Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0516

2013/516/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Lulju 2010 dwar il-miżura C 40/07 (ex N 48/07) implimentata mir-Rumanija għal ArcelorMittal Tubular Products Roman S.A. (preċedentament Petrotub Roman S.A.) (notifikata bid-dokument C(2010) 4492) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 280, 22.10.2013, p. 26–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 280, 22.10.2013, p. 26–26 (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/516/oj

22.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/26


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Lulju 2010

dwar il-miżura C 40/07 (ex N 48/07) implimentata mir-Rumanija għal ArcelorMittal Tubular Products Roman S.A. (preċedentament Petrotub Roman S.A.)

(notifikata bid-dokument C(2010) 4492)

(Il-verżjoni Rumena biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/516/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Waqt li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Finanzjament tal-Unjoni Ewropea u partikolarment l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Waqt li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Waqt li kkunsidrat id-dispożizzjonijiet tal-Anness VII, u l-Appendiċi A mal-Anness VII mal-Protokoll dwar Miżuri Tranżizzjonali għat-Trattat ta' Adeżjoni tar-Rumanija,

Waqt li sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) ċitati hawn fuq (1) u waqt li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Bl-ittra datata it-2 ta' Frar 2007, il-Kummissjoni talbet lir-Rumanija biex tipprovdi informazzjoni dwar kanċellazzjonijiet tad-dejn pubbliku u l-iskedar mill-ġdid tad-dejn għal Petrotub Roman S.A. (minn issa 'l quddiem 'Petrotub') fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tagħha fl-2003 (wara l-privatizzazzjoni, il-kumpanija kienet imsemmija Mittal Steel Roman, u sussegwentament ArcelorMittal Tubular Products S.A. (2) - minn issa 'l quddiem 'AM Roman').

(2)

Bl-ittra datata l-25 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni informat lir-Rumanija li hija ddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (3) fir-rigward tal-għajnuna possibbli involuta fil-privatizzazzjoni ta' Petrorub. Id-Deċiżjoni kienet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4). Il-Kummisjoni stiednet il-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(3)

Ir-Rumanija ppreżentat il-kummenti tagħha bl-ittra tas-26 ta' Novembru 2007, irreġistrata fl-istess data. Bl-ittri datati t-28 ta' Jannar 2008, irreġistrati fid-29 ta' Jannar 2008, Arcelor Mittal (il-kumpanija prinċipali) u AM Roman (is-sussidjarju kkonċernat) ippreżentaw il-kummenti tagħhom, li kienu kkomunikati lir-Rumanija fit-12 ta' Frar 2008. Ir-Rumanija rrispondiet bl-ittra tal-11 ta' Marzu 2008, irreġistrata fl-istess data.

(4)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali bl-ittri tas-26 ta' Frar 2009, tat-8 ta' Ottubru 2009 u tad-29 ta' Jannar 2010. Ir-Rumanija rrispondiet bl-ittri tas-27 ta' April 2009, id-19 ta' Ottubru 2009 u t-3 ta' Frar 2010, kollha rreġistrati fl-istess ġranet.

II.   DESKRIZZJONI TAL-FATTI

1.   Il-kumpanija

(5)

AM Roman hija produttur ta' pajpijiet tal-azzar mingħajr saldaturi fir-Roman, reġjun tar-Rumanija li jirċievi l-assistenza skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE (5). Qabel il-privatizzazzjoni fl-2003, il-kumpanija, dakinhar imsejħa Petrotub, kienet produttur tal-pajpijiet tal-azzar mingħajr saldaturi, li l-produzzjoni tagħha kienet tikkonsisti f'pajpijiet tal-azzar miftuħa bis-sħana jew le b'dijamentri bejn is-6 mm u s-620 mm u ħxuna tal-ħitan bejn il-0.5 mm u s-70 mm. Dawn il-prodotti għandhom applikazzjonijiet varji fl-industriji tal-enerġija (żejt, gass, kimiċi, enerġija nukleari u konvenzjonali) u fl-industriji tal-makkinarju u l-kostruzzjoni. Wara l-privatizzazzjoni, il-kumpanija kompliet topera fl-istess suq tal-prodotti. Fil-preżent ArcelorMittal Tubular Products Holding B.V. Rotterdam NLD (of the ArcerlorMittal group) għandha 69,76 % tal-kumpanija (6).

2.   Il-miżura inkwistjoni

(6)

Fit-23 ta’ Lulju 2003, l-Aġenzija ta’ privatizzazzjoni Rumena l-APAPS (issa AVAS) (7) ippubblikat l-intenzjoni tagħha li tbigħ is-sehem tagħha ta' 70 % f'Petrotub. Il-privatizzazzjoni seħħet permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti. Ġie ffirmat ftehim ta’ bejgħ ma’ LNM Holdings NV (issa ArcelorMittal) fit-28 ta’ Ottubru 2003, għall-prezz tax-xiri ta’ USD 6 miljun (EUR 5,1 miljun (8)).

