIĠIBBLI

(30)

Il-kostijiet eliġibbli ta’ investiment huma kkalkolati fuq il-bażi tal-kostijiet tal-investiment inizjali. Fin-notifika oriġinali, in-nefqa eliġibbli ġiet ikkalkolata għal EUR 64 3 8 62  500 (nominali) jew EUR 58 6 7 22  900 (skontata) (8) għal bini, impjant, tagħmir u kostijiet mixxelanji skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

(31)

“Spejjeż mixxelanji” kienu jinkludu nefqa għal installazzjonijiet interni, l-informatika u liċenzji tas-software. Il-Ġermanja kkonfermat li l-liċenzji tas-software li kienu jiswew EUR […] kienu ser jintużaw biss fl-istabbiliment li jirċievi l-għajnuna u li kienu ser jiġu rrapportati bħala assi deprezzabbli mixtrijin mingħand partijiet terzi li kienu ser jibqgħu f’dak l-istabbiliment għal ħames snin.

(32)

Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata, il-Ġermanja avżat lill-Kummissjoni li l-ispejjeż eliġibbli kienu naqsu sew wara l-esklużjoni tal-impjant tal-enerġija mill-proġett assistit u li l-kostijiet eliġibbli għall-proġett emendat kienu laħqu total ta’ EUR 38 5 9 44  683 (nominali) jew EUR 35 2 9 74  825 (skontati).

2.5.   FINANZJAMENT TAL-PROĠETT

(33)

Skont in-notifika oriġinali tal-Ġermanja, madwar 73 % tal-ispejjeż globali tal-proġett kellhom jiġu ffinanzjati minn self bankarju mhux tal-għajnuna (mhux kopert minn garanziji tal-gvern). 14 % oħrajn mill-kostijiet ġenerali kienu jkunu koperti minn ekwità u l-bqija kellhom jiġu ffinanzjati mill-għajnuna.

(34)

Il-Ġermanja kkonfermat li, anki wara t-tnaqqis tal-investiment fl-impjant tal-enerġija, il-kundizzjoni li kienet tirrekjedi li l-benefiċjarju tal-għajnuna jagħmel kontribuzzjoni tiegħu stess mhux tal-għajnuna ta’ aktar minn 25 % tal-kostijiet eliġibbli totali xorta waħda kienet għadha ssodisfata.

2.6.   BAŻI LEGALI

(35)

Il-bażi legali li ġejja ġiet iċċitata għall-għajnuna fin-notifika oriġinali:

(a)

L-Att dwar l-Għotjiet ta’ Investiment 2007 tal-15 ta’ Lulju 2006, kif promulgat fit-23 ta’ Frar 2007 (Gazzetta tal-Liġi Federali I/07, p. 282) (għajnuna eżentata nru XR 6/07 (9));

(b)

L-att dwar il-kompitu konġunt għat-“titjib tal-istruttura ekonomika reġjonali” tas-6 ta’ Ottubru 1969 (Gazzetta tal-Liġi Federali I, p. 1861), emendat l-aħħar mill-Artikolu 102 tar-Regolament tal-25 ta’ Novembru 2003 (Gazzetta tal-Liġi Federali I, p. 2304), flimkien mal-Qafas Nru 36 għall-kompitu konġunt għat-“titjib tal-istruttura ekonomika reġjonali” għall-2007 sal-2010 (rekord uffiċjali tal-Bundestag 16/5215 tas-27 ta’ April 2007) (għajnuna eżentata nru XR 31/07 (10));

(c)

Il-Linji Gwida tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi dwar miżuri li jippromwovu l-ekonomija skont il-qafas tal-kompitu konġunt għat-“titjib tal-istruttura ekonomika reġjonali” tas-7 ta’ Diċembru 2006 (Gazzetta Uffiċjali ta’ Brandenburg Nru 51 tas-27 ta’ Diċembru 2006, p. 798);

(d)

Regolamenti tal-Baġit Reġjonali tal-21 ta’ April 1999 (Gazzetta tal-Liġijiet u r-Regolamenti I/99, p. 106) u d-dispożizzjonijiet amministrattivi assoċjati.

(36)

Il-Ġermanja avżat li wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata, l-għajnuna kollha kienet ser tingħata fuq l-unika bażi tal-Att tal-2007 dwar l-Għotjiet ta’ Investiment, jiġifieri l-għajnuna nru XR 6/07 eżentata fuq il-bażi tar-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.

2.7.   MIŻURA TA’ GĦAJNUNA

(37)

Il-benefiċjarju tal-għajnuna applika għall-għajnuna fil-15 ta’ Mejju 2007, jiġifieri qabel ma bdew ix-xogħlijiet f’Diċembru 2007, fejn il-Ġermanja kkonfermat bil-miktub, soġġetta għall-eżitu tal-verifika ddettaljata, li kienu ġew issodisfati l-prekundizzjonijiet għall-eliġibbiltà (ittra mill-Bank ta’ Investiment tal-Istat Federali ta’ Brandenburg tal-24 ta’ Mejju 2007).

(38)

L-għajnuna nnotifikata mill-Ġermanja laħqet total ta’ EUR 8 2 5 09  500 (nominali) u EUR 7 2 1 45  700 (skontati). Il-Ġermanja kkonfermat li l-għajnuna ma kinitx qiegħda tingħata flimkien ma’ xi għajnuna oħra għall-istess kostijiet eliġibbli.

(39)

Aktar tard, il-Ġermanja avżat li l-għajnuna ta’ EUR 5 0 5 59  153 (nominali) u EUR 4 4 1 72  973 (skontati) għall-proġett ta’ investiment imnaqqas kienet inħarġet għal Propapier. Il-Ġermanja ddikjarat ukoll li l-intensità tal-għajnuna mħallsa kienet taqbeż it-12,30 % EGħG stipulata fid-deċiżjoni annullata u li l-ammont skontat ibbażat fuq il-kostijiet eliġibbli mnaqqsin kien ta’ EUR 4 3 4 15  903.

(40)

Il-Ġermanja kienet qablet fil-qafas tan-notifika oriġinali li żżomm l-intensità massima tal-għajnuna għal 12,30 % EGħG. B’hekk, il-Ġermanja kkonfermat permezz ta’ ittra datata l-21 ta’ Jannar 2014 li kienet kisbet rifużjoni li tilħaq total ta’ EUR 1 0 99  539 mingħand Propapier (għajnuna addizzjonali bl-imgħax).

(41)

L-awtorità awtorizzanti għall-għotja ta’ investiment hija l-Uffiċċju tal-Finanzjament ta’ Frankfurt (Oder).

2.8.   KONTRIBUZZJONI GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

(42)

Brandenburg-Nordost kien reġjun bi problemi ekonomiċi u soċjali konsiderevoli, li fih il-PDG per capita fl-2004 kien ta’ 76,3 % tal-medja tal-EUR-27 (11) u r-rata tal-qgħad fl-2005 kienet ta’ 19,8 % (220 % tal-medja tal-UE-27 u 178 % tal-medja tal-Ġermanja).

(43)

Sabiex tippromwovi l-iżvilupp reġjonali f’din iż-żona, il-Ġermanja ddeċidiet li l-appoġġ u l-għajnuna għandhom jingħataw lill-industrija tal-manifattura u l-ipproċessar tal-karta, bħala settur promettenti tal-ekonomija ta’ Brandenburg-Nordost. Ħasbet li l-fabbrika tal-karti, li ġabet teknoloġija importanti fir-reġjun, kienet tħeġġeġ lil industriji primarji ġodda sabiex jirrilokaw u jestendu l-katina tal-valur miżjud (impjanti tal-kartun korrugat, imballaġġ eċċ.). Ħasbet ukoll li l-investiment f’fabbrika tal-karti moderna kien juri li Eisenhüttenstadt kienet ħerqana li tiddiversifika l-profil ekonomiku tagħha, u ma tiffokax biss fuq l-industrija tal-metall. Il-manifattura ta’ materjal ikkorrugat għall-kontenituri, minn fibra rriċiklata żżomm mal-pjan tal-belt ta’ Eisenhüttenstadt sabiex tistabbilixxi ekonomija ta’ riċiklaġġ fiż-żona.

(44)

Skont in-notifika oriġinali, il-proġett ta’ investiment ikun ser joħloq 150 impjieg dirett (inklużi 36 fl-impjant tal-enerġija) u madwar 450 impjieg indirett (12).

3.   TĦASSIB DWAR IL-KOMPETIZZJONI U RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(45)

Fid-deċiżjoni annullata l-Kummissjoni kkonkludiet li ma kinux inqabżu l-limiti stabbiliti skont il-punti 68(a) u (b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. Il-Kummissjoni kompliet billi ddikjarat li, skont il-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, il-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali biex tagħmel verifika ddettaljata biss sabiex tara jekk il-benefiċċji tal-miżura tal-għajnuna kinux jisbqu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’każijiet biss li fihom jinqabeż wieħed mil-limiti stipulati fil-punt 68(a) jew (b). Il-Kummissjoni kompliet billi qalet li l-konformità mal-limiti stabbiliti għall-ishma mis-suq u ż-żidiet tal-kapaċità u tnaqqis fl-intensità massima tal-għajnuna skont il-punt 67 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali tiżgura li kwalunkwe effett li t-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni tal-għajnuna ma jaqbiżx livell li jikkonforma mal-objettiv tal-iżvilupp reġjonali. Argumentat ukoll li l-prekundizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali jiżguraw li l-għajnuna tagħmel kontribuzzjoni għall-iżvilupp reġjonali. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni sabet li l-miżura kienet kompatibbli mal-Artikolu 87(3)(a) KE.

(46)

Fis-sentenza tagħha fil-kawża T-304/08, il-Qorti stabbilixxiet li l-issodisfar tal-kriterji rilevanti kollha tal-kompatibbiltà fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali mhijiex prova biżżejjed li l-miżura inkwistjoni ser ikollha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp reġjonali u li mill-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali ma jidhirx li l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa prekluż meta ma jkunux inqabżu l-limiti għall-ishma mis-suq u ż-żidiet tal-kapaċità (13). Il-Qorti sabet ukoll li, waħedhom, il-valutazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata ma setgħux jippermettu lill-Kummissjoni tneħħi kull dubju dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni fid-dawl tad-deroga pprovduta fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE, peress li l-applikazzjoni ta’ dik id-deroga tassumi li l-benefiċċji tal-miżura inkwistjoni jisbqu l-iżvantaġġi tagħha, limitati kemm ikunu limitati dawn tal-aħħar. B’konsegwenza ta’ dan, fis-sentenza tagħha l-Qorti tindika li l-Kummissjoni hija obbligata tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali b’konformità mal-Artikolu 108(2) TFUE f’każijiet li fihom ikun hemm dubji dwar l-impatt pożittiv tal-għajnuna, anki jekk ma jkunux inqabżu l-limiti stabbiliti fil-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

(47)

Fil-paragrafi 118 u 127 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni tirreferi għall-argument tal-ilmentatur li l-kapaċità maħluqa mill-proġett ta’ Propapier kienet taqbeż il-limitu ta’ 5 % stipulat fil-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fis-swieq rilevanti għall-valutazzjoni u li l-għajnuna favur Propapier kienet toħloq distorsjoni serja għall-kompetizzjoni f’settur li kien qiegħed ibati minn kapaċità strutturali żejda. Skont l-ilmentatur, l-industrija kienet irreaġixxiet billi naqqset il-kapaċità, iżda l-kapaċità maħluqa minn Propapier kienet tkompli tgħarraq il-problemi settorjali eżistenti billi toħloq kapaċitajiet ġodda li kienu jieħdu post il-kapaċità tal-fabbriki tal-produzzjoni li kienu ġew dekummissjonati sabiex jerġa’ jinkiseb il-bilanċ kompetittiv fis-suq tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri.

(48)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk kinitx teżisti sitwazzjoni ta’ kapaċità strutturali żejda fis-settur u jekk l-għajnuna lil Propapier kinitx ser tgħin sabiex tinżamm jew tissaħħaħ dik is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħalliet miftuħa għal kummenti mingħand partijiet terzi l-kwistjoni dwar jekk, fil-fatt, l-effett ta’ żieda tal-kapaċità li kellu jiġi kkunsidrat kienx jaqbeż il-5 % tal-konsum apparenti fis-suq rilevanti. Il-Kummissjoni stqarret li ma setgħetx tasserixxi bla dubju fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata li l-effetti pożittivi tal-għajnuna kienu jisbqu l-effetti negattivi tagħha (id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri) jew li ma kienx ser jinqabeż il-limitu stabbilit fil-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

(49)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri u lill-partijiet sabiex jikkummentaw dwar l-applikazzjoni t-tajba tat-test stabbilit fil-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni talbet informazzjoni li tippermettilha tikkonkludi jekk is-suq rilevanti kellux kapaċità strutturali żejda matul il-perjodu 2001-2006, jekk l-għajnuna notifikata kinitx iżżomm jew issaħħaħ it-tali sitwazzjoni, u jekk l-effetti pożittivi tal-għajnuna lil Propapier setgħux jisbqu l-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jew l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4.   KUMMENTI MILL-ILMENTATUR SMURFIT KAPPA

4.1.   RIMARKI PRELIMINARI

(50)

L-ewwel nett, Smurfit Kappa jindika li l-Ġermanja trid turi li l-proġett ta’ Propapier mhuwiex ser jikkaġuna distorsjoni inaċċettabbli tal-kompetizzjoni, u mhux Smurfit Kappa.

(51)

Smurfit Kappa jinsisti li, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża T-304/08, il-Kummissjoni hija meħtieġa tivverifika jekk il-benefiċċji antiċipati tal-għajuna jisbqux id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u tosserva li l-limiti stabbiliti fil-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali saru irrilevanti peress li nbdiet proċedura ta’ investigazzjoni formali.

4.2.   DEFINIZZJONI TAS-SUQ

(52)

Smurfit Kappa jikkummenta fuq id-definizzjoni provviżorja tas-suq tal-prodotti stipulat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-Kummissjoni (li hija l-istess bħad-definizzjoni fid-deċiżjoni annullata) u jirreferi għat-talba tiegħu lill-Qorti tal-5 ta’ Awwissu 2008 sabiex tannulla d-deċiżjoni dwar l-għajnuna oriġinali Nru 582/07 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa t-“talba”), li fiha Smurfit Kappa argumenta li d-definizzjoni kienet żbaljata.

(53)

Skont Smurfit Kappa, ma hemmx suq għal testliners li jiżnu sa 150 g/m2 jew għal skanalatura rriċiklata u Propapier kellha l-ħsieb li tuża l-magna tal-karti l-ġdida tagħha, PM2, biex timmanifattura skanalatura u testliners III li jiżnu 70/100 g/m2 u skanalatura li tiżen 70/130 g/m2 (informazzjoni mill-istqarrijiet għall-istampa), mhux testliners li jiżnu sa 150 g/m2 jew skanalatura rriċiklata, u dan jimplika li jrid jiġi kkunsidrat suq saħansitra iċken. Għalhekk, Smurfit Kappa jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi s-suq tal-prodotti rilevanti bi preċiżjoni akbar.

4.3.   KALKOLU TAŻ-ŻIEDA TAL-KAPAĊITÀ

(54)

Smurfit Kappa jirreferi għal informazzjoni minn intervisti u stqarrijiet għall-istampa li jiddikjaraw li l-fabbrika tal-karti l-ġdida ser tkun tiflaħ timmanifattura 6 50  000 tunnellata jew saħansitra 7 50  000 tunnellata ta’ materjal ikkorrugat għall-kontenituri fis-sena, ferm aktar mill-kapaċità notifikata mill-Ġermanja. Smurfit Kappa jikkonkludi li l-Kummissjoni ma għandhiex toqgħod fuq il-figuri notifikati mill-Ġermanja u għandha tagħmel investigazzjonijiet għal rasha.

(55)

Smurfit Kappa jibbaża l-biċċa l-kbir tal-argumenti tiegħu fuq studju li sar minn London Economics (Economic analysis of State aid given to Progroup AG (14)) li sar fl-2007, ikkummissjonat minn Smurfit Kappa u li jiddikjara li l-espansjoni fil-produzzjoni ser jibdel lil Progroup minn xerrej nett tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri għal bejjiegħ nett ta’ madwar 2 50  000 tunnellata fis-sena. Fuq il-bażi tal-kapaċità ġenerali ta’ 6 50  000 tunnellata fis-sena tal-impjant il-ġdid PM2 (figura preżunta minn Smurfit Kappa), dan inaqqas id-domanda tal-kumpanija għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri mixtri xi mkien ieħor b’4 00  000 tunnellata fis-sena. Minn dan, Smurfit Kappa jikkonkludi li s-6 50  000 tunnellata sħaħ fis-sena għandhom ikunu inklużi fid-dejta dwar is-suq ħieles (jiġifieri s-suq għall-bejgħ lil partijiet terzi biss, filwaqt li jiġu injorati l-provvisti prodotti).

