This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0467
2014/467/EU: Council Decision of 14 July 2014 extending the validity of Decision 2011/492/EU and suspending the application of its appropriate measures
2014/467/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 14 ta' Lulju 2014 li ttawwal il-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE u li tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa tagħha
2014/467/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 14 ta' Lulju 2014 li ttawwal il-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE u li tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa tagħha
ĠU L 212, 18.7.2014, p. 12–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 23/03/2015; Imħassar b' 32015D0541
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Extended validity | 32011D0492 | 19/07/2015 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32015D0541 |
18.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 212/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-14 ta' Lulju 2014
li ttawwal il-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE u li tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa tagħha
(2014/467/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE”), kif emendat l-aħħar f'Ouagadougou, il-Burkina Faso, fit-22 ta' Ġunju 2010 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE (4), il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ngħalqu u ttieħdu miżuri xierqa, kif speċifikat fl-Anness ma' dik id-Deċiżjoni. |
(2) |
Bid-Deċiżjoni 2013/385/UE (5), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE ġiet emendata biex jiġi estiż b'sena, sad-19 ta' Lulju 2014, il-perijodu ta' applikazzjoni tal-miżuri xierqa. |
(3) |
L-elementi essenzjali ċċitati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE għadhom qed jinkisru u l-kundizzjonijiet attwali fil-Ginea Bissaw ma jiżgurawx ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi estiża l-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE għal perijodu ta' sena. |
(4) |
Madankollu, meta titqies iż-żamma ta' elezzjonijiet paċifiċi, ħielsa u kredibbli fit-13 ta' April 2014 u fit-18 ta' Mejju 2014, li jirrappreżentaw pass ewlieni lejn aktar demokrazija u stabbilità, u sabiex jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet eletti demokratikament u jipprovdulhom appoġġ dirett fl-isforzi tagħhom sabiex jikkonsolidaw l-istituzzjonijiet demokratiċi, jirrikonċiljaw is-soċjetà u jippromwovu l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Ginea Bissaw, il-miżuri xierqa stabbiliti kif definit fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/492/UE għandhom jiġu sospiżi. |
(5) |
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta sitt xhur wara li tidħol fis-seħħ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-validità tad-Deċiżjoni 2011/492/UE u tal-miżuri xierqa tagħha huma b'dan estiżi sad-19 ta' Lulju 2015. Madankollu, l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa hija b'dan sospiża.
Il-miżuri xierqa għandhom jinżammu taħt reviżjoni kostanti u għandhom jiġu applikati mill-ġdid jekk is-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw tiddeterjora b'mod serju. Dawn il-miżuri għandhom, f'kull każ, jiġu riveduti sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
L-ittra fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tintbagħat lill-awtoritajiet tal-Ginea Bissaw.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
M. MARTINA
(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(2) Ftehim li jemenda għat-tieni darba l-ftehim ta' sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).
(3) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376, kif emendat bil-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, li jemenda l-Ftehim Intern tat-18 ta' Settembru 2000 dwar l-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 48).
(4) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE tat-18 ta' Lulju 2011 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 203, 6.8.2011, p. 2).
(5) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/385/UE tal-15 ta' Lulju 2013 li testendi l-perijodu ta' applikazzjoni tal-miżuri xierqa fid-Deċiżjoni 2011/492/UE dwar il-Ginea Bissaw u li temenda dik id-Deċiżjoni (ĠU L 194, 17.7.2013, p. 6).
ANNESS
L-Eċċellenza Tiegħu l-President tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw,
L-Onorevoli Prim Ministru tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw,
Sinjuri,
Bħala segwitu għall-konsultazzjonijiet li saru fi Brussell fid-29 ta' Marzu 2011 fil-qafas tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, fit-18 ta' Lulju 2011 l-Unjoni Ewropea ddeċidiet, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE, li tadotta miżuri xierqa, inkluża skema ta' impenji reċiproċi għat-tkomplija gradwali tal-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/492/UE ġiet estiża b'sena permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/385/UE u hija valida sad-19 ta' Lulju 2014.
Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, li matulhom l-awtoritajiet interim kienu fis-seħħ, ma sar l-ebda progress fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-impunità, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà jew il-ġlieda kontra t-traffikar illegali, b'mod partikolari tad-drogi, li kienu previsti fl-iskema ta' impenji reċiproċi għat-tkomplija tal-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Madankollu, l-Unjoni Ewropea hija mħeġġa biż-żamma ta' elezzjonijiet leġislattivi u presidenzjali ħielsa, paċifiċi u kredibbli fit-13 ta' April 204 u fit-18 ta' Mejju 2014, li jirrappreżentaw pass ewlieni lejn id-demokrazija u l-istabbiltà fil-pajjiż. Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea ddeċiediet li tissospendi l-miżuri applikati skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' 2011/492/UE sabiex tkun tista' tinvolvi ruħha u tipprovdi appoġġ dirett lill-awtoritajiet eletti demokratikament fl-isforzi tagħkom sabiex tikkonsolidaw, tirrikonċiljaw u tiżviluppaw il-pajjiż, f'kollaborazzjoni ma' msieħba internazzjonali oħrajn.
L-Unjoni Ewropea tagħti l-akbar importanza lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou, billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt jikkostitiwixxi l-bażi essenzjali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ginea Bissaw. L-Unjoni Ewropea se tkompli ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż.
L-isfidi politiċi u soċjoekonomiċi li jħabbat wiċċu magħhom il-pajjiż huma sinifikanti, iżda ninsabu fiduċjużi li se tagħmlu ħilitkom sabiex, fid-djalogu mal-gruppi politiċi kollha, tieħdu d-deċiżjonijiet li huma neċessarji, kemm fil-livell ekonomiku kif ukoll dak finanzjarju, u fl-oqsma kruċjali tar-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-ġlieda kontra l-impunità.
L-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata bis-sħiħ lejn is-sħubija tagħha mal-poplu tal-Ginea Bissaw. Din id-Deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri xierqa u terġa' timpenja ruħha fi djalogu u kooperazzjoni mal-awtoritajiet leġittimi hija maħsuba sabiex tipprovdi impetu ġdid fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ginea Bissaw, bl-għan li jiġu normalizzati r-relazzjonijiet bilaterali. Madankollu, l-impenji li ħadet il-Ginea Bissaw fil-qafas tal-Konsultazzjoni tal-Artikolu 96 għadhom applikabbli u l-Unjoni Ewropea tistenna lill-Gvern tagħkom li jagħmel l-isforzi kollha meħtieġa biex dawn jintlaħqu bħala kwistjoni ta' prijorità.
L-Unjoni Ewropea tistieden lill-partijiet kollha sabiex jaħtfu l-okkażjoni biex imexxu l-pajjiż lejn l-istabilità demokratika, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp soċjoekonomiku.
Għoddni dejjem tiegħek,
Għall-Kunsill
C. ASHTON
Rappreżentant Għoli
Għall-Kummissjoni
A. PIEBALGS
Kummissarju