EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0250

Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Erkole III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE

ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0785

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/250/oj

20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/6


REGOLAMENT (UE) Nru 250/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Erkole III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 325 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni u l-Istati Membri stabbilixxew l-objettiv li jiġġieldu kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż il-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni. Sabiex jittejjeb l-impatt fit-tul tal-infiq u sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet għandhom jiġu żgurati kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib u regolari fil-livell tal-Unjoni u bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

(2)

L-attivitajiet li għandhom l-għan li jipprovdu informazzjoni aħjar, taħriġ speċjalizzat, inklużi studji dwar il-liġi komparattiva u assistenza teknika jew xjentifika jgħinu b’mod sinifikattiv biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u fl-istess ħin biex jintlaħaq livell ugwali ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha.

(3)

Permezz tal-appoġġ għal attivitajiet bħal dawk taħt id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (il-programm Erkole) li kienet emendata u estiża mid-Deċiżjoni Nru 878/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (il-programm Erkole II), kien possibbli li jissaħħu l-attivitajiet imwettqa mill-Unjoni u mill-Istati Membri fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe att illegali ieħor li jinċidi fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(4)

Il-Kummissjoni għamlet reviżjoni tal-kisbiet tal-programm Ercole II b’rapport dwar xi ddaħħal fil-programm u x’ħareġ minnu.

(5)

Fl-2011, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-impatt, sabiex tevalwa l-ħtieġa jekk għandux jitkompla l-programm.

(6)

Biex jitkomplew u anki biex jiġu żviluppati l-attivitajiet fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluża l-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-isfidi l-ġodda fil-kuntest tal-awsterità baġitarja, jeħtieġ li jiġi adottat programm ġdid (il-“Programm”).

(7)

Il-Programm għandu jiġi implimentat filwaqt li jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet u l-miżuri elenkati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2013 intitolata “L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u forom oħra ta’ kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk - Strateġija komprensiva tal-UE”.

(8)

Il-Programm għandu jiġu implimentat f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). F’konformità ma’ dak ir-Regolament, għotja jkollha bħala skop li tappoġġa finanzjarjament azzjoni maħsuba biex tgħin jitwettaq objettiv ta’ politika tal-Unjoni u ma għandhiex ikollha bħala l-iskop uniku tagħha x-xiri ta’ tagħmir.

(9)

Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Istati li ser jingħaqdu mal-Unjoni, il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, kif ukoll pajjiżi msieħba taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat, sakemm dawn il-pajjiżi jkunu laħqu livell suffiċjenti ta’ approssimazzjoni għal-leġislazzjoni rilevanti u l-metodi amministrattivi tal-Unjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati u pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet ta’ qafas rispettivi, fid-deċiżjonijiet ta’ Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni jew fi ftehimiet simili, kif ukoll il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

(10)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni indipendenti ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, kif ukoll rapport ta’ evalwazzjoni finali dwar il-kisba tal-objettivi tal-Programm. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tipprovdi, fuq bażi annwali, informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni annwali tal-programm, inklużi r-riżultati tal-azzjonijiet iffinanzjati u informazzjoni dwar il-konsistenza u l-kumplimentarjetà fir-rigward ta’ programmi u azzjonijiet rilevanti oħrajn fil-livell tal-Unjoni.

(11)

Jeħtieġ li l-Programm jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, billi r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti milli kif jintużaw fil-livell nazzjonali. L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa u ġustifikata peress li b’mod ċar tgħin lill-Istati Membri kollettivament biex jipproteġu l-baġit ġenerali tal-Unjoni u dawk nazzjonali u tħeġġeġ l-użu ta’ strutturi komuni tal-UE biex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Il-Programm ma għandux, madanakollu, jaffettwa r-responsabilitajiet tal-Istati Membri.

(12)

Il-Programm għandu jibqa’ għaddej għal perijodu ta’ seba’ snin biex it-tul ta’ żmien tiegħu jkun allinjat mal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (6).

(13)

Sabiex isir provvediment għal ċerta flessibbiltà fl-allokazzjoni ta’ fondi, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta, taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, atti ddelegati fir-rigward tal-emendament tal-allokazzjoni indikattiva ta’ dawk il-fondi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(14)

Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali li jkun fihom l-azzjonijiet iffinanzjati, il-kriterji tal-għażla u tal-għoti u l-każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif dovut, bħal dawk dwar l-Istati Membri esposti għal riskju għoli fir-rigward tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li fihom ir-rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 90 % tal-ispejjeż eliġibbli hija applikabbli. Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti mal-Istati Membri l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-qafas tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenjoni ta’ Frodi mwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/140/KE (7).

