Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0924

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 924/2012 tal- 4 ta’ Ottubru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 275, 10.10.2012, p. 1–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/05/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/924/oj

    10.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 275/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 924/2012

    tal-4 ta’ Ottubru 2012

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 91/2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 tat-23 ta’ Lulju 2001 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet ta’ anti-dumping u anti-sussidji (1) (“ir-Regolament ta’ awtorizzazzjoni tad-WTO”), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 (2) li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-Regolament definittiv”).

    B.   RAPPORTI ADOTTATI MILL-KORP GĦALL-FTEHIM FUQ TILWIM TAD-WTO

    (2)

    Fit-28 ta’ Lulju 2011, il-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim (“DSB”) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) adotta r-Rapport tal-Korp tal-Appell u r-Rapport tal-Bord kif immodifikat bir-rapport tal-Korp tal-Appell fil-każ “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri Anti-Dumping Definittivi fuq Ċerti Qfieli tal-Ħadid jew tal-Azzar miċ-Ċina” (3) (“Rapporti”). F’dawn ir-Rapporti, fost l-oħrajn instab li l-UE aġixxiet b’mod inkonsistenti ma’:

    L-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping fir-rigward tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (4) (“ir-Regolament bażiku”) kif applikat fl-investigazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“l-investigazzjoni tal-qfieli”);

    L-Artikoli 6.4, 6.2 u 2.4 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping fir-rigward ta’ ċerti aspetti tad-determinazzjoni tad-dumping fl-investigazzjoni tal-qfieli;

    L-Artikolu 4.1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-investigazzjoni tal-qfieli;

    L-Artikoli 3.1 u 3.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping fir-rigward tal-konsiderazzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fl-investigazzjoni tal-qfieli;

    L-Artikoli 3.1 u 3.5 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping fir-rigward tal-analiżi tal-kawżalità fl-investigazzjoni tal-qfieli; u

    L-Artikoli 6.5 u 6.5.1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni kunfidenzjali fl-investigazzjoni tal-qfieli.

    C.   PROĊEDURA

    (3)

    Fis-6 ta’ Marzu 2012, skont ir-Regolament ta’ awtorizzazzjoni tad-WTO, bdiet reviżjoni bil-pubblikazzjoni ta’ Notifika (5) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“in-Notifika ta’ bidu”). Il-Kummissjoni Ewropea infurmat lill-partijiet fl-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament (KE) Nru 91/2009 (“l-investigazzjoni oriġinali”) bir-reviżjoni u bil-mod li bih kien maħsub li jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tar-Rapporti rigward ir-Regolament definittiv.

    D.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

    (4)

    Il-prodott ikkonċernat hu ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar, ħlief l-azzar inossidabbli, jiġifieri viti tal-injam (ħlief il-coach screws), viti self-tapping, viti u boltijiet oħra bir-ras (bl-iskorfini jew il-woxers tagħhom jew le, iżda ħlief il-viti magħmula minn staneg, vireg, profili jew wajer, b’sezzjoni solida, bi ħxuna tal-parti dritta li ma taqbiżx is-6 mm u ħlief il-viti u l-boltijiet li jwaħħlu l-materjal għall-bini tal-linji ferrovjarji), u woxers, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (imsejħa “qfieli” jew “prodott ikkonċernat”).

    (5)

    Bħalissal-prodott ikkonċernat huwa kklassifikat fil-kodiċijiet NM 7318 12 90, 7318 14 91, 7318 14 99, 7318 15 59, 7318 15 69, 7318 15 81, 7318 15 89, ex 7318 15 90, ex 7318 21 00 u ex 7318 22 00.

    (6)

    Ir-Rapporti ma jaffettwawx il-konklużjonijiet li jinsabu fil-premessi (40) sa (57) tar-Regolament definittiv dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili.

    E.   IL-KONKLUŻJONIJIET RIVEDUTI BBAŻATI FUQ IR-RAPPORTI

    (7)

    Kif indikat fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid il-konklużjonijiet definittivi tal-investigazzjoni oriġinali billi tqiesu r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB. Din ir-rivalutazzjoni kienet ibbażata fuq l-informazzjoni li nġabret fl-investigazzjoni oriġinali u l-informazzjoni li nġabret wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika.

    (8)

    L-investigazzjoni oriġinali dwar id-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). Dwar il-parametri rilevanti fil-kuntest tal-istima tal-ħsara, ġiet analizzata dejta li tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-aħħar tal-perjodu ta’ investigazzjoni (“perjodu kkunsidrat”).

    (9)

    L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jirranġa l-aspetti tar-Regolament definittiv li nstabu inkonsistenti mid-DSB fir-Rapporti li dan adotta u li jikkonforma r-Regolament definittiv mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB.

    1.   Trattament Individwali: applikazzjoni tal-Artikolu 9(5) fir-Regolament definittiv

    (10)

    Din it-taqsima tistabbilixxi l-konklużjonijiet ivvalutati mill-ġdid tal-investigazzjoni oriġinali rigward dawn ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tar-Rapporti li l-UE aġixxiet b’mod inkonsistenti mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping fir-rigward tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku kif applikat fl-investigazzjoni oriġinali tal-qfieli.

