Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H0099

2013/99/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Frar 2013 dwar pjan ta’ kontroll koordinat bil-ħsieb li jistabbilixxi l-prevalenza tal-prattiċi frawdolenti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ikel

ĠU L 48, 21.2.2013, p. 28–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2013/99/oj

21.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/28


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Frar 2013

dwar pjan ta’ kontroll koordinat bil-ħsieb li jistabbilixxi l-prevalenza tal-prattiċi frawdolenti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ikel

(2013/99/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tirrakkomanda pjanijiet koordinati fejn ikkunsidrat neċessarju, organizzati fuq bażi ad hoc, b’mod partikolari bil-ħsieb li tistabbilixxi l-prevalenza tal-perikli fl-għalf, l-ikel jew l-annimali.

(2)

Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (2), tistabbilixxi r-regoli tal-Unjoni dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel applikabbli għall-oġġetti tal-ikel kollha.

(3)

Skont id-Direttiva 2000/13/KE, it-tikkettar u l-metodi użati ma għandhomx ifixxklu lill-konsumatur, b’mod partikolari dwar il-karatteristiċi tal-ikel, inkluż in-natura proprja u l-identità tiegħu. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi tal-Unjoni jew nazzjonali, l-isem li taħtu qed jinbiegħ l-oġġett tal-ikel għandu jkun l-isem li normalment jinbiegħ taħtu fl-Istat Membru, jew deskrizzjoni tal-oġġett tal-ikel li hija ċara biżżejjed biex ix-xerrej ikun jaf in-natura proprja tiegħu.

(4)

Barra minn hekk, l-ingredjenti kollha jridu jissemmew fuq it-tikketta tal-oġġetti tal-ikel ippakkjati minn qabel intenzjonati għall-konsumatur aħħari jew l-istabbilimenti tal-ikel fuq skala kbira. B’mod partikolari, l-oġġetti tal-ikel li fihom il-laħam bħala ingredjent, meta jkunu intenzjonati għall-konsumatur aħħari jew l-impriżi tal-forniment tal-ikel fuq skala kbira, għandhom jindikaw l-ispeċi tal-annimal li minnu joriġina l-laħam direttament fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu. Jekk ingredjent jissemma fl-isem tal-oġġett tal-ikel, il-kwantità tiegħu espressa bħala persentaġġ ukoll trid tkun ipprovduta fil-lista tal-ingredjenti sabiex ikun evitat li l-konsumatur jiġi mfixkel fir-rigward tal-identità u l-kompożizzjoni tal-oġġett tal-ikel.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (3), jipprovdi għar-rekwiżiti tat-tikkettar addizzjonali applikabbli għal oġġetti tal-ikel speċifiċi. B’mod partikolari, jipprovdi li l-pakketti intenzjonati għall-provvista lill-konsumatur aħħari li fihom il-laħam ikkapuljat, fost l-oħrajn, mis-solipedi għandu jkollhom avviż li jindika li prodotti bħal dawn għandhom jissajru qabel jittieklu, jekk, u sa fejn, ir-regoli fl-Istat Membru fit-territorju li fih jitqiegħed il-prodott fis-suq, hekk jeħtieġu.

(6)

It-Taqsima III tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tirrikejdi li l-operaturi tan-negozju tal-oġġetti tal-ikel li joperaw il-biċċeriji għandhom jitolbu, jivverifikaw u jaġixxu fuq l-informazzjoni dwar il-katina tal-ikel fir-rigward tal-annimali kolla, apparti mill-annimali tal-kaċċa, mibgħuta jew intenzjonati li jintbagħtu fil-biċċeriji. L-informazzjoni rilevanti dwar il-katina tal-ikel għandha tkopri, b’mod partikolari, il-prodotti veterinarji mediċinali amministrati lill-annimali matul il-perjodu rilevanti u b’perjodu ta’ irtirar ta’ iżjed minn żero, flimkien mad-dati amministrattivi tagħhom u l-perjodi ta’ irtirar. Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (4), jirrikjedi fost l-oħrajn li l-veterinarju uffiċjali jwettaq kompiti ta’ verifika u spezzjoni. B’mod partikolari, il-veterinarju uffiċjali għandu jivverifika u janalizza l-informazzjoni rilevanti mir-rekords tal-impriża minn fejn joriġinaw l-annimali intenzjonati għall-qatla, inkluż l-informazzjoni dwar il-katina tal-ikel u jikkunsidra r-riżultati dokumentati ta’ din il-verifika u l-analiżi meta jwettaq l-ispezzjoni ta’ qabel u wara l-qatla.

