Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0627

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/627 tal-20 ta' April 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fis-seba' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tal-proposti għall-emendi għall-Annessi A, B u C

ĠU L 103, 22.4.2015, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/627/oj

22.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/627

tal-20 ta' April 2015

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fis-seba' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tal-proposti għall-emendi għall-Annessi A, B u C

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-14 ta' Ottubru 2004, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“il-Konvenzjoni”) ġiet approvata, f'isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE (1).

(2)

L-Unjoni implimentat l-obbligi tal-Konvenzjoni fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(3)

L-Unjoni tagħmel enfasi kbira fuq il-ħtieġa tal-espansjoni gradwali tal-Annessi A, B u/jew C għall-Konvenzjoni b'sustanzi kimiċi ġodda li jissodisfaw il-kriterji ta' materjali organiċi persistenti li jniġġsu, b'kont meħud tal-prinċipju prekawzjonarju, bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv tal-Konvenzjoni u l-impenn tal-gvernijiet magħmul fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg fl-2002, li jiġu minimizzati l-effetti ħżiena tas-sustanzi kimiċi sal-2020.

(4)

Skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet (“COP”) tista' tadotta deċiżjonijiet li jemendaw l-Annessi A, B u/jew C tal-Konvenzjoni. Tali deċiżjonijiet jidħlu fis-seħħ sena mid-data tal-komunikazzjoni mid-depożitarju ta' emenda, bl-eċċezzjoni ta' dawk il-Partijiet tal-Konvenzjoni (“il-Partijiet”) li jkunu għażlu li ma jipparteċipawx.

(5)

Wara li fl-2011 waslet nomina mill-Unjoni rigward il-pentaklorofenol (PCP), il-Kumitat għall-Analiżi tal-Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“POPRC”), stabbilit skont il-Konvenzjoni, ikkonkluda ħidmietu dwar il-PCP. Il-POPRC ikkonkluda li l-PCP jissodisfa l-kriterji tal-Konvenzjoni għall-elenkar fl-Anness A tiegħu. Fis-seba' laqgħa tagħha, is-COP mistennija tiddeċiedi dwar l-inklużjoni tal-PCP fl-Anness A tal-Konvenzjoni.

(6)

It-tqegħid fis-suq jew l-użu tal-PCP huwa pprojbit bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PCP bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew bħala prodott bijoċidali huma pprojbiti bis-saħħa tar-Regolamenti (KE) Nru 1107/2009 (4) u (UE) Nru 528/2012 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rispettivament. Peress li l-PCP jista' jiġi ppropagat fl-ambjent fuq distanza twila, eliminazzjoni gradwali globali tal-użu ta' dik is-sustanza kimika tkun aktar ta' benefiċċju għaċ-ċittadini tal-Unjoni minn projbizzjoni fl-Unjoni biss.

(7)

Il-POPRC jirrakkomanda li l-PCP jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni bl-eżenzjoni speċifika għall-produzzjoni u l-użu tiegħu għall-arbli u t-traversi tal-elettriku. L-Unjoni m'għandhiex bżonn tal-eżenzjoni speċifika, iżda għandha taċċetta l-eżenzjoni matul is-seba' laqgħa tas-COP, jekk dak ikun neċessarju biex tiżgura l-elenkar tal-PCP.

(8)

Wara li fl-2011 waslet nomina mill-Unjoni rigward in-naftaleni klorinati, il-POPRC ikkonkluda li n-naftaleni poliklorinati (PCN) jissodisfaw il-kriterji tal-Konvenzjoni għall-elenkar fl-Annessi A u C tiegħu. Fis-seba' laqgħa tagħha, is-COP hija mistennija tiddeċiedi dwar l-inklużjoni tal-PCN fl-Annessi A u C tal-Konvenzjoni.

(9)

Il-PCN mhumiex prodotti fl-Unjoni, iżda jistgħu jiġu prodotti b'mod mhux intenzjonali, l-aktar permezz tal-kombustjoni (primarjament l-inċinerazzjoni tal-iskart). Dawn l-attivitajiet huma koperti mid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u jirrikjedu l-applikazzjoni ta' ċerti miżuri ta' ġestjoni tal-emissjonijiet.

(10)

It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PCN huma pprojbiti fl-Unjoni bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 850/2004. Peress li l-PCN jistgħu jiġu ppropagati fl-ambjent fuq distanza twila, eliminazzjoni gradwali globali tal-użu ta' dawk is-sustanzi kimiċi tkun aktar ta' benefiċċju għaċ-ċittadini tal-Unjoni minn projbizzjoni fl-Unjoni biss.

(11)

Wara li fl-2011 waslet nomina mill-Unjoni rigward l-eżaklorobutadien (HCBD), il-POPRC ikkonkluda li l-HCBD jissodisfa l-kriterji tal-Konvenzjoni għall-elenkar fl-Annessi A u C tiegħu. Fis-seba' laqgħa tagħha, is-COP hija mistennija tiddeċiedi dwar l-inklużjoni tal-HCBD fl-Annessi A u C tal-Konvenzjoni.