    (11)

    Kif imsemmi fil-premessi (81) u (84) tar-Regolament definittiv, kull wieħed mill-ħames produtturi esportaturi li ntgħażlu fil-kampjun u tliet produtturi esportaturi eżaminati individwalment li talbu trattament individwali (“TI”) instabu li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha biex jingħataw TI skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Kif jissemma fil-premessi (62) u (78) tar-Regolament definittiv, erba’ produtturi esportaturi li oriġinarjament kienu parti mill-kampjun kif ukoll kumpanija waħda li ngħatat eżami individwali tqiesu bħala kumpaniji li ma kkoperawx, billi dawn ressqu informazzjoni li mhix konsistenti mal-evidenza matul l-investigazzjoni.

    (12)

    Fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet rigward l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku li jinsab fir-Rapporti, il-Kummissjoni stiednet produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex jippreżentaw ruħhom u jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex jirrivedu l-qagħda attwali tagħhom jekk l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea bħalissa huma soġġetti għall-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina; u huma qiesu ruħhom li ġew skoraġġuti milli jikkoperaw u milli jitolbu TI fl-investigazzjoni oriġinali minħabba l-piż amministrattiv involut, jew minħabba li tqiesu li ma ssodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    (13)

    Il-Kummissjoni stiednet dawn il-produtturi jiddikjaraw jekk huma qiesux ruħhom li ġew skoraġġuti milli jikkoperaw u milli jitolbu TI fl-investigazzjoni oriġinali minħabba l-piż amministrattiv involut, jew minħabba li ma qiesux ruħhom li jissodisfaw il-kriterji kollha tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Dawk il-partijiet interessati ġew mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 30 jum wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ bidu u biex jipprovdu dawn iż-żewġ elementi ta’ informazzjoni:

    jekk huma qisux ruħhom li ġew skoraġġuti milli jikkoperaw u milli jitolbu TI waqt il-bidu tal-ewwel investigazzjoni; u

    jipprovdu informazzjoni dwar il-kwantitajiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea u l-prezzijiet tal-esportazzjoni li jkopru l-PI użat fl-investigazzjoni oriġinali.

    (14)

    Xi produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina esprimew tħassib dwar il-proċedura ta’ implimentazzjoni tar-Rapporti tad-DSB stabbiliti fin-Notifika ta’ bidu. B’mod partikolari dawn enfasizzaw li l-iskadenzi ppubblikati huma qisuhom qosra wisq. Huma sostnew li fuq produtturi esportaturi tpoġġa piż amministrattiv żejjed, u dan ħalla effett dissważiv u waqqafhom milli jirċievu trattament individwali.

    (15)

    It-tħassib espress minn dawk il-produtturi esportaturi tqies bla bażi. Il-Kummissjoni qieset din l-iskadenza xierqa fid-dawl tal-piż amministrattiv u l-ammont żgħir ta’ informazzjoni mitluba. In-Notifika ta’ Bidu spjegat li reviżjoni tal-qagħda attwali ta’ produttur esportatur titqies ġaladarba tkun waslet applikazzjoni li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

    dikjarazzjoni sempliċi li l-produttur esportatur iqis li ġie skoraġġut u għalhekk ma kkoperax u talab TI; u

    ċifri bażiċi ħafna li juru li hu esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-UE matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

    (16)

    L-uniku għan li tintalab din l-informazzjoni kien biex il-Kummissjoni tkun tista’ tidentifika dawk il-produtturi esportaturi li kienu f’pożizzjoni li jikkoperaw u jitolbu TI matul l-investigazzjoni oriġinali iżda li qisu ruħhom li ġew skoraġġuti milli jagħmlu dan. L-iskadenza ta’ 30 jum tqieset xierqa biex titwieġeb talba għal dikjarazzjoni sempliċi u għal ċifri bażiċi ħafna u ma tistax titqies li timponi piż amministrattiv sproporzjonat. Il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża u produttur esportatur Ċiniż sostnew li bit-talba għall-informazzjoni kif jissemma fil-premessa (15) hawn fuq, il-Kummissjoni imponiet kundizzjonijiet fuq produtturi esportaturi Ċiniżi, minkejja li t-TI għandu jingħata bħala regola skont l-Artikoli 6.10 u 9.3 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping. Dan l-approċċ imur kontra r-rakkomandazzjonijiet tar-rapporti tad-DSB u dawn il-partijiet stiednu lill-Kummissjoni biex tikkuntattja lill-produtturi esportaturi Ċiniżi ex officio u tindika li dawn se jingħataw TI. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li, meta ppubblikat in-Notifika ta’ Bidu li ntbagħtet lill-produtturi esportaturi Ċiniżi magħrufa kollha u lill-assoċjazzjoni tal-kummerċ tagħhom u lill-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni kienet ikkuntattjat lill-produtturi esportaturi Ċiniżi kollha u stednithom jippreżentaw ruħhom fi żmien 30 jum, jekk huma esportaw matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u ma ppreżentawx ruħhom matul l-investigazzjoni oriġinali. Din il-kwistjoni tal-aħħar m’għandhiex titqies bħala “kundizzjoni” fis-sens ta’ “test” kif ġie ppreżentat mill-istess partijiet, iżda pjuttost bħala dikjarazzjoni ta’ fatt li turi li huma kienu fil-fatt imħassba bl-investigazzjoni oriġinali. Fl-aħħarnett, għandu jiġi nnutat li mistoqsijiet relatati mal-prodotti esportati jsiru bl-iskop li jiġi vverifikat jekk il-kampjun li ntgħażel fil-bidu jeħtieġx li jinbidel, u mhumiex relatati mal-kwistjoni tat-TI. Għalhekk din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

