Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1198

    Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 tal- 1 ta' Awwissu 2014 li jissupplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta' informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta' azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea

    ĠU L 321, 7.11.2014, p. 2–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/11/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1198/oj

    7.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 321/2


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1198/2014

    tal-1 ta' Awwissu 2014

    li jissupplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta' informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta' azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta' informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta' azjendi agrikoli fil-Komunità Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 5(1), 5(a)(1) u 5(b)(2) u l-Artikoli (3) u 8(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, ir-Regolament (UE) Nru 1318/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (KE) Nru 1217/2009 sabiex ikun allinjat mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-qafas ġuridiku ġdid li rriżulta minn dak l-allinjament, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni. Ir-regoli eżistenti, stabbiliti mill-Kummissjoni biex jimplementaw ir-Regolament (KE) Nru 1217/2009, għandhom jiġu sostitwiti bir-regoli l-ġodda. Għaldaqstant, huwa xieraq li jitħassru r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1242/2008 (3), (UE) Nru 1291/2009 (4), u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 385/2012 (5).

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1217/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta Regolamenti delegati li jistabbilixxu r-regoli marbuta mad-dejta għad-determinazzjoni tad-dħul u l-analiżi kummerċjali ta' azjendi agrikoli. L-att delegat għandu jistabbilixxi b'mod partikolari regoli għall-iffissar tal-valuri ta' limitu li jiddelimitaw il-qasam tal-istħarriġ, għat-tfassil ta' pjanijiet għall-għażla ta' azjendi, għall-iffissar tal-perjodu ta' referenza għall-produzzjonijiet standard, għad-determinazzjoni tat-tipi ta' biedja ġenerali u prinċipali u għad-determinazzjoni tal-gruppi ewlenin tad-dejta dwar prospetti ta' biedja li għandha tinġabar, kif ukoll ir-regoli ġenerali li għandhom jiġu segwiti f'dan ir-rigward.

    (3)

    Il-valuri ta' limitu li jiddelimitaw il-qasam tal-istħarriġ għandhom jippermettu l-kisba ta' riżultati rappreżentattivi fil-qasam tal-istħarriġ. Il-valuri ta' limitu għandhom jimmassimizzaw il-proporzjon kostijiet-benefiċċji u għandhom jiġu determinati bil-għan li l-qasam tal-istħarriġ ikun jinkludi azjendi li jirrappreżentaw l-akbar sehem possibbli ta' produzzjoni agrikola, żona agrikola u xogħol agrikolu ta' dawk l-azjendi b'orjentazzjoni kummerċjali.

    (4)

    Il-pjan ta' għażla għandu jinkludi għadd minimu ta' elementi li juru kif kampjun rappreżentattiv ikun magħżul, biex b'hekk l-istħarriġ ikun jilħaq l-objettivi tan-netwerk tad-dejta tal-kontabiiltà agrikola.

    (5)

    Il-produzzjonijiet standard huma bbażati fuq dejta medja tul ċertu perjodu ta' referenza. Il-valuri tagħhom għandhom jiġu aġġornati regolarment biex dawn ikunu jqisu x-xejriet ekonomiċi sabiex it-tipoloġija tkun tista' tibqa' tiġi applikata b'mod sinifikanti. Il-frekwenza tal-aġġornament għandha tkun marbuta mas-snin li fihom isiru l-istħarriġiet tal-Unjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli.

    (6)

    It-tipi ta' biedja ġenerali u prinċipali jieħtieġ li jitranġaw b'tali mod li gruppi omoġenji ta' azjendi jkunu jistgħu jinġabru flimkien bi grad ikbar jew iżgħar ta' aggregazzjoni u li s-sitwazzjonijiet ta' gruppi ta' azjendi jkunu jistgħu jitqabblu.

    (7)

    Id-dejta rrapportata fil-prospetti tal-biedja għandha tippermetti li tittieħed stampa tal-azjendi li jippreżentaw il-kontijiet fir-rigward tal-fatturi ta' produzzjoni, li jiġi vvalutat il-livell ta' dħul tal-biedja, u li jiġu riflessi l-kundizzjonijiet tekniċi, ekonomiċi u soċjali tal-azjendi involuti. Il-gruppi ewlenin tad-dejta tal-kontabilità li għandha tinġabar u r-regoli ġenerali għall-ġbir ta' informazzjoni għandhom ikunu determinati għal dak l-għan.

