Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0078

    2014/78/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta’ Frar 2014 dwar miżura adottata mid-Danimarka skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi tip ta’ makkinarju multifunzjonali li jintuża għat-tħaffir u l-ġarr ta’ materjal (notifikata bid-dokument C(2014) 633) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 41, 12.2.2014, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/78(1)/oj

    12.2.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 41/20


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-10 ta’ Frar 2014

    dwar miżura adottata mid-Danimarka skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi tip ta’ makkinarju multifunzjonali li jintuża għat-tħaffir u l-ġarr ta’ materjal

    (notifikata bid-dokument C(2014) 633)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2014/78/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

    Billi:

    (1)

    F’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/42/KE, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar miżura relatata ma’ makkinarju tas-serje Avant 600, immanifatturat mill-kumpanija Avant Tecno Oy, Ylötie 1, FIN-33470 Ylöjärvi, il-Finlandja. Il-makkinarju kellu l-marka KE u kien akkumpanjat b’Dikjarazzjoni tal-Konformità tal-KE skont id-Direttiva 2006/42/KE dwar il-makkinarju, id-Direttiva 2004/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar il-kompatibilità elettromanjetika u d-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar l-emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra.

    (2)

    Il-makkinarju tas-serje Avant 600 huwa makkinarju multifunzjonali li jintuża għat-tħaffir u l-ġarr ta’ materjal, li miegħu jistgħu jitwaħħlu għadd kbir ta’ aċċessorji biex iwettaq diversi funzjonijiet differenti f’bosta oqsma, li jinkludu l-forestrija, l-agrikoltura, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-pajsaġġi, il-kura tal-art, il-manutenzjoni tal-proprjetajiet, il-ġarr ta’ materjal, it-tħaffir u l-kostruzzjoni.

    (3)

    Din il-miżura Daniża ġiet adottata minħabba n-nuqqas ta’ konformità tal-makkinarju mar-rekwiżit essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbilit fit-taqsima 3.4.4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, li jesiġi li fejn, fil-każ ta’ makkinarju li jimxi waħdu b’operatur riekeb fuqu, ikun hemm ir-riskju li jaqgħu fuqu oġġetti jew materjali, il-makkinarju għandu jkun iddisinnjat u mibni b’mod li jittieħed kont ta’ dan ir-riskju u jkun mgħammar, jekk id-daqs jippermetti, bi struttura ta’ protezzjoni xierqa.

    (4)

    L-awtoritajiet Daniżi indikaw li, minkejja li diversi funzjonijiet li l-makkinarju huwa maħsub għalihom jesponu lill-operatur riekeb fuqu għal riskji minħabba oġġetti jew materjal li jistgħu jaqgħu, il-makkinarju tqiegħed fis-suq mingħajr struttura ta’ protezzjoni minn oġġetti li jaqgħu (FOPS — falling object protective structure). L-awtoritajiet Daniżi talbu lill-manifattur biex jieħu miżuri korrettivi. Peress li din it-talba ma ġietx milqugħa, l-awtoritajiet Daniżi pprojbixxew it-tqegħid fis-suq tal-makkinarju tas-serje Avant 600 mingħajr FOPS u taw ordni lill-manifattur biex jieħu azzjoni korrettiva fir-rigward tal-makkinarju li diġà tqiegħed fis-suq.

    (5)