    (17)

    Mill-15-il kumpanija li ppreżentaw ruħhom wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ Bidu u li għamlu t-talbiet sal-iskadenza:

    10 kumpaniji kienu produtturi esportaturi li kienu diġà ppreżentaw ruħhom u kkoperaw fl-investigazzjoni oriġinali.Dan wera li ma kinux ġew skoraġġuti milli jikkoperaw u jitolbu TI fl-investigazzjoni oriġinali u għalhekk il-qagħda tagħhom ma setgħetx tiġi eżaminata mill-ġdid fil-kuntest tar-reviżjoni attwali. Waħda minn dawn l-għaxar kumpaniji li talbu reviżjoni tal-obbligi attwali tagħhom, ġiet mistiedna tressaq talba għal reviżjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11.3 tar-Regolament bażiku,

    Kumpanija waħda kienet produttur esportatur ġdid (jiġifieri ma esportax lejn l-UE matul l-investigazzjoni oriġinali). Għalhekk din il-kumpanija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkopera u titlob TI fl-investigazzjoni oriġinali għal dik ir-raġuni. Din kienet mgħarrfa bil-proċeduri biex titlob Trattament ta’ Produttur Esportatur Ġdid skont l-Artikolu 2 tar-Regolament definittiv,

    Tnejn tqiesu li mhumiex produtturi esportaturi iżda kumpaniji kummerċjali u għalhekk kienu mgħarrfa li ma kinux ikkonċernati b’din ir-reviżjoni,

    Żewġ produtturi esportaturi stqarrew li huma konformi mal-kriterji u talbu biex il-qagħda tagħhom tiġi eżaminata. Madankollu, waħda minn dawn il-kumpaniji sussegwentement irtirat l-applikazzjoni tagħha.

    (18)

    Il-kumpaniji li għamlu t-talbiet ingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-informazzjoni provduta lilhom.

    (19)

    Il-produttur esportatur li stqarr li huwa konformi mal-kriterji u li talab biex il-qagħda tiegħu tkun eżaminata, instab li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punt 1 tan-Notifika ta’ Bidu. Dan il-produttur esportatur talab ukoll eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku filwaqt li stqarr li huwa kien jitlob dan it-trattament kieku ma ġiex skoraġġut milli jikkopera matul l-investigazzjoni oriġinali. Filwaqt li tqies li matul l-investigazzjoni oriġinali l-produtturi esportaturi kollha li għamlu din it-talba ġew eżaminati individwalment, għal raġunijiet ta’ trattament ugwali, it-talba tiegħu ġiet aċċettata.

    (20)

    In-Notifika li ġiet ippubblikata fis-6 ta’ Ġunju 2012 (6) tħabbar ir-reviżjoni tal-qagħda attwali għal dan il-produttur esportatur, Bulten Fasteners (China) Co., Ltd (“BFC”). Il-kwantitajiet esportati ta’ dan il-produttur esportatur matul il-PI jammontaw għal inqas minn 0,4 % tal-esportazzjonijiet totali mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina matul il-PI. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm bżonn li jinbidel il-kampjun oriġinali tal-produtturi esportaturi. Intbagħat kwestjonarju lill-produttur esportatur fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-kumpaniji relatati tiegħu fl-UE li huma involuti fil-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat matul il-PI oriġinali.

    (21)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għal determinazzjoni tad-dumping u wettqet verifiki fl-istabbilimenti ta’ dawn il-kumpaniji li ġejjin:

    Bulten Sweden AB, Göteborg, l-Isvezja

    Bulten GMBH, Bergkamen, il-Ġermanja

    (22)

    Il-Kummissjoni kkonkludiet li BFC għandu jingħata TI skont ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku fir-Rapporti tad-DSB.

    2.   Ċertu aspett tad-determinazzjoni tad-dumping fl-investigazzjonijiet tal-qfieli

    (23)

    Din it-taqsima tistabbilixxi l-konklużjonijiet ivvalutati mill-ġdid tal-investigazzjoni oriġinali rigward dawn ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tar-Rapporti li l-UE aġixxiet b’mod inkonsistenti mal-Artikoli 6.4, 6.2 u 2.4 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping fir-rigward ta’ ċerti aspetti tad-determinazzjoni tad-dumping fl-investigazzjoni oriġinali tal-qfieli.

    (24)

    Fil-kuntest tad-djalogu miftuħ li sar ma’ xi produtturi esportaturi Ċiniżi u l-Kamra tal-Kummerċ, informazzjoni aktar dettaljata dwar il-karatteristiċi tal-prodott tal-prodotti mibjugħa mill-produttur Indjan li kkopera kienet mogħtija lill-partijiet sabiex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tad-DSB tad-WTO rigward l-Artikoli 6.4, 6.2 u 2.4 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping, kif jissemma fil-premessi (28) sa (53) ta’ hawn fuq. Din l-informazzjoni kopriet b’mod partikolari l-karatteristiċi tal-prodott li nstabu pertinenti fid-determinazzjoni tal-valur normali u li ntużaw fit-tqabbil mal-prodott ikkonċernat, jiġifieri l-fatt li l-bejgħ domestiku Indjan inqasam f’bejgħ “standard” u f’bejgħ “speċjali” u ġiet identifikata l-klassi tas-sodezza ta’ kull tranżazzjoni. Imbagħad valur normali għal kull kilogramma ġie kkalkulat għal kull klassi tas-sodezza kif identifikat fit-tabella tal-PCN.

