This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0466
Decision No 466/2014/EU of the European Parliament and of the Council of 16 April 2014 granting an EU guarantee to the European Investment Bank against losses under financing operations supporting investment projects outside the Union
Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea
Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea
ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Imħassar b' 32021R0947
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modified by | 32016D1455 | Sostituzzjoni | anness III P. B punt 2 Test | 26/09/2016 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | anness I | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | anness IV paragrafu 1 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 18 paragrafu 5 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Żieda | artikolu 5 paragrafu 1a | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Żieda | artikolu 12 paragrafu 4 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 8 paragrafu 5 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 11 paragrafu 1 punt (e) | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 2 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Żieda | artikolu 10 paragrafu | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | anness II | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 8 paragrafu 6 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 12 paragrafu 1 punt (a) | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 5 paragrafu 1 L 3 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 9 paragrafu 3 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Żieda | artikolu 18 paragrafu 2a | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Żieda | artikolu 11 paragrafu 1 punt (j) | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 12 paragrafu 1 punt (c) | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Żieda | artikolu 12 paragrafu 3 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Żieda | artikolu 8 paragrafu 1 L | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 11 paragrafu 1 punt (b) | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Żieda | artikolu 20a | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | anness III | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 3 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 18 paragrafu 3 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 9 paragrafu 1 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 11 paragrafu 1 punt (c) | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 9 paragrafu 5 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 14 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 13 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D0412 | Sostituzzjoni | artikolu 20 | 08/04/2018 | |
Modified by | 32018D1102 | Sostituzzjoni | anness III P. C punt 2 TEXT | 07/08/2018 | |
Modified by | 32021R0947 | Sostituzzjoni | anness I punt D paragrafu | 01/01/2021 | |
Modified by | 32021R0947 | Sostituzzjoni | artikolu 1 paragrafu 5 | 01/01/2021 | |
Modified by | 32021R0947 | Sostituzzjoni | artikolu 20 paragrafu mhux numerat 2 | 01/01/2021 | |
Repealed by | 32021R0947 | 01/01/2022 |
8.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 135/1 |
DEĊIŻJONI Nru 466/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta' April 2014
li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209 u 212 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1)
Billi:
(1) |
Flimkien mal-missjoni ċentrali tiegħu ta' finanzjament tal-investiment fl-Unjoni Ewropea, li tibqa' l-kompitu u l-għan prinċipali tiegħu, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) iwettaq operazzjonijiet ta' finanzjament barra mill-Unjoni b'appoġġ għall-politika esterna tal-Unjoni. Dan jippermetti li fondi baġitarji tal-Unjoni disponibbli għar-reġjuni esterni jiġu kkomplementati mis-saħħa finanzjarja tal-BEI għall-benefiċċju tal-pajjiżi terzi fil-mira. Fit-twettiq ta' dawn l-operazzjonijiet ta' finanzjament, il-BEI jikkontribwixxi indirettament għall-prinċipji ġenerali u l-għanijiet ta' politika tal-Unjoni, li jinkludu t-tnaqqis tal-faqar permezz ta' tkabbir inklużiv u ekonomija sostenibbli, żvilupp ambjentali u soċjali, u l-prosperità tal-Unjoni f'ċirkostanzi ekonomiċi globali li qegħdin jinbidlu. |
(2) |
L-Artikolu 209(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew (TFUE), flimkien mal-Artikolu 208 tiegħu, jipprevedi li l-BEI għandu jikkontribwixxi, skont it-termini stipulati fl-Istatut tiegħu, għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġu promossi l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp. |
(3) |
Bil-ħsieb ta' appoġġ għall-azzjoni esterna tal-Unjoni, u sabiex il-BEI ikun jista' jiffinanzja investimenti barra mill-Unjoni mingħajr ma jaffettwa l-affidabbiltà kreditizja tal-BEI, il-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet tiegħu bbenefikaw minn garanzija baġitarja tal-UE (“garanzija tal-UE”) amministrata mill-Kummissjoni. Dan ikompli jappoġġa l-affidabbiltà kreditizja tal-BEI għas-swieq finanzjarji, li hi ta' importanza kbira. |
(4) |
L-aktar garanzija reċenti tal-BEI għall-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI ffirmata matul il-perijodu mill-1 ta' Frar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, għandha tiġi stabbilita garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI barra mill-Unjoni b'appoġġ għall-politika tal-Unjoni. |
(5) |
Il-Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (“Fond ta' Garanzija”), stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (3), jipprevedi riżerva ta' likwidità għall-baġit tal-Unjoni għat-telf imġarrab mill-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI u mill-assistenza makrofinanzjarja u s-self tal-Euratom barra mill-Unjoni Ewropea. |
(6) |
Għandha tiġi stabbilita lista ta' pajjiżi potenzjalment eliġibbli għal finanzjament mill-BEI kopert mill-garanzija tal-UE. Huwa wkoll xieraq li tiġi stabbilita lista ta' pajjiżi potenzjalment eliġibbli għal finanzjament mill-BEI kopert mill-garanzija tal-UE. |
(7) |
Il-Butan għandu jiżdied mal-lista ta' pajjiżi li huma effettivament eliġibbli għall-finanzjament tal-BEI u l-Mjanmar/Burma għandu jiżdied maż-żewġ listi wara l-iżviluppi reċenti li ppermettew li l-Unjoni tiftaħ kapitlu ġdid fir-relazzjonijiet tagħha mal-Butan u l-Mjanmar/Burma sabiex jingħata appoġġ għar-riformi politiċi u ekonomiċi li għaddejjin bħalissa fiż-żewġ pajjiżi. |
(8) |
Sabiex jiġu riflessi żviluppi ta' politika sinifikanti, il-lista tal-pajjiżi attwalment eliġibbli għall-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI taħt il-garanzija tal-UE għandha tiġi riveduta kif ikun meħtieġ u l-Kummissjoni għandha tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-emendi għall-Anness III. L-emendi tal-Kummissjoni fl-Anness III għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni kumplessiva inklużi l-aspetti ekonomiċi, soċjali, ambjentali u politiċi, b'mod partikolari dawk relatati mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq livell espert. Meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti kollha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(9) |
Sabiex tiġi koperta l-evoluzzjoni potenzjali tal-ħtiġijiet ta' proviżjonament reali tal-Fond ta' Garanzija skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009, il-limitu massimu tal-garanzija tal-UE għandu jinqasam f'limitu fiss ta' ammont massimu ta' EUR 27 000 000 000 u ammont addizzjonali opzjonali ta' EUR 3 000 000 000. Il-provvediment tal-Fond ta' Garanzija fil-baġit ġenerali tal-Unjoni (intestatura baġitarja 01 03 06) isir ex post abbażi taċ-ċifri tal-eżitu għal self estern garantit pendenti fl-aħħar tas-sena n-2. Fid-dawl tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, ir-“rimborżi” li ġejjin minn kapital ta' riskju u self ta' investiment Mediterranji taħt operazzjonijiet konklużi qabel l-2007 bl-użu tal-fondi baġitarji tal-Unjoni ġew akkumulati f'kont fiduċjarju stabbilit għall-Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija (FEMIP). Parti minn dawn ir-rimborżi għandhom jintużaw għall-Fond ta' Garanzija, bħala miżura eċċezzjonali biex jiġi żgurat li l-limiti tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI taħt din id-Deċiżjoni jinżammu fil-livell adatt għall-perijodu 2014-2020. Il-fondi li jibqgħu għandhom jingħataw lura lill-baġit ġenerali tal-Unjoni. |
(10) |
Kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati għall-attivazzjoni b'mod sħiħ jew parzjali tal-ammont addizzjonali opzjonali għandhom jinkludu: il-progress fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mill-BEI, b'mod partikolari r-riżultati tal-operazzjonijiet tal-BEI bbażati fuq l-informazzjoni, fost l-oħrajn mill-qafas għall-Kejl tar-Riżultati (REM, Results Measurement framework), inkluż l-impatt ta' żvilupp; il-ħtiġijiet ta' proviżjonament tal-Fond ta' Garanzija b'kont meħud tal-ammonti pendenti tal-passat u l-futur dwar l-attivitajiet kollha koperti mill-Fond ta' Garanzija; is-sitwazzjoni makroekonomika, finanzjarja u politika tar-reġjuni u l-pajjiżi eliġibbli fil-mument tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu. |
(11) |
L-ammonti koperti mill-garanzija tal-UE f'kull reġjun għandhom ikomplu jirrappreżentaw limiti għall-finanzjament mill-BEI skont il-garanzija tal-UE u mhux il-miri li meħtieġ li jilħaq il-BEI. Il-limiti għandhom jiġu evalwati bħala parti mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari fid-dawl tal-bidliet possibbli għal-lista ta' reġjuni u pajjiżi effettivament eliġibbli għall-finanzjament tal-BEI. |
(12) |
L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom ikunu konsistenti mal-istrateġiji tal-pajjiż benefiċjarju stess. F'dan l-isfond, sabiex tiżdied il-koerenza u l-attenzjoni tal-attività ta' finanzjament estern tal-BEI fuq l-appoġġ tal-politika tal-Unjoni, u biex il-benefiċjarji jiksbu l-akbar benefiċċju possibbli, id-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tistabbilixxi għanijiet ġenerali għall-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI fir-reġjuni u l-pajjiżi eliġibbli kollha, jiġifieri l-iżvilupp tas-settur privat lokali, b'mod partikolari b'appoġġ għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs), l-infrastruttura soċjali u ekonomika u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, biex b'hekk tibni fuq il-vantaġġi komparattivi tal-BEI f'oqsma fejn għandu rekord tajjeb ferm. Dawn l-għanijiet għandhom jinżammu f'din id-Deċiżjoni biex ikomplu jippromwovu tkabbir sostenibbli u ħolqien tal-impjiegi. |
(13) |
