Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0152

    Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 152/2013 tad- 19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti kapitali għall-kontropartijiet ċentrali Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 52, 23.2.2013, p. 37–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/152/oj

    23.2.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 52/37


    REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 152/2013

    tad-19 ta’ Diċembru 2012

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti kapitali għall-kontropartijiet ċentrali

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 16(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, rekwiżiti prudenzjali għal kontropartijiet ċentrali (CCPs) biex jiżgura li dawn ikunu sikuri u sodi u jikkonformaw fi kwalunkwe ħin mar-rekwiżiti kapitali. Minħabba li, fil-biċċa l-kbira, riskji li ġejjin minn attivitajiet tal-ikklerjar huma koperti minn riżorsi finanzjarji speċifiċi, tali rekwiżiti kapitali għandhom jiżguraw li CCP, fi kwalunkwe ħin, hija kapitalizzata adegwatement kontra r-riskji tal-kreditu, ir-riskji tal-kontropartijiet, ir-riskji tas-suq, ir-riskji operazzjonali, ir-riskji legali u dawk kummerċjali li mhumiex diġà koperti minn dawk ir-riżorsi finanzjarji speċifiċi u li tkun tista’ twettaq stralċ jew ristrutturar ordinati tal-operazzjonijiet tagħha jekk dan ikun meħtieġ.

    (2)

    It-trattament tal-kapital tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment għandhom jitqiesu speċifikament fir-rigward tal-istandards tekniċi peress li s-CCPs huma esposti, waqt li jkunu qiegħdin iwettqu attivitajiet mhux koperti, għal riskji li huma simili għar-riskji mġarrba mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment. Il-partijiet rilevanti tal-Prinċipji għall-Infrastruttura tas-Suq Finanzjarju maħruġa mill-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagamenti u s-Saldu u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (“Prinċipji CPSS-IOSCO”) għandhom jitqiesu wkoll. Sabiex jiġi żgurat li huma kapaċi li jorganizzaw stralċ jew ristrutturar ordinati tal-attivitajiet tagħhom, is-CCPs għandu jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jifilħu l-ispejjeż operazzjonal tul perjodu ta’ żmien xieraq. CCP għandha tkun kapaċi, matul tali perjodu ta’ żmien, li tistabbilixxi kwalunkwe tip ta’ arranġament sabiex tirriorganizza l-operazzjonijiet kritiċi tagħha, inklużi r-rikapitalizzazzjoni, is-sostituzzjoni tal-maniġment, ir-reviżjoni tal-istrateġiji kummerċjali tagħha, l-istruttrua tal-ispejjeż jew tal-miżati, ir-ristrutturar tas-servizzi pprovduti minnha, il-likwidazzjoni tal-portafoll tal-ikklerjar tagħha jew il-fużjoni ma’ — jew it-trasferiment ta’ attivitajiet għal — CCP oħra. Matul l-istralċ jew ir-ristrutturar CCP xorta trid tkompli l-operazzjonijiet tagħha. Filwaqt li f’dan il-każ ċerti spejjeż, bħal dawk ta’ kummerċjalizzazzjoni, jistgħu jonqsu, spejjeż oħra, bħal spejjeż legali, jistgħu jiżdiedu. Għalhekk, l-użu tal-ispejjeż operazzjonali grossi annwali huwa meqjus bħala approssimazzjoni xierqa tal-ispejjeż attwali waqt l-istralċ jew ir-ristrutturar tal-operazzjonijiet tas-CCPs. Sabiex titqies id-diversità tal-prattiki tal-kontabbiltà fost is-CCPs, l-ispejjeż operazzjonali għandhom jitqiesu skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (3) jew skont għadd limitat ta’ regoli oħra applikabbli fil-qasam, kif indikat mil-liġi tal-Unjoni.

    (3)

    Billi l-kapital għandu jkun dejjem biżżejjed biex jiżgura stralċ ordinat u protezzjoni adegwata kontra r-riskji rilevanti kif meħtieġ mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jeħtieġ li tiġi stabbilita għodda ta’ twissija bikrija biex permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiksbu għarfien biżżejjed bil-quddiem tas-sitwazzjoni li fiha l-kapital tas-CCP ikun qrib ir-rekwiżit kapitali, billi jiġi introdott limitu ta’ notifika stabbilit għal 110 % tar-rekwiżit kapitali.

