This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R0229
Regulation (EU) No 229/2013 of the European Parliament and of the Council of 13 March 2013 laying down specific measures for agriculture in favour of the smaller Aegean islands and repealing Council Regulation (EC) No 1405/2006
Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta' Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006
Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta' Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006
ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41–50
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32006R1405 | ||||
Implicit repeal | 32008R0615 | 21/03/2013 | |||
Modifies | 32008R0615 | Revoka parzjali | |||
Modifies | 32009R0072 | Revoka parzjali |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32013R0229R(01) | (GA) |
20.3.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 78/41 |
REGOLAMENT (UE) Nru 229/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-13 ta' Marzu 2013
li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Ġew stabbiliti miżuri speċifiċi fil-qasam agrikolu biex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet b’riżultat tas-sitwazzjoni ġeografika partikolari f’uħud mill-ġżejjer minuri fil-Baħar Eġew permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (3). Dawn il-miżuri ġew implimentati permezz tal-programm ta’ appoġġ li jikkonsisti f’għodda essenzjali għall-provvista ta’ prodotti agrikoli lil dawn il-gżejjer u għall-appoġġ fil-produzzjoni agrikola lokali. Fid-dawl tal-ħtieġa tal-aġġornament tal-miżuri attwali, anke bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, huwa meħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1405/2006 jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid. |
(2) |
Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-objettivi fundamentali li l-kisba tagħhom tista’ sseħħ bl-għajnuna tal-iskema li tippromwovi l-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew. |
(3) |
Jeħtieġ ukoll li jiġi speċifikat il-kontenut tal-programm ta’ appoġġ għall-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew (minn hawn ’il quddiem “il-programm tal-appoġġ”), li l-Greċja għandha tistabbilixxi fil-livell ġeografiku l-aktar xieraq, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u għandha tippreżentah lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. |
(4) |
Sabiex l-objettivi tal-iskema favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew jinkisbu b’mod aktar effettiv, il-programm ta’ appoġġ għandu jinkludi miżuri li jiggarantixxu l-provvista ta’ prodotti agrikoli u l-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola lokali. Jeħtieġ li l-livell tal-programmazzjoni jkun armonizzat u li jkun hemm approċċ sistematiku ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Greċja. Il-Kummissjoni għandha tadotta proċeduri u indikaturi biex tiżgura l-implimentazzjoni mingħajr xkiel u l-monitoraġġ adegwat tal-programm. |
(5) |
B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u sabiex tkun żgurata l-flessibbiltà, bħala l-prinċipji li huma l-bażi tal-approċċ tal-programmazzjoni adottat għall-arranġamenti favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, l-awtoritajiet maħtura mill-Ġreċja jistgħu jipproponu emendi fil-programm sabiex jadattawh għar-realtà ta’ dawn il-gżejjer. Għal dak il-għan, involviment aktar sinifikanti min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti u minn partijiet interessati oħra, għandu jiġi mħeġġeġ. Fl-istess spirtu, il-proċedura tal-emendi tal-programm għandha tkun adattata għal-livell ta’ rilevanza ta’ kull tip ta’ emenda. |
(6) |
Is-sitwazzjoni ġeografika partikolari ta’ uħud mill-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, timponi spejjeż ta’ trasport addizzjonali fil-provvista ta’ prodotti essenzjali għall-konsum tal-bniedem, għall-ipproċessar jew bħala inputs agrikoli. Barra minn hekk, fatturi oġġettivi oħrajn li jirriżultaw mill-insularità u mid-distanza mis-swieq jimponu aktar xkiel għall-operaturi ekonomiċi u l-produtturi ta’ dawn il-gżejjer fil-Baħar Eġew li jolqtu l-attivitajiet tagħhom b’mod negattiv. F’ċerti każijiet, l-operaturi u l-produtturi jbatu minn “insularità doppja”, li tikkonsisti fil-fatt li l-provvista tkun qed issir permezz ta’ gżejjer oħrajn. Dawk in-nuqqasijiet jistgħu jitranġaw billi jitbaxxew il-prezzijiet ta’ dawk il-prodotti essenzjali. Għaldaqstant jaqbel li jiġu introdotti arranġamenti speċifiċi ta’ provvista biex jiggarantixxu l-provvista tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u jikkumpensaw għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-insularità u ċ-ċokon tagħhom, u mid-distanza tagħhom mis-swieq. |