It-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs, inklużi l-SMEs mill-Unjoni li jinvestu fir-reġjuni koperti b'din id-Deċiżjoni, jista' jkollu rwol essenzjali fl-istimolu tal-iżvilupp ekonomiku u fil-ġlieda kontra l-qgħad. Sabiex il-BEI jilħaq lill-SMEs b'mod effettiv, il-finanzjament tal-operazzjonijiet għandu jkun orjentat lejn ir-riżultati. Fejn possibbli, il-BEI għandu jinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni mill-SMEs bħala mezz ta' appoġġ għall-iżvilupp lokali. Il-BEI għandu jikkoopera mal-istituzzjonijiet finanzjarji intermedjarji lokali fil-pajjiżi eliġibbli, li għandhom ikunu integrati fl-ekonomija lokali, b'mod partikulari biex jiżgura li parti mill-benefiċċji finanzjarji tingħata lill-klijenti tagħhom u li jiġi pprovdut valur miżjud meta mqabbel ma' sorsi oħra ta' finanzjament. Il-BEI għandu wkoll, sa fejn ikun possibbli, iżid id-diversifikazzjoni tas-sħab finanzjarji tiegħu fil-pajjiżi fejn jopera. Fl-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta, il-BEI għandu jivvaluta jekk l-operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw lill-SMEs permezz ta' intermedjarju finanzjarju jikkonformawx mal-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali, mar-REM u mal-istandards tal-BEI. Il-BEI għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta' rappurtar biex jiżgura li l-fondi ddedikati lill-SMEs jintużaw għall-benefiċċju tagħhom. Il-BEI għandu jipprovdi rapport ikkonsolidat dwar il-finanzjament tal-SMEs skont id-Deċiżjoni bħala parti mill-kontribut tiegħu għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu. |
(14) |
Il-kopertura tal-garanzija tal-UE, li hija limitata għal riskji ta' natura sovrana u politika, mhijiex biżżejjed fiha nnifisha biex tiżgura attività sinifikanti tal-BEI b'appoġġ għall-mikrofinanzjament. Għalhekk din l-attività, fejn xieraq, għandha titwettaq b'rabta mar-riżorsi baġitarji disponibbli taħt strumenti oħrajn u permezz ta' istituzzjonijiet intermedjarji inkluż fil-livell lokali bħala mezz ta' promozzjoni tat-tkabbir u biex isir kontribut indirettament għat-tnaqqis tal-faqar f'pajjiżi iktar fqar. |
(15) |
Il-BEI għandu jkompli jiffinanzja proġetti ta' investiment fl-oqsma tal-infrastruttura soċjali, ambjentali, u ekonomika, inkluż it-trasport u l-enerġija, u għandu jikkunsidra li tiżdied l-attività tiegħu b'appoġġ għall-infrastruttura tas-saħħa u l-edukazzjoni fejn ikun hemm valur miżjud ċar f'dan. |
(16) |
Biex tissaħħaħ id-dimensjoni tat-tibdil fil-klima tal-garanzija tal-UE, għandha tiġi introdotta mira għall-volum kumplessiv tal-operazzjonijiet u sistema li tippermetti li jiġu evalwati ex ante l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ta' proġetti appoġġati bil-garanzija tal-UE. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI b'appoġġ għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima għandhom jirrappreżentaw tal-inqas 25 % mill-operazzjonijiet ta' finanzjament totali tal-BEI biex ikomplu jippromwovu l-miri klimatiċi tal-Unjoni fuq skala globali. Il-BEI għandu jipprovdi l-ħila esperta teknika tiegħu f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni b'appoġġ għall-kontropartijiet pubbliċi u privati li jibbenefikaw mill-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI sabiex jindirizzaw l-isfida tal-tibdil fil-klima u jużaw bl-aħjar mod possibbli l-finanzjament disponibbli. Il-finanzjament konċessjonali għandu jkun disponibbli għal proġetti ta' mitigazzjoni u adattament. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom, meta jkun possibbli u xieraq, jiġu komplementati minn fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni permezz tat-taħlit effiċjenti u adatt ta' għotjiet u ta' self għall-finanzjament marbut mat-tibdil fil-klima fil-kuntest tal-assistenza esterna tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, ir-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandu jinkludi rapport dettaljat dwar l-istrumenti finanzjarji użati għall-finanzjament ta' dawn il-proġetti, li jidentifika l-ammonti tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI u l-ammonti korrispondenti tal-għotjiet. |
(17) |
Fl-oqsma koperti mill-għanijiet ġenerali, l-integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi, b'mod partikolari l-integrazzjoni ekonomika bejn il-Pajjiżi fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni, il-Pajjiżi tal-Viċinat u l-Unjoni, għandha tkun għan bażiku għall-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI. F'dak il-kuntest, il-BEI għandu jkun kapaċi jappoġġa l-pajjiżi sħab f'oqsma koperti mill-għanijiet ġenerali permezz ta' investimenti diretti barranin minn kumpanniji fl-Unjoni li jippromwovu l-integrazzjoni ekonomika fl-Unjoni u li jikkontribwixxu għall-promozzjoni tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-għarfien, dment li tingħata kunsiderazzjoni adatta matul id-diliġenza dovuta tal-proġetti ta' investiment sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji li l-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI jwasslu għal riperkussjonijiet negattivi fuq l-impjiegi fl-Unjoni. Il-BEI għandu wkoll jiġi mħeġġeġ jappoġġa l-investiment dirett barrani fil-pajjiżi sħab minn kumpanniji tal-Unjoni għar-riskju tiegħu stess, b'kont meħud tal-kapaċità tal-BEI li jindirizza r-riskji. |
(18) |
Il-BEI għandu regolarment jagħmel evalwazzjonijiet ex post jew ta' nofs it-terminu tal-attivitajiet appoġġati skont din id-Deċiżjoni bil-għan li jivvaluta r-rilevanza, il-prestazzjoni u l-effetti ta' żvilupp tagħhom u biex jidentifika l-aspetti li jistgħu jtejbu l-attivitajiet futuri. Tali evalwazzjonijiet għandhom jikkontribwixxu għall-għoti ta' rendikont u l-analiżi tas-sostenibbiltà. |
(19) |
Il-miżuri prattiċi biex issir rabta bejn l-għanijiet ġenerali tal-garanzija tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fil-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali. Tali linji gwida għandhom ikunu konsistenti mal-qafas ta' politika reġjonali usa' tal-Unjoni inkluż il-prinċipju ta' differenzjar fil-Politika Ewropea tal-Viċinat. Il-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali għandhom jiġu riveduti wara l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u aġġornati ulterjorment wara r-reviżjoni ta' nofs it-terminu sabiex isir adattament għall-iżviluppi fil-politika u l-prijoritajiet esterni tal-Unjoni. L-aġġornament tal-linji gwida tekniċi operattivi reġjonali għandhom fost konsiderazzjonijiet oħrajn jieħdu kont tal-iżviluppi rilevanti fil-pajjiżi eliġibbli. |
(20) |
F'konformità mal-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, l-applikazzjonijiet li jsiru direttament lill-BEI għal operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li għandhom isiru skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni għal opinjoni dwar il-konformità mal-leġiżlazzjoni u l-politika rilevanti tal-Unjoni. Fil-każ tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jaqgħu taħt din id-Deċiżjoni, fejn il-Kummissjoni tagħti opinjoni negattiva dwar kwalunkwe operazzjoni ta' dan it-tip, dik l-operazzjoni m'għandhiex tkun koperta mill-garanzija tal-UE. |
(21) |
Filwaqt li l-aspett b'saħħtu tal-BEI jibqa' l-mudell distintiv tiegħu ta' bank ta' investiment ta' sjieda pubblika li għandu l-mandat li jipprovdi self fit-tul sabiex jintlaħqu l-miri politiċi stabbiliti mill-azzjonisti tiegħu, l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom jikkontribwixxu għall-prinċipji ġenerali li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-UE, kif imsemmija fl-Artikolu 21 tat-TUE, li jiġu kkonsolidati u appoġġati d-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u għall-implimentazzjoni tal-impenji u tal-ftehimiet internazzjonali, inkluż il-ftehimiet ambjentali li l-Unjoni hija parti minnhom. B'mod partikolari, il-BEI għandu jikkontribwixxi għal kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma' pajjiżi terzi f'konformità mal-Artikolu 212 TFUE. Barra minn hekk, l-azzjonijiet tal-BEI għandhom jikkonformaw mal-liġi internazzjonali, inkluż ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. L-azzjonijiet tal-BEI għandhom ukoll jikkonformaw mal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f'Materji Ambjentali (Konvenzjoni ta' Aarhus) fl-istadji rilevanti taċ-ċiklu tal-proġett. B'rabta mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom irawmu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tagħhom, partikolarment f'dawk il-pajjiżi l-aktar żvantaġġati fosthom, l-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tagħhom fl-ekonomija dinjija kif ukoll il-konformità mal-għanijiet approvati mill-Unjoni fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn. Filwaqt li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jippromwovi l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp f'konformità mal-Artikolu 209(3) tat-TFUE, il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex indirettament jappoġġa l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tal-2015 tan-Nazzjonijiet Uniti, u wara l-2015 li jintlaħaq kwalunkwe għan ta' żvilupp ġdid li jista' jimmodifika jew jissostitwixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, fir-reġjuni kollha fejn ikun attiv. |
(22) |
L-attività tal-BEI skont din id-Deċiżjoni għandha tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, tal-Aġenda għall-Bidla u tal-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna deskritti fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005, l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni tal-2008 u l-Ftehim ta' Sħubija ta' Busan tal-2011. Barra minn hekk, din għandha tkun koerenti wkoll mal-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012 u ftehimiet ambjentali internazzjonali inklużi impenji dwar il-bijodiversità. Dan għandu jiġi implimentat permezz ta' għadd ta' miżuri konkreti, b'mod partikolari billi tissaħħaħ il-kapaċità tal-BEI li jivvaluta l-aspetti ambjentali, soċjali, u tal-iżvilupp tal-proġetti ta' investiment, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u r-riskji marbutin mal-kunflitti, u billi tiġi promossal-konsultazzjoni lokali mal-awtoritajiet pubbliċi u mas-soċjetà ċivili. F'dan il-kuntest, il-BEI għandu jimplimenta u jkompli jiżviluppa r-REM tiegħu li jipprovdi sett dettaljat ta' indikaturi ta' prestazzjoni li jkejlu l-impatt ekonomiku, ambjentali, soċjali u tal-iżvilupp tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu matul iċ-ċiklu kollu tal-proġett tal-BEI. L-implimentazzjoni tar-REM għandha tiġi evalwata bħala parti mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' din id-Deċiżjoni. Meta jkun qed iwettaq id-diliġenza dovuta fir-rigward ta' proġett ta' investiment, il-BEI għandu, meta jkun xieraq u f'konformità mal-prinċipji soċjali u ambjentali tal-Unjoni u l-aħjar prattiki internazzjonali, kif ukoll id-Dritt tal-Unjoni u d-Dritt nazzjonali tal-pajjiż benefiċjarju, jirrikjedi li l-promotur tal-proġett ta' investiment iwettaq konsultazzjonijiet lokali u jiżvela r-riżultati tagħhom lill-pubbliku sabiex jittieħed kont tal-impatt tal-proġetti fuq il-partijiet interessati rilevanti. Il-BEI għandu jibqa' f'komunikazzjoni mal-promoturi tal-proġetti u mal-benefiċjarji tal-proġetti matul il-proċess kollu ta' programmazzjoni. Il-kuntratti ta' finanzjament ffirmati matul il-perijodu kopert b'din id-Deċiżjoni għal operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jinvolvu kontropartijiet pubbliċi għandhom jinkludu b'mod espliċitu l-possibilità li jissospendu l-ħlasijiet f'każ ta' revoka tal-eliġibbiltà skont din id-Deċiżjoni tal-pajjiż li fih isir il-proġett ta' investiment. |
(23) |
