This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R1290
Regulation (EU) No 1290/2013 of the European Parliament and of the Council of 11 December 2013 laying down the rules for participation and dissemination in "Horizon 2020 - the Framework Programme for Research and Innovation (2014-2020)" and repealing Regulation (EC) No 1906/2006 Text with EEA relevance
Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f' "Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f' "Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81–103
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0695
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32006R1906 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Derogated in | 32014R0610 | Deroga | artikolu 28 .3 | 27/06/2014 | |
Derogated in | 32014R0622 | Deroga | artikolu 48 | 03/07/2014 | |
Derogated in | 32014R0622 | Deroga | artikolu 41 .2 | 03/07/2014 | |
Derogated in | 32014R0622 | Deroga | artikolu 44 .1 L4 | 03/07/2014 | |
Derogated in | 32014R0622 | Deroga | artikolu 47 | 03/07/2014 | |
Derogated in | 32014R0622 | Deroga | artikolu 46 | 03/07/2014 | |
Derogated in | 32014R0622 | Deroga | artikolu 45 | 03/07/2014 | |
Derogated in | 32014R0622 | Deroga | artikolu 10.1 | 03/07/2014 | |
Derogated in | 32014R0622 | Deroga | artikolu 44 .2 | 03/07/2014 | |
Derogated in | 32014R0623 | Deroga | artikolu 10.1 | 03/07/2014 | |
Derogated in | 32014R0624 | Deroga | artikolu 9.1 | 03/07/2014 | |
Repealed by | 32021R0695 | 01/01/2021 |
20.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 347/81 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1290/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta’ Diċembru 2013
li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f' "Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)" u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 173, 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
"Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - Orizzont 2020 (2014-2020)" ("Orizzont 2020") ġie stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dak ir-Regolament jeħtieġ li jiġi kkumplimentat minn regoli għal parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti meħudin taħt Orizzont 2020, u għall-isfruttament u d-disseminazzjoni tar-riżultati ta' dawk l-azzjonijiet. |
(2) |
Orizzont 2020 għandu jiġi implimentat bil-ħsieb li jikkontribwixxi direttament għall-ħolqien ta’ tmexxija industrijali, tkabbir u impjiegi kif ukoll għall-benessri taċ-ċittadini fl-Ewropa, u għandha tirrifletti l-viżjoni strateġika tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2010 intitolata “Innovazzjoni tal-Inizjattiva Ewlenija tal-Ewropa 2020”, fejn il-Kummissjoni timpenja lilha nfisha li tissimplifika radikalment l-aċċess għall-parteċipanti. |
(3) |
Orizzont 2020 għandu jappoġġa l-ilħuq u l-funzjonament taż-Żona Ewropea tar-Riċerka li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija jiċċirkolaw b’mod liberu, billi jsaħħaħ il-kooperazzjoni kemm bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kif ukoll fost l-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-applikazzjoni ta’ sett ta’ regoli koerenti. |
(4) |
Ir-regoli għall-parteċipazzjoni, l-isfruttament u d-disseminazzjoni f'Orizzont 2020 stipulati f'dan ir-Regolament ("ir-Regoli") għandhom jirriflettu b’mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka (5), u tal-Kunsill fir-rigward tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti amministrattivi u finanzjarji tal-programmi qafas ta’ riċerka. Ir-Regoli għandhom jipprovdu kontinwità lill-miżuri ta’ simplifikazzjoni diġà implimentati taħt id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dawn għandhom jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport finali tal-Grupp ta' Esperti intitolat "Evalwazzjoni interim tas-Seba' Programm Kwadru tat-12 ta' Novembru 2010 u għandhom jippermettu li jsir aktar progress fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv għal parteċipanti u l-kumplessità tad-dispożizzjonijiet finanzjarji sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni u jonqos l-għadd ta' żbalji finanzjarji. Ir-Regoli għandhom ukoll jirriflettu debitament it-tħassib imqajjem u r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-komunità tar-riċerka li jirriżultaw mid-dibatitu li nbeda permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2010 intitolata “Is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka”, u l-Green Paper sussegwenti tad-9 ta’ Frar 2011 intitolata “Il-bidla ta’ sfidi f’opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE”. |
(5) |
L-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020 għandha tinkludi evalwazzjoni tal-mudell il-ġdid ta' finanzjament, inkluż l-impatt tiegħu fuq il-livelli tal-finanzjament, fuq il-parteċipazzjoni f'Orizzont 2020 u u fuq l-attrattività ta' Orizzont 2020. |
(6) |
Il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti għandha tiżgura li l-gwida u l-informazzjoni tkun disponibbli għall-parteċipanti potenzjali kollha fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għal proposti. |
(7) |
Sabiex tiġi żgurata l-koerenza ma' programmi ta' finanzjament oħra tal-Unjoni, Orizzont 2020 għandha tiġi implimentata f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (7), u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (8), filwaqt li jittieħed kont debitu tan-natura speċifika tal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni. |
(8) |
Għandu jiġi żgurat approċċ integrat billi jinġabru flmkien attivitajiet koperti mis-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE, il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (9) u l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (l-EIT) stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) sabiex il-parteċipazzjoni ssir aktar faċli, jinħoloq sett aktar koerenti ta’ strumenti u jiżdied l-impatt xjentifiku u ekonomiku filwaqt li jiġu evitati d-dupplikazzjoni u l-frammentazzjoni. Għandhom japplikaw regoli komuni sabiex jiġi żgurat qafas koerenti li għandu jiffaċilita l-parteċipazzjoni fi programmi li jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni mill-baġit ta’ Orizzont 2020, inkluż il-parteċipazzjoni fi programmi ġestiti mill-EIT, impriżi konġunti jew kwalunkwe struttura oħra taħt l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar Il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u parteċipazzjoni fi programmi mwettqa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 185 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Madankollu, għandha tiġi żgurata l-flessibilità biex jiġu adottati regoli speċifiċi meta dawn ikunu ġustifikati mill-ħtiġijiet speċifiċi tal-azzjonijiet rispettivi. Sabiex jittieħed kont tal-ħtiġijiet operazzjonali speċifiċi kif identifikati fil-qafas tal-att bażiku rilevanti tal-korpi stabbiliti skont l-Artikolu 187 TFUE, is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(9) |
Azzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u josservaw il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Azzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu f'konformità ma' kwalunkwe obbligu legali inkluż id-dritt internazzjonali u ma' kwalunkwe deċiżjoni rilevanti tal-Kummissjoni bħall-avviż tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2013 (11), kif ukoll ma' prinċipji etiċi, li jinkludu l-evitar ta' kwalunkwe ksur tal-integrità tar-riċerka. |
(10) |
F'konformità mal-objettivi ta’ kooperazzjoni internazzjonali kif stipulat fl-Artikoli 180 u 186 TFUE, għandha tiġi promossa l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi terzi u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-implimentazzjoni tar-Regoli għandha tkun f’konformità mal-miżuri adottati skont l-Artikoli 75 u 215 TFUE u għandha tkun f’konformità mad-dritt internazzjonali. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tar-Regoli għandha tqis b'mod debitu l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet tal-Unjoni fi programmi korrispondenti ta’ pajjiżi terzi. |
(11) |
Ir-Regoli għandhom jipprovdu qafas koerenti, komprensiv u trasparenti biex jiżguraw l-aktar implimentazzjoni effiċjenti possibbli, billi jieħdu kont tal-ħtieġa ta’ aċċess faċli mill-parteċipanti kollha permezz ta' proċeduri simplifikati, b’mod partikolari fir-rigward ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs). L-assistenza finanzjarja mill-Unjoni tista' tiġi pprovduta f'forom differenti. |
(12) |
F'konformità mal-prinċipju ta' trasparenza u flimkien mar-rekwiżit ta' reklamar stipulat fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u fir-Regolament (UE) Nru 1268/2012, il-Kummissjoni għandha tippubblika sejħiet miftuħa għal proposti fil-paġni tal-internet ta' Orizzont 2020, permezz ta' mezzi speċifiċi ta' informazzjoni, u għandha tiżgura d-disseminazzjoni wiesgħa tagħhom, inkluż permezz tal-punti ta' kuntatt nazzjonali u, fuq talba f'formati aċċessibbli, meta prattikabbli. |
(13) |
Il-kriterji tal-għażla u tal-għoti stipulati f'dan ir-Regolament għandhom jiġu applikati b'mod trasparenti u abbażi ta' parametri oġġettivi u li jistgħu jitkejlu, b'kont meħud tal-għan globali ta' Orizzont 2020 biex tinkiseb Żona Ewropea tar-Riċerka li taħdem sew. |
(14) |
B'mod ġenerali, il-perijodu bejn id-data finali għall-preżentazzjoni ta' proposti sħaħ u l-iffirmar ta' ftehimiet dwar l-għotja ma' applikanti jew in-notifika ta' deċiżjonijiet ta' għoti lilhom għandu jkun iqsar mill-perijodu previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. F'każijiet debitament iġġustifikati u għal azzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, għandu jiġi permess perijodu itwal. |
(15) |
Il-Kummissjoni għandha tissokta bl-isforzi tagħha biex tissimplifika l-proċeduri b'modi magħmula possibbli bit-titjib tas-sistemi tal-IT, bħall-espansjoni ulterjuri tal-portal għall-parteċipanti li għandu jiffunzjona bħala l-punt ta' dħul uniku mill-mument ta' pubblikazzjoni tas-sejħiet għal proposti, permezz tal-preżentazzjoni ta' proposti, sal-implimentazzjoni tal-azzjoni, bil-għan li jiġi stabbilit punt uniku ta' servizz. Is-sistema tista' tipprovdi wkoll feedback lill-applikanti dwar il-progress u l-iskeda ta' żmien tal-applikazzjonijiet tagħhom. |
(16) |
Il-ġestjoni ta’ data kunfidenzjali u ta' informazzjoni klassifikata għandhom jiġu amministrati mil-liġi kollha rilevanti tal-Unjoni, inkluż ir-regoli interni tal-Istituzzjonijiet, bħad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (12) li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea. |
(17) |
Hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet minimi għall-parteċipazzjoni, kemm bħala regola ġenerali kif ukoll fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet tal-azzjonijiet taħt Orizzont 2020. B’mod partikolari, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l-għadd ta’ parteċipanti u l-postijiet ta’ stabbiliment tagħhom. Fil-każ ta’ azzjoni mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ entita stabbilita fi Stat Membru, l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 173 u 179 TFUE għandhom jiġu segwiti. |
(18) |
F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/882/KE (13) l-entitajiet legali tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej huma eliġibbli biex jipparteċipaw f'Orizzont 2020 soġġetti għall-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'dan tal-aħħar. |
(19) |
Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-iskedi ta' żmien ta' sejħiet għal proposti u talbiet għal informazzjoni filwaqt li tieħu kont, meta possibbli, tal-perijodi standard ta' vaganzi. |
(20) |
Fil-każ ta' proposti li ma jkollhomx suċċess, il-Kummissjoni għandha tagħti feedback lill-applikanti kkonċernati. |
(21) |
Mekkaniżmi ċari u trasparenti biex jiġu żviluppati sejħiet għal proposti dwar suġġetti speċifiċi għandhom jippermettu livell ekwu, iżidu l-attrattività ta' Orizzont 2020 u jżidu l-parteċipazzjoni. |
(22) |
Il-Kummissjoni, fl-aspetti kollha ta' Orizzont 2020, għandha taġixxi f'konformità mal-prinċipji tal-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba kif stabbilit fl-anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/633/KE, KEFA, Euratom (14). |
(23) |
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet sabiex jiġi pprovdut il-finanzjament tal-Unjoni lil parteċipanti f’azzjonijiet taħt Orizzont 2020. Sabiex tonqos il-kumplessità tar-regoli eżistenti tal-finanzjament, għandha tiġi adottata sistema ta’ rimborż tal-ispiża simplifikata b’użu mtejjeb ta’ somom f’daqqa, rati fissi u spejjeż għal kull unità. |
(24) |
Ir-rati ta' rimborż imsemmija f'dan ir-Regolament huma indikati bħala massimi sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżit li ma jkunx hemm qliegħ u mal-prinċipju ta' kofinanzjament, u sabiex jippermetti lill-parteċipanti jitolbu rata aktar baxxa. Fil-prinċipju, ir-rati ta' rimborż għandhom madankollu jkunu ta' 100 % jew 70 %. |
(25) |
Id-definizzjonijiet tal-OECD rigward it-Technological Readiness Level (TRL) għandhom jitqiesu fil-klassifikazzjoni tar-riċerka teknoloġika, l-iżvilupp tal-prodotti u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni. |
(26) |
Sfidi speċifiċi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ forom ġodda ta’ finanzjament bħal premji, akkwist prekummerċjali, akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi, l-Istrument għall-SME u l-azzjonijiet għal Rotta Rapida għall-Innovazzjoni li jeħtieġu regoli speċifiċi. |
(27) |
Sabiex jinżammu kondizzjonijiet ekwi għall-impriżi kollha attivi fis-suq intern, il-finanzjament ipprovdut permezz ta’ Orizzont 2020 għandu jkun iddisinjat skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat sabiex tkun żgurata l-effettività fin-nefqa pubblika u ma jkunux permessi d-distorzjonijiet tas-suq bħall-imblokk għall-aċċess għal finanzjament pubbliku, il-ħolqien ta’ strutturi tas-suq ineffettivi jew il-preservazzjoni ta’ kumpanniji ineffiċjenti. Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-finanzjament ta' azzjonijiet ta' innovazzjoni la jfixkel il-kompetizzjoni u lanqas ma jwassal għal interferenza fis-suq mingħajr kawża suffiċjenti. |
(28) |
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom ikunu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati tul iċ-ċiklu tan-nefqa, filwaqt li jiġi żgurat bilanċ adatt bejn il-fiduċja u l-kontroll. |
(29) |
B'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, ir-Regoli għandhom jipprovdu l-bażi għal aċċettazzjoni usa' tal-prattiċi abitwali taż-żamma tal-kontijiet tal-ispiża tal-benefiċjarji. |
(30) |
Il-Fond ta’ Garanzija għall-parteċipanti stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u ġestit mill-Kummissjoni ta prova li huwa mekkaniżmu ta’ salvagwardja importanti li jtaffi r-riskji assoċjati mal-ammonti dovuti u mhux rimborżati minn parteċipanti f’kontumaċja. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit Fond ta’ Garanzija għall-parteċipanti ("il-Fond") ġdid. Sabiex tkun żgurata ġestjoni aktar effiċjenti u kopertura aħjar tar-riskju tal-parteċipanti, il-Fond għandu jkopri azzjonijiet taħt il-programm stabbilit permezz tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE, taħt il-programm stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunill 2006/970/Euratom (16), taħt il-programm stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/93/Euratom (17) kif ukoll azzjonijiet taħt Orizzont 2020 u r-Regolament (Euratom) Nru 1314/2013 tal-Kunsill (18). Programmi ġestiti minn entitajiet oħra apparti l-korpi ta' finanzjament tal-Unjoni ma għandhomx ikunu koperti mill-Fond. |
(31) |
Sabiex titjieb it-trasparenza, għandhom jiġu ppubblikati l-ismijiet ta’ esperti li jkunu assistew lill-Kummissjoni jew korpi rilevanti tal-finanzjament fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fejn il-pubblikazzjoni tal-isem tkun tipperikola s-sigurtà jew l-integrità tal-espert jew tkun tippreġudika bla bżonn il-privatezza tiegħu jew tagħha, il-Kummissjoni jew il-korpi ta’ finanzjament għandhom ikunu jistgħu jibqgħu lura milli jippubblikaw dawn l-ismijiet. |
(32) |
Data personali relatata mal-esperti għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). |
(33) |
Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jamministraw l-użu u d-disseminazzjoni tar-riżultati biex jiġi żgurat li l-parteċipanti jipproteġu, jużaw u jiddiseminaw dawk ir-riżultati kif adatt, u biex tingħata l-possibbiltà ta’ kondizzjonijiet tal-użu addizzjonali fl-interess strateġiku Ewropew. Il-parteċipanti li jkunu rċevew finanzjament mill-Unjoni, u li għandhom il-ħsieb li jużaw ir-riżultati ġġenerati b'tali finanzjament primarjament f'pajjiżi terzi mhux assoċjati ma' Orizzont 2020, għandhom jindikaw kif il-finanzjament mill-Unjoni ser ikun ta' benefiċċju għall-kompetittività globali tal-Ewropa (il-prinċipju ta' reċiproċità), kif imniżżel fil-ftehim dwar l-għotja. |
(34) |
Fil-każ tar-riċerka bil-potenzjal għal aktar żvilupp f'teknoloġija medika ġdida (bħal mediċini, titqib u djanjostika medika) għandhom jittieħdu miżuri li jiżguraw l-użu u d-disseminazzjoni immedjata tar-riżultati, fejn adatt. |
(35) |
Minkejja s-suċċess ta' strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni tad-dejn u tal-ekwità għar-riċerka, l-iżvilupp, l-innovazzjoni u t-tkabbir, l-aċċess għall-finanzjament tar-riskju jibqa' kwistjoni importanti, b'mod partikolari għal SMEs innovattivi. Sabiex ikun possibbli l-użu l-aktar effettiv tagħhom, l-istrumenti finanzjarj tad-dejn u l-ekwità għandhom jitħallew jiġu kkumbinati ma' xulxin u ma' għotjiet iffinanzjati taħt il-baġit tal-Unjoni, inkluż taħt Orizzont 2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, tiżgura l-kontinwità tal-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSFF) stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE u l-parti tal-istadju bikri tal-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b'Rata Għolja ta' Tkabbir (GIF1) stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE fi ħdan l-istrumenti finanzjarji suċċessuri tad-dejn u tal-ekwità skont Orizzont 2020, rispettivament is-'Servizz ta’ self u garanzija tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni' u l-'Istrumenti tal-Ekwità tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni'. F'dan il-kuntest, id-dħul u r-ripagamenti ġġenerati minn kwalunkwe wieħed minn dawk l-istrumenti finanzjarji għandhom jibbenefikaw direttament l-istrumenti finanzjarji stabbiliti skont Orizzont 2020. |
(36) |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura biżżejjed elementi komplementari bejn l-istrument għall-SMEs taħt il-programm Orizzont 2020 u l-Programm COSME stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), kif ukoll l-iskemi u l-istrumenti stabbiliti b'mod konġunt mal-Istati Membri, bħall-Programm Konġunt Eurostars (21). |
(37) |
Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 għandu jitħassar, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTIVI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-parteċipazzjoni f’azzjonijiet indiretti mwettqa skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 inkluż il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet indiretti ffinanzjati minn korpi ta’ finanzjament skont l-Artikolu 9(2) ta’ dak ir-Regolament.
Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll ir-regoli li jirregolaw l-użu u d-disseminazzjoni tar-riżultati.
2. Soġġett għar-regoli speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament, ir-regoli rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament (UE) Nru 1268/2012 għandhom japplikaw.
3. Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 jew kwalunkwe att bażiku li jafda kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lil korp ta' finanzjament skont l-Artikolu 185 TFUE jista' jistabbilixxi regoli li jmorru lil hinn minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament. Sabiex jittieħed kont tal-ħtiġijiet operazzjonali speċifiċi tagħhom kif identifikati fil-qafas tal-att bażiku rilevanti, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 56, fir-rigward ta' korpi ta' finanzjament stabbiliti skont l-Artikolu 187 TFUE dwar:
(a) |
il-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f'sejħiet għal proposti maħruġa minn korpi tal-finanzjament stabbiliti fil-qasam tal-aeronawtika bil-ħsieb tat-tnaqqis tal-għadd minimu ta' parteċipanti stabbilit fl-Artikolu 9(1); |
(b) |
l-eliġibbiltà għall-finanzjament kif jinsab fl-Artikolu 10, li jippermetti lil korpi ta' finanzjament stabbiliti fil-qasam ta' industriji bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi u ta' mediċini innovattivi sabiex jillimitaw l-eleġibbiltà għal finanzjament ta' tipi speċifiċi ta' parteċipanti; |
(c) |
ir-regoli li jirregolaw l-użu u d-disseminazzjoni ta' riżultati, li jippermettu lil korpi ta' finanzjament stabbiliti fil-qasam tal-mediċini innovattivi li:
|
(d) |
il-finanzjament tal-azzjonijiet, biex korpi ta' finanzjament fil-qasam ta' komponenti u sistemi elettroniċi jitħallew japplikaw rati ta' rimborż differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 28(3) f'każijiet fejn Stat Membru wieħed jew aktar jikkofinanzjaw parteċipant jew azzjoni. Korp ta' finanzjament ieħor li huwa inkarigat b'kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit skont il-punti (i) jew (ii) tal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, jista' japplika regoli li jmorru lil hinn minn dawk imniżżlin f'dan ir-Regolament, soġġett għall-kunsens tal-Kummissjoni, jekk il-ħtiġijiet operazzjonali speċifiċi tiegħu jeħtieġu hekk. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-kunsens tagħha f'każijiet bħal dawn biss jekk dawk ir-regoli huma f'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti f'dan ir-Regolament. |
4. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal azzjonijiet diretti mwettqa miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
'drittijiet ta’ aċċess' tfisser id-drittijiet li jintużaw riżultati jew tagħrif eżistenti skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti skont dan ir-Regolament; |
(2) |
'entità affiljata' tfisser kwalunkwe entità legali li hija taħt il-kontroll dirett jew indirett ta’ parteċipant, jew taħt l-istess kontroll dirett jew indirett bħall-parteċipant, jew li hu direttament jew indirettament tikkontrolla parteċipant. Il-kontroll jista' jieħu kwalunkwe forma minn dawk stipulati fl-Artikolu 8(2); |
(3) |
'pajjiż assoċjat' tfisser pajjiż terz li huwa parti għal ftehim internazzjonali mal-Unjoni, kif identifikat fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013; |
(4) |
'tagħrif eżistenti' tfisser kwalunkwe data, tagħrif jew informazzjoni fi kwalunkwe forma jew natura, tanġibbli jew intanġibbli, inkluż kwalunkwe dritt bħal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li huma: (i) miżmuma minn parteċipanti qabel l-adeżjoni tagħhom mal-azzjoni; (ii) meħtieġa għat-twettiq tal-azzjoni jew biex jintużaw ir-riżultati tal-azzjoni; u (iii) identifikati mill-parteċipanti skont l-Artikolu 45; |
(5) |
'att bażiku' tfisser att legali adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-forma ta’ regolament, direttiva jew deċiżjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 288 TFUE li jipprovdi bażi legali għall-azzjoni; |
(6) |
'azzjoni ta' innovazzjoni' tfisser azzjoni li primarjament tikkonsisti f'attivitajiet immirati direttament lejn il-produzzjoni ta' pjanijiet u arranġament jew disinji għal prodotti, proċessi jew servizzi ġodda, mibdula jew imtejba. Għal dan l-għan huma jistgħu jinkludu l-prototipi, l-ittestjar, id-dimostrazzjoni, l-ippilotar, il-validazzjoni tal-prodotti fuq skala kbira u r-replikazzjoni fis-suq; |
(7) |
'azzjoni ta’ koordinazzjoni u appoġġ' tfisser azzjoni li tikkonsisti primarjament f'miżuri ta’ akkumpanjament bħal standardizzazzjoni, disseminazzjoni, sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni, netwerking, servizzi ta’ koordinazzjoni jew appoġġ, djalogi ta’ politika u eżerċizzji ta’ tagħlim reċiproku u studji, inkluż studji dwar disinn għal infrastruttura ġdida u tista' wkoll tinkludi attivitajiet komplementari ta' netwerking u koordinazzjoni bejn il-programmi f'pajjiżi differenti; |
(8) |
'disseminazzjoni' tfisser l-iżvelar pubbliku tar-riżultati permezz ta’ kwalunkwe mezz adatt (minbarra dawk li jirriżultaw mill-protezzjoni jew mill-użu tar-riżultati), inkluż permezz ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi bi kwalunkwe mezz; |
(9) |
'użu' tfisser l-użu tar-riżultati f'attivitajiet oħra ta' riċerka għajr dawk koperti mill-azzjoni kkonċernata, jew għall-iżvilupp, il-ħolqien u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott jew proċess, jew għall-ħolqien u l-għoti ta' servizz, jew f'attivitajiet ta' standardizzazzjoni; |
(10) |
'kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli' tfisser kondizzjonijiet adatti, inklużi termini finanzjarji possibbli jew kondizzjonijiet mingħajr ħlas ta' drittjiet, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tat-talba għal aċċess, pereżempju l-valur attwali jew potenzjali tar-riżultati jew tat-tagħrif eżistenti li jintalab l-aċċess għalih u/jew l-ambitu, it-tul ta' żmien jew kwalunkwe karatteristika oħra tal-użu previst; |
(11) |
'korp ta’ finanzjament' tfisser korp jew awtorità, minbarra l-Kummissjoni, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, li lilhom il-Kummissjoni tkun fdat il-kompiti għall-implimentazzjoni tal-baġit skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013; |
(12) |
‘organizzazzjoni internazzjonali ta’ interess Ewropew’ tfisser organizzazzjoni internazzjonali, li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma Stati Membri jew pajjiżi assoċjati, u li l-objettiv ewlieni tagħha huwa li tippromwovi kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika fl-Ewropa; |
(13) |
'entità legali' tfisser kwalunkwe persuna fiżika, jew kwalunkwe persuna ġuridika maħluqa u rikonuxxuta bħala tali skont il-liġi nazzjonali, il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi internazzjonali, li għandha personalità legali u li tista', meta taġixxi f’isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi; |
(14) |
'entità legali mingħajr skop ta' qligħ' tfisser entità legali li skont il-forma legali tagħha hija mingħajr skop ta' qligħ jew li għandha obbligu legali jew statutorju li ma tqassamx qligħ lil partijiet interessati jew membri individwali tagħha; |
(15) |
'parteċipant' tfisser kwalunkwe entità legali li twettaq azzjoni jew parti minn azzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 li għandha drittijiet u obbligi fir-rigward tal-Unjoni jew korp ta’ finanzjament ieħor taħt dan ir-Regolament; |
(16) |
'azzjoni konfinanzjata ta' programm' tfisser azzjoni ffinanzjata permezz ta' għotja li l-iskop ewlieni tagħha huwa li tissuplimenta sejħiet jew programmi individwali ffinanzjati minn entitajiet, apparti mill-korpi ta' finanzjament tal-Unjoni, li tamministra l-programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni. Azzjoni kofinanzjata ta' programm tista' tinkludi wkoll attivitajiet komplementari ta' netwerking u koordinazzjoni bejn il-programmi f'pajjiżi differenti; |
(17) |
'akkwist prekummerċjali' tfisser l-akkwist ta’ servizzi ta’ riċerka u żvilupp li jinvolvi l-kondiviżjoni tar-riskju-benefiċċju taħt il-kondizzjonijiet tas-suq, u l-iżvilupp kompetittiv f’fażijiet, fejn ikun hemm separazzjoni ċara tas-servizzi ta' riċerka u żvilupp akkwistati mill-użu ta’ volumi kummerċjali ta’ prodotti finali; |
(18) |
'akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi' tfisser akkwist fejn l-awtoritajiet kontraenti jaġixxu bħala klijent għall-preżentazzjoni ta' prodotti jew servizzi innovattivi li għadhom mhumiex disponibbli abbażi fuq skala kummerċjali kbira, u jista' jinkludi ittestjar tal-konformità; |
(19) |
'riżultati' tfisser kwalunkwe output tanġibbli jew intanġibbli tal-azzjoni, bħal data, għarfien jew informazzjoni li jiġu ġġenerati fl-azzjoni, fi kwalunkwe forma jew natura, sew jekk jistgħu jiġu protetti kif ukoll jekk le, kif ukoll kwalunkwe dritt marbut magħhom, inkluż drittijiet tal-proprjetà intellettwali; |
(20) |
'SME' tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (22); |
(21) |
'programm ta’ ħidma' tfisser id-dokument adottat mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (23); |
(22) |
'pjan ta’ ħidma' tfisser id-dokument simili għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni adottat minn korpi ta’ finanzjament inkarigati b’parti mill-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (EU) Nru 1291/2013. |
2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, entità li ma għandhiex personalità legali taħt il-liġi nazzjonali applikabbli għandha titqies bħala li hija assimilata ma’ entità legali sakemm ikun hemm konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 131(2)(a) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u l-Artikolu 198 tar-Regolament (UE) Nru 1268/2012.
3. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-benefiċjarji tal-għotjiet ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala korpi ta’ finanzjament.
Artikolu 3
Kunfidenzjalità
Soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet, deċiżjonijiet jew kuntratti ta’ implimentazzjoni, kwalunkwe data, għarfien u informazzjoni ikkomunikati bħala kunfidenzjali fil-qafas ta’ azzjoni għandhom jinżammu kunfidenzjali, filwaqt li tiġi kkunsdrata l-liġi tal-Unjoni rigward il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u l-aċċess għaliha.
Artikolu 4
Informazzjoni li għandha tkun disponibbli
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha, meta mitluba, tagħmel disponibbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż assoċjat, kwalunkwe informazzjoni utli fil-pussess tagħha dwar riżultati ġġenerati minn parteċipant f'azzjoni li jkun irċieva finanzjament mill-Unjoni, sakemm iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:
(a) |
l-informazzjoni kkonċernata hija rilevanti għall-politika pubblika; |
(b) |
il-parteċipanti ma jkunux ipprovdew raġunijiet sodi u suffiċjenti biex l-informazzjoni kkonċernata tinżamm. |
F’azzjonijiet taħt l-objettiv speċifiku'Soċjetajiet siguri - Protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha', fuq talba, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-istituzzjonijiet,il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri kwalunkwe informazzjoni utli fil-pussess tagħha li tikkonċerna riżultati ġġenerati minn parteċipant f'azzjoni li jkun irċieva finanzjament mill-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-parteċipant b'tali komunikazzjoni. Meta Stat Membru jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni jitlob il-komunikazzjoni ta' informazzjoni, il-Kummissjoni għandha wkoll tinnotifika tali komunikazzjoni lill-Istati Membri kollha.
2. Il-forniment ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhiex titqies bħala t-trasferiment ta’ xi drittijiet jew obbligi tal-Kummissjoni jew tal-parteċipanti lir-riċevitur. Madankollu, ir-riċevitur għandu jittratta kwalunkwe informazzjoni bħal din bħala kunfidenzjali sakemm ma ssirx pubblika jew issir pubblikament disponibbli mill-parteċipanti, jew sakemm ma tkunx ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni mingħajr restrizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità. Ir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà għandhom japplikaw fir-rigward ta’ informazzjoni klassifikata.
Artikolu 5
Gwida u informazzjoni għal parteċipanti potenzjali
F'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament (UE) Nru 1268/2012, il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti għandhom jiżguraw li ssir disponibbli gwida u informazzjoni biżżejjed lill-parteċipanti potenzjali kollha fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għal proposti, b'mod partikolari l-mudell tal-ftehim dwar l-għotja applikabbli.
TITOLUI I
REGOLI GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 6
Forom ta' finanzjament
Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, finanzjament jista' jieħu forma waħda jew diversi forom previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, b’mod partikolari għotjiet, premji, akkwisti jew strumenti finanzjarji.
Artikolu 7
Entitajiet legali li jistgħu jipparteċipaw f’azzjonijiet
1. Kwalunkwe entità legali, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħha, jew organizzazzjoni internazzjonali, jistgħu jipparteċipaw f’azzjoni sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament jkunu ġew sodisfatti, flimkien ma' kwalunkwe kondizzjoni stabbilita fil-programm ta’ ħidma rilevanti jew fil-pjan ta’ ħidma.
2. Il-programm ta’ ħidma rilevanti jista' jirrestrinġi l-parteċipazzjoni f'Orizzont 2020 jew partijiet minnu lill-entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi terzi fejn il-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali minn Stati Membri, jew tal-entitajiet affiljati tagħhom stabbiliti f'pajjiż terz, fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-pajjiż terz ikunu kkunsidrati li huma ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni.
3. Il-programm ta’ ħidma jew il-pjan ta’ ħidma rilevanti jista’ jeskludi lil entitajiet li ma jkunux jistgħu jipprovdu garanziji sodisfaċenti ta’ sigurtà, inkluż fir-rigward ta’ approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal jekk dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet ta’ sigurtà.
4. Il-JRC jista' jipparteċipa f’azzjonijiet bl-istess drittijiet u obbligi bħal entità legali stabbilita fi Stat Membru.
Artikolu 8
Indipendenza
1. Żewġ entitajiet legali għandhom jitqiesu bħala indipendenti minn xulxin meta l-ebda waħda minnhom ma tkun taħt il-kontroll dirett jew indirett tal-oħra jew taħt l-istess kontroll dirett jew indirett bħall-oħra.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kontroll jista’, b’mod partikolari, jieħu waħda mill-forom li ġejjin:
(a) |
il-parteċipazzjoni diretta jew indiretta ta’ aktar minn 50 % tal-valur nominali tal-kapital azzjonarju maħruġ fl-entità legali kkonċernata, jew il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-assoċjati ta’ dik l-entità; |
(b) |
il-parteċipazzjoni diretta jew indiretta, fil-fatt jew bil-liġi, ta’ setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fl-entità legali kkonċernata. |
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, ir-relazzjonijiet li ġejjin bejn l-entitajiet legali ma għandhomx fihom infushom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu relazzjonijiet ta’ kontroll:
(a) |
l-istess korporazzjoni ta’ investiment pubbliku, investitur istituzzjonali jew kumpannija tal-kapital tar-riskju li għandhom parteċipazzjoni diretta jew indiretta ta’ aktar minn 50 % tal-valur nominali tal-kapital azzjonarju maħruġ jew il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-assoċjati; |
(b) |
l-entitajiet legali kkonċernati jkunu proprjetà jew taħt is-sorveljanza tal-istess korp pubbliku. |
KAPITOLU II
Għotjiet
Artikolu 9
Kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni
1. Il-kondizzjonijiet minimi li ġejjin għandhom japplikaw:
(a) |
tal-inqas tliet entitajiet legali għandhom jipparteċipaw f’azzjoni; |
(b) |
kull waħda mit-tliet entitajiet legali għandha tkun stabbilita fi Stat Membru differenti jew f’pajjiż assoċjat; u |
(c) |
it-tliet entitajiet legali msemmija fil-punt (b) għandhom ikunu indipendenti minn xulxin fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8. |
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, fejn wieħed mill-parteċipanti jkun il-JRC, jew organizzazzjoni internazzjonali ta' interess Ewropew jew entità maħluqa taħt il-liġi tal-Unjoni, għandu jitqies bħala stabbilit fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat minbarra minn xi Stat Membru jew pajjiż assoċjat li fih ikun stabbilit parteċipant ieħor fl-istess azzjoni.
3. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, il-kondizzjoni minima għandha tkun il-parteċipazzjoni ta' entità legali waħda stabbilita fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat, fil-każ ta’:
(a) |
azzjonijiet ta' riċerka fil-fruntieri tal-għarfien tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC); |
(b) |
l-istrument ta’ SME, fejn l-azzjoni jkollha valur miżjud Ewropew ċar; |
(c) |
azzjonijiet kofinanzjati tal-programm; u |
(d) |
f’każijiet ġustifikati previsti fil-programm ta’ ħidma jew il-pjan ta’ ħidma. |
4. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ u azzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ mobilità, il-kondizzjonijiet minimi għandhom ikunu l-parteċipazzjoni ta’ entità legali waħda.
5. Fejn adatt u debitament iġġustifikat, il-programmi ta’ ħidma jew pjanijiet ta’ ħidma jistgħu jipprevedu kondizzjonijiet addizzjonali skont ir-rekwiżiti ta' politika speċifiċi jew skont in-natura u l-objettivi tal-azzjoni, inkluż inter alia kondizzjonijiet dwar in-numru ta’ parteċipanti, it-tip ta’ parteċipant u l-post ta’ stabbiliment.
Artikolu 10
Eliġibbiltà għall-finanzjament
1. Il-parteċipanti li ġejjin huma eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni:
(a) |
kwalunkwe entità legali stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat, jew maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni; |
(b) |
kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali ta’ interess Ewropew; |
(c) |
kwalunkwe entità legali stabbilita f’pajjiż terz identifikat fil-programm ta’ ħidma. |
2. Fil-każ ta’ organizzazzjoni internazzjonali parteċipanti jew fil-każ ta’ entità legali parteċipanti stabbilita f’pajjiż terz, li l-ebda waħda minnhom ma tkun eliġibbli għal finanzjament skont il-paragrafu 1, finanzjament mill-Unjoni jista' jingħata sakemm waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin tkun sodisfatta:
(a) |
il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti jqisu l-parteċipazzjoni bħala essenzjali għat-twettiq tal-azzjoni; |
(b) |
finanzjament bħal dan jiġi previst taħt ftehim xjentifiku u teknoloġiku bilaterali jew f’xi arranġament ieħor bejn l-Unjoni u l-organizzazzjoni internazzjonali jew, għal entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi, il-pajjiż li fih l-entità legali tkun stabbilita. |
Artikolu 11
Sejħiet għal proposti
1. Sejħiet għal proposti għandhom jinħarġu f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament (UE) Nru 1268/12, b'kont meħud partikolarment tal-ħtieġa għal trasparenza u non-diskriminazzjoni, u għal flessibbiltà adatta għan-natura differenti tas-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni.
2. Bħala eċċezzjoni u mingħajr preġudizzju għall-każijiet l-oħra previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u fir-Regolament (UE) Nru 1268/2012, ma għandhomx jinħarġu sejħiet għal proposti għal azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ u azzjonijiet kofinanzjati ta’ programm li jkunu se jitwettqu minn entitajiet legali identifikati fil-programmi ta’ ħidma jew pjanijiet ta' ħidma sakemm dik l-azzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sejħa għal proposti.
3. F'konformità mar-regoli rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u r-Regolament (UE) Nru 1268/2012, għandhom jiġu previsti perijodi ta' żmien suffiċjenti għat-tħejjija ta' proposti, b'avviż raġonevoli ta' sejħiet li ġejjin għal proposti permezz tal-pubblikazzjoni ta' programm ta' ħidma u ta' perijodu ta' żmien raġonevoli bejn il-pubblikazzjoni ta' sejħa għal proposti u l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta' proposta.
Artikolu 12
Sejħiet konġunti ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali
1. Jistgħu jinħarġu sejħiet konġunti għal proposti ma’ pajjiżi terzi jew mal-organizzazzjonijiet u l-aġenziji xjentifiċi u teknoloġiċi tagħhom jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex flimkien jiffinanzjaw azzjonijiet f'oqsma ta' prijorità ta' interess komuni u ta' benefiċċju reċiproku mistenni u fejn hemm valur miżjud ċar għall-Unjoni. Il-proposti għandhom jiġu evalwati u magħżula permezz ta’ proċeduri konġunti ta’ evalwazzjoni u ta’ għażla li jridu jiġu miftiehma. Proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ għażla bħal dawn għandhom jiżguraw konformità mal-prinċipji stabbiliti fit-Titolu VI tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u jinvolvu grupp ibbilanċjat ta’ esperti indipendenti maħtura minn kull parti.
2. Entitajiet legali li jirċievu finanzjament mill-Unjoni għandhom jikkonkludu ftehim dwar l-għotja mal-Unjoni jew mal-korp ta’ finanzjament rilevanti. Dak il-ftehim dwar l-għotja għandu jinkludi deskrizzjoni tax-xogħol li jrid isir minn dawk il-parteċipanti u mill-entitajiet legali parteċipanti mill-pajjiżi terzi involuti.
3. Entitajiet legali li qegħdin jirċievu finanzjament mill-Unjoni għandhom jikkonkludu ftehim ta’ koordinazzjoni mal-entitajiet legali parteċipanti li qegħdin jirċievu finanzjament mill-pajjiżi terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.
Artikolu 13
Proposti
1. Il-proposti għandhom jinkludu abbozz ta' pjan għall-użu u d-disseminazzjoni tar-riżultati, fejn dan ikun previst fil-programm ta' ħidma jew fil-pjan ta' ħidma.
2. Kull proposta għal riċerka dwar ċelloli staminali derivati minn embrijoni umani għandha tinkludi, kif adatt, dettalji dwar miżuri ta’ liċenzjar u ta’ kontroll li sejrin jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati kif ukoll dettalji tal-approvazzjonijiet etiċi li sejrin jiġu pprovduti. Fir-rigward tad-derivazzjoni ta’ ċelloli staminali derivati minn embrijoni umani, istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u riċerkaturi għandhom ikunu soġġetti għal liċenzjar u kontroll strett skont il-qafas legali tal-Istati Membri kkonċernati.
3. Proposta li tikser il-prinċipji etiċi jew kwalunkwe leġislazzjoni applikabbli, jew li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru/2013/UE, fil-programm ta’ ħidma, fil-pjan ta’ ħidma jew fis-sejħa għall-proposti tista' tiġi eskluża mill-proċeduri ta’ evalwazzjoni, tal-għażla u tal-għotja fi kwalunkwe ħin.
4. Fejn rilevanti u speċifikat fil-programm ta' ħidma jew fil-pjan ta' ħidma, il-proposti għandhom jispjegaw kif u sa liema grad l-analiżi tal-ġeneru hija rilevanti fil-kontenut tal-proġett maħsub.
Artikolu 14
Reviżjoni tal-etika
1. Il-Kummissjoni għandha sistematikament twettaq reviżjonijiet etiċi għal proposti li jqajmu kwistjonijiet etiċi. Dik ir-reviżjoni għandha tivverifika r-rispett tal-prinċipji etiċi u l-leġislazzjoni u, fil-każ ta’ riċerka mwettqa barra mill-Unjoni, li l-istess riċerka kienet tkun permessa fi Stat Membru.
2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel kemm jista' jkun trasparenti l-proċess tar-reviżjoni tal-etika u tiżgura li jitwettaq fi żmien opportun filwaqt li tiġi evitata, fejn possibbli, il-preżentazzjoni mill-ġdid ta' dokumenti.
Artikolu 15
Kriterji tal-għażla u tal-għoti
1. Il-proposti ppreżentati għandhom jiġu evalwati abbażi tal-kriterji tal-għoti li ġejjin:
(a) |
eċċellenza; |
(b) |
impatt; |
(c) |
kwalità u effiċjenza tal-implimentazzjoni. |
2. Il-kriterju msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 biss għandu japplika għal proposti fir-rigward ta' azzjonijiet ta' riċerka fil-fruntieri tal-għarfien tal-ERC.
3. Il-kriterju msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 jista' jingħata piż ikbar għal proposti għal azzjonijiet ta' innovazzjoni.