(7) |
Il-problemi tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew huma aċċentwati biċ-ċokon tal-gżejjer. Sabiex tkun garantita l-effettività tal-miżuri previsti, dawn il-miżuri għandhom japplikaw għall-Gżejjer Eġej kollha minbarra Kreta u Euboea. |
(8) |
Sabiex jintlaħaq l-għan li jitbaxxew il-prezzijiet fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u jitnaqqsu l-ispejjeż żejda minħabba l-insularità u ċ-ċokon tagħhom, u d-distanza tagħhom mis-swieq filwaqt li tinżamm il-kompetittività tal-prodotti tal-Unjoni, għandha tingħata għajnuna għall-provvista ta’ prodotti tal-Unjoni fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew. Din l-għajnuna għandha tqis l-ispejjeż żejda tat-trasport lejn il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, u fil-każ ta’ inputs agrikoli u prodotti intenzjonati għall-ipproċessar, għandhom jitqiesu l-ispejjeż minħabba l-insularità, iċ-ċokon u d-distanza mis-swieq. |
(9) |
Sabiex ikunu evitati l-ispekulazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-utenti finali fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, jeħtieġ ikun speċifikat li l-prodotti ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli biss jistgħu jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista. |
(10) |
Ladarba l-kwantitajiet koperti bl-arranġamenti ta’ provvisti speċifiċi huma limitati għall-ħtiġijiet tal-provvista tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, dawk l-arranġamenti ma għandhomx ifixklu l-funzjonament korrett tas-suq intern. Lanqas ma għandhom il-vantaġġi ekonomiċi tal-arranġamenti speċifiċi tal-provvista iwasslu għal devjazzjonijiet fil-kummerċ tal-prodotti konċernati. Għaldaqstant il-ħruġ jew l-esportazzjoni ta’ dawn il-prodotti mill-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew għandhom ikunu pprojbiti. Madankollu, il-ħruġ jew l-esportazzjoni ta’ dawn il-prodotti għandhom ikunu awtorizzati meta l-vantaġġ li jirriżulta mill-arranġamenti speċifiċi tal-provvista jkun rimborsat. |
(11) |
Fil-każ tal-prodotti pproċessati, għandu jkun awtorizzat il-kummerċ bejn il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u l-ispejjeż tat-trasport fir-rigward ta’ dawn il-prodotti għandhom jitnaqqsu, biex ikun possibbli l-kummerċ bejn dawn il-gżejjer. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-flussi kummerċjali fi ħdan il-kummerċ reġjonali u l-esportazzjonijiet u l-ħruġ tradizzjonali mal-bqija tal-Unjoni jew il-pajjiżi terzi u l-esportazzjonijiet ta’ prodotti pproċessati li jikkorrispondu għall-flussi ta’ skambji tradizzjonali, għandha tkun awtorizzata. |
(12) |
Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-arranġamenti speċifiċi ta’ forniment, il-vantaġġi ekonomiċi tal-arranġamenti għandhom ikunu riflessi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni u għandhom ibaxxu l-prezzijiet sal-istadju tal-utent aħħari. Għalhekk huma għandhom jingħataw biss bil-kondizzjoni li fil-fatt jibqgħu għaddejjin minn stadju għall-ieħor, u li jsiru kontrolli adegwati. |
(13) |
Jeħtieġ li jiġu introdotti regoli għall-funzjonament tal-iskema, b’ mod partikolari dawk dwar il-ħolqien ta’ reġistru tal-operaturi u ta’ sistema ta’ ċertifikati mfassla fuq iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 161 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (4). |
(14) |
Il-politika tal-Unjoni favur il-produzzjoni lokali fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 tikkonċerna diversi prodotti u miżuri favur il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar tagħhom. Dawk il-miżuri wrew li huma effettivi u żguraw li nżammu u ġew żviluppati l-attivitajiet agrikoli. L-Unjoni għandha tkompli tgħin lil din il-produzzjoni, li hija fattur ewlieni fil-bilanċ ambjentali, soċjali u ekonomiku tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew. L-esperjenza wriet li, bħal fil-każ tal-politika dwar l-iżvilupp rurali, l-isħubija aktar mill-qrib mal-awtoritajiet lokali tista’ tgħin biex jiġu indirizzati aktar direttament il-problemi speċifiċi tal-gżejjer milquta. Għalhekk għandu jitkompla l-appoġġ lill-produzzjonijiet lokali permezz tal-programm ta’ appoġġ, stabbilit għall-ewwel darba permezz tar-Regolament (KE) Nru 1405/2006. F’dak ir-rigward għandha ssir enfasi fuq l-ippreservar tal-wirt agrikolu tradizzjonali u l-karatteristiċi tradizzjonali ta’ metodi ta’ produzzjoni u ta’ prodotti lokali u organiċi. |
(15) |
Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-elementi minimi li għandhom jingħataw fil-programm ta’ għajnuna biex ikunu definiti l-miżuri li jappoġġaw il-produzzjoni agrikola lokali, b’mod partikolari d-deskrizzjoni tal-post, tal-istrateġija proposta, tal-għanijiet u tal-miżuri. Il-prinċipji li huma sottostanti għall-konsistenza ta’ dawk il-miżuri ma’ linji politiċi oħrajn tal-Unjoni għandhom jiġu ddikjarati ukoll sabiex ikunu evitati kwalunkwe inkompatibbiltà u d-duplikazzjoni tal-għajnuna. |
(16) |
Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun possibbli li l-programm ta’ appoġġ jinkludi miżuri għall-finanzjament ta’ studji, ta’ proġetti dimostrattivi, ta’ taħriġ u ta’ assistenza teknika. |
(17) |
Il-bdiewa fuq il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew għandhom jiġu mħeġġa jfornu prodotti ta’ kwalità, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti għandha tiġi megħjuna. |
(18) |
Tista’ tingħata deroga mill-politika konsistenti tal-Kummissjoni li ma jiġux awtorizzati għajnuniet operattivi mill-Istat għall-produzzjoni, ipproċessar, kummerċjalizzazzjoni u trasport ta’ prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) sabiex jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi fuq il-produzzjoni agrikola tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew minħabba l-insularità, iċ-ċokon, it-terren muntanjuż u l-klima tagħhom, id-dipendenza ekonomika tagħhom minn għadd żgħir ta’ prodotti u d-distanza tagħhom mis-swieq. |
(19) |
L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tipperikola l-livell ta’ appoġġ speċifiku li s’issa bbenefikaw minnu l-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew. Għal din ir-raġuni, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-miżuri li jixirqu, il-Greċja għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha ammonti ekwivalenti għall-appoġġ diġà mogħti mill-Unjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1405/2006. |
(20) |
Mill-2007, ir-rekwiżiti tal-prodotti essenzjali kibru fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew minħabba t-tkabbir tal-merħliet u tal-pressjoni demografika. Jeħtieġ għalhekk li tiżdied il-parti tal-baġit li l-Greċja tista’ tuża għall-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew. |
(21) |
Sabiex il-Greċja tkun tista’ tevalwa l-elementi kollha rigward l-implimentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ għas-sena preċedenti u biex il-Kummissjoni tiġi ppreżentata b’rapport ta’ evalwazzjoni annwali kompluta, id-data għall-preżentazzjoni tar-rapport imsemmi għandha tkun posposta mit-30 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara s-sena ta’ referenza. |
(22) |
Il-Kummissjoni għandha tkun meħtieġa tressaq rapport ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016, u sussegwentement kull ħames snin, dwar l-impatt tal-miżuri meħuda biex dan ir-Regolament jiġi implimentat, u skont il-każ, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet xierqa. |
(23) |
Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tar-reġim introdott minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat, fir-rigward tas-supplimentar jew l-immodifikar ta’ ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(24) |
Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni uniformi għall-implimentazzjoni fil-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew b’relazzjoni ma’ skemi simili oħra u biex tkun evitata d-distorsjoni fil-kompetizzjoni jew diskriminazzjonijiet bejn l-operaturi, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (5). |
(25) |
Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT U OBJETTIVI
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri agrikoli speċifiċi biex jiġu mitigati d-diffikultajiet li jirriżultaw mill-insularità, miċ-ċokon u mid-distanza mis-swieq tal-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew (“il-gżejjer minuri”).
2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “il-gżejjer minuri” tfisser il-gżejjer kollha fil-Baħar Eġew ħlief il-gżejjer ta’ Kreta u Euboea.
Artikolu 2
Objettivi
1. Il-miżuri speċifiċi previsti fl-Artikolu 1 għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi li ġejjin:
(a) |
il-garanzija tal-provvista ta’ prodotti essenzjali lill-gżejjer minuri għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar u bħala inputs agrikoli billi jittaffew l-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-insularità u ċ-ċokon tagħhom u mid-distanza tagħhom mis-swieq; |
(b) |
il-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-attivitajiet agrikoli fil-gżejjer minuri, inklużi l-produzzjoni, ipproċessar, kummerċjalizzazzjoni u trasport tal-prodotti lokali kemm ipproċessati kif ukoll mhux ipproċessati. |
2. L-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu implimentati permezz tal-miżuri msemmija fil-Kapitoli III, IV u V.