Fil-livelli kollha, mill-ippjanar strateġiku 'l fuq (upstream) sal-iżvilupp tal-proġetti ta' investiment 'l isfel (downstream), għandu jiġi żgurat li l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI jikkonformaw mal-politika esterna tal-Unjoni u mal-għanijiet ġenerali stipulati f'din id-Deċiżjoni u jappoġġawhom. Bil-ħsieb li tiżdied il-koerenza fl-azzjoni esterna tal-UE, għandu jkompli jissaħħaħ id-djalogu dwar il-politika u l-istrateġija bejn il-Kummissjoni u l-BEI, inkluż is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), filwaqt li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinżammu debitament informati. L-uffiċċji tal-BEI barra mill-Unjoni għandhom, meta jkun possibbli, ikunu jinsabu fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex titrawwem tali kooperazzjoni waqt li jinqasmu l-ispejjeż operattivi. Il-Memorandum ta' Qbil bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rigward ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni fir-reġjuni koperti mill-Mandat Estern, li ġie rivedut fl-2013 biex jittejbu l-kooperazzjoni u l-iskambju reċiproku bikri tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-BEI fil-livell operattiv, għandu jibqa' jiġi applikat. Il-kooperazzjoni fil-qafas tal-Memorandum ta' Qbil għandha b'mod partikolari tinkludi reviżjoni regolari tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' differenzjar fil-pajjiżi tal-Viċinat. L-iskambju bikri u sistematiku tal-opinjonijiet bejn il-Kummisjoni u l-BEI, inkluż is-SEAE, skont kif ikun jixraq, għandu importanza partikolari fil-proċess tat-tħejjija tad-dokumenti tal-programmazzjoni rilevanti sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn l-attivitajiet tagħhom. Il-kooperazzjoni fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-kwistjonijiet ta' prevenzjoni tal-kunflitti għandhom ukoll jissaħħu. Il-BEI għandu jiġi inkoraġġut jikkoopera mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni matul iċ-ċiklu tal-proġett tal-BEI. |
(24) |
Ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni għandhom ikunu appoġġati b'bosta strumenti, b'mod partikolari mir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-koerenza tal-appoġġ globali tal-Unjoni fir-reġjuni kkonċernati, għandhom jinħatfu l-opportunitajiet biex il-finanzjament tal-BEI jiġi kkombinat mar-riżorsi baġitarji tal-Unjoni meta u fejn ikun xieraq, fl-għamla ta' strumenti finanzjarji previsti fit-Titlu VIII tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u l-assistenza teknika għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġett, permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni II stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), l-Istrument għall-promozzjoni tad-Demokrazija u tad-Drittijiet tal-Bniedem madwar id-dinja stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbilità u l-paċi stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), u l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 237/2014 (12). B'segwitu għad-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE, il-Kummissjoni stabbilixxiet Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna bil-ħsieb li ttejjeb kemm jista' jkun il-funzjonament tal-mekkaniżmi għat-taħlit tal-għotjiet u s-self barra mill-Unjoni b'mod partikolari fl-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u s-self tal-BEI rispettivament, u biex isir skambju tal-aħjar prattiki dwar il-governanza u dwar il-kriterji ta' evalwazzjoni fil-livell tal-proġett. Il-parteċipazzjoni tal-BEI u ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn fil-mekkaniżmi ta' taħlit għandha tkun kompletament konformi mal-għanijiet esterni, l-effikaċja tal-għajnuna u t-trasparenza tal-Unjoni. |
(25) |
Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu barra mill-Unjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-BEI għandu jkompli jagħmel ħiltu biex itejjeb il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali, b'mod partikolari dawk li jipparteċipaw fil-Pjattaforma tal-UE għat-Taħlit fil-Kooperazzjoni Esterna. Din il-kooperazzjoni tinkludi, fejn xieraq, il-kooperazzjoni dwar il-kondizzjonalità tas-settur u d-dipendenza reċiproka fuq proċeduri, l-użu ta' kofinanzjament u l-parteċipazzjoni f'inizjattivi globali, bħalma huma dawk li jippromwovu l-koordinazzjoni u l-effikaċja tal-għajnuna. Tali koordinazzjoni u kooperazzjoni għandhom ifittxu li jimminimizzaw il-possibbiltà ta' spejjeż doppji u duplikazzjoni bla bżonn. Il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' reċiproċità. L-aċċess reċiproku mill-BEI għal strumenti finanzjarji stabbiliti minn istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali oħra għandu jiġi promoss, kif xieraq. Il-Memorandum ta' Qbil tripartitiku bejn il-Kummissjoni, il-Grupp tal-BEI u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) fir-rigward tal-kooperazzjoni barra mill-Unjoni, li jippermetti li l-Grupp tal-BEI u l-BERŻ jaġixxu b'mod komplementari billi jistrieħu fuq il-vantaġġi komparattivi rispettivi tagħhom, ġie aġġornat fl-2012 biex ikopri l-estensjoni tal-ambitu ġeografiku tal-BERŻ għar-reġjun tal-Mediterran u għandu jibqa' jiġi applikat. Il-prinċipji stabbiliti f'din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw ukoll meta l-finanzjment tal-BEI jiġi implimentat permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali oħrajn. |
(26) |
Il-BEI għandu jiġi inkoraġġut ikompli jiffinanzja operazzjonijiet barra mill-Unjoni anki fuq riskju tiegħu stess, inkluż b'appoġġ tal-interessi ekonomiċi tal-Unjoni, f'pajjiżi u favur il-proġetti ta' investiment li għandhom biżżejjed affidabbiltà kreditizja skont il-valutazzjoni tal-BEI u b'kunsiderazzjoni tal-kapaċità tiegħu stess ta' assorbiment tar-riskju, sabiex l-użu tal-garanzija tal-UE jista' jkun iffukat fuq pajjiżi u proġetti ta' investiment fejn il-garanzija tal-UE tipprovdi valur miżjud abbażi tal-valutazzjoni tal-BEI stess, inkluż f'termini ta' żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli. |
(27) |
Il-BEI għandu jespandi l-firxa ta' strumenti finanzjarji innovattivi li joffri, inkluż permezz ta' aktar attenzjoni fuq l-iżvilupp ta' strumenti ta' garanzija. Barra minn hekk, il-BEI għandu jfittex attivament li jipparteċipa fi strumenti ta' kondiviżjoni tar-riskju u fil-finanzjament tas-suq kapitali tad-dejn ta' proġetti b'ħolqien stabbli u prevedibbli tal-fluss ta' flus. B'mod partikolari, huwa għandu jikkunsidra l-appoġġ għal strumenti tas-suq kapitali tad-dejn li jinħarġu jew jingħataw għall-benefiċċju ta' proġett ta' investiment imwettaq fil-pajjiżi eliġibbli. Barra minn hekk, il-BEI għandu jżid il-forniment tiegħu ta' self fil-muniti lokali u joħroġ bonds fis-swieq lokali, dment li l-pajjiżi benefiċjarji jistabbilixxu r-riformi strutturali meħtieġa, b'mod partikolari fis-settur finanzjarju, kif ukoll miżuri oħra li jiffaċilitaw l-attivitajiet tal-BEI. Fid-diversifikazzjoni u l-espansjoni tal-istrumenti tas-swieq tal-kapital, għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li tali strumenti ma jwasslux għal prattiki finanzjarji riskjużi u dejn u għalhekk jistgħu jheddu l-istabbiltà finanzjarja. |
(28) |
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jivvaluta l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI u l-konformità tagħhom ma' din id-Deċiżjoni, il-valur miżjud tagħhom u l-kontribut għall-politiki esterni tal-Unjoni, il-kwalità tagħhom, l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp li jirriżultaw mir-REM tal-BEI u l-benefiċċji finanzjarji trasferiti lill-benefiċjarji. Ir-rapport għandu wkoll jinkludi informazzjoni dwar talbiet għall-garanzija tal-UE, dwar it-tibdil fil-klima u l-finanzjament tal-bijodiversità skont din id-Deċiżjoni, dwar is-segwitu għall-funzjonament tal-Memorandum ta' Qbil bejn il-BEI u l-Ombudsman Ewropew, u deskrizzjoni tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn Ewropej u internazzjonali, inkluż il-kofinanzjament. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat sabiex il-partijiet interessati rilevanti, inkluż is-soċjetà ċivili, ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom. |
(29) |
L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI b'appoġġ għall-politika esterna tal-Unjoni għandhom jkomplu jsiru f'konformità mal-prinċipji ta' prattika bankarja fis-sod. Dawn għandhom ikomplu jiġu amministrati f'konformità mar-regoli u l-proċeduri proprji tal-BEI, li għandhom jirriflettu dawk il-prinċipji, inklużi l-miżuri ta' kontroll xierqa u l-konformità mad-dikjarazzjoni tal-BEI dwar l-istandards soċjali u ambjentali, kif ukoll mar-regoli u l-proċeduri rilevanti li jikkonċernaw il-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF). Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu, il-BEI għandu jimplimenta b'mod adegwat il-politika tiegħu fir-rigward ta' ġurisdizzjonijiet irregolati b'mod dgħajjef jew nonkooperattivi identifikati bħala tali mill-Unjoni, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi jew it-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja sabiex jikkontribwixxu għall-ġlieda internazzjonali kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. Għal raġunijiet ta' trasparenza, il-BEI għandu jfassal, sa fejn possibbli u f'kooperazzjoni mal-intermedjarji finanzjarji lokali, lista tal-mutwatarji finali. |
(30) |
Il-BEI għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura li, meta jiġu ffinanzjati operazzjonijiet soġġetti għall-garanzija tal-UE, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u kwalunkwe attività illegali oħra u li l-OLAF ikollu l-jedd li jwettaq verifiki fuq il-post u ispezzjonijiet fl-istabbilimenti tal-benefiċjarji. Il-BEI, f'konformità mal-politika tiegħu dwar il-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' mġiba pprojbita f'attivitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (“il-politika tal-BEI kontra l-frodi”), li ġiet adottata fl-2008 u riveduta fl-2013, għandu jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni u l-Istati Membri sabiex isaħħaħ il-miżuri ta' finanzjament fis-seħħ kontra l-ħasil tal-flus u kontra t-terroriżmu u jgħin biex jitjieb l-infurzar tagħhom. F'konformità mal-Politika tiegħu dwar id-Denunzjar ta' Irregolaritajiet (Whistleblowing), il-BEI għandu jagħti attenzjoni partikolari wkoll għall-informazzjoni mogħtija minn informaturi b'rabta ma' każijiet potenzjali ta' frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra, biex ikun jista' jingħata segwitu isiru kummenti ta' reazzjoni u tingħata protezzjoni xierqa kontra t-tpattija. |
(31) |
Il-korpi governattivi tal-BEI għandhom ikunu inkoraġġuti jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jadattaw l-attività tal-BEI biex jikkontribwixxu għall-politika esterna tal-Unjoni b'mod effettiv, u biex jissodisfaw b'mod adegwat ir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Garanzija tal-UE
1. L-Unjoni għandha tagħti lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) garanzija baġitarja għall-operazzjonijiet ta' finanzjament li jsiru 'l barra mill-Unjoni (“garanzija tal-UE”). Il-garanzija tal-UE għandha tingħata bħala garanzija globali fir-rigward ta' ħlasijiet li ma jaslux għand il-BEI, minkejja li huma dovuti lilu, b'rabta ma' self, garanziji fuq self u strumenti tas-suq kapitali tad-dejn mogħtija jew maħruġa għall-benefiċċju tal-proġetti ta' investiment tal-BEI li huma eliġibbli f'konformità mal-paragrafu 2.