    (4)

    Minkejja d-diffikultajiet biex tiġi kkwanitifkata l-iskopertura għal riskju operazzjonali, id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (4) huwa l-parametru referenzjarju rilevanti għall-fini li jiġi stabbilit rekwiżit kapitali għas-CCPs. B’mod konsistenti mad-Direttiva 2006/48/KE, id-definizzjoni ta’ riskju operazzjonali għandha tinkludi r-riskju legali fir-rigward ta’ standards tekniċi fuq rekwiżiti kapitali għal kontropartijiet ċentrali.

    (5)

    Id-Direttiva 2006/48/KE u d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital ta’ kumpaniji tal-investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu (5) huma referenza xierqa għall-fini li jiġu stabbiliti rekwiżiti kapitali biex ikopru r-riskji tal-kreditu, tal-kontroparti u tas-suq mhux koperti minn riżorsi finanzjarji speċifiċi, peress li dawn huma simili għal dawk imwettqa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti tal-investiment.

    (6)

    CCP ma għandhiex għalfejn iżżomm kapital għall-iskoperturi ta’ negozju u l-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza li jirriżultaw minn arranġament ta’ interoperabbiltà fejn huma ssodisfati l-Artikoli 52 u 53 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Madankollu, fejn dawn ir-rekwiżiti ma jiġux issodisfati, ir-rabtiet bejn is-CCPs jistgħu jesponuhom għal riskju addizzjonali jekk il-kollateral sottomess minnhom mhuwiex kompletament protett u protett f’każ ta’ falliment jew jekk il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza huma f’riskju f’każ li membru tal-ikklerjar ta’ CCP riċeventi jsir inadempjenti. Għalhekk, f’każijiet bħal dawn l-allokazzjonijiet ta’ kapital għandhom japplikaw għall-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza u l-iskoperturi ta’ negozju ma’ CCPs oħra. Sabiex jiġu evitati effetti ta’ kontaġju, it-trattament rigward il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza għal CCPs oħra għandu ġeneralment ikun iktar konservattiv mit-trattament għall-iskoperturi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għas-CCPs. Ir-riżorsi proprji ta’ CCP użati biex tikkontribwixxi għall-fond tal-inadempjenza ta’ CCP oħra ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għaliex dawn mhumiex investiti skont il-politika ta’ investiment tagħha. Dawn lanqas ma għandhom jingħaddu darbtejn għall-fini tal-kalkolu ta’ skoperturi ppeżati għar-riskju li jirriżultaw minn dawn il-kontribuzzjonijiet.

    (7)

    Iż-żmien meħtieġ għall-istralċ ordinat huwa strettament dipendenti fuq is-servizzi ta’ kklerjar pprovduti minn CCP uniku mill-ambjent tas-suq li fih topera, speċjalment fil-każ fejn CCP oħra tista’ tassumi s-servizzi tagħha. Għalhekk, l-għadd ta’ xhur meħtieġ għall-istralċ għandu jkun ibbażat fuq l-istima tas-CCP stess, soġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti. Jeħtieġ li jiġi introdott għadd minimu ta’ sitt xhur sabiex ikun żgurat livell prudenti ta’ rekwiżiti kapitali.

    (8)

    Riskju kummerċjali jirreferi għar-riskju li CCP tassumi minħabba l-effiċjenza tagħha u bidliet potenzjali fil-kundizzjonijiet kummerċjali ġenerali li x’aktarx ixekklu l-pożizzjoni finanzjarja tagħha bħala konsegwenza ta’ tnaqqis fid-dħul tagħha jew żieda fl-ispejjeż tagħha li jirriżultaw f’telf li għandhom jiġu imposti kontra l-kapital tagħha. Billi l-livell ta’ riskju kummerċjali huwa dipendenti ħafna fuq s-sitwazzjoni individwali ta’ kull CCP u jista’ jiġi kkawżat minn diversi fatturi, bħal proċeduri ineffiċjenti, ambjent tas-suq negattiv, reazzjoni ineffikaċi għall-progress teknoloġiku, jew eżekuzzjoni ta’ livell baxx tal-istrateġiji kummerċjali, ir-rekwiżit kapitali għandu jkun ibbażat fuq stima proprja tas-CCP soġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti. Jeħtieġ li jiġi introdott limitu sabiex ikun żgurat livell prudenti ta’ rekwiżiti kapitali.