(15)

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex isaħħu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom skont ir-rata ta’ kofinanzjament għal għotjiet mogħtija taħt il-Programm.

(16)

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li l-programmi ta’ ħidma annwali jkunu konsistenti u komplementari ma’ programmi rilevanti oħrajn iffinanzjati mill-UE, b’mod partikolari fil-qasam tad-dwana, sabiex jissaħħaħ l-impatt ġenerali tal-azzjonijiet tal-Programm u sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet tal-Programm fi programmi oħrajn.

(17)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perijodu sħiħ tal-Programm, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (8) għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(18)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu mħarsa permezz ta’ miżuri proporzjonali tul iċ-ċiklu tal-infiq kollu kemm hu, li jinkludi l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod ħażin u, fejn xieraq, pieni amministrattivi u finanzjarji.

(19)

Id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE għandha titħassar. Għandhom jiġu adottati miżuri tranżizzjonali sabiex jiġu mwettqa bis-sħiħ obbligi finanzjarji relatati ma’ azzjonijiet li jkunu saru taħt dik id-Deċiżjoni u tal-obbligi ta’ rappurtar speċifikati fiha.

(20)

Huwa meħtieġ li tkun żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel u mingħajr interruzzjoni bejn il-programm Erkole II u l-Programm u li t-tul tal-Programm jiġi allinjat mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013. Għalhekk, dan il-Programm għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

B’dan huwa stabbilit programm ta’ azzjoni pluriennali biex jiġu promossi attivitajiet kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra li jinċidu fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Erkole III (“il-Programm”) għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 2

Valur miżjud

Il-Programm għandu jikkontribwixxi għal dawn kollha li ġejjin:

(a)

l-iżvilupp ta’ attivitajiet fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluża l-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni;

(b)

aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni transnazzjonali fil-livell tal-Unjoni, bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), u b’mod partikolari fir-rigward tal-effikaċja u l-effiċjenza ta’ operazzjonijiet transkonfinali;

(c)

il-prevenzjoni effettiva tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi jingħata taħriġ speċjalizzat konġunt lil persunal ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali, u reġjonali, u għal partijiet interessati oħrajn.

B’mod partikolari, il-Programm għandu jippermetti l-iffrankar riżultanti mill-akkwist kollettiv ta’ tagħmir speċjalizzat u databases li jintużaw mill-partijiet interessati u riżultanti minn taħriġ speċjalizzat.

Artikolu 3

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-Programm għandu jkun il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni biex b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni u tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dħul mit-taxxi.

Artikolu 4

Objettiv speċifiku

L-objettiv speċifiku tal-Programm għandu jkun il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra li tinċidi fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-objettiv speċifiku għandu jitkejjel billi ssir referenza, fost l-oħrajn, għal-livelli ta’ mira u l-linji bażi u permezz tal-indikaturi prinċipali kollha tal-prestazzjoni li ġejjin:

(a)

in-numru ta’ sekwestri, konfiski u rkupru wara l-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ frodi permezz ta’ azzjonijiet konġunti u ta’ operazzjonijiet transkonfinali;

(b)

il-valur miżjud u l-użu effettiv tat-tagħmir tekniku kofinanzjat;

(c)

l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri dwar ir-riżultati miksuba bil-materjal tekniku;

(d)

l-għadd u t-tip ta’ attivitajiet ta’ taħriġ, inkluż l-ammont ta’ taħriġ speċjalizzat.

Artikolu 5

Objettivi operattivi

L-objettivi operattivi tal-Programm għandhom ikunu dawn kollha li ġejjin:

(a)

it-titjib tal-prevenzjoni u tal-investigazzjoni tal-frodi u ta’ attivitajiet illegali oħrajn lil hinn mil-livelli milħuqa s’issa billi tittejjeb il-kooperazzjoni transnazzjonali u multidixxiplinari;

(b)

iż-żieda fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi, billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni, tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki, inkluż l-iskambju ta’ impjegati;

(c)

it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn permezz tal-għoti ta’ appoġġ tekniku u operattiv fl-investigazzjoni nazzjonali, u b’mod partikolari lill-awtoritajiet tad-dwana u tal-infurzar tal-liġi;

(d)

il-limitazzjoni ta’ espożizzjoni, kemm attwalment magħrufa, tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni għall-frodi, korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn, bil-għan li jitnaqqas l-iżvilupp ta’ ekonomija illegali f’żoni prinċipali ta’ riskju bħall-frodi organizzata, inklużi l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni;

(e)

it-titjib tal-grad ta’ żvilupp tal-protezzjoni legali u ġudizzjarja speċifika tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi permezz tal-promozzjoni ta’ analiżi ta’ liġi komparattiva.