2. Għandhom ikunu eliġibbli għall-garanzija tal-UE s-self, il-garanziji ta' self u l-istrumenti tas-suq kapitali tad-dejn tal-BEI li jingħataw jew jinħarġu għall-benefiċċju ta' proġetti ta' investiment li jsiru f'pajjiżi eliġibbli f'konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-BEI stess inkluża d-dikjarazzjoni tal-BEI dwar il-prinċipji u l-istandards ambjentali u soċjali, u b'appoġġ għall-għanijiet rilevanti tal-politika esterna tal-Unjoni, fejn il-finanzjament mill-BEI jkun ingħata f'konformità mal-ftehim iffirmat li la jkun skada u lanqas ikun ġie kkanċellat (l-“operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI”).
3. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI b'appoġġ għall-politika esterna tal-Unjoni għandhom ikomplu jsiru f'konformità mal-prinċipji ta' prattika bankarja fis-sod.
4. Il-garanzija tal-UE għandha tkun ristretta għal 65 % tal-ammont aggregat imħallas u ggarantit taħt l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI, wara li jitnaqqsu l-ammonti rimborżati, filwaqt li jiżdiedu l-ammonti relatati kollha.
5. Il-garanzija tal-UE għandha tkopri l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI ffirmati matul il-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.
6. Jekk, mal-iskadenza tal-perijodu li jissemma fil-paragrafu 5, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jkunux adottaw deċiżjoni li tagħti garanzija tal-UE ġdida lill-BEI kontra t-telf imġarrab mill-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu barra mill-Unjoni, dak il-perijodu għandu jiġġedded darba awtomatikament b'sitt xhur.
Artikolu 2
Limiti massimi fuq l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI koperti mill-garanzija tal-UE
1. Il-limitu massimu tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI koperti mill-garanzija tal-UE, matul il-perijodu 2014-2020 ma għandux jaqbeż EUR 30 000 000 000. L-ammonti inizjalment allokati għal operazzjonijiet ta' finanzjament iżda kkanċellati aktar tard ma jgħoddux mal-limitu.
Dan il-limitu massimu għandu jinqasam fi:
(a) |
limitu massimu fiss ta' ammont massimu ta' EUR 27 000 000 000; |
(b) |
ammont addizzjonali opzjonali ta' EUR 3 000 000 000. |
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja dwar l-attivazzjoni kollha jew parzjali tal-ammont imsemmi fil-punt (b) u d-distribuzzjoni reġjonali tiegħu wara r-reviżjoni ta' nofs it-terminu kif stabbilita fl-Artikolu 19.
2. Il-limitu massimu fiss imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jinqasam f'limiti massimi u sottolimiti massimi reġjonali kif stipulat fl-Anness I. Fil-limiti massimi reġjonali, il-BEI għandu jiżgura progressivament li jkun hemm distribuzzjoni bbilanċjata tal-pajjiżi fi ħdan ir-reġjuni koperti mill-garanzija tal-UE.
Artikolu 3
Għanijiet u prinċipji ġenerali
1. Il-garanzija tal-UE għandha tingħata biss għall-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li għandhom valur miżjud abbażi tal-valutazzjoni tal-BEI stess, u jappoġġaw kwalunkwe għan ġenerali minn dawn li ġejjin:
(a) |
l-iżvilupp tas-settur privat lokali, b'mod partikolari l-appoġġ għall-SMEs; |
(b) |
l-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u ekonomika, inklużi t-trasport, l-enerġija, l-infrastruttura ambjentali u t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni; |
(c) |
il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima. |
2. Filwaqt li jiġi ppreservat l-karattru distint tal-BEI bħala bank ta' investiment, l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jsiru skont din id-Deċiżjoni, għandhom jikkontribwixxu għall-interess ġenerali tal-UE b'mod partikolari l-prinċipji li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 21 tat-TUE u għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali internazzjonali li l-Unjoni tagħmel parti minnhom. Il-korpi governattivi tal-BEI huma inkoraġġuti jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jadattaw l-attività tal-BEI biex isir kontribut għall-politika esterna tal-Unjoni b'mod effettiv, u biex jiġu sodisfatti b'mod adegwat ir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.
3. L-integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi, inkluż b'mod partikolari l-integrazzjoni ekonomika bejn il-Pajjiżi fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni, il-Pajjiżi tal-Viċinat u l-Unjoni, għandha tkun għan bażiku tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fi ħdan l-oqsma koperti mill-għanijiet ġenerali previsti fil-paragrafu 1. Il-BEI għandu jwettaq operazzjonijiet finanzjarji fil-pajjiżi benefiċjarji fl-oqsma koperti mill-għanijiet ġenerali b'appoġġ għall-investimenti diretti barranin li jippromwovu l-integrazzjoni ekonomika fl-Unjoni.
4. Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif iddefiniti fil-lista ta' riċevituri tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom jikkontribwixxu indirettament, f'konformità mal-Artikoli 208 u 209 tat-TFUE, għall-għanijiet tal-politika tal-Unjoni ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, bħat-tnaqqis tal-faqar permezz tat-tkabbir inklużiv u l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali sostenibbli.
5. Biex jiġi żgurat li l-investimenti tas-settur privat ikollhom l-ikbar impatt fuq l-iżvilupp, il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex isaħħaħ is-settur privat lokali fil-pajjiżi benefiċjarji permezz ta' appoġġ għall-investiment lokali kif previst fil-punt (a) tal-paragrafu 1. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI b'appoġġ għall-għanijiet ġenerali previsti fil-paragrafu 1 għandhom ifittxu li jinkludu wkoll l-appoġġ għall-proġetti ta' investiment mill-SMEs mill-Unjoni. Sabiex l-użu tal-fondi jiġi mmonitorjat b'mod effettiv għall-benefiċċju tal-SMEs ikkonċernati, il-BEI għandu jistabbilixxi rekwiżiti kuntrattwali adegwati mal-intermedjarji finanzjarji, inklużi standards għar-rappurtar li għandhom jiġu pprovduti mill-benefiċjarji.
Il-BEI għandu jikkoopera mal-intermedjarji finanzjarji li jistgħu jappoġġaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs fil-pajjiżi li fihom jopera u li ma jipparteċipawx fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI implimentati f'pajjiż eliġibbli permezz ta' mezzi li jinsabu f'ġurisdizzjoni barranija li ma tikkooperax imsemmija fl-Artikolu 13.
6. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jappoġġaw l-għanijiet ġenerali previsti fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jappoġġaw il-proġetti ta' investiment fil-biċċa l-kbira fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, l-infrastruttura ambjentali, it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni. Dan jinkludi l-produzzjoni u l-integrazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, it-trasformazzjoni tas-sistemi tal-enerġija li jippermettu l-bidla għal teknoloġiji u fjuwils b'livell inqas intensiv tal-karbonju, sigurtà tal-enerġija u infrastruttura tal-enerġija sostenibbli, inkluż għall-produzzjoni tal-gass u t-trasport tal-gass lejn is-suq tal-enerġija tal-Unjoni, kif ukoll l-elettrifikazzjoni ta' żoni rurali, l-infrastruttura ambjentali, bħall-ilma u s-sanità u l-infrastruttura ekoloġika, it-telekomunikazzjoni u l-infrastruttura tan-netwerk tal-broadband.
7. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jappoġġaw l-għanijiet ġenerali previsti fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandhom jappoġġaw proġetti ta' investiment fil-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima li jikkontribwixxu għall-għan globali tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, b'mod partikolari billi jiġu evitati jew jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u t-trasport sostenibbli, jew billi tiżdied ir-reżiljenza għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima fuq il-pajjiżi, is-setturi u l-komunitajiet vulnerabbli. Il-kriterji tal-eliġibbiltà għall-proġetti ta' azzjoni fil-qasam tat-tibdil fil-klima huma definiti fl-istrateġija tal-BEI dwar it-tibdil fil-klima li għandha tiġi aġġornata qabel tmiem l-2015. Għal dan il-għan, għandha tiġi inkluża analiżi tal-marka tal-karbonju fil-proċedura tal-valutazzjoni ambjentali biex jiġi determinat jekk il-proposti tal-proġetti jisfruttawx kemm jista' jkun it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija. Matul il-perijodu kopert b'din id-Deċiżjoni, il-volum ta' dawn l-operazzjonijiet għandu jirrappreżenta mill-inqas 25 % tal-operazzjonijiet ta' finanzjament totali tal-BEI.