(56)

Smurfit Kappa jargumenta li jrid jiġi kkunsidrat l-“effett tal-qlib” (ix-“shifting effect” deskritt fl-istudju ta’ London Economics). Skont Smurfit Kappa, il-materjal ikkorrugat għall-kontenituri użat fil-grupp finalment ser isir a skapitu tal-bejgħ minn manifatturi oħrajn fis-suq ħieles, jiġifieri Progroup mhuwiex ser jibqa’ jixtri dak il-materjal ikkorrugat għall-kontenituri mis-suq ħieles. Għalhekk, iż-żieda propja tal-kapaċità tiġi daqslikieku kienet bejgħ ġdid minn Propapier fis-suq ħieles, flimkien mal-bejgħ ta’ manifatturi oħrajn “meħlusin” fis-suq ħieles. Skont Smurfit Kappa, b’dan tinkiseb il-kapaċità tal-produzzjoni globali l-ġdida propja.

(57)

Smurfit Kappa ssottometta tabella tal-Excel datata t-30 ta’ Ġunju 2008 (Anness A.10 għall-applikazzjoni) u juża ċerti figuri tagħha minn rapport ta’ Henry Poole Consulting (15) datat 2007. It-tabella turi domanda ta’ 2 40  000 tunnellata fis-sena fis-suq tal-materjal irriċiklat ikkorrugat għall-kontenituri għal Progroup fl-2008 u tbassar li Propapier ser tipproduċi u tbigħ 2 85  000 tunnellata fis-sena ta’ materjal irriċiklat ikkorrugat għall-kontenituri fis-suq fl-2010 (jiġifieri wara l-proġett tal-investiment). Smurfit Kappa huwa tal-fehma li l-impatt globali tal-proġett ta’ investiment assistit fis-suq miftuħ tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri huwa ekwivalenti għat-total ta’ dawn iż-żewġ figuri (5 25  000 tunnellata fis-sena = 2 85  000 tunnellata fis-sena mhux użati fil-grupp + 2 40  000 tunnellata fis-sena li Progroup ma jibqax ikollu bżonn jixtri mis-suq ħieles) u li dan għandu jintuża biex tiġi kkalkolata ż-żieda tal-kapaċità skont it-tifsira tal-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

(58)

Smurfit Kappa jirrifjuta wkoll il-figura ta’ 1 50  000 tunnellata fis-sena kkwotata minn Propapier għaż-żieda tal-kapaċità għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri fis-suq ħieles. Smurfit Kappa jiddikjara li l-impjant il-ġdid tal-kartun ikkorrugat mibni minn Progroup fi Stryków (il-Polonja) ser juża biss madwar 1 00  000 tunnellata karta rriċiklata fis-sena. Anki jekk din id-domanda addizzjonali titnaqqas mis-6 50  000 tunnellata fis-sena, il-kapaċità globali ta’ 5 50  000 tunnellata fis-sena tibqa’ xorta waħda.

(59)

Fuq dik il-bażi, Smurfit Kappa jikkonkludi li ż-żieda tal-kapaċità mill-proġett ta’ investiment assistit ta’ Propapier taqbeż il-limitu ta’ 5 % stabbilit fil-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali (imkejla fil-konfront tal-figuri għall-2006 għas-suq ħieles għal materjal ikkorrugat għall-kontenituri).

4.4.   KAPAĊITÀ ŻEJDA

(60)

Smurfit Kappa jargumenta li s-suq tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri kien qiegħed ibati minn kapaċità strutturali żejda fil-ħin materjali (2001 sal-2006). Skont Smurfit Kappa, is-suq kien qiegħed iġarrab nuqqas ta’ tkabbir raġonevoli fid-domanda u ħafna mill-kapaċità l-ġdida kienet iffinanzjata bl-għajnuna mill-Istat, u b’hekk kienet qiegħda tkompli żżid il-kapaċità żejda. Għalhekk, manifatturi oħrajn tal-karti kellhom jagħlqu il-faċilitajiet ta’ produzzjoni sabiex jibqgħu kompetittivi (Smurfit Kappa għalaq14-il magna tal-karti bejn l-2001 u l-2008). Smurfit Kappa jirreferi għall-istudju ta’ London Economics, li jiddikjara li l-kapaċità l-ġdida (speċjalment il-kapaċità ġdida ffinanzjata bl-għajnuna mill-Istat) qiegħda tħalli impatt negattiv serju fuq il-kompetizzjoni. L-istudju jirreferi għal diffikultajiet kbar fis-suq Ewroprew tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri bejn l-2002 u l-2006 u problemi serji ta’ kapaċità żejda f’dan is-settur. Il-figuri huma bbażati fuq id-dejta mingħand il-Groupement Ondulé kif ukoll Smurfit Kappa u jikkwotaw li ntużat anqas minn 90 % tal-kapaċità bejn l-2003 u l-2005. Il-figuri għall-2006 u l-2007 huma aktar minn 90 %, għalkemm l-istudju jinkludi figuri alternattivi għal dawk is-snin li mill-ġdid jagħtu użu tal-kapaċità ta’ anqas minn 90 % “bla ebda żieda tal-kapaċità”.

4.5.   KONTRIBUZZJONI GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI U ANALIŻI TAL-EFFETTI POŻITTIVI U NEGATTIVI

(61)

F’termini tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna f’termini tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’suq li jbati minn kapaċità strutturali żejda, Smurfit Kappa jiddikjara li l-bini ta’ magna tal-karti f’post u t-trasport u l-installazzjoni tagħha f’żona oħra ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp teknoloġija ta’ dik iż-żona per se. Smurfit Kappa jżid li, minbarra l-impjant tal-enerġija u l-impjant tat-trattament tal-ilma mormi, li t-tnejn li huma jagħmlu parti mill-proġett ta’ Propapier, il-proġett mhuwiex ser jattira xi investiment ieħor lejn iż-żona u li l-iffullar tal-fabbriki tal-karti ma jistax ikun mistenni li jiġġenera titjib fl-effiċjenza. Lanqas ma tista’ tkun mistennija xi estensjoni fil-katina tal-valur miżjud, peress li ma hemm ebda klijenti għall-kartun ikkorrugat fiż-żona u, għalhekk, ma hemm xejn x’jiġġustifika l-bini ta’ impjant tal-kartun ikkorrugat.

(62)

Smurfit Kappa jkompli jiddikjara fl-2007 diġà kien ċar li, ikunu xi jkunu n-numru u l-kwalità tal-impjiegi maħluqin mill-investiment ta’ Propapier, l-għadd ta’ impjiegi mitlufin xi mkien ieħor ikun ogħla.

(63)

Fuq il-bażi tal-figuri kkwotati fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, Smurfit Kappa jikkalkola li kull impjieg dirett maħluq ser jiswa EUR 3 50  000 f’għajnuna. Smurfit Kappa jistaqsi kemm dawk l-impjiegi verament ser jibqgħu fir-reġjun għal dejjem u jekk jistgħux jitqiesu bħala impjiegi ta’ kwalità. Smurfit Kappa jiddubita wkoll li r-reġjun fil-fatt ser jiggwadanja minn dawn l-impjiegi, peress li wħud mill-impjegati ta’ Propapier jivvjaġġaw minn reġjuni oħrajn. Smurfit Kappa għandu dubji għaliex mhuwiex persważ jekk il-fatt li ċerti membri tat-tim ta’ produzzjoni ċentrali ġejjin mill-impjant ta’ Propapier f’Burg (Sassonja-Anħalt) jistax jitqies bħala vantaġġ li jiġġustifika l-għajnuna.

(64)

Rigward il-529 impjieg indirett, Smurfit Kappa jikkwota membru tal-bord tad-diretturi ta’ Propapier, li qal li fl-2010 kienu ser jinħolqu 329 impjieg dirett biss u li kemm kemm aktar minn 60 % (biss) tal-impjegati kienu ġejjin mir-reġjun. Smurfit Kappa huwa tal-fehma li hemm bżonn ta’ informazzjoni li tidħol fid-dettall (eż. dwar jekk l-impjiegi għax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew proġetti ta’ infrastruttura ġewx inklużi u jekk l-impjiegi indiretti humiex ser ikunu permanenti) sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni xierqa tal-impatt fuq ir-reġjun u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tivverifika dan kollu fid-dettall.

4.6.   GĦAJNUNA INFRASTRUTTURALI GĦAL PROPAPIER

(65)

Smurfit Kappa jirreferi għad-deċiżjoni separata tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna infrastrutturali lil Propapier (kawża SA.36147), u huwa tal-fehma li l-għajnuna għall-impjant tat-trattament tal-ilma mormi hija għajnuna għall-investiment li ma tistax titqies li hija separata mill-għajnuna indirizzata fid-deċiżjoni ta’ ftuħ fil-kawża SA.23827 u jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex teżamina ż-żewġ miżuri taħt l-istess proċedura u tispjega għaliex ma jistgħux jitqiesu bħala partijiet mill-istess proġett.

5.   KUMMENTI MILL-ĠERMANJA

5.1.   KUMMENTI PRELIMINARI

(66)

Il-Ġermanja hija tal-fehma li l-Kummissjoni ma missiex fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE wara l-annullament tad-Deċiżjoni N 582/07; minflok, missha adottat deċiżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (16). Il-Ġermanja tindika li s-sentenza tal-Qorti fil-kawża T-304/08 ma rrikjeditx li l-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, il-Ġermanja ma tistax tifhem kif, fin-nuqqas ta’ fatti ġodda, il-Kummissjoni issa qiegħda tixħet dubji fuq jekk is-suq tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri kienx qiegħed ibati minn kapaċità żejda qabel l-2008, wara li fid-deċiżjoni annullata kienet iddikjarat li ma kienx qiegħed ibati minn kapaċità żejda u li ma kienx inqabeż il-limitu ta’ 5 % stabbilit fil-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali u wara li ddefendiet dak l-argument quddiem il-Qorti Ġenerali.

(67)

Il-Ġermanja tosserva li s-sempliċi fatt li lmentatur daħal f’kuntatt ma jissostanzjax “diffikultajiet serji” għall-Kummissjoni f’termini tal-istabbiliment ta’ jekk l-għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern u tispjega li l-għażla tal-proċedura applikabbli ma tistax tiġi stabbilita minn “operaturi tas-suq terzi”. Skont il-Ġermanja, dawn il-konklużjonijiet huma sostnuti mill-fatt li l-benefiċjarju tal-għajnuna ma għandux influwenza akbar fuq il-kompetizzjoni wara l-investiment milli kellu qabel (peress li ma għandux sehem mis-suq akbar). Il-Ġermanja tindika li, primarjament, il-fabbrika tal-karti kellha l-għan li tissodisfa d-domanda addizzjonali għal materjal ikkorugat għall-kontenituri fi Progroup.

(68)

Il-Ġermanja żżid li, jekk tiddeċiedi li tagħmel verifika ddettaljata, il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-fatt li l-limiti stabbiliti fil-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali ma kinux inqabżu bħala indikatur importanti tal-fatt li l-għajnuna għandha impatt limitat biss fuq il-kompetizzjoni.

(69)

Il-Ġermanja ssottomettiet diversi studji:

(a)

rapport mill-2013 dwar analiżi ekonomika tal-għajnuna għall-investiment lil Progroup (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ir-“rapport ECA”) (17), ikkummissjonat minn Progroup sabiex jintuża mal-kawża SA.23827. Ir-rapport huwa msejjes fuq informazzjoni pprovduta minn Pöyry Management Consulting Oy (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Pöyry”);

(b)

rapport mill-2013 ta’ Roland Berger Strategy Consultants (18) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ir-rapport ta’ Roland Berger”) ikkummissjonat minn Progroup. Ir-rapport fih paragun ex post bejn il-post tal-investiment magħżul (Eisenhüttenstadt) u post alternattiv ([…]);

(c)

rapport ta’ analiżi minn Deutsche Bank Research dwar Smurfit Kappa mill-2007 (19) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-istudju ta’ Deutsche Bank”).

(70)

Il-Ġermanja ssottomettiet ukoll kopji tat-talbiet u l-esibiti użati fil-kawża T-304/08.

5.2.   DEFINIZZJONI TAS-SUQ

5.2.1.   IS-SUQ RILEVANTI GĦALL-MATERJAL IKKORUGAT GĦALL-KONTENITURI – SUQ ĦIELES IMQABBEL MAS-SUQ GLOBALI

(71)

Il-Ġermanja toġġezzjona għad-dikjarazzjonijiet ta’ Smurfit Kappa li l-magna ta’ PM2 ġiet ottimizzata għall-produzzjoni ta’ piżijiet tal-gramma ta’ bejn 70 g/m2 u 130 g/m2, iżda tista’ tiġi kkonvertita għal karta itqal jew eħfef fi kwalunwke stadju, li, minn perspettiva teknika, il-magna ta’ PM2 tista’ tipproduċi piżijiet tal-gramma li jaslu sa 150 g/m2 u li Propapier għandha wkoll interess kummerċjali fil-manifattura ta’ piżijiet tal-gramma itqal, peress li l-prezz tas-suq tagħhom qiegħed jiżdied. Il-Ġermanja żżid li l-argumenti ta’ Smurfit Kappa jikkontradixxu l-prattika stabbilita ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (l-ispeċifikazzjonijiet applikati minn Smurfit Kappa jxekklu anki l-iżgħar segmentazzjoni tas-suq applikata mill-Kummissjoni għall-fini ta’ definizzjoni tas-suq f’każijiet simili).

(72)

Fil-kummenti tagħha, il-Ġermanja tiddikjara wkoll li distinzjoni bejn is-suq ħieles u s-suq globali hija irrilevanti. Is-suq ħieles mhuwiex is-suq tal-prodotti rilevanti; huwa parti mis-suq globali għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri. Il-Ġermanja targumenta li ma hemm ebda statistika indipendenti fis-suq ħieles u li l-impatt tal-investiment assistit fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ jista’ jiġi vvalutat biss fuq il-bażi tas-suq globali.

(73)

Il-Ġermanja targumenta wkoll li d-distinzjoni bejn materjal ikkorugat għall-kontenituri użat f’impriża integrata vertikalment u materjal ikkorugat għall-kontenituri fornit lis-suq ħieles tidher li hija distinzjoni artifiċjali u arbitrarja, li l-karta pproċessata f’impriżi integrati vertikalment hija kważi kompletament interkambjabbli mal-karta mqiegħda għad-dispożizzjoni tas-suq ħieles (materjal bażi identiku u karatteristiċi tal-prodott simili) u li manifatturi integrati vertikalment jinnegozjaw miż-żewġ naħat tas-suq (u dan jirriżulta f’effetti tas-suq fuq il-prezz tal-provvista/domanda fis-suq globali u fil-katina tal-valur miżjud), u dan ifisser li ma hemm ebda suq ħieles indipendenti. Il-materjal ikkorugat għall-kontenituri użat fi grupp u materjal ikkorugat għall-kontenituri fornit lis-suq ħieles huma interdipendenti: manifatturi integrati vertikalment ifornu materjal ikkorugat għall-kontenituri anki direttament lil fabbriki kompetituri tal-kartun ikkorrugat u jixtru wkoll materjal ikkorugat għall-kontenituri mingħand fabbriki kompetituri oħrajn sabiex jottimizzaw il-produzzjoni u l-loġistika tagħhom. Skont il-Ġermanja, il-kwantitajiet involuti fit-tali tranżazzjonijiet ta’ ottimizzazzjoni għandhom jiġu askritti għas-suq ħieles għall-materjal tal-kaxxi mmewġin, jekk fil-fatt issir dik id-distinzjoni.

(74)

Il-Ġermanja tkompli billi targumenta li hemm suq uniku għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri li jkopri materjal ikkorugat għall-kontenituri minn fibra rriċiklata u ġdida, indipendentement mill-piż tal-gramma tagħha, li testliners u skanalatura rriċiklata, minn naħa, u kraftliners u skanalatura SC, mill-oħra, huma interkambjabbli kemm għall-fornituri kif ukoll għall-klijenti, li kważi kull fabbrika tal-karti għandha l-kapaċità teknika li tuża l-istess magni biex timmanifattura materjal ikkorugat għall-kontenituri kemm minn fibra rriċiklata kif ukoll ġdida u li l-fabbrika ta’ Eisenhüttenstadt tkun tista’ tuża fibra ġdida wara investiment ta’ darba ta’ EUR […] miljun, li mhuwiex aktar minn […] % mill-investiment globali.

(75)

Targumenta li l-manifatturi jaqilbu l-produzzjoni tagħhom għal piżijiet tal-gramma aktar baxxi jew ogħla b’rabta mal-prezzijiet li jaqgħu għal ċerti piżijiet tal-gramma, li l-ktajjen ta’ sostituzzjoni mbagħad iġibu magħhom aġġustamenti fil-prezzijiet u l-kwantitajiet u li, min-naħa tad-domanda, il-klijenti (kumpaniji tal-imballaġġ) jistgħu jibdlu l-piżijiet tal-gramma itqal ma’ bosta saffi ta’ piżijiet tal-gramma eħfef orħos sabiex jikkumpensaw għad-differenzi sinifikanti fil-prezzijiet bejn il-materjal ikkorugat għall-kontenituri eħfef u dak itqal.

(76)

Tkompli targumenta li, min-naħa tal-provvista, l-inforri u l-iskanalatura huma kompletament interkambjabbli u li l-magni jistgħu jipproduċu t-tnejn li huma u faċilment jistgħu jiġu kkonvertiti.