KAPITOLU II
PROGRAMM TA’ APPOĠĠ
Artikolu 3
L-istabbiliment tal-programm ta’ appoġġ
1. Il-miżuri previsti fl-Artikolu 1 għandhom ikunu definiti permezz ta’ programm ta’ appoġġ li jinkludi:
(a) |
arranġamenti speċifiċi ta’ provvista kif previst fil-Kapitolu III, u |
(b) |
miżuri speċifiċi li jgħinu l-produzzjonijiet agrikoli lokali, kif previst fil-Kapitolu IV. |
2. Il-programm ta’ appoġġ għandu jiġi stabbilit fil-livell ġeografiku li l-Greċja tikkunsidra l-aktar xieraq. Dan għandu jitfassal mill-awtoritajiet kompetenti lokali u reġjonali maħtura mill-Greċja, li għandha tressqu quddiem il-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 6 wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kompetenti fil-livell territorjali xieraq.
Artikolu 4
Kompatibbiltà u konsistenza
1. Il-miżuri meħuda fl-ambitu tal-programm ta’ appoġġ għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni. Dawn il-miżuri għandhom ikunu konsistenti ma’ kwalunkwe politika oħra tal-Unjoni u mal-miżuri meħuda taħt tali politika.
2. Għandha tkun żgurata l-konsistenza tal-miżuri meħuda taħt il-programm ta’ appoġġ b’miżuri implimentati taħt strumenti oħrajn tal-politika agrikola komuni, u b’mod partikolari fl-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, l-iżvilupp rurali, il-kwalità tal-prodotti, it-trattament xieraq tal-annimali u l-protezzjoni tal-ambjent.
B’mod partikolari, ebda miżura taħt dan ir-Regolament ma għandha tkun iffinanzjata bħala:
(a) |
appoġġ addizzjonali għal skemi ta’ għotjiet jew skemi ta’ għajnuna fl-ambitu ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq ħlief f’każijiet eċċezzjonali ġġustifikati minn kriterji oġġettivi; |
(b) |
appoġġ għal proġetti ta’ riċerka, miżuri ta’ appoġġ għal proġetti ta’ riċerka u miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (6); |
(c) |
appoġġ għall-miżuri fl-ambitu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (7). |
Artikolu 5
Il-kontenut tal-programm ta’ appoġġ
Il-programm ta’ appoġġ għandu jinkludi:
(a) |
skeda għall-implimentazzjoni tal-miżuri u tabella finanzjarja ġenerali annwali indikattiva li turi r-riżorsi li għandhom jintużaw; |
(b) |
prova tal-kompatibbiltà u l-konsistenza bejn id-diversi miżuri tal-programmi kif ukoll id-definizzjoni tal-kriterji u l-indikaturi kwantitattivi li għandhom jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni; |
(c) |
il-passi meħuda biex jiġi żgurat li l-programm jiġi implimentat b’mod effettiv u adegwat, inkluż l-arranġamenti għall-pubbliċità, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, u sett speċifiku ta’ indikaturi kwantifikati għall-użu fl-evalwazzjoni; |
(d) |
il-ħatra ta’ awtoritajiet kompetenti u korpi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm u l-ħatra ta’ awtoritajiet jew ta’ korpi assoċjati u msieħba soċjoekonomiċi fil-livelli xierqa, u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet li jkunu saru. |
Artikolu 6
L-approvazzjoni u l-emendamenti tal-programm
1. Il-programm ta’ appoġġ huwa stabbilit taħt ir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 u huwa ffinanzjat fil-qafas tal-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 18(2) u (3).
Il-programm jinkludi bilanċ previst tal-provvista li jindika l-prodotti, il-kwantitajiet tagħhom u l-ammont ta’ għajnuna għall-provvista mill-Unjoni, flimkien ma’ abbozz tal-programm ta’ appoġġ għall-produzzjoni lokali.
2. Abbażi tal-evalwazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-programm ta’ appoġġ, il-Greċja tista’ tippreżenta lill-Kummissjoni proposti debitament sostanzjati għall-emendament ta’ dawk il-miżuri, fil-qafas tal-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 18(2) u (3), sabiex jadattawhom aħjar għall-ħtiġijiet tal-gżejjer minuri u għall-istrateġija proposta. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità tal-emendi proposti mal-liġi tal-Unjoni u biex jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu approvati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).
3. Il-proċeduri stipulati mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jieħdu kont tal-elementi li ġejjin: l-importanza tal-modifiki proposti mill-Ġreċja b’referenza għall-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda, jekk il-bidliet fil-baġit allokat għall-miżuri humiex sostanzjali, bidliet fil-kwantitajiet u fil-livell ta’ għajnuna għall-prodotti fil-bilanċi previsti tal-provvista, u kwalunkwe emenda tal-kodiċijiet u d-deskrizzjonijiet stipulati fil-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (8).
4. L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiddeterminaw ukoll, għal kull proċedura, il-frekwenza li biha għandhom isiru t-talbiet għal emendi, kif ukoll l-iskadenzi li fihom għandhom jiġu implimentati l-emendi approvati.
Artikolu 7
Monitoraġġ u segwitu
Il-Greċja għandha twettaq kontrolli permezz ta’ kontrolli amministrattivi u dawk ta’ fuq il-post. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-karatteristiċi minimi tal-kontrolli magħmula mill-Greċja.
Il-Kummissjoni għandha wkoll tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-indikaturi fiżiċi u finanzjarji sabiex tiżgura monitoraġġ effikaċi tal-implimentazzjoni tal-programm.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).
KAPITOLU III
ARRANĠAMENTI SPEĊIFIĊI TA’ PROVVISTA
Artikolu 8
Bilanċ previst ta’ provvista
1. B’dan huma stabbiliti arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għall-prodotti agrikoli tal-Unjoni elenkati fl-Anness I tat-Trattat (“il-prodotti agrikoli”) li huma essenzjali fil-gżejjer minuri għall-konsum mill-bniedem jew għall-manifattura ta’ prodotti oħrajn jew bħala inputs agrikoli.
2. Il-Greċja għandha tistabbilixxi, fil-livell ġeografiku li hija tqis l-aktar adatt, bilanċ previst tal-provvista għall-kwantifikazzjoni tar-rekwiżiti annwali ta’ provvista fil-gżejjer minuri fir-rigward tal-prodotti agrikoli.
Tista’ ssir previżjoni separata tal-bilanċ għar-rekwiżiti tal-intrapriżi tal-ippakkjar jew l-ipproċessar ta’ prodotti maħsuba għas-suq lokali, għat-tqassim fil-bqija tal-Unjoni jew għal esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, bħala parti mill-kummerċ reġjonali f’konformità mal-Artikolu 13(2) u (3), jew fi ħdan il-kuntest tal-flussi tradizzjonali tal-kummerċ.
Artikolu 9
Il-funzjonament tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista
1. Għandha tingħata għajnuna għall-finijiet tal-provvista ta’ prodotti agrikoli lill-gżejjer minuri.
L-ammont tal-għajnuna għandu jkun iffissat għal kull prodott konċernat, u għandu jieħu kont tal-ispejjeż addizzjonali tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti f’dawn il-gżejjer minuri, ikkalkulati mill-portijiet tal-Greċja kontinentali li minnhom normalment jitilqu il-provvisti, u mill-portijiet tal-gżejjer ta’ transitu jew tat-tagħbija ta’ prodotti għall-gżejjer tad-destinazzjoni finali. Fil-każ ta’ inputs agrikoli u ta’ prodotti intenzjonati għall-ipproċessar, id-determinazzjoni tal-għajnuna għandha tikkunsidra l-ispejjeż addizzjonali assoċjati mal-insularità, iċ-ċokon u d-distanza mis-swieq.
2. L-arranġamenti speċifiċi tal-provvista għandhom japplikaw biss għall-prodotti ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli.
Artikolu 10
Implimentazzjoni
Fl-implimentazzjoni tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandu jittieħed kont partikolarment ta’ dawn li ġejjin:
(a) |
il-bżonnijiet speċifiċi tal-gżejjer minuri u r-rekwiżiti preċiżi ta’ kwalità; |
(b) |
il-flussi tradizzjonali tan-negozju mal-portijiet tal-Greċja kontinentali u bejn il-gżejjer fil-Baħar Eġew; |
(c) |
l-aspett ekonomiku tal-għajnuna proposta; |
(d) |
fejn applikabbli, il-ħtieġa li ma jiġix imfixkel l-iżvilupp tal-prodotti lokali. |
Artikolu 11
Ċertifikati
1. L-għajnuna prevista fl-Artikolu 9(1) għandha tingħata mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.
Iċ-ċertifikati għandhom jinħarġu biss lil dawk l-operaturi mdaħħla f’reġistru miżmum mill-awtoritajiet kompetenti.
Dawk iċ-ċertifikati m’għandhomx ikunu trasferibbli.
2. Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda garanzija mal-applikazzjoni għal ċertifikat. Madankollu, sal-punt neċessarju biex tiġi żgurata applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tista’ tesiġi li tiġi stabbilita garanzija ugwali għall-ammont tal-vantaġġ imsemmi fl-Artikolu 12. F’dawn il-każijiet, għandu japplika l-Artikolu 34(1), (4), (5), (6), (7) u (8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (9).
Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 21, li jiddeterminaw l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-operaturi fir-reġistru u li jipprovdu għall-eżerċizzju sħiħ mill-operaturi tad-drittijiet tagħhom li jieħdu sehem fl-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi mill-Greċja ta’ dan l-Artikolu li speċifikament jirrigwarda l-introduzzjoni tal-iskema taċ-ċertifikati, u l-impenn meħud mill-operaturi meta jirreġistraw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).