8. F'konformità mal-għanijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, qabel tmiem l-2015, il-BEI, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jaġġorna l-istrateġija tiegħu dwar it-tibdil fil-klima fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI. Dan l-aġġornament għandu, fost l-oħrajn, jintegra azzjonijiet konkreti biex jiġi żgurat li l-proġetti ta' investiment skont din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-għanijiet tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima u jiżdiedu l-isforzi li jappoġġaw is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija.
9. Il-garanzija tal-UE għandha tkopri biss operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jsiru f'pajjiżi eliġibbli li jkunu kkonkludew ftehim qafas mal-BEI li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet legali biex isiru dawn l-operazzjonijiet.
Artikolu 4
Pajjiżi koperti
1. Il-lista ta' pajjiżi potenzjalment eliġibbli għal finanzjament tal-BEI kopert mill-garanzija tal-UE tinsab fl-Anness II. Il-lista ta' pajjiżi eliġibbli għal finanzjament tal-BEI taħt il-garanzija tal-UE tinsab fl-Anness III u m'għandhiex tinkludi pajjiżi oħrajn barra minn dawk elenkati fl-Anness II. Għal pajjiżi li mhumiex elenkati fl-Anness II, l-eliġibbiltà għal finanzjament tal-BEI kopert mill-garanzija tal-UE għandha tiġi deċiża skont il-każ f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 18 rigward l-emendi għall-Anness III. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jissejsu fuq valutazzjoni kumplessiva, li tinkludi aspetti ekonomiċi, soċjali, ambjentali u politiċi, b'mod partikolari dawk relatati mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti.
3. L-atti ddelegati li jemendaw l-Anness III m'għandhomx jaffettwaw il-kopertura tal-garanzija tal-UE tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI ffirmati qabel id-dħul fis-seħħ ta' dawk l-atti ddelegati, soġġett għall-paragrafu 4.
4. Il-ħlasijiet għal operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jibbenefikaw minn Garanzija Komprensiva kif imsemmija fl-Artikolu 8(1) m'għandhomx isiru f'pajjiżi li mhumiex elenkati fl-Anness III.
5. Il-garanzija tal-UE ma għandhiex tkopri l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI f'pajjiż speċifiku li miegħu jkun ġie ffirmat il-ftehim dwar tali operazzjonijiet wara l-adeżjoni ta' dak il-pajjiż mal-Unjoni.
Artikolu 5
Kontribut tal-operazzjonijiet tal-BEI għall-politika tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha taġġorna, flimkien mal-BEI, il-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali eżistenti tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fi żmien sena wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Il-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali għandhom ikunu konsistenti mal-qafas ta' politika reġjonali usa' tal-Unjoni li jinsab fl-Anness IV. B'mod partikolari, il-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali għandhom jiżguraw li l-finanzjament tal-BEI skont din id-Deċiżjoni jikkomplementa l-politika, il-programmi u l-istrumenti korrispondenti tal-assistenza tal-Unjoni fir-reġjuni differenti.
Fl-aġġornament ta' dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jikkunsidraw ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti. Il-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali għandhom ikunu konsistenti mal-prijoritajiet li jinsabu fil-programmi nazzjonali jew reġjonali, fejn disponibbli, li tfasslu mill-pajjiżi benefiċjarji, b'kont debitu meħud ta' kwalunkwe konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili lokali fil-proċess tat-tfassil ta' dawk il-programmi.
Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali aġġornati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, hekk kif dawn jiġu stabbiliti.
Fil-qafas stabbilit mil-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali, il-BEI għandu jiddefinixxi l-istrateġiji korrispondenti ta' finanzjament u jiżgura li dawn jiġu implimentati.
L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom ikunu konsistenti mal-linji gwida operattivi tekniċi u l-istrateġiji tal-pajjiż benefiċjarju.
Il-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali għandhom jiġu riveduti wara r-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 19.
2. Fil- qafas tal-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tal-Protokoll Nru 5, il-Kummissjoni tagħti opinjoni dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI. Fil-każ tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jaqgħu taħt din id-Deċiżjoni, fejn il-Kummissjoni tagħti opinjoni li mhijiex favorevoli, dik l-operazzjoni m'għandhiex tkun koperta mill-garanzija tal-UE.
Artikolu 6
Kooperazzjoni mal-Kummissjoni u s-SEAE
1. Il-konsistenza tal-azzjonijiet esterni tal-BEI mal-għanijiet tal-politika esterna tal-Unjoni għandha tkompli tissaħħaħ, bil-ħsieb li jiġu mmassimizzati s-sinerġiji bejn l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI u r-riżorsi baġitarji tal-Unjoni, b'mod partikolari permezz tal-aġġornament tal-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali msemmija fl-Artikolu 5, li għalihom għandu jiġi kkonsultat is-SEAE dwar kwistjonijiet ta' politika, kif adatt, kif ukoll permezz ta' djalogu regolari u sistematiku u l-iskambju bikri ta' informazzjoni dwar:
(a) |
dokumenti strateġiċi mħejjija mill-Kummissjoni jew is-SEAE, kif xieraq, bħal dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż jew reġjonali, programmi indikattivi, pjani ta' azzjoni u dokumenti ta' qabel l-adeżjoni; |
(b) |
id-dokumenti tal-ippjanar strateġiku, ir-riservi tal-proġetti ta' investiment tal-BEI u r-rapportar annwali tal-BEI lill-Kummissjoni; |
(c) |
aspetti ta' politika u operattivi oħra. |
2. Din il-kooperazzjoni għandha titwettaq reġjun b'reġjun, inkluż fil-livell tad-delegazzjoni tal-Unjoni, b'kunsiderazzjoni tar-rwol tal-BEI kif ukoll il-politika tal-Unjoni f'kull reġjun.
Artikolu 7
Koperazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali oħrajn
1. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom isiru, fejn xieraq, f'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali u tal-Istati Membri Ewropej (“istituzzjonijiet finanzjarjari Ewropej” ) u ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, inklużi banek għall-iżvilupp reġjonali (“istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali”) sabiex jiġu mmassimizzati s-sinerġiji, il-kooperazzjoni u l-effiċjenza, sabiex jiġu żviluppati b'mod konġunt strumenti finanzjarji innovattivi, sabiex tiġi żgurata l-kondiviżjoni prudenti u raġonevoli tar-riskji u l-kondizzjonalità koerenti tal-proġetti ta' investiment u tas-settur, u sabiex tiġi mminimizzata l-possibbiltà ta' spejjeż doppji u duplikazzjoni bla bżonn.
2. Il-koperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ffaċilitata permezz ta' koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali rilevanti li joperaw fir-reġjuni differenti, ili jsiru fejn xieraq fil-kuntest ta' memoranda ta' qbil jew oqfsa ta' kooperazzjoni reġjonali oħra tal-Unjoni.
Artikolu 8
Kopertura u t-termini tal-garanzija tal-UE
1. Għall-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI, bl-eċċezzjoni ta' dawk li jikkonsistu fi strumenti tas-suq kapitali tad-dejn, li isiru ma' Stat, jew li huma ggarantiti minn Stat, u għal operazzjonijiet oħra ta' finanzjament tal-BEI li isiru ma' awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew ma' intrapriżi jew istituzzjonijiet pubbliċi li jappartjenu jew huma ikkontrollati minn Stat, fejn tali operazzjonijiet oħra ta' finanzjament tal-BEI għandhom valutazzjoni adegwata tal-BEI tar-riskju tal-kreditu meta jittieħed kont tas-sitwazzjoni tar-riskju tal-kreditu tal-pajjiż ikkonċernat, il-garanzija tal-UE għandha tkopri l-ħlasijiet kollha dovuti lill-BEI, li ma jkunux waslu għandu (“Garanzija Komprensiva”).
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Palestina hija rrappreżentata mill-Awtorità Palestinjana u l-Kosovo (13) huwa rappreżentat mill-awtoritajiet tal-Kosovo.
3. Għall-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-garanzija tal-UE għandha tkopri l-ħlasijiet kollha dovuti lill-BEI li ma jkunux waslu għandu, meta dan ma jkunx irċevihom minħabba li jseħħ wieħed mir-riskji politiċi li ġejjin (“Garanzija kontra r-Riskju Politiku”):
(a) |
nuqqas ta' trasferiment tal-munita; |
(b) |
esproprjazzjoni; |
(c) |
gwerra jew irvell ċivili; |
(d) |
ġustizzja miċħuda wara ksur ta' kuntratt. |
4. Għall-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jikkonsistu fi strumenti tas-suq kapitali tad-dejn, għandha tapplika biss il-Garanzija kontra r-Riskju Politiku.
5. Il-ftehimiet ta' finanzjament mal-promoturi individwali relatati mal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom jinkludu wkoll dispożizzjonijiet ambjentali u soċjali adatti f'konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-BEI stess.
6. Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jistabbilixxu fil-ftehim ta' garanzija msemmi fl-Artikolu 14 politika ċara u trasparenti dwar l-allokazzjoni li tippermetti li l-BEI jidentifika, fi ħdan l-attività esterna tiegħu, l-operazzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati skont din id-Deċiżjoni sabiex jiġi żgurat l-aktar użu effettiv tal-garanzija tal-UE. Il-politika dwar l-allokazzjoni għandha tiġi bbażata fuq l-affidabbiltà kreditizja tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI kif ivvalutati mill-BEI, il-limiti massimi kif iddefiniti fl-Anness I, in-natura tal-kontroparti, jekk tkunx sovrana, Stat jew entità sottosovrana li taqgħa taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew entità privata, il-kapaċità ta' assorbiment ta' riskju tal-BEI u kriterji rilevanti oħra, inkluż il-valur miżjud tal-garanzija tal-UE. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu infurmati rigward il-politika dwar l-allokazzjoni skont l-Artikolu 14.
