EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0784

2014/784/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta' Novembru 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (il-Linji Baġitarji 02.03.01 u 12.02.01)

ĠU L 328, 13.11.2014, p. 41–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/784/oj

13.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/41


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Novembru 2014

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (il-Linji Baġitarji 02.03.01 u 12.02.01)

(2014/784/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim taż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet u arranġamenti rigward il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

(4)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim ŻEE tkompli fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-“Operat u l-iżvilupp tas-suq intern, partikolarment fl-oqsma tan-notifikazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-approssimazzjoni settorjali” u l-“implimentazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern”.

(5)

Huwa xieraq, li skont l-Artikolu 1(8) tal-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, li l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet tkompli wara l-31 ta' Diċembru 2013, irrispettivament minn metatiġi adottata d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE annessa ma' din id-Deċiżjoni jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, jekk ikun hemm, jiġix innotifikat wara l-10 ta' Lulju 2014.

(6)

Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fl-attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE annessa ma' din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni sakemm id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tidħol fis-seħħ qabel ma tintemm l-azzjoni konċernata.

(7)

Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex jippermetti li l-estensjoni ta' din il-kooperazzjoni tkompli anke wara l-31 ta' Diċembru 2013.

(8)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fil-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Novembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

P. C. PADOAN


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/2014

ta'

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim taż-ŻEE”), u partikolarment l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-implimentazzjoni, l-operat u l-iżvilupp tas-Suq Intern.

(2)

Huwa xieraq li din il-kooperazzjoni tkompli wara l-31 ta' Diċembru 2013, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tkun adottata jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, jekk ikun hemm, jiġix innotifikat wara l-10 ta' Lulju 2014.

(3)

Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fl-attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE, sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel ma tintemm l-azzjoni konċernata.

(4)

Għalhekk, il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli għaddejja wara l-31 ta' Diċembru 2013,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 7 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 8:

“9.   L-Istati tal-EFTA, mill-1 ta' Jannar 2014, jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-linji baġitarji li ġejjin, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014:

Linja tal-baġit 02.03.01: ‘L-operat u l-iżvilupp tas-suq intern partikolarment fl-oqsma tan-notifika, iċ-ċertifikazzjoni u l-approssimazzjoni settorjali’,

Linja tal-baġit 12.02.01: ‘L-implimentazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern.’

L-ispejjeż imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-bidu tal-azzjoni taħt il-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja konċernati, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/2014 ta' … tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.”

2.

Il-kliem “paragrafi 5, 6, 7 u 8” fil-paragrafi 3 u 4 huma ssostitwiti bil-kliem “paragrafi 5 sa 9”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(*)  [Mhumiex indikati rekwiżiti kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


Top