Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0666

    2014/666/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta' Settembru 2014 dwar ir-rikonoxximent tat- “Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà skont id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    ĠU L 276, 18.9.2014, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/10/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/666/oj

    18.9.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 276/49


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta' Settembru 2014

    dwar ir-rikonoxximent tat-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà skont id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (2014/666/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 7c(6) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(6) tagħha,

    Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti u l-Bijolikwidi,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE jistabbilixxu l-kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijokarburanti. L-Artikoli 7b u 7c u l-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE huma simili għall-Artikoli 17 u 18 u l-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

    (2)

    Meta l-bijokarburanti u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi juru l-konformità tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

    (3)

    Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew dejta miksuba skont skema volontarja li tkun ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert b'dik id-deċiżjoni ta' rikonoxximent, Stat Membru ma għandux jirrikjedi li l-fornitur jagħti aktar evidenza ta' konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà.

    (4)

    It-talba biex jiġi rikonoxxut li t-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” turi li l-konsenji tal-bijokarburant jikkonformaw mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva 98/70/KE u d-Direttiva 2009/28/KE tressqet għall-ewwel darba lill-Kummissjoni fis-16 ta' Mejju 2011. Il-verżjoni aġġornata tal-iskema tressqet fis-7 ta' Frar 2014. L-iskema hija mħaddma fir-Renju Unit u tista' tkopri għelejjel kombinabbli, bħaċ-ċereali, iż-żrieragħ żejtnija u l-pitrava taz-zokkor. Din l-iskema tkopri l-istadji tal-kummerċ, it-trasport u l-ħżin tal-materja prima agrikola mill-għatba tal-azjenda s'għand l-ewwel proċessur, u tiddependi fuq skemi volontarji oħrajn rikonoxxuti mill-Kummissjoni għall-istadji l-oħra. B'hekk, hija fir-responsabbiltà tat-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” li tiżgura li r-rikonoxximent maħruġ mill-Kummissjoni dwar dawk l-iskemi li bihom topera b'mod konġunt jibqa' validu matul il-perjodu kollu tal-kooperazzjoni. Ladarba tiġi rrikonoxxuta, l-iskema għandha tkun disponibbli fil-pjattaforma ta' trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE.

    (5)

    Mill-valutazzjoni tat-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” instab li din tkopri b'mod xieraq il-kriterji kollha tas-sostenibbiltà tad-Direttiva 98/70/KE u tad-Direttiva 2009/28/KE, għajr għall-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE. Madanakollu, l-istess valutazzjoni tagħti dejta preċiża dwar elementi li l-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar 'l isfel fil-katina tal-kustodja jeħtieġu biex juru li huma konformi mal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u mal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, filwaqt li tuża metodu ta' bilanċ tal-massa li huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

    (6)

    Mill-evalwazzjoni tat-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” instab li din tilħaq standards xierqa ta' affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti.

    (7)

    It-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” ġiet ivvalutata skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ meta ġiet adottata din id-Deċiżjoni. F'każ li jkun hemm bidliet rilevanti fil-bażi legali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-iskema bl-għan li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b'mod xieraq il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom hija rikonoxxuta.

    (8)

    F'każ li jkun hemm bidliet fl-iskema, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-iskema bl-għan li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b'mod xieraq il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom hija rikonoxxuta.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti u l-Bijolikwidi,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-“Trade Assurance Scheme for Combinable Crops” (minn hawn 'il quddiem “l-iskema”), li tressqet quddiem il-Kummissjoni fis-7 ta' Frar 2014 għar-rikonoxximent, turi li l-konsenji tal-bijokarburanti jikkonformaw mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikoli 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

    L-iskema tuża dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, u b'hekk tiżgura li t-tagħrif rilevanti kollu mogħti mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar 'il fuq fil-katina tal-kustodja jingħadda lill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar 'l isfel f'din il-katina.

    L-iskema tista' tintuża biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE sal-ewwel proċessur tal-materja prima.

    Artikolu 2

    Jekk wara l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, isir xi tibdil fil-kontenut tal-iskema b'tali mod li jaffettwa l-bażi ta' din id-Deċiżjoni, dan it-tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat biex tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri kif xieraq il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom ġiet rikonoxxuta.

    Il-Kummissjoni tista' tirrevoka din id-Deċiżjoni jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusa deċiżivi għal din id-Deċiżjoni u jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta' dawk l-elementi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija valida għal ħames snin.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Settembru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

    (2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.


    Top