    (25)

    Il-Kummissjoni kkonċentrat fuq żewġ elementi kruċjali tat-tqabbil, jiġifieri fuq il-klassi tas-sodezza u fuq il-qfieli standard kontra l-qfieli speċjali, kif indikat fil-premessi (48) sa (50) tar-Regolament definittiv. Id-distinzjoni bejn l-ispeċjali u l-istandard żdiedet bħala element ġdid tat-tqabbil matul l-investigazzjoni u l-klassi tas-sodezza ntużat bħala l-kriterju ewlieni l-ieħor tat-tqabbil kif inhu mressaq mill-parti l-kbira tal-produtturi esportaturi Ċiniżi nfushom matul l-investigazzjoni oriġinali.

    (26)

    Kif jissemma fil-premessa (56) tar-Regolament definittiv, il-qfieli standard prodotti fil-pajjiż analogu jistgħu jitqabblu mal-qfieli esportati lejn l-UE mill-produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li ntgħażlu fil-kampjun billi dawn instabu li għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bħall-prodotti esportati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    (27)

    Il-valur normali ġie espress abbażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, u aġġustat biex iqis l-effett tal-prezz tal-pass għall-kontroll tal-kwalità li għamel il-produttur Indjan ‘il barra miċ-Ċina. Għalhekk ir-riżultat kien żewġ listi ta’ valuri normali f’Yuan Ċiniż (CNY) għal kull kilogramma bil-klassi tas-sodezza, waħda għall-qfieli standard u oħra għall-qfieli speċjali.

    2.1.   Nota ta’ żvelar ta’ informazzjoni tat-30 ta’ Mejju 2012

    (28)

    Fit-30 ta’ Mejju 2012 ġiet żvelata informazzjoni addizzjonali għall-partijiet interessati kollha dwar it-tipi ta’ prodotti użati għall-finijiet tat-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Kif jissemma fin-Notifika ta’ Bidu, lill-partijiet interessati ngħatatilhom aktar informazzjoni preċiża dwar il-karatteristiċi tal-prodotti li nstabu pertinenti fid-determinazzjoni tal-valur normali.

    (29)

    Il-kontenut tan-nota ta’ żvelar ta’ informazzjoni kien relatat mal-valur normali ddeterminat skont il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat mibjugħ fis-suq domestiku mill-produttur Indjan li kkopera. Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali gћall-produtturi esportaturi li ma ngћatawx MET kellu jiġi stabbilit skont il-prezzijiet jew il-valur maħdum f’pajjiż analogu. Żewġ produtturi Indjani qablu li jikkoperaw billi jwieġbu kwestjonarju. Id-dejta ppreżentata fir-risposti tagħhom tal-kwestjonarju ġiet ivverifikata fl-istabbilimenti ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji. Madankollu, kumpanija waħda biss tat dejta dettaljata biżżejjed biex tintuża bħala bażi ħalli jkun stabbilit il-valur normali.

    (30)

    Kif jissemma fil-premessa (90) tar-Regolament definittiv, “għadd ta’ importaturi u esportaturi wrew tħassib dwar kemm huwa xieraq l-użu tad-dejta minn dan il-produttur tal-aħħar minħabba li i) il-kwantità manifatturata u mibjugħa fis-suq domestiku Indjan minn dan il-produttur, allegatament, ma tkunx rappreżentattiva tal-kwantità esportata mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn il-Komunità u ii) dan il-produttur Indjan allega rabtiet kummerċjali ma’ wieħed mill-produtturi Komunitarji li jappoġġa l-ilment. F’dan ir-rigward, għandu jkun innutat li i) il-volum tal-bejgħ tal-produttur Indjan tqies rappreżentattiv biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti valuri normali affidabbli u ii) il-fatt li l-produttur tal-pajjiż analogu għandu rabtiet ma’ produttur tal-Komunità li jappoġġa l-ilment, ma jagħmilx l-għażla ta’ dak il-pajjiż analogu irraġonevoli.Kien innutat ukoll li dawk it-rabtiet saru wara l-PI. Meta jitqiesu dak li ntqal hawn fuq u n-nuqqas ta’ koperazzjoni minn produtturi ta’ pajjiżi terzi oħra, l-għażla tal-Indja bħala pajjiż analogu tqieset raġonevoli.

    (31)

    Fid-dawl tal-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-ftuħ tas-suq Indjan, u tal-fatt li l-produttur Indjan li kkopera biegħ tipi ta’ prodotti komparabbli ma’ dawk esportati mill-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ġie konkluż li l-Indja kienet pajjiż terz b’ekonomija tas-suq adatta fit-tifsira tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

    (32)

    In-nota ta’ żvelar ta’ informazzjoni ddikjarat li d-dejta dwar il-bejgħ domestiku kopriet il-perjodu ta’ investigazzjoni iżda mingħajr in-Numru ta’ Kontroll tal-Prodott (“PCN”). Madankollu l-produttur Indjan seta’ jidentifika l-klassi tas-sodezza tal-qafla mibjugħa, u jekk dik il-qafla kinitx “standard” jew “speċjali” kif definit fir-Regolament definittiv. Il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn il-qfieli standard u dawk speċjali ma kinitx ġiet identifikata fil-bidu tal-investigazzjoni meta kien inħoloq il-PCN.