    Il-Kummissjoni kitbet lill-manifattur, fejn talbitu jesprimi l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-miżura li ġiet adottata mid-Danimarka. Fit-tweġiba tiegħu, il-manifattur indika li s-serje Avant 600 kienet mgħammra b’kabina ttestjata mill-Korp Notifikat MTT-Vakola Nru 0504. Il-kabina kienet dejjem mgħammra bi struttura ta’ protezzjoni fil-każ tal-qlib (ROPS — roll-over protective structure) u għandha l-għażla li tista’ tintrema wkoll b’FOPS. Meta l-makkinarju jinbiegħ għall-użu fl-agrikultura, il-manutenzjoni tal-proprjetà, il-ġestjoni tal-pajsaġġi jew għall-użu fl-istalel, pereżempju, fejn ma jkunx hemm riskju minn oġġetti li jaqgħu, ma jiġix mgħammar FOPS. Min-naħa l-oħra, meta l-makkinarju jinbiegħ għal applikazzjonijiet fejn hemm riskju minn oġġetti li jaqgħu, bħal pereżempju, l-użu fil-minjieri, il-makkinarju dejjem jiġi mgħammar b’FOPS. Il-manifattur iddikjara wkoll li kien iddeċieda li jiċċara l-manwal tal-istruzzjonijiet u l-ktejjeb ta’ informazzjoni tal-bejgħ sabiex jispeċifikaw f’liema sitwazzjonijiet għandha tintuża kabina mgħammra b’FOPS.

    (6)

    It-taqsima 1.1.2(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE tesiġi li l-makkinarju jiġi ddisinjat u mibni b’tali mod li jkun adattat għall-funzjoni tiegħu, u li jista’ jitħaddem, ikun aġġustat u miżmum mingħajr ma jpoġġi lill-persuni fir-riskju meta jsiru dawn l-operazzjonijiet fil-kondizzjonijiet previsti iżda filwaqt li jittieħed kont ukoll ta’ kwalunkwe użu ħażin tiegħu li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli. L-iskop tal-miżuri meħuda għandu jkun li jiġi eliminat kwalunkwe riskju matul il-ħajja prevista tal-makkinarju inklużi l-fażijiet tat-trasport, tal-immuntar, taż-żarmar, tal-waqfien tat-tħaddim tiegħu u tar-rimi. Il-miżuri għandhom jittieħdu skont il-prinċipji tal-integrazzjoni tas-sikurezza stabbiliti fit-taqsima 1.1.2(b) tal-Anness I li jagħtu prijorità lill-miżuri protettivi integrati u mhux lill-informazzjoni għall-utenti.

    (7)

    Fil-każ ta’ makkinarju multifunzjonali għat-tħaffir u l-ġarr ta’ materjal bħalma hija s-serje Avant 600, anke jekk makkinarju partikolari inizjalment jiġi mibjugħ għal funzjonijiet jew għall-użu f’ambjenti li ma jinvolvux riskju ta’ oġġetti jew materjal li jistgħu jaqgħu, huwa possibbli li matul il-ħajja prevista tiegħu, dan il-makkinarju jintuża għal funzjonijiet maħsuba oħra jew f’ambjenti li jesponu lill-operaturi għal dak ir-riskju. Konsegwentement, ir-riskju ta’ oġġetti jew materjal li jistgħu jaqgħu għandu jitqies fil-fażijiet tad-disinn u tal-bini tal-makkinarju.

    (8)

    L-analiżi tal-evidenza mogħtija mill-awtoritajiet Daniżi u tal-osservazzjonijiet espressi mill-manifattur tikkonferma li l-makkinarju tas-serje Avant 600 mingħajr FOPS ma jikkonformax mar-rekwiżit essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza stabbilit fit-taqsima 3.4.4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE u li dan in-nuqqas ta’ konformità jwassal għal riskju serju ta’ korriment għall-operaturi rekbin fuqu minħabba oġġetti u materjal li jistgħu jaqgħu,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżura adottata mill-awtoritajiet Daniżi li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju tas-serje Avant 600 li mhux mgħammar bi struttura ta’ protezzjoni minn oġġetti li jaqgħu (FOPS) u li tesiġi lill-manifattur biex jieħu azzjoni korrettiva fir-rigward tal-makkinarju li diġà tqiegħed fis-suq hija ġġustifikata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Antonio TAJANI

    Viċi President


    (1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

    (2)  Direttiva 2004/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-kompatibilità elettromanjetika u li tħassar id-Direttiva 89/336/KEE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 24).

    (3)  Id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewpopew u l-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta' barra (ĠU L 162, 3.7.2000, p. 1).


    Top