    (9)

    L-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) ħadmet f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u kkonsultat l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) qabel ma ssottomettiet l-abbozz tal-istandards tekniċi li fuqhom huwa msejjes dan ir-Regolament. Wettqet ukoll konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    (10)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) lill-Kummissjoni Ewropea,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Rekwiżiti kapitali

    1.   CCP iżżomm kapital, inkluż il-qligħ miżmuma u r-riżervi, li jkun, fi kwalunkwe ħin, aktar minn jew ekwivalenti għas-somma ta’:

    (a)

    ir-rekwiżiti kapitali tas-CCP għall-istralċ jew ir-ristrutturar tal-attivitajiet tagħha kkalkulati skont l-Artikolu 2;

    (b)

    ir-rekwiżiti kapitali tas-CCP għal riskji operazzjonali u legali ikkalkulati skont l-Artikolu 3;

    (c)

    ir-rekwiżiti kapitali tas-CCP għal riskji tal-kreditu, tal-kontroparti u tas-suq ikkalkulati skont l-Artikolu 4;

    (d)

    ir-rekwiżiti kapitali tas-CCP għal riskju kummerċjali kkalkulat skont l-Artikolu 5.

    2.   CCP ikollha proċeduri stabbiliti biex tidentifika s-sorsi kollha ta’ riskji li jistgħu jolqtu l-funzjonijiet kontinwi tagħha u tqis il-probabbiltà ta’ effetti negattivi potenzjali fuq id-dħul u l-ispejjeż tagħha u l-livell tagħha ta’ kapital.

    3.   Jekk l-ammont ta’ kapital miżmum minn CCP skont il-paragrafu 1 huwa inqas minn 110 % tar-rekwiżiti kapitali jew inqas minn 110 % ta’ EUR 7,5 miljun (“limitu ta’ notifika”), is-CCP għandha tinnotifika immedjatament lill-awtorità kompetenti u żżommha aġġornata mill-inqas darba fil-ġimgħa, sakemm l-ammont ta’ kapital miżmum mis-CCP ma jerġax jissupera l-limitu ta’ notifika.

    4.   Dik in-notifika ssir bil-miktub u għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

    (a)

    ir-raġunijiet għaliex il-kapital tas-CCP jinsab taħt il-limitu ta’ notifika u deskrizzjoni tal-perspettiva fuq terminu qasir tas-sitwazzjoni finanzjarja tas-CCP;

    (b)

    deskrizzjoni komprensiva tal-miżuri li s-CCP biħsiebha tadotta biex tiżgura l-konformità kontinwa mar-rekwiżiti kapitali.

    Artikolu 2

    Rekwiżiti kapitali għall-istralċ jew ir-ristrutturar

    1.   CCP għandha tiddividi l-ispejjeż operazzjonali grossi annwali tagħha bi tnax sabiex tiddetermina l-ispejjeż operazzjonali grossi fix-xahar, u timmultiplika n-numru li jirriżulta bil-perjodu ta’ żmien tagħha għall-istralċ jew ristrutturar tal-attivitajiet tagħha ddeterminat skont il-paragrafu 2. Ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu huwa l-kapital meħtieġ biex jiżgura stralċ jew ristrutturar ordinati tal-attivitajiet tas-CCP.

