EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0869

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 869/2014 tal- 11 ta' Awwissu 2014 dwar servizzi ġodda għall-passiġġieri ferrovjarji Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 239, 12.8.2014, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2020; Imħassar b' 32018R1795

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/869/oj

12.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 869/2014

tal-11 ta' Awwissu 2014

dwar servizzi ġodda għall-passiġġieri ferrovjarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembr 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 10(4) u 11(4) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2012/34/UE, l-Istati Memrbi fetħu s-suq tagħhom għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali pprovduti minn kwalunkwe impriża ferrovjarja lliċenzjata skont l-istess Direttiva. Meta jkun qed jingħata s-servizz internazzjonali tal-passiġġieri ferrovjarji, l-impriżi ferrovjarji jkollhom id-dritt li jtellgħu passiġġieri minn kwalunkwe stazzjon li jinsab tul ir-rotta internazzjonali u jniżżluhom f'ieħor, inklużi l-istazzjonijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru.

(2)

Madankollu, l-introduzzjoni ta' servizzi ġodda internazzjonali tal-passiġġieri b'aċċess miftuħ u b'waqfiet intermedji ma għandhiex tintuża biex jinfetaħ is-suq għas-servizzi domestiċi tal-passiġġieri, iżda għandha sempliċiment jiffoka fuq waqfiet li huma anċillari għal servizz internazzjonali. L-iskop prinċipali tas-servizzi l-ġodda għandu jkun li jinġarru passiġġieri li jkunu qed jivvjaġġaw fuq vjaġġ internazzjonali. Fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti jew impriżi ferrovjarji interessati, il-korp regolatorju msemmi fit-Taqsma 4 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE għandu jiddetermina l-għan prinċipali ta' servizz propost ġdid,

(3)

Il-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-servizzi tal-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali jaf ikollu implikazzjonijiet għall-organizzazzjoni u l-iffinanzjar tas-servizzi tal-passiġġieri ferrovjarji provduti skont kuntratt ta' servizz pubbliku konformi mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2012/34/UE, l-Istati Memrbi jistgħu jillimitaw id-dritt tal-aċċess għas-suq fejn dak id-dritt ikun jikkomprometti l-ekwilibriju ekonomiku ta' dawk il-kuntratti ta' servizz pubbliku. Fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, il-maniġer tal-infrastruttura jew l-impriża ferrovjarja li twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku, il-korp regolatorju għandu jiddetermina jekk xi servizz tal-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali ġdid propost ikunx jikkomprometti l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku.

(4)

Biex tiġi evitata l-interruzzjoni ta' servizz tal-passiġġieri ferrovjarji ġdid li jkun ġà mbeda, u biex tingħata ċ-ċertezza ġuridika lil dan is-servizz ġdid dwar il-possibbiltà tiegħu li jopera, il-perjodu ta' żmien li jkun miftuħ għal talba għal test tal-għan prinċipali jew għal test tal-ekwilibriju ekonomiku għandu jiġi limitat u konness maż-żmien tan-notifika tal-applikant tal-interess tiegħu li jopera servizz tal-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali ġdid. Għall-istess raġuni, il-proċeduri tal-korp regolarju għal dawk it-testijiet għandhom ukoll jiġi limitati fiż-żmien.

(5)

Talba għal test tal-għan prinċipali għandha tinkludi l-informazzjoni relevanti kollha li tiġġustifika li l-għan prinċipali tas-servizz propost ġdid mhux biss li jinġarru l-passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti. Biex jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit, l-entitajiet li jitobu għat-tali test għandhom ikunu jistgħu jużaw il-formoli tat-talba standard ippubblikati mill-korpi regolatorji.

(6)

Il-korp regolatorju għandu jwettaq analiżi kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva biex jindentifika l-vokazzjoni tas-servizz propost ġdid fuq medda ta' żmien medju, aktar milli l-karatteristiċi tiegħu f'xi mument partikolari. Il-kriterji tal-valutazzjoni għandhom jiġu ddeterminati fil-metodoloġija adotatta mill-korp regolatorju għat-test tal-għan prinċipali fir-rigward tal-ispeċifitajiet tat-trasport ferrovjarju fl-Istat Membru kkonċernat. L-ebda limitu kwantifikat ma għandu jiġi applikat b'mod strett jew f'iżolament.

(7)

Talba għal test tal-ekwilibriju ekonomiku għandha tinkludi l-informazzjoni kollha relevanti li tiġġustifika li l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt ta' servizz pubbliku jkun kompromess mis-servizz propost ġdid. L-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku għandu jitqies bħala kompromess mis-servizz propost ġdid jekk ikun hemm bidla sostanzjali fil-valur tal-kuntratt ta' servizz pubbliku li timplika li s-servizzi operati skont dak il-kontratt fi struttura ta' suq kompetittiv ma jibqgħux sostenibbli u kapaċi joperaw b'livell raġjoneveoli ta' qligħ.