(7)

B’segwitu għall-kontrolli uffiċjali li ilhom jitwettqu f’għadd ta’ Stati Membri minn Diċembru 2012, il-Kummissjoni ġiet informata li ċerti prodotti li huma ppakkjati minn qabel kien fihom il-laħam taż-żiemel, li ma kienx iddikjarat fil-lista tal-ingredjenti li tidher direttament fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu. Minflok, l-isem ta’ ċerti oġġetti tal-ikel bħal dawn u/jew il-lista ta’ akkumpanjament tal-ingredjenti irreferit biss, b’mod li jfixkel, għall-preżenza taċ-ċanga.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (5), l-operaturi tan-negozju tal-oġġetti tal-ikel fl-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni fi ħdan in-negozji tagħhom fil-kontroll tagħhom, għandhom jiżguraw li l-oġġetti tal-ikel jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi tal-oġġetti tal-ikel li huma rilevanti għall-attivitajiet tagħhom u għandhom jivverifikaw li dawn ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti.

(9)

Iż-żwiemel huma speċi ta’ annimal li jistgħu ikunu ‘produtturi tal-oġġetti tal-ikel’ jew ‘mhux produtturi tal-ikel’. Il-fenilbutażon huwa mediċina veterinarja li l-użu tagħha huwa permess biss f’annimali li mhumiex produtturi tal-ikel skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta’ residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (6). Għalhekk, żwiemel li mhumiex produtturi tal-ikel, li f’xi punt ta’ ħajjithom ħadu trattament tal-fenilbutażon, ma jistgħux jidħlu fil-katina tal-ikel. B’konsiderazzjoni tal-prattiċi frawdolenti fir-rigward tal-preżenza mhux tikketta tal-laħam taż-żiemel f’ċerti prodotti tal-ikel, jixraq, għal raġunijiet ta’ prevenzjoni, li jkun aċċertat jekk żwiemel li mhumiex produtturi tal-oġġetti tal-ikel li ħadu trattament tal-fenilbutażon daħlux fil-katina tal-ikel.

(10)

Għalhekk, huwa neċessarju għall-Kummissjoni li tirrakkomanda lill-Istati Membri li jwettqu pjan ta’ kontroll koordinat bil-ħsieb li tistabbilixxi l-prevalenza tal-prattiċi frawdolenti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ikel għal perjodu ta’ xahar. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ xahrejn.

(11)

Il-pjan ta’ kontroll rakkomandat għandu jikkonsisti minn żewġ azzjonijiet.

(12)

L-ewwel azzjoni għandha tikkonsisti minn kontrolli adattati li jitwettqu fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, fuq oġġetti tal-ikel intenzjonati għall-konsumatur aħħari jew l-impriżi tal-forniment tal-ikel fuq skala kbira, li huma kummerċjalizzati u/jew tikkettati bħala li fihom ċ-ċanga. Dawn il-kontrolli jistgħu jiġu estiżi wkoll għal stabbilimenti oħrajn (eż. l-imħażen tal-friża). L-għan ta’ dawn il-kontrolli se jkun lli jiġi stabbilit jekk prodotti bħal dawn fihomx laħam taż-żiemel, li mhux tikkettat kif suppost fuq il-pakkett jew, fil-każ ta’ oġġetti tal-ikel li mhumiex ippakkjati minn qabel, l-informazzjoni dwar il-preżenza tiegħu ma tkunx disponibbli għall-konsumatur jew l-istabbilimenti tal-oġġetti tal-ikel tal-massa. Kontrolli bħal dawn għandhom jitwettqu fuq kampjun rappreżentattiv.

(13)

Jeżistu metodi affidabbli li jippermettu grad suffiċjenti ta’ korrettezza għall-individwazzjoni tal-preżenza ta’ proteini ta’ speċijiet mhux dikjarati fil-kampjun. Il-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-proteini tal-annimali fl-oġġeti tal-għalf jista’ jipprovdi pariri siewja dwar dawk il-metodi u l-użu tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu mistiedna jiddependu fuq il-parir ta’ dak il-laboratorju dwar il-metodi li jistgħu jintużaw.

(14)

It-tieni azzjoni għandha tikkonsisti minn kontrolli xierqa li jitwettqu mill-istabbilimenti li jitrattataw il-laħam taż-żiemel intenzjonat għall-konsum mill-bniedem, inkluż oġġetti tal-ikel minn pajjiżi terzi, għall-individwazzjoni tar-residwi tal-fenilbutażon. Dawn il-kontrolli għandhom jitwettqu wkoll fuq kampjun rappreżentattiv, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċifri tal-produzzjoni u l-importazzjoni. F’dan il-każ jixraq li ssir referenza għall-metodi pprovduti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE tat-12 ta’ Awwissu 2002 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE rigward il-ħidma ta’ metodi analitiċi u l-interpretazzjoni tar-riżultati (7).

