Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0512

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal- 31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

    ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 24/07/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/512/oj

    31.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 229/13


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/512/PESK

    tal-31 ta' Lulju 2014

    dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fis-6 ta' Marzu 2014, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Unjoni Ewropea kkundannaw bil-qawwa l-ksur mhux provokat tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa u appellaw lill-Federazzjoni Russa biex tirtira immedjatament il-forzi armati tagħha fiż-żoni tal-istazzjonar permanenti tagħhom, f'konformità mal-ftehimiet rilevanti. Huma sostnew li kwalunkwe pass ulterjuri mill-Federazzjoni Russa biex tiddestabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukraina jwassal għal aktar konsegwenzi estensivi fir-relazzjonijiet f'firxa wiesgħa ta' oqsma ekonomiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra.

    (2)

    Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (1), li bihom il-Kunsill impona restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u miżuri dwar l-iffriżar tal-assi.

    (3)

    Fil-21 ta' Marzu 2014, il-Kunsill Ewropew fakkar id-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tas-6 ta' Marzu 2014, u talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħejju miżuri mmirati possibbli.

    (4)

    Fis-27 ta' Mejju, is-27 ta' Ġunju u s-16 ta' Lulju 2014, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Unjoni Ewropea nnotaw li kienet għaddejja l-ħidma preparatorja mill-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri dwar miżuri mmirati possibbli sabiex setgħu jittieħdu passi ulterjuri mingħajr dewmien.

    (5)

    Fit-22 ta' Lulju, il-Kunsill ħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa biex attivament tuża l-influwenza tagħha fuq il-gruppi armati illegalment sabiex jinkisbu aċċess sħiħ, immedjat, mingħajr periklu u fis-sigurtà għas-sit tat-twaqqigħ tat-Titjira MH 17 tal-Malaysian Airlines f'Donetsk, kooperazzjoni sħiħa mal-ħidma għall-irkupru tal-fdalijiet u l-ħwejjeġ li jappartjenu lill-vittmi u kooperazzjoni sħiħa mal-investigazzjoni indipendenti, inkluż aċċess bla xkiel għas-sit sakemm ikun meħtieġ għall-investigazzjoni u għall-investigazzjonijiet possibbli ta' segwitu.

    (6)

    Il-Kunsill ħeġġeġ ukoll lir-Russja biex twaqqaf il-fluss li qed jiżdied ta' armi, tagħmir u militanti minn fuq il-fruntiera sabiex jinkisbu riżultati rapidi u tanġibbli għat-tnaqqis fit-tensjoni. Il-Kunsill kompla jħeġġeġ lir-Russja biex tirtira t-truppi addizzjonali tagħha miż-żona tal-fruntiera.

    (7)

    Barra minn hekk, il-Kunsill fakkar fl-impenji preċedenti mill-Kunsill Ewropew u qal li jinsab lest biex jintroduċi mingħajr dewmien pakkett ta' miżuri restrittivi sinifikanti ulterjuri, jekk ma timmaterjalizzax il-kooperazzjoni sħiħa u minnufih mir-Russja dwar it-talbiet imsemmijin hawn fuq. Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jiffinalizzaw il-ħidma preparatorja tagħhom dwar il-miżuri mmirati possibbli u biex sal-24 ta' Lulju jippreżentaw proposti biex tittieħed azzjoni, inkluż dwar l-aċċess għas-swieq tal-kapital, id-difiża, prodotti b'użu doppju, u teknoloġiji sensittivi, inkluż is-settur tal-enerġija.

    (8)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill jikkunsidra adatt il-fatt li għandhom jittieħdu miżuri restrittivi b'reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li qed jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina.

    (9)

    F'dan il-kuntest, huwa adatt li jiġu pprojbiti t-transazzjonijiet fi jew il-provvista ta' servizzi ta' finanzjament jew ta' investiment jew in-negozjar ta' bonds ġodda jew ta' strumenti finanzjarji ta' ekwità jew simili b'maturità li taqbeż id-90 jum maħruġin minn istituzzjonijiet finanzjarji li jappartjenu lill-istat Russu, bl-eċċezzjoni tal-istituzzjonijiet ta' status internazzjonali bbażati fir-Russja stabbiliti bi ftehimiet intergovernattivi bir-Russja bħala waħda mill-partijiet ikkonċernati. Dawn il-projbizzjonijiet ma jaffettwawx l-għoti ta' self lil dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji Russi li jappartjenu lill-istat indipendentement mill-maturità tagħhom.

    (10)

    Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ta' kull tip lejn ir-Russja. L-akkwist mir-Russja ta' armi u materjal relatat ieħor ta' kull tip għandhom ukoll jkunu pprojbiti.

    (11)

    Barra minn hekk, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' prodott b'użu doppju għall-użu militari jew għall-utenti finali militari fir-Russja għandhom jiġu pprojbiti. Din il-projbizzjoni ma għandhiex taffettwa l-esportazzjoni ta' prodotti u teknoloġija għal użu doppju, inkluż għall-ajrunawtika u għall-industria tal-ispazju, kemm għal użu mhux militari u/jew għal utenti aħħarin mhux militari.

    (12)

    Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' ċerti prodott u teknoloġiji sensittivi għandhom ikunu pprojbiti meta huma jkunu destinati għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt Artiku jew il-proġetti taż-żejt tax-shale.