    2.   Sabiex tiddetermina l-perjodu ta’ żmien għall-istralċ jew ir-ristrutturar tal-attivitajiet tagħha msemmija fil-paragrafu 1, CCP tissottometti lill-awtorità kompetenti, għall-approvazzjoni skont is-setgħat ta’ dik l-awtorità kompetenti taħt it-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-istima tagħha stess tal-perjodu ta’ żmien xieraq għall-istralċ jew ir-ristrutturar tal-attivitajiet tagħha. Il-perjodu ta’ żmien stmat ikun biżżejjed biex jiżgura, inkluż f’kundizzjonijiet tas-suq taħt stress, stralċ jew ristrutturar ordinati tal-attivitajiet tagħha, ir-riorganizzazzjoni tal-operazzjonijiet tagħha, il-likwidwazzjoni tal-portafoll tal-ikklerjar tagħha jew it-trasferiment tal-attivitajiet ta’ kklerjar tagħha għal CCP oħra. L-istima għandha tqis il-likwidità, id-daqs, l-istruttura tal-maturità u l-ostakli transfruntiera potenzjali tal-pożizzjonijiet tas-CCP u t-tip ta’ prodotti approvati. Il-perjodu ta’ żmien għall-istralċ jew ristrutturar tal-attivitajiet tagħha użat għall-kalkolu tar-rekwiżit kapitali huwa soġġett għal għadd minimu ta’ sitt xhur.

    3.   CCP taġġorna l-istima tagħha tal-perjodu ta’ żmien xieraq għall-istralċ jew ir-ristrutturar tal-attivitajiet tagħha kull meta jkun hemm bidla sinifikanti fis-suppożizzjonijiet sottostanti għall-istima u tissottometti din l-istima aġġornata lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.

    4.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-ispejjeż operazzjonali jitqiesu skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 jew, skont id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE (7), 83/349/KEE (8) u 86/635/KEE (9) jew, skont il-prinċipji ġeneralment aċċettati tal-kontabbiltà ta’ pajjiż terz determinati bħala ekwivalenti għall-IFRS skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 (10) jew standards tal-kontabbiltà ta’ pajjiż terz li l-użu tagħhom hu permess skont l-Artikolu 4 ta ‘dak ir-Regolament, skont liema jkun applikabbli. Is-CCPs għandhom jużaw l-informazzjoni awditjata l-aktar reċenti mid-dikjarazzjoni finanzjarja annwali tagħhom.

    Artikolu 3

    Rekwiżiti kapitali għal riskji operazzjonali u legali

    1.   CCP tikkalkula r-rekwiżiti kapitali tagħha għal riskju – inkluż dak legali – operazzjonali msemmi fl-Artikolu 1 bl-użu jew tal-Approċċ ta’ Indikatur Bażiku jew l-Approċċi ta’ Kejl Avvanzat kif previsti fid-Direttiva 2006/48/KE soġġetti għar-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 7.

    2.   CCP tista’ tuża l-approċċ ta’ indikatur bażiku sabiex tikkalkula r-rekwiżiti kapitali tagħha għal riskju operazzjonali skont l-Artikolu 103 tad-Direttiva 2006/48/KE.

    3.   CCP ikollha fis-seħħ sistema ddokumentata sew ta’ valutazzjoni u ġestjoni tar-riskju operazzjonali b’responsabbiltajiet ċari assenjati għal din is-sistema. Għandha tidentifika l-iskoperturi tagħha għal riskju operazzjonali u tittraċċa d-dejta rilevanti dwar ir-riskju operazzjonali, inkluża dejta dwar telf materjali. Din is-sistema tkun soġġetta għal reviżjoni regolari mwettqa minn parti indipendenti li jkollha l-għarfien neċessarju biex twettaq tali reviżjoni.

    4.   Sistema ta’ valutazzjoni ta’ riskju operazzjonali tkun integrata mill-qrib fil-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskju tas-CCP. Ir-riżultati jkunu parti integrali mill-proċess ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll tal-profil tar-riskju operazzjonali tas-CCP.

    5.   CCP timplimenta sistema ta’ rapportar lill-maniġment superjuri li tipprovdi rapporti dwar ir-riskji operazzjonali għal funzjonijiet relevanti fi ħdan l-istituzzjonijiet. CCP ikollha fis-seħħ proċeduri sabiex tieħu azzjoni xierqa skont l-informazzjoni fir-rapporti għall-maniġment.

