EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0183

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 183/2013 tal- 4 ta’ Marzu 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 1 Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 61, 5.3.2013, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/183/oj

5.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 61/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 183/2013

tal-4 ta’ Marzu 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 1

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards u interpretazzjonijiet internazzjonali li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fit-13 ta’ Marzu 2012, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà ppubblika Emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 1 Adozzjoni għall-Ewwel Darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju - Self tal-Gvern, (l-emendi għall-IFRS 1). L-emendi għall-IFRS 1 jikkonċernaw self riċevut mill-gverniijiet b'rata tal-imgħax aktar baxxa minn dik tas-suq u li l-għan tagħhom huwa li tiġi evitata l-applikazzjoni retrospettiva mat-tranżizzjoni għall-IFRSs għal dawk li jadottaw l-IFRSs għall-ewwel darba. Għaldaqstant, l-emendi għall-IFRS 1 iżidu eċċezzjoni għall-applikazzjoni retrospettiva tal-IFRSs li tesiġi li dawk li jadottaw l-istandards għall-ewwel darba għandhom japplikaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS) 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl u l-IAS 20 Kontabilità Għal Għotjiet Pubbliċi u Divulgazzjoni ta' Assistenza Pubblika prospettivament għal self tal-gvern eżistenti fid-data ta' tranżizzjoni għall-IFRSs.

(3)

Dan ir-Regolament japprova l-emendi għall-IFRS 1. Dan l-istandard jinkludi ċerti referenzi għall-IFRS 9 li attwalment ma jistgħux jiġu applikati billi l-IFRS 9 għadu ma ġiex adottat mill-Unjoni. Għalhekk kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament għandha tinqara bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

(4)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Tekniku ta’ Esperti (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-emendi għall-IFRS 1 jissodisfaw il-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabbiltà,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 1 Adozzjoni għall-Ewwel Darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju, huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

2.   Kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament għandha tinqara bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fil-Artikolu 1(1), sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2013 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABBILTÀ

IFRS 1

IFRS 1 Adozzjoni għall-Ewwel Darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju – Self tal-Gvern

Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-użu personali jew għal finijiet leġittimi oħra. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq is-sit www.iasb.org

Emendi għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba ta’ Standards Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju

Self tal-Gvern

Jiżdiedu l-paragrafi 39N u 39O u jiġi emendat il-paragrafu B1.

39N

Self tal-Gvern (Emendi għall-IFRS 1), maħruġ f’Marzu 2012, paragrafi miżjuda B1(f) u B10-B12. Entità għandha tapplika dawk il-paragrafi għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2013 jew wara. Hija permessa applikazzjoni qabel.

39O

Paragrafi B10 u B11 jirreferu għall-IFRS 9. Jekk entità tapplika dan l-IFRS iżda tkun għadha mhix qiegħda tapplika l-IFRS 9, ir-referenzi fil-paragrafi B10 u B11 tal-IFRS 9 għandhom jinqraw bħala referenzi għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

B1

Entità għandha tapplika dawn l-eċċezzjonijiet:

(a)

l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ assi u obbligi finanzjarji (il-paragrafi B2 u B3);

(b)

kontabilità għall-hedging (il-paragrafi B4-B6),

(c)

interessi bla dritt ta’ kontroll (il-paragrafu B7).

(d)

klassifikazzjoni u kalkolu ta’ assi finanzjarji (paragrafu B8);

(e)

derivattivi integrati (paragrafu B9) u

(f)

self tal-gvern (paragrafi B10-B12).

Wara l-paragrafu B9, jiżdiedu l-intestatura u l-paragrafi B10–B12.

Self tal-Gvern

B10

Min jadotta għall-ewwel darba għandu jikklassifika s-self kollu tal-gvern li jkun irċieva bħala obbligu finanzjarju jew bħala strument ta’ ekwità f’konformità mal-IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni. Minbarra kif permess mill-paragrafu B11, min jadotta għall-ewwel darba għandu japplika r-rekwiżiti fl-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji u l-IAS 20 Kontabbiltà għal Għotjiet tal-Gvern u Divulgazzjoni ta’ Assistenza tal-Gvern prospettivament għal self tal-gvern eżistenti fid-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs u ma għandux jirrikonoxxi l-benefiċċju korrispondenti tas-self tal-gvern b’rata ta’ interess inqas minn tas-suq bħala għotja tal-gvern. Konsegwentement, jekk min jadotta għall-ewwel darba, skont il-GAAP preċedenti, ma rrikonoxxiex u ma kkalkulax self tal-gvern b’rata ta’ interessi inqas minn tas-suq fuq bażi konsistenti mar-rekwiżiti IFRS, għandu juża l-GAAP preċedenti tiegħu għall-ammont riportat tas-self fid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRSs bħala l-ammont riportat tas-self fid-dikjarazzjoni tal-bidu tal-IFRS dwar il-pożizzjoni finanzjarja. Entità għandha tapplika l-IFRS 9 għall-kalkolu tat-tali self wara d-data ta’ tranżizzjoni għall-IFRSs.

B11

Minkejja l-paragrafu B10, entità tista’ tapplika r-rekwiżiti fl-IFRS 9 u l-IAS 20 retrospettivament għal kwalunkwe self tal-gvern li joriġina qabel id-data tat-tranżizzjoni tal-IFRS, sakemm l-informazzjoni meħtieġa biex isir dan tkun inkisbet fiż-żmien tal-kontabbiltà inizjali għal dak is-self.

B12

Ir-rekwiżiti u l-gwida fil-paragrafi B10 u B11 ma jipprekludux entità milli tkun tista’ tuża l-eżenzjonijiet deskritti fil-paragrafi D19-D19D relatati mad-deżinjazzjoni ta' strumenti finanzjarji rikonoxxuti qabel f’valur ġust permezz ta’ profit jew telf.


Top