(8)

L-evalwazzjoni tal-impatt tas-servizz propost ġdid fuq l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku għandha tissejjes fuq metodu oġġettiv u l-kriterji tal-evalwazzjoni għandhom jiġi ddeterminati fil-metodoloġija adottata mill-korp regolarju għat-test tal-ekwilibriju ekonomiku fir-rigward tal-ispeċifitajiet tat-trasport ferrovjarju fl-Istat Membru inkwistjoni. L-analiżi eknomika għandha tiffoka fuq l-impatt ekonomiku tas-servizz propost ġdid fuq il-kuntratt tas-servizz pubbliku kollu kemm hu, inklużi s-servizzi milquta speċifikament, fuq l-iskala taż-żmien kollha tiegħu. L-ebda limitu kwantifikat predefinit ma għandu jiġi applikat b'mod strett jew f'iżolament. 'Il hinn mill-analiżi ekonomika tal-impatt tas-servizz propost ġdid fuq il-kuntratt tas-servizz pubbliku, il-korp regolatju għandu wkoll iqis l-benefiċċji lill-konsumaturi fuq meded ta' żmien qosra u medji.

(9)

Il-possibbiltà tar-rikonsiderazzjoni ta' deċiżjoni mittieħda mill-korp regolatorju li tirriżulta minn test tal-ekwilibriju ekonomiku għandha tiġi limitata għal każijiet fejn hemm bidla sinifikanti fis-servizz il-ġdid bi tqabbil mad-dejta analizzata mill-korp regolatorju jew meta hemm differenza sostanzjali bejn l-impatt reali u dak stamat fuq is-servizzi skont il-kuntratt tas-servizz pubbliku. Biex tiġi ggarantia stabbiltà ġuridika minima għall-operatur tas-servizz il-ġdid, għandu jkun hemm ċertu perjodu ta' żmien meta ma tkun tista' tintalab l-ebda rikonsiderazzjoni.

(10)

Bla ħsara għall-prinċipju tal-indipendenza tal-korpi regolatorji fit-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, il-korpi regolatorji għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u, fejn relevanti għal każijiet individwali, għandhom jikkoordinaw il-prinċipji u l-azzjonijiet tagħhom mat-testijiet tal-għan prinċipali u l-ekwilibriju ekonomiku, biex jiġu evitati differenzi kbar fil-prattika tagħhom li jwasslu għal inċertezza fis-suq tas-servizzi tal-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali.

(11)

Fl-attivitajiet kollha tagħhom marbuta mat-testijiet tal-għan prinċipali jew l-ekwilibriju ekonomiku, il-korpi regolatorju għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni sensittiva kummerċjalment li tkun waslet mill-partijeit involuti f'dawn it-testijiet.

(12)

Il-korpi regolatorji ma għandhom l-ebda obbligu li jitolbu miżata għal-test tal-għan prinċipali, test tal-ekwilibriju ekonomiku jew test tar-rikonsiderazzjoni tal-ekwilibriju ekonomiku. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimponu tali miżata fuq entitajiet li jagħmlu tali talbiet fħal xogħol li jitwettaq mill-korpi regolatorji biex tagħmel tajjeb għall-kost nett ta' dawn l-evalwazzjonijiet. F'każ hekk, il-miżata ma għandhiex tkun diskriminatorja, u trid tkun raġjonevoli u miġbura b'mod effettiv u trasparenti mill-entitajiet kollha li jagħmlu xi talba.

(13)

B'qies tar-riżultati tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-iskambji ta' informazzjoni ma' korpi regolatorji oħrajn, il-korpi regolatorji għandhom jiżviluppaw metodoloġija konsistenti għat-testijeit tal-għan prinċipali, u, jekk jixraq, għat-testijiet tal-ekwilibriju ekonomiku. Din ir-responsabbiltà ma għandhiex titrażżan minn entitajiet oħrajn. It-testijiet għandhom jiddependu fuq analiżi skont il-każ, aktar milli sempliċi appikazzjoni ta' limiti predeterminati. L-enda limiti ma għandhom jiġu determinati f'atti leġiżlattivi nazzjonali. Il-metodu tal-valutazzjoni għandu jiġi stabbiliti b'mod li jkun konsistenti mat-tiswir tas-suq, b'allokazzjoni għall-evoluzzjoni ta' dan mal-milja taż-żmien, b'mod partikolari fid-dawl tal-esperjenza tal-korpi regolatorji.

(14)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 62(1) tad-Direttiva 2012/34/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula d-dettalji tal-proċedura u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti għad-determinazzjoni ta':

(a)

jekk l-għan prinċipali ta' servizz ferrovjarju hux li jġorr il-passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti;

(b)

jekk l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku għat-trasport ferrovjarju hux kompromess minn xi servizz tal-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali.