    (13)

    Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-bejgħ dirett jew indirett jew ix-xiri, is-senserija jew l-assistenza fil-ħruġ ta', jew kwalunkwe negozju ieħor ta' bonds, ekwità jew strumenti finanzjarji simili b'maturità itwal minn 90 jum, maħruġa wara 1 Awwissu 2014, minn:

    (a)

    istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet tal-iżvilupp finanzjarju ewlenin stabbiliti fir-Russja b'aktar minn 50 % sjieda pubblika jew kontroll pubbliku minn mill-1 ta' Awwissu 2014, kif elenkati fl-Anness;

    (b)

    kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp ġuridiku stabbiliti barra l-Unjoni b'50 % tas-sjieda jew aktar ta' entità elenkata fl-Anness; jew

    (c)

    kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isem jew fuq ordni ta' entità msemmija fil-punt (b) jew elenkata fl-Anness;

    għandhom ikunu pprojbiti.

    Artikolu 2

    1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni dirett jew indirett ta' armamenti u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u l-partijiet ta' rikambju għalihom, lir-Russja minn ċittadini ta' Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta' Stati Membri jew l-użu ta' bastimenti jew ajruplani tal-bandiera tagħhom huma pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.

    2.   Għandu jkun projbit:

    (a)

    li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra relatati ma' attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armamenti u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armamenti u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta' rikambju għalihom, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja;

    (b)

    li jingħataw finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-attivitajiet militari, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni jew garanzija tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni jew riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-armamenti u ta' materjal relatat, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja.

    3.   L-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport tal-armamenti u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u l-partijiet ta' rikambju għalihom, mir-Russja minn ċittadini tal-Istati Membri jew li jużaw bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti.

    4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti jew ftehimiet konklużi qabel mill-1 ta' Awwissu 2014, u għall-forniment ta' partijiet ta' rikambju u servizzi meħtieġa għall-manutenzjoni u s-sikurezza ta' kapaċitajiet eżistenti fl-Unjoni.

    Artikolu 3

    1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' prodotti u t-teknoloġija kollha b'użu doppju elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' prodotti b'użu doppju (2) għall-użu militari fir-Russja jew għal kwalunkwe utent finali militari fir-Russja minn ċittadini tal-Istati Membri jew li jużaw bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, għandu jkun projbit irrispettivament minn jekk joriġinawx fit-territorji tagħhom jew le.

    2.   Għandu jkun ipprojbit:

    (a)

    li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-prodotti jew it-teknoloġija stabbiliti fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawn il-prodotti u t-teknoloġija, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja;

    (b)

    li jingħataw finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn il-prodotti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja.

    3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti jew ftehimiet konklużi qabel mill-1 ta' Awwissu 2014.

    Artikolu 4

    1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni diretti jew indiretti ta' ċerti teknoloġiji adatti għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew proġetti taż-żejt tax-shale fir-Russja, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew li jużaw il-bastimenti jew l-ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta.

    L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-prodotti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan il-paragrafu.

    2.   L-għoti ta':

    (a)

    għajnuna teknika jew servizzi oħra relatati mat-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1;

    (b)

    finanzjament jew għajnuna finanzjarja għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat- teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-għoti ta' assistenza teknika jew taħriġ tekniku relatati

    għandu wkoll ikun soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma għandhom jagħtu l-ebda awtorizzazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat- teknoloġija jew il-provvista tas-servizzi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jekk huma jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni kkonċernata jew il-provvista tas-servizz ikkonċernat ikunu destinati għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew proġetti taż-żejt tax-shale fir-Russja.

    4.   Il-paragrafu 3 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel mill-1 ta' Awwissu 2014.

    Artikolu 5

    Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-miżuri msemmija f'din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti hawnhekk.

    Artikolu 6

    Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhomx iwasslu għal responsabbiltà ta' ebda xorta min-naħa tagħhom, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 7

    1.   L-ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni fejn il-prestazzjoni ta' dawn ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe għamla, ma tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

    (a)

    entitajiet imsemmija fil-punti (b) jew (c) tal-Artikolu 1 jew elenkati fl-Anness;

    (b)

    kwalunkwe persuna, entità jew korp ieħor Russu; jew

    (c)

    kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta' jew f'isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu.

    2.   Fi kwalunkwe proċediment għall-infurzar ta' pretensjoni, l-obbligu biex ikun pruvat li mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 li l-pretensjoni tintlaqa' għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l-infurzar ta' dik il-pretensjoni.

    3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tan-nuqqas ta' prestazzjoni ta' obbligi kuntrattwali skont din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 8

    Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konsapevoli jew intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jevitaw il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 4, inkluż billi wieħed jaġixxi bħala sostitut għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1.

    Artikolu 9

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Lulju 2015.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Hija għandha tiġi mġedda, jew emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.

    3.   Il-miżuri restrittivi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2014, b'mod partikolari wara li jitqies l-effett tagħhom u l-miżuri adottati minn Stati terzi.

    Artikolu 10

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. GOZI


    (1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

    (2)  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.


    ANNESS

    LISTA TAL-ISTITUZZJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(a)

    1.

    SBERBANK

    2.

    VTB BANK

    3.

    GAZPROMBANK

    4.

    VNESHECONOMBANK (VEB)

    5.

    ROSSELKHOZBANK


    Top