7. Meta tintalab il-garanzija tal-UE, l-Unjoni għandha tkun surrogata għal kwalunkwe dritt rilevanti tal-BEI fir-rigward ta' kwalunkwe obbligu b'rabta mal-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu, f'konformità mal-ftehim ta' garanzija msemmi fl-Artikolu 14.
Artikolu 9
Valutazzjoni tal-BEI u monitoraġġ ta' proġetti ta' investiment
1. Il-BEI għandu jwettaq id-diliġenza dovuta u, fejn ikun il-każ, jesiġi li l-promoturi tal-proġett jagħmlu konsultazzjoni pubblika lokali f'konformità mal-prinċipji soċjali u ambjentali tal-Unjoni, mal-partijiet interessati nazzjonali u lokali rilevanti, kif ukoll mas-soċjetà ċivili, fl-istadju tal-ippjanar tal-proġett u l-istadju ta' implimentazzjoni dwar l-aspetti soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, ambjentali, ekonomiċi u relatati mal-iżvilupp ta' proġetti ta' investiment koperti mill-garanzija tal-UE u li jipprovdu informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tal-kontribut biex jintlaħqu l-politika esterna u l-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni.
Fejn ikun il-każ, din il-valutazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni dwar kif il-kapaċitajiet tal-benefiċjarji tal-finanzjament tal-BEI jistgħu jiġu msaħħa tul iċ-ċiklu kollu tal-proġett permezz ta' assistenza teknika. Ir-regoli u l-proċeduri tal-BEI innifsu għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u soċjali tal-proġetti ta' investiment u tal-aspetti marbutin mad-drittijiet tal-bniedem u l-prevenzjoni ta' kunflitti, sabiex jiżguraw li l-proġetti ta' investiment appoġġati skont din id-Deċiżjoni huma ambjentalment u soċjalment sostenibbli.
2. Minbarra l-valutazzjoni ex-ante tal-aspetti relatati mal-iżvilupp, il-BEI għandu jwettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament. B'mod partikolari, huwa għandu jirrikjedi li l-promoturi tal-proġett iwettqu monitoraġġ bir-reqqa tul l-implimentazzjoni tal-proġett sat-tlestija tiegħu, fost l-oħrajn, fir-rigward tal-impatt ekonomiku, fuq l-iżvilupp, soċjali, ambjentali u marbut mad-drittijiet tal-bniedem tal-proġett ta' investiment. Il-BEI għandu jivverifika fuq bażi regolari l-informazzjoni pprovduta mill-promoturi tal-proġettu jekk il-promotur tal-proġett jaqbel, għandu jagħmilha disponibbli għall-pubbliku. Fejn ikun possibbli, ir-rapporti dwar it-tlestija tal-proġett marbutin mal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom jiġu ppubblikati bl-eċċezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali.
3. Il-monitoraġġ tal-BEI għandu jistinka wkoll biex ikopri l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet intermedjarji u l-prestazzjoni tal-intermedjarji finanzjarji b'appoġġ għall-SMEs.
4. Il-BEI għandu jistabbilixxi sistema komprensiva biex jiġu vvalutati ex-ante emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra relattivi u assoluti marbutin ma' operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fejn dawk l-emissjonijiet jilħqu limiti sinifikanti, kif definiti fil-metodoloġija rilevanti inkluża fl-istrateġija tal-BEI dwar it-tibdil fil-klima u fejn id-data tkun disponibbli.
5. Ir-riżultati tal-monitoraġġ għandhom, fejn ikun possibbli, jiġu żvelati, soġġett għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità u l-qbil tal-partijiet rilevanti.
Artikolu 10
Dħul assenjat estern għall-Fond ta' Garanzija
Il-ħlasijiet lura u d-dħul li jammontaw għal EUR 110 000 000, li joriġinaw minn operazzjonijiet konklużi qabel l-2007, inklużi ħlasijiet lura ta' kapital, garanziji mobilizzati, u ħlasijiet lura tal-kapital prinċipali tas-self, dividends, qligħ kapitali, tariffi tal-garanzija u imgħax fuq is-self u fuq ammonti f'kontijiet fiduċjarji, imħallsin lura fil-kont fiduċjarju stabbilit għall-Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija u li jistgħu jiġu attribwiti għall-appoġġ mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern f'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u għandhom jintużaw għall-Fond ta' Garanzija.
L-ammonti li jaqbżu EUR 110 000 000 li jkunu tħallsu lura fil-kont fiduċjarju stabbilit għall-Faċilità Ewro-Mediterranja ta' Investiment u Sħubija għandhom jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni wara li jitnaqqsu l-ispejjeż u t-tariffi marbutin mal-amministrazzjoni.
Artikolu 11
Rappurtar annwali u kontabbiltà
1. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jsiru skont din id-Deċiżjoni. Ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u jkun jinkludi:
(a) |
valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fil-livell ta' proġett, settur, pajjiż u fil-livell reġjonali u l-konformità tagħhom ma' din id-Deċiżjoni; |
(b) |
valutazzjoni tal-valur miżjud, l-outputs, l-eżiti u l-impatt fuq l-iżvilupp li jiġu stmati għall-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fuq bażi aggregata, abbażi tar-rapport annwali tal-qafas tal-BEI għall-Ġestjoni tar-Riżultati. Għal dan il-għan, il-BEI għandu juża indikaturi tal-prestazzjoni b'rabta mal-aspetti tal-iżvilupp, ambjentali u soċjali, inklużi aspetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem, tal-proġetti ffinanzjati, b'kont meħud tal-indikaturi rilevanti taħt id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna. L-indikaturi għall-aspetti ambjentali tal-proġetti għandhom jinkludu kriterji għal teknoloġija nadifa, orjentati, fil-prinċipju, lejn l-effiċjenza fl-enerġija u t-teknoloġiji biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; |
(c) |
valutazzjoni tal-kontribut tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI biex jiġu sodisfatti l-politika esterna u l-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni, b'kont meħud tal-linji gwida operattivi tekniċi reġjonali msemmija fl-Artikolu 5; |
(d) |
valutazzjoni tal-benefiċċju finanzjarju ttrasferit lill-benefiċjarji tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fuq bażi aggregata; |
(e) |
valutazzjoni tal-kwalità tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI, b'mod partikolari, il-punt sa fejn il-BEI kkunsidra s-sostenibbiltà ambjentali u soċjali fid-diliġenza dovuta u l-monitoraġġ ta' proġetti ta' investiment iffinanzjati; |
(f) |
informazzjoni dettaljata dwar talbiet għall-garanzija tal-UE; |
(g) |
informazzjoni dwar il-volumi ta' finanzjament għat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità skont din id-Deċiżjoni, l-impatt fuq l-emissjonijiet assoluti u relattivi tal-gassijiet b'effett ta' serra msemmija fl-Artikolu 9(4) fuq bażi aggregata kif ukoll in-numru ta' proġetti vvalutati kontra r-riskju tal-klima; |
(h) |
deskrizzjoni ta' kooperazzjoni mal-Kummissjoni u istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali oħrajn, inkluż il-kofinanzjament. Ir-rapport għandu jinkludi b'mod partikolari lista dettaljata tar-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni u r-riżorsi ta' istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali oħrajn użati flimkien mal-finanzjament tal-BEI, li b'hekk jagħti ħarsa ġenerali dwar l-investiment totali appoġġat mill-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jsiru taħt din id-Deċiżjoni. Ir-rapport għandu jsemmi wkoll il-konklużjoni ta' memoranda ta' qbil ġodda bejn il-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej jew internazzjonali oħrajn li għandhom effett fuq l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI taħt din id-Deċiżjoni; |
(i) |
informazzjoni dwar is-segwitu tal-funzjonament tal-Memorandum ta' Qbil bejn il-BEI u l-Ombudsman Ewropew sa fejn dak il-Memorandum jikkonċerna l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI koperti b'din id-Deċiżjoni. |
2. Għall-finijiet tar-rappurtar tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'rapporti annwali dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jsiru skont din id-Deċiżjoni inklużi l-elementi kollha meħtieġa li jippermettu li l-Kummissjoni tirrapporta f'konformità mal-paragrafu 1. Il-BEI jista' wkoll jipprovdi lill-Kummissjoni b'informazzjoni addizzjonali rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex tingħata stampa komprensiva tal-attività esterna tal-BEI.
3. Il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'data statistika, finanzjarja u kontabbilistika dwar kull waħda mill-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jiġu sodisfatti d-dmirijiet ta' rappurtar tal-Kummissjoni jew it-talbiet mill-Qorti tal-Awdituri u ċertifikat ta' awditur dwar l-ammonti pendenti tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI. Il-BEI għandu jipprovdi wkoll lill-Kummissjoni kwalunkwe dokument meħtieġ ieħor f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
4. Għall-finijiet tal-kontabbiltà u r-rappurtar tal-Kummissjoni tar-riskji koperti mill-garanzija tal-UE, il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'valutazzjoni tar-riskju tal-BEI u b'informazzjoni dwar klassifikazzjoni li tikkonċerna l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI.
5. Il-BEI għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, tal-inqas darba f'sena, bi programm pluriennali indikattiv tal-volum ippjanat ta' firem tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI, sabiex tkun żgurata l-kompatibbiltà tat-tbassir tal-finanzjament tal-BEI mal-livelli massimi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u għall-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat ippjanar baġitarju xieraq għall-proviżjonament tal-Fond ta' Garanzija. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dan it-tbassir meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni.
6. Il-BEI għandu fuq bażi regolari jipprovdi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni r-rapporti indipendenti ta' evalwazzjoni kollha tiegħu li jivvalutaw ir-riżultati prattiċi miksuba mill-attivitajiet speċifiċi tal-BEI skont din id-Deċiżjoni u mandati esterni oħrajn.
7. Il-BEI għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 6 a spejjeż tiegħu. Il-BEI għandu wkoll iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 6, f'termini ġenerali u b'esklużjoni ta' kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali.