Artikolu 12
L-impatt tal-vantaġġ
1. Il-benefiċċju tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista li jirriżulta mill-għoti tal-għajnuna għandu jkun soġġett għall-kondizzjoni li l-impatt tal-vantaġġ ekonomiku jiġi mgħoddi sal-utent finali li, skont il-każ, jista’ jkun il-konsumatur fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-konsum dirett, min jipproċessa jew jippakkja l-aħħar fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-industrija tal-ipproċessar jew tal-ippakkjar, jew il-bdiewa fil-każ tal-prodotti użati għall-għalf tal-annimali jew bħala inputs agrikoli.
Il-vantaġġ msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ugwali għall-ammont tal-għajnuna.
2. Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli stipulati fil-paragrafu 1 u b’mod partikolari l-kondizzjonijiet għall-monitoraġġ mill-Istat Membru li l-vantaġġ ġie effettivament imgħoddi sal-utent aħħari. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).
Artikolu 13
L-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u l-ispedizzjoni lejn il-bqija tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti li f’konformità magħhom il-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista jistgħu jkunu esportati lejn pajjiżi terzi jew jiġu spediti lejn il-bqija tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).
Dawk ir-rekwiżiti għandhom jinkludu b’mod partikolari r-rimborż tal-għajnuna riċevuta taħt l-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.
L-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi tal-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi tal-provvista ma għandhiex tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.
2. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-prodotti pproċessati fil-gżejjer minuri bl-użu ta’ prodotti li jkunu bbenefikaw minn arranġamenti speċifiċi ta’ provvista li huma:
(a) |
esportati lejn pajjiżi terzi jew spediti lejn il-bqija tal-Unjoni fil-limiti tal-ispedizzjonijiet u l-esportazzjonijiet tradizzjonali; |
(b) |
esportati lejn pajjiżi terzi bħala parti mill-flussi reġjonali ta’ kummerċ f’konformità mad-destinazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet dettaljati li għandhom jiġu determinati mill-Kummissjoni; |
(c) |
spediti bejn il-gżejjer minuri. |
L-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi tal-prodotti msemmija, il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, ma għandhiex tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.
Ma għandux jingħata rimbors għall-prodotti esportati msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-limiti tal-kwantitajiet tal-prodotti msemmija fil-punt (a) u l-provvisti dettaljati msemmija fil-punt (b). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).
3. L-operazzjonijiet ta’ pproċessar, li jistgħu jagħtu lok għal esportazzjonijiet ta’ negozju tradizzjonali jew spedizzjonijiet tradizzjonali għandhom jissodisfaw, mutatis mutandis, il-kondizzjonijiet ta’ pproċessar applikabbli taħt il-kontroll doganali previst mil-leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-forom abitwali kollha ta’ trattament.
Artikolu 14
Kontrolli u penalitajiet
1. Il-prodotti agrikoli koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli amministrattivi meta jiġu introdotti fil-gżejjer minuri kif ukoll meta jiġu esportati jew spediti minnhom.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-karatteristiċi minimi tal-kontrolli magħmula mill-Greċja. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2):
2. Ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri jew ta’ kondizzjonijiet klimatiċi straordinarji, jekk operatur, kif imsemmi fl-Artikolu 11, jonqos milli jkun konformi mal-impenji meħuda taħt dak l-Artikolu, l-awtorità kompetenti, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe sanzjoni applikabbli taħt il-liġi nazzjonali, għandha:
(a) |
tirkupra l-vantaġġ mogħti lill-operatur; |
(b) |
tissospendi temporanjament jew tirrevoka r-reġistrazzjoni tal-operatur, skont il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità. |
3. Ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri jew ta’ kondizzjonijiet klimatiċi straordinarji, fejn operaturi, kif imsemmi fl-Artikolu 11, ma jagħmlux l-entratura ppjanata, l-intitolament tagħhom li japplikaw għal ċertifikati għandu jiġi sospiż mill-awtorità kompetenti għal perjodu ta’ 60 jum wara li jkun skada dak iċ-ċertifikat. Wara l-perjodu tas-sospensjoni, il-ħruġ ta’ ċertifikati sussegwenti għandu jkun suġġett għad-depożitu ta’ garanzija ugwali għall-ammont tal-benefiċċju li għandu jingħata matul perjodu taż-żmien li jrid ikun stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti.
L-awtorità kompetenti għandha tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tuża mill-ġdid kull kwantità ta’ prodotti magħmula disponibbi bħala riżultat tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, eżekuzzjoni parzjali jew il-kanċellament taċ-ċertifikati maħruġa jew l-irkupru tal-benefiċċju.