(7)

Fil-kuntest tal-privatizzazzjoni, l-APAPS qablet f’isem l-Istat Rumen li tħassar dejn pubbliku li jammonta għal EUR 22,5 miljun, u li jiġi skedat mill-ġdid il-bqija tad-dejn pubbliku.

(8)

Fl-1998 Petrotub kienet ikkuntrattat selfa kummerċjali ta’ DEM [30-50] (*) miljun [EUR 15-25 miljun] b’durata sal-2011 mill-bank ta' żvilupp Ġermaniż Kreditanstalt für Wiederaufbau (minn hawn’ il quddiem “KfW”), sabiex tixtri impjant ġdid minn Mannesmann AG. Il-pakkett ta’ finanzjament ta’ KfW kien assigurat fuq is-segmenti differenti tiegħu b’garanziji mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja u l-Awstrija u garanzija bankarja mill-bank Rumen Banca Comercială Română (BCR). Il-garanzija tal-Istat Ġermaniż kienet kontrogarantita mill-Istat Rumen. Il-kontrogaranzija Rumena kienet tkopri 85 % tat-total tas-selfa ta' KfW ta’ DEM 30-50 miljun. Ir-Rumanija talbet lil Petrotub tħallas miżata ta’ darba ta’ [3-7 %].

III.   ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(9)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni infurmat lir-Rumanija li l-bażi għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet l-Anness VII, it-Taqsima B dwar ir-Ristrutturar tal-Azzar tal-Protokoll għat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Rumanija (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “l-Anness VII”); u li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Anness VII fir-rigward tas-sitwazzjoni legali ta’ produtturi tal-pajpijiet Rumeni fiż-żmien tal-privatizzazzjoni, il-Kummissjoni se tinvestiga l-eżistenza u l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat lejn l-AM Roman fuq dik il-bażi.

(10)

Il-Kummissjoni nnotat li l-prezz tal-akkwist (EUR 5,1 miljun) ma kienx ikopri t-telf imġarrab mill-Istat fil-forma ta’ tħassir ta’ EUR 22,5 miljun ta’ dejn pubbliku li miegħu qablet l-Aġenzija ta’ privatizzazzjoni Rumena l-APAPS fil-kuntest tal-privatizzazzjoni.

(11)

Qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Rumanija kienet ipprovdiet rapport minn konsulent estern (9) biex turi li l-privatizzazzjoni fil-kondizzjonijiet imsemmija kienet l-aktar soluzzjoni vantaġġuża għall-Istat.

(12)

Ir-rapport identifika li l-privatizzazzjoni twassal għall-aktar sitwazzjoni vantaġġuża għall-Istat Rumen. It-tabella ta’ hawn taħt tqabbel l-ammonti stimati li jinkisbu minn kull istituzzjoni pubblika kredittriċi fil-privatizzazzjoni u l-likwidazzjoni (10).

 

Privatizzazzjoni

Likwidazzjoni

Fond tas-sigurtà soċjali

EUR […] miljun

EUR […] miljun

Fond tal-qagħad

EUR […] miljun

EUR […] miljun

Fond tas-saħħa

EUR […] miljun

EUR […] miljun

APAPS

EUR […] miljun

(inkluż il-prezz tal-bejgħ ta’ EUR 5,1 miljun)

0 .

Total għall-Istat

EUR [4-9] miljun

EUR [19-26] miljun

(13)

Ir-rapport kien ibbażat fuq is-suppożizzjoni li, f’każ ta’ likwidazzjoni, il-garanzija tal-1998 kienet tiġi attivata, u l-Istat (permezz tal-Ministeru tal-Finanzi) kien isir responsabbli għall-ammont pendenti tas-selfa tal-1998 minn KfW meħuda minn Petrotub, jiġifieri għal EUR [15-25] miljun. Fi kliem ieħor, f’xenarju ta’ likwidazzjoni, l-Istat kien eventwalment jirċievi biss EUR [2-9] miljun, li huwa inqas meta mqabbel mat-total ta’ EUR [4-9] miljun irċevut permezz tal-privatizzazzjoni.

(14)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni staqsiet jekk l-eżiti tax-xenarji tal-privatizzazzjoni u tal-likwidazzjoni kellhomx jiġu stimati għall-Istat kollu kemm hu, kif issuġġerixxa r-rapport tal-esperti, jew separatament għal kull wieħed mill-kredituri pubbliċi, skont il-ġurisprudenza HAMSA (11).