Artikolu 1a

Esklużjonijiet mill-kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament ma japplikax għal servizzi organizzati minn xi entità għat-trasport tal-impjegati tagħha stess minn u lejn ix-xogħol kif ukoll għal servizzi li għalihom ma jinbiegħux biljetti lill-pubbliku.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizz tal-passiġġieri internazzjonali ġdid” tisser servizz tal-passiġġieri internazzjonali li jiġi propost biex jiddaħħal fis-suq jew li jimplika modifikazzjoni sostanzjali fit-termini ta' frekwenzi miżjuda jew żieda fl-għad ta' waqfiet ta' servizz tal-passiġġieri internazzjonali eżistenti;

(2)

“test tal-għan prinċipali” tfisser il-proċess ta' evalwazzjoni mwettaq minn korp regolatorju fuq talba tal-entità msemmija fl-Artikolu 5 biex jiġi ddeterminat jekk l-għan prinċipali ta' servizz ferrovjarju propost ġdid hux li jġorr il-passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti jew li jġorr passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru;

(3)

“test tal-ekwilibriju ekonomiku” tfisser il-proċess ta' evalwazzjoni li jitwettaq minn korp regolatorju fuq talba tal-entità msemmija fl-Artikolu 10, applikabbli biss fl-Istati Memrbi li jkunu ddeċidew, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2012/34/UE, li jillimita d-dritt ta' aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja għal servizz tal-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali bejn post tat-tlu u destinazzjoni li huma koperti minn kuntratt tas-servizz pubbliku wieħed jew aktar, biex jiġi ddeterminat jekk l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt tas-servizz pubbliku jiġix kompromess minn servizz tal-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali ġdid;

(4)

“kuntratt tas-servizz pubbliku” tfisser kuntratt tas-servizz pubbliku kif definit fl-Artikolu 2(i) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 b'rabta mat-trasport ferrovjarju;

(5)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007;

(6)

“effett finanzjarju nett” tfisser l-effett ta' kuntratt ta' servizz pubbliku fuq il-kostijiet imġarrba u d-dħul ġenerat fl-iskarikar tal-obbligi tas-servizz pubbliku, b'qies tad-dħul marbut ma' dan miżmum mill-impriża ferrovjarja li twettaq il-kuntratt tas-servizz pubbliku flimkien ma' qligħ raġjonevoli, ikkalkulat skont il-punt 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

Artikolu 3

Notfika ta' servizz tal-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali ġdid ippjanat

1.   L-applikant għandu jinnotifika lill-korpi regolatorji inkwistjoni bl-intenzjoni tiegħu li jħaddem servizz tal-passiġġieri internazzjonali ġdid qabel ma jitlob l-infrastruttura tal-kapaċità mingħand il-maniġer tal-infrastruttura.

2.   Il-korpi regolatorji għandhom jiżviluppaw u jippubblikaw fuq il-websajt tagħhom il-formol tan-notifika standard li għandha tintuża mill-applikanti u li għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz, l-entità ġuridika, in-numru tar-reġistrazzjoni tal-applikant (jekk jixraq);

(b)

id-dejta tal-kuntatt tal-persuna responsabbli għad-domandi;

(c)

id-dejta tal-liċenzja u ċ-ċertifikat tas-sikurezza tal-applikant jew indikazzjoni tal-istadju tal-proċedura biex jinkisbu;

(d)

rotta dettaljata li tindika l-post tal-istazzjonijiet tat-tluq u d-destinazzjoni kif ukoll il-waqfiet intermedji kollha u d-distanzi bejniethom;

(e)

data tal-bidu ppjanata għat-tħaddim tas-servizz tal-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali ġdid propost;

(f)

il-ħinijiet, il-frekwenzi u l-kapaċità tas-servizz propost ġdid, il-ħinijiet tat-tluq proposti inklużi l-waqfiet intermedji, il-ħinijiet tal-wasla u l-konnessjonijiet kif ukoll kwalunkwe devjazzjonijiet mill-iskeda tal-ħin standard fil-frekwenza jew fil-waqfiet, għal kull direzzjoni.

(g)

ġustifkazzjoni li l-għan prinċipali tas-servizz tal-passiġġieri ferrovjarji l-ġdid hu li jġorr il-passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti.

3.   L-informazzjoni dwar it-tħaddim ippjanat tas-servizz tal-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali propost ġdid għandha tkopri talanqas l-ewwel tliet snin u, safejn ikun possibbli l-ewwel ħames snin tat-tħaddim.

4.   Il-korp regolatorju għandu jippubblika fuq il-websajt tiegħu n-notifika li tkun saret mill-applikant għajr kwalunkwe informazzjoni kummerċjalment sensittiva, bla dewmien u jinforma dwarha lill-entitajiet imsemmija fl-Artikoli 5 jew 10, kif jixraq.

5.   L-applikant għandu jiġġustifika kwalunkwe esklużjoni mill-pubblikazzjoni ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Jekk il-korp regolarju jqis din il-ġustifikazzjoni aċċettabbli, dan iżomm din l-informazzjoni kunfidenzjali. Jekk le, dan għandu jikkomunika ir-rifjut tiegħu lill-appikant li talab il-kunfidenzjalità. Din il-proċedura għandha tkun bla ħsara għal proċedura ta' appell kontra din id-deċiżjoni kif previst mil-liġi nazzjonali.

6.   L-informazzjoin kollha pprovduta mill-applikant fil-formola standard u kwalunkwe dokumenti ta' evidenza għandhom jintbgħatu lill-korp regolatorju f'għamla elettronika.

Artikolu 4

Qafas ta' żmien biex jintalab test tal-għan prinċipali jew test tal-ekwilibriju ekonomiku

1.   It-talbiet mill-entitatjiet imsemmija fl-Artikolu 5 jew 10, kif jixraq, fil-każ ta' test tal-għan prinċipali jew test tal-ekwilibriju ekonomiku, għandhom isiru fi żmien erba' ġimgħat mill-pubblikazzjoni tan-notifika tal-applikant fuq il-websajt tal-korp regolatorju. L-entitajiet li jkollhom id-dritt jagħmlu talbiet għaż-żewġ testijiet jistgħu jagħmlu dan għat-tnejn li huma fl-istess waqt.

2.   Jekk jintalbu kemm it-test tal-għan prinċipali u t-test tal-ekwilibriju ekonomiku, dawn jistgħu jitwettqu fl-istess waqt. Jekk test tal-għan prinċipali jiżvela li l-għan prinċipali tas-servizz propost huwa għajr li jinġarru l-passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti u tingħata deċiżjoni negattiva, it-test tal-ekwilibriju ekonomiku għandu jintemm b'deċiżjoni li tirreferi għal din id-deċiżjoni negattiva dwar l-għan prinċipali tas-servizz propost.

Artikolu 5

L-entitatjiet li għandhom id-dritt li jitolbu test tal-għan prinċipali

Test tal-għan prinċipali jista' jintalabq minn dawn l-entitajiet li ġejjin:

(a)

awtorijiet kompetenti li kkonkludew kuntratti ta' servizz pubbiku għat-trasport ferrovjarju f'żona ġeografika milquta mis-sevizz propost ġdid;

(b)

kwalunkwe impriża ferrovjarja li topera servizzi ferrovjarji għall-passiġġieri domestiċi jew internazzjonali fuq ir-rotta jew rotot li se jiġu servuti mis-servizz propost ġdid, sew jekk fuq bażi kummerċjali jew fuq bażi ta' kuntratt ta' servizz pubbliku.

Artikolu 6

Informazzjoni li trid tiġi pprovduta fit-talba għal test tal-għan prinċipali

1.   Fit-talba, l-entità li tagħmel it-talba għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz, l-entità ġuridika, in-numru tar-reġistrazzjoni (jekk jixraq) tal-entità li tagħmel it-talba;

(b)

id-dejta tal-kuntatt tal-persuna responsabbli għad-domandi;

(c)

spjega tal-interess tal-entità li tagħmel it-talba f'deċiżjoni dwar l-għan prinċipali tas-servizz propost ġdid;

(d)

spjega għaliex, fl-opinjoni tal-entità li tagħmel it-talba, l-għan prinċipali tas-servizz ferrovjarju ġdid l-ġdid hu għajr li jġorr il-passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti;

(e)

informazzjoni u dokumentazzjoni li tagħti xhieda tal-ispjegi f'(c) u (d).

2.   L-entità li tagħmel it-talba għandha tiġġustifika kwalunkwe esklużjoni propsta ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Jekk il-korp regolarju jqis din il-ġustifikazzjoni aċċettabbli, dan iżomm din l-informazzjoni kunfidenzjali. Jekk le, għandu jikkomunika ċ-ċaħda tiegħu lill-parti li tkun talbet il-kunfidenzjalità. Din il-proċedura tkun bla ħsara għal proċedura ta' appell kontra din id-deċiżjoni kif tistipula l-liġi nazzjonali.

3.   Il-korpi regolatorji għandhom jippubblikaw fil-websajts tagħhom formola standard li permezz tagħha jintalab test tal-għan prinċipali biex din tintuża mill-entitajiet li jagħmlu t-talba.

4.   L-informazzjoin kollha pprovduta fil-formola tat-talba standard u kwalunkwe dokumentazzjoni ta' evidenza għandhom jintbgħatu lill-korp regolatorju f'għamla elettronika.

Artikolu 7

Proċedura għat-test tal-għan prinċipali

1.   Il-korp regolatorju għandu jeżamina t-talba sottomessa mill-entità li tkun għamlet it-talba.

2.   Jekk il-korp regolatorju jqis li l-entità li għamlet it-talba ma pprovdiets informazzjoni sħiħa mat-talba tagħha, ikun jista' jitlob aktar informazzjoni fi żmien tliet ġimgħat mill-wasla ta-talba. Jekk l-entità li għamlet it-talba twieġeb għal din it-talba għal aktar informazzjoni, u r-risposta tagħha tkun għadha mhux kompluta, il-korp regolatorju jista' jagħmel it-tieni talba għal aktar informazzjoni fi żmien tliet ġimgħat mill-wasla tar-risposta għall-ewwel talba għal aktar informazzjoni. L-entità li għamlet it-talba għandha tipprovdi t-tali informazzjoni bi tweġiba għat-talbiet għal aktar informazzjoni fi żmien raġjonevoli kif stipulat mill-korp regolatorju skont l-Artikolu 56(8) tad-Direttiva 2012/34/UE. Jekk l-entità li għamlet it-talba ma tipprovdix it-tali informazzjoni fl-iskeda ta' żmien stipulata mill-korp regolatorju, it-talba għandha tiġi miċħuda.

