Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0521

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 521/2013 tas- 6 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

    ĠU L 156, 8.6.2013, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 08/06/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/521/oj

    8.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 156/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 521/2013

    tas-6 ta’ Ġunju 2013

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta' Lulju 2005 (2) jimplimenta l-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2010/788/PESK. L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 jelenka l-persuni naturali u legali, l-entitajiet u l-korpi koperti bl-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi taħt dak ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2078 (2012) tat-28 ta’ Novembru 2012 emendat il-kriterji biex persuni u entitajiet jiġu inklużi ma’ dawk soġġetti għall-miżuri restrittivi mniżżla fil-paragrafi 9 u 11 tal-UNSCR 1807 (2008).

    (3)

    Fl-20 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/811/PESK (3) li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK f’konformità ma' UNSCR 2078 (2012).

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 għandu wkoll jiġi emendat sabiex tiġi stabbilita l-proċedura għall-emendar tal-lista fl-Anness I għal dak ir-Regolament. Dik il-proċedura għandha tinkludi li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi magħżulin, jingħataw ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, sabiex ikollhom opportunità li jressqu osservazzjonijiet. Fejn jitressqu osservazzjonijiet jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna, entità jew korp ikkonċernata b’dan.

    (5)

    Is-setgħa tal-emendar tal-lista fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 għandha tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir reġjun li tirriżulta mis-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u biex tiġi żgurata konsistenza mal-proċess għall-emendar tal-Anness għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK (4).

    (6)

    Dawn il-miżuri jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jingħataw effett, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

    (7)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 2a

    1.   L-Anness I għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bħala li jkunu:

    (a)

    persuni jew entitajiet li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi u miżuri relatati kif stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 889/2005 tat-13 ta' Ġunju 2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (*),

    (b)

    mexxejja politiċi u militari ta’ gruppi armati barranin li joperaw fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) li jimpedixxu d-diżarm u r-ripatrijazzjoni volontarja jew is-sistemazzjoni mill-ġdid tal-kombattenti li jagħmlu parti minn dawk il-gruppi,

    (c)

    mexxejja politiċi u militari ta’ milizzji Kongoliżi li jirċievu appoġġ minn barra r-RDK, li jimpedixxu l-parteċipazzjoni tal-kombattenti tagħhom fil-proċessi tad-diżarm, id-demobilitazzjoni u r-reintegrazzjoni,

    (d)

    mexxejja politiċi u militari li joperaw fir-RDK u li jirreklutaw jew jużaw it-tfal f’kunflitti armati kuntrarju għal-liġi internazzjonali applikabbli,

    (e)

    individwi jew entitajiet li joperaw fir-RDK u jwettqu ksur serju tal-liġi li jinvolvi azzjonijiet li jolqtu tfal jew nisa f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat, inkluż qtil u mankament, vjolenza sesswali, ħtif u spostament furzat,

    (f)

    individwi jew entitajiet li jfixklu l-aċċess għall-assistenza umanitarja jew id-distribuzzjoni tagħha fil-parti tal-Lvant tar-RDK,

    (g)

    individwi jew entitajiet li b’mod illegali jappoġġaw lill-gruppi armati fil-parti tal-Lvant tar-RDK permezz tal-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inkluż id-deheb,

    (h)

    individwi jew entitajiet li jaġixxu f’isem individwu jew entità nnominata jew diretti minnha jew ikkontrollati minn individwu nnominat,

    (i)

    individwi jew entitajiet li jippjanaw, jiffinanzjaw jew jieħdu sehem f’attakki kontra l-forzi taż-żamma tal-paċi tal-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-RDK (MONUSCO).

    2.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, kif previst mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    3.   L-Anness I għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati, kif previst mill- Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, il-gruppi, l-impriżi u l-entitajiet, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness I għandu jinkludi wkoll id-data ta’ nominazzjoni mill- Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

    (*)  ĠU L 152, 15.6.2005, p. 1.”"

    (2)

    L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 9

    1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jinnomina persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, il-Kunsill għandu jinkludi tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness I.

    2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1, direttament jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp tingħata l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

    3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, kif adatt.

    4.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddeċiedi li jneħħi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp mil-lista, jew li jemenda d-data tal-identifikazzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkata, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I, kif adatt.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi ta' informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-6 ta’ Ġunju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. SHATTER


    (1)  ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30.

    (2)  ĠU L 193, 23.7.2005, p. 1.

    (3)  ĠU L 352, 21.12. 2012, p. 50.

    (4)  ĠU L 55, 28.2.2011, p.13.


    Top