Artikolu 12
Trasparenza u żvelar ta' informazzjoni lill-pubbliku
1. F'konformità mal-politika tal-BEI dwar it-trasparenza u l-prinċipji tal-Unjoni dwar l-aċċess għal dokumenti u informazzjoni, u progressivament skont l-Istandards Internazzjonali dwar it-Trasparenza fl-Għajnuna Internazzjonali, il-BEI għandu iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit elettroniku tiegħu l-informazzjoni marbuta ma':
(a) |
l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI kollha li jsiru skont din id-Deċiżjoni, wara l-istadju tal-approvazzjoni tal-proġett, b'mod partikolari, li tindika jekk proġett ta' investiment huwiex kopert mill-garanzija tal-UE u kif jikkontribwixxi għall-miri tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, filwaqt li tittieħed nota b'mod partikolari l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tiegħu; |
(b) |
dment li ma japplikawx ir-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, kwalunkwe memorandum ta' qbil bejn il-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej jew internazzjonali oħrajn li għandhom effett fuq l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI skont din id-Deċiżjoni; |
(c) |
fejn possibbli u adatt, ftehimiet qafas eżistenti bejn il-BEI u pajjiż riċevitur. Meta jiffirma ftehimiet ġodda jew jemenda dawk eżistenti, il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex jippermetti li dawn jiġu żvelati; |
(d) |
il-politika tal-BEI rigward l-allokazzjoni. |
2. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit elettroniku tagħha informazzjoni speċifika relatata mal-każijiet kollha ta' rkupru skont il-ftehim ta' garanzija msemmi fl-Artikolu 14, u l-ftehim li jistipula d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri ddettaljati marbutin mal-irkupru tat-talbiet imsemmi fl-Artikolu 15(2) dment li ma japplikawx ir-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità.
Artikolu 13
Ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx
Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu, il-BEI ma għandu jittollera l-ebda attività li titwettaq għal finijiet illegali, inkluż il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni, u l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. B'mod partikolari l-BEI ma għandu jipparteċipa fl-ebda operazzjoni ta' finanzjament implimentata f'pajjiż eliġibbli b'mezz li jinsab f'ġurisdizzjoni li ma tikkooperax identifikata bħala tali mill-Unjoni, min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi jew mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja.
Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu, il-BEI għandu japplika l-prinċipji u l-istandards stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż ir-rekwiżit li jittieħdu miżuri raġonevoli biex jiġu identifikati s-sidien li jibbenefikaw, fejn applikabbli.
Artikolu 14
Ftehim ta' garanzija
Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jiffirmaw ftehim ta' garanzija li jistipula d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati marbutin mal-garanzija tal-UE kif stabbilita fl-Artikolu 8, u għandhom jinfurmaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif meħtieġ.
Artikolu 15
Irkupru tal-ħlasijiet magħmula mill-Kummissjoni
1. Fejn il-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe ħlas skont il-garanzija tal-UE, il-BEI, f'isem u fl-interess tal-Kummissjoni, għandu jsegwi l-irkupru tat-talbiet għall-ammonti mħallsa.
2. Mhux aktar tard mid-data tal-iffirmar tal-ftehim ta' garanzija msemmi fl-Artikolu 14, il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jiffirmaw ftehim separat li jistipula d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati li huma marbutin mal-irkupru tat-talbiet.
Artikolu 16
Awditjar mill-Qorti tal-Awdituri
Il-garanzija tal-UE u l-ħlasijiet u l-irkupri taħt l-ambitu tagħha li jkunu jistgħu jiġu attribwiti għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għandhom ikunu awditjati mill-Qorti tal-Awdituri.
Artikolu 17
Miżuri kontra l-frodi
1. Il-BEI għandu jinnotifika lill-OLAF minnufih u jagħtih l-informazzjoni meħtieġa meta, fi kwalunkwe stadju tat-tħejjija, l-implimentazzjoni jew l-għeluq tal-proġetti soġġetti għall-garanzija tal-UE, ikollu raġunijiet biex jissuspetta li jeżisti każ potenzjali ta' frodi, korruzzjoni, ħasil ta' flus jew xi attività illegali oħra li tista' taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
2. L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u ispezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (15) u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (16) sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni, ħasil ta' flus jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' kwalunkwe operazzjoni ta' finanzjament. L-OLAF tista' tittrasmetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati l-informazzjoni li tinkiseb matul l-investigazzjonijiet.
Fejn ikun hemm prova ta' tali attivitajiet illegali, il-BEI għandu jassisti fl-isforzi ta' rkupru fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu u fl-ambitu tar-responsabbiltajiet tiegħu.
3. Il-ftehimiet ta' finanzjament iffirmati b'rabta ma' proġetti li jirċievu appoġġ skont din id-Deċiżjoni għandhom jinkludu klawżoli li jippermettu s-sospensjoni tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI u, fejn meħtieġ, miżuri ta' rkupru adatti f'każijiet ta' frodi, korruzzjoni jew xi attività illegali oħra. Id-deċiżjoni dwar jekk il-finanzjament tal-BEI għandux jiġi sospiż jew ikkanċellat għandha tittieħed mill-BEI wara li jiġu kkunsidrati kif dovut iċ-ċirkostanzi u r-riskji kollha.
4. Il-BEI għandu jkompli jibbaża fuq il-punt ta' kuntatt uniku tiegħu għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-frodi għall-persunal tal-BEI u l-partijiet interessati kollha.
5. Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu, il-BEI għandu jimplimenta l-mekkaniżmu ta' esklużjoni tiegħu għall-esklużjoni ta' kontropartijiet involuti fi frodi u korruzzjoni li jinkludi l-kriterji għall-esklużjoni tal-Bażi tad-data Ċentrali għall-Esklużjoni tal-Unjoni dwar l-Esklużjoni li jiżguraw li jiġu osservati d-drittijiet tal-partijiet kollha.
Artikolu 18
Eżerċizzju tad-delega
1. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tal-adozzjoni ta' atti ddelegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mill-11 ta' Mejju 2014.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 4 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 4 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 19
Reviżjoni ta' nofs it-terminu
Sal-31 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-BEI, għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' nofs it-terminu li jevalwa l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fl-ewwel snin, akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta biex din tiġi emendata. Ir-rapport ta' nofs it-terminu għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni esterna indipendenti u l-kontribuzzjoni mill-BEI.
Dan ir-rapport għandu jinkludi b'mod partikolari:
(a) |
valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-politika dwar l-allokazzjoni; |
(b) |
valutazzjoni tar-rappurtar tal-BEI u fejn adatt rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jitjieb; |
(c) |
valutazzjoni tar-REM, inklużi l-indikaturi ta' prestazzjoni u l-kriterji, u l-kontribut tagħhom għall-kisba tal-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni; |
(d) |
rendikont dettaljat tal-kriterji kkunsidrati għar-rakkomandazzjoni dwar l-attivazzjoni potenzjali sħiħa jew parzjali tal-ammont addizzjonali opzjonali. |
Artikolu 20
Rappurtar finali
Sal-31 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport finali dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.
(2) Id-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn self u garanziji għal self għal proġetti 'l barra mill-Unjoni u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 633/2009/KE (ĠU L 280, 27.10.2011, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95).
(5) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(6) Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11).
(7) Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27).
(8) Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44).
(9) Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 77).
(10) Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 85).
(11) Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1).
(12) Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 237/2014 tat-13 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 109).
(13) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244(1999) u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo.
(14) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(15) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(16) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
ANNESS I
LIMITI MASSIMI REĠJONALI
A. |
Pajjiżi fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni: EUR 8 739 322 000; |
B. |
Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija: EUR 14 437 225 000, imqassma fis-sottolimiti massimi indikattivi li ġejjin:
|
C. |
L-Asja u l-Amerika Latina: EUR 3 407 295 000, imqassma fis-sottolimiti massimi indikattivi li ġejjin:
|
D. |
L-Afrika t'Isfel: EUR 416 158 000. |
Fi ħdan il-limitu massimu ġenerali fiss, il-korpi governattivi tal-BEI jistgħu jiddeċiedu, wara li jkunu kkonsultaw lill-Kummissjoni, li jallokaw mill-ġdid ammont ta' mhux aktar minn 20 % tal-limiti massimi sottoreġjonali fi ħdan ir-reġjuni u ta' mhux aktar minn 10 % tal-limiti massimi reġjonali bejn ir-reġjuni.
ANNESS II
REĠJUNI U PAJJIŻI POTENZJALMENT ELIĠIBBLI
A. Pajjiżi fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni
1. |
Kandidati L-Islanda, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija |
2. |
Kandidati potenzjali L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo |
B. Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija
1. |
Pajjiżi Mediterranji L-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina, is-Sirja, it-Tuneżija |
2. |
L-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Russja L-Ewropa tal-Lvant: il-Bjelorussja, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukraina Il-Kawkasu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Ġeorġja Ir-Russja |
C. L-Asja u l-Amerika Latina
1. |
L-Amerika Latina L-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Kosta Rika, Kuba, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj, il-Venezwela |
2. |
L-Asja L-Afganistan, il-Bangladexx, il-Butan, il-Brunej, il-Kambodja, iċ-Ċina (inklużi Ħong Kong u r-Reġjuni Amministrattivi Speċjali tal-Makaw), l-Indja, l-Indoneżja, l-Iraq, il-Laos, il-Malasja, il-Maldive, il-Mongolja, il-Mjanmar/Burma, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, Singapor, il-Korea t'Isfel, is-Sri Lanka, it-Tajwan, it-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Jemen |
3. |
L-Asja Ċentrali Il-Kazakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Uzbekistan |
D. L-Afrika t'Isfel
L-Afrika t'Isfel
ANNESS III
REĠJUNI U PAJJIŻI ELIĠIBBLI
A. Pajjiżi fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni
1. |
Kandidati L-Islanda, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija |
2. |
Kandidati potenzjali L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo |
B. Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija
1. |
Pajjiżi Mediterranji L-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina, it-Tuneżija |
2. |
L-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Russja L-Ewropa tal-Lvant: ir-Repubblika tail-Moldova, l-Ukraina Il-Kawkasu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja Ir-Russja |
C. L-Asja u l-Amerika Latina
1. |
L-Amerika Latina L-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj, il-Veneżwela |
2. |
L-Asja Il-Bangladexx, il-Brunej, il-Butan, il-Kambodja, iċ-Ċina (inklużi Ħong Kong u r-Reġjuni Amministrattivi Speċjali tal-Makaw), l-Indja, l-Indoneżja, l-Iraq, il-Laos, il-Malasja, il-Maldive, il-Mongolja, il-Mjanmar/Burma, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, Singapor, il-Korea t'Isfel, is-Sri Lanka, it-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Jemen |
3. |
L-Asja Ċentrali Il-Kazakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Uzbekistan |
D. L-Afrika t'Isfel
L-Afrika t'Isfel
ANNESS IV
QAFAS TAL-POLITIKA REĠJONALI
L-attività tal-BEI fil-pajjiżi sħab li jipparteċipaw fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni sseħħ fil-qafas stabbilit fis-Sħubiji ta' Adeżjoni u Ewropej li jistabbilixxu l-prijoritajiet għal pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, bil-ħsieb li jsir progress fit-tqarrib lejn l-Unjoni, u li jipprovdu qafas għall-għajnuna mill-Unjoni. Il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni huwa l-qafas politiku tal-Unjoni għall-Balkani tal-Punent. Dan huwa msejjes fuq sħubija progressiva, li fiha l-Unjoni toffri konċessjonijiet kummerċjali, għajnuna ekonomika u finanzjarja u relazzjonijiet kuntrattwali permezz tal-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. L-għajnuna finanzjarja ta' qabel l-adeżjoni tgħin lill-kanditati u l-kanditati potenzjali jitħejjew għall-obbligi u l-isfidi tal-isħubija fl-Unjoni. Din l-għajnuna tappoġġa l-proċess ta' riformi, inklużi t-tħejjijiet għall-eventwalità li dawn il-pajjiżi jsiru membri. Hija tiffoka fuq it-tiswir istituzzjonali, il-konformità mal-acquis tal-Unjoni, it-tħejjija għall-politika u l-istrumenti tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' miżuri biex tintlaħaq il-konverġenza ekonomika.
