EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0408

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 408/2014 tat- 23 ta' April 2014 li japprova d-diossidu tas-siliċju amorfu sintetiku bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 18 Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 121, 24.4.2014, p. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/408/oj

24.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/17


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 408/2014

tat-23 ta' April 2014

li japprova d-diossidu tas-siliċju amorfu sintetiku bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 18

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u partikolarment it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 (2) jistabbilixxi lista ta' sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva Nru 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Din il-lista tinkludi d-diossidu tas-siliċju.

(2)

Id-diossidu tas-siliċju vvalutat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva Nru 98/8/KE għall-użu fi prodotti tat-tip 18, insettiċidi, akariċidi u prodotti biex jiġu kkontrollati artropodi oħra, kif definit fl-Anness V ta' dik id-Direttiva, li jikkorrispondu mal-prodotti tat-tip 18 kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

Id-dejta li tressqet għall-fini tal-valutazzjoni ppermettiet li jsiru konklużjonijiet dwar ċertu forma ta' diossidu tas-siliċju, jiġifieri, id-diossidu tas-siliċju amorfu sintetiku deskritt bħala silika umida, bin-numru tal-CAS Nru 112926-00-8. Il-valutazzjoni ma ppermettietx li jsiru konklużjonijiet dwar xi sustanza oħra konformi mad-definizzjoni tad-diossidu tas-siliċju bin-numru tal-CAS Nru 7631-86-9 fil-lista ta' sustanzi attivi msemmija hawn fuq fir-Regolament (KE) Nru 1451/2007. Għaldaqstant, l-approvazzjoni għandha tkopri biss id-diossidu tas-siliċju amorfu sintetiku.

(4)

Franza nħatret bħala l-Istat Membru Rapporteur u ressqet ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma' rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fis-16 ta' April 2009 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.

(5)

Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie rrevedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, is-sejbiet tar-reviżjoni ġew inkorporati f'rapport ta' valutazzjoni revedut fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fit-13 ta' Marzu 2014.

(6)

Skont dak ir-rapport ta' valutazzjoni, il-prodotti bijoċidali użati għall-prodotti tat-tip 18 u li fihom id-diossidu tas-siliċju amorfu sintetiku huma mistennija li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva Nru 98/8/KE, sakemm ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tiegħu jiġu ssodisfati.

(7)

Għaldaqstant, huwa xieraq li d-diossidu tas-siliċju amorfu sintetiku jiġi approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tipi 18, suġġett għall-konformità ma' dawn l-ispeċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet.

(8)

Billi li d-diossidu tas-siliċju amorfu sintetiku, kif ivvalutat, huwa nanomaterjal, l-approvazzjoni għandha tkopri tali nanomaterjali skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, sakemm ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tagħhom jiġu ssodisfati.

(9)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu ta' żmien raġonevoli qabel ma sustanza attiva tkun approvata, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri ta' tħejjija meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-diossidu tas-siliċju amorfu sintetiku għandu jiġi approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 18, suġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta' Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta' ħidma ta' 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva Nru 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3)

(3)  Id-Direttiva Nru 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).


ANNESS

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri tal-Identifikazzjoni

Grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva (1)

Karatteristiċi strutturali ta' referenza (2)

Data tal-approvazzjoni

Data ta' skadenza tal-approvazzjoni

Tip ta' prodott

Kundizzjonijiet speċifiċi (3)

Diossidu tas-siliċju amorfu sintetiku (nano)

Isem tal-IUPAC:

Diossidu tas-siliċju

Nru tal-KE: 231-545-4

Nru tal-CAS: 112926-00-8

Din l-approvazzjoni tkopri d-diossidu tas-siliċju amorfu sintetiku bħala nanomaterjal fil-forma ta' partikuli aggregati stabbli b'daqs tal-partikuli > 1 μm, b'partikuli primarji ta' daqs nano.

800 g/kg

Daqs tal-partikuli aggregati stabbli > 1 μm

Daqs tal-partikuli primarji < 25 nm

Erja ta' superfiċje ta' volum speċifiku > 600 m2/cm3

l-1 ta' Novembru 2015

l-31 ta' Ottubru 2025

18

Il-valutazzjoni tal-prodott għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-esponimenti, ir-riskji u l-effikaċja marbuta ma' kwalunkwe użu kopert minn applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda mhux indirizzati fil-valutazzjoni tar-riskji, fil-livell tal-Unjoni, tas-sustanza attiva.


(1)  Il-purità indikata f'din il-kolonna kienet il-grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva użata għall-valutazzjoni li saret skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Is-sustanza attiva fil-prodott imqiegħed fis-suq jista' jkollha purità ugwali jew purità differenti, jekk tkun ġiet ippruvata li hija teknikament ekwivalenti għas-sustanza attiva evalwata.

(2)  Il-karatteristiċi strutturali indikati f'din il-kolonna kienu dawk tas-sustanza attiva użata għall-valutazzjoni li saret skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta' valutazzjoni jinsabu fis-sit tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm.


Top