Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0129

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 129/2013 tal- 14 ta’ Frar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1121/2009 fir-rigward ta’ għajnuna nazzjonali tranżitorja li għandha tingħata lill-bdiewa fl-2013 u r-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fir-rigward tat-tnaqqis relatat mal-aġġustament volontarju ta’ pagamenti diretti fl-2013

    ĠU L 44, 15.2.2013, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014; Impliċitament imħassar minn 32014R0640

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/129/oj

    15.2.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 44/2


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 129/2013

    tal-14 ta’ Frar 2013

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1121/2009 fir-rigward ta’ għajnuna nazzjonali tranżitorja li għandha tingħata lill-bdiewa fl-2013 u r-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fir-rigward tat-tnaqqis relatat mal-aġġustament volontarju ta’ pagamenti diretti fl-2013

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (1), u b’mod partikolari l-punti (c) u (e) tal-Artikolu 142 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 133a tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 kif miżjud permezz tar-Regolament (UE) Nru 671/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ċerti Stati Membri ġodda jistgħu jagħtu għajnuna nazzjonali tranżitorja fl-2013 skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-pagamenti diretti nazzjonali komplementari. Għal dak il-għan, il-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-iskemi ta’ appoġġ għal bdiewa previsti fit-Titoli IV u V tiegħu (3) li fih regoli ta’ implimentazzjoni għall-pagamenti diretti nazzjonali komplementari għandu jiġi emendat sabiex titqies din l-għajnuna tranżitorja.

    (2)

    L-Artikolu 10b tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 kif miżjud permezz tar-Regolament (UE) Nru 671/2012 jipprovdi għal mekkaniżmu ta’ aġġustament volontarju ta’ pagamenti diretti fir-rigward tal-2013. Għalhekk huwa xieraq li l-Artikolu 79(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista fis-settur tal-inbid (4) jiġi adattat skont dan.

    (3)

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 1121/2009 u (KE) Nru 1122/2009 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

    (4)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1121/2009

    Ir-Regolament (KE) Nru 1121/2009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fit-Titolu III, it-titlu tal-Kapitolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Pagamenti diretti nazzjonali komplimentari u għajnuna nazzjonali tranżitorja”

    (2)

    L-Artikolu 91 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 91

    Koeffiċjent tat-tnaqqis

    Meta f’settur partikolari l-pagamenti diretti nazzjonali komplementari jew l-għajnuna nazzjonali transitorja jaqbżu l-livell massimu awtorizzat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 132(7) jew l-Artikolu 133a(5) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, ir-rata tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari jew tal-għajnuna nazzjonali tranżitorji tas-settur ikkonċernat għandha titnaqqas proporzjonalment permezz tal-applikazzjoni ta’ koeffiċjent tat-tnaqqis.”

    (3)

    L-Artikoli 93, 94 u 95 jinbidlu b’dan li ġej:

    “Artikolu 93

    Kontrolli

    L-Istati Membri l-ġodda għandhom japplikaw miżuri xierqa ta’ kontroll sabiex jiżguraw li jitħarsu l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ pagamenti diretti nazzjonali komplementari u għajnuna nazzjonali tranżitorja, kif stabbilit mill-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni mogħtija skont l-Artikolu 132(7) jew l-Artikolu 133a(5) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

    Artikolu 94

    Rapport annwali

    L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport li jipprovdi tagħrif dwar il-miżuri għall-implimentazzjoni tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari u tal-għajnuna nazzjonali tranżitorja qabel it-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara l-implimentazzjoni tagħhom. Ir-rapport għandu jkopri mill-inqas dan li ġej:

    (a)

    Kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni li taffettwa dawk il-pagamenti;

    (b)

    Għal kull wieħed minn dawk il-pagamenti, l-għadd ta’ benefiċjarji, l-ammont totali ta’ għajnuna nazzjonali mogħtija, l-ettari, l-għadd ta’ annimali jew unitajiet oħra ta’ pagament imħallsa u r-rata tal-ħlas fejn rilevanti;

    (c)

    rapport dwar il-miżuri ta’ kontroll applikati skont l-Artikolu 93.

    Artikolu 95

    Għajnuna mill-Istat

    Il-pagamenti diretti nazzjonali komplimentari u l-għajnuna nazzjonali tranżitorja mħallsa li ma jkunux f’konformità mal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 132(7) u l-Artikolu 133a(5) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandhom jitqiesu bħala għajnuna illegali tal-Istat fi ħdan it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (*)

    (*)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.”"

    Artikolu 2

    Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009

    Fl-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   Għandu jiġi applikat tnaqqis minħabba il-modulazzjoni stipulata fl-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u, skont il-każ, fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 (**), u, għall-2013, minħabba l-aġġustament volontarju stipulat fl-Artikolu 10b tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 kif ukoll it-tnaqqis minħabba d-dixxiplina finanzjarja stipulata fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u t-tnaqqis stipulat fl-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, għat-total tal-pagamenti minn skemi differenti ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u li għalih kull bidwi huwa intitolat, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 78 ta’dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

    (2)  ĠU L 204, 31.7.2012, p. 11.

    (3)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 27.

    (4)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.


    Top