(77)

Fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, il-Ġermanja tispjega li bosta fatturi jindikaw li s-suq jestendi lil hinn miż-ŻEE. Pereżempju, kunsinni kbar ta’ materjal ikkorugat għall-kontenituri huma importati fiż-ŻEE, pereżempju miċ-Ċina, u esportati miż-ŻEE, pereżempju, lejn l-Afrika, il-Lvant Nofsani, l-Asja u t-Turkija (5 85  000 tunnellata fl-2005). Fl-2007, madwar. […] % tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri mixtri minn Progroup ġie importat minn barra ż-ŻEE ([…] tunnellata minn […]).

(78)

Finalment, il-Ġermanja tindika li hemm suq rilevanti wieħed biss għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri, li tal-anqas ikopri ż-ŻEE u jinkludi fih il-bejgħ intragrupp, l-inforri, u l-iskanalatura, il-piżijiet kollha tal-gramma u l-materjal ikkorugat għall-kontenituri immanifatturat kemm minn fibra rriċiklata kif ukoll ġdida. Skont il-Ġermanja, din il-konklużjoni hija sostnuta mir-rabta mill-qrib bejn il-prezzijiet għat-testliners tal-piżijiet tal-gramma kollha u l-prezzijiet għat-testliners u l-kraftliners (anki wara li jitqiesu l-kostijiet tal-input għall-materja prima użata) (20).

5.2.2.   IS-SUQ RILEVANTI GĦALL-KARTUN IKKORRUGAT

(79)

Il-Ġermanja taqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha li l-kartun ikkorrugat jirrappreżenta suq tal-prodotti rilevanti separat (kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll tad-domanda).

(80)

Fil-kummenti tagħha l-Ġermanja tiddikjara li s-suq ġeografiku rilevanti għall-kartun ikkorrugat ikopri ż-ŻEE (kif stipulat fil-punt 70 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali), li ma hemm ebda ostakolu għall-kummerċ, ebda differenza teknika u ebda preferenza nazzjonali, li l-kartun ikkorrugat huwa prodott bi standards uniformi u li l-prezzijiet medji fiż-ŻEE huma bejn wieħed u ieħor l-istess. Il-Ġermanja tiddikjara li l-akbar impjant ta’ Progroup (Burg) jibgħat aktar minn […] % mill-produzzjoni tal-kartun ikkorrugat tiegħu (skont il-volum) tal-anqas 400 km ‘il bogħod, aktar minn […] % tal-anqas 500 km ‘il bogħod u madwar […] % bejn 700 u 1  100 km ‘il bogħod. Il-Ġermanja tiddikjara li, jekk jitqiesu l-impjanti kollha ta’ Progroup f’daqqa, fl-2007 Progroup forna tal-anqas […] % mill-produzzjoni tiegħu lil klijenti li jinsabu tal-anqas 400 km ‘il bogħod, u ġeneralment jaqsam tal-anqas fruntiera nazzjonali waħda, li ħafna miż-żoni tal-kunsinna ta’ Progroup jidħlu ġo xulxin u jkopru sehem kbir miż-ŻEE u li l-kunsinni ta’ bejn […] % u […] % tal-kunsinni tal-kartun ikkorrugat mill-impjanti ta’ Progroup jaqsmu tal-anqas fruntiera waħda, u dan ifisser li definizzjoni tas-swieq ġeografiċi rilevanti bbażata fuq l-impjanti tirriżulta fi swieq internazzjonali.

(81)

Tiddikjara li l-prezzijiet medji għall-kartun ikkorrugat fil-pajjiżi ŻEE forniti jkun ivarja b’anqas minn 10 % u li din id-differenza għandha titqies bħala waħda żgħira, peress li l-prezzijiet għal tipi individwali ta’ kartun ikkorrugat jistgħu jvarjaw sa 20 % mill-medja fil-Ġermanja.

(82)

Tiddikjara li l-kostijiet tat-trasport imġarrbin fil-Progroup sħiħ għal kunsinni tal-kartun ikkorrugat ittrasportat tal-anqas 600 km huma anqas minn […] % mill-fatturat totali. Madankollu, dak il-perċentwal jiddependi b’mod sinifikanti fuq it-tip ta’ kwalità.

(83)

Il-Ġermanja tiddikjara li, minħabba s-sovrappożizzjonijiet fis-swieq lokali, effett tal-katina ta’ sostituzzjoni japplika u jaffettwa l-prezzijiet u l-kundizzjonijiet f’żona li hija ferm akbar miż-żona tal-qbid tal-bejgħ ta’ impjant wieħed u li, jekk fabbrika waħda twaqqa’ l-prezzijiet tagħha, iż-żona tal-provvista tinxtered fiż-żona tal-eqreb kompetituri, li jirreaġixxu għat-tnaqqis fid-domanda għall-produtt tagħhom u l-użu tal-kapaċità tagħhom li jonqos b’politika tal-prezzijiet aktar aggressiva, li mbagħad taffettwa żoni mhux affettwati mill-espansjoni oriġinali taż-żona tal-provvista. Aktar ma jkunu kbar is-sovrappożizzjonijiet bejn iż-żoni tal-provvista, aktar ikunu qawwijin l-effetti tal-prezz. Hemm sovrappożizzjonijiet ferm qawwijin fis-suq tal-kartun ikkorrugat.

(84)

Għalhekk, il-Ġermanja targumenta li ma hemmx bżonn li jiġi kkunsidrat suq iċken (meta mqabbel mas-suq ikkunsidrat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha), li jinkludi biss il-pajjiżi ewlenin forniti minn Propapier PM2.

5.2.3.   SEHEM MIS-SUQ

(85)

Il-Ġermanja tiddikjara li, fuq il-bażi tad-definizzjonijiet tas-suq proposti mill-Ġermanja, is-sehem mis-swieq rilevanti ta’ Progroup kien ferm anqas minn 25 % kemm qabel kif ukoll wara l-investiment. Il-Ġermanja tissottometti l-istess dejta dwar is-sehem mis-suq (għal materjal ikkorugat għall-kontenituriu kartun ikkorrugat) bħal fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-Kummissjoni u tissottometti figuri addizzjonali għal materjal ikkorugat għall-konteniturifuq il-bażi tal-assunzjoni li s-suq ġeografiku rilevanti jkopri ż-ŻEE u l-pajjiżi tal-viċinat. Dawn il-figuri addizzjonali juru l-ishma mis-suq għall-2011, li huma ftit anqas mill-ishma kkwotati fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-Kummissjoni.

5.3.   KALKOLU TAŻ-ŻIEDA TAL-KAPAĊITÀ

(86)

Il-Ġermanja tiċħad il-figuri tal-kapaċità adottati minn Smurfit Kappa, li huma bbażati fuq kapaċità maħluqa ta’ 6 50  000 jew saħanistra 7 50  000 tunnellata fis-sena. Il-Ġermanja tispjega li l-figura ta’ 6 50  000 tunnellata kull sena kkwotata minn Smurfit Kappa b’rabta mal-kapaċità ta’ Propapier tirrifletti l-kapaċità teknika massima possibbli u mhux il-kapaċità ta’ produzzjoni propja ta’ Propapier PM2, li hija anqas peress li l-magna tal-karti użata minn Propapier PM2 aktarx ser tintuża l-aktar biex tipproduċi materjal ikkorugat għall-kontenituri ta’ piż tal-gramma eħfef (u, peress li l-manifattura tagħha hija aktar ikkumplikata, fi kwantitajiet iżgħar). Il-Ġermanja tiddikjara li, fl-2012, Propapier PM2 ipproduċiet madwar [< 6 15  000] tunnellata.

(87)

Il-Ġermanja żżid li, anki jekk wieħed jassumi produzzjoni ta’ 6 50  000 tunnellata fis-sena, iż-żieda tal-kapaċità fis-suq tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri ma taqbiżx il-5 %. Il-Ġermanja tkompli tispjega li l-kapaċità ta’ 7 50  000 tunnellata fis-sena kkwotata minn Smurfit Kappa hija l-kapaċità teorika użata sabiex tinkiseb liċenzja skont l-Att Federali tal-Ġermanja dwar il-Kontroll tal-Emissjonijiet.

(88)

Il-Ġermanja hija tal-fehma li l-kapaċità globali ta’ 6 15  000 tunnellata fis-sena għandha tiġi injorata sabiex tiġi kkalkolata ż-żieda tal-kapaċità fis-suq ħieles peress li, minn dik il-kapaċità totali, [> 3 65  000] tunnellata fis-sena jintużaw internament u [< 2 50  000] tunnellata biss fis-sena jinbiegħu fis-suq ħieles. Il-Ġermanja tiddikjara li l-Kummissjoni kkalkolat kif suppost iż-żieda tal-kapaċità bħala proporzjon tas-suq globali fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha (21) u li d-determinazzjoni taż-żieda tal-kapaċità b’rabta mad-daqs tas-suq ħieles mhijiex adattata.

(89)

Il-Ġermanja tqis li l-figuri dwar il-kapaċità kkwotati minn Smurfit Kappa huma żbaljati, speċjalment il-figura ta’ 2 85  000 tunnellata ta’ materjal irriċiklat ikkorugat għall-kontenituri prodott minn Propapier fl-2010 bħala produzzjoni żejda għall-bejgħ fis-suq ħieles. Il-Ġermanja tiddikjara li dawn il-figuri huma bbażati fuq sors mhux magħruf.

(90)

Il-Ġermanja tirrifjuta l-metodu propost mill-ilmentatur sabiex tiġi kkalkolata ż-żieda tal-kapaċità fis-suq ħieles, li jqis l-“effett tal-qlib”. Il-Ġermanja targumenta li ż-żieda tal-kapaċità fis-suq ħieles u fis-suq globali tibqa’ l-istess ikun xi jkun is-sehem li Propapier fil-fatt tbigħ fis-suq ħieles; b’hekk, iż-żieda tal-kapaċità kkalkolata għas-suq ħieles ma tinbidilx lanqas jekk Propapier ma tkun forniet ebda materjal ikkorugat għall-kontenituri affattu fis-suq ħieles u tuża l-produzzjoni kollha l-ġdida internament. Il-Ġermanja spjegat li l-kapaċità ta’ Propapier PM2 użata internament ma żżidx il-provvista lejn is-suq ħieles; id-domanda li trid tiġi ssodisfata sempliċiment tonqos. Għaldaqstant, il-Ġermanja tinsisti li, meta tiġi kkalkolata ż-żieda tal-kapaċità fis-suq ħieles, in-numeratur għandu jinkludi biss il-[< 2 50  000] tunnellata fis-sena għall-bejgħ fis-suq ħieles u d-domanda spostata ta’ 2 40  000 tunnellata fis-sena għandha tiġi kkunsidrata fid-denominatur, sabiex jonqos il-volum globali tas-suq ħieles.

(91)

Il-Ġermanja tiddikjara li figura ta’ [< 2 50  000] tunnellata fis-sena mibjugħa esternament hija figura realistika u kienet aċċettata mill-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni oriġinali u fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, u huwa wieħed jassum li l-impjant il-ġdid tal-kartun ikkorrugat ta’ Progroup ser juża madwar [100 000-200 000] tunnellata materjal ikkorugat għall-kontenituri fis-sena u li Progroup qiegħed jippjana li jiftaħ aktar impjanti fil-Lvant tal-Ewropa, li ser ikunu jeħtieġu sehem mill-produzzjoni ta’ Propapier PM2 għal użu intern ukoll.

5.4.   TKABBIR TAS-SUQ U KAPAĊITÀ ŻEJDA

(92)

Il-konformità mal-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali hija vverifikata bit-tqabbil tar-rata medja ta’ tkabbir fis-sena fil-konsum apparenti tal-prodott ikkonċernat matul l-aħħar ħames snin mar-rata medja ta’ tkabbir fis-sena tal-prodott domestiku gross fiż-ŻEE.

(93)

Il-Ġermanja ma taqbilx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha li, tul il-perjodu rilevanti (2001 sal-2006), is-suq tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri f’termini tal-volum u r-rata tat-tkabbir raeli tal-PDG taż-ŻEE żdiedu (rata tat-tkabbir ta’ 2,15 % għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri meta mqabbla mar-rata ta’ tkabbir ta’ 1,97 % għall-PDG), filwaqt li s-suq ċkien f’termini tal-valur (rata tat-tkabbir nominali ta’ 0,02 % għas-suq tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri, meta mqabbla ma’ rata tat-tkabbir nominali ta’ 3,98 % għall-PDG taż-ŻEE).

(94)

Il-Ġermanja tiddikjara li t-tkabbir tas-suq f’termini tal-volum biss jirrifletti ż-żieda propja fid-domanda f’dan is-suq. Il-Ġermanja tassumi li kapaċità addizzjonali f’suq li fih id-domanda tikber aktar mill-PDG malajr tista’ tiġi assorbita u, għalhekk, ftit li xejn tħalli effett fuq il-kompetizzjoni.

(95)

Il-Ġermanja tiddikjara wkoll li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessi 106 et seq. tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li l-PDG qiegħed jikber b’rata aktar mgħaġġla mis-suq globali għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri, tagħti stampa żbaljata, peress li tqabbel it-tkabbir tas-suq f’termini tal-valur mat-tkabbir tal-PDG f’termini tal-prezzijiet propji, jiġifieri b’dejta mhux ikkoreġuta għall-inflazzjoni. Il-Ġermanja hija tal-fehma li d-dejta fuq il-valur tirrifletti fatturi li jħallu impatt fuq l-ipprezzar, iżda li m’għandhom xejn x’jaqsmu mad-domanda propja (pereżempju, żieda fil-kostijiet tal-input tiġġenera tkabbir, anki jekk id-domanda propja tibqa’ kif inhi) u li n-nota f’qiegħ il-paġna 62 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, li tiddikjara li l-konsum apparenti jrid jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-“produzzjoni”, tissuġġerixxi li l-kalkoli għall-fini ta’ verifika skont il-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali għandhom isiru fuq il-bażi tal-kwantità prodotta bħala riżultat tal-proġett ta’ investiment (fuq il-bażi tal-volum).

(96)

Il-Ġermanja tirreferi għall-istudju ta’ Deutsche Bank mill-2007, li b’rabta mal-kapaċità tal-impjant ippjanat ta’ Propapier PM2 jispjega li l-kapaċitajiet il-ġodda mhumiex theddida; ifissru li hemm bżonn li tintlaħaq id-domanda (22). Il-Ġermanja tieħu l-pożizzjoni li dikjarazzjoni ċara bħal din magħmula minn esperti fl-industrija fl-2007 isserraħ l-irjus biżżejjed rigward il-kapaċità strutturali żejda.

(97)

Il-Ġermanja tiddikjara li l-kapaċità dekummissjonata fis-settur tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri li għalih jirreferi Smurfit Kappa kienet makkinarju qadim u ineffiċjenti u li d-dekummissjonar ma kienx xprunat minn sforzi sabiex jerġa’ jinkiseb il-bilanċ fis-suq bejn il-provvista u d-domanda. Ir-raġunijiet għad-dekummissjonar kienu jinkludu 1) it-tendenza dejjem aktar spissa fost il-klijenti li jmorru għal materjal eħfef ta’ materjal ikkorugat għall-kontenituri li ma jistax jiġi mmanifatturat b’magni qodma; 2) l-ekonomiji ta’ skala iżgħar bil-magni l-qodma minħabba l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni iżgħar tagħhom u 3) standardizzazzjoni dejjem akbar tal-wisgħa tal-prodott tal-makkinarju tal-kartun ikkorrugat għal 2,5/2,8 m, li rriżultat f’sehem kbir ta’ fdalijiet fil-prodotti ta’ magni mhux standardizzati li bihom il-materjal ikkorugat għall-kontenituri ikun fornit b’wisgħa differenti (23). Tiddikjara wkoll li Smurfit Kappa kien għalaq impjanti minn jeddu, filwaqt li fl-istess ħin investa f’kapaċitajiet ġodda fiż-ŻEE. Tirreferi għall-istudju ta’ Deutsche Bank, li kkwantifika l-konsolidazzjoni ta’ Smurfit Kappa (wara l-fużjoni mal-Jefferson Smurfit Group fl-2005) bħala tentattiv sabiex itejjeb il-kwalità tal-portafoll tal-assi tiegħu (24). Il-Ġermanja żżid li Smurfit Kappa mhux biss ma naqqasx, talli żied il-kapaċità netta tiegħu ta’ materjal ikkorugat għall-kontenituri fiż-ŻEE fi 8 mill-10 snin qabel l-2007 u matul il-perjodu kollu (25).