    (8)

    Ir-regoli stipulati fir-Regolament għandhom japplikaw mis-sena fiskali 2015 għan-Netwerk tad-Dejta tal-Kontabilità Agrikola u mill-istħarriġ tal-2016 għall-istħarriġ tal-Unjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 għall-iskop ta' kalkolu annwali tad-dħul u analiżi kummerċjali tal-azjendi agrikoli permezz tan-netwerk ta' informazzjoni tal-kontabilità tal-Unjoni. Dawk ir-regoli huma marbuta ma':

    (a)

    il-limitu msemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009;

    (b)

    il-pjan imsemmi fl-Artikolu 5(a)(1) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009;

    (c)

    il-“perjodu ta' referenza” msemmi fl-Artikolu 5(b)(2) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009;

    (d)

    it-tipi ta' biedja msemmija fl-Artikolu 5(b)(3) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009;

    (e)

    il-metodi ta' ġbir tad-dejta tal-kontabilità msemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009.

    Artikolu 2

    Limitu

    Il-limitu msemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 għandu jiżgura li l-qasam tal-istħarriġ jirrappreżenta l-akbar sehem possibbli ta' produzzjoni agrikola, żona agrikola u xogħol agrikolu, ta' impriżi b'orjentazzjoni kummerċjali.

    Artikolu 3

    Il-pjan għall-għażla

    Il-pjan għall-għażla tal-azjendi li jippreżentaw il-kontijiet li għandu jitfassal minn kull Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 5(a)(1) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009, għandu jinkludi elementi li jiżguraw il-kisba ta' kampjun rappreżentattiv tal-kontabilità tal-qasam tal-istħarriġ. B'mod partikolari, il-pjan għandu:

    (a)

    ikun ibbażat fuq l-iktar sorsi ta' referenzi statistiċi reċenti;

    (b)

    jispjega l-proċedura għat-tqassim tal-qasam tal-istħarriġ skont id-diviżjonijiet elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 kif ukoll skont it-tipi ta' biedja u l-klassijiet ta' daqs ekonomiku kif imsemmija fl-Artikolu 5(b)(1) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009;

    (c)

    jipprovdi analiżi tal-azjendi fil-qasam tal-istħarriġ skont it-tipi ta' biedja u l-klassijiet ta' daqs ekonomiku kif imsemmija fl-Artikolu 5(b)(1) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 li jikkorrispondi tal-inqas mat-tipi prinċipali;

    (d)

    jindika metodi statistiċi għad-determinazzjoni tar-rata tal-għażla magħżula għal kull saff, il-proċeduri għall-għażla tal-azjendi li jippreżentaw il-kontijiet u l-għadd ta' azjendi li jippreżentaw il-kontijiet li għandhom jintgħażlu għal kull saff adottat.

    Artikolu 4

    Perjodu ta' referenza għall-produzzjoni standard

    Għall-għanijiet tal-kalkolu tal-produzzjonijiet standard għall-istħarriġ tal-Unjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli għas-sena N, kif imsemmi fl-Artikolu 5(b)(2) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009, il-perjodu ta' referenza jikkonsisti f'ħames snin suċċessivi mis-sena N-5 sas-sena N-1.

    Il-produzzjonijiet standard għandhom jiġu ddeterminati bl-użu ta' dejta medja bażika kkalkulata fuq il-perjodu ta' referenza stabbilit fl-ewwel paragrafu u huma magħrufa bħala “produzzjonijiet standard N-3”. Dawn il-produzzjonijiet standard N-3 għandhom jiġu aġġornati biex iqisu x-xejriet ekonomiċi mill-inqas kull meta jsir stħarrig tal-Unjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli.