L-attività tal-BEI fil-pajjiżi tal-Viċinat isseħħ fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat il-ġdida deskritt fil-Komunikazzjoni Konġunta intitolata “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni”, adottata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni fil-25 ta' Mejju 2011, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fl-20 ta' Ġunju 2011, li b'mod partikolari jappellaw għal aktar appoġġ għas-sħab impenjati fil-bini ta' soċjetajiet demokratiċi u fit-twettiq ta' riformi, f'konformità mal-prinċipji “aktar għal aktar” u “responsabbiltà reċiproka”, u tipprovdi l-qafas ta' politika strateġika għar-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-ġirien. Fil-qafas ta' din il-kooperazzjoni, il-finanzjament tal-BEI skont din id-Deċiżjoni ser ikun immirat ukoll lejn politika li tippromwovi tkabbir inklużiv u ħolqien ta' impjiegi li jikkontribwixxu għall-istabbiltà soċjali f'konformità ma' approċċ ibbażat fuq l-inċentivi li jappoġġa l-għanijiet tal-politika esterna tal-Unjoni, inkluż fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' migrazzjoni.
Biex tikseb dawn l-għanijiet, l-Unjoni u sħabha jimplimentaw pjani ta' azzjoni bilaterali maqbula b'mod konġunt li jiddefinixxu sett ta' prijoritajiet li jinkludi kwistjonijiet politiċi u ta' sigurtà, kwistjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, tħassib ambjentali u soċjali u l-integrazzjoni tan-netwerks tat-trasport u tal-enerġija.
L-Unjoni għall-Mediterran, is-Sħubija tal-Lvant, is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, l-Istrateġija tal-Unjoni għar-Reġjun tad-Danubju u l-Istrateġija tal-Unjoni għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, huma inizjattivi multilaterali u reġjonali bil-għan li jrawmu l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-grupp rispettiv ta' pajjiżi sħab tal-Viċinat li jiffaċċjaw sfidi komuni u/jew jaqsmu ambjent ġeografiku komuni. L-Unjoni għall-Mediterran għandha l-għan li tniedi mill-ġdid il-proċess ta' integrazzjoni Ewro-Mediterranja billi tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali reċiproku fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran u tappoġġa żvilupp soċjoekonomiku aħjar, is-solidarjetà, l-integrazzjoni reġjonali, l-iżvilupp sostenibbli u t-tiswir tal-għarfien, b'enfasi fuq il-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni finanzjarja għall-appoġġ ta' proġetti reġjonali u transnazzjonali. L-Unjoni għall-Mediterran tappoġġa, b'mod partikolari, il-ħolqien ta' toroq ewlenija marittimi u tal-art, it-tneħħija tat-tniġġis fil-Mediterran, il-pjan għall-enerġija solari fil-Mediterran, l-Inizjattiva għall-Iżvilupp tan-Negozju fil-Mediterran, l-inizjattivi tal-protezzjoni ċivili u l-università Ewro-Mediterranja.
L-Isħubija tal-Lvant għandha l-għan li toħloq il-kondizzjonijiet meħtieġa biex titħaffef l-assoċjazzjoni politika u titkompla l-integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab tal-Lvant. Is-Sħubija tal-Lvant ser tipprovdi impetu addizzjonali għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u reġjonali tal-pajjiżi sħab. Hi ser tiffaċilita governanza tajba, inkluż fis-settur finanzjarju, tippromwovi l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni soċjali u tgħin biex jitnaqqsu d-differenzi soċjoekonomiċi tal-pajjiżi sħab.
L-Istrateġija tal-Unjoni għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tappoġġa ambjent sostenibbli u żvilupp ekonomiku u soċjali ottimali fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. L-Istrateġija tal-Unjoni għar-Reġjun tad-Danubju tappoġġa, b'mod partikolari, l-iżvilupp tat-trasport, il-konnessjonijiet u s-sigurtà marbutin mal-enerġija, l-ambjent sostenibbli u l-iżvilupp soċjoekonomiku fir-reġjun tad-Danubju. L-Isħubija tal-Lvant għandha l-għan li toħloq il-kondizzjonijiet meħtieġa biex titħaffef l-assoċjazzjoni politika u titkompla l-integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab tal-Lvant. Ir-Russja u l-Unjoni għandhom sħubija strateġika fuq firxa wiesgħa, distinta mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u espressa permezz tal-Ispazji u l-Pjani Direzzjonali Komuni. Dawn huma kkomplementati fil-livell multilaterali mid-Dimensjoni tat-Tramuntana li tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni, ir-Russja, in-Norveġja u l-Islanda (il-Bjelorussja. il-Kanada u l-Istati Uniti huma osservaturi fid-Dimensjoni tat-Tramuntana).
L-attività tal-BEI fl-Amerika Latina sseħħ fil-qafas tas-Sħubija Strateġika tal-Unjoni, l-Amerika Latina u l-Karibew. Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni tat-30 ta' Settembru 2009 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Atturi Globali fi Sħubija”, il-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni lejn l-Amerika Latina huma l-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u l-qerda tal-faqar u l-inugwaljanza soċjali sabiex jiġu promossi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli. Dawn l-għanijiet ta' politika ser jitrawmu b'kont meħud tal-livell differenti tal-iżvilupp tal-pajjiżi Latini Amerikani. Id-djalogu bilaterali u l-kooperazzjoni ser jiġu segwiti f'oqsma ta' interess komuni għaż-żewġ reġjuni, inklużi l-ambjent, it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri u l-enerġija, ix-xjenza, ir-riċerka, l-edukazzjoni għolja, it-teknoloġija u l-innovazzjoni.
Fl-Asja, l- Unjoni qed tapprofondixxi s-sħubiji strateġiċi tagħha maċ-Ċina u l-Indja u qed isir progress fin-negozjati biex jissawru ftehimiet ġodda ta' sħubija u kummerċ ħieles mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja. Fl-istess waqt, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tibqa' fil-quċċata tal-aġenda tal-Unjoni mal-Asja, l-istrateġija tal-Unjoni għall-iżvilupp għar-reġjun Asjatiku għandha l-għan li teqred il-faqar billi tappoġġa tkabbir ekonomiku sostenibbli fuq sisien wesgħin, tippromwovi ambjent u kondizzjonijiet li jwasslu għal kummerċ u integrazzjoni fir-reġjun, issaħħaħ il-governanza, iżżid l-istabbiltà politika u soċjali, u tappoġġa l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju għall-2015. Qiegħda tiġi stabbilita b'mod konġunt politika li tindirizza sfidi komuni, bħat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà u l-istabbiltà, il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-prevenzjoni ta' diżastri naturali u umanitarji u r-rispons għalihom.
L-istrateġija tal-Unjoni għal sħubija ġdida mal-Asja Ċentrali adottata mill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007 saħħet id-djalogu reġjonali u bilaterali u l-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali fir-rigward ta' kwistjonijiet ewlenin li qiegħed jiffaċċja r-reġjun, bħat-tnaqqis tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u l-istabbiltà. L-implimentazzjoni tal-istrateġija wasslet għal avvanzi importanti fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokrazija, l-edukazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku, il-kummerċ u l-investiment, l-enerġija u t-trasport u l-politika ambjentali.
L-attività tal-BEI fl-Afrika t'Isfel isseħħ fil-qafas tad-Dokument ta' Strateġija Konġunt tal-Unjoni għall-Pajjiż għall-Afrika t'Isfel. L-oqsma ewlenin identifikati f'dak id-Dokument ta' Strateġija huma l-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet biex jitwasslu s-servizzi u għal koeżjoni soċjali. L-attivitajiet tal-BEI fl-Afrika t'Isfel seħħew f'komplementarjetà għolja mal-programm ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni, jiġifieri permezz tal-attenzjoni li l-BEI ta lill-appoġġ għas-settur privat u l-investimenti fl-espansjoni tal-infrastruttura u s-servizzi soċjali (id-djar, l-enerġija elettrika, il-purifikazzjoni tal-ilma għax-xorb u l-infrastruttura muniċipali). Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tad-Dokument ta' Strateġija tal-UE għall-Pajjiż għall-Afrika t'Isfel li saret fl-2009-2010 pproponiet t-tisħiħ tal-azzjonijiet fil-qasam tat-tibdil fil-klima permezz ta' attivitajiet li jappoġġaw il-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi. Għall-perijodu 2014-2020, l-attività tal-BEI hija mistennija tappoġġa b'mod komplementari il-politika, il-programmi u l-istrumenti ta' kooperazzjoni esterna tal-Unjoni billi tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet ewlenin bejn l-UE u l-Afrika t'Isfel sabiex jiġi promoss tkabbir ekonomiku ekwu u sostenibbli, isir kontribut għall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, u biex jingħata appoġġ lill-provvista sostenibbli u l-aċċess ekwu għall-infrastruttura u s-servizzi bażiċi.