(15)

Inter alia, il-Kummissjoni ddubitat ukoll li t-telf ta’ EUR [15-25] miljun b'riżultat tal-użu tal-garanzija tal-1998 seta’ jkun ikkunsidrat fl-istima tal-eżitu tal-likwidazzjoni. Skont il-kawżi HYTASA (12) u Gröditzer (13), għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi bħala azzjonist tal-kumpanija u l-obbligi li jrid jassumi bħala awtorità pubblika. Minn dan isegwi li l-kostijiet preżunti fir-rigward ta’ att ta’ awtorità pubblika ma jistgħux ikunu kkunsidrati biex ikunu stimati l-kostijiet li azzjonist privat kien ikun f’pożizzjoni u ħerqan li jġarrab. Il-Kummissjoni tqis il-fatt li fl-1998, il-Ministeru tal-Finanzi Rumen ħareġ garanzija sovrana għal Petrotub bħala indikazzjoni li azzjonist privat ma kienx ikun f’qagħda li joħroġ tali garanzija. Indikazzjoni oħra f’dan is-sens huwa l-fatt li l-garanzija tal-1998 kienet mogħtija b'patti u kundizzjonijiet li operatur privat jista’ jkun li ma kienx jaċċetta.

IV.   KUMMENTI MIR-RUMANIJA U MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(16)

Fis-sottomissjoni tagħha tas-27 ta’ Novembru 2007, ir-Rumanija argumentat prinċipalment li l-privatizzazzjoni ta’ Petrotub f’Ottubru 2003 ma involvietx vantaġġ għal Petrotub jew għax-xerrej, u għalhekk l-operazzjoni ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(17)

Ir-Rumanija l-ewwel enfasizzat li Petrotub kienet mibjugħa permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet — fatt li, fl-opinjoni tal-awtoritajiet Rumeni, wera li Petrotub kienet inbiegħet bil-prezz tas-suq u li x-xerrej ma bbenefika mill-ebda vantaġġ bix-xiri. It-tieni, ir-Rumanija qieset li kienet aġixxiet bl-istess mod li kien jaġixxi kwalunkwe bejjiegħ privat: fl-għażla bejn ix-xenarji tal-privatizzazzjoni u l-likwidazzjoni, l-Istat għażel ix-xenarju li kien l-aktar vantaġġuż esklussivament fuq termini finanzjarji, mingħajr ma qies konsiderazzjonijiet nonkummerċjali u ta' politika tat-tip li fin-natura tagħhom huma karatteristiċi tal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

(18)

B’rabta mat-tieni argument, ir-Rumanija wriet li, skont il-liġi nazzjonali, l-aġenzija ta’ privatizzazzjoni AVAS kienet meħtieġa tistima u tqabbel l-eżiti globali tal-privatizzazzjoni u l-likwidazzjoni b’referenza għall-baġit tal-Istat inġenerali u ngħatat is-setgħa tagħmel dan. Fi kliem ieħor, l-aġenzija għall-privatizzazzjoni tagħżel ix-xenarju l-iktar vantaġġuż għall-baġit tal-Istat kollu kemm hu, bl-istess mod li kieku tuża kumpanija holding kbira li fiha bosta kredituri. Minn din il-perspettiva, kontrarjament għall-opinjonijiet tal-Kummissjoni, l-Istat ma setax jistima l-eżiti tal-privatizzazzjoni u l-likwidazzjoni separatament għal kull korp pubbliku kkonċernat u ma kellux għalfejn jagħmel dan.

(19)

Barra minn hekk, biex jiġu stimati r-riżultati ta’ likwidazzjoni, l-Istat kien intitolat li jikkonsidra t-telf assoċjat mal-użu tal-garanzija tal-1998, minħabba li, fil-kundizzjonijiet preżenti, tali garanzija kienet tingħata lil Petrotub wkoll minn investitur privat. Il-kumpanija ma kinitx tinsab f’diffikultajiet fiż-żmien meta ngħatat il-garanzija, u l-primjum tar-riskju mitlub minn Petrotub għall-garanzija kien remunerazzjoni xierqa għal garanzija tal-azzjonisti maħruġa favur kumpanija li kienet f’kundizzjoni tajba dakinhar.

(20)

Barra minn hekk, il-garanzija tal-1998 trid tkun ivvalutata mill-perspettiva tar-regoli relevanti tal-għajnuna mill-Istat fis-seħħ dakinhar. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar garanziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir applikabbli dakinhar kienet teskludi l-garanziji fuq il-kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta' żmien twil mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ skrutinju skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE (dak iż-żmien l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE) (14). Ir-Rumanija enfasizzat ukoll li fl-1998, meta ngħatat il-garanzija, Petrotub kienet produttur tal-pajpijiet, u bħala tali ma kinitx koperta mid-definizzjoni tal-KEFA tal-azzar jew bid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 2 dwar l-azzar tal-KEFA fil-Ftehim Ewropew.

