Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0412

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 412/2014 tat- 23 ta' April 2014 li jwassal għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta' bajd, prodotti tal-bajd u albumina li joriġinaw mill-Ukraina

    ĠU L 121, 24.4.2014, p. 32–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 02/11/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/412/oj

    24.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 121/32


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 412/2014

    tat-23 ta' April 2014

    li jwassal għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta' bajd, prodotti tal-bajd u albumina li joriġinaw mill-Ukraina

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-punti (a), (c) u (d) tal-Artikolu 187 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi arranġamenti preferenzjali għall-2014 għad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta' ċerti oġġetti li joriġinaw mill-Ukraina. Skont l-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament, il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness III tiegħu għandhom jitħallew jiġu impurtati fl-Unjoni fil-limiti tal-kwoti tariffarji stabbiliti f'dak l-Anness. Il-kwoti msemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 374/2014 għandhom ikunu amministrati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 184(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (2)

    Il-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni kkonċernati għandhom jiġu amministrati permezz tal-liċenzji tal-importazzjoni. Għal dan il-għan, għandu japplika r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (3), u dan mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet addizzjonali stipulati f'dan ir-Regolament.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 (4) għandu japplika għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa skont dan ir-Regolament, ħlief fejn ikun hemm lok għal xi derogi.

    (4)

    Biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-kwoti tariffarji jeħtieġ li meta titressaq l-applikazzjoni għal liċenzja tiġi ddepożitata l-garanzija marbuta mal-liċenzji tal-importazzjoni.

    (5)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 (5) issostitwixxa xi kodiċijiet tan-NM fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (6) b'kodiċijiet tan-NM ġodda li issa huma differenti minn dawk imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 374/2014. Għaldaqstant, l-Anness I ta' dan ir-Regolament għandu jirrifletti l-kodiċijiet tan-NM l-ġodda.

    (6)

    Peress li l-kwoti msemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 374/2014 huma miftuħa biss sal-31 ta' Ottubru 2014, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-ftuħ u l-immaniġġjar tal-kwoti tariffarji

    1.   Dan ir-Regolament jiftaħ u jimmaniġġja l-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni għas-settur tal-bajd u għall-prodotti tal-albumina indikati fl-Anness I.

    2.   Il-kwantità tal-prodotti koperti mill-kwoti msemmija fil-paragrafu 1, ir-rata tad-dazju doganali applikabbli, kif ukoll in-numri tal-ordni huma stabbiliti fl-Anness I.

    3.   Il-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu mmaniġġjati permezz tal-liċenzji tal-importazzjoni.

    4.   Għandhom japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 1301/2006 u (KE) Nru 376/2008, u dan jekk kemm-il darba ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.

    5.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-piż tal-prodotti tal-bajd għandu jinqaleb fl-ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra skont ir-rati standard ta' rendiment stabbiliti fl-Anness 69 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (7).

    6.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-piż tal-albumina tal-ħalib għandu jinqaleb fl-ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra skont ir-rati standard ta' rendiment ta' 7,00 għall-albumina tal-ħalib imnixxfa (il-kodiċi tan-NM 3502 20 91) u ta' 53,00 għall-albumina l-oħra tal-ħalib (il-kodiċi tan-NM 3502 20 99) bl-użu tal-prinċipji ta' konverżjoni stabbiliti fl-Anness 69 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    Artikolu 2

    Il-perjodu tal-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni

    Il-kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jibqgħu miftuħin sal-31 ta' Ottubru 2014.

    Artikolu 3

    L-applikazzjonijet għal-liċenzji tal-importazzjoni u l-liċenzji tal-importazzjoni

    1.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji għandhom jintbagħtu sa mhux aktar tard mis-13.00, ħin ta' Brussell, fil-15-il jum kalendarju minn dakinhar li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

    2.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja għandhom jirreferu għal numru tal-ordni wieħed biss. Jistgħu jikkonċernaw diversi prodotti koperti minn kodiċijiet tan-NM differenti. F'dan il-każ, il-kodiċijiet kollha tan-NM u d-deskrizzjonijiet tagħhom għandhom jiġu indikati fil-kaxex 15 u 16 tal-applikazzjoni għal-liċenzja u tal-liċenzja stess, rispettivament. Fil-każ tal-kwota tariffarja 09.4275 stabbilita fl-Anness I, il-kwantità totali għandha tinqaleb fl-ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra.

    3.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja għandhom ikunu ta' kwantità minima ta' tunnellata u għal massimu ta' 10 % tal-kwantità disponibbli għall-kwota kkonċernata.

    4.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzja u l-liċenzji nfushom għandu jkun fihom:

    (a)

    fil-kaxxa 8, l-isem “L-Ukraina” bħala l-pajjiż tal-oriġini u l-kaxxa “iva” mmarkata b'salib;

    (b)

    fil-kaxxa 20, waħda mill-entrati mniżżla fl-Anness II.

    5.   Mat-tressiq tal-applikazzjoni għal-liċenzja għandha tiġi ddepożitata garanzija ta' EUR 20 għal kull 100 kilogramma.

    6.   Sa mhux aktar tard mis-7 jum ta' xogħol wara tmiem il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantità totali li jkunu tressqu applikazzjonijiet għaliha, mogħtija f'kilogrammi ta' piż li jkun l-ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra, imqassma skont in-numru tal-ordni.

    7.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kwantità allokata skont il-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jkun suġġett għall-preżentazzjoni ta' liċenzja tal-importazzjoni.