    Artikolu 5

    Tipi ta' biedja ġenerali u prinċipali

    It-tipi ta' biedja ġenerali u prinċipali u l-korrispondenza bejniethom, imsemmija fl-Artikolu 5(b)(3) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009, huma speċifikati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Il-prospett ta' biedja

    Il-gruppi ewlenin tad-dejta tal-kontabilità li għandha tinġabar u r-regoli ġenerali għall-ġbir ta' informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 huma speċifikati fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 7

    Revoki

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 1242/2008 u (UE) Nru 1291/2009 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 385/2012 humarevokati b'effett mill-1 ta' Jannar 2015.

    Madankollu, għan-Netwerk tad-Dejta tal-Kontabilità Agrikola, ir-Regolamenti msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom ikomplu japplikaw għas-snin fiskali ta' qabel is-sena fiskali 2015.

    Ir-Regolament (KE) Nru 1242/2008 għandu jibqa' japplika għall-istħarriġiet tal-Unjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli sal-2013, inkluż għall-istħarriġ għal dik is-sena.

    Artikolu 8

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mis-sena fiskali 2015 għan-Netwerk tad-Dejta tal-Kontabilità Agrikola u mill-istħarriġ tal-2016 għall-istħarriġ tal-Unjoni dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Awwissu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 328, 15.12.2009, p. 27.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1318/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta' informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta' azjendi agrikoli fil-Komunità Ewropea (ĠU L 340, 17.12.2013, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1242/2008 tat-8 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi tipoloġija Komunitarja għal azjendi agrikoli (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 3).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1291/2009 tat-18 ta' Diċembru 2009 li jikkonċerna l-għażla tal-azjendi li jippreżentaw il-kontijiet bl-iskop li jiddeterminaw l-introjtu tal-azjendi agrikoli (ĠU L 347, 24.12.2009, p. 14).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 385/2012 tat-30 ta' April 2012 dwar il-prospett tal-biedja li għandu jintuża għall-iskop li jiġu ddeterminati l-introjti tal-azjendi agrikoli u li tiġi analizzata l-ħidma kummerċjali ta' tali azjendi (ĠU L 127, 15.5.2012, p. 1).


    ANNESS I

    It-tipi ta' biedja ġenerali u prinċipali u l-korrispondenza bejniethom

    Tip ta' biedja ġenerali

    Deskrizzjoni

    Tip ta' biedja prinċipali

    Deskrizzjoni

    1.

    Uċuħ tar-raba' speċjalizzati

    15.

    ċereali, żrieragħgħall-għasir taż-żejt u għelejjel li fihom il-proteini speċjalizzati

    16.

    It-tkabbir ġenerali ta' għelejjel tar-raba'

    2.

    Ortikultura speċjalizzata

    21.

    Ortikultura speċjalizzata ta' ġewwa

    22.

    Ortikultura speċjalizzata ta' barra

    23.

    Ortikultura oħra

    3.

    Għelejjel permanenti speċjalizzati

    35.

    Vinji speċjalizzati

    36.

    Frott u frott taċ-ċitru speċjalizzat

    37.

    Żebbuġ speċjalizzat

    38.

    Diversi għelejjel permanenti flimkien

    4.

    Bhejjem li jirgħu speċjalizzati

    45.

    Trobbija ta' bhejjem tal-ħalib speċjalizzata

    46.

    Bovini speċjalizzati — trobbija u tismin

    47.

    Bovini — tal-ħalib, trobbija u tismin flimkien

    48.

    Nagħaġ, mogħoż u bhejjem oħra li jirgħu

    5.

    Granivori speċjalizzati

    51.

    Ħnieżer speċjalizzati

    52.

    Pollam speċjalizzat

    53.

    Diversi granivori flimkien

    6.

    Tkabbir ta' għelejjel imħallta

    61.

    Tkabbir ta' għelejjel imħallta

    7.

    Azjendi ta' trobbija mħallta

    73.

    Bhejjem imħallta, primarjament bhejjem li jirgħu

    74.

    Bhejjem imħallta, primarjament granivori

    8.

    Għelejjel imħallta — bhejjem

    83.

    Uċuħ tar-raba' tal-għelieqi — bhejjem li jirgħu flimkien

    84.