(21)

AM Roman u l-kumpanija possedenti tagħha ArcelorMittal endorsjaw kompletament l-argumentazzjoni tar-Rumanija. Il-kumpaniji enfasizzaw ukoll li, skont il-leġiżlazzjoni Rumena applikabbli dakinhar, u skont ir-regoli tal-Ftehim Ewropew dwar l-għajnuna mill-Istat, il-garanzija mill-Istat maħruġa favur Petrotub fl-1998 ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-garanzija tal-1998 kienet tikkostittwixxi obbligu kummerċjali infurzabbli ċar meħud mill-Istat bħala azzjonista maġġoritarju tal-kumpanija kkonċernata, u li għalhekk tista’ tiġi inkluża fl-estimu tal-kostijiet ta’ likwidazzjoni. ArcelorMittal enfasizzat ukoll li ħallset prezz tas-suq għall-akkwiżizzjoni ta’ Petrotub, u għalhekk kwalunkwe vantaġġ possibbli li jirriżulta minn privatizzazzjoni, quod non, fi kwalunkwe każ baqgħu mal-Istat bħala bejjiegħ.

V.   VALUTAZZJONI

1.   Il-liġi applikabbli u l-kompetenza tal-Kummissjoni

(22)

Din il-proċedura tindirizza avvenimenti li seħħew qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea (mill-1 ta’ Jannar 2007). Petrotub ġiet privatizzata f’Ottubru 2003. Barra minn hekk, fl-1998 l-Istat Rumen kien ħareġ garanzija favur Petrotub f’dak li għandu x’jaqsam ma’ self ta’ DEM [30-50] miljun minn KfW għax-xiri ta’ impjant ġdid. Il-garanzija tal-1998 hija marbuta mal-privatizzazzjoni tal-2003 safejn ir-Rumanija argumentat li l-kostijiet tagħha f’każ ta’ likwidazzjoni għandhom ikunu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-operazzjoni ta' privatizzazzjoni tal-2003 skont it-test tal-operatur ekonomiku tas-suq.

(23)

Bħala regola ġenerali, l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE ma japplikawx għal miżuri mogħtija qabel l-adeżjoni li ma għadhomx applikabbli minn hemm ’il quddiem (15). B’deroga minn din ir-regola ġenerali, u għalhekk fuq bażi eċċezzjonali, il-Kummissjoni hija kompetenti biex teżamina l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Rumanija fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-industrija tagħha tal-azzar qabel l-adeżjoni, abbażi tal-Anness VII mat-Trattat tal-Adeżjoni tar-Rumanija (16).

Il-karattru ta’ lex specialis tal-Anness VII

(24)

L-Anness VII jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lir-Rumanija ttemm ir-ristrutturazzjoni tal-industrija tagħha tal-azzar li kienet bdiet qabel l-adeżjoni. Ir-ristrutturar ta’ qabel l-adeżjoni tas-settur tal-azzar Rumen twettaq fuq il-bażi tal-Protokoll 2 dwar l-azzar tal-KEFA anness mal-Ftehim Ewropew (minn hawn’ il quddiem “il-Protokoll 2”), kif estiż bil-Protokoll Addizzjonali ffirmat fit-23 ta’ Ottubru 2002 (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll Addizzjonali”).

(25)

Il-Protokoll 2 ta lir-Rumanija “perjodu ta’ grazzja” ta’ 5 snin, mill-1993 sa tmiem l-1998, biex tirristruttura l-industrija tal-azzar tal-KEFA tagħha fid-dawl tal-adeżjoni. Il-“perjodu ta’ grazzja” ġie estiż sa tmiem l-2004 bi Protokoll Addizzjonali approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Lulju 2002 u ffirmat fit-23 ta’ Ottubru 2002. Matul il-“perjodu ta’ grazzja” totali li rriżulta, jiġifieri mill-1993 sa tmiem l-2004, ir-Rumanija tħalliet tagħti għajnuna ta’ ristrutturazzjoni lis-settur tal-azzar fuq termini u kondizzjonijiet li jirriżultaw mill-Protokoll 2 (kif estiż bil-Protokoll Addizzjonali) u fuq il-bażi ta’ Programm ta’ Ristrutturazzjoni Nazzjonali (minn hawn’ il quddiem “PRN”) maqbul mill-Komunità. Il-PRN Rumen ġie approvat mill-Kunsill fit-18 ta’ Lulju 2005 (17).

(26)

L-Anness VII huwa ‘mekkaniżmu ta’ salvagwardja’ li jippermetti lill-Kummissjoni biex wara l-1 ta’ Jannar 2007 (id-data tal-adeżjoni) timmonitorja għajnuna mogħtija mir-Rumanija għas-settur tal-azzar qabel l-adeżjoni abbażi tal-Protokoll 2 (kif estiż bil-Protokoll addizzjonali) u tal-PRN. B’żieda ma’ dan, l-Anness VII jagħti l-possibbiltà biex il-Kummissjoni tirkupra għajnuniet mogħtija bi ksur tal-Protokoll 2 u tal-PRN. Konsegwentement, l-Anness VII huwa lex specialis li jippermetti, fuq bażi eċċezzjonali u b’deroga mis-sistema ġenerali, il-monitoraġġ retroattiv u l-eżami tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lis-settur tal-azzar Rumen mir-Rumanija qabel l-adeżjoni tagħha. F’sentenzi reċenti dwar għajnuna mill-Istat mogħtija qabel l-adeżjoni lill-kumpaniji tal-azzar Pollakki (18) il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-karattru lex specialis tal-Protokoll 8 għat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Polonja, li fih dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Anness VII.

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza tal-kontroll retroattiv mill-Kummissjoni skont l-Anness VII

(27)

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-kompetenza eċċezzjonali ta’ kontroll kif deskritta fil-premessi (23) sa (26) ta’ hawn fuq tkoprix ukoll miżuri implimentati mir-Rumanija favur produtturi tal-pajpijiet qabel l-adeżjoni. Biex dan isir, il-bażijiet legali applikabbli f’dan il-każ, li jikkonsistu mill-Anness VII flimkien mal-Protokoll 2 u l-Protokoll Addizzjonali, għandhom jiġu interpretati bil-għan li jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tagħhom ikoprux miżuri mogħtija lill-produtturi tal-pajpijiet Pollakki qabel l-adeżjoni.

(28)

Huwa prinċipju legali ġeneralment irrikonoxxut li d-dispożizzjonijiet ta’ lex specialis li tidderoga mis-sistema ġenerali għandhom ikunu interpretati stricto sensu. Interpretazzjoni stretta tal-bażijiet legali msemmija hawn fuq (ara l-premessi mid-29 sal-43 ta’ hawn taħt) twassal għall-konklużjoni li l-kompetenza retroattiva eċċezzjonali ta’ kontroll tal-Kummissjoni hija limitata għall-għajnuna (potenzjali) ta' qabel l-adeżjoni lill-produtturi tal-KEFA, u għaldaqstant teskludi għajnuna (potenzjali) lill-produtturi tal-pajpijiet.

Interpretazzjoni tal-bażijiet legali

(29)

Il-paragrafi (12) u (17) tal-Anness VII jistabbilixxu l-kompetenzi ta' monitoraġġ u ta’ kontroll retroattiv tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni lill-industrija tal-azzar Rumena. Il-paragrafu 12 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-PRN qabel u wara l-adeżjoni, jiġifieri sal-2009. Il-paragrafu (17) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tal-paragrafi (1) sa (3) tal-Anness VII (kif indikat fil-premessi (30)-(32) hawn taħt).

(30)

Il-paragrafu (1) tal-Anness VII jistipula li l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Rumanija għar-ristrutturar ta’ “partijiet speċifiċi tal-industrija tagħha tal-azzar” mill-1993 sal-2004 titqies bħala kompatibbli mas-suq intern sakemm: “[…] il-perjodu previst fl-Artikolu 9 (4) tal-Protokoll 2 dwar prodotti tal-KEFA għall-Ftehim Ewropew […] ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2005”; it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-PRN jkunu ġew imħarsa; l-ebda għajnuna oħra mill-Istat ma tingħata jew titħallas lill-benefiċjarji tal-PRN wara l-1 ta’ Jannar 2005; u “[…] l-ebda għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar ma titħallas lis-settur Rumen tal-azzar wara l-31 ta’ Diċembru 2004”. Huwa jistipula wkoll li: “Għall-finijiet ta' dawn id-disposizzjonijiet u tal-Appendiċi A, l-għajnuna mill-Istat għar-ristrutturazzjoni għandha tinftiehem bħala kwalunkwe miżura li tikkonċerna kumpanniji tal-azzar li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE u li ma tistax titqies kompatibbli mas-suq komuni skont ir-regoli normali applikati fil-Komunità”.

(31)

Il-paragrafu (2) tal-Anness VII jipprovdi li huma biss il-kumpanniji elenkati bħala benefiċjarji tal-PRN (wkoll elenkati fl-Appendiċi A tal-Anness VII) li huma eliġibbli biex jirċievu għajnuna mill-Istat matul il-perjodu mill-1993 sal-2004.

(32)

Il-paragrafu (6) tal-Anness VII jipprevedi li l-kumpaniji mhux elenkati bħala benefiċjarji tal-PRN “ma jibbenefikawx minn għajnuna għar-ristrutturar jew kwalunkwe għajnuna oħra”, u lanqas ma jiġu mitluba jnaqqsu l-kapaċità tagħhom.

(33)

L-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu (1) tal-Anness VII jirreferi b’mod espliċitu għall-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2, kif estiż bil-Protokoll Addizzjonali ffirmat fit-23 ta’ Ottubru 2002. Il-Protokoll 2 kien ikopri biss azzar tal-KEFA, u saħansitra kien jelenka prodotti tal-azzar tal-KEFA f’Anness. Dan tal-aħħar kien fih l-istess lista tal-prodotti tal-KEFA bħal dik fl-Anness I tat-Trattat tal-KEFA, fejn id-definizzjoni tal-prodotti tal-azzar tal-KEFA speċifikament kienu jeskludu l-pajpijiet (“pajpijiet tal-azzar (bla ġonot jew iwweldjati) […] vireg lixxi u ħadid fondut (tubi, pajpijiet u tagħmir li jitwaħħal, u ħadid fondut ieħor)”.

(34)

It-Trattat tal-KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002. Minn dik id-data ‘l quddiem, l-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-azzar iddaħħlet fis-sistema ġenerali tal-KE. F’dik l-okkażjoni, ġie deċiż li tiġi estiża d-definizzjoni tas-settur tal-azzar sabiex tinkludi lill-produtturi tal-pajpijiet. Dan ġie kkodifikat fl-Artikolu 27 u l-Anness B tal-Qafas Multisettorjali dwar l-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (19), li ddefinixxa s-settur tal-azzar tal-UE sabiex jinkludi pajpijiet mingħajr saldaturi u pajpijiet kbar issaldjati (b’dijametru ikbar minn 406.4 mm). Id-definizzjoni estiża tas-settur tal-azzar ġiet imbagħad inkluża fl-Anness tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (20) u fil-punt 29 tal-Artikolu 2 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (21).

(35)

Madankollu, la l-Protokoll 2 u lanqas il-Protokoll Addizzjonali ma kienu espliċitament emendati biex jinkludu din id-definizzjoni estiża tas-settur tal-azzar tal-UE bħala li jinkludi produtturi tal-pajpijiet. Il-Protokoll 2 skada fil-31 ta’ Diċembru 1997. Il-Protokoll addizzjonali estenda l-validità tal-Protokoll 2 mill-1 ta’ Jannar 1998 għal 8 snin oħra jew sad-data tal-adeżjoni tar-Rumanija (skont liema minnhom tiġi l-ewwel). Il-Protokoll Addizzjonali jirreferi għall-“prodotti tal-azzar” b’mod ġenerali, iżda l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huwa wkoll speċifikament marbut mal-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2, li kien ikopri l-prodotti tal-KEFA biss. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll Addizzjonali, l-estensjoni tal-Protokoll 2 kienet kundizzjonali fuq it-tressiq mir-Rumanija lill-Kummissjoni ta’ PRN u pjanijiet ta’ ristrutturar tal-kumpaniji, għall-benefiċjarji tal-PRN, li t-tnejn jissodisfaw “ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew u vvalutati u maqbula mill-Awtorità Nazzjonali dwar l-Għajnuna mill-Istat (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni)”.

(36)

Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Paragrafu 17 tal-Anness VII, kif interpretat fid-dawl tal-paragrafi (1), (2) u (6) tal-Anness VII, flimkien mal-Protokoll 2 u l-Protokoll Addizzjonali, ma jagħtux lill-Kummissjoni l-kompetenza biex tikkontrolla l-għajnuna mogħtija lil produtturi tal-pajpijiet Rumeni qabel l-adeżjoni, b’mod partikolari matul il-perjodu 1993 sa 2004.

Regoli ta' Implimentazzjoni għall-Ftehim Ewropew bħala strument ta’ interpretazzjoni

(37)

B’żieda mal-interpretazzjoni legali tal-qasam ta’ applikazzjoni tal-bażijiet legali rilevanti (jiġifieri l-Anness VII, il-Protokoll 2 u l-Protokoll Addizzjonali – ara l-premessi mid-29 sas-36 ta’ hawn fuq), il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-kwistjoni dwar jekk ir-Regoli ta' Implimentazzjoni għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ftehim Ewropew u tal-Protokoll 2, kif adottati mill-Komunità u mir-Rumanija fl-2001 (minn issa 'l quddiem "ir-Regoli ta' Implimentazzjoni" (22)), humiex rilevanti biex jiġi ddeterminat l-ambitu tal-kompetenza ta’ kontroll retroattiv tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna (potenzjali) ta’ qabel l-adeżjoni lill-produtturi tal-pajpijiet Rumeni.

(38)

Bħala regola ġenerali, ir-Regoli ta' Implimentazzjoni fihom regoli ta’ proċedura li wieħed għandu jiddistingwi mid-dispożizzjonijiet sostantivi dwar l-għajnuna mill-Istat fil-Ftehim Ewropew u fil-Protokoll 2. Madankollu, ta’ min wieħed jinnota li r-Regoli ta' Implimentazzjoni fihom ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kriterji għall-ivvalutar tal-kompatibbiltà tal-għajnuniet mal-Ftehim Ewropew u mal-Protokoll 2 rispettivament.

(39)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni tipprevedi dan li ġej: “Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuniet individwali mogħtija u tal-programmi rilevanti mal-Ftehim Ewropew, kif stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ dawn ir-Regoli, għandha ssir abbażi tal-kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 87 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bl-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni sekondarja preżenti u futura, l-oqfsa, il-linji gwida u atti amministrattivi oħra rilevanti li huma fis-seħħ fil-Komunità kif ukoll il-każistika tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni f’konformità mal-Artikolu 4(3)”. Din is-sentenza tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li l-kriterji sostantivi għall-ivvalutar tal-kompatibbiltà tal-għajnua mill-Istat inġenerali mal-Ftehim Ewropew huma “evoluttivi”, fis-sens li dawn jinkorporaw kwalunkwe tibdiliet/żviluppi ġodda fil-liġi u l-każistika tal-UE.

(40)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(1)tirreferi b’mod partikolari għall-kriterji ta’ kompatibbiltà stabbiliti mill-Protokoll 2: “Sakemm l-għoti tal-għajnuna jew il-programm ta’ għajnuna jkun maħsub għal prodotti koperti mill-Protokoll 2 anness mal-Ftehim Ewropew, l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu tapplika bis-sħiħ barra mill-fatt li l-valutazzjoni għandha ssir mhux abbażi tal-kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Artikolu 87 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iżda abbażi tal-kriterji ħerġin mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.” Għandu jiġi nnutat li l-kliem ta’ din is-sentenza jindika b’mod ċar li, b’kuntrast mas-sitwazzjoni tal-għajnuniet ġenerali koperti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) (ara premessa (41) hawn fuq), fil-każ ta’ għajnuna koperta mill-Protokoll 2 il-kriterji ta’ kompatibbiltà jiżviluppaw b’referenza mat-Trattat tal-KEFA. Ma ngħatawx indikazzjonijiet speċifiċi dwar l-evoluzzjoni tal-kriterji ta’ kompatibbiltà wara l-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA fl-2002.

(41)

L-Artikoli 2(2) u 2(3) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni stabbilixxew il-mekkaniżmu li bih ir-Rumanija għandha tinkorpora bidliet fil-kriterji ta’ kumpatibbiltà tal-UE. B’mod partikolari, ir-Rumanija tkun infurmata bi kwalunkwe bidla fil-kriterji ta’ kompatibbiltà tal-Komunità li ma tkunx ippubblikata, u "fejn ir-Rumanija ma toġġezzjonax għal tali bidliet fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tal-informazzjoni uffiċjali dwarhom, dawn għandhom isiru kriterji ta’ kompatibbiltà kif stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Fil-każijiet fejn ir-Rumanija toġġezzjona għal tali bidliet u fir-rigward tal-approssimazzjoni tal-liġijiet kif stabbilita fil-Ftehim Ewropew, għandhom jitwettqu konsultazzjonijiet f’konformità mal-Artikoli 7 u 8 ta’ dawn ir-Regoli."

(42)

Minkejja li r-Rumanija ma oġġezzjonatx fi żmien tliet xhur għat-tibdila tal-2002 fir-rigward tad-definizzjoni Komunitarja tal-industrija tal-azzar biex tkopri wkoll il-produtturi tal-pajpijiet, tali bidliet fil-liġi Komunitarja ma setgħux isiru applikabbli fir-rigward tal-miżuri li ma jaqgħux fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Ewropew, jiġifieri dawk mhux koperti mit-Trattat tal-KEFA. Barra minn hekk, peress li l-Anness VII huwa lex specialis, meta tiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu l-Kummissjoni ma tistax toqgħod fuq it-twessigħ tad-definizzjoni tal-azzar tal-UE wara l-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA. Għaldaqstant, wieħed għandu jikkonkludi li għandha ssir distinzjoni ċara bejn in-natura "evoluttiva" tal-liġi applikabbli, skont il-Ftehim Ewropew, għall-għajnuna mill-Istat mogħtija lis-settur tal-azzar fir-Rumanija qabel l-adeżjoni, minn naħa, u l-interpretazzjoni neċessarjament stretta tal-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza ta’ kontroll retroattiv tal-Kummissjoni kif tirriżulta mill-Anness VII, mill-Protokoll 2 u mill-Protokoll Addizzjonali.

VI.   KONKLUŻJONI

(43)

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq (ara b’mod partikolari l-premessi (36) u (42) hawn fuq), il-Kummissjoni tikkonkludi li ma għandhiex kompetenza li tanalizza miżuri implimentati favur produtturi tal-pajpijiet Rumeni qabel l-adeżjoni, b’mod partikolari fil-perjodu 1993-2004, fuq il-bażi tal-Anness VII. Din il-proċedura tingħalaq, filwaqt li jkun innotat in-nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni li tistħarreġ l-atti konċernati.

IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE, mibdija permezz tal-ittra indirizzata lir-Rumanija tal-25 ta’ Settembru 2007, hija magħluqa minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness VII, it-Taqsima B mat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Rumanija biex teżamina l-miżuri mogħtija mir-Rumanija fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ Petrotub Roman S.A fl-2003.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 287, 29.11.2007, p. 29.

(2)  Petrotub kienet akkwiżita fl-2003 minn LNM Holdings, u din tal-aħħar ingħaqdet ma' ISPAT International fl-2004, biex iffurmaw il-grupp Mittal Steel. Fl-2006, Mittal Steel ingħaqad ma' Arcelor biex jifformaw l-grupp ArcelorMittal. Mill-31 ta' Diċembru 2009, ArcelorMittal Tubular Products Holding B.V. Rotterdam NLD għandha 69,7684% ta' ArcelorMittal Tubular Products Roman S.A.

(3)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108 rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ('TFUE'). Iż-żewġ settijiet tad-dipożizzjoniijiet huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi. Għal għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, referenza għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandha tinftiehem bħala referenza għall-Artikoli 87 u 88 rispettivament, tat-Trattat tal-KE fejn xieraq.

(4)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1 hawn fuq.

(5)  Roman hija t-tieni l-akbar belt ta' kontea fil-Grigal Rumen li tikkwalifika bħala reġjun assistit skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 fuq il-mappa tal-Għajnuna mill-Istat nazzjonali reġjonali għar-Rumanija (N 2/07) (ĠU C 73, 30.3.2007, p. 17).

(6)  Aktar dettalji dwar il-profil attwali tal-kumpanija huma disponibbli fuq il-websajt ta’ ArcelorMittal (ara http://www.arcelormittal.com/tubular/roman-54.html).

(7)  F’Mejju 2004, l-Aġenzija ta’ privatizzazzjoni Rumena l-APAPS (akronimu Rumen tal-Awtorità għall-Privatizzazzjoni u l-Amministrazzjoni ta’ Holdings Statali) ġiet magħquda ma’ AVAB (akronimu Rumen tal-Awtorità għall-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Banek) u ngħatat isem ġdid AVAS (akronimu Rumen tal-Awtorità għall-Amministrazzjoni ta’ Assi Statali).

(8)  L-ammonti f'EUR huma kkalkulati fuq ir-rata tal-kambju ROL/EUR tat-30 ta’ Settembru 2003-1 EUR = 38 185 ROL.

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(9)  BDO Conti Audit SA, rapport ta' Ottubru 2007.

(10)  L-ammonti espressi f’ROL huma kkonvertiti f’EUR bir-rata tal-kambju ROL/EUR applikabbli fit-30 ta’ Settembru 2003 — ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8 hawn fuq.

(11)  Il-Kawża T-152/99 HAMSA u Spanja vs il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-3049].

(12)  Il-Kawżi Konġunti C-278/92 sa 280/92 Spanja vs il-Kummissjoni (HYTASA) [1994] Ġabra I-4103.

(13)  Il-Kawża C-344/99 Il-Ġermanja vs il-Kummissjoni (Gröditzer Stahlwerke) [2003] Ġabra I-1139.

(14)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri skont l-Artikolu 93(1) tat-Trattat tal-KE li tapplika l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat għal assigurazzjoni fuq żmien qasir ta’ esportazzjonijiet bi kreditu (ĠU C 281, 17.9.1997, p. 4). It-test huwa disponibbli fuq http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:31997Y0917(01):MT:HTML

(15)  Fis-sentenza tal-1 ta' Lulju 2009 tal-Kawżi Konġunti T-273/06 u T-297/06 ISD Polska et al vs il-Kummissjoni, fil-paragrafu 90 il-Qorti Ġenerali kkonfermat li "[…] huwa paċifiku bejn il-partijiet li bħala prinċipju, l-Artikoli 87 tal-KE u 88 tal-KE ma japplikawx għal għajnuna mogħtija qabel is-sħubija li ma tibqax tapplika wara s-sħubija." Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/937/KE tal-5 ta’ Lulju 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat C 20/04 (ex NN 25/04) favur Huta Czestochowa S.A. (ĠU L 366, 21.12.2006, p. 1, paragrafu 108).

(16)  ĠU L 157, 21.6.2005.

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar l-adempjiment tal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Rumanija, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ estensjoni tal-perjodu mniżżel fl-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2 tal-Ftehim Ewropew (ĠU L 195, 27.7.2005, p. 22).

(18)  Il-Kawża T288/06 Regionalny Fundusz Gospodarczy vs il-Kummissjoni, sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, il-paragrafi 40-44, u l-Kawżi Konġunti T-273/06 u Y-297/06 ISD Polska u oħrajn vs il-Kummissjoni, sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, paragrafi 91-97.

(19)  ĠU C 70, 19.3.2002, p. 8.

(20)  ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(21)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(22)  ĠU L 138, 22.5.2001, p. 16.


Top