(98)

Mill-istudju ta’ Deutsche Bank kien jidher ċar ukoll li kien hemm bżonn ta’ tliet żidiet ippjanati magħrufin tal-kapaċità fl-Ewropa fl-2007 (Progroup, Mondi u SAICA) sabiex tiġi ssodisfata d-domanda antiċipata bejn l-2009 u l-2012 u dak l-użu tal-kapaċità ser jibqa’ għoli minkejja dawk iż-żidiet. Il-Ġermanja tosserva li l-istudju ta’ Deutsche Bank u d-dejta minn Pöyry għall-perjodu bejn l-2006 u l-2008 jikkwotaw rati ta’ użu tal-kapaċità ta’ aktar minn 90 %. L-istudju jikkwota wkoll it-tkabbir fil-PDG bħala l-fattur ewlieni tad-domanda fl-industrija tal-kartun immewweġ u l-materjal tal-kaxxi mmewġin u josserva li r-rata tat-tkabbir stmata tal-PDG ta’ 2,2 % (2007) u 2 % (2008) issostni s-CAGR li assuma għad-domanda (26) ta’ 2,9 % għall-perjodu bejn l-2006 u l-2009. Id-dejta dwar il-volum minn Pöyry, kif aċċettata fl-2007, tindika tkabbir annwali ta’ 1,5 % għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri bejn l-2005 u l-2015 fl-Ewropa tal-Punent u 6,2 % bejn l-2005 u l-2010 fl-Ewropa tal-Lvant, li jonqos għal 3,8 % għall-perjodu bejn l-2010 u l-2015. Fil-fehma tal-Ġermanja, perjodi bi tnaqqis fil-prezzijiet, perjodi twal għal espansjoni tal-kapaċità u domanda li tvarja huma normali f’dawn is-setturi ċikliċi u ma għandhomx jitqiesu bħala indikaturi tal-kapaċità strutturali żejda.

(99)

Finalment, il-Ġermanja tosserva li l-evidenza kollha għad-dispożizzjoni meta ġiet adottata d-deċiżjoni annullata kienet tindika li s-suq tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri kien qiegħed jikber meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ investiment u kien ser jibqa’ jikber wara l-2007 u li ma kien hemm xejn li jissuġġerixxi li hemm xi żbilanċ fis-suq tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri.

5.5.   EFFETT TA’ INĊENTIV

(100)

Il-Ġermanja hija tal-fehma li ma hemmx bżonn li jiġi vverifikat fid-dettall jekk l-għajnuna kellhiex effett ta’ inċentiv, peress li s-sehem mis-suq u l-limiti tal-kapaċità stabbiliti fil-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali ma nqabżux fuq il-bażi tal-figuri tal-Ġermanja. Il-Ġermanja tindika li dan l-effett ta’ inċentiv fiż-żmien li ġiet adottata d-deċiżjoni annullata kien ivverifikat biss fuq il-bażi ta’ kriterji formali u li dawk il-kriterji formali kollha kienu ssodisfati. B’hekk, dak iż-żmien ma kienx hemm bżonn li jiġi sottomess pjan sħiħ ta’ direzzjoni tan-negozju sabiex jintwera li l-għajnuna fil-fatt kienet fattur materjali fid-deċiżjoni li jiġi implimentat l-investiment f’żona assistita, u din hija r-raġuni għaliex Progroup ma ħejja ebda pjan iddettaljat bħal dan dak iż-żmien. Madankollu, il-Ġermanja tindika li l-president tal-bord u s-sid ta’ Progroup ikkonferma li l-għajnuna lil Progroup kienet fattur materjali fl-għażla ta’ Eisenhüttenstadt bħala s-sit għall-proġett ta’ investiment ta’ Propapier PM2 u li, mingħajrha, […] kienet tingħażel bħala s-sit tal-investiment. Għalhekk, Progroup ikkummissjona lil Roland Berger Strategy Consultants biex iqabblu l-fatturi ekonomiċi ta’ sit f’[…] mal-fatturi ekonomiċi tas-sit f’Eisenhüttenstadt.

(101)

Ir-rapport ta’ Roland Berger mill-2013 josserva li l-iskop tal-investiment kien li jtejjeb il-[…] ta’ Progroup, li […] tqies l-aħjar sit minħabba […] u li vantaġġi oħrajn tas-sit ta’ […] kienu: […] irħas, […] irħas u anqas […] u […] (27). Skont ir-rapport, id-deċiżjoni li tingħażel Eisenhüttenstadt minflok […] irriżultat f’kostijiet annwali addizzjonali ta’ bejn EUR […] miljun u EUR […] miljun u l-kostijiet addizzjonali skontati ser jilħqu bejn EUR […] miljun u EUR […] miljun. Uħud minn dawn l-ispejjeż addizzjonali ġew ikkumpensati mill-għajnuna u l-[…] antiċipati. Eisenhüttenstadt offriet ukoll potenzjal ta’ espansjoni fil-ġejjieni (anqas kostijiet tal-art, provvista ggarantita ta’ ilma ħelu, provvista ta’ fwar mill-impjant ippjanat tal-enerġija).

(102)

Il-Ġermanja ddikjarat li, jekk l-istrateġija globali ta’ […] irnexxiet, l-għajnuna għall-investiment kienet biżżejjed biex tkopri l-iżvantaġġi ta’ sit fir-reġjun żvantaġġat ta’ Brandenburg-Nordost. Skont il-Ġermanja, Progroup ħa d-deċiżjoni kummerċjali li jinvesti f’Eisenhüttenstadt fuq dik il-bażi u b’hekk l-għajnuna għall-investiment mogħtija tat lil Progroup l-inċentiv meħtieġ biex jagħżel lil Eisenhüttenstadt bħala s-sit għal Propapier PM2 minflok […].

5.6.   KONTRIBUZZJONI GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

(103)

Il-Ġermanja tispjega li l-proġett ta’ investiment ta’ Propapier PM2 jagħmel parti minn strateġija industrijali sabiex tiġi appoġġjata l-industrija tal-karta fl-istat federali ta’ Brandenburg u li l-industrija tal-karta hija waħda mill-industriji identifikati fil-ftehim ta’ koalizzjoni għar-raba’ perjodu leġiżlattiv (2004-2009) fl-istat federali ta’ Brandenburg (28).

(104)

Dokument ta’ Pöyry mill-2007 ikkummissjonat mill-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi ta’ Brandenburg (29) fih informazzjoni li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni annullata, tbassar li l-industrija tal-karta kienet tinsab f’fażi ta’ tkabbir u li, għalkemm ma kien ġie identifikat ebda pjan speċifiku ġdid ta’ investiment għall-industrija tal-karta (minbarra Propapier PM2), żgur li kien hemm potenzjal għal żidiet tal-kapaċità, diversifikazzjoni jew prodotti addizzjonali fl-impriżi stabbiliti.

(105)

Il-Ġermanja tindika li l-investiment sar f’reġjun ferm żvantaġġat, fejn il-PDG per capita kien 76,3 % tal-medja tal-UE-27 fl-2004 u r-rata tal-qgħad kienet ta’ 19,8 % fl-2005 (220 % tal-medja tal-UE-27 u 178 % tal-medja tal-Ġermanja). Eisenhüttenstadt tagħmel parti miċ-ċentru tat-tkabbir reġjonali ta’ Frankfurt (Oder)/Eisenhüttenstadt, li rrapporta tnaqqis ta’ 15 % fl-għadd ta’ impjegati li jistgħu jirċievu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (7  573 ħaddiem) fl-2006 meta mqabblin mal-1998.

(106)

Il-Ġermanja tiddikjara li tistenna li l-proġett ta’ Propapier jikkontribwixxi b’mod importanti f’termini ta’ diversifikazzjoni tal-istruttura ekonomika monolitika tar-reġjun, li jiddependi ħafna mill-industrija tal-azzar, li hija esposta għal sforzi ta’ razzjonalizzazzjoni (Arcelor). Il-Ġermanja tirreferi għall-mijiet ta’ impjiegi li ntilfu fl-industrija tal-azzar f’Eisenhüttenstadt mill-2003.

(107)

Il-Ġermanja tirreferi wkoll għall-vantaġġi potenzjali tal-proġett ta’ investiment ta’ Propapier PM2 f’termini ta’ estensjoni tal-katina tal-valur miżjud (eż. investimenti f’fabbriki tal-kartun ikkorrugat u fl-industrija tal-imballaġġ).

(108)

Il-Ġermanja hija tal-fehma li l-ħolqien ta’ 150 impjieg dirett ta’ kwalità (li 82 % minnhom kienu stabbiliti fir-reġjun fl-2012) u ta’ madwar 450 impjieg indirett ser jikkontribwixxi b’mod importanti għat-tkabbir fir-reġjun tassew żvantaġġat ta’ Brandenburg. Il-Ġermanja tirreferi wkoll għall-attivitajiet ta’ taħriġ estensivi (30) għall-ħaddiema lokali u l-kooperazzjoni mal-Università tat-Teknoloġija ta’ Brandenburg f’Cottbus. L-attivitajiet ta’ taħriġ itejbu l-livell tal-kwalifiki tal-ħaddiema b’mod ġenerali f’reġjun milqut minn nuqqas ta’ persunal ikkwalifikat teknikament, xi ħaġa li tista’ tiġbed aktar investituri. Il-Ġermanja żżid li l-ħtieġa ta’ ħaddiema tas-sengħa inkoraġġit ukoll lill-istituzzjonijiet edukattivi fir-reġjun sabiex joffru korsijiet ta’ taħriġ speċifiku.

(109)

Il-Ġermanja tosserva li l-magna ta’ Propapier PM2 hija ferm innovattiva u kienet l-ewwel magna fid-dinja li kapaċi timmanifattura materjal ferm ħafif tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri. Għaldaqstant, ir-reġjun ta’ Eisenhüttenstadt kiseb reputazzjoni ta’ kompetenza fl-industrija.

(110)

Il-Ġermanja tiċħad is-sottomissjonijiet minn Smurfit Kappa u tispjega li l-bini tal-fabbrika tal-karti ta’ Propapier PM2 ma ġegħilhiex tnaqqas il-forza tax-xogħol tagħha. Il-Ġermanja tikkonferma wkoll li l-magna tal-karti kienet immuntata f’Eisenhüttenstadt u li ftit partijiet biss kienu mmanifatturati barra l-Ġermanja.

(111)

Il-Ġermanja tirreferi wkoll għall-importanza fit-tul tal-investiment f’termini tal-kisba ta’ tkabbir sostenibbli fir-reġjun. Skont il-Ġermanja, l-impenn ta’ Progroup sa mill-istadji inizjali ta’ ppjanar tqis bħala proġett fit-tul fil-kuntest ta’ integrazzjoni vertikali u implimentazzjoni tal-istrateġija għall-Ewropa tal-Lvant, u dan ifisser li l-investiment ta’ Propapier PM2 ser jiggarantixxi effetti pożittivi dejjiema wkoll.

(112)

Il-Ġermanja żżid li l-investiment ta’ Propapier PM2 ser jgħin ukoll sabiex iżid l-istandard tal-għajxien fir-reġjun, li l-pagi mħallsin minn Propapier fi Brandenburg għandhom it-tendenza li jkunu ogħla mill-pagi u s-salarji gross medji fi Brandenburg (EUR 22  932 fl-2008) u li dan jgħin sabiex jiżdied il-PDG per capita u b’hekk jistimola t-tkabbir fir-reġjun. Il-Ġermanja tkompli tosserva li l-fatturat antiċipat mill-investiment ta’ Propapier u l-impjiegi maħluqin ser iżid id-dħul mit-taxxi fir-reġjun, li jista’ jintuża għal investimenti pubbliċi oħrajn sabiex jissaħħaħ it-tkabbir soċjoekonomiku fir-reġjun.

5.7.   EFFETTI NEGATTIVI

(113)

Il-Ġermanja tindika li l-għajnuna ma rriżultatx f’kapaċità żejda fl-industrija u li, wara li ġiet adottata d-deċiżjoni annullata, il-Kummissjoni kienet approvat miżuri oħrajn ta’ għajnuna mill-Istat fl-industrija tal-karti (31), li għalihom bilfors li qieset il-kapaċità maħluqa mill-investiment ta’ Propapier sabiex tivvaluta ż-żieda tal-kapaċità fis-suq rilevanti. Il-Ġermanja tiddikjara li l-Kummissjoni ma kinitx tapprova dawk il-miżuri li kieku l-industrija kienet qiegħda tbati minn kapaċità żejda sinifikanti.

(114)

Il-Ġermanja targumenta li l-impjant il-ġdid kien jinbena anki mingħajr għajnuna mill-Istat, iżda f’post differenti. Peress li l-kapaċità disponibbli fis-suq rilevanti (ŻEE) mhuwiex ser jinbidel għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri, il-Ġermanja tassumi li l-għajnuna ma jistax ikollha impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni u li, għalhekk, l-għajnuna ma tistax titqies bħala l-kawża għas-sensji mill-kompetituri f’postijiet oħrajn, kif iddikjarat minn Smurfit Kappa, u għandha titqies bħala l-kawża tal-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fi Brandenburg.

(115)

Il-Ġermanja żżid li s-suq Ewropew tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri huwa ddominat minn kompetitur wieħed (Smurfit Kappa) u bosta fornituri iżgħar, inkluż Progroup, u li Smurfit Kappa, li huwa l-akbar operatur tas-suq bil-bosta, jopera fuq il-bażi ta’ politika kummerċjali aggressiva msejsa fuq espansjoni enormi bl-akkwiżizzjoni ta’ diversi kompetituri. Min-naħa l-oħra, Progroup, huwa operatur tas-suq żgħir imsejjes fuq tkabbir organiku, u mhux ix-xiri tal-kompetituri. B’konsegwenza ta’ dan, peress li l-prodotti tal-impjant ta’ Propapier PM2 jikkompetu direttament mal-prodotti forniti minn Smurfit Kappa, il-Ġermanja tqis li l-investiment ta’ Propapier PM2 ser jgħin biex tonqos il-pożizzjoni sovrastanti ta’ dan l-operatur tas-suq dominanti u b’hekk iżid il-kompetizzjoni fis-suq tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri inġenerali.

6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI SKONT IL-LIĠI DWAR L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

6.1.   L-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA MILL-ISTAT SKONT IT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 107(1) TFUE

(116)

Il-Ġermanja tat l-għajnuna finanzjarja għall-miżura fil-forma ta’ għotja ta’ investiment imħallsa bir-riżorsi tal-Istat. Għalhekk, l-appoġġ jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat mogħtija bir-riżorsi tal-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(117)

Peress li l-għajnuna għenet biss lil impriża waħda (Propapier), din hija miżura selettiva.

(118)

L-appoġġ finanzjarju ħeles lil Propapier minn kostijiet li l-impriża normalment kien ikollha ġġarrab hija stess u b’hekk taha vantaġġ ekonomiku fuq il-kompetituri tagħha.

(119)

L-appoġġ finanzjarju mill-Ġermanja kien jikkonċerna investiment li jħaffef il-manifattura ta’ diversi tipi ta’ materjal ikkorugat għall-kontenituri. Peress li dawn il-prodotti huma nnegozjati bejn l-Istati Membri, l-għajnuna tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tfixkel il-kompetizzjoni.

(120)

Konsegwentement, f’din il-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil Propapier skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

6.2.   LEGALITÀ TAL-MIŻURA TA’ GĦAJNUNA

(121)

L-Artikolu 108(3) TFUE jeħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw il-miżuri ta’ għajnuna kollha minn qabel, sakemm ma jkunux koperti minn eżenzjoni ta’ kategorija. Għalkemm l-għajnuna ngħatat taħt għajnuna eżenti nru XR 6/2007 (ara l-paragrafi 35 u 36), din ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament rilevanti ta’ eżenzjoni ta’ kategorija (f’dan il-każ ir-Regolament (KE) Nru 1628/2006 (32)), peress li taqbeż il-limitu ta’ notifika individwali (f’dan il-każ EUR 22.5 miljun).

(122)

Il-Ġermanja nnotifikat il-miżura ta’ għajnuna fl-2007, u b’hekk ikkonformat mal-obbligu ta’ notifika individwali skont l-Artikolu 7(e) tar-Regolament (KE) Nru 1628/2006. Peress li d-deċiżjoni oriġinali tal-Kummissjoni ġiet annullata u l-għajnuna kienet ingħatat qabel ma l-Qorti qatgħet is-sentenza dwar it-talba għal annullament ippreżentata minn Smurfit Kappa, l-għajnuna trid titqies illegali.

(123)

Peress li l-għajnuna ppjanata taqbeż il-limitu ta’ notifika individwali fl-Artikolu 7(e) tar-Regolament (KE) Nru 1628/2006, il-Kummissjoni trid tivvaluta l-miżura fuq il-bażi tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

6.3.   SKADENZA MATERJALI GĦALL-FINIJIET TA’ VALUTAZZJONI U L-PROĊEDURA APPLIKABBLI

(124)

Kif spjegat il-Kummissjoni fil-paragrafi 47 sa 50 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, trid tibbaża l-valutazzjoni provviżorja ripetuta tagħha tal-miżura ta’ għajnuna b’mod fundamentali fuq il-fatti li kienu japplikaw meta ġiet adottata d-deċiżjoni annullata sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti fil-kawża T-304/08. Peress li l-Kummissjoni hija meħtieġa tadotta deċiżjoni ġdida mhux ivvizzjata min-nuqqas ta’ raġunijiet identifikati mill-Qorti fis-sentenza msemmija aktar ‘il fuq, il-Kummissjoni tista’ tqis biss il-fatti, ir-rapporti u dejta oħra disponibbli għaliha meta adottat id-deċiżjoni oriġinali tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna (33).

(125)

F’dan il-każ, il-proġett ta’ investiment tnaqqaslu l-kamp ta’ applikazzjoni wara li ġiet adottata d-deċiżjoni annullata fit-2 ta’ April 2008 u b’hekk, anki l-ispejjeż eliġibbli naqsu u l-għajnuna mogħtija naqset ukoll. Anki jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni dwar il-miżura ta’ għajnuna fil-fatt implimentata, filwaqt li tqis il-fatt li kemm l-ispejjeż eliġibbli kif ukoll l-għajnuna mogħtija lil Propapier mill-Ġermanja kienu anqas minn dawk stmati fil-bidu, il-Kummissjoni trid tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni disponibbli meta kienet ġiet adottata d-deċiżjoni annullata u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Unjoni li kienu applikabbli dak iż-żmien. Fil-każ ta’ għajnuna reġjonali għal proġetti ta’ investiment kbar, il-Kummissjoni normalment ikollha tadotta deċiżjoni msejsa fuq previżjonijiet u dejta tas-suq stmata qabel ma l-investiment fil-fatt jiġi implimentat. L-intensitajiet tal-għajnuna approvati mhumiex aġġustati aktar tard, anki jekk bosta snin wara jidher li s-suq ikun żviluppa b’mod differenti minn dak li kien mistenni meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha.

(126)

Il-proċedura biex tiġi adottata deċiżjoni ġdida tista’ titkompla fil-waqt preċiż li fih seħħet l-illegalità (34). B’rabta mar-regoli dwar l-għajnuna l-Qorti ddikjarat li, jekk l-investigazzjoni tal-Kummissjoni b’rabta ma’ deċiżjoni ta’ qabel kienet inkompluta u rriżultat fl-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, il-proċedura sabiex tiġi sostitwita dik id-deċiżjoni tista’ titkompla f’dak il-waqt billi tiġi ripetuta l-analiżi diġà mwettqa (35).

6.4.   KOMPATIBBILTÀ MAD-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI TAL-LINJI GWIDA DWAR L-GĦAJNUNA REĠJONALI

(127)

Meta d-deċiżjoni annullata ġiet adottata fl-2008, ir-reġjun ta’ Brandenburg-Nordost ikkwalifika għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE.

(128)

L-għajnuna nnotifikata kellha tingħata għal investiment inizjali skont it-tifsira tas-Sezzjoni 4.1 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali u l-ispejjeż eliġibbli kienu jinkludu l-kostijiet għall-binjiet u l-impjant tal-produzzjoni (ara l-paragrafu 30), b’konformità mas-Sezzjoni 4.2 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. Il-Ġermanja kkonfermat li l-assi intanġibbli ser jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-punt 56 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali (ara l-paragrafu 30).

(129)

Il-kontribuzzjoni mhux tal-għajnuna għall-ispejjeż eliġibbli mill-benefiċjarju tal-għajnuna hija ogħla mil-limitu ta’ 25 % meħtieġ skont is-Sezzjoni 4.1 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali (ara l-paragrafu 34).

(130)

Inżammet konformità mad-dispożizzjonijiet formali dwar l-effett ta’ inċentiv fil-punt 38 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali: fir-rigward tal-għotja diretta oriġinarjament ippjanata, il-benefiċjarju tal-għajnuna applika għaliha fil-15 ta’ Mejju 2007 u l-Ġermanja kkonfermat bil-miktub fl-24 ta’ Mejju 2007 (qabel ma l-proġett beda f’Diċembru 2007) li, soġġetti għall-eżitu tal-verifika ddettaljata, il-prekundizzjonijiet stabbiliti fir-regola rilevanti kienu ġew issodisfati.

(131)

L-għajnuna kollha finalment ingħatat fil-forma ta’ għotja ta’ investiment, li titħallas b’mod awtomatiku jekk huma ssodisfati l-kriterji oġġettivi tal-bażi legali rilevanti (għajnuna eżenti nru XR 6/2007). Ma hemm bżonn tal-ebda applikazzjoni għall-għajnuna u l-ebda konferma bil-miktub li l-proġett fundamentalment jissodisfa l-kriterji tal-għajnuna għal għotja ta’ investiment. Skont in-nota f’qiegħ il-paġna 41 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna fiskali approvati li fihom tingħata eżenzjoni jew tnaqqis tat-taxxa b’mod awtomatiku lin-nefqa li tikkwalifika bla ebda diskrezzjoni min-naħa tal-awtoritajiet, l-Istati Membri ma għandhomx bżonn jikkonfermaw qabel ma jibda l-proġett li, soġġett għall-eżitu tal-verifika ddettaljata, il-proġett jissodisfa l-kriterji tal-għajnuna b’mod fundamentali.

(132)

Il-Ġermanja kkonfermat li l-investiment jinżamm fir-reġjun assistit għal tal-anqas ħames snin wara li jitlesta l-proġett (Paragrafu 4.1 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali).

(133)

Il-Ġermanja kkonfermat ukoll li tinżamm konformità mar-regoli dwar il-kumulazzjoni (Paragrafu 4.4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali).

(134)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni annullata, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura ta’ għajnuna tikkonforma mal-kriterji ta’ kompatibbiltà rilevanti tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

6.5.   KOMPATIBBILTÀ MAD-DISPOŻIZZJONIJIET TAL-LINJI GWIDA DWAR L-GĦAJNUNA REĠJONALI FI PROĠETTI TA’ INVESTIMENT KBAR

(135)

Peress li l-għajnuna reġjonali ngħatat għal proġett ta’ investiment kbir, il-Kummissjoni trid tivvaluta wkoll il-konformità mal-prekundizzjonijiet speċifiċi għall-għajnuna reġjonali għal proġetti ta’ investiment kbar stabbiliti fil-Paragrafu 4.3 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

6.5.1.   INTENSITÀ TAL-GĦAJNUNA (PUNT 67 TAL-LINJI GWIDA DWAR L-GĦAJNUNA REĠJONALI)

(136)

Peress li l-ispejjeż eliġibbli skontati notifikati jilħqu total ta’ EUR 58 6 7 22  900 u japplika limitu massimu tal-għajnuna reġjonali standard ta’ 30 % EGħG għar-reġjun ta’ Brandenburg-Nordost, l-intensità tal-għajnuna permissibbli skont il-punt 67 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali hija ta’ 12,30 % EGħG.

(137)

Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata, il-Ġermanja avżat lill-Kummissjoni li l-ispejjeż eliġibbli kienu naqsu b’mod proporzjonat wara l-esklużjoni tal-impjant tal-enerġija mill-proġett assistit. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ tnaqqis fil-punt 67 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali għall-ispejjeż eliġibbli aktar baxxi kienet tirriżulta f’intensità tal-għajnuna ogħla. Madankollu, il-benefiċjarju tal-għajnuna kien beda miżuri tal-proġett f’sitwazzjoni li fiha kienet ġiet notifikata intensità tal-għajnuna ta’ 12,30 % EGħG lill-Kummissjoni li mbagħad approvatha. Għaldaqstant jista’ jiġi konkluż li l-intensità tal-għajnuna approvata oriġinarjament kienet tipprovdi inċentiv biżżejjed għad-deċiżjoni ta’ investiment u li ma hemm ebda raġuni għaliex wieħed jassumi li intensità tal-għajnuna ogħla kien ikollha effett ulterjuri ta’ inċentiv (36).

(138)

L-għajnuna ta’ EUR 5 0 5 59  153 (nominali) jew EUR 4 4 1 72  973 (valur attwali) ingħatat lil Propapier għall-proġett ta’ investiment imnaqqas. Din tikkorrispondi għal intensità tal-għajnuna ta’ 12,51 % EGħG u b’hekk taqbeż l-intensità massima permissibbli tal-għajnuna ta’ 12,30 %. Madankollu, il-Ġermanja tikkonferma li Propapier raddet lura l-għajnuna addizzjonali ta’ EUR 1 0 99  539 bl-imgħax. B’hekk, l-għajnuna li fadal miżmuma mill-benefiċjarju tal-għajnuna ma taqbiżx is-somma ta’ EUR 4 3 4 15  903, li tikkorrispondi għal intensità tal-għajnuna ta’ 12,30 % EGħG għall-ispejjeż eliġibbli mnaqqsin tal-proġett ta’ investiment. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ammont mogħti f’għajnuna huwa konformi mal-punt 67 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

(139)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha dwar il-kawża SA.36147 (C 30/2010) (37), il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha li l-investiment fil-fabbrika tal-karti ta’ Propapier u bosta miżuri infrastrutturali oħrajn tal-gvern fiż-żona industrijali fejn kienet tinsab il-fabbrika tal-karti ppjanata ta’ Propapier jista’ jikkostitwixxi proġett ta’ investiment wieħed skont it-tifsira tal-punt 60 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. Għaldaqstant, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha dwar il-kawża tal-għajnuna għall-investiment reġjonali SA.23827 (2013/C) – Il-Ġermanja – LIP – Propapier PM2 GmbH, il-Kummissjoni ddikjarat li jekk wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-kawża SA.36147 (C 30/10) – Il-Ġermanja – Għajnuna infrastrutturali allegata għal Propapier PM2, hija tikkonkludi li l-investimenti assistiti l-oħrajn u l-investiment fil-fabbrika tal-karti ta’ Propapier isawru proġett wieħed ta’ investiment jew li Propapier irċeviet għajnuna oħra fil-forma ta’ miżuri infrastrutturali, ikollha tiġi vverifikata l-kompatibbiltà tal-pakkett sħiħ tal-għajnuna mal-punt 67 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

(140)

Meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali dwar il-kawża SA.36147 (C 30/10) (38), ser tqis l-għajnuna reġjonali mogħtija lil Propapier meta tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżuri tal-għajnuna infrastrutturali.

6.5.2.   APPLIKAZZJONI TAL-VERIFIKI MSEMMIJIN FIL-PUNTI 68(A) U (B) TAL-LINJI GWIDA DWAR L-GĦAJNUNA REĠJONALI

(141)

Peress li l-ammont globali fl-għajnuna minn sorsi oħrajn jaqbeż il-limitu ta’ notifika individwali, il-Kummissjoni trid tagħmel il-verifiki msemmijin fil-punt 68(a) u (b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

(142)

L-għajnuna għal proġetti ta’ investiment kbar li jaqgħu taħt il-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, li fihom

il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa involut f’aktar minn 25 % tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat qabel jew wara l-investiment jew

il-kapaċità maħluqa mill-proġett hija aktar minn 5 % tas-suq imkejjel permezz tad-dejta tal-konsum apparenti, sakemm ir-rata medja tat-tkabbir tal-konsum apparenti tiegħu tul l-aħħar ħames snin ma tkunx ogħla mir-rata ta’ tkabbir annwali medja tal-prodott domestiku gross taż-Żona Ekonomika Ewropea,

tista’ tiġi approvata biss, wara t-tnedija tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE, wara li ssir verifika ddettaljata li l-għajnuna hija meħtieġa sabiex tipprovdi effett ta’ inċentiv u l-benefiċċji tal-miżura ta’ għajnuna jisbqu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta.

(143)

Sabiex isiru l-verifiki b’konformità mal-punti 68(a) u (b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, il-Kummissjoni l-ewwel trid tiddefinixxi s-suq tal-prodotti rilevanti u s-suq ġeografiku rilevanti.

6.5.2.1.   Prodotti kkonċernati

(144)

Għalkemm (kif allegat minn Smurfit Kappa) Progroup jista’ jkun qiegħed jippjana li juża l-magna ta’ Propapier PM2 biex jimmanifattura testliners li jiżnu 70/100 g/m2 u skanalatura li tiżen 70/130 g/m2, il-Kummissjoni tqis li d-definizzjoni tas-suq għandha tkun ibbażata fuq il-kapaċità ta’ produzzjoni potenzjali propja tal-magna. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonferma li l-proġett ta’ investiment notifikat mill-Ġermanja u deskritt fil-paragrafu 25 jikkonċerna direttament żewġ tipi ta’ materjal ikkorugat għall-kontenituri: testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalatura rriċiklata.

(145)

Huwa stmat li 75 % tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri immanifatturat fl-impjant assistit għandu jintuża għall-manifattura tal-prodott downstream fi Progroup, il-Kummissjoni tqis li l-prodott downstream (kartun ikkorrugat) huwa prodott ikkonċernat mill-proġett ta’ investiment ukoll skont it-tifsira tal-punt 69 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

6.5.2.2.   Suq tal-prodotti rilevanti

(146)

Skont il-punt 69 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, is-suq tal-prodotti rilevanti jinkludi l-prodott ikkonċernat u s-sostituti tiegħu meqjusin bħala tali jew mill-konsumatur (minħabba l-karatteristiċi, il-prezzijiet u l-użu maħsub tal-prodott) jew mill-produttur (permezz tal-flessibbiltà tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni).

Suq tal-prodotti rilevanti għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri

(147)

Il-Ġermanja ddikjarat li ż-żewġ tipi ta’ materjal ikkorugat għall-kontenituri li huma mmanifatturati fl-impjant assistit jappartjenu għall-istess suq globali għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri li, minbarra dawn iż-żewġ tipi (testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalatura rriċiklata), jinkludi anki kraftliners u skanalatura SC, jiżnu kemm jiżnu. Il-Ġermanja sostniet din l-asserzjoni b’referenza għall-fatt li dawn iż-żewġ prodotti jistgħu jissostitwixxu lil xulxin.

(148)

Il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni wkoll li l-iskanalatura magħmula minn fibra rriċiklata u l-iskanalatura magħmula minn fibra ġdida jitqiesu li huma interkambjabbli min-naħa tal-provvista. L-iskanalatura magħmula minn fibra ġdida tista’ tiġi mmanifatturata f’impjant tal-iskanalaturi rriċiklati wkoll, sakemm l-impjant ikun konvertit għall-materja prima alternattiva (dan jinvolvi investiment ta’ darba ta’ EUR […] miljun, li huwa anqas minn […] % mill-kost sħiħ tal-investiment). Barra minn hekk, fil-prattika, l-iskanalatura magħmula minn fibra ġdida hija mmanifatturata minn taħlita ta’ fibra ġdida u rriċiklata li fiha sa 40-50 % fibra rriċiklata.

(149)

Skanalatura magħmula minn fibra ġdida tiswa madwar 15 % aktar minn skanalatura rriċiklata pura. Sa fejn huma kkonċernati l-klijenti tal-iskanalatura, iż-żewġ prodotti essenzjalment għandhom l-istess karatteristiċi u jaqdu l-istess skop maħsub. Il-klijenti jistgħu jibdlu skanalatura magħmula minn fibra ġdida eħfef (eż. 127 g/m2) ma’ skanalatura rriċiklata itqal (eż. 140 g/m2) Il-fatt li l-iskanalatura magħmula minn fibra ġdida eħfef tista’ tintuża minflok skanalatura rriċiklata jfisser li d-differenzi fil-prezz ma jibqgħux importanti. B’hekk, il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ prodotti jitqiesu li huma interkambjabbli min-naħa tad-domanda wkoll.

(150)

L-istess japplika għas-sostitwibbiltà tat-testliners (magħmulin minn fibra rriċiklata) u kraftliners (magħmulin minn fibra ġdida) min-naħa tad-domanda. It-tnejn jaqdu l-istess skop maħsub u l-prezz ogħla tal-kraftliners huwa kkumpensat mill-fatt li l-kraftliners eħfef jistgħu jiħdulhom posthom testliners itqal.

(151)

Skanalatura (kemm irriċiklata kif ukoll dik magħmula minn fibra ġdida), testliners u kraftliners huma kompletament sostitwibbli min-naħa tal-provvista, peress li l-magni tal-karta moderni, inklużi l-magni li jappartjenu għall-benefiċjarju tal-għajnuna, jistgħu jipproduċu t-tnejn li huma..

(152)

Anki materjali ikkorugat għall-kontenituri li jiżnu differenti (jiġifieri anqas u aktar minn 150 g/m2) jappartjenu għall-istess suq rilevanti, peress li l-klijenti jqisuhom interkambjabbli. Il-klijenti jistgħu jibdlu saff wieħed tal-materjal itqal ikkorugat għall-kontenituri ma’ bosta saffi ta’ materjal eħfef u irħas tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri.

(153)

Jista’ jiġi konkluż li, fuq il-bażi tar-raġunijiet spjegati hawn fuq, is-suq globali għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri huwa s-suq tal-prodotti rilevanti għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri. Madankollu, f’deċiżjonijiet dwar l-amalgamazzjonijiet preċedenti (39), il-Kummissjoni ħalliet il-kwistjoni tas-suq tal-prodotti rilevanti u, b’mod partikolari, is-subdiviżjoni fi prodotti li jsiru minn fibra ġdida u prodotti li jsiru minn fibra qadima miftuħa. Il-Kummissjoni tosserva li l-Ġermanja ssottomettiet anki dejta għall-aktar definizzjoni ristretta possibbli tas-suq tal-prodotti rilevanti (suq għal testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalatura rriċiklata).

(154)

Progroup huwa manifattur tal-karta integrat vertikalment li jikkompeti fis-suq globali għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri, li fih kull manifattur integrat jista’ jiddeċiedi li jisfrutta t-termini aħjar sabiex jixtri prodotti partikolari mingħand Progroup minflok ma jimmanifatturahom hu stess. L-istħarriġijiet iddettaljati sottomessi mill-Ġermanja juru li anki l-manifatturi integrati vertikalment li huma stess jimmanifatturaw il-kwantitajiet ta’ materjal ikkorugat għall-kontenituri meħtieġa għall-produzzjoni tal-kartun ikkorrugat tagħhom (imkejla f’tunnellati), jixtru u jbigħu materjal ikkorugat għall-kontenituri mingħand u lil kompetituri sabiex iqisu r-rekwiżiti speċifiċi għal ċerti tipi ta’ materjal ikkorugat għall-kontenituri u r-rekwiżiti loġistiċi. Peress li l-manifatturi integrati vertikalment għandhom pożizzjoni dominanti fis-suq, ishma kbar mis-suq fis-suq ħieles (jiġifieri għal provvisti lil partijiet terzi biss) mhux bilfors ifissru saħħa fis-suq. Għalhekk, il-Ġermanja kkonkludiet li s-suq globali għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri huwa s-suq tal-prodotti rilevanti u jinkludi kemm provvisti interni tal-materjal ikkorugat għall-kontenituri kif ukoll provvisti lil partijiet terzi (= suq globali). Madankollu, il-Ġermanja pprovdiet ukoll informazzjoni fis-suq ħieles biss.

(155)

Il-Kummissjoni ma tara ebda raġuni għaliex għandha titbiegħed mill-prattika tagħha fid-deċiżjonijiet preċedenti f’kawżi dwar l-għajnuna (40) u ta’ kontroll tal-amalgamazzjonijiet (41) fl-industrija tal-karti (li fihom il-Kummissjoni jew għamlet distinzjoni bejn is-swieq għall-materjali kollha ikkorugat għall-kontenituri u s-suq għall-materjal irriċiklat ikkorugat għall-kontenituri jew ħalliet id-definizzjoni miftuħa u għamlet distinzjoni bejn is-suq globali/suq ħieles jew inkella ħalliet id-definizzjoni miftuħa jew iddefiniet is-suq bħala s-suq globali għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri iżda kkalkolat iż-żewġ xenarji). Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni qabel ma adottat id-deċiżjoni annullata u l-kummenti li rċeviet wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ dwar il-fatti kif kienu qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni annullata, il-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq il-verifiki sabiex tikkonforma mal-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fil-livell tas-suq għall-materjal kollu ikkorugat għall-kontenituri u s-suq għat-testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalatura rriċiklata kemm fis-suq globali kif ukoll fis-suq ħieles.

Suq tal-prodotti rilevanti għall-kartun ikkorrugat

(156)

Il-kartun ikkorrugat mhuwiex immanifatturat fl-impjant assistit, iżda huwa prodott downstream ikkonċernat mill-proġett ta’ investiment.

(157)

Il-Ġermanja ddikjarat li, mill-perspettiva tal-fornitur, il-kartun ikkorrugat jirrappreżenta suq indipendenti, peress li l-impjanti tal-kartun ikkorrugat jistgħu jiġu kkonvertiti sabiex jimmanifatturaw prodotti oħrajn b’kost konsiderevoli.

(158)

Min-naħa tad-domanda, l-aktar prodott paragunabbli għall-kartun ikkorrugat huwa l-imballaġġ tal-kartun, għalkemm l-imballaġġ tal-kartun ikkorrugat huwa eħfef, aktar stabbli u orħos. Għalhekk, il-klijenti tal-kartun ikkorrugat (manifatturi tal-imballaġġ) ma jistgħux jibdlu prodotti oħrajn mal-kartun ikkorugat għall-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ imballaġġ.

(159)

Peress li fuq dan il-punt ma sar ebda kumment ieħor, il-Kummissjoni ma tara ebda raġuni għaliex titbiegħed mill-prattika preċedenti tagħha fid-deċiżjonijiet imsemmijin aktar ‘il fuq dwar il-kontroll tal-amalgamazzjonijiet u tikkonferma l-pożizzjoni li ħadet fid-deċiżjoni annullata u d-deċiżjoni ta’ ftuħ: il-kartun ikkorrugat huwa suq tal-prodotti rilevanti separat.

6.5.2.3.   Is-suq ġeografiku rilevanti

(160)

B’rabta mal-verifiki meħtieġa skont il-punti 68(a) u (b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, il-punt 70 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali jiddikjara: “Għall-fini tal-applikazzjoni tal-punti (a) u (b), il-bejgħ u l-konsum apparenti ser jiġu ddefiniti fil-livell xieraq tal-klassifikazzjoni PRODKOM, normalment fiż-ŻEE, jew, jekk it-tali informazzjoni ma tkunx disponibbli jew rilevanti, fuq il-bażi ta’ kwalunkwe segmentazzjoni tas-suq oħra ġeneralment aċċettata li għaliha diġà jkun hemm dejta statistika disponibbli”.

Is-suq ġeografiku rilevanti għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri

(161)

Il-Ġermanja tqis li s-suq ġeografiku rilevanti għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri tal-anqas ikopri u saħansitra jestendi lil hinn miż-ŻEE (inklużi reġjuni fil-viċinat taż-ŻEE). Madankollu, il-Kummissjoni ma tara ebda raġuni għaliex għandha titbiegħed mill-prattika tagħha fid-deċiżjonijiet preċedenti f’kawżi dwar l-għajnuna u ta’ kontroll tal-amalgamazzjonijiet, li fihom iż-ŻEE tqieset li hija s-suq ġeografiku rilevanti għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri, u għalhekk għandha tagħmel verifika tas-suq skont it-tifsira tal-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali fuq il-bażi tas-segmentazzjoni tas-suq ġeneralment aċċettata tas-suq ġeografiku rilevanti għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri u l-materjal irriċiklat ikkorugat għall-kontenituri li għalih hemm dejta disponibbli, viz. iż-ŻEE.

Is-suq ġeografiku rilevanti għall-kartun ikkorrugat

(162)

Il-kartun ikkorrugat huwa mmanifatturat f’impjanti oħrajn ta’ Progroup meta mqabbel mal-materjal ikkorugat għall-kontenituri immanifatturat fl-impjant ta’ Eisenhüttenstadt. Il-pjan meta ġie nnotifikat il-proġett kien li Propapier tforni l-materjal ikkorugat għall-kontenituri lil impjanti ta’ Progroup fil-Ġermanja, Franza u r-Repubblika Ċeka u, aktar tard, lill-impjant fi Stryków (il-Polonja), wara l-bini tagħha fl-2008. Dawn l-impjanti jimmanifatturaw il-prodott downstream (kartun ikkorrugat).

(163)

Il-Ġermanja tiddikjara li s-suq ġeografiku rilevanti għall-kartun ikkorrugat ma jistax jiġi ddefinit b’mod aktar ristrett miż-ŻEE; minkejja dan, issottomettiet dejta anki għar-reġjun li tinkludi l-aktar pajjiżi ta’ destinazzjoni importanti tal-kunsinni ta’ Progroup (jiġifieri r-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, in-Netherlands u l-Polonja). Filwaqt li qieset l-agħar xenarju possibbli u s-sejbiet fid-deċiżjonijiet preċedenti f’kawżi tal-kontroll tal-amalgamazzjonijiet (42) jiġifieri li l-kunsinni tal-kartun ikkorrugat huma ekonomiċi sa distanza ta’ 400 km mill-fabbrika, il-Kummissjoni beħsiebha tħalli d-definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti għall-kartun ikkorrugat miftuħa u trid tikkalkola l-ishma mis-suq kemm fil-livell taż-ŻEE kif ukoll għar-reġjun li sempliċiment jinkludi l-aktar pajjiżi ta’ destinazzjoni importanti għal Progroup.

6.5.2.4.   Ishma mis-suq

(164)

Sabiex tistabbilixxi jekk inqabiżx il-limitu stabbilit fil-punt 68(a) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, il-Kummissjoni trid tanalizza s-sehem mis-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-livell tal-grupp qabel u wara l-investiment. Il-proġett ta’ investiment beda fl-2007 u tlesta sa nofs l-2010; madankollu, il-kapaċità tal-produzzjoni sħiħa ser tintlaħaq biss fl-2015. Meta nnotifikat il-proġett il-Ġermanja osservat li d-dejta minn sorsi indipendenti dwar il-konsum apparenti fis-swieq rilevanti fis-sena ta’ wara s-sena li fiha għandha tintlaħaq il-kapaċità ta’ produzzjoni sħiħa (jiġifieri fl-2016) ma kinitx disponibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga l-ishma mis-suq fl-2011 (is-sena ta’ wara t-tlestija tal-investiment), li għaliha l-previżjonijiet mis-sorsi indipendenti diġà kienu disponibbli. Din hija approssimazzjoni aċċettabbli, peress li sa dak iż-żmien għandha tkun disponibbli 92 % tal-kapaċità maħluqa mill-proġett.

(165)

Sabiex jiġi stabbilit is-sehem mis-suq ta’ Progroup fil-livell tal-grupp, il-Kummissjoni qabblet il-volum u l-valur tal-provvisti kollha tagħha (lil partijiet terzi u fi ħdan il-grupp) fis-sena magħżula mal-konsum apparenti fis-swieq rilevanti. L-ishma mis-suq għas-suq ħieles għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri (jiġifieri bbażat biss fuq il-bejgħ barra Progroup (43)) u l-volum totali tas-suq għall-provvisti lil partijiet terzi ġew ikkalkolati b’mod separat.

(166)

Id-dejta dwar il-volum u l-valur tal-konsum apparenti kollu fiż-ŻEE fis-swieq għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri, testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalatura rriċiklata u għal kartun ikkorrugat issawret għall-fini tan-notifika minn Pöyry, ditta globali tal-inġinerija u l-konsulenza li tispeċjalizza fis-setturi tal-enerġija, il-forestrija u l-infrastruttura u l-ambjent, fuq talba tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Pöyry bniet id-dejta mill-bażi ta’ dejta tagħha stess u minn sorsi disponibbli għall-pubbliku (eż. minn ġurnali tekniċi u assoċjazzjonijiet industrijali).

(167)

Peress li ma kien hemm ebda dejta disponibbli dwar il-volum tas-suq ħieles mingħand sorsi indipendenti, il-Ġermanja bbażat l-istimi tagħha dwar il-volum ta’ dak is-suq fuq id-dejta tal-kapaċità minn Pöyry għall-2006 u mbagħad qabblet il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ kull manifattur integrat għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri mal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha għall-kartun ikkorrugat. Jekk il-kapaċità tal-produzzjoni għall-kartun ikkorrugat hija akbar mill-kapaċità tal-produzzjoni għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri, teorikament dan jirriżulta f’domanda proporzjonata għal dik il-materja prima fis-suq ħieles. Id-domanda għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri minn manifatturi mhux integrati tal-kartun ikkorrugat fis-suq ħieles tiżdied ma’ din id-domanda addizzjonali għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri minn manifatturi integrati. Dan il-kalkolu juri li l-volum tas-suq ħieles għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri jammonta għal madwar 37 % tas-suq globali għall-materjal ikkorugat għall-kontenituri. Dan il-proprozjon intuża wkoll bħala bażi meta ġie stmat il-volum tas-suq ħieles fl-2011 (44).

(168)

Peress li ma hemm ebda dejta separata disponibbli dwar il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri magħmul minn karta rriċiklata u fibra ġdida, dan il-metodu ma jistax jintuża biex jagħti stima tal-volum tas-suq ħieles għat-testliners u l-iskanalatura magħmula minn karta rriċiklata. Madankollu, materjal ikkorrugat għall-kontenituri ibbażat fuq il-karta u irriċiklat jammonta għal madwar 70-80 % tas-suq globali għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri u huwa ferm probabbli li dan il-perċentwal japplika għas-suq ħieles, u dan ifisser li l-ishma mis-suq ta’ Progroup fis-suq ħieles għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri irriċiklat ibbażat fuq il-fibri huma biss ftit ogħla minn dawk fis-suq ħieles għat-tipi kollha ta’ materjal tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri.

(169)

Id-dejta dwar il-volum tas-suq għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri fir-reġjun ewlieni fornit minn Progroup (jiġifieri r-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, in-Netherlands u l-Polonja) issawret minn statistika tal-FEFCO (45) miksuba qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni annullata, u skont din dak ir-reġjun jammonta għal 58 % tas-suq sħiħ taż-ŻEE.

(170)

L-ishma mis-suq ta’ Progroup fis-swieq rilevanti fis-sena ta’ qabel u s-sena ta’ wara l-investiment, li ġew ikkalkolati fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-Ġermanja (permezz tad-dejta ta’ Pöyry u FEFCO) jingħataw fit-Tabella 1.

Tabella 1:

L-ishma mis-suq ta’ Progroup fis-swieq rilevanti fil-livell tal-grupp

Sehem mis-suq (%)

2006

2011

Volum

Valur

Volum

Valur

Materjal ikkorugat għall-kontenituri (suq globali – ŻEE)

[0-10]

[0-10]

[0-10]

[0-10]

Materjal ikkorugat għall-kontenituri irriċiklat biss (testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalatura rriċiklata) (suq globali – ŻEE).

[0-10]

[0-10]

[0-10]

[0-10]

Materjal ikkorugat għall-kontenituri (suq ħieles – ŻEE)

[0-10]

[0-10]

[0-10]

[0-10]

Kartun immewweġ (ŻEE)

[0-10]

[0-10]

[0-10]

[0-10]

Kartun korrugat (pajjiżi ewlenin forniti)

[0-10]

[0-10]

[0-10]

[0-10]

(171)

Is-sehem mis-suq ta’ Progroup huwa ferm anqas mil-limitu ta’ 25 % stabbilit fil-punt 68(a) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali għad-definizzjonijiet kollha tas-suq ikkunsidrati. Il-limitu ta’ 25 % għas-sehem mis-suq rilevanti ma jinqabiżx lanqas jekk is-suq ikompli jiġi segmentat skont piż tal-gramma sa 130 g/m2.

(172)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna vverifikata ma taqbiżx il-limitu stabbilit fil-punt 68(a) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

6.5.2.5.   Żieda tal-kapaċità u prestazzjoni tas-suq

(173)

Il-Kummissjoni trid tivverifika wkoll l-għajnuna inkwistjoni skont il-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, jiġifieri trid tivverifika jekk il-kapaċità maħluqa mill-proġett ta’ investiment, imkejla bl-użu tad-dejta apparenti dwar il-konsum għall-prodott ikkonċernat, hijiex anqas minn 5 % tas-suq, sakemm ir-rata medja ta’ tkabbir fis-sena tal-konsum apparenti tiegħu fl-aħħar ħames snin tkun aktar mir-rata ta’ tkabbir annwali tal-PDG taż-Żona Ekonomika Ewropea.

(174)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi fuq il-bażi tar-rata medja tat-tkabbir fis-sena tal-konsum apparenti tal-prodott ikkonċernat jekk is-suq għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri huwiex qiegħed jiċkien fiż-ŻEE (46).

(175)

L-aħħar figuri disponibbli fi żmien in-notifika kienu marbutin mal-perjodu bejn l-2001 u l-2006. Fuq il-bażi ta’ dik id-dejta, ir-rata medja ta’ tkabbir fis-sena fis-suq globali għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri fiż-ŻEE tul il-perjodu bejn l-2001 u l-2006 kienet ta’ 2,15 % (volum) jew 0,02 % (valur). Ir-rata medja ta’ tkabbir fis-sena tal-konsum apparenti tat-testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalatura rriċiklata fiż-ŻEE tul dak il-perjodu kienet ta’ 3,25 % (volum) u 1,22 % (valur).

(176)

Peress li r-rata medja ta’ tkabbir fis-sena tal-PDG (47) fiż-ŻEE tul il-perjodu bejn l-2001 u l-2006 kienet ta’ 1,97 % bi prezzijiet kostanti (volum) jew 3,98 % bil-prezzijiet kurrenti (valur), kemm ir-rata medja ta’ tkabbir fis-sena tal-konsum ta’ materjal ikkorrugat għall-kontenituri kif ukoll dik tat-testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u l-iskanalatura rriċiklata kienu ogħla skont il-volum iżda anqas skont il-valur.

Volum u/jew valur

(177)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-kumment tal-Ġermanja li r-rata medja ta’ tkabbir fis-sena għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-volum waħdu u mhux il-valur (ara l-paragrafi 93 u 94). Għalkemm li huwa minnu li, f’dan il-każ partikolari, hemm bżonn biss li jiġi kkalkolat jekk inqabiżx il-limitu ta’ 5 % stabbilit fil-punt 68(b) fuq il-bażi ta’ kalkolu tal-valur, dipendenza ġenerali fuq il-kalkoli tal-valur tidħol f’kunflitt mal-prattika attwali tal-Kummissjoni u xxekkel l-effettività tal-verifika f’termini tal-istabbiliment tal-kapaċitajiet żejda, eż. fejn it-tkabbir fil-provvista jaqbeż dak li diġà huwa tkabbir għoli fid-domanda u l-kostijiet varjabbli medji huma baxxi meta jitqabblu. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tivverifika jekk il-kapaċità maħluqa mill-proġett ta’ investiment taqbiżx il-5 % tad-daqs tas-suq rilevanti.

Verifika tal-kapaċità u kalkolu taż-żieda tal-kapaċità

(178)

Iż-żieda tal-kapaċità hija kkalkolata skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali bħala parti mill-konsum apparenti tal-prodott ikkonċernat li, skont id-definizzjoni, jinkludi provvisti lil partijiet terzi u provvisti interni tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri.

(179)

L-iskop tal-verifika tal-kapaċità (punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali) huwa li tipprevjeni żieda tal-kapaċità sinifikanti (jiġifieri żieda ta’ aktar minn 5 %) meta ma jkun hemm ebda żieda korrispondenti fid-domanda (jiġifieri ż-żieda fid-domanda tkun anqas mir-rata ta’ tkabbir tal-PDG taż-ŻEE), u b’hekk jitħalla impatt negattiv fuq il-kompetituri, speċjalment minħabba l-effett fuq il-prezzijiet. Żidiet tal-kapaċità huma kkwalifikati bħala “sinifikanti” b’rabta mal-volum tas-suq. Fil-każ tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri, il-volum tas-suq finalment jiddependi mill-volum tas-suq għall-prodott downstream, irrilevanti minn jekk huwiex immanifatturat internament jew minn partijiet terzi. Għalhekk mhuwiex rakkomandat li titkejjel il-kapaċità maħluqa unikament fuq il-bażi tal-volum tas-suq ħieles għal materjal ikkorrugat għall-kontenituri. Barra minn hekk, kif spjegat aktar ‘il fuq, roħs fil-prezz fis-suq ħieles jaffettwa d-deċiżjoni tal-manifatturi integrati dwar jekk għandhomx jimmanifatturaw internament jew ibigħux u jikkaġunaw direttament żieda fid-domanda fis-suq ħieles, minħabba l-interazzjoni bejn is-suq globali u s-suq ħieles. Għalhekk, bħala regola, il-Kummissjoni tivverifika ż-żieda tal-kapaċità b’rabta mas-suq globali (48).

(180)

Il-Ġermanja spjegat li l-proġett għandu joħloq kapaċità globali ta’ 6 15  000 tunnellata materjal ikkorrugat għall-kontenituri (testliners u skanalatura rriċiklata) fis-sena, li tikkorrispondi għal valur ta’ EUR […]. Skont il-Ġermanja, il-konsum apparenti tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri fiż-ŻEE kien ta’ 23  363 miljun tunnellata fl-2006 (valur: EUR 9  409,76 miljun) u l-konsum apparenti tat-testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u l-iskanalatura rriċiklata fiż-ŻEE kienet ta’ 18  281 miljun tunnellata (valur: EUR 6  752,698 miljun).

(181)

Fuq il-bażi tad-dejta ta’ hawn fuq, il-proġett ta’ Propapier f’Eisenhüttenstadt ser joħloq kapaċità ta’ 2,6 % tas-suq globali għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri (valur: [< 3] % jew 3,4 % tas-suq kombinat għat-testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalatura rriċiklata (valur: [< 5] %). Dan ifisser li l-kapaċità maħluqa mill-proġett hija anqas minn 5 % tal-konsum apparenti (fiż-ŻEE).

(182)

Anki jekk iż-żieda akbar tal-kapaċità li tassumi Smurfit Kappa tittieħed bħala l-agħar xenarju possibbli (6 50  000 tunnellata fis-sena jew 7 50  000 tunnellata fis-sena), il-limitu ta’ 5 % ma jinqabiżx għas-suq globali għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri (ara t-Tabella 2).

Tabella 2

Żieda tal-kapaċità fis-suq globali għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri (ŻEE)

Suq rilevanti

(ŻEE)

Suq globali għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri

Suq globali għall-materjal irriċiklat ikkorrugat għall-kontenituri (testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalatura rriċiklata)

Volum fl-2006 (f’eluf ta’ tunnellati)

23  363

18  281

Valur fl-2006 (f’eluf ta’ tunnellati)

9 4 09  760

6 7 52  698

Żieda tal-kapaċità skont il-volum (jekk wieħed jassumi 6 15  000 tunnellata fis-sena)

2,6  %

3,4  %

Żieda tal-kapaċità skont il-valur (jekk wieħed jassumi 6 15  000 tunnellata fis-sena)

[< 3] %

[< 5] %

Żieda tal-kapaċità skont il-volum (jekk wieħed jassumi 6 50  000 tunnellata fis-sena)

2,8  %

3,6  %

Żieda tal-kapaċità skont il-valur (jekk wieħed jassumi 6 50  000 tunnellata fis-sena)

[< 3] %

[< 5] %

Żieda tal-kapaċità skont il-volum (jekk wieħed jassumi 7 50  000 tunnellata fis-sena)

3,2  %

4,1  %

Żieda tal-kapaċità skont il-valur (jekk wieħed jassumi 7 50  000 tunnellata fis-sena)

[< 3] %

[< 5] %

(183)

Il-Kummissjoni kkalkolat iż-żieda tal-kapaċità bħala perċentwal tal-bejgħ tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri fis-suq ħieles ukoll, sabiex tqis l-agħar xenarju possibbli. Dak ix-xenarju jqis biss is-sehem tal-kapaċità globali maħluqa mill-investiment maħsub għall-produzzjoni għall-bejgħ fis-suq ħieles. Skont il-Ġermanja, dan huwa [< 2 50  000] tunnellata fis-sena. Is-sehem li jifdal tal-kapaċità maħluqa, jiġifieri [> 3 65  000] tunnellata fis-sena (li, mingħajr l-investiment, Progroup kien ikollu jikseb mingħand partijiet terzi u li b’hekk tissarraf f’domanda fis-suq ħieles) jintuża fi ħdan il-grupp għall-produzzjoni tal-kartun ikkorrugat u għalhekk għandu jitnaqqas mill-volum tas-suq ħieles.

(184)

Peress li l-volum tas-suq ħieles għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri fiż-ŻEE kien stmat għal 8  644 miljun tunnellata fl-2006 (49), il-kapaċità maħluqa mill-proġett, bħala parti mill-volum tas-suq ħieles għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri, kienet tammonta biss għal [< 3] % b’rabta mal-volum (50) (ara t-Tabella 3).

(185)

Il-Ġermanja ma rnexxilhiex tipprovdi stima għas-suq ħieles biss għall-materjal irriċiklat tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri (jiġifieri testliners u skanalatura magħmula minn karta rriċiklata) meta saret in-notifika oriġinali. Fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Ġermanja ddikjarat li l-volum ta’ dak is-suq jista’ jiġi stmat għal 6,5 miljun tunnellata fl-2006 fuq il-bażi tad-dejta storika pprovduta minn Pöyry. Dan ifisser li ż-żieda tal-kapaċità fis-suq ħieles għall-materjal irriċiklat tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri hija ta’ [< 3] % b’rabta mal-volum (ara t-Tabella 3 ta’ hawn taħt).

(186)

Il-Kummissjoni għamlet ukoll il-kalkoli b’rabta mal-valur, bl-agħar xenarju possibbli bbażat fuq il-kapaċità maħluqa mill-proġett ta’ Propapier PM2 fis-suq ħieles ta’ 2 85  000 tunnellata fis-sena (figura adottata minn Smurfit Kappa). Il-limitu ta’ 5 % għas-suq ħieles għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri ma nqabeż fl-ebda wieħed mix-xenarji (ara t-Tabella 3 ta’ hawn taħt).

Tabella

Żieda tal-kapaċità fis-suq ħieles għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri (ŻEE)

Suq rilevanti

(ŻEE)

Suq ħieles għall- materjal ikkorrugat għall-kontenituri

Suq ħieles għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri (testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalatura magħmula minn karta rriċiklata)

Volum fl-2006 (f’eluf ta’ tunnellati)

8  644

6  500

Valur fl-2006 (f’eluf ta’ tunnellati)

3 4 81  611

2 4 00  990

Żieda tal-kapaċità skont il-volum (jekk wieħed jassumi 1 50  000 tunnellata fis-sena)

[< 3] %

[< 3] %

Żieda tal-kapaċità skont il-valur (jekk wieħed jassumi 1 50  000 tunnellata fis-sena)

[< 3] %

[< 3] %

Żieda tal-kapaċità skont il-volum (jekk wieħed jassumi 2 85  000 tunnellata fis-sena)

[< 5] %

[< 5] %

Żieda tal-kapaċità skont il-valur (jekk wieħed jassumi 2 85  000 tunnellata fis-sena)

[< 3] %

[< 5] %

(187)

Il-Kummissjoni tiċħad it-teorija tal-ilmentatur ta’ “effett tal-qlib” (ara l-paragrafi 56 u 57), li fiha l-“kapaċità meħlusa”, jiġifieri l-kapaċità li Progroup ma jibqax iżomm fis-suq ħieles, għandha tiżdied mal-kwantità tal-produzzjoni ta’ materjal ikkorrugat għall-kontenituri mibjugħin minn Progroup fis-suq ħieles sabiex tiġi kkalkolata l-kapaċità maħluqa mill-investiment ta’ Propapier fis-suq ħieles. Għalkemm li xenarju bħal dan (jekk wieħed jassumi żieda tal-kapaċità ta’ 5 25  000 tunnellata fis-sena) jirriżulta f’żieda tal-kapaċità ta’ aktar minn 5 %, approċċ bħal dan, kif tispjega l-Ġermanja wkoll, ikun jimplika li ż-żieda tal-kapaċità fis-suq ħieles u ż-żieda fis-suq globali huma l-istess. Iż-żieda tkun l-istess ukoll li kieku Propapier ma tforni ebda materjal ikkorrugat għall-kontenituri affattu fis-suq ħieles u użat il-produzzjoni l-ġdida kollha tagħha internament, f’liema każ is-suq għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri jista’ jiġi injorat kompletament għall-finijiet tal-verifika skont il-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, peress li b’dan il-mod ma jinbiegħ l-ebda materjal ikkorrugat għall-kontenituri prodott, u l-prodott downstream (kartun ikkorrugat) biss jinbiegħ fis-suq.

(188)

Barra minn hekk, il-fajl Excel sottomess minn Smurfit Kappa huwa ta’ Ġunju 2008, filwaqt li l-Kummissjoni setgħet tuża biss fatti, rapporti u dejta oħra disponibbli għaliha qabel id-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni annullata (it-2 ta’ April 2008). Anki jekk il-fajl fih għadd ta’ attributi minn studju tal-2007 (Henry Poole Consulting, ara n-nota f’qiegħ il-paġna 15), il-kalkoli huma bbażati fuq assunzjonijiet u dejta oħra li ma jidhrux li jinbtu direttament minn dak l-istudju.

(189)

Il-proġett mhuwiex ser joħloq xi kapaċità tal-produzzjoni għall-prodott downstream (kartun ikkorrugat) u huwa msejjes biss fuq il-produzzjoni tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri (żieda tal-kapaċità għall-kartun ikkorrugat: 0 %). B’konsegwenza ta’ dan, il-limitu ta’ 5 % stabbilit fil-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali ma jinqabiżx għall-kartun ikkorrugat.

(190)

Il-konklużjoni ġenerali tal-Kummissjoni, ibbażata fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ hawn fuq, hija li l-kapaċità maħluqa mill-proġett ta’ Propapier PM2 hija anqas minn 5 % tas-swieq rilevanti kkonċernati u b’hekk l-għajnuna vverifikata ma toħloqx sitwazzjoni li fiha jinqabeż il-limitu stabbilit fil-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali għall-prodotti kkonċernati.

Kapaċità strutturali żejda

(191)

Kif spjegat fil-paragrafu 60, Smurfit Kappa jargumenta li s-suq għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri kien qiegħed ibati minn kapaċità strutturali żejda fil-perjodu bejn l-2001 u l-2006 u li l-għajnuna mill-Istat għal investimenti ġodda fl-industrija għarrqu dik il-kapaċità żejda. Il-Kummissjoni se tanalizza dawn l-argumenti, anki jekk l-eżitu tal-verifika skont il-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali jissuġġerixxi li ma hemmx żieda sinifikanti tal-kapaċità għal suq b’kapaċità strutturali żejda.

(192)

L-argumenti ta’ Smurfit Kappa huma bbażati fuq studju ta’ London Economics mill-2007, li jirrapporta użu tal-kapaċità ta’ anqas minn 90 % tul il-perjodu bejn l-2003 u l-2005 u jissuġġerixxi li l-figura għall-perjodu bejn l-2006 u l-2007 tibqa’ anqas mid-90 % sakemm ma tiġix dekumissjonata kapaċità fl-industrija. Min-naħa l-oħra, il-Ġermanja tgħid li l-biċċa l-kbira tal-magni dekummissjonati kienu qodma u ineffiċjenti (51). Ir-rapport ECA jiddikjara li ħafna mill-każijiet ta’ għeluq kien dovut għal bidliet naturali fid-domanda u l-istandards tekniċi u l-isforzi sabiex jinkisbu ekonomiji ta’ skala u li l-bżonn li jinbidlu l-magni kien ġej l-aktar minn 1) bidliet fit-teknoloġiji tal-produzzjoni; 2) żvilupp ulterjuri tal-proċessi ta’ standardizzazzjoni fl-industrija u 3) spejjeż iffrankati potenzjali mill-ekonomiji ta’ skala ġġenerati minn magni akbar. Għaldaqstant, il-Ġermanja ċaħdet l-argument ta’ Smurfit Kappa li l-għeluq kien deċiżjoni konxja mill-industrija sabiex jerġa’ jinkiseb il-bilanċ fis-suq bejn il-provvista u d-domanda.

(193)

Il-Kummissjoni tosserva li, skont studju indipendenti mill-2007 (studju ta’ Deutsche Bank), l-iskop tal-għeluq tal-impjanti tal-materjal ikkorrugat għall-kontenituri ta’ Smurfit Kappa kien li jtejjeb il-kwalità tal-bażi tal-assi tiegħu. Dak l-istudju ssuġġerixxa wkoll li l-kapaċitajiet il-ġodda kienu meħtieġa sabiex tiġi koperta d-domanda għall-perjodu bejn l-2009 u l-2012 (b’referenza għal investimenti ġodda minn Mondi, Progroup u SAICA) u li, minkejja żidiet tal-kapaċità fl-2009, ir-rati tal-użu kienu jibqgħu b’saħħithom (52).

(194)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni li ma hemm ebda evidenza konvinċenti li l-għajnuna mogħtija lil Propapier se ssaħħaħ il-kapaċitajiet strutturali żejda eżistenti fis-suq għall-materjal ikkorrugat għall-kontenituri. Il-figuri ta’ kapaċità żejda sottomessi minn Smurfit Kappa huma marbutin l-aktar mal-perjodu ta’ qabel l-investiment, filwaqt li l-previżjonijiet li kienu disponibbli meta ġiet adottata d-deċiżjoni annullata, inkluż studju indipendenti (Deutsche Bank), ibassru domanda li ser tkompli tikber mill-2007 ‘l hemm. Il-Kummissjoni xorta waħda qieset it-tnaqqis relattiv fid-domanda (u l-valur tagħha) bejn l-2001 u l-2006, billi kkalkolat il-perċentwal tal-kapaċità l-ġdida maħluqa fis-suq rilevanti skont il-punt 68(b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali.

6.5.3.   KONKLUŻJONI DWAR JEKK HEMMX BŻONN TA’ VERIFIKA DDETTALJATA FL-APPLIKAZZJONI TAL-IDAC

(195)

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali jistipulaw li, f’każijiet li fihom jinqabżu l-limiti stabbiliti fil-punti 68(a) u (b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, il-Kummissjoni ser tapprova biss l-għajnuna għall-investiment reġjonali, wara li tiftaħ l-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE, wara li tagħmel verifika ddettaljata li l-għajnuna hija meħtieġa biex tipprovdi effett ta’ inċentiv u l-benefiċċji tal-miżura ta’ għajnuna jisbqu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tosserva li l-limiti stabbiliti fil-punt 68 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali ma jinqabżux f’dan il-każ, jiġifieri ma hemmx bżonn li ssir verifika ddettaljata fl-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (53) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “IDAC”). Minkejja dan, il-Kummissjoni trid turi li l-kontribuzzjoni li saret mill-għajnuna għall-investimenti reġjonali tisboq kwalunkwe impatt avvers potenzjali fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

6.5.4.   EFFETTI POŻITTIVI/NEGATTIVI TAL-GĦAJNUNA

(196)

Il-Kummissjoni ssib li ġew issodisfati r-rekwiżiti f’termini tal-effett ta’ inċentiv imsemmi fil-punt 38 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali. Il-Kummissjoni ssib ukoll li l-Qorti kkonfermat li l-Kummissjoni tista’ tirreferi għall-fatt li għadda ż-żmien bħala l-bażi għall-valutazzjoni tal-effett ta’ inċentiv (54). Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv fuq l-investiment u kebbset il-kontribuzzjoni pożittiva tagħha lejn it-tkabbir fiż-żona assistita inkwistjoni.

(197)

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali jistipulaw li l-għajnuna reġjonali jista’ biss ikollha rwol effettiv jekk tintuża darba kultant u b’mod proporzjonat u jekk tkun ikkonċentrata fuq l-aktar reġjuni żvantaġġati tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-limiti massimi permissibbli tal-għajnuna għandhom jirriflettu s-serjetà relattiva tal-problemi li jolqtu l-iżvilupp tar-reġjuni kkonċernati. Barra minn hekk, il-vantaġġi tal-għajnuna f’termini tal-iżvilupp ta’ reġjun żvantaġġat iridu jisbqu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw.

(198)

It-TFUE jippermetti lill-Kummissjoni taċċetta distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u effetti fuq il-kummerċ sabiex tippromwovi l-iżvilupp reġjonali ta’ reġjuni eliġibbli skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE. L-importanza askritta għall-effett pożittiv tal-investiment assistit hija akbar fil-każ ta’ reġjuni ferm żvantaġġati skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE milli f’reġjuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

(199)

L-intensità massima tal-għajnuna applikabbli għall-proġett (12,30 % EGħG) kienet anqas mill-ispeċifikazzjonijiet għat-tnaqqis tal-limitu massimu standard tal-għajnuna reġjonali skont il-punt 67 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali u ma taqbiżx il-limitu massimu applikabbli tal-għajnuna reġjonali. Għalhekk, tista’ titqies proporzjonali għall-iżvantaġġi li jridu jiġu rkuprati fir-reġjun ta’ Brandenburg, li kkwalifika għal għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE fiż-żmien materjali.

(200)

Peress li nstab li l-għajnuna għandha effett ta’ inċentiv għall-investiment fir-reġjun ikkonċernat u li hija proporzjonata, l-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna jridu jiġu ponderati.

(201)

Billi ħoloq 150 impjieg dirett u 450 impjieg indirett u espanda l-bażi industrijali tar-reġjun ikkonċernat, l-investiment assistit jikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali ta’ reġjun li kkwalifika għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE. Il-Kummissjoni ssib li l-ammont fl-għajnuna għal kull impjieg maħluq (madwar EUR 3 00  000 għal kull impjieg dirett maħluq, iżda EUR 75  000 biss għal kull impjieg dirett u indirett maħluq), meta mqabbel ma’ każijiet simili ta’ għajnuna reġjonali għal investimenti ta’ kapital intensiv fl-industrija tal-karta soġġett għall-istess limitu massimu standard ta’ 30 % (55) għall-għajnuna reġjonali mhuwiex eċċessiv.

(202)

L-għajnuna mhijiex ser toħloq pożizzjoni dominanti ġdida fis-suq jew issaħħaħ xi waħda eżistenti għall-benefiċjarju tal-għajnuna u l-impatt tal-kapaċità maħluqa mill-investiment huwa limitat għas-swieq tal-prodotti rilevanti. Ma kien hemm ebda raġuni għaliex meta adottat id-deċiżjonijiet dwar l-investiment u l-għajnuna, il-Kummissjoni għandha ssib jew tistenna li dawn is-swieq kienu ser ibatu minn kapaċità strutturali żejda ladarba jitlesta l-investiment.

(203)

Peress li l-għajnuna tikkonforma mal-limitu massimu għall-intensità tal-għajnuna mnaqqsa għall-proġetti ta’ investiment kbar biex tibqa’ konformi mal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali u mal-mappa approvata tal-għajnuna reġjonali għall-Ġermanja għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013, il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni li l-għajnuna ma taffettwax il-kummerċ tant li tkun inkompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li ma kien hemm xejn fil-kummenti rċevuti matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li jissuġġerixxi li, mingħajr l-għajnuna, il-proġett ta’ investiment kien jiġi implimentat f’reġjun ieħor tal-Unjoni Ewropea fejn kien japplika limitu massimu ogħla jew ekwivalenti tal-għajnuna. Barra minn hekk, ma hemm xejn x’jissuġġerixxi li l-għajnuna ġiegħlet lil Propapier tieħu l-attivitajiet kummerċjali tagħha f’reġjuni oħrajn jew tagħlaq siti f’reġjuni oħrajn f’sitwazzjoni soċjoekonomika paragunabbli jew agħar miż-żona assistita fejn Propapier implimentat l-investiment.

(204)

Finalment, il-Kummissjoni tinnota li l-Ġermanja wriet li l-proġett ta’ Propapier PM2 qiegħda jgħin sabiex jintlaħaq l-objettiv (ta’ interess ġenerali) ta’ koeżjoni u ġie implimentat fil-qafas ta’ strateġija koerenti ta’ żvilupp reġjonali. L-investiment assistit jagħmel kontribuzzjoni siewja għat-titjib tas-sitwazzjoni soċjoekonomika u għat-tkabbir fir-reġjun ikkonċernat, speċjalment fid-dawl tal-impatt tiegħu fuq l-impjiegi, id-dħul u l-espansjoni tal-bażi industrijali. Minħabba t-tip u d-daqs tal-proġett, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mhijiex qiegħda tikkaġuna tfixkil inaċċettabbli tal-kompetizzjoni jew effetti fuq il-kummerċ.

(205)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-vantaġġi tal-miżura ta’ għajnuna jisbqu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.   KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni ssib li l-Ġermanja tat l-għajnuna lil Propapier PM2 GmbH b’mod irregolari bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Madankollu, il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna tissodisfa l-kriterji standard tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali, ma toħloqx sitwazzjoni li fiha jinqabżu l-limiti stabbiliti fil-punt 68(a) u (b) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali għall-prodotti kkonċernati, għandha effett ta’ inċentiv u hija proporzjonata għall-iżvantaġġi reġjonali li jridu jiġu rkuprati. Il-Kummissjoni ssib ukoll li l-vantaġġi tal-għajnuna jisbqu t-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 4 3 4 15  903 (ammont skontat) mogħti mill-Ġermanja lil Propapier PM2 GmbH hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(2)  Dawn inkludew ilmenti formali mill-assoċjazzjonijiet li ġejjin: Is-Swedish Forest Industries Federation (il-“Federazzjoni Svediża tal-Industriji tal-Foresti”) u l-Finnish Forest Industry Federation (il-“Federazzjoni Finlandiża tal-Industrija tal-Foresti”) tal-20 ta’ Diċembru 2007 (irreġistrati fil-fajl bir-ref. CP 365/07), Koninklijke Vereniging van Nederlandse Papier- en Kartonfabrieken tat-3 ta’ Jannar 2008 (irreġistrati fil-fajl bir-ref. CP 3/08) u Procelpac – Groupement français des fabricants de papiers et cartons d’emballage à base de cellulose tat-22 ta’ Frar 2008 (irreġistrati fil-fajl bir-ref. CP 47/08).

(3)   ĠU C 131, 29.5.2008, p. 6.

(4)   ĠU C 7, 12.1.2011, p. 10.

(5)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2011 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 28/05 għal Glunz AG (ĠU L 228, 3.9.2011, p. 22) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 2012 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.28855 (N 373/09) (ex C 10/09, ex N 528/08) għal ING – Għajnuna għar-ristrutturar (ĠU C 260, 29.8.2012, p. 1).

(6)   ĠU C 230, 8.8.2013, p. 39.

(7)  Għajnuna mill-Istat N 459/06 (ĠU C 295, 5.12.2006, p. 6).

(*1)  Sigriet kummerċjali.

(8)  Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, il-kostijiet eliġibbli u l-għajnuna huma skontati għas-sena tan-notifika oriġinali bir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tan-notifika, f’dan il-każ 5,42 % (ara l-punt 41 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali).

(9)  Ippubblikata fil-ĠU C 41, 24.2.2007, p. 9, fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna għall-investiment nazzjonali bi skop reġjonali (regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għall-għajnuna ta’ investiment reġjonali) (ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29).

(10)  Ippubblikata fil-ĠU C 102, 5.5.2007, p. 11. L-għajnuna ġiet implimentata skont ir-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għall-għajnuna għall-investiment (ara n-nota f’qiegħ il-paġna 9).

(11)  Fuq il-bażi tal-istandard tal-kapaċità tal-akkwist.

(12)  Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni annullata, il-Ġermanja avżat li l-proġett kien ħoloq total ta’ 675 impjieg fir-reġjun (li 36 minnhom fl-impjant tal-enerġija). Propapier stess tħaddem 123 ħaddiem u 23 impjegat tal-uffiċċju. Propapier kienet ħolqot 11-il post ta’ taħriġ ukoll.

(13)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-304/08, paragrafu 88.

(14)  Economic analysis of State aid given to Progroup AG, London Economics, 9 ta’ Novembru 2007.

(15)  Henry Poole Consulting: Strategic Planning Aid for Corrugated Europe (03/07).

(16)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1), kif emendat.

(17)  Economic analysis of investment aid to Progroup, Report for Federal Republic of Germany, 11 ta’ Lulju 2013.

(18)  Propapier PM2 Investment Grant, Discussion Paper, Roland Berger Strategy Consultants, 15 ta’ Lulju 2013.

(19)  Deutsche Bank AG Global Markets Research Division, Smurfit Kappa analysis report, 24 ta’ April 2007.

(20)  Rapport ECA, p. 19.

(21)  Il-Kummissjoni applikat l-istess metodu fil-kawżi N 203/08 LIP – DE – Għajnuna lill-fabbrika tal-karti ta’ Hamburger Spremberg GmbH & Co KG u SA.32063 (2011/NN) Polonja – LIP – Mondi Świecie.

(22)  Studju ta’ Deutsche Bank, p. 21.

(23)  Rapport ECA, p. 9.

(24)  Studju ta’ Deutsche Bank, p. 12.

(25)  Rapport ECA, p. 10.

(26)  CAGR (rata medja komposta tat-tkabbir fis-sena).

(27)  Id-differenzjali tal-paga dovuta għal taħriġ u kostijiet oħrajn, eż. sussidji tal-kostijiet tal-ivvjaġġar u tal-kiri, fuq il-bażi ta’ paragun bejn is-siti eżistenti ta’ Prowell fi […].

(28)  Assoċjazzjoni Reġjonali ta’ Brandenburg SPD u Assoċjazzjoni Reġjonali ta’ Brandenburg CDU, Ftehim ta’ kooperazzjoni f’koalizzjoni tal-gvern għar-raba’ perjodu leġiżlattiv tal-Landtag ta’ Brandenburg (2004-2009), Potsdam, Ottubru 2004.

(29)  Pöyry, Karta tal-Istrateġija Industrijali ta’ Brandenburg (Sommarju) ikkummissjonata mill-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi ta’ Brandenburg, Novembru 2007.

(30)  Pereżempju, seminars u apprendistati fil-Ġermanja u barra l-pajjiż, taħriġ tekniku fl-idrawlika u l-pnewmatika, taħriġ speċifiku għal operaturi tal-magni ta’ Propapier PM2.

(31)  Kawżi N 203/08 LIP – DE – Għajnuna lill-fabbrika tal-karti ta’ Hamburger Spremberg GmbH & Co KG, N 865/2006 LIP – DE – Għajnuna lill-kumpanija tal-proġetti Projektgesellschaft Papierfabrik Adolf Jass Schwarza GmbH u SA.32063 (2011/NN) Il-Polonja – LIP – Mondi Świecie.

(32)  Regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija għal għajnuna għall-investiment reġjonali, ara n-nota f’qiegħ il-paġna 9.

(33)  Ara l-kawżi C 28/2005 Glunz AG; C 54/1996 Alitalia (Deċiżjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 271, 12.10.2001, p. 28)), SA.23839 (C 44/2007) FagorBrandt (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/283/UE (ĠU L 166, 18.6.2013, p. 1)) u SA.28855(2012/C) ING – Għajnuna għar-ristrutturar.

(34)  Kawża 34/86 Il-Kunsill v Il-Parlament [1986] Ġabra 2155, paragrafu 47; kawża C-415/96 Spanja v Il-Kummissjoni [1998] Ġabra I-6993, paragrafu 31; kawża C-458/98 P Industrie des poudres sphériques v Il-Kunsill [2000] Ġabra I-8147, paragrafu 82.

(35)  Kawża C-415/96 Spanja v Il-Kummissjoni [1998] Ġabra I-6993, paragrafu 34.

(36)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/262/KE tal-21 ta’ Settembru 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat C 5/2004 (ex N 609/2003) li l-Ġermanja trid tagħti lil Kronoply (ĠU L 94, 1.4.2006, p. 50).

(37)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 4.

(38)  Ara l-paragrafu 3.

(39)  Ara COMP/M.3935 – Jefferson Smurfit/Kappa (10 ta’ Novembru 2005); COMP/M.2391 – CVC/Cinven/AssiDomän (10 ta’ Mejju 2001); COMP/M.2243 – Stora Enso/AssiDomän/JV (22 ta’ Di`embru 2000); COMP/M.2020 – Metsä-Serla/MODO (4 ta’ Awwissu 2000).

(40)  Kawżi N 203/08 LIP – DE – Għajnuna lill-fabbrika tal-karti ta’ Hamburger Spremberg GmbH & Co KG, N 865/06 LIP – DE – Għajnuna lill-kumpanija tal-proġetti Projektgesellschaft Papierfabrik Adolf Jass Schwarza GmbH u SA.32063 (2011/NN) Il-Polonja – LIP – Mondi Świecie.

(41)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 38.

(42)  Pereżempju COMP/M.3935 – Jefferson Smurfit/Kappa; COMP/M.2391 – CVC/Cinven/AssiDomän.

(43)  N.B. Progroup ibigħ biss materjal irriċiklat ikkorugat għall-kontenituri (jiġifieri testliners li jiżnu sa 150 g/m2 u skanalaturi rriċiklati) fis-suq ħieles.

(44)  Peress li l-manifatturi integrati jinnegozjaw fis-suq ħieles kemm minħabba l-kapaċità insuffiċjenti kif ukoll id-domandi loġistiċi, kif spjegat aktar ‘il fuq, skont id-domanda speċifika tagħhom għal bosta tipi ta’ materjal tal-kaxxi mmewġin, dan il-metodu jissottovaluta l-volum tas-suq ħieles u għaldaqstant ipinġi kunċett tal-agħar xenarju possibbli.

(45)  FEFCO hija l-organizzazzjoni umbrella tal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-manifatturi tal-kartun ikkorrugat.

(46)  In-nota f’qiegħ il-paġna 62 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali tiddefinixxi “konsum apparenti tal-prodott ikkonċernat” bħala “produzzjoni flimkien mal-importazzjonijiet li minnhom jitnaqqsu l-esportazzjonijiet”. Id-dejta dwar il-konsum apparenti għal finijiet ta’ notifika ġiet ikkompilata minn Pöyry.

(47)  Fuq il-bażi tad-dejta tal-UE-27.

(48)  Il-Kummissjoni għamlet l-istess sejbiet fuq il-bażi tal-istess argumenti fil-kawżi li ġejjin li kkonċernew investimenti oħrajn fl-industrija tal-karta matul l-istess perjodu: N 203/08 LIP – DE – Għajnuna lill-fabbrika tal-karti Hamburger Spremberg GmbH & Co KG u SA.32063 (2011/NN) Il-Polonja – LIP – Mondi Świecie.

(49)  Fuq il-bażi tal-agħar xenarju possibbli stabbilit fil-paragrafu 167 ta’ din id-deċiżjoni.

(50)  Din il-figura ġiet ikkalkolata kif ġej: [< 2 50  000] tunnellata fis-sena/(8 6 00  000 tunnellata fis-sena – [> 3 65  000] tunnellata fis-sena).

(51)  Ir-rapport ECA jissuġġerixxi li l-magni tal-karti dekummissjonati fl-Ewropa bejn l-2000 u l-2007 kellhom, bħala medja, 51 sena (p. 55 u l-Appendiċi 2).

(52)   “Ir-rati tal-użu fl-industrija huma kejl importanti ta’ kemm huma b’saħħithom il-kundizzjonijiet tas-suq u jagħtu informazzjoni dwar id-direzzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti. Ir-rati tal-użu kienu ta’ 92 % fl-Ewropa s-sena l-oħra u huma mistennijin jiżdiedu tul is-sentejn li ġejjin (…). Tkabbir b’saħħtu fid-domanda, flimkien ma’ provvista ġdida limitata ser ikomplu jikkonsolidaw is-suq.” (studju ta’ Deutsche Bank, p. 19).

(53)   ĠU C 223, 16.9.2009, p. 3.

(54)  Sentenza tal-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-14 ta’ Jannar 2009 fil-kawża T-162/06 Kronoply v Il-Kummissjoni [2009], paragrafu 80.

(55)  Ara l-kawżi N 203/08 LIP – DE – Għajnuna għall-fabbrika tal-karti ta’ Hamburger Spremberg GmbH & Co KG (għajnuna ta’ madwar EUR 1 83  000 għal kull impjieg dirett maħluq; 200 impjieg dirett; numru ta’ impjiegi diretti mhux iddikjarat) u N 865/06 LIP – DE – Għajnuna għal Projektgesellschaft Papierfabrik Adolf Jass Schwarza GmbH (għajnuna ta’ madwar EUR 3 67  000 għal kull impjieg dirett maħluq; 100 impjieg dirett u 100 impjieg indirett).


Top