    6.   CCP tista’ tapplika wkoll mal-awtorità kompetenti tagħha għal permess biex tuża l-Approċċi ta’ Kejl Avvanzat. L-awtorità kompetenti tista’ tagħti permess lis-CCP biex tuża l-Approċċi ta’ Kejl Avvanzat abbażi tas-sistemi interni proprji tagħha ta’ kejl tar-riskju operazzjonali tagħha skont l-Artikolu 105 tad-Direttiva 2006/48/KE.

    7.   Is-CCPs li jużaw l-Approċċi ta’ Kejl Avvanzat kif speċifikat fil-paragrafu 6 għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali tagħhom għar-riskju operazzjonali jżommu kapital li huwa, fi kwalunkwe ħin, aktar minn jew ekwivalenti għal 80 % tal-kapital meħtieġ bl-użu tal-approċċ ta’ indikatur bażiku skont il-paragrafu 2.

    Artikolu 4

    Ir-rekwiżiti kapitali għar-riskju tal-kreditu, ir-riskju tal-kreditu tal-kontroparti u r-riskju tas-suq li mhumiex diġà koperti minn riżorsi finanzjarji speċifiċi kif imsemmija fl-Artikoli 41 sa 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

    1.   CCP tikkalkula r-rekwiżiti kapitali tagħha msemmija fl-Artikolu 1 bħala s-somma ta’ 8 % tal-ammonti ta’ skoperturi tagħha ippeżati għar-riskju għar-riskju tal-kreditu u għar-riskju tal-kreditu tal-kontroparti u r-rekwiżiti kapitali tagħha għal riskju tas-suq ikkalkulati skont id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE, soġġetti għar-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 5.

    2.   Għall-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kapital għal riskju tas-suq li mhux diġà kopert minn riżorsi finanzjarji speċifiċi kif imsemmija fl-Artikoli 41 sa 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, CCP għandha tuża l-metodi previsti fl-Annessi I sa IV tad-Direttiva 2006/49/KE.

    3.   Għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ppeżati għar-riskju tal-kreditu li mhuwiex diġà kopert minn riżorsi finanzjarji speċifiċi kif imsemmija fl-Artikoli 41 sa 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, CCP tapplika l-Approċċ Standardizzat għar-riskju tal-kreditu previst fl-Artikoli 78 sa 83 tad-Direttiva 2006/48/KE.

    4.   Għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ppeżati għar-riskju tal-kreditu ta’ kontroparti li mhuwiex diġà kopert minn riżorsi finanzjarji speċifiċi kif imsemmija fl-Artikoli 41 sa 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, CCP tuża l-Metodu tal-Valwazzjoni skont is-Suq previst fl-Anness III, Parti 3 tad-Direttiva 2006/48/KE kif ukoll il-Metodu Komprensiv tal-Kollateral Finanzjarju li japplika aġġustamenti superviżorji għall-volatilità previsti fl-Anness VIII, Parti 3 tad-Direttiva 2006/48/KE.

    5.   Fejn il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 52 u 53 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 mhumiex issodisfati u meta CCP ma tużax r-riżorsi proprji tagħha, is-CCP tapplika piż tar-riskju ta’ 1 250 % għal l-iskopertura tagħha li tirriżulta minn kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza ta’ CCP oħra u piż tar-riskju ta’ 2 % skoperturi ta’ negozju tagħha ma’ CCP oħra.

    Artikolu 5

    Rekwiżiti kapitali għal riskju kummerċjali

    1.   Is-CCP tissottometti lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni skont is-setgħat ta’ dik l-awtorità kompetenti taħt it-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 l-istima tagħha tal-kapital meħtieġ biex tkopri telf li jirriżulta minn riskju kummerċjali bbażat fuq xenarji negattivi raġonevolment prevedibbli rilevanti għall-mudell kummerċjali tagħha.

    2.   Ir-rekwiżit kapitali għal riskju kummerċjali jkun ekwivalenti għall-istima approvata u jkun soġġett għal ammont minimu ta’ 25 % tal-ispejjeż operazzjonali grossi annwali tagħha. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-ispejjeż operazzjonali grossi jitqiesu skont l-Artikolu 2(4).

    Artikolu 6

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmula fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

    (3)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

    (5)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

    (6)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

    (7)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

    (8)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.

    (9)  ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1.

    (10)  ĠU L 340, 22.12.2007, p. 66.


    Top