KAPITOLU IV
MIŻURI TA’ GĦAJNUNA GĦALL-PRODOTTI AGRIKOLI LOKALI
Artikolu 15
Miżuri
1. Il-programm ta’ għajnuna jinkludi l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu żgurati l-kontinwità u l-iżvilupp ta’ produzzjoni agrikola lokali fil-gżejjer minuri fl-ambitu tat-Titolu III tal-Parti 3 tat-Trattat.
2. Il-parti tal-programm iddedikata għall-miżuri ta’ għajnuna għall-prodotti agrikoli lokali għandha tinkludi tal-inqas l-elementi li ġejjin:
(a) |
deskrizzjoni kwantifikata tas-sitwazzjoni attwali ta’ din il-produzzjoni agrikola li tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni disponibbli, li turi d-differenzi, in-nuqqasijiet u l-potenzjali għall-iżvilupp u r-riżorsi finanzjarji użati; |
(b) |
deskrizzjoni tal-istrateġija proposta, il-prijoritajiet magħżula u l-għanijiet ġenerali u operattivi kwantifikati, u valutazzjoni li turi l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali mistenni, inklużi l-effetti fuq l-impjiegi; |
(c) |
deskrizzjoni tal-miżuri previsti, b’mod partikolari l-iskemi ta’ għajnuna għall-implimentazzjoni tagħhom, u, fejn ikun meħtieġ, tagħrif dwar il-ħtiġijiet għal kwalunkwe studju, proġett dimostrattiv, operazzjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ assistenza teknika marbuta mat-tħejjija, l-implimentazzjoni jew l-adattament tal-miżuri kkonċernati; |
(d) |
il-lista tal-għajnuniet li jikkostitwixxu pagamenti diretti fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa (10); |
(e) |
l-ammont ta’ għajnuna stabbilit għal kull miżura u l-ammont provviżorju għal kull azzjoni bl-għan li jintlaħaq għan wieħed jew aktar tal-programm. |
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar rekwiżiti għall-provvista tal-għajnuna msemmija fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).
4. Il-programm jista’ jinkludi miżuri ta’ appoġġ għall-produzzjoni, l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u t-trasport tal-prodotti agrikoli pproċessati u mhumiex tal-gżejjer minuri.
Kull miżura tista’ tinqasam f’azzjonijiet. Għal kull azzjoni l-programm għandu jiddefinixxi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
(a) |
il-benefiċjarji; |
(b) |
il-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà; |
(c) |
l-ammont unitarju tal-għajnuna. |
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 21 dwar il-kondizzjonijiet għall-istabbiliment tal-ammont tal-għajnuna mogħtija fir-rigward tal-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni u t-trasport ta’ prodotti kemm ipproċessati kif ukoll mhux ipproċessati barra mir-reġjun tal-produzzjoni tagħhom u, fejn ikun il-każ, il-kondizzjonijiet għall-istabbiliment tal-kwantitajiet ta’ prodotti soġġetti għal dik l-għajnuna.
Artikolu 16
Kontrolli u pagamenti mhux dovuti
1. Il-kontrolli tal-miżuri msemmija f’dan il-Kapitolu għandhom isiru permezz ta’ kontrolli amministrattivi u ta’ kontrolli fuq il-post.
2. F’każ ta’ pagamenti mhux dovuti, il-benefiċjarju kkonċernat għandu l-obbligu li jħallas lura l-ammonti inkwistjoni. L-Artikolu 80 tar-regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kondizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kondizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (11) għandu japplika mutatis mutandis.
KAPITOLU V
MIŻURI TA’ AKKUMPANJAMENT
Artikolu 17
Għajnuna mill-Istat
1. Għall-prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-Trattat, li għalihom japplikaw l-Artikoli 107, 108 u 109 tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, skont it-termini tal-Artikolu 108 tat-Trattat, fis-setturi tal-produzzjoni, ipproċessar, kummerċjalizzazzjoni u trasport ta’ dawn il-prodotti, għajnuniet operattivi bil-għan li jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi li hemm fuq il-produzzjoni agrikola għall-gżejjer minuri li jirriżultaw mill-insularità u ċ-ċokon tagħhom, mit-terren muntanjuż u l-klima tagħhom u mid-dipendenza ekonomika tagħhom minn għadd żgħir ta’ prodotti u mid-distanza tagħhom mis-swieq.
2. Il-Greċja tista’ tagħti finanzjament komplementari għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ. F’dan il-każ, il-Greċja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-Kummissjoni tista’ tapprovaha b’konformità ma’ dan ir-Regolament tagħha bħala parti mill-programm ta’ appoġġ. L-għajnuna hekk notifikata għandha titqies bħala notifikata fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.