Artikolu 6

Korpi eliġibbli għall-finanzjamenti

Kull wieħed mill-korpi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt il-Programm:

(a)

l-amministrazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali ta’ pajjiż parteċipanti, kif previst fl-Artikolu 7(1), li jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b)

l-istituti ta’ riċerka u dawk edukattivi u l-entitajiet bla skop ta’ qligħ sakemm ikunu ilhom stabbiliti u ilhom joperaw għal mill-inqas sena, f’pajjiż parteċipanti, kif previst fl-Artikolu 7(1), u jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Artikolu 7

Parteċipazzjoni fil-Programm

1.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom ikunu l-Istati Membri u l-pajjiżi msemmija fil-paragrafu 2 (“pajjiżi parteċipanti”).

2.   Il-Programm ser ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe mill-pajjiżi li ġejjin:

(a)

Stati li ser jissieħbu, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati u l-pajjiżi fi programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet ta’ qafas, fid-deċiżjonijiet ta’ Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni u fi ftehimiet simili rispettivi;

(b)

il-pajjiżi msieħba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat dment li dawk il-pajjiżi jkunu laħqu livell suffiċjenti ta’ allinjament mal-leġislazzjoni rilevanti u l-metodi amministrattivi għal dawk tal-Unjoni. Il-pajjiżi msieħba kkonċernati għandhom jipparteċipaw fil-Programm f’konformità mad-dispożizzjonjiet li għandhom jiġu determinati ma’ dawk il-pajjiżi wara l-istabbiliment ta’ ftehimiet qafas rigward il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi tal-Unjoni;

(c)

il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), f’konfomità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

3.   Jistgħu jipparteċipaw rappreżentanti ta’pajjiżi li jagħmlu parti mill-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni għall-pajjiżi fix-Xlokk tal-Ewropa, għall-Federazzjoni Russa, ta’ ċerti pajjiżi li magħhom l-Unjoni laħqet ftehim dwar l-għajnuna reċiproka fil-kwistjonijiet marbuta mal-frodi, u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ta’ organizzazzjonijiet oħrajn rilevanti, fl-attivitajiet organizzati fil-Programm kull meta dan ikun utli biex jinkisbu l-objettiv ġenerali u l-objettiv speċifiku previsti fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament. Dawk ir-rappreżentanti għandhom jipparteċipaw fil-Programm f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 8

Azzjonijiet eliġibbli

Il-Programm għandu jipprovdi, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-programmi ta’ ħidma annwali previsti fl-Artikolu 11, appoġġ finanzjarju adegwat għall-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għoti ta’ assistenza teknika speċjalizzata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri permezz ta’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(i)

l-għoti ta’ għarfien speċifiku, ta’ tagħmir speċjalizzat u teknikament avvanzat u ta’ għodod effettivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transnazzjonali u l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

(ii)

jiġi żgurat l-appoġġ meħtieġ u jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet, b’mod partikolari fit-twaqqif ta’ gruppi konġunti ta’ investigazzjoni u fl-operazzjonijiet transkonfinali;

(iii)

jingħata sostenn lill-kapaċità tal-Istati Membri li jaħżnu u jeqirdu s-sigaretti sekwestrati, kif ukoll lis-servizzi analitiċi indipendenti għall-analiżi tas-sigaretti sekwestrati;

(iv)

it-titjib tal-iskambju tal-impjegati fi proġetti speċifiċi, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni;

(v)

l-għoti ta’ appoġġ tekniku u operattiv lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-attivitajiet transkonfinali illegali u l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż, partikolarment, appoġġ għall-awtoritajiet tad-dwana;

(vi)

il-bini ta’ kapaċità fit-teknoloġija tal-informatika fil-pajjiżi parteċipanti kollha billi jiġu żviluppati u pprovduti databases u għodod tal-IT li jiffaċilitaw l-aċċess għad-data u l-analiżi tagħha;

(vii)

żieda fl-iskambju ta’ data, l-iżvilupp u l-għoti ta’ għodod tal-IT għall-investigazzjonijiet u l-monitoraġġ tal-ħidma tal-intelligence;