    (33)

    Madankollu, il-Kummissjoni nnutat li din id-distinzjoni affettwat il-kumparabbiltà tal-prezzijiet u għalhekk intalbet din id-dejta mingħand il-produttur Indjan u ngħatat. Għaldaqstant il-bejgħ domestiku Indjan inqasam f’bejgħ “standard” u f’bejgħ “speċjali” u mbagħad ġiet identifikata l-klassi tas-sodezza ta’ kull tranżazzjoni. Valur normali għal kull kilogramma ġie kkalkulat għal kull klassi tas-sodezza kif kien oriġinarjament identifikat fit-tabella tal-PCN.

    (34)

    Il-bqija tal-karatteristiċi tal-PCN oriġinali ma ntużawx, mhux biss minħabba li produttur Indjan ma setgħax jagħti d-dejta f’dan il-livell ta’ dettall, iżda anke minħabba dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

    Id-dijametru u t-tul ma tqisux rilevanti għaliex l-analiżi saret skont il-piż, u għalhekk tqiesu awtomatikament id-differenzi kollha li jirriżultaw minn dijametru jew tul differenti tal-qafla.

    Ma kien hemm ebda indikazzjoni li kien hemm xi differenzi fejn jidħlu l-kromju fuq il-kisi jew il-kisi inġenerali – essenzjalment indikatur ta’ galvanizzar – bejn il-prodotti tal-produttur Indjan u l-qfieli Ċiniżi.

    Dwar l-uniku element tal-PCN li baqa’, il-kodiċi NM, kien tqies li dan ma jkunx indikatur affidabbli billi l-awtoritajiet Ċiniżi jew Indjani ma jiddistingwux bejn l-10 kodiċijiet NM li jintużaw biex jiddefinixxu l-prodott ikkonċernat bħalma jagħmlu l-awtoritajiet tal-UE.

    (35)

    Għalhekk il-Kummissjoni kkonċentrat fuq żewġ differenzi kruċjali bejn il-prodotti: il-klassi tas-sodezza, fuq naħa; u l-qfieli standard kontra l-qfieli speċjali, bħala indikatur tad-differenzi fil-klijenti u d-differenzi fil-kwalità, fuq in-naħa l-oħra.

    (36)

    Il-valur normali ġie espress abbażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, u tnaqqas minnu aġġustament biex jitneħħa l-effett tal-prezz tal-kontroll tal-kwalità li għamel il-produttur Indjan ‘il barra miċ-Ċina. Għalhekk ir-riżultat kien żewġ listi ta’ valuri normali f’Yuan Ċiniż (CNY) għal kull kilogramma bil-klassi tas-sodezza, waħda għall-qfieli standard u oħra għall-qfieli speċjali.

    (37)

    Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet interessati kollha li l-valur normali ma jistax ikun żvelat billi dan jikkonċerna l-prezz kunfidenzjali ta’ produttur Indjan wieħed fis-suq domestiku. Madankollu, il-partijiet interessati ġew mgħarrfa li l-valur normali “standard” għal qafla bil-klassi tas-sodezza 8.8 (“G” fit-tabella tal-PCN), li hija tat-tip standard u tiġi esportata b’mod komuni minn produtturi Ċiniżi, ġie kkalkulat fil-firxa bejn CNY 9 u CNY 12 għal kull kilogramma abbażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

    2.2.   Kummenti li waslu għan-nota ta’ żvelar ta’ informazzjoni tat-30 ta’ Mejju 2012

    (38)

    Importatur wieħed u erba’ produtturi esportaturi allegaw li l-ħin mogħti lill-partijiet biex jikkummentaw fuq l-informazzjoni addizzjonali (10 ijiem) kien qasir wisq. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-limitu taż-żmien imsemmi hawn fuq kien xieraq, meta wieħed iqis li l-informazzjoni mogħtija kienet biss żieda ma’ dik diġà żvelata fir-Regolament definittiv, fi tmiem l-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk iż-żmien mogħti biex tiġi eżaminata din l-informazzjoni addizzjonali u jsiru kummenti dwarha, tqies raġonevoli.

    (39)

    Xi partijiet allegaw li l-Kummissjoni kienet iddikjarat li ma kelliex informazzjoni ġdida dwar il-karatteristiċi fiżiċi għajr il-klassi tas-sodezza tal-prodotti użati għad-determinazzjoni tal-valur normali. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi miċħuda. F’dak l-istadju tar-reviżjoni, il-Kummissjoni kienet sempliċement qed tagħmel kjarifika addizzjonali dwar kif il-valur normali kien ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-produtturi esportaturi Ċiniżi identifikaw is-“sodezza” bħala waħda mill-karatteristiċi rilevanti. Madankollu, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni ma kellha ebda informazzjoni dwar karatteristiċi fiżiċi oħrajn.

    (40)

    L-istess partijiet stqarru li matul is-seduti tas-smigħ il-Kummissjoni ddikjarat, dwar aġġustamenti possibbli li jridu jsiru għall-fini tat-tqabbil bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-valur normali, li se tingħata preferenza lil aġġustament skont analiżi tal-prezz minflok skont analiżi tal-ispiża. Fil-fatt il-Kummissjoni ċċarat li skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, għandu jsir tqabbil li jqis b’mod xieraq id-differenzi li jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezz u mhux id-differenzi fl-ispiża.