    Diversi għelejjel u bhejjem flimkien

    9.

    Azjendi li mhumiex ikklassifikati

    90.

    Azjendi li mhumiex ikklassifikati


    ANNESS II

    Prospett tal-biedja — gruppi ewlenin tad-dejta tal-kontabilità li għandha tinġabar

    Informazzjoni ġenerali dwar l-azjenda, bħal informazzjoni relatata maż-żona, l-istatus, it-tip u l-klassifikazzjoni.

    Tip ta' okkupazzjoni: informazzjoni fil-qosor relatata mat-tipi ta' okkupazzjoni taż-żoni tal-art agrikola użati mill-azjenda.

    Xogħol: dejta li tikkaratterizza x-xogħol tal-azjenda, bħall-għadd ta' persuni li jaħdmu fl-azjenda agrikola, il-ħin kemm dawn idumu jaħdmu u t-tip ta' inkarigu.

    Assi: dejta li tiddeskrivi l-assi tal-azjenda, maqsuma f'kategoriji, użata fl-operat tagħha matul is-sena fiskali.

    Kwoti u drittijiet oħra: informazzjoni relatata mal-kwoti u drittijiet oħra marbuta mal-operazzjoni tal-azjenda fis-sena fiskali.

    Dejn: dejta relatata mal-pożizzjoni tad-dejn tal-azjenda fis-sena fiskali.

    Taxxa fuq il-valur miżjud: dejta relatata mal-applikazzjoni tas-sistemi ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-azjenda.

    Inputs: dejta relatata ma' inputs użati fil-produzzjoni tal-azjenda, bħalma huma spejjeż speċifiċi u spejjeż ġenerali, għall-produzzjoni fis-sena fiskali.

    Prodotti tar-raba': dejta li tagħti dettalji tal-produzzjoni u l-użu ta' għelejjel fl-azjenda.

    Produzzjoni ta' bhejjem: dejta li tagħti dettalji tal-produzzjoni u l-użu ta' bhejjem fl-azjenda.

    Prodotti mill-annimali u servizzi: dejta li tagħti dettalji tal-produzzjoni u l-użu ta' prodotti mill-annimali u servizzi fl-azjenda.

    Attivitajiet oħra bi skop ta' qligħ relatati direttament mal-azjenda agrikola: dejta relatata mal-attivitajiet kollha li mhumiex xogħol agrikolu, relatati direttament mal-azjenda u li għandhom impatt ekonomiku u fejn jintużaw ir-riżorsi (żona, bini, makkinarju, prodotti agrikoli, eċċ.) jew il-prodotti tal-azjenda.

    Sussidji: sussidji ta' informazzjoni dettaljata li waslet fl-azjenda waqt is-sena ta' kontabilità.

    Prospett tal-biedja — regoli ġenerali għall-ġbir tad-dejta

    (a)

    Is-sena fiskali ta' 12-il xahar konsekuttiv imsemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 għandha tintemm fil-perjodu ta' bejn il-31 ta' Diċembru u t-30 ta' Ġunju biż-żewġ dati inklużi.

    (b)

    Id-dejta mogħtija fil-prospett tal-biedja għandha tittieħed minn kontijiet li jikkonsistu f'entrati li jkunu saru sistematikament u regolarment matul is-sena fiskali.

    (c)

    Id-dejta fil-prospett tal-biedja għandha tingħata f'valuri finanzjarji, f'euro jew f'unitajiet ta' munita nazzjonali, b'miżuri fiżiċi ta' piż, volum, erja, numri, kif ukoll f'unitajiet oħra jew indikazzjonijiet korrispondenti.

    (d)

    Id-dejta tal-kontabbiltà għandha tiġi espressa f'termini monetarji mingħajr VAT.

    (e)

    Id-dejta tal-kontabbiltà mogħtija f'termini monetarji għandha tkun espressa mingħajr ma jitqiesu l-għotjiet u s-sussidji li jkunu dokumentati separatament. Għotjiet u sussidji jfissru kull forma ta' għajnuna diretta minn fondi pubbliċi li rriżultaw f'irċevuta speċifika.


    Top