(15)

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli lill-Kummissjoni fuq bażi regolari, sabiex tivvaluta s-sejbiet u tiddeċiedi dwar l-azzjoni adattata li għandha tieħu.

(16)

Wara konsultazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

L-Istati Membri għandhom japplikaw pjan ta’ kontroll koordinat, f’konformità mal-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, li jikkonsisti mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

kontrolli uffiċjali dwar l-oġġetti tal-ikel intenzjonati għall-konsumatur aħħari jew l-impriżi tal-forniment tal-ikel fuq skala kbira, li huma kummerċjalizzati u/jew tikkettati bħala li fihom iċ-ċanga; u,

(b)

kontrolli uffiċjali fuq laħam taż-żiemel intenzjonat għall-konsum mill-bniedem għall-individwazzjoni tar-residwi tal-fenilbutażon.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

Tonio BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(5)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 15, 20.1.2010, p. 1.

(7)  ĠU L 221, 17.8.2002, p. 8.


ANNESS

Pjan ta’ kontroll koordinat bil-ħsieb li jistabbilixxi l-prevalenza ta’ prattiċi frawdolenti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ikel

I.   AZZJONIJIET U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-PJAN TA’ KONTROLL KOORDINAT

Il-pjan ta’ kontroll koordinat għandu jikkonsisti minn żewġ azzjonijiet:

AZZJONI 1:   Kontrolli ta’ oġġetti tal-ikel kummerċjalizzati u/jew tikkettati bħala li fihom iċ-ċanga

A.   Kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott

1.

L-oġġetti tal-ikel kummerċjalizzati u/jew tikkettati bħala li fihom iċ-ċanga (eż laħam ikkapuljat, prodotti tal-laħam, preparati tal-laħam) li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:

(a)

Oġġetti tal-ikel ippakkjati intenzjonati għall-konsumatur aħħari jew l-impriżi tal-forniment tal-ikel fuq skala kbira li huma tikkettati bħala li fihom iċ-ċanga;

(b)

Oġġetti tal-ikel għall-bejgħ lill-konsumatur aħħari jew lill-istabbilimenti tal-oġġetti tal-ikel tal-massa mingħajr ippakkjar minn qabel u oġġetti tal-ikel ippakkjati fil-post tal-bejgħ fuq it-talba tal-konsumatur jew li diġà huma mballeġġati għal bejgħ dirett, li huma kummerċjalizzati u/jew indikati mod ieħor bħala li fihom iċ-ċanga.

2.

Għall-finijiet ta’ dan il-pjan ta’ kontroll koordinat, għandha tapplika d-definizzjoni ta’ “oġġetti tal-ikel li diġà huma mballeġġati” fl-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13/KE.

3.

Għall-iskop ta’ dan il-pjan ta’ kontroll koordinat, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ “laħam ikkapuljat”, “preparati tal-laħam” u “prodotti tal-laħam” fil-punti 1.13, 1.15 u 7.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

B.   Għan

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali sabiex jistabbilixxu jekk il-prodotti msemmija fil-punt A fihomx laħam taż-żiemel, li mhux ittikkettat kif suppost fuq il-pakkett jew, fil-każ ta’ oġġetti tal-ikel mhux diġà imballeġġati, l-informazzjoni dwar il-preżenza tiegħu mhix disponibbli għall-konsumatur jew l-impriżi tal-forniment tal-ikel fuq skala kbira, f’konformità ma’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni u, fejn xieraq, nazzjonali.

C.   Punti dwar il-kampjuni u l-proċedura

1.

Il-kampjun għandu jkun rappreżentattiv tal-prodotti konċernati u jkopri varjetà ta’ prodotti.

2.

Il-kampjunar tal-prodotti għandu jitwettaq fil-livell tal-bejgħ bl-imnut (eż. supermarkits, ħwienet iżgħar, ħwienet tal-laħam) u jista’ jiġi estiż ukoll għal stabbilimenti oħrajn (eż. imħażen tal-friża).

D.   Għadd u modalitajiet tal-kampjuni

It-tabella ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn l-għadd minimu indikattiv rakkomandat ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu fi żmien il-perjodu pprovdutt fit-Taqsima II. L-awtoritajiet kompetenti huma mistiedna jieħdu iktar kampjuni fejn possibbli. Id-distribuzzjoni tal-kampjuni għal kull Stat Membru hija bbażata fuq iċ-ċifri tal-popolazzjoni b’għadd minimu ta’ 10 kampjuni tal-prodotti konċernati għal kull Stat Membru għal kull xahar kalendarju kif indikat fit-Taqsima II.