(12)

Il-produzzjoni tal-HCBD waqfet fl-Unjoni, iżda l-HCBD jista' jiġi prodott b'mod mhux intenzjonali f'xi attivitajiet industrijali. Dawn l-attivitajiet huma koperti mid-Direttiva 2010/75/UE u jirrikjedu l-applikazzjoni ta' ċerti miżuri ta' ġestjoni tal-emissjonijiet.

(13)

It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-HCBD huma pprojbiti fl-Unjoni bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 850/2004. Peress li l-HCBD jista' jiġi ppropagat fl-ambjent fuq distanza twila, eliminazzjoni gradwali globali tal-użu ta' dik is-sustanza kimika tkun aktar ta' benefiċċju għaċ-ċittadini tal-Unjoni minn projbizzjoni fl-Unjoni biss.

(14)

L-aċidu sulfoniku tal-perfluworoottan (PFOS) u d-derivattivi tiegħu diġà huma elenkati fl-Anness B tal-Konvenzjoni b'għadd ta' eżenzjonijiet speċifiċi. Wara reviżjoni ta' dawn l-eżenzjonijiet, il-POPRC jinkoraġġixxi lill-Partijiet biex ma jibqgħux jużaw il-PFOS fit-twapet, il-ġilda u l-lbies, id-drappijiet u t-tapizzerija, il-kisi u l-addittivi tal-kisi u fl-insettiċidi għall-kontroll tan-nemel tan-nar ħomor importati u tat-termiti. Barra minn hekk, il-POPRC jinkoraġġixxi lill-Partijiet sabiex jillimitaw l-użu tal-PFOS fil-kisi tal-metall iebes, attwalment permess bħala “eżenzjoni speċifika”, għal sistemi b'ċiklu magħluq biss, li huwa permess bħala “skop aċċettabbli” skont il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-POPRC jinkoraġġixxi lill-Partijiet biex ma jibqgħux jużaw il-PFOS fil-lixki tal-insetti għall-kontroll tan-nemel li jaqtal-weraq tal-ispeċijiet Atta spp. u Acromyrmex spp., li attwalment huwa permess bħala “skop aċċettabbli” taħt il-Konvenzjoni.

(15)

L-Unjoni għandha tappoġġa t-tħassir tal-“eżenzjonijiet speċifiċi” u l-“iskopjiet aċċettabbli” għall-PFOS u d-derivattivi tiegħu f'konformità mal-proposta tal-POPRC, inkluż l-eżenzjoni għall-użu bħala aġenti li jnaqqsu t-tensjoni tas-superfiċje ta' likwidu f'sistemi kkontrollati ta' kisi bl-elettrodepożizzjoni, li ġiet implimentata fl-Unjoni bir-Regolament (KE) Nru 850/2004 bid-data ta' skadenza tas-26 ta' Awwissu 2015,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fis-seba' laqgħa tas-COP għall-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes għandha tkun, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-POPRC, li tappoġġa:

l-elenkar tal-pentaklorofenol (7) (PCP) fl-Anness A tal-Konvenzjoni. Jekk ikun meħtieġ, l-Unjoni tista' taċċetta “eżenzjoni speċifika” għall-produzzjoni u l-użu tal-PCP għall-arbli u t-traversi tal-elettriku,

l-elenkar tan-naftaleni poliklorinati (PCN) (8) fl-Annessi A u C tal-Konvenzjoni mingħajr eżenzjonijiet,

l-elenkar tal-eżaklorobutadien (HCBD) fl-Annessi A u C tal-Konvenzjoni mingħajr eżenzjonijiet,

it-tneħħija tal-eżenzjonijiet u tal-iskopijiet aċċettabbli li ġejjin mill-entrata dwar l-aċidu sulfoniku tal-perfluworoottan (PFOS) u d-derivattivi tiegħu fl-Anness B tal-Konvenzjoni: twapet, ġilda u lbies, drappijiet u tapizzerija, karta u imballaġġ, kisi u addittivi tal-kisi, gomma u plastik, insettiċidi għall-kontroll tan-nemel tan-nar ħomor importati u tat-termiti, u l-lixki tal-insetti għall-kontroll tan-nemel li jaqtal-weraq tal-ispeċijiet Atta spp. u Acromyrmex spp.,

it-tħassir tal-eżenzjoni speċifika għall-PFOS fil-kisi tal-metall (kisi tal-metall iebes u kisi tal-metall dekorattiv), bl-eċċezzjoni tal-kisi tal-metall iebes f'sistemi b'ċiklu magħluq biss, elenkati bħala “skop aċċettabbli” fil-Konvenzjoni.

2.   Jista' jintlaħaq qbil dwar ir-raffinar ta' din il-pożizzjoni, fid-dawl tal-iżviluppi fis-seba' laqgħa tas-COP, matul il-koordinazzjoni fuq il-post.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' April 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. DŪKLAVS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(7)  Pentaklorofenol u l-imlieħ u l-esteri tiegħu.

(8)  Naftaleni diklorinati, naftaleni triklorinati, naftaleni tetraklorinati, naftaleni pentaklorinati, naftaleni eżaklorinati, naftaleni eptaklorinati u naftaleni ottaklorinati, individwalment jew bħala komponenti tan-naftaleni klorinati.


Top