4. Il-programm ta’ ħidma jew il-pjan ta’ ħidma għandu jistabbilixxi dettalji ulterjuri tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-għoti stabbiliti fil-paragrafu 1, u jispeċifikaw il-piżijiet u l-limiti.
5. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-possibbiltà ta' proċedura ta' preżentazzjoni f'żewġ stadji prevista fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u fir-Regolament (UE) Nru 1268/2012, fejn adatt u konsistenti mal-objettivi tas-sejħa għal proposti.
6. Il-proposti għandhom jiġu klassifikati skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni. L-għażla għandha ssir abbażi ta’ dik il-klassifikazzjoni.
7. L-evalwazzjoni għandha titwettaq minn esperti indipendenti.
8. Fil-każ ta' entità legali msemmija fl-Artikolu 11(2) jew f'ċirkostanzi oħra debitament iġġustifikati bħala eċċezzjonali, l-evalwazzjoni tista' titwettaq b'mod li jidderoga mill-paragrafu 7. F'kull każ ta' evalwazzjoni bħal din, il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata lill-Istati Membri dwar il-proċedura ta' evalwazzjoni użata u l-eżiti tagħha.
9. F'każijiet fejn il-finanzjament mitlub mill-Unjoni għall-azzjoni huwa ugwali jew superjuri għal EUR 500 000, il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti għandhom, permezz ta' mezzi kompatibbli mal-liġi nazzjonali, jivverifikaw bil-quddiem il-kapaċità finanzjarja tal-koordinaturi biss. Barra minn hekk, kull meta jkun hemm raġunijiet biex tiġi ddubitata l-kapaċità finanzjarja tal-koordinatur jew tal-parteċipanti l-oħrajn abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti għandu jivverifika l-kapaċità ta' finanzjament tagħhom.
10. Il-kapaċità finanzjarja ma għandhiex tiġi vverifikata la fir-rigward ta' entitajiet legali li l-vijabilità tagħhom tkun garantita minn Stat Membru jew minn pajjiż assoċjat u lanqas fir-rigward ta' stabbilimenti tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni sekondarja.
11. Il-kapaċità finanzjarja tista' tiġi garantita minn kwalunkwe entità legali oħra, li l-kapaċità finanzjarja tagħha mbagħad tiġi verifikata skont il-paragrafu 9.
Artikolu 16
Proċedura ta’ reviżjoni tal-valutazzjoni
1. Il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti għandhom jipprovdu proċedura trasparenti ta’ analiżi tal-evalwazzjoni għal applikanti li jqisu li l-evalwazzjoni tal-proposta tagħhom ma tkunx saret skont il-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament, fil-programm ta’ ħidma, pjan ta’ ħidma rilevanti jew fis-sejħa għall-proposti.
2. Talba għal reviżjoni għandha tkun relatata ma’ proposta speċifika, u għandha tiġi sottomessa mill-koordinatur tal-proposta fi żmien 30 ġurnata mid-data li fiha l-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti jkunu infurmaw lill-koordinatur bir-riżultati tal-evalwazzjoni.
3. Il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti għandhom ikunu responsabbli mill-eżami tat-talba msemmija fil-paragrafu 2. L-eżami għandu jkopri biss l-aspetti proċedurali tal-evalwazzjoni, u mhux il-merti tal-proposta.
4. Kumitat għall-analiżi tal-evalwazzjoni magħmul minn persunal tal-Kummissjoni jew minn persunal tal-korp ta’ finanzjament rilevanti għandu jipprovdi opinjoni dwar l-aspetti proċedurali tal-proċess tal-evalwazzjoni. Għandu jiġi ppresedut minn uffiċjal tal-Kummissjoni jew tal-korp ta’ finanzjament rilevanti, minn dipartiment ieħor barra minn dak responsabbli għas-sejħa għall-proposti. Il-kumitat jista' jirrakkomanda waħda minn dawn li ġejjin:
(a) |
evalwazzjoni mill-ġdid tal-proposta primarjament minn evalwaturi mhux involuti fl-evalwazzjoni preċedenti; |
(b) |
konferma tal-evalwazzjoni inizjali. |
5. Abbażi tar-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni jew mill-korp ta' finanzjament rilevanti u nnotifikata lill-koordinatur tal-proposta. Il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti għandu jieħu tali deċiżjoni mingħajr dewmien żejjed.
6. Il-proċedura ta’ reviżjoni ma għandhiex tittardja l-proċess tal-għażla ta’ proposti li mhumiex is-soġġett ta’ talbiet għal reviżjoni.
7. Il-proċedura ta’ analiżi ma għandhiex tipprekludi kwalunkwe azzjoni oħra li l-parteċipant jista' jieħu f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.
Artikolu 17
Mistoqsijiet u lmenti
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-eżistenza ta' proċedura għal parteċipanti biex ikunu jistgħu jagħmlu mistoqsijiet jew ilmenti dwar l-involviment tagħhom f'Orizzont 2020.
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni dwar kif jiġu rreġistrati t-tħassib, it-talbiet jew l-ilmenti tkun disponibbli għall-parteċipanti kollha u tkun ippubblikata online.
Artikolu 18
Ftehim dwar l-għotja
1. Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tfassal mudell ta' ftehimiet dwar l-għotja bejn il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti u l-parteċipanti f'konformità ma' dan ir-Regolament. Jekk tkun meħtieġa modifika sinifikanti tal-mudell ta' ftehim dwar l-għotja, il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tirrevedih kif adatt.
2. Il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti għandhom jidħlu fi ftehim dwar l-għotja mal-parteċipanti. It-tneħħija jew is-sostituzzjoni ta' entità qabel l-iffirmar tal-ftehim dwar l-għotja għandhom jiġu debitament iġġustifikati.
3. Il-ftehim dwar l-għotja għandu jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-parteċipanti u jew tal-Kummissjoni jew tal-korp ta’ finanzjament rilevanti f'konformità ma' dan ir-Regolament. Għandu jistabbilixxi wkoll id-drittijiet u l-obbligi ta’ entitajiet legali li jsiru parteċipanti matul l-implimentazzjoni tal-azzjoni, kif ukoll ir-rwol u l-kompiti ta' koordinatur ta' konsorzju.
4. Abbażi ta' rekwiżit fi programm ta' ħidma jew fi pjan ta' ħidma, il-ftehim dwar l-għotja jista’ jistabbilixxi drittijiet u obbligi tal-parteċipanti fir-rigward tad-drittijiet ta' aċċess, l-użu d-disseminazzjoni, flimkien ma’ dawk stipulati f'dan ir-Regolament.
5. Il-ftehim dwar l-għotja għandu, fejn ikun adatt u sa fejn ikun possibbli, jirrifletti l-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta’ Kondotta għar-Reklutaġġ ta’ Riċerkaturi, il-prinċipji tal-integrità tar-riċerka, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali f’attivitajiet ta' trasferiment ta’ għarfien, il-Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn ta’ riċerka kif ukoll il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi stabbilit fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013.
6. Il-ftehim dwar l-għotja għandu, fejn adatt, ikun fih dispożizzjonijiet li jiżguraw ir-rispett tal-prinċipji etiċi, inkluż l-istabbiliment ta’ bord indipendenti tal-etika u d-dritt tal-Kummissjoni li twettaq verifika tal-etika minn esperti indipendenti.
7. F'każijiet debitament iġġustifikati, għotjiet speċifiċi għal azzjonijiet jistgħu jiffurmaw parti minn sħubija qafas skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament (UE) Nru 1268/2012
Artikolu 19
Deċiżjonijiet dwar l-għotja
Fejn adatt, u f'każijiet debitament iġġustifikati, il-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 121(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti, jistgħu jinnotifikaw deċiżjonijiet dwar l-għotja minflok ma jiffirmaw ftehimiet dwar l-għotja. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jirreferu għal ftehimiet dwar l-għotja għandhom japplikaw mutatis mutandis.
Artikolu 20
Żmien għall-għotja
1. F'konformità mal-Artikolu 128(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 is-sejħiet għall-proposti għandhom jispeċifikaw id-data ppjanata sa liema l-applikanti kollha għandhom jiġu informati bl-eżitu tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom u d-data indikattiva għall-iffirmar tal-ftehimiet dwar l-għotja jew għan-notifika tad-deċiżjonijiet dwar l-għotja.
2. Id-dati msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq il-perijodi li ġejjin:
(a) |
biex jiġu informati l-applikanti kollha dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom, perijodu massimu ta’ ħames xhur mid-data finali għall-preżentazzjoni tal-proposti kompluti; |
(b) |
biex jiġu ffirmati l-ftehimiet dwar l-għotja ma' applikanti jew jiġu notifikati bid-deċiżjonijiet dwar l-għotja, perijodu massimu ta’ tliet xhur mid-data ta’ meta l-applikanti ġew infurmati li kellhom suċċess. |
3. Il-perijodi msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinqabżu għal azzjonijiet tal-ERC u f'każijiet debitament iġġustifikati bħala eċċezzjonali, b'mod partikolari fejn l-azzjonijiet ikunu kumplessi, fejn hemm għadd kbir ta' proposti jew fejn mitlub mill-applikanti.
4. Il-parteċipanti għandhom jingħataw żmien raġonevoli biex jippreżentaw l-informazzjoni u dokumentazzjoni meħtieġa għall-iffirmar tal-ftehim dwar l-għotja. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjonijiet jew tagħmel talbiet għal informazzjoni kemm jista' jkun malajr. Fejn possibbli, il-preżentazzjoni mill-ġdid ta' dokumenti għandha tiġi evitata.
Artikolu 21
Żmien għall-Ħlas
Il-parteċipanti għandhom jitħallsu fi żmien opportun f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Meta jsir pagament lill-koordinatur, il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti għandhom jinnotifikaw lill-parteċipanti dwar dan.
Artikolu 22
Sistema elettronika sigura
Kull skambju mal-parteċipanti, inkluż il-konklużjoni ta' ftehimiet dwar l-għotja, in-notifika ta' deċiżjonijiet dwar l-għotja u kwalunkwe emenda oħra, jistgħu jsiru permezz ta' sistema ta' skambju elettroniku stabbilita mill-Kummissjoni jew mill-korp ta' finanzjament rilevanti, kif stipulat fl-Artikolu 179 tar-Regolament Nru 1268/2012.
Artikolu 23
Implimentazzjoni ta' azzjonijiet
1. Il-parteċipanti għandhom jimplimentaw l-azzjonijiet skont il-kondizzjonijiet u l-obbligi kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, ir-Regolament (UE) Nru 1268/2012, id-Deċiżjoni 2013/743/UE, il-programm ta’ ħidma jew il-pjan ta’ ħidma, is-sejħa għall-proposti u l-ftehim dwar l-għotja.
2. Il-parteċipanti ma għandhom jagħmlu l-ebda impenn li jkun inkompatibbli ma' dan ir-Regolament jew mal-ftehim dwar l-għotja. Meta parteċipant jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-implimentazzjoni teknika tal-azzjoni, il-parteċipanti l-oħra għandhom jikkonformaw mal-obbligi mingħajr ebda finanzjament addizzjonali mill-Unjoni sakemm il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti ma teħlishomx espressament minn dak l-obbligu. F'każ ta' parteċipant f'kontumaċja, il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33(3), titrasferixxi l-ammont dovut mill-Fond ta' Garanzija għall-Parteċipanti msemmi fl-Artikolu 32 lill-koordinatur tal-azzjoni. Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ kull parteċipant għandha tkun limitata għad-dejn proprju tiegħu, soġġett għad-dispożizzjonijiet relatati mal-Fond ta' Garanzija għall-Parteċipanti. Il-parteċipanti għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti jiġu infurmati fi żmien opportun bi kwalunkwe avveniment li jista' jaffettwa b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-azzjoni jew l-interessi tal-Unjoni.
3. Il-parteċipanti għandhom jimplimentaw l-azzjoni u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u miżuri raġonevoli għal dak l-għan. Għandu jkollhom ir-riżorsi adatti kif u meta meħtieġa għat-twettiq tal-azzjoni. Fejn ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-azzjoni, jistgħu jsejħu lil partijiet terzi, inkluż subkuntratturi, biex iwettqu ħidma taħt l-azzjoni jew jistgħu jużaw riżorsi magħmula disponibbli minn partijiet terzi permezz ta’ kontribuzzjonijiet in natura, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim dwar l-għotja. Il-parteċipanti għandhom ikunu responsabbli lejn il-Kummissjoni jew lejn il-korp ta’ finanzjament rilevanti u lejn il-parteċipanti l-oħra għax-xogħol li jkun sar.
4. L-għoti ta’ subkuntratti għat-twettiq ta’ ċerti elementi tal-azzjoni għandu jkun limitat għall-każijiet previsti fil-ftehim dwar l-għotja u għall-każijiet debitament iġġustifikati li ma jistgħux jiġu previsti b'mod ċar meta l-ftehim dwar l-għotja jidħol fis-seħħ.
5. Partijiet terzi minbarra subkuntratturi jistgħu jwettqu ħidma taħt l-azzjoni skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim dwar l-għotja. Il-parti terza u l-ħidma li għandha titwettaq minnha għandhom jiġu identifikati fil-ftehim dwar l-għotja.
L-ispejjeż imġarrba minn dawk il-partijiet terzi jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli jekk il-parti terza tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) |
tkun eliġibbli għal finanzjament kieku kienet parteċipant; |
(b) |
tkun entità affiljata jew għandha rabta legali ma’ parteċipant li jimplika kollaborazzjoni li mhijiex limitata għall-azzjoni; |
(c) |
tiġi identifikata fil-ftehim dwar l-għotja; |
(d) |
tikkonforma mar-regoli applikabbli għall-parteċipant skont il-ftehim dwar l-għotja fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż u l-kontroll tal-infiq; |
(e) |
taċċetta obbligazzjoni in solidum mal-parteċipant għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni li tikkorrispondi għall-ammont iddikjarat mill-parti terza, jekk meħtieġ mill-Kummissjoni jew mill-korp ta' finanzjament rilevanti. |
6. Partijiet terzi jistgħu jagħmlu wkoll riżorsi disponibbli għal parteċipant permezz ta’ kontribuzzjonijiet in natura għall-azzjoni. Spejjeż imġarrba minn partijiet terzi fir-rigward ta' tali kontribuzzjoni li jsiru mingħajr ħlas huma eliġibbli għal finanzjament sakemm ikunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim dwar l-għotja.
7. L-azzjoni tista' tinvolvi appoġġ finanzjarju għal partijiet terzi taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament (UE) Nru 1268/2012. L-ammonti msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 137(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jistgħu jinqabżu meta dan ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ azzjoni.
8. L-azzjoni mwettqa minn parteċipanti li huma awtoritajiet kontraenti fit-tifsira tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) u d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) tista' tinvolvi jew ikollha bħala l-għan primarju tagħhom l-akkwist pre-kummerċjali u l-akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi, fejn previsti fi programm ta’ ħidma jew fi pjan ta’ ħidma u meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha. F'każijiet bħal dawn, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 51(2), (4) u (5) ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-proċeduri ta’ akkwist imwettqa mill-parteċipanti.
9. Il-parteċipanti għandhom ikunu konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali, ir-regolamenti u r-regoli etiċi fil-pajjiżi fejn ser titwettaq l-azzjoni. Fejn adatt, il-parteċipanti għandhom ifittxu l-approvazzjoni tal-kumitati etiċi nazzjonali jew lokali rilevanti qabel il-bidu tal-azzjoni.
10. Xogħol li juża l-annimali għandu jsir skont l-Artikolu 13 TFUE u għandu jkun konformi mar-rekwiżiti biex l-użu tal-annimali għal skopijiet xjentifiċi jiġi sostitwit, imnaqqas u raffinat skont il-liġi tal-Unjoni u b’mod partikolari d-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27).
Artikolu 24
Konsorzju
1. Il-membri ta’ kwalunkwe konsorzju li jixtieq jipparteċipa f’azzjoni għandhom jaħtru wieħed minnhom biex jaġixxi bħala koordinatur li għandu jiġi identifikat fil-ftehim dwar l-għotja. Il-koordinatur għandu jkun il-punt ta' kuntatt prinċipali bejn il-membri tal-konsorzju fir-rigward tal-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-ftehim dwar l-għotja, jew fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi tiegħu taħt il-ftehim dwar l-għotja.
2. Il-membri ta' konsorzju li jipparteċipaw f'azzjoni għandhom jikkonkludu ftehim intern ("il-ftehim tal-konsorzju") li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-azzjoni f'konformità mal-ftehim dwar l-għotja, minbarra f'każijiet debitament iġġustifikati previsti fil-programm ta' ħidma jew fil-pjan ta' ħidma jew fis-sejħa għal proposti. Il-Kummissjoni għandha tippubblika linji gwida dwar il-kwistjonijiet ewlenin li jistgħu jiġu indirizzati mill-parteċipanti fil-ftehim ta' konsorzju.
3. Il-ftehim ta' konsorzju jista' jistipula inter alia dan li ġej:
(a) |
l-organizzazzjoni interna tal-konsorzju; |
(b) |
id-distribuzzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni; |
(c) |
ir-regoli dwar id-disseminazzjoni, l-użu u d-drittijiet ta' aċċess, addizzjonali għal dawk li jinsabu fit-Titolu III, Kapitolu I ta' dan ir-Regolament, u għad-dispożizzjonijiet fil-ftehim dwar l-għotja; |
(d) |
arranġamenti għas-soluzzjoni ta' tilwim intern; |
(e) |
arranġamenti rigward responsabbiltà, indennizz u kunfidenzjalità bejn il-parteċipanti. |
Il-membri tal-konsorzju jistgħu jagħmlu kull arranġament fil-konsorzju li jqisu xieraq sakemm dawn l-arranġamenti ma joħolqux konflitt mal-ftehim dwar l-għotja jew dan ir-Regolament.
4. Il-konsorzju jista' jipproponi li jżid jew li jneħħi parteċipant jew jibdel il-koordinatur skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim dwar l-għotja, sakemm il-bidla tkun konformi mal-kondizzjonijiet għal parteċipazzjoni, ma taffettwax b’mod negattiv l-implimentazzjoni tal-azzjoni u ma tkunx kuntrarja għall-prinċipju ta’ trattament ugwali.
Artikolu 25
Forom ta’ għotjiet
Għotjiet jistgħu jieħdu waħda mill-forom previsti fl-Artikolu 123 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, filwaqt li jittieħed kont tal-objettivi tal-azzjoni.
Artikolu 26
Eliġibbiltà tal-ispejjeż
1. Il-kondizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-ispejjeż huma definiti fl-Artikolu 126 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. L-ispejjeż imġarrba minn partijiet terzi taħt l-azzjoni jistgħu jkunu eliġibbli skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u tal-ftehim dwar l-għotja.
2. Spejjeż li mhumiex eliġibbli huma dawk li ma jkunux konformi mal-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluż, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet għal telf jew imposti possibbli fil-futur, telf fil-kambju, spejjeż relatati mar-redditu fuq il-kapital, spejjeż rimborżati fir-rigward ta’ azzjoni jew programm ieħor tal-Unjoni, dejn u imposti fuq ħlas ta’ dejn u nfiq eċċessiv jew bl-addoċċ.
Artikolu 27
Spejjeż diretti eliġibbli tal-persunal
1. Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26, l-ispejjeż diretti eliġibbli tal-persunal għandhom ikunu limitati għal salarji flimkien mal-ħlasijiet tas-sigurtà soċjali u spejjeż oħrajn inklużi fir-remunerazzjoni ta' persunal assenjat għall-azzjoni, li jirriżultaw mil-liġi nazzjonali jew mill-kuntratt tal-impjieg.
2. Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26, ir-remunerazzjoni addizzjonali għal persunal ta' parteċipanti li huma entitiajiet legali mingħajr skop ta' qligħ assenjat għall-azzjoni, inklużi pagamenti abbażi tal-kuntratti supplimentari irrispettivament min-natura tagħhom, tista' titqies ukoll bħala spejjeż diretti eliġibbli tal-persunal, sal-ammont imniżżel fil-paragrafu 3, jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:
(a) |
tkun parti mill-prattika abitwali ta' remunerazzjoni tal-parteċipant u titħallas b'mod konsistenti kull meta tkun meħtieġa l-istess tip ta' ħidma jew ta' kompetenza esperta; |
(b) |
il-kriterji użati biex jiġu kkalkolati l-pagamenti supplimentari huma oġġettivi u ta' applikazzjoni ġenerali mill-parteċipant, indipendentement mis-sors ta' finanzjament użat. |
3. Remunerazzjoni addizzjonali tista' tkun eliġibbli sa EUR 8 000 kull sena u għal kull persuna. Fir-rigward ta' persuna li ma taħdimx esklussivament għall-azzjoni, għandu japplika limitu għal kull siegħa. Il-limitu għal kull siegħa għandu jiġi kkalkolat billi EUR 8 000 jiġu diviżi bin-numru ta' sigħat produttivi annwali kkalkolat skont l-Artikolu 31.
Artikolu 28
Finanzjament tal-azzjoni
1. Il-finanzjament ta' azzjoni ma għandux jaqbeż it-total tal-spejjeż eliġibbli tneħħi l-irċevuti tal-azzjoni.
2. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala irċevuti tal-azzjoni:
(a) |
riżorsi magħmula disponibbli minn partijiet terzi lill-parteċipanti permezz ta’ trasferimenti finanzjarji jew kontributi in natura mingħajr ħlas, li l-valur tagħhom ikun ġie ddikjarat bħala spejjeż eliġibbli mill-parteċipant, dment li jkunu ġew ikkontribwiti mill-parti terza speċifikament biex jintużaw fl-azzjoni; |
(b) |
dħul iġġenerat mill-azzjoni, ħlief għal dħul iġġenerat mill-użu tar-riżultati tal-azzjoni; |
(c) |
dħul iġġenerat mill-bejgħ ta’ assi mixtrija taħt il-ftehim dwar l-għotja sal-valur tal-ispiża inizjalment indikata għall-azzjoni mill-parteċipant. |
3. Għandha tiġi applikata rata unika ta’ rimborż tal-ispejjeż eliġibbli għal kull azzjoni għall-attivitajiet kollha ffinanzjati taħtha. Ir-rata massima għanda tiġi ffissata fil-programm ta’ ħidma jew fil-pjan ta’ ħidma.
4. L-għotja ta' Orizzont 2020 tista' tilħaq massimu ta’ 100 % tat-total tal-ispejjeż eliġibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ kofinanzjament.
5. L-għotja ta' Orizzont 2020 għandha tkun limitata għal massimu ta’ 70 % tat-total tal-ispejjeż eliġibbli għall-:azzjonijiet ta' innovazzjoni u azzjonijiet kofinanzjati tal-programm.
B'deroga mill-paragrafu 3, l-għotja ta' Orizzont 2020 tista', għal azzjonijiet ta' innovazzjoni, tilħaq massimu ta' 100 % tal-ispejjeż eliġibbli totali għal entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ kofinanzjament.
6. Ir-rati ta’ rimborż determinati f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta’ azzjonijiet fejn il-finanzjament ikun iffissat b’rata fissa, fuq skala ta’ kostijiet unitarji jew bħala somma f’daqqa għall-azzjoni sħiħa jew għal parti minnha.
Artikolu 29
Spejjeż indiretti
1. Spejjeż indiretti eliġibbli għandhom jiġu determinati bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 25 % tat-total tal-ispejjeż diretti eliġibbli, eskluż spejjeż diretti eliġibbli għal subkuntrattar u l-ispejjeż ta' riżorsi magħmula disponibbli minn partijiet terzi li ma jintużawx fil-bini tal-benefiċjarju, kif ukoll appoġġ finanzjarju għal partijiet terzi.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, spejjeż indiretti jistgħu jiġu ddikjarati fil-forma ta’ somma f’daqqa jew spejjeż ta’ skala ta’ unità meta jiġu pprovduti fil-programm ta’ ħidma jew fil-pjan ta’ ħidma.
Artikolu 30
Evalwazzjoni tal-livelli ta' finanzjament
L-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020 għandha tinkludi evalwazzjoni tal-impatt tad-diversi elementi introdotti permezz tal-livelli ta' finanzjament il-ġodda stabbiliti fl-Artikoli 27, 28 u 30 ta' dan ir-Regolament, bil-għan li ssir evalwazzjoni jekk l-approċċ il-ġdid wassalx għal sitwazzjonijiet mhux mixtieqa li jaffetwaw b'mod negattiv l-attrattività ta' Orizzont 2020.
Artikolu 31
Sigħat produttivi annwali
1. Spejjeż eliġibbli tal-persunal għandhom ikopru biss is-sigħat li fil-fatt inħadmu mill-persuni li direttament qegħdin iwettqu xogħol taħt l-azzjoni. L-evidenza fir-rigward tas-sigħat attwali maħduma għandha tiġi pprovduta mill-parteċipant, normalment permezz ta’ sistema għar-reġistrazzjoni tal-ħin.
2. Għal persuni li jaħdmu esklussivament għall-azzjoni, ma hija meħtieġa l-ebda reġistrazzjoni tal-ħin. F’każijiet bħal dawn, il-parteċipant għandu jiffirma dikjarazzjoni li jikkonferma li l-persuna kkonċernata tkun ħadmet esklussivament għall-azzjoni.
3. Il-ftehim dwar l-għotja għandu jkun fih:
(a) |
ir-rekwiżiti minimi għas-sistema għar-reġistrazzjoni tal-ħin; |
(b) |
l-alternattiva tal-għażla bejn numru fiss ta' sigħat produttivi annwali u l-metodu għall-istabbiliment tan-numru ta' sigħat produttivi annwali li għandhom jintużaw għall-kalkolu tar-rati fis-siegħa tal-persunal, b'kont meħud tal-prattiċi abitwali taż-żamma tal-kontijiet tal-parteċipant. |
Artikolu 32
Sidien ta' SMEs u persuni fiżiċi mingħajr salarju
Is-sidien ta’ SMEs li ma jirċevux salarju, u persuni fiżiċi oħra li ma jirċevux salarju, jistgħu jiċċarġjaw spejjeż tal-persunal abbażi ta’ skala ta’ unità.
Artikolu 33
Spejjeż ta' unità
1. Skont l-Artikolu 124 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi metodi sabiex tiddetermina l-ispejjeż ta’ unità abbażi ta’:
(a) |
data statistika jew mezzi oġġettivi simili; |
(b) |
data storika verifikabbli tal-parteċipant. |
2. Spejjeż diretti eliġibbli tal-persunal jistgħu jiġu ffinanzjati abbażi ta’ spejjeż ta' unità stabbilita skont il-prattiċi abitwali taż-żamma tal-kontijiet tal-ispiża tal-parteċipant, sakemm dawn ikunu konformi mal-kriterji kumulattivi li ġejjin:
(a) |
jiġu kkalkolati abbażi tat-total tal-ispejjeż attwali tal-persunal irreġistrati fil-kontijiet ġenerali tal-parteċipant li jistgħu jiġu aġġustati mill-parteċipant abbażi tal-elementi ibbaġitjati jew stmati skont il-kondizzjonijiet definiti mill-Kummissjoni; |
(b) |
ikunu konformi mal-Artikolu 26 u 27; |
(c) |
jiżguraw konformità mar-rekwiżit ta’ mingħajr skop ta’ qligħ u l-evitar ta’ finanzjament doppju tal-ispejjeż; |
(d) |
jiġu kkalkolati b’konsiderazzjoni debita għall-Artikolu 31. |
Artikolu 34
Ċertifikat dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji
Iċ-ċertifikat dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għandu jkopri l-ammont totali tal-għotja mitluba minn parteċipant fil-forma ta' rimborż ta' spejjeż attwali u taħt il-forma ta' spejjeż ta' unità imsemmija fl-Artikolu 33(2), esklużi l-ammonti ddikjarati abbażi ta' somom f'daqqa, rati fissi u spejjeż ta' unità minbarra dawk determinati skont il-prattiċi abitwali taż-żamma tal-kontijiet tal-ispiża tal-parteċipanti. Iċ-ċertifikat għandu jiġi sottomess biss meta l-ammont ikun ugwali għal jew ikbar minn EUR 325 000 fil-mument tat-talba tal-pagament tal-bilanċ tal-għotja.
Artikolu 35
Ċertifikat dwar il-metodoloġija
1. Parteċipanti li jikkalkulaw u jiddikjaraw spejjeż diretti tal-persunal abbażi ta' spejjeż ta' unità skont l-Artikolu 33(2) jistgħu jissottomettu ċertifikat dwar il-metodoloġija lill-Kummissjoni. Dik il-metodoloġija għandha tkun konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33 (2) u tissodisfa r-rekwiżiti tal-ftehim dwar l-għotja.
