Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0897

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 897/2013 tat- 22 ta' Lulju 2013 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Gaboniża

ĠU L 250, 20.9.2013, pp. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/897/oj

20.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/24


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 897/2013

tat-22 ta' Lulju 2013

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Gaboniża

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3)

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' April 2007, ill-Kunsill approva l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn ir-Repubblika Gaboniża u l-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-"Ftehim ta' Sħubija"), bl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2007 (1).

(2)

L-Unjoni nnegozjat Protokoll ġdid għall-Ftehim ta' Sħubija mar-Repubblika Gaboniża li jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet li fihom ir-Repubblika Gaboniża teżerċita s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tas-sajd. Wara dawn in-negozjati, fl-24 ta’ April 2013, ġie inizjalat abbozz ta' Protokoll ġdid.

(3)

Fit-22 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/462/UE (2) dwar l-iffirmar tal-Protokoll ġdid u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

(4)

Għandu jiġi ddefinit il-mod li bih jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll ġdid.

(5)

Konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (3), f’każ li jidher li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jew l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni skont il-Protokoll ġdid ma jkunux qed jintużaw għal kollox, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan. F’każ li ma tintbagħatx risposta, fi żmien li għandu jiġi ffissat mill-Kunsill, dan għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tagħhom tas-sajd matul il-perjodu kkunsidrat. Dik l-iskadenza għandha tiġi stabbilita.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-bastimenti tal-UE jkunu jistgħu jerġgħu jibdew l-attivitajiet tas-sajd tagħhom, il-Protokoll ġdid jipprevedi l-possibbiltà li huwa jiġi applikat b’mod provviżorju minn kull Parti sa mid-data tal-iffirmar tiegħu. Għalhekk huwa xieraq li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tal-firma tal-Protokoll ġdid,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Gaboniża (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

a)

bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun mgħammra bi friżer:

Franza

12-il bastiment

Spanja

15-il bastiment

b)

bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief

Spanja

7 bastimenti

Franza

bastiment wieħed

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim ta' Sħubija.

3.   Jekk it-talbiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll, il-Kummissjoni tista' tqis it-talbiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd magħmulin minn kwalunkwe Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

4.   L-iskadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jużaw għal kollox l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħatawlhom, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008, hija ffissata għal għaxart ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li mhumiex qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa jibda japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll ġdid.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 450/2007 tas-16 ta’ April 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Gabon u l-Komunità Ewropea (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 1).

(2)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).


Top