    (41)

    Sussegwentement, dawn il-partijiet tennew id-dikjarazzjoni tagħhom li għandhom isiru aġġustamenti biex jitqiesu d-differenzi fl-ispiża tal-produzzjoni bħal differenzi fl-effiċjenza tal-konsum tal-materja prima; differenzi fil-konsum tal-vireg tal-wajer; fil-konsum tal-elettriku, fl-elettriku ġġenerat minnu nnifsu, fil-produttività għal kull impjegat, fil-livell raġonevoli ta’ qligħ u f’differenzi relatati mat-tagħmir. Kif intqal hawn fuq, l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jirriferi għall-prezz u mhux għall-ispiża. Dawn il-partijiet ma taw ebda evidenza li d-differenzi allegati fl-ispiża ssarrfu f’differenzi fil-prezzijiet. F’investigazzjonijiet dwar ekonomiji fi tranżizzjoni bħaċ-Ċina, pajjiż analogu jintuża meta meħtieġ biex jipprevjeni milli jitqiesu l-prezzijiet u l-ispejjeż f’pajjiżi b’ekonomija li mhix tas-suq u li mhumiex r-riżultat normali tal-forzi tas-suq. Għalhekk, għall-fini biex jiġi stabbilit il-valur normali, jintuża sostitut tal-ispejjeż u l-prezzijiet tal-produtturi f’ekonomiji tas-suq li jiffunzjonaw. Għalhekk, dawn it-talbiet għal aġġustamenti li jqisu d-differenzi fl-ispiża tal-produzzjoni ġew micħudin.

    (42)

    Dawn il-partijiet sostnew ukoll li l-informazzjoni addizzjonali mogħtija fit-30 ta’ Mejju 2012 dwar il-karatteristiċi tal-prodotti mibjugħa mill-produttur Indjan ma kinitx sħiħa sakemm tkun allegata nieqsal-informazzjoni dwar dawn il-kwestjonijiet: differenzi relatati mat-tip tal-qafla; il-kisi u l-użu tal-kromju; id-dijametru u t-tul; it-traċċabbiltà; ISO 9000; l-unità tar-rata ta’ difetti; u aspetti oħra ta’ ebusija, tgħawwiġ, sodezza, durabbiltà tal-impatt u koeffiċjenti oħra tal-frizzjoni. Huma fittxu kjarifika dwar ir-raġunijiet għalfejn il-bqija tal-karatteristiċi tal-PCN oriġinali ma tqisux rilevanti. Dawn il-kwistjonijiet ġew spjegati rispettivament f’żewġ noti ta’ żvelar ta’ informazzjoni li ntbagħtu fil-5 ta’ Lulju u li tqiegħdu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati fil-11 ta’ Lulju 2012.

    2.3.   Nota ta’ żvelar ta’ informazzjoni tal-5 ta’ Lulju 2012

    (43)

    Wara t-talba għal informazzjoni addizzjonali li għamlu l-partijiet kif jissemma fil-premessa (42) hawn fuq, intbagħtet it-tieni nota ta’ żvelar ta’ informazzjoni lill-partijiet interessati kollha fil-5 ta’ Lulju 2012. F’din in-nota, ingħatat din l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

    Tabella li turi l-firxiet tal-livelli tal-prezzijiet tal-valuri normali kkalkulati bil-klassi tas-sodezza għall-qfieli standard mibjugħa fis-suq domestiku Indjan, lil klijenti indipendenti, mill-uniku produttur Indjan li kkopera. Ġie speċifikat ukoll li l-maġġoranza l-kbira tal-esportazzjonijiet mill-produtturi Ċiniżi jaqgħu taħt il-klassi tas-sodezza G.

    Analiżi fil-fond tad-dejta fl-Indja wriet li l-qfieli standard mibjugħa fis-suq domestiku ngħataw kisja elettroplejtjata li tikkorrespondi għall-kodiċi “A” tal-PCN. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet li tqabbel il-valur normali bil-kisi tat-tip A għall-mudelli esportati.

    Wara analiżi manwali tad-dejta dwar il-prezz domestiku Indjan, l-informazzjoni dwar id-dijametru u t-tul nħarġu mis-sekwenza testwali tal-kodifikazzjoni tal-bejgħ użata mill-produttur Indjan. Biex ikun jista’ jsir tqabbil mal-esportazzjonijiet tal-kumpaniji Ċiniżi, din id-dejta tqassret f’firxiet ħalli ssir distinzjoni bejn id-dimensjonijiet tal-prodott ewlieni:

    Indikatur

    Dijametru

    Tul

    Żgħir

    M4 sa M10

    0 sa 100 mm

    Medju

    M12 sa M20

    100 sa 200 mm

    Kbir

    M22 sa M30

    200 sa 300 mm

    Għalhekk il-Kummissjoni pproponiet li din id-dejta tintuża biex tkompli tirfina il-valur normali u tikkalkula l-marġini tad-dumping fuq din il-bażi. Il-qfieli esportati li ma jaqgħux f’dawn il-firxiet ma jintużawx fil-kalkolu tad-dumping. Din affettwat biss ammont żgħir ħafna ta’ esportazzjonijiet.