2. Meta l-Kummissjoni taċċetta ċertifikat dwar il-metodoloġija, dan għandu jkun validu għall-azzjonijiet kollha ffinanzjati taħt ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u l-parteċipant għandu jikkalkula u jitlob spejjeż abbażi tiegħu. Ladarba l-Kummissjoni tkun aċċettat ċertifikat dwar il-metodoloġija, hi m'għandha tattribwixxi l-ebda żball sistemiku jew rikorrrenti lill-metodoloġija aċċettata.
Artikolu 36
Awdituri li jiċċertifikaw
1. Iċ-ċertifikati dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji u dwar il-metodoloġija msemmija fl-Artikoli 34 u 35 għandhom jiġu stabbiliti minn awditur indipendenti kwalifikat biex iwettaq verifiki statutorji ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) jew skont regolamenti nazzjonali simili jew minn uffiċjal pubbliku kompetenti u indipendenti li l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jkunu tawh il-kapaċità legali biex jivverifika l-parteċipant u li ma kienx involut fit-tħejjija tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji.
2. Fuq talba mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri jew l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), l-awditur li jwassal iċ-ċertifikat dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji u dwar il-metodoloġija għandu jagħti aċċess għad-dokumenti ta’ appoġġ u dokumentazzjoni tal-verifika li abbażi tagħhom kien inħareġ ċertifikat dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji jew dwar il-metodoloġija.
Artikolu 37
Finanzjament kumulattiv
Azzjoni li tkun ingħatat għotja mill-baġit tal-Unjoni tista' wkoll tagħti lok għall-għoti ta’ għotja abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013,sakemm l-għotjiet ma jkoprux l-istess elementi ta’ spejjeż.
Artikolu 38
Fond ta' Garanzija għall-Parteċipant
1. Fond ta’ garanzija għall-parteċipanti (il-"Fond") huwa b’dan stabbilit u għandu jkopri r-riskju assoċjat man-nuqqas ta’ rkupru ta’ somom dovuti lill-Unjoni taħt azzjonijiet iffinanzjati permezz ta’ għotjiet mill-Kummissjoni taħt id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE u mill-Kummissjoni jew minn korpi ta' finanzjament tal-Unjoni taħt l-“Orizzont 2020” skont ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-Fond għandu jissostitwixxi u jissuċċedi l-Fond ta’ Garanzija għall-Parteċipanti stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006.
2. Il-Fond għandu jiġi operat skont l-Artikolu 39. Kwalunkwe interess finanzjarju ġġenerat mill-Fond għandu jiżdied mal-Fond u għandu jservi esklussivament għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(3).
3. Meta l-interess huwa insuffiċjenti biex ikopri l-operazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 39(3), il-Fond ma għandux jintervjeni u l-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti tal-Unjoni għandu jirkupra direttament minn parteċipanti jew partijiet terzi kwalunkwe ammont dovut.
4. Il-Fond għandu jiġi kkunsidrat bħala garanzija suffiċjenti skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Ma jistgħu jiġu aċċettati l-ebda garanziji addizzjonali jew titoli ta’ sigurtà mill-parteċipanti jew imposti fuqhom ħlief fil-każ deskritt fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.
5. Il-parteċipanti f’azzjonijiet taħt Orizzont 2020 li r-riskju tagħhom ikun kopert mill-Fond għandhom jagħmlu kontribuzzjoni ta’ 5 % tal-finanzjament mill-Unjoni għall-azzjoni. Fit-tmiem tal-azzjoni l-ammont ikkontribwit lill-Fond għandu jingħata lura lill-parteċipanti, permezz tal-koordinatur.
6. Ir-rata tal-kontribuzzjoni tal-parteċipanti lill-Fond stipulata fil-paragrafu 5 tista' titnaqqas abbażi tal-valutazzjoni interim ta' Orizzont 2020.
Artikolu 39
Operazzjoni tal-Fond
1. Il-Fond għandu jiġi ġestit mill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni li taġixxi bħala aġent eżekuttiv għan-nom tal-parteċipanti, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-ftehim dwar l-għotja.
Il-Kummissjoni tista' tiġġestixxi l-Fond direttament jew tafda l-amministrazzjoni finanzjarja tal-Fond jew lill-Bank Ewropew tal-Investiment jew lil istituzzjoni finanzjarja adatta ("il-bank depożitarju"). Il-bank depożitarju għandu jamministra l-Fond skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni.
2. Il-kontribuzzjoni tal-parteċipanti għall-Fond tista' tiġi kkumpensata mill-pre-finanzjament inizjali u titħallas lill-Fond għan-nom tal-parteċipanti.
3. Fejn ikun hemm ammonti dovuti lill-Unjoni minn parteċipant, il-Kummissjoni tista', mingħajr preġudizzju għal penali li jistgħu jiġu imposti fuq il-parteċipant kontumaċi, tieħu xi waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
tittrasferixxi, jew tordna l-bank depożitarju biex jittrasferixxi, direttament l-ammont dovut mill-Fond lill-koordinatur tal-azzjoni. Dak it-trasferiment għandu jsir wara t-terminazzjoni jew it-neħħija mill-parteċipazzjoni tal-parteċipant kontumaċi jekk l-azzjoni tkun għadha għaddejja u jekk il-parteċipanti li jifdal jaqblu li jimplimentawha skont l-istess objettivi. Ammonti trasferiti mill-Fond għandhom jitqiesu bħala finanzjament mill-Unjoni; |
(b) |
tirkupra effettivament dak l-ammont mill-Fond. |
Il-Kummissjoni għandha toħroġ ordni ta’ rkupru kontra dak il-parteċipant jew parti terza għall-benefiċċju tal-Fond. Il-Kummissjoni tista' għal dak il-għan, tadotta deċiżjoni ta’ rkupru skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
4. L-ammonti rkuprati mill-Fond għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat lill-Fond fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Ladarba l-implimentazzjoni tal-għotjiet kollha li r-riskju tagħhom ikun kopert mill-Fond tkun kompluta, kwalunkwe somma li jkun għad fadal għandha tiġi rkuprata mill-Kummissjoni u mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni, soġġett għad-deċiżjonijiet tal-awtorità leġislattiva.
KAPITOLU III
Esperti
Artikolu 40
Ħatra ta’ esperti indipendenti
1. Il-Kummissjoni u, fejn adatt, korpi ta’ finanzjament jistgħu jaħtru esperti indipendenti biex jevalwaw proposti f'konformità mal-Artikolu 15 jew biex jagħtu pariri dwar jew jassistu:
(a) |
fl-evalwazzjoni tal-proposti; |
(b) |
fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet imwettqa skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 kif ukoll ta’ Programmi preċedenti ta’ Riċerka u/jew ta’ Innovazzjoni; |
(c) |
fl-implimentazzjoni tal-politika jew ta' programmi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni inkluż Orizzont 2020, kif ukoll l-ilħuq u l-funzjonament taż-Żona Ewropea tar-Riċerka; |
(d) |
fl-evalwazzjoni tal-Programmi ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni; |
(e) |
fid-disinn tal-politika ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni, inkluż it-tħejjija ta’ programmi futuri. |
2. L-esperti indipendenti għandhom jintgħażlu abbażi ta’ ħilithom, esperjenza u għarfien adatt biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom. F'każijiet fejn l-esperti indipendenti jkollhom jittrattaw informazzjoni klassifikata, għandha tkun meħtieġa approvazzjoni adatta ta’ sigurtà qabel il-ħatra.
L-esperti indipendenti għandhom jiġu identifikati u magħżula abbażi ta’ sejħiet għall-applikazzjoni minn individwi u sejħiet indirizzati lil organizzazzjonijiet rilevanti bħal aġenziji ta’ riċerka, istituzzjonijiet ta’ riċerka, universitajiet, organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew impriżi bil-għan li tiġi stabbilita bażi tad-data ta’ kandidati.
Il-Kummissjoni jew il-korp rilevanti ta’ finanzjament jistgħu, jekk jitqies adatt u f’każijiet debitament iġġustifikati, jagħżlu b'mod trasparenti kwalunkwe individwu espert bil-ħiliet adatti mhux inkluż fil-bażi tad-data.
Meta jaħtru esperti indipendenti, il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jippruvaw jiksbu kompożizzjoni bbilanċjata fi ħdan il-gruppi tal-esperti u l-bordijiet ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' diversi ħiliet, esperjenzi, għarfien, diversità ġeografika u ta' ġeneru, u b'kont meħud tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-azzjoni. Fejn adatt, għandu jinstab bilanċ bejn is-settur privat u dak pubbliku.
Il-Kummissjoni jew il-korp rilevanti ta’ finanzjament jistgħu jfittxu l-parir ta’ korpi konsultattivi għall-ħatra ta’ esperti indipendenti. Fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ riċerka fil-fruntieri tal-għarfien tal-ERC, il-Kummissjoni għandha taħtar esperti abbażi ta’ proposta mill-Kunsill Xjentifiku tal-ERC.
3. Il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti għandu jiżgura li espert li jkollu konflitt ta' interess fir-rigward ta' materja li fuqha l-espert huwa meħtieġ jipprovdi opinjoni ma jevalwax, ma jagħtix parir jew ma jassistix dwar il-materja speċifika fil-kwistjoni.
4. Kull skambju ma' esperti indipendenti, inkluż il-konklużjoni ta' kuntratti għall-ħatra tagħhom u kwalunkwe emenda tiegħu, jistgħu jsiru permezz ta' sistema ta' skambju elettroniku stabbilita mill-Kummissjoni jew mill-korp ta' finanzjament rilevanti, kif stipulat fl-Artikolu 287(4) tar-Regolament (UE) Nru 1268/2012.
5. L-ismijiet ta’ esperti maħtura f’kapaċità personali, li jkunu għenu lill-Kummissjoni jew lill-korpi ta’ finanzjament fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u d-Deċiżjoni 2013/743/UE, flimkien mal-qasam ta' kompetenza esperta tagħhom, għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas darba fis-sena fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni jew tal-korp ta’ finanzjament rilevanti. Tali informazzjoni għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
TITOLUIII
REGOLI LI JIRREGOLAW L-UŻU U D-DISSEMINAZZJONI TAR-RIŻULTATI
KAPITOLU I
Għotjiet
Artikolu 41
Sjieda tar-riżultati
1. Ir-riżultati għandhom ikunu l-proprjetà tal-parteċipant li jiġġenerawhom.
2. Meta parteċipanti f’azzjoni jkunu ġġeneraw riżultati b’mod konġunt, u meta l-kontribut rispettiv tagħhom għar-riżultati konġunti ma jistax jiġi aċċertat, jew meta mhuwiex possibbli li dawn ir-riżultati konġunti jiġu sseparati sabiex issir applikazzjoni għal, tinkiseb jew tinżamm il-protezzjoni tad-drittijiet rilevanti relatati mal-proprjetà intellettwali, huma għandhom ikollhom sjieda konġunta ta’ dawk ir-riżultati. Is-sidien konġunti għandhom jistabbilixxu ftehim dwar l-allokazzjoni u t-termini tal-eżerċizzju ta' dik is-sjieda konġunta, f'konformità mal-obbligi tagħhom taħt il-ftehim dwar l-għotja. Is-sidien konġunti jistgħu jaqblu li ma jkomplux bis-sjieda konġunta iżda jiddeċiedu dwar sistema alternattiva, fost l-oħrajn permezz tat-trasferiment tal-ishma ta' sjieda tagħhom lil sid uniku bi drittijiet ta' aċċess għall-parteċipanti l-oħrajn, ladarba jkunu ġew iġġenerati r-riżultati.
Sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor fil-ftehim ta’ sjieda konġunta, kull sid konġunt għandu jkun intitolat li jagħti liċenzji mhux esklussivi lil partijiet terzi sabiex jużaw ir-riżultati ipposseduti b’mod konġunt, mingħajr ebda dritt ta’ sub-liċenzjar, soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
għandha tingħata notifika minn qabel lis-sidien konġunti l-oħra; |
(b) |
għandu jingħata kumpens ġust u raġonevoli lis-sidien konġunti l-oħra. |
3. Jekk l-impjegati jew xi parti li tkun qiegħda taħdem għal parteċipant ikunu intitolati għal drittjiet fuq ir-riżultati ġġenerati, il-parteċipant ikkonċernat għandu jiżgura li jkun possibbli li dawk id-drittijiet jiġu eżerċitati f’mod kompatibbli mal-obbligi tiegħu skont il-ftehim dwar l-għotja.
Artikolu 42
Protezzjoni tar-riżultati
1. Fejn ir-riżultati jistgħu jew huwa raġonevolement mistenni li jistgħu jkollhom użu kummerċjali jew industrijali, il-parteċipant li jippossjedi dawk ir-riżultati għandu jeżamina l-possibbiltà li dawn jiġu protetti. Il-parteċipant għandu, jekk possibbli, raġonevoli u ġustifikat fiċ-ċirkostanzi, jipproteġihom adegwatament għal perijodu adatt ta’ żmien u b’kopertura territorjali adatta, bil-konsiderazzjoni dovuta għall-interessi leġittimi tiegħu, u l-interessi leġittimi, b’mod partikolari l-interessi kummerċjali tal-parteċipanti l-oħra fl-azzjoni.
2. Fejn parteċipant li jkun irċieva finanzjament mill-Unjoni ma għandux l-intenzjoni li jipproteġi r-riżultati ġġenerati minnu għal raġunijiet oħra minbarra l-impossibbiltà taħt il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali jew in-nuqqas ta’ potenzjal għal użu kummerċjali jew industrijali, u sakemm il-parteċipant ma għandux l-intenzjoni li jittrasferihom lil entità legali oħra stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat fid-dawl tal-protezzjoni tagħhom, għandu jinforma lill-Kummissjoni jew lill-korp ta’ finanzjament rilevanti qabel ma sseħħ xi disseminazzjoni relatata ma’ dawk ir-riżultati. Il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti tista', bil-kunsens tal-parteċipant ikkonċernat, tassumi s-sjieda ta’ dawk ir-riżultati u tieħu l-passi meħtieġa għall-protezzjoni adegwata tagħhom.
Il-parteċipant jista' jirrifjuta l-kunsens biss jekk juri li l-interessi leġittimi tiegħu sejrin isofru dannu sinifikanti. Ma tista' sseħħ l-ebda disseminazzjoni relatata ma’ dawk ir-riżultati sakemm il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti ma jkunux ħadu deċiżjoni li ma jassumux il-pussess tar-riżultati jew ikunu ddeċidew li sejrin jassumu pussess u jkunu ħadu l-passi neċessarji biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament rilevanti għandhom jieħdu din id-deċiżjoni mingħajr dewmien mhux dovut. Il-ftehim dwar l-għotja għandu jistabbilixxi l-iskadenzi f’dan ir-rigward.
3. Meta parteċipant li jkun irċieva finanzjament mill-Unjoni jkollu l-intenzjoni li jabbanduna l-protezzjoni tar-riżultati jew ikollu l-intenzjoni li ma jfittixx l-estensjoni ta’ tali protezzjoni għal raġunijiet li mhumiex in-nuqqas ta’ potenzjal għal użu kummerċjali jew industrijali tul perijodu li ma għandux jaqbeż ħames snin wara l-pagament tal-bilanċ, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni jew lill-korp ta’ finanzjament rilevanti li jistgħu jkomplu jew jestendu l-protezzjoni billi jassumu s-sjieda tagħhom. Il-parteċipant jista' jirrifjuta l-kunsens biss jekk juri li l-interessi leġittimi tiegħu sejrin isofru dannu sinifikanti. Il-ftehim dwar l-għotja għandu jistabbilixxi l-iskadenzi f’dan ir-rigward.
Artikolu 43
Użu u disseminazzjoni tar-riżultati
1. Kull parteċipant li jkun irċieva finanzjament mill-Unjoni għandu juża l-aqwa sforzi tiegħu biex juża r-riżultati li jippossjedi, jew li jara li jiġu użati minn entità legali oħra, b’mod partikolari permezz tat-trasferiment u l-liċenzjar ta’ riżultati skont l-Artikolu 44.
Kwalunkwe obbligu addizzjonali ta’ użu għandu jiġi stabbilit fil-ftehim dwar l-għotja. Fil-każ ta' riċerka b'potenzjal li jiġu indirizzati sfidi tas-soċjetà kbar, obbligi addizzjonali tal-użu jistgħu jinkludu l-liċenzjar b'termini mhux esklussivi. Kwalunkwe obbligu addizzjonali bħal dan għandu jiġi indikat fil-programm ta’ ħidma jew fil-pjan ta’ ħidma.
2. Soġġett għal xi restrizzjoni minħabba l-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, regoli dwar sigurtà jew interessi leġittimi, kull parteċipant għandu permezz ta’ mezzi adatti jiddissemina r-riżultati fil-pussess tiegħu malajr kemm jista' jkun. Il-ftehim dwar l-għotja jista' jistabbilixxi l-iskadenzi f’dan ir-rigward.
Kwalunkwe obbligu addizzjonali ta’ użu għandu jiġi stabbilit fil-ftehim dwar l-għotja u indikat fil-programm ta’ ħidma jew fil-pjan ta’ ħidma.
Fir-rigward tad-disseminazzjoni tar-riżultati permezz ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi, l-aċċess miftuħ għandu japplika taħt it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim dwar l-għotja. L-ispejjeż relatati ma' aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi li jirriżultaw minn riċerka ffinanzjata taħt Orizzont 2020, li jkunu sara matul id-durata ta' azzjoni, għandhom ikunu eliġġibbli għal rimborż skont il-kondizzjonijiet tal-ftehim dwar l-għotja. Bil-konsiderazzjoni dovuta għall-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, il-ftehim dwar l-għotja ma għandux jistipula kondizzjonijiet fir-rigward tal-aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet li jirriżulta fi spejjeż addizzjonali ta' pubblikazzjoni wara li azzjoni tkun tlesiet.
Fir-rigward tad-disseminazzjoni ta’ data dwar riċerka, il-ftehim dwar l-għotja jista', fil-kuntest tal-aċċess miftuħ għad-data dwar riċerka u l-preservazzjoni tagħha, jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet skont liema għandu jiġi pprovdut l-aċċess miftuħ għal tali riżultati, b’mod partikolari f'riċerka fil-fruntieri tal-għarfien tal-ERC u f'riċerka tal-FET (Teknoloġiji Futuri u Emerġenti) jew f’oqsma adatti oħra, u b'kont meħud tal-interessi leġittimi tal-parteċipanti u kwalunkwe restrizzjoni minħabba regoli tal-protezzjoni, regoli tas-sigurtà jew regoli tal-proprjetà intellettwali. F'każijiet bħal dawn, il-programm ta' ħidma jew il-pjan ta' ħidma għandu jindika jekk hijiex meħtieġa d-disseminazzjoni ta' data dwar riċerka permezz ta' aċċess miftuħ.
Għandha tingħata notifika bil-quddiem ta’ kull attività ta’ disseminazzjoni lill-parteċipanti l-oħra. Wara n-notifika, parteċipant jista' joġġezzjona jekk juri li l-interessi leġittimi tiegħu fir-rigward tar-riżultati jew tat-tagħrif eżistenti tiegħu sejrin isofru dannu sinifikanti bid-disseminazzjoni maħsuba. F’każijiet bħal dawn, id-disseminazzjoni ma tistax isseħħ sakemm ma jittieħdux passi adatti għas-salvagwardja ta’ dawk l-interessi leġittimi. Il-ftehim dwar l-għotja għandu jistabbilixxi l-iskadenzi f’dan ir-rigward.
3. Għall-finijiet tal-monitoraġġ u tad-disseminazzjoni mill-Kummissjoni jew mill-korp ta’ finanzjament rilevanti, il-parteċipanti għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mal-użu u mad-disseminazzjoni, u jipprovdu kwalunkwe dokument meħtieġ f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim dwar l-għotja. Soġġett għall-interessi leġittimi tal-parteċipanti li pprovdew l-informazzjoni, tali informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. Il-ftehim dwar l-għotja għandu, fost l-oħrajn, jistabbilixxi l-iskadenzi fir-rigward ta' tali obbligi ta' rappurtar.
4. Kull applikazzjoni għal privattiva, standards, pubblikazzjonijiet jew kwalunkwe disseminazzjoni oħra, inklużi dawk f’forma elettronika, relatata mar-riżultati għandha, jekk ikun possibbli, tinkludi dikjarazzjoni, li tista' tinkludi mezzi viżivi, li l-azzjoni tkun irċeviet appoġġ finanzjarju mill-Unjoni. It-termini ta’ dik id-dikjarazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim dwar l-għotja.
Artikolu 44
Trasferiment u liċenzjar tar-riżultati
1. Fejn parteċipant jittrasferixxi l-pussess ta’ riżultati, għandu jgħaddi l-obbligi tiegħu taħt il-ftehim dwar l-għotja fir-rigward ta’ dawk ir-riżultati liċ-ċessjonarju, inkluż l-obbligu li jgħaddihom fi kwalunkwe trasferiment sussegwenti.
Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ kunfidenzjalità li joħorġu minn liġijiet jew regolamenti fil-każ ta’ fużjonijiet u akkwisti, fejn parteċipanti oħrajn ikunu għadhom igawdu drittijiet ta’ aċċess jew għadhom jistgħu jitolbu l-għoti ta' drittijiet ta' aċċess għar-riżultati li sejrin jiġu trasferiti, parteċipant li għandu l-intenzjoni li jittrasferixxi r-riżultati għandu jinnotifika minn qabel lill-parteċipanti l-oħra, flimkien ma’ biżżejjed informazzjoni dwar is-sid il-ġdid tar-riżultati maħsub sabiex jippermetti lill-parteċipanti l-oħra li janalizzaw l-effett tat-trasferiment maħsub fuq il-possibbiltà tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom.
Wara n-notifika, parteċipant jista' joġġezzjona għat-trasferiment tal-pussess jekk juri li t-trasferiment maħsub sejjer jaffettwa b’mod negattiv l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ aċċess tiegħu. F’każ bħal dan, it-trasferiment ma jistax iseħħ sakemm ma jkunx intlaħaq ftehim bejn il-parteċipanti kkonċernati. Il-ftehim dwar l-għotja għandu jistabbilixxi skadenzi f'dan ir-rigward.
Il-parteċipanti l-oħra jistgħu permezz ta’ ftehim bil-miktub minn qabel, jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom għal notifika minn qabel u li joġġezzjonaw għal trasferimenti ta’ pussess minn parteċipant wieħed għal parti terza identifikata speċifikament.
2. Dment li jistgħu jiġu eżerċitati drittijiet ta' aċċess għar-riżultati, u li kull obbligu addizzjonali ta’ użu jiġi mħares mill-parteċipant li jippossjedi r-riżultati, dan tal-aħħar jista' jagħti liċenzji jew inkella jagħti d-dritt lil xi entità legali li tużahom, inkluż fuq bażi esklussiva. Liċenzji esklussivi għal riżultati jistgħu jingħataw, soġġetti għall-kunsens mill-parteċipanti l-oħra kollha kkonċernati li huma se jirrinunzjaw għad-drittijiet ta' aċċess tagħhom għalihom.
3. Fir-rigward ta’ riżultati ġġenerati minn parteċipanti li jkunu rċevew finanzjament mill-Unjoni, il-ftehim dwar l-għotja jista' jipprevedi li l-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti jistgħu joġġezzjonaw għal trasferimenti ta’ pussess jew għal għotjiet ta’ liċenzja esklussiva, lil partijiet terzi stabbiliti f’pajjiż terz li mhumiex assoċjati ma' Orizzont 2020, jekk iqisu li l-għotja jew it-trasferiment mhumiex skont l-interessi tal-iżvilupp tal-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni jew mhumiex konsistenti ma' prinċipji etiċi jew ma’ konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà.
F’każijiet bħal dawn, it-trasferiment ta’ pussess jew l-għoti ta’ liċenzja esklussiva ma jistgħux iseħħu sakemm il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti ma jkunux sodisfatti li sejrin jiġu stabbiliti salvagwardji adatti.
Fejn adatt, il-ftehim dwar l-għotja għandu jipprevedi li l-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament rilevanti għandhom jiġu nnotifikati minn qabel b’kull trasferiment ta’ pussess jew ta’ għoti ta’ liċenzja esklussiva bħal dan. Il-ftehim dwar l-għotja għandu jistabbilixxi skadenzi f'dan ir-rigward.
Artikolu 45
Tagħrif eżistenti
Il-parteċipanti għandhom jidentifikaw l-isfond għall-azzjoni tagħhom bi kwalunkwe mod fi ftehim bil-miktub.
Artikolu 46
Prinċipji tad-drittijiet ta' aċċess
1. Kull talba biex jiġu eżerċitati drittijiet ta’ aċċess jew kull rinunzja ta’ drittijiet ta’ aċċess għandhom isiru bil-miktub.
2. Sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mis-sid tar-riżultati jew tat-tagħrif eżistenti li għalihom intalab l-aċċess, id-drittijiet ta’ aċċess ma għandhomx jinkludu d-dritt għal sub-liċenzjar.
3. Parteċipanti fl-istess azzjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin qabel l-adeżjoni tagħhom għall-ftehim dwar l-għotja b’xi restrizzjoni legali jew limitu għall-għoti tal-aċċess għat-tagħrif eżistenti tagħhom. Kull ftehim konkluż wara dan, minn parteċipant dwar tagħrif eżistenti għandu jiżgura li jista' jiġi eżerċitat kull dritt ta’ aċċess.
4. It-terminazzjoni tal-parteċipazzjoni f’azzjoni ma għandhiex taffettwa l-obbligu ta’ parteċipant bħal dan li jagħti aċċess skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim dwar l-għotja.
5. Il-ftehim tal-konsorzju jista' jistipula li fejn parteċipant jonqos mill-obbligi tiegħu u tali inadempjenza ma tiġix rimedjata, tali parteċipant inadempjenti ma jistax ikompli jgawdi minn drittijiet ta’ aċċess.
Artikolu 47
Implimentazzjoni tad-drittijiet ta' aċċess
1. Parteċipant għandu jgawdi drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati ta’ parteċipant ieħor fl-istess azzjoni, jekk dawk ir-riżultati jkunu meħtieġa minn tal-ewwel biex iwettaq il-ħidma tiegħu taħt l-azzjoni.
Tali aċċess għandu jingħata ħieles mir-royalties.
2. Parteċipant għandu jgawdi drittijiet ta’ aċċess għat-tagħrif eżistenti ta’ parteċipant ieħor fl-istess azzjoni jekk dan it-tagħrif eżistenti jkun meħtieġ minn tal-ewwel biex iwettaq il-ħidma tiegħu taħt l-azzjoni, u soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni jew limitu skont l-Artikolu 43(3).
Tali aċċess għandu jingħata ħieles mir-royalties, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-parteċipanti qabel l-adeżjoni tagħhom għall-ftehim dwar l-għotja.
Artikolu 48
Drittijiet ta' aċċess għall-użu
1. Parteċipant għandu jgawdi drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati ta’ parteċipant ieħor fl-istess azzjoni, jekk dawk ir-riżultati jkunu meħtieġa minn tal-ewwel biex juża r-riżultati tiegħu stess.
Soġġett għal ftehim, dan l-aċċess għandu jingħata taħt kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli.
2. Parteċipant għandu jgawdi drittijiet ta’ aċċess għal tagħrif eżistenti ta’ parteċipant ieħor fl-istess azzjoni, jekk dan it-tagħrif eżistenti jkun meħtieġ minn tal-ewwel biex juża r-riżultati tiegħu stess u soġġett għal xi restrizzjonijiet jew limiti skont l-Artikolu 46(3).
Soġġett għal ftehim, dan l-aċċess għandu jingħata taħt kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli.
3. Entità affiljata stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat għandu, sakemm ma jiġix previst mod ieħor fil-ftehim tal-konsorzju, ikollha wkoll drittijiet ta’ aċċess għal riżultati u, soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni jew limitu skont l-Artikolu 46(3), għal tagħrif eżistenti b'kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli jekk dawk ir-riżultati u t-tagħrif eżistenti jkunu meħtieġa biex jintużaw ir-riżultati ġġenerati mill-parteċipant li miegħu hija affiljata. Drittijiet ta' aċċess bħal dawn għandhom jiġu mitluba u miksuba direttament mill-parteċipant li jippossjedi r-riżultati jew it-tagħrif eżisteni sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor f'konformità mal-Artikolu 46(2).
4. Talba għal aċċess skont il-paragrafi 1, 2 jew 3 tista' ssir sa sena wara t-tmiem tal-azzjoni, sakemm il-parteċipanti ma jaqblux dwar limitu ta’ żmien differenti.
Artikolu 49
Drittijiet ta’ aċċess għall-Unjoni u l-Istati Membri
1. L-istituzzjonijiet,il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni għandhom, bil-fini debitament iġġustifikat li jiżviluppaw, jimplimentaw u jissorveljaw il-politiki jew il-programmi tal-Unjoni, igawdu drittijiet ta’ aċċess unikament għar-riżultati ta’ parteċipant li jkun irċieva finanzjament mill-Unjoni. Dawn id-drittijiet ta’ aċċess huma limitati għal użu mhux kummerċajli u mhux kompetittiv.
Tali aċċess għandu jingħata ħieles mir-royalties.
2. Fir-rigward ta' azzjonijiet taħt l-objettiv speċifiku 'Soċjetajiet sikuri - Protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha stipulati fil-Parti III tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, l-istituzzjonijiet,il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri għandhom, bil-għan li jiżviluppaw, jimplimentaw u jissorveljaw il-politiki jew il-programmi tagħhom f’dan il-qasam, igawdu d-drittijiet ta’ aċċess meħtieġa għar-riżultati ta’ parteċipant li jkun irċieva finanzjament mill-Unjoni. Drittijiet ta’ aċċess bħal dawn għandhom ikunu limitati għal użu mhux kummerċajli u mhux kompetittiv. Tali drittijiet ta' aċċess għandhom jingħataw ħielsa minn royalties u fuq ftehim bilaterali li jiddefinixxi l-kondizzjonijiet speċifiċi bil-għan li jiġi żgurat li dawk id-drittijiet jintużaw biss għall-fini intenzjonat u li obbligi ta' kunfidenzjalità adatti jkunu fis-seħħ. Drittijiet ta' aċċess bħal dawn m'għandhomx jestendu għal tagħrif eżistenti tal-parteċipant. L-Istat Membru, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni li tagħmel it-talba għandha tinnotifika lill-Istati Membri kollha dwar talbiet bħal dawn. Ir-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà għandhom japplikaw fir-rigward ta’ informazzjoni klassifikata.
TITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI
Artikolu 50
Premji
1. Finanzjament mill-Unjoni jista' jieħu l-forma ta’ premji kif definit fit-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament (UE) Nru 1268/2012.
2. Kull premju mogħti għandu jkun kondizzjonali fuq l-aċċettazzjoni tal-obbligi adegwati ta’ reklamar. Fir-rigward tad-disseminazzjoni tar-riżultati, għandu japplika t-Titolu III ta' dan ir-Regolament. Il-programm ta’ ħidma jew il-pjan ta’ ħidma jista' jkun fih obbligi speċifiċi dwar l-użu u d-disseminazzjoni.
Artikolu 51
Akkwist, akkwist prekummerċjali u akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi
1. Kull akkwist magħmul mill-Kummissjoni għan-nom tagħha stess jew flimkien ma’ Stati Membri għandu jkun soġġett għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku kif stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament (UE) Nru 1268/2012.
2. Finanzjament mill-Unjoni jista' jieħu l-forma ta’ akkwist pre-kummerċjali jew tal-akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi mwettqa mill-Kummissjoni jew mill-korp ta’ finanzjament rilevanti għan-nom tagħhom stess jew flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti mill-Istati Membri u pajjiżi assoċjati.
Il-proċeduri tal-akkwist:
(a) |
għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta’ trasparenza, non-diskriminazzjoni, trattament ugwali, ġestjoni finanzjarja soda, proporzjonalità, mar-regoli ta’ kompetizzjoni, u fejn applikabbli, mad-Direttivi 2004/17/KE, 2004/18/KE u 2009/81/KE, jew, meta l-Kummissjoni taġixxi għan-nom tagħha stess, mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012; |
(b) |
jistgħu jipprevedu kondizzjonijiet speċifiċi bħall-post tal-prestazzjoni tal-attivitajiet akkwistati li huma limitati għal akkwist prekummerċjali għat-territorju tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati ma' Orizzont 2020 fejn debitament ġustifikat mill-objettivi tal-azzjonijiet; |
(c) |
jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta’ kuntratti multipli fi ħdan l-istess proċedura (akkwisti multipli); |
(d) |
għandhom jipprevedu l-għoti tal-kuntratti lill-offerta(i) li toffri/joffru l-aqwa valur għall-flus. |
3. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor fis-sejħa għall-offerti, ir-riżultati ġġenerati mill-akkwist imwettaq mill-Kummissjoni għandhom ikunu l-proprjetà tal-Unjoni.
4. Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-pussess, id-drittijiet ta’ aċċess u l-liċenzjar fil-kuntratti fir-rigward ta’ akkwist pre-kummerċjali biex jiġi żgurat l-użu massimu tar-riżultati u biex jiġi evitat kull żvantaġġ inġust. Il-kuntrattur li jiġġenera r-riżultati f’akkwist pre-kummerċjali għandu tal-inqas ikollu l-pussess tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mehmuża. L-awtoritajiet kontraenti għandhom igawdu mill-inqas id-drittijiet ta’ aċċess mingħajr pagament ta’ royalties għar-riżultati għall-użu tagħhom stess u d-dritt li jagħtu, jew jirrikjedu lill-kuntratturi parteċipanti li jagħtu, liċenzji mhux esklussivi lil partijiet terzi biex jużaw ir-riżultati taħt kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli mingħajr id-dritt ta’ subliċenzja. Jekk kuntrattur jonqos milli juża kummerjalment ir-riżultati matul perjodu speċifiku wara l-akkwist prekummerċjali kif identifikat fil-kuntratt, dan għandu jittrasferixxi kwalunkwe sjieda tar-riżultati lill-awtoritajiet kontraenti.
5. Dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ pussess, drittijiet ta’ aċċess u liċenzjar jistgħu jiġu stabbiliti fil-kuntratti fir-rigward ta’ akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi biex jiġi żgurat l-użu massimu tar-riżultati u biex jiġi evitat xi vantaġġ inġust.
Artikolu 52
Strumenti Finanzjarji
1. Strumenti finanzjarji jistgħu jieħdu kwalunkwe waħda mill-forom imsemmija u għandhom ikunu implimentati skont it-Titolu VIII tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u jistgħu jiġu kkombinati flimkien u ma' għotjiet oħra ffinanzjati taħt il-baġit tal-Unjoni, inkluż taħt ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013.
2. Permezz ta' deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 140(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, kemm id-dħul kif ukoll il-ħlasijiet lura ġġenerati minn strument finanzjarju stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 għandhom jiġu assenjati, f'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 966/2012, lil dak l-istrument finanzjarju.
3. B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 140(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, kemm id-dħul kif ukoll il-ħlasijiet lura annwali ġġenerati mill-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji stabbilita skont id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE u l-parti tal-istadju bikri tal-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b'Rata Għolja ta' Tkabbir (GIF1) stabbilita skont id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE, għandhom jiġu assenjati, f'konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, lill-istrumenti finanzjarji suċċessuri skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013.
Artikolu 53
Strument għall-SMEs
1. L-SMEs biss jistgħu japplikaw għal sejħiet għal proposti maħruġa taħt l-istrument iddedikat għall-SMEs imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013. Huma jistgħu jikkooperaw ma' kumpanniji oħra, u ma' universitajiet jew organizzazzjonijiet ta' riċerka.
2. Ladarba kumpannija tkun ivvalidata bħala SME, dak l-istatus legali għandu jitqies li se jibqa' jgħodd sakemm idum għaddej il-proġett, anke f'każijiet fejn il-kumpannija, minħabba t-tkabbir tagħha, aktar tard teċċedi l-limiti massimi tad-definizzjoni ta' SME.
3. Fil-każ tal-istrument għall-SMEs jew l-għotjiet minn korpi ta’ finanzjament jew mill-Kummissjoni mmirati lejn l-SMEs, il-ftehim dwar l-għotja jista’ jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari dwar pussess, drittijiet ta’ aċċess, użu u disseminazzjoni.
Artikolu 54
Rotta Rapida għall-Innovazzjoni
1. F'konformità mal-Artikolu 7, kwalunkwe entità legali tista' tipparteċipa f'azzjoni ta' Rotta Rapida għall-Innovazzjoni ("FTI"). L-azzjonijiet iffinanzjati taħt l-FTI għandhom ikunu azzjonijiet ta' innovazzjoni. Is-sejħa għall-FTI għandha tkun miftuħa għal proposti relatati ma' kwalunkwe qasam taħt l-objettiv speċifiku “Tmexxija fit-Teknoloġiji Abilitanti u Industrijali” kif stabbilit fil-punt 1 tal-Parti II tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 jew għal kwalunkwe wieħed mill-objettivi speċifiċi taħt il-prijorità "Sfidi tas-soċjetà" stipulati fil-punti 1 sa 7 tal-Parti III tal-Anness I ta' dak ir-Regolament.
2. Il-proposti jistgħu jitressqu fi kwalunkwe żmien. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi tliet dati ta' skadenza fis-sena biex tevalwa l-proposti. Il-perijodu bejn data ta' skadenza u l-iffirmar tal-ftehim dwar l-għotja jew in-notifika ta' deċiżjoni dwar l-għotja ma għandux ikun aktar minn sitt xhur. Il-proposti għandhom jiġu kklassifikati skont l-impatt, il-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni u l-eċċellenza, bil-kriterju ta' impatt jingħata l-aktar importanza. Għandhom jipparteċipaw f’azzjoni waħda partikolari mhux aktar minn ħames entitajiet legali. L-ammont tal-għotja ma għandux jaqbeż EUR 3 miljun.
Artikolu 55
Dispożizzjonijiet speċifiċi oħra
1. Fil-każ ta’ azzjonijiet li jinvolvu attivitajiet relatati mas-sigurtà, il-ftehim dwar l-għotja jista' jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari dwar akkwist pubbliku prekummerċjali, akkwist ta' soluzzjonijiet innovattivi, tibdil fil-kompożizzjoni tal-konsorzju, informazzjoni kklassifikata, użu, disseminazzjoni, aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet ta' riċerka, trasferimenti u liċenzji ta’ riżultati.
2. Fil-każ ta’ azzjonijiet biex isostnu infrastrutturi eżistenti jew ġodda ta’ riċerka, il-ftehim dwar l-għotja jista’ jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-utenti tal-infrastruttura u l-aċċess tal-utenti għalihom.
3. Fil-każ ta’ azzjonijiet tal-ERC għal riċerka fil-fruntieri tal-għarfien, il-ftehim dwar l-għotja jista' jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari dwar drittijiet ta’ aċċess, portabilità u disseminazzjoni, jew fir-rigward ta’ parteċipanti, riċerkaturi u kwalunkwe parti kkonċernata mill-azzjoni.
4. Fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ mobilità, il-ftehim dwar l-għotja jista' jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar impenji relatati mar-riċerkaturi li jibbenefikaw mill-azzjoni, pussess, drittjiet ta’ aċċess u portabilità.
5. Fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ, il-ftehim dwar l-għotja jista’ jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari dwar pussess, drittijiet ta’ aċċess, użu u disseminazzjoni tar-riżultati.
6. Fil-każ tal-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni tal-EIT, il-ftehim dwar l-għotja jista’ jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari dwar sjieda, drittijiet ta’ aċċess, użu u disseminazzjoni.
TITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 56
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa li jiġu adottati atti ddelegati hija kkonferita fuq il-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa li jiġu adottati atti ddelegati hija kkonferita fuq il-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(3) għat-tul ta' żmien ta' Orizzont 2020.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 1(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 1(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 57
Revoka u dispożizzjonijiet transizzjonali
1. Ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 qed jiġi mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.
2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika, inkluż it-terminazzjoni totali jew parzjali tal-azzjonijiet ikkonċernati, sal-għeluq tagħhom, jew sal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja mill-Kummissjoni jew mill-korpi ta’ finanzjament skont id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE jew kwalunkwe leġislazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 2013, li għandhom ikomplu japplikaw għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.
3. Kwalunkwe somma mill-Fond ta’ Garanzija għall-parteċipanti stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1906/2006 kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu għandhom jiġu ttrasferiti għall-Fond sa mill-31 ta' Diċembru 2013. Il-parteċipanti f’azzjonijiet taħt id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE li jiffirmaw ftehimiet dwar l-għotja wara l-31 ta’ Diċembru 2013 għandhom jagħmlu l-kontribuzzjoni tagħhom lill-Fond.
Artikolu 58
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
V. LEŠKEVIČIUS
(1) ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111.
(2) ĠU C 318, 20.10.2012, p. 1.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Novembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)
(4) Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 11 ta' Novembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014 sal-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni 1982/2006/KE (Ara paġna 104 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(5) ĠU C 74E, 13.3.2012, p. 34.
(6) Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).
(7) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(8) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).
(9) Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15).
(10) Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1).
(11) ĠU C 205, 19.7.2013, p. 9.
(12) 2001/844/KE, KEFA. Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001)
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar) (ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1).
(14) 2000/633/KE, KEFA, Euratom: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2000 li temenda r-Regoli ta' Proċedura tagħha (ĠU L 267, 20.10.2000, p. 63).
(15) Regolament Nru 1906/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f'azzjonijiet taħt is-Seba' Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1).
(16) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/970/Euratom tat-18 ta’ Diċembru 2006 rigward is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta' taħriġ (2007 sa 2011) (ĠU L 400, 30.12.2006, p. 60).
(17) 2012/93/Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2011 dwar il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013) (ĠU L 47, 18.2.2012, p. 25).
(18) Regolament (Euratom) Nru 1314/2013 tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Ara paġna 948 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(19) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(20) Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta'11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-kompetittività tal-Intrapriżi u n-Negozji żgħar u ta' daqs medju (COSME), (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE (Ara paġna 33 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)
(21) Deċiżijoni Nru 743/2008/KE tad-9 ta' Lulju 2008 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programm ta' riċerka u żvilupp mibdi minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jappoġġja lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju li jwettqu attivitajiet ta' riċerka u żvilupp (ĠU L 201, 30.7.2008, p. 58).
(22) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(23) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE ta' 11 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innoazzjoni (2014 - 2020) (Ara paġna 965 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(24) Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1).
(25) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114).
(26) Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà u li temenda d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE(ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).
(27) Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33).
(28) Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).