3.   Il-korp regolatorju jista' jista jistaqsi lill-applikant jipprovdi informazzjoni addizzjonali. Dan jista' jiffissa skadenza oħra għal kjarifika fil-każ li l-infomazzjoni pprovduta ma tkunx ċara.

4.   Meta talba ma tista' tiġi sostanzjata skont l-Artikolu 6(1)(d), din għandha tiġi miċħuda.

5.   Il-korp regoatorju għandu jiddeċiedi fi żmien sitt ġimgħat minn meta tkun waslet l-informazzjoni rilevanti kollha.

Artikolu 8

Kriterji ta' valutazzjoni għat-test tal-għan prinċipali

1.   Il-korp regolatorju għandu jivverifika l-għan prinċipali ta' servizz propost ġdid. Dan għandu jwettaq analiżi kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva li tqis l-evoluzzjoni prevedibbli tas-servizz kif ukoll il-bidliet prevedibbli fil-kundizzjonijiet tas-suq tul il-perjodu kopert fin-notifika tal-applikant.

2.   Matul il-proċess ta' valutazzjoni u b'żieda mal-informazzjoni pprovduta fil-formola standard tan-notifika, il-korp regolatorju għandu jqis b'mod partikolari l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-proporzjon ta' fatturat u l-volum derivat mit-trasport tal-passiġġieri internazzjonali kif imbassar mill-applikant meta mqabbel mal-passiġġieri domestiċi fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-korp regolatorju;

(b)

id-distanza koperta mis-servizz propost ġdid fi Stati Membri differnti u l-post tal-waqfiet;

(c)

id-domanda tal-passiġġieri għas-servizz il-ġdid;

(d)

l-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni tal-applikant;

(e)

in-natura tal-vetturi li se jintużaw fis-servizz il-ġdid.

3.   Il-korp regolatorju jista' jiffissa u japplika limiti espressi bħala proporzjon tal-fatturat jew il-volum derivat mit-trasport tal-passiġġieri internazzjonali. Dawn il-limiti ma għandhomx jaqbżu il-50 % tal-fatturat jew tal-volum derivat mit-trasport tal-passiġġieri kollha, stmat għall-perjodu kollu kopert mid-deċiżjoni tal-korp regolatorju biex is-servizz jiġi kkwalifikat bħaal internazzjonali u ma għandhomx jiġu applikati f'iżolament.

Artikolu 9

Riżultat tat-test tal-għan prinċipali

1.   Wara l-valutazzjoni tas-servizz propost ġdid, il-korp regolatorju għandu jiddetermina jekk l-għan prinċipali tas-servizz propost ġdid hux:

(a)

li jġorr passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti, jew

(b)

li jġorr passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-korp regolatorju.

2.   Jekk il-korp regolatorju jiddeċiedi skont il-punt (a) tal-paragrafu 1, għandu jingħata aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja għas-servizz għall-passiġġieri internazzjonali propost ġdid.

3.   Jekk il-korp regolatorju jiddeċiedi skont il-punt (b) tal-paragrafu 1, il-korp regolatorju għandu jikkwalifika mill-ġdid l-applikazzjoni f'waħda għal servizz għall-passiġġieri nazzjonali u jinforma lill-applikant dwar dan. L-applikant għandu mbagħad isegwi r-regoli nazzjonali relevanti biex japplika għall-aċċess tal-infrastruttura ferrovjarja.

4.   Il-korp regolatorju għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li tkun ittieħdet.

5.   Id-deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tiġi ġġustifikata kif jixraq u ppubblikata bla dewmien fuq il-websajt tiegħu filwaqt li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 10

L-entitatjiet li għandhom id-dritt li jitolbu test tal-ekwilibriju ekonomiku

Meta Stat Membru li hu kkonċernat mill-proposta ta' servizz ferrovjarju internazzjonali propost ġdid ikun iddeċieda li jrażżan l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja għal servizzi għall-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali bejn post tat-tluq u tad-destinazzjoni li huma koperti minn kuntratt jew aktar ta' servizz pubbliku, jista' jintalab li jsir test ta' ekwilibriju ekonomiku minn dawn l-entitajiet li ġejjin:

(a)

awtorità jew awtoritajiet kompetenti li jkunu kkonkludew kuntrat ta' servizz pubbliku li jkopri post tat-tluq jew tad-destinazzjoni tas-servizz propost ġdid;

(b)

kwalunkwe awtorità kompetenti oħra interessata bi dritt li trażżan l-aċċess skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2012/34/UE;

(c)

il-maniġer tal-infrastruttura fiż-żona ġeografika koperta mis-servizz għall-passiġġieri internazzjonali propost ġdid;

(d)

kwalunkwe impriża ferrovjarja li twettaq kuntratt ta' servizz pubbliku mogħti mill-awtorità msemmija fil-punt (a).

Artikolu 11

Rekwiżiti ta' informazzjoni għat-test ta' ekwilibriju ekonomiku

1.   L-entità li tagħmel it-talba għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, l-indirizz, l-entità ġuridika, in-numru tar-reġistrazzjoni (jekk jixraq) tal-entità li tagħmel it-talba;

(b)

id-dejta tal-kuntatt tal-persuna responsabbli għad-domandi;

(c)

spjega tal-interess tal-entità li tagħmel it-talba f'deċiżjoni dwar it-test ta' ekwilibriju ekonomiku;

(d)

xhieda li l-ekwilibriju ekonomiku jiġi kompromess mis-servizz il-ġdid;

(e)

informazzjoni u dokumentazzjoni li tagħti xhieda tal-ispjegi f'(c) u (d).

2.   Il-korp regolatorju jista' jitlob informazzjoni mill-entitajiet involuti fit-test li tkun tinkludi imma jekk ikun hemm il-ħtieġa mhux biss:

(a)

Mill-awtorita' kompetenti:

(i)

kopja tal-kuntratt għal servizz pubbliku;

(ii)

ir-regoli nazzjonali għall-għoti u l-emendar ta' kuntratti ta' servizz pubbliku;

(iii)

il-vjaġġi relevanti u tbassir tad-dħul, inkluża l-metodoloġija tat-tbassir;

(b)

Mill-impriża ferrovjarja li tkun qed twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku:

(i)

kopja tal-kuntratt għal servizz pubbliku;

(ii)

il-pjan tan-negozju ta' din l-impriża;

(iii)

informazzjoni dwar id-dħul miksuba minn din l-impriża;

(iv)

skeda tal-ħinijiet għas-servizzi, inklużi l-ħinijiet tat-tluq, il-waqfiet intermedjarji, il-ħinijiet tal-wasla u l-konnessjonijiet;

(v)

l-elastiċitajiet tas-servizz stmati minnha (eż. l-elastiċità fil-prezzijiet, l-elastiċità fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kwalità tas-servizzi) u l-pjanijiet għar-risponsi kompetittivi għas-servizz il-ġdid, kif ukoll l-iffrankar tal-kostijiet possibbli introdotti mis-servizz il-ġdid.

(c)

Mill-applikant:

(i)

pjan tan-negozju;

(ii)

tbassir tad-dħul u l-vjaġġi minn passiġġieri domestiċi, inkluża l-metodoloġija tat-tbassir;

(iii)

strateġiji tal-ipprezzar;

(iv)

arranġamenti għall-ħruġ tal-biljetti;

(v)

speċifikazzjonijiet għall-vetturi (eż. il-fattur tat-tgħabija, l-għadd ta' sits, il-konfigurazzjoni tal-vaguni);

(vi)

l-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni;

(vii)

l-elastiċitajiet tas-servizz stmati minnha (eż. l-elastiċità tal-prezzijiet, l-elastiċità fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kwalità tas-servizzi).

(d)

Mill-maniġer tal-infrastruttura;

informazzjoni rigward il-linji jew it-taqsimiet relevanti, biex jiġi żgurat li s-servizz għall-passiġġieri internazzjonali ġdid jista' jitħaddem fuq din l-infrastruttura. Dan l-obbligu ta' informazzjoni tal-maniġer tal-infrastruttura għandu jkun bla ħsara għall-obbligi tiegħu skont il-proċedura tal-allokazzjoni msemmija fil-Kapitolu IV, Taqsima 3 tad-Direttiva 2012/34/UE.

3.   L-entitajiet involuti fit-test tal-ekwilibriju ekonomiku għandhom jiġġustifikaw kwalunkwe esklużjoni proposta ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Jekk il-korp regolarju jqis din il-ġustifikazzjoni aċċettabbli, dan iżomm din l-informazzjoni kunfidenzjali. Jekk le, din l-infomazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-parti li tkun talbet il-kunfidenzjalità. Din il-proċedura hi bla ħsara għall-possibbiltà ta' proċedura ta' appell kontra din is-sejba fil-liġi nazzjonali.

Artikolu 12

Proċedura għat-test ta' ekwilibriju ekonomiku

1.   Il-korp regolatorju għandu jeżamina t-talba sottomessa mill-entità li tkun għamlet it-talba.

2.   Jekk il-korp regolatorju jqis li l-entità li għamlet it-talba ma pprovdiets informazzjoni sħiħa mat-talba tagħha, ikun jista' jitlob aktar informazzjoni fi żmien tliet ġimgħat mill-wasla ta-talba. Jekk l-entità li għamlet it-talba twieġeb għal din it-talba għal aktar informazzjoni, u r-risposta tagħha tkun għadha mhux kompluta, il-korp regolatorju jista' jagħmel it-tieni talba għal aktar informazzjoni fi żmien tliet ġimgħat mill-wasla tar-risposta għall-ewwel talba għal aktar informazzjoni. L-entità li għamlet it-talba għandha tipprovdi t-tali informazzjoni bi tweġiba għat-talbiet għal aktar informazzjoni fi żmien raġjonevoli kif stipulat mill-korp regolatorju skont l-Artikolu 56(8) tad-Direttiva 2012/34/UE. Jekk l-entità li għamlet it-talba ma tipprovdix it-tali informazzjoni fl-iskeda ta' żmien stipulata mill-korp regolatorju, it-talba għandha tiġi miċħuda.

3.   Fi żmien xahar minn meta tasal it-talba, il-korp regolatorju għandu jistaqsi għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 mill-partijiet relevanti l-oħrajn, b'mod partikolari l-impriża ferrovjarja li tkun qed tfittex l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja bil-ħsieb li tħaddem is-servizz għall-passiġġieri ferrovjarji internazzjonali ġdid. Dan jista' jiffissa qafas ta' żmien ieħor għal kjarifika fil-każ li l-infomazzjoni pprovduta ma tkunx ċara.

4.   Meta talba ma tistax tiġi sostanzjata suffiċjentement skont l-Artikolu 11(1)(d), din għandha tiġi miċħuda.

5.   Jekk l-informazzjoni pprovduta mill-entità li tkun għamlet it-talba tiġġustifika t-talba għat-twettiq ta' test dwar l-ekwilbriju ekonomiku u l-informazzjoni provduta mill-applikant li jkun qed ifittex l-aċċess ma tkunx suffiċjenti biex tinvalida t-talba għat-tali test, l-aċċess ma' għandux jingħata.

6.   Il-korp regolatorju għandu jiffissa qafas ta' żmien għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu li ma għandux jaqbeż is-sitt ġimgħat mill-wasla tal-informazzjoni relevanti kollha.

7.   L-informazzjoni kollha għandha tintbgħat lill-korp regolatorju f'għamla elettronika.

Artikolu 13

Il-kontentut tat-test ta' ekwilibriju ekonomiku

1.   L-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku għandu jitqies bħala kompromess, meta is-servizz propost ġdid ikollu impatt negattiv sostanzjali fuq:

(i)

il-profittabilità tas-servizzi mħaddma skont il-kuntratt ta' servizz pubbliku, u/jew

(ii)

il-kost nett tal-awtorità kompetenti li tagħti l-kuntratt ta' servizz pubblku.

2.   Il-korp regolatorju għandu jevalwa jekk l-ekwilibriju ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku huwiex kompromess mis-servizz propost il-ġdid. L-analiżi mwettqa mill-korp regolatorju għandha tiffoka fuq l-impatt ekonomiku tas-servizz propost il-ġdid fuq il-kuntratt ta' servizz pubbliku kollu kemm hu, mhux fuq servizzi individwali mħaddma skontu, tul iż-żmien kollu tiegħu. Jistgħu jiġu applikati limiti predeterminati fuq kriterji speċifiċi imma mhux f'iżolament minn kriterji oħra.

3.   Il-korp regolatorju għandu jqis ukoll il-benefiċċji lill-konsumaturi li jfeġġu mis-servizz il-ġdid fuq medda qasira u medja ta' żmien.

Artikolu 14

Kriterji ta' valutazzjoni għat-test tal-ekwilibriju ekonomiku

Matul il-proċess ta' valutazzjoni, il-korp regolatorju għandu jqis, b'mod partikolari, il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-impatt fuq l-effett finanzjarju nett tas-servizzi skont il-kuntratt ta' servizz pubbliku meqjus tul iż-żmien kollu ta' dan il-kuntratt;

(b)

ir-risponsi kompetittivi possibbli mill-impriża ferrovjarja li tkun qed twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku;

(c)

l-iffrankar possibbli tal-kostijiet esperjenzati mill-impriża ferrovjarja li twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku (bħal f'dak li hu ffrankar ta' bdil ta' vetturi li jkunu waslu biex jiskadu jew ta' persunal fi tmiem il-kuntratt) kif ukoll il-benefiċċji potenzjali għal din l-impriża ferrovjarja li jirriżultaw mis-servizzi proposti l-ġodda (bħat-twassil ta' passiġġieri internazzjonali li jafu jkunu interessati f'xi konnessjoni mas-servizz reġjonali fi ħdan il-kuntratt ta' servizz pubbliku).

(d)

il-possibbiltà li jiddejjaq l-kamp ta' applikazzjoni tal-kuntratt ta' servizz pubbliku, b'mod partikolari meta jkun viċin li jiskadi fiż-żmien tal-valutazzjoni;

(e)

l-impatt fuq il-prestazzjoni u l-kwalità tas-servizzi ferrovjarji;

(f)

l-impatt fuq l-ippjanar tal-iskedi tal-ħin għas-servizzi ferrovjarji;

(g)

l-impatt fuq l-investimenti fil-vetturi mill-impriżi ferrovjarji jew l-awtoritajiet kompetenti, jekk xieraq.

Artikolu 15

Ir-riżultat tat-test ta' ekwilibriju ekonomiku

1.   Bħala riżultat tat-test ta' ekwilibriju ekonomiku, il-korp regolatorju għandu jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, li abbażi tagħha jingħata, jiġi mmodifikat, jingħata b'ċerti kundizzjonijiet jew jiċċaħħad id-dritt għal aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja.

2.   Qabel tittieħed deċiżjoni li tkun tirriżulta f'ċaħda tal-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja għas-servizz għall-passiġġieri internazzjonali ġdid, il-korp regolatorju għandu jagħti l-opportunità lill-applikant biex jaġġusta l-pjan ħalli dan ma jkunx kompromettenti għall-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt ta' servizz pubbliku.

3.   Id-deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tiġi ppubblikata bil-ġustifikazzjoni tagħha fuq il-websajt tal-korp regolatorju filwaqt li tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 16

Rikonsiderazzjoni ta' deċiżjoni li tirriżulta mit-test ta' ekwilibriju ekonomiku

1.   L-entitajiet elenkati fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2012/34/UE jistgħu jitolbu rikonsiderazzjoni ta' deċiżjoni li tirriżulta mit-test ta' ekwilibriju ekonomiku skont il-kundizzjonijiet li ġejjin stipulti mill-korp regolatorj. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu:

(a)

ikun hemm bidla sinifikanti fis-servizz tal-passiġġeri internazzjanali ġdid meta mqabbel md-dejta mistħarrġa mill-korp regolatorju; jew

(b)

ikun hemm differenza sostanzjali bejn l-impatt reali u dak stmat fuq is-servizzi skont il-kuntratt ta' servizz pubbliku; jew

(c)

meta kuntratt ta' servizz pubbliku jkun skada qabel it-terminu inizjali tiegħu.

2.   Sakemm il-korp regolatorju ma jipprevedix mod ieħor fid-deċiżjoni tiegħu, l-ebda rikonsiderazzjoni ta' deċiżjoni ma tista' tintalab fi żmien tliet snin mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, għajr fil-każijiet imfissra fil-paragrafu 1(a).

Artikolu 17

Kooperazzjoni tal-korp regolatorju ma korpi regolatorji oħrajn kompetenti għas-servizz propost il-ġdid

1.   Mal-wasla tan-notifika tal-applikant dwar l-intenzjoni tiegħu li jibda servizz għall-passiġġieri internazzjonali ġdid, il-korp regolatorju għandu jinforma lill-korpi regolatorji l-oħrajn li jkollhom kompentenza għar-rotta tas-servizz propost il-ġdid. Dawk il-korpi regolatorji għandhom jiċċekkjaw jekk l-informazzjoni fil-formola ta' nofitika ppubblikata fil-websajt tal-korp regolatorju hix konsistenti mal-informazzjoni li tkun waslitilhom mingħand l-applikant. Dawn għandhom jinformaw lill-korp regolatorju bi kwalunkwe inkonsistenzi.

2.   Mal-wasla tal-formola tat-talba, l-entitajiet msemmija fl-Artikolu 5 jew 10 fil-każ ta' jew it-test tal-għan prinċipali jew inkella t-test ta' ekwilibriju ekonomiku, il-korp regolatorju għandu jgħarraf lill-korpi regolatorji l-oħrajn li jkollhom kompetenza għal partijiet tar-rotta tas-servizz propost il-ġdid.

3.   Il-korpi regolatorji għandhom jikkomunikaw ir-riżultati tat-testijiet lill-korpi regolatorji l-oħrajn li jkollhom kompetenza għal partijiet tar-rotta tas-servizz propost il-ġdid. Dawn għandhom jagħmlu dan fi żmien li jkun qabel biżżejjed l-adozzjoni finali tad-deċiżjoni tagħhom li jagħtu lill-korpi regolatorji l-oħrajn l-opportunità li jikkumentaw fuq ir-riżultati tat-testijiet.

4.   Matul kwalunkwe skambju ta' informazzjoni dwar it-testijiet, il-korpi regolatorji għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva li taslilhom mill-partijiet involuti fit-testijiet. Dawn jistgħu jużaw l-informazzjoni għall-każijiet konċernati biss.

Artikolu 18

Miżati

L-Istati Membri jew, fejn jixraq, il-korpi regolatorji jistgħu jitolbu miżata għat-test tal-għan prinċipali, it-test ta' ekwilibriju ekonomiku jew it-test ta' rikonsiderazzjoni ta' ekwilibriju ekonomiku mingħand l-entità li titlob it-test jew ir-rikonsiderazzjoni. F'każ hekk, il-miżata ma għandhiex tkun diskriminatorja, tkun raġjonevoli, miżmuma effettivament fuq l-entitajiet kollha li jagħmlu talba b'mod trasparenti, u ma għandhiex taqbeż l-ispejjeż tal-ħidma li ssir mill-persunal u n-nefqa assoċjata mal-applikazzjoni.

Artikolu 19

Metodoloġija

1.   Il-korpi regolatorji għandhom isawru metodoloġija għat-testijiet tal-għan prinċipali u, jekk jixraq, għat-testijiet ta' ekwilibriju ekonomiku, b'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Din il-metodoloġija għandha tkun ċara, trasparenti u nondiskriminatorja u għandha tiġi ppubblikata fil-websajt tal-korp regolatorju.

2.   Il-metodoloġija għandha tiġi stabbilita b'mod li jkun konsistenti mat-tiswir tas-suq, b'allokazzjoni għall-evoluzzjoni ta' dan mal-milja taż-żmien, b'mod partikolari fid-dawl tal-esperjenza tal-korpi regolatorji.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta' Ġunju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).


Top