    8.   Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jinħarġu mhux qabel is-7 jum ta' xogħol u mhux aktar tard mit-12-il jum ta' xogħol minn meta jintemm il-perjodu għan-notifiki msemmi fil-paragrafu 6.

    Artikolu 4

    Validità tal-liċenzji tal-importazzjoni

    1.   Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi minn dakinhar li jinħarġu sal-31 ta' Ottubru 2014.

    2.   Bla ħsara għall-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008, it-trasferiment tad-drittijiet li joħorġu mil-liċenzji għandu jkun limitat għaċ-ċessjonarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006.

    Artikolu 5

    Notifiki lill-Kummissjoni

    1.   B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

    (a)

    sa mhux aktar tard mill-14 ta' Novembru 2014, bil-kwantitajiet tal-prodotti, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, li għalihom ikunu nħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni fil-perjodu tal-kwota;

    (b)

    sa mhux aktar tard mit-28 ta' Frar 2015, bil-kwantitajiet tal-prodotti, inklużi d-dikjarazzjonijiet nulli, koperti b'liċenzji tal-importazzjoni li ma jkunux intużaw jew li jkunu ntużaw parzjalment u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imniżżla fuq in-naħa ta' wara tal-liċenzji tal-importazzjoni u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu.

    2.   Sa mhux aktar tard mit-28 ta' Frar 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet tal-prodotti li jkunu ġew irrilaxxati effettivament għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa matul il-perjodu tal-kwota tariffarja fuq l-importazzjoni stabbilit minn dan ir-Regolament.

    3.   Fil-każ tan-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-kwantità għandha tingħata f'kilogrammi ta' piż li jkun l-ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra u għandha titqassam skont in-numru tal-ordni.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw mill-Ukraina (ĠU L 118, 22.4.2014, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal-4 ta' Ottubru 2013 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 290, 31.10.2013, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).


    ANNESS I

    Irrispettivament mir-regoli għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, jeħtieġ li l-kliem tad-deskrizzjoni tal-prodotti jitqies bħala ta' valur indikattiv biss, minħabba li l-applikabbiltà tal-arranġamenti preferenzjali, fil-kuntest ta' dan l-Anness, tiddependi mill-ambitu tal-kodiċijiet tan-NM.

    Numru tal-ordni

    Kodiċi tan-NM

    Deskrizzjoni

    Kwantità f'tunnellati

    Dazju applikabbli

    (f'EUR/t)

    09.4275

    0407 21 00

    0407 29 10

    0407 90 10

    0408 11 80

    0408 19 81

    0408 19 89

    0408 91 80

    0408 99 80

    3502 11 90

    3502 19 90

    3502 20 91

    3502 20 99

    Bajd tat-tajr fil-qoxra: frisk, ippreservat jew imsajjar; Bajd tal-għasafar, mhux fil-qoxra, u isfar tal-bajd: frisk, imnixxef, imsajjar bil-fwar jew mgħolli fl-ilma, iffurmat, iffriżat jew ippreservat mod ieħor, kemm jekk miżjud biz-zokkor jew b'xi materjal ieħor li jagħmlu ħelu u kemm jekk le, u li hu tajjeb għall-konsum mill-bniedem; albumini tal-bajd u albumini tal-ħalib, li huma tajbin għall-konsum mill-bniedem.

    1 500

    (mogħtija f'ekwivalenti ta' bajd li jkun għadu fil-qoxra)

    0

    09.4276

    0407 21 00

    0407 29 10

    0407 90 10

    Bajd tat-tajr fil-qoxra: frisk, ippreservat jew imsajjar

    3 000 (mogħtija f'piż nett)

    0


    ANNESS II

    L-entrati msemmija fl-Artikolu 3(4)(b)

    Bil-Bulgaru: Регламент за изпълнение (ЕC) № 412/2014

    Bl-Ispanjol: Reglamento de Ejecución (UE) no 412/2014

    Biċ-Ċek: Prováděcí nařízení (EU) č. 412/2014

    Bid-Daniż: Gennemførelsesforordning (EU) nr. 412/2014

    Bil-Ġermaniż: Durchführungsverordnung (EU) Nr. 412/2014

    Bl-Estonjan: Rakendusmäärus (EL) nr 412/2014

    Bil-Grieg: Εκτελεστικός κανονισμός (ΕΕ) αριθ. 412/2014

    Bl-Ingliż: Implementing Regulation (EU) No 412/2014

    Bil-Franċiż: Règlement d'exécution (UE) no 412/2014

    Bil-Kroat: Provedbena uredba (EU) br. 412/2014

    Bit-Taljan: Regolamento di esecuzione (UE) n. 412/2014

    Bil-Latvjan: Īstenošanas regula (ES) Nr. 412/2014

    Bil-Litwan: Įgyvendinimo reglamentas (ES) Nr. 412/2014

    Bl-Ungeriż: 412/2014/EU végrehajtási rendelet

    Bil-Malti: Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 412/2014

    Bl-Olandiż: Uitvoeringsverordening (EU) nr. 412/2014

    Bil-Pollakk: Rozporządzenie wykonawcze (UE) nr 412/2014

    Bil-Portugiż: Regulamento de Execução (UE) n.o 412/2014

    Bir-Rumen: Regulamentul de punere în aplicare (UE) nr. 412/2014

    Bis-Slovakk: Vykonávacie nariadenie (EÚ) č. 412/2014

    Bis-Sloven: Izvedbena uredba (EU) št. 412/2014

    Bil-Finlandiż: Täytäntöönpanoasetus (EU) N:o 412/2014

    Bl-Iżvediż: Genomförandeförordning (EU) nr 412/2014.


    Top