Oġġetti tal-ikel kummerċjalizzati u/jew tikkettati bħala li fihom iċ-ċanga

Pajjiż tal-bejgħ

Għadd ta’ kampjuni rakkomandat għal kull xahar indikattiv

Franza, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Renju Unit, Spanja, il-Polonja

150

Ir-Rumanija il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Greċja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Isvezja, l-Awstrija, il-Bulgarija

100

Il-Litwanja, is-Slovakkja, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Finlandja, il-Latvja

50

Is-Slovenja, l-Estonja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta

10

E.   Metodi

L-awtoritajiet kompetenti għandhom preferibbilment jużaw il-metodu/i rakkomandat(i) mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-proteini tal-annimali fl-għalf, fuq http://eurl.craw.eu/en/164/legal-sources-and-sops.

AZZJONI 2:   Kontrolli tal-laħam taż-żiemel intenzjonati għall-konsum mill-bniedem

A.   Kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott

Laħam taż-żwiemel, ħmir tal-barr, bgħula tad-debba jew tal-ħmara, friski, imkessħin jew iffriżati, ikklassifikati taħt il-Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda 0205 u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem.

B.   Għan

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kontrolli uffiċjali sabiex jindividwalizzaw il-preżenza possibbli ta’ residwi tal-fenilbutażon fil-prodotti msemmija fil-punt A.

C.   Punti dwar il-kampjuni u l-proċedura

Il-kampjunar tal-prodotti għandu jitwettaq fl-istabbilimenti li jamministraw il-prodotti msemmija fil-punt A (eż. biċċeriji, postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri).

D.   Għadd u modalitajiet tal-kampjuni

L-għadd minimu rakkomandat ta’ kampjuni li għandu jittieħed matul il-perjodu pprovdut fit-Taqsima II għandu jkun iffissat għal kampjun 1 għal kull 50 tunnellata ta’ prodotti msemmija fil-punt A, b’minimu ta’ 5 kampjuni għal kull Stat Membru.

E.   Metodi

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw metodi vvalidati skont id-Deċiżjoni 2002/657/KE. Metodi bħal dawn huma disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Laboratorju ta’ Referenza Ewropew għar-residwi tal-mediċini veterinarji u l-kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali għal residwi elenkati fl-Anness I, il-Grupp A (5) u l-Grupp B (2)(a), (b), (e) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE (1), fuq http://fis-vl.bund.de/Public/irc/fis-vl/Home/main.

II.   TUL TAL-PERJODU TAL-PJAN TA’ KONTROLL KOORDINAT

Il-pjan ta’ kontroll koordinat għandu jitwettaq għal perjodu ta’ xahar li jibda mid-data tal-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jew sal-1 ta’ Marzu 2013 l-aktar tard.

III.   RAPPORTAR TAR-RIŻULTATI

1.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw is-sommarju tal-informazzjoni li ġejja għal kull waħda mill-azzjonijiet msemmija fit-Taqsima I ta’ dan l-Anness:

(a)

l-għadd ta’ kampjuni meħuda, għal kull kategorija ta’ prodotti;

(b)

il-metodu/i użat(i) għall-analiżi u t-tip ta’ analiżi mwettqa;

(c)

l-għadd ta’ sejbiet pożittivi;

(d)

il-kontrolli ta’ segwitu mwettqa fir-rigward tas-sejbiet pożittivi fil-prodotti msemmija fil-punt A taħt Azzjoni 1 fil-każijiet fejn il-preżenza individwalizzata tal-laħam taż-żiemel taqbeż il-1 %;

(e)

il-kontrolli ta’ segwitu mwettqa fir-rigward ta’ sejbiet pożittivi fil-prodotti fil-punt A taħt Azzjoni 2;

(f)

ir-iżultati tal-kontrolli ta’ segwitu;

(g)

fir-rigward ta’ sejbiet pożittivi fi prodotti msemmija fil-punt A taħt Azzjoni 2, il-pajjiż fejn l-annimal konċernat ġie ċertifikat għall-qatla.

Ir-rapport għandu jkun ikkomunikat lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-aħħar tal-perjodu ta’ xahar imsemmi fit-Taqsima II.

Ir-rapport għandu jkun ippreżentat f’konformità mal-format ipprovdut mill-Kummissjoni.

2.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw immedjatament lill-Kummissjoni kwalunkwe riżultat pożittiv tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fir-rigward tal-Azzjonijiet 1 u 2 imsemmija fit-Taqsima I permezz tas-Sistema ta’ Allert Rapida għall-Ikel u l-Għalf.

3.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw ukoll lill-Kummissjoni r-riżultati ta’ kwalunkwe verifika mwettqa fuq it-talba tagħhom mill-operaturi tan-negozji tal-oġġetti tal-ikel. Informazzjoni bħal din għandha tkun akkumpanjata mid-dettalji msemmija fil-punt 1 u ppreżentata f’konformità mal-format li għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.


Top