    Il-Kummissjoni pprovdiet għar-referenza, il-proposta riveduta tal-PCN:

    Indikatur

    Deskrizzjoni

    PCN

    Standard/Speċjali

    Qafla standard

    S

     

    Qafla speċjali

    P

    Klassi tas-sodezza

    3.6

    A

     

    4.6

    B

     

    4.8

    C

     

    5.6

    D

     

    5.8

    E

     

    6.8

    F

     

    8.8

    G

     

    9.8

    H

     

    10.9

    I

     

    12.9

    J

    Kisi

    Kisi elettropljetjat

    A

    Dijametru

    M4 sa M10

    S

     

    M12 sa M20

    M

     

    M22 sa M30

    L

    Tul

    0 sa 100 mm

    S

     

    101 sa 200 mm

    M

     

    201 sa 300 mm

    L

    Il-Kummissjoni pprovdiet sinteżi ġenerali tal-marġini tad-dumping immodifikat skont kif il-proposta telenka fin-nota ta’ żvelar ta’ informazzjoni, filwaqt li nnotat li dawn il-marġini riveduti tal-anti-dumping ma kinux awtomatikament id-dazji tal-anti-dumping, u għalhekk soġġetti għar-regola ta’ anqas dazju.

    Fl-aħħarnett, ingħataw it-Tabelli l-ġodda 22, 23, 32, 33 u 34 ta’ produttur wieħed tal-UE bi tweġiba għall-kummenti li għamlu xi partijiet interessati li l-informazzjoni addizzjonali mogħtija fin-nota ta’ żvelar ta’ informazzjoni tat-30 ta’ Mejju 2012 kienet inkompleta, sakemm kienu nieqsa xi elementi f’dawn it-Tabelli jew ma kinux imqassra tajjeb.

    2.4.   Kummenti li waslu għan-nota ta’ żvelar ta’ informazzjoni tal-5 ta’ Lulju 2012

    (44)

    Xi partijiet talbu informazzjoni addizzjonali dwar il-livell tal-prezz tal-valur normali. Kif jissemma fil-premessa (82) hawn taħt, il-livell tal-prezz ma jistax ikun żvelat billi dan ikun jikkostitwixxi informazzjoni kunfidenzjali li tikkonċerna l-prezzijiet ta’ produttur analogu wieħed. Madankollu, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valur normali bil-klassi tas-sodezza għal qfieli standard ġiet żvelata fil-5 ta’ Lulju 2012 lil dawk il-produtturi esportaturi Ċiniżi li talbu din l-informazzjoni addizzjonali u tqiegħdet ukoll fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. F’din in-nota, il-Kummissjoni pprovdiet tabella li turi l-firxiet tal-livelli tal-prezzijiet tal-valuri normali kkalkulati bil-klassi tas-sodezza għall-qfieli standard mibjugħa fis-suq domestiku Indjan, lil klijenti indipendenti, mill-uniku produttur Indjan li kkopera.

    (45)

    Xi partijiet sostnew ukoll li matul seduta tas-smigħ li saret fis-26 ta’ Ġunju 2012 il-Kummissjoni għarrfithom li l-bejgħ domestiku Indjan kien ta’ żewġ tipi ta’ kisi “A” u “B” skont it-tabella tal-PCN użata fl-investigazzjoni oriġinali. Din l-allegazzjoni hija bla bażi. Il-Kummissjoni għarrfet lill-imsemmija partijiet li f’dak l-istadju tar-reviżjoni, hija kienet qed teżamina t-tipi ta’ kisi użati mill-produttur Indjan fuq qfieli standard. Matul is-smigħ sussegwenti li sar fit-3 ta’ Lulju 2012 u b’nota tal-informazzjoni li fil-11 ta’ Lulju 2012 tqiegħdet fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, il-partijiet kollha ġew mgħarrfa li l-produttur Indjan kien qed juża kisja “A” għall-produzzjoni ta’ qfieli standard.

    (46)

    Matul seduta li saret fil-11 ta’ Lulju 2012, l-istess partijiet talbu lill-Kummissjoni biex tispjega kif saret il-qasma tal-valur normali bejn il-qfieli speċjali u l-qfieli standard mill-produttur Indjan. Il-Kummissjoni indikat li din saret skont l-ismijiet tal-klijenti. Madankollu, kif jixhdu l-minuti li għamel l-Uffiċjal tas-Smigħ tad-DĠ tal-Kummerċ, il-Kummissjoni ddikjarat qabel tmiem is-seduta li se jkollha tiċċara din il-kwistjoni, li fil-fatt għamlet f’nota oħra tal-informazzjoni fit-13 ta’ Lulju 2012 li ntbagħtet lill-partijiet li ħadu sehem fis-seduta u li tqiegħdet fil-fajl mhux kunfidenzjali għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati kollha. Għalhekk id-dikjarazzjoni li għamlu l-imsemmija partijiet u li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li “l-qasma tal-valur normali bejn il-qfieli speċjali u l-qfieli standard saret fost l-oħrajn skont l-ismijiet tal-klijenti” hija inkompluta billi ngħatat aktar informazzjoni dwar din il-kwistjoni kif jissemma fil-premessa hawn taħt.