3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u b’deroga mill-Artikolu 180 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 tal-24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli (12), l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat ma għandhomx japplikaw għall-pagamenti li jkunu saru mill-Greċja, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u bl-applikazzjoni tal-Kapitoli III u IV ta’ dan ir-Regolament.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI
Artikolu 18
Riżorsi finanzjarji
1. Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu interventi maħsuba għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (13).
2. L-Unjoni għandha tiffinanzja l-miżuri previsti fil-Kapitoli III u IV sa ammont annwali massimu ta’ EUR 23,93 miljun.
3. L-ammont allokat annwalment għall-finanzjament tal-arranġamenti speċifiċi tal-provvista msemmi fil-Kapitolu III m’għandux ikun ta’ aktar minn EUR 7,11 miljun.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti li f’konformità magħhom il-Greċja tista’ temenda l-allokazzjoni tar-riżorsi allokati kull sena għall-prodotti differenti li jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, taħt l-Artikolu 21, dwar il-kondizzjonijiet biex jiġi determinat l-ammont annwali massimu li jista’ jiġi allokat għall-miżuri ta’ finanzjament ta’ studji, ta’ proġetti dimostrattivi, ta’ taħriġ u ta’ assitenza teknika, sakemm tali allokazzjoni tkun raġonevoli u proporzjonata.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 19
Miżuri nazzjonali
Il-Greċja għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kontrolli u penalitajiet amministrattivi, u għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar dan.
Artikolu 20
Komunikazzjonijiet u rapporti
1. Il-Greċja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar ta’ kull sena, dwar il-krediti li jkunu saru disponibbli lilha u li jkollha l-ħsieb li tonfoq matul is-sena ta’ wara għall-implimentazzjoni tal-bilanċ previst tal-provvista u dwar kull miżura favur il-produzzjoni agrikola lokali inkluża fil-programm ta’ appoġġ.
2. Il-Greċja għandha tippreżenta quddiem il-Kummissjoni, mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, rapport dwar l-implimentazzjoni fis-sena preċedenti tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament.
3. Sal-31 ta’ Diċembru 2016, u sussegwentement kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li juri l-impatt tal-azzjoni meħuda skont dan ir-Regolament, flimkien ma’ proposti adegwati, fejn applikabbli.
Artikolu 21
Eżerċizzju tad-delega
1. Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikoli 11(2), 15(4) u 18(4) b’dan tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-21 ta’ Marzu 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal termini ta’ durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull terminu.
3. Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 11(2), 15(4) u 18(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data ulterjuri stipulata minnha. Din ma għandhiex taffettwa il-validità ta’ kwalunkwe att delegat li huwa diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. L-atti delegati adottati taħt l-Artikoli 11(2), 15(4) u 18(4) għandhom jidħlu fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 22
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Pagamenti Diretti mwaqqaf permezz tal-Artikolu 141 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 23
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 1405/2006 huwa b’dan imħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness.
Artikolu 24
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2013.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
L. CREIGHTON
(1) ĠU C 132, 3.5.2011, p. 82.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Frar 2013 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 2013.
(3) ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1.
(4) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(5) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(6) ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.
(7) ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.
(8) ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Volum 2, p. 382.
(9) ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.
(10) ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.
(11) ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.
(12) ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7.
(13) ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 1.
ANNESS
Tabella ta’ korrelazzjoni
Regolament (KE) Nru 1405/2006 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3(1) |
Artikolu 3 |
Artikolu 8 |
Artikolu 4(1) |
Artikolu 9(1) |
Artikolu 4(2) |
Artikolu 10 |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 12(1) |
Artikolu 5 |
Artikolu 13 |
Artikolu 7(1) |
Artikolu 15(1) |
Artikolu 7(2) |
Artikolu 3(2) |
Artikolu 8 |
Artikolu 4 |
Artikolu 9(a), (b) |
Artikolu 15(2) |
Artikolu 9(c), (d), (e) u (f) |
Artikolu 5 |
Artikolu 10 |
Artikolu 7, it-tieni paragrafu |
Artikolu 11 |
Artikolu 17 |
Artikolu 12 |
Artikolu 18 |
Artikolu 13 |
Artikolu 6(1) |
Artikolu 14(a) |
Artikolu 6(2) sa (4) |
Artikolu 14(b) |
Artikolu 7, l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu, (2) u (3) |
Artikolu 16 |
Artikolu 19 |
Artikolu 17 |
Artikolu 20 |
Artikolu 18 |
Artikolu 23 |
Artikolu 21 |
Artikolu 24 |