(b)

l-organizzazzjoni ta’ taħriġ speċjalizzat immirat u ta’ sessjonijiet ta’ ħidma rigward taħriġ dwar l-analiżi tar-riskji, kif ukoll, fejn ikun xieraq, konferenzi bl-għan ta’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(i)

ikompli jitrawwem għarfien aħjar tal-mekkaniżmi tal-Unjoni u nazzjonali;

(ii)

ikun hemm skambju tal-esperjenzi u l-prattiki tajbin bejn l-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi parteċipanti, inklużi s-servizzi speċjalizzati tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali previsti fl-Artikolu 7(3);

(iii)

jiġu kkoordinati l-attivitajiet tal-Istati Membri, tal-pajjiżi parteċipanti u tar-rappreżentanti ta-organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali, kif definit fl-Artikolu 7(3);

(iv)

jixxerred l-għarfien, partikolarment dwar kif jista’ jiġi identifikat aħjar ir-riskju għal skopijiet investigattivi;

(v)

jiġu żviluppati attivitajiet ta’ riċerka ta’ livell għoli, inklużi studji;

(vi)

tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-prattikanti u l-akkademiċi;

(vii)

tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-ġudikatura u fergħat oħrajn tal-professjoni legali fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(c)

kwalunkwe azzjoni oħra mhux koperta mill-punti (a) jew (b) ta’ dan l-Artikolu, previsti fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 11, li hija meħtieġa biex jinkisbu l-objettiv ġenerali, l-objettiv speċifiku u l-objettivi operattivi previsti fl-Artikolu 3, 4 u 5 rispettivament.

KAPITOLU II

QAFAS FINANZJARJU

Artikolu 9

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandha tkun EUR 104 918 000, fi prezzijiet attwali.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

2.   Fil-pakkett finanzjarju għall-Programm għandhom jiġu allokati ammonti indikattivi għall-azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8, fil-limiti tal-perċentwali li jinsabu fl-Anness għal kull tip ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni tista’ ma timxix mal-allokazzjonijiet indikattivi tal-fondi mogħtija fl-Anness, iżda ma tistax iżżid is-sehem allokat tal-pakkett finanzjarju b’aktar minn 20 % għal kull tip ta’ azzjoni.

Jekk ikun meħtieġ li jinqabeż il-limitu ta’ 20 %, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 14 biex timmodifika l-allokazzjoni indikattiva tal-fondi stabbilita fl-Anness.

Artikolu 10

Tip ta’ intervent finanzjarju u kofinanzjament

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm f’konformità mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012.

2.   L-appoġġ finanzjarju taħt il-Programm għal azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8 għandu jieħu l-forma ta’ kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

għotjiet;

(b)

akkwist pubbliku.

(c)

rimborż ta’ spejjeż għal parteċipazzjoni f’attivitajiet taħt il-Programm li jsiru mir-rappreżentanti msemmija fl-Artikolu 7(3).

3.   Ix-xiri ta’ tagħmir m’għandhux ikun l-uniku element tal-ftehim dwar l-għotja.

4.   Ir-rata ta’ kofinanzjament għall-għotjiet mogħtija taħt il-Programm m’għandhiex tkun aktar minn 80 % tal-ispejjeż eliġibbli. F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, definiti fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 11, bħal każijiet li jikkonċernaw Stati Membri esposti għal riskju għoli fir-rigward tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ir-rata tal-konfinanzjament ma għandhiex taqbeż 90 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 11

Programmi ta’ ħidma annwali

Sabiex timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali. Huma għandhom jiżguraw li l-objettiv ġenerali, l-objettiv speċifiku u l-objettivi operattivi previsti fl-Artikoli 3, 4 u 5 rispettivament jiġu implimentati b’mod konsistenti u għandhom jiddeskrivu r-riżultati mistennija, il-metodu tal-implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom. Fil-każ tal-għotjiet, il-programmi ta’ ħidma annwali għandhom jinkludu l-azzjonijiet iffinanzjati, il-kriterji tal-għażla u tal-għoti u r-rata massima tal-konfinanzjament.

Ir-riżorsi allokati għall-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni taħt il-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll biex ikopru l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-objettiv ġenerali previsti fl-Artikolu 3.

Artikolu 12

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adegwati li jiżguraw li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa ħażin u, fejn applikabbli, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa li jwettqu verifika, fuq il-bażi ta’ dokumenti u verifiki fuq il-post, tal-benefiċjarji ta’ għotjiet, tal-kuntratturi u tas-subkuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni taħt il-Programm.

3.   L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (10) bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li jinċidu fuq l-interessi finanzjajri tal-Unjoni relattivament għal xi ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt il-Programm.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom b’mod espliċitu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex jagħmlu dawn il-verifiki u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU III

MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U SETGĦAT DELEGATI

Artikolu 13

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq bażi annwali, b’informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, inkluża dik dwar il-kisba tal-objettivi tal-Programm u r-riżultati. Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u dwar il-konsistenza u l-kumplimentarjetà ma’ programmi u azzjonijiet rilevanti oħra fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha, fuq bażi ta’ kontinwità, ixxerred, anke fuq siti web rilevanti, ir-riżultati tal-attivitajiet appoġġati mill-Programm, sabiex tiżdied it-trasparenza dwar l-użu tal-fondi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tal-Programm u għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

sal-31 ta’ Diċembru 2017, rapport ta’ evalwazzjoni indipendenti ta’ nofs it-terminu dwar il-kisba tal-objettivi tal-azzjonijiet, tar-riżultati u tal-impatti kollha, tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud tiegħugħall-Unjoni, fid-dawl ta’ deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tal-azzjonijiet; ir-rapport ta’ evalwazzjoni indipendenti ta’ nofs it-terminu għandu, addizzjonalment, jindirizza jekk hemmx lok għal simplifikazzjoni, il-koereza interna u esterna tal-Programm, ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha tal-Programm, kif ukoll il-kontribut tal-azzjonijiet għall-prijoritajiet tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; huwa għandu jqis ukoll ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-kisbiet tal-objettivi tal-programm Erkole II;

(b)

sal-31 ta’ Diċembru 2021, rapport ta’ evalwazzjoni finali dwar il-kisba tal-objettivi tal-Programm, inkluż il-valur miżjud tiegħu; barra minn hekk, l-impatti fuq perijodu ta’ żmien twil u l-effetti tas-sostenibilità tal-Programm għandhom jiġu evalwati bil-għan li jinfurmaw deċiżjoni dwar il-possibilità ta’ tiġdid, modifika jew sospensjoni ta’ kwalunkwe programm sussegwenti.

3.   Il-pajjiżi parteċipanti kollha u benefiċjarji oħrajn għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-data u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iżidu t-trasparenza u l-kontabbiltà u biex jippermettu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, anke dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, tal-Programm previsti fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 14

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija b’dan mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 9 hija b’dan mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mll-21 ta’ Marzu 2014.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 9 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Tħassir

Id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE hija b’dan imħassra.

Madankollu, l-obbligi finanzjarji relatati ma’ azzjonijiet li jkunu saru taħt dik id-Deċiżjoni u l-obbligi ta’ rappurtar speċifikati fiha għandhom jibqgħu regolati minn dik id-Deċiżjoni sa meta jitwettqu kompletament dawk l-obbligi.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 201, 7.7.2012, p. 1.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2014.

(3)  Deċiżjoni Nru 804/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni biex jippromwovi Attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni ta’ linteressi finanzjarji Komunitarji (il-programm Erkole) (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 9).

(4)  Deċiżjoni Nru 878/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2007 li temenda u testendi d-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarju biex jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji Komunitarji (il-programm Erkole II) (ĠU L 193, 25.7.2007, p. 18).

(5)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(6)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(7)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/140/KE tat-23 ta’ Frar 1994 li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenjoni ta’ Frodi (ĠU L 61, 4.3.1994, p. 27).

(8)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(9)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(10)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

ALLOKAZZJONI INDIKATTIVA TAL-FONDI

L-allokazzjoni indikattiva tal-fondi għal azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8 hija din li ġejja:

Tipi ta’ azzjoni

Sehem tal-baġit (f’%)

(a)

Assistenza teknika

Mill-inqas 70

(b)

Taħriġ

Massimu ta’ 25

(c)

Kwalunkwe azzjoni oħra mhux koperta mill-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 8

Massimu ta’ 5


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 13

Mingħajr ħsara għall-proċedura baġitarja annwali, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tippreżenta fil-kuntest ta’ djalogu strutturat mal-Parlament Ewropew rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, inkluż it-tqassim tal-baġit kif stabbilit fl-Anness, minn Jannar 2015, u l-programm ta’ ħidma lill-Kumitat responsabbli fil-Parlament Ewropew fil-kuntest tar-rapport PIF.


Top