    (47)

    Dwar id-differenza bejn il-qfieli standard u l-qfieli speċjali, in-nota tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2012 spjegat li “ma jistax ikun eskluż li l-industrija awtomobilistika tuża wkoll qfieli standard għal ċerti applikazzjonijiet”. Xi partijiet sostnew li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-qfieli awtomobilistiċi jistgħu wkoll jitqiesu bħala standard. Din l-allegazzjoni hija bla bażi. Kif spjegat b’mod ċar f’dik in-nota, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni saret fin-nuqqas ta’ lista tal-klijenti mingħand il-produttur Indjan. Madankollu, kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u kif spjegat aktar fit-taqsima 2.7 hawn taħt, għal raġunijiet ta’ kwalità u ta’ kummerċ, il-produtturi awtomobilistiċi dejjem jordnaw qfieli li huma ddisinjati b’mod personalizzat ħalli jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-ISO ta’ dik l-industrija. Għaldaqstant, il-qfieli kollha maħsuba għas-settur awtomobilistiku u meqjusa bħala prodotti “speċjali” mill-produtturi tal-qfieli, inkluż fl-Indja, skont l-informazzjoni li hemm fil-websajts tal-manifatturi Indjani tal-karozzi. Billi l-produttur Indjan iddefinixxa b’mod ċar il-partijiet kollha manifatturati b’disinn personalizzat bħala “qfieli speċjali”, il-Kummissjoni tqis li l-qfieli standard maħsuba għall-industrija awtomobilistika ma kinux inklużi fil-lista tal-qfieli standard mogħtija matul l-investigazzjoni oriġinali.

    (48)

    Il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża u produttur esportatur Ċiniż għamlu dikjarazzjonijiet simili għal dawk ta’ hawn fuq dwar l-inklużjoni possibbli tal-qfieli maħsuba għas-settur awtomobilistiku fil-valur normali u, barra minn hekk, allegaw li l-qfieli tal-karozzi li ma jsirux skont disinn speċifiku ta’ klijent xorta jridu jgħaddu minn kontroll speċjali tal-kwalità jew iridu jirrispettaw il-ħtiġijiet tat-traċċabbiltà li jagħmluhom aktar għoljin u għandhom normalment jitqiesu bħala qfieli speċjali. Huma ddikjaraw li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li l-qfieli użati għal applikazzjonijiet ta’ livell għoli iżda li mhumiex manifatturati skont id-disinji tal-utent kellhom madankollu jitqiesu bħala qfieli speċjali, kienu bla bażi, u allura l-Kummissjoni aġixxiet b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 2.10 tar-Regolament bażiku billi kisret il-prinċipju ta’ tqabbil ġust. Barra minn hekk, huma qiesu li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq il-qasma li saret mill-produttur Indjan ma kinux soġġetti għal żjara ta’ verifika fuq il-post. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huma talbu lill-Kummissjoni biex tirrivedi d-distinzjoni bejn il-qfieli standard u l-qfieli speċjali u jekk dan mhux possibbli, li terġa’ lura għal sett tad-dejta tal-valur normali differenti.

    (49)

    Ir-raġunament tal-Kummissjoni dwar id-distinzjoni bejn il-qfieli standard u l-qfieli speċjali diġà huwa indirizzat fil-premessa (47) hawn fuq. Dwar id-dikjarazzjoni li tikkonċerna n-nuqqas ta’ verifika tal-qasma li saret mill-produttur Indjan, il-Kummissjoni vverifikat l-elenku tal-bejgħ permezz ta’ għadd ta’ testijiet “walk-through” (jiġifieri verifika fil-fond ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet tal-bejgħ inklużi fl-elenku tal-bejgħ sabiex tivverifika l-preċiżjoni tiegħu) skont il-prattiċi standard ta’ verifika. Barra minn hekk, il-qasma sussegwenti tal-elenku tal-bejgħ mogħtija mill-produttur Indjan ġiet iċċekkjata mal-livell medju tal-prezz tal-qasma kif spjegat fl-imsemmija nota. Għaldaqstant, l-allegazzjoni li l-Kummissjoni qieset b’valur nominali d-dejta mogħtija mill-produttur Indjan, hija bla bażi.

    (50)

    Barra minn hekk, il-kriterji użati mill-produttur Indjan li jiddefinixxu l-qfieli speċjali, jiġifieri skont id-disinn tal-klijent kif jissemma fil-premessa (47) hawn fuq, jiżguraw biżżejjed l-affidabbiltà tad-dejta. Fl-investigazzjoni oriġinali l-Kummissjoni diġà għamlet aġġustament għall-valur normali sabiex jitqiesu l-passi għall-kontroll tal-kwalità applikati mill-produttur Indjan li ma nstabux fil-każ tal-produtturi Ċiniżi li ntgħażlu fil-kampjun. B’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa meħtieġ li terġa’ lura għal sett tad-dejta tal-valur normali differenti kif jissuġġerixxu l-partijiet ikkonċernati. Fl-aħħarnett, kif jissemma fil-premessa (89) tar-Regolament definittiv, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, l-ebda produttur ieħor minn kull pajjiż analogu possibbli ma offra li jikkopera fil-proċediment.

    (51)

    Dwar l-użu tad-dejta tal-produttur Indjan tal-pajjiż analogu biex jiġi ddeterminat il-valur normali, l-Assoċjazzjoni tad-Distributuri Ewropej (EFDA) iddikjarat li teknika bħal din mhix xierqa meta wieħed iqis li l-firxa tal-prodott tagħha, il-volum tal-produzzjoni, il-profili tal-klijenti, il-metodu tad-distribuzzjoni u l-pożizzjoni fis-suq ma kinux komparabbli għall-qagħda tal-produtturi esportaturi Ċiniżi. Barra minn hekk, hija stqarret li l-prezzijiet Ċiniżi kienu baxxi minħabba li dawn jirriflettu l-benefiċċji ta’ produzzjoni ta’ prodotti standard f’volumi kbar billi huma produtturi speċjalizzati u effiċjenti. Barra minn hekk, hija talbet aktar informazzjoni dettaljata dwar il-prezzijiet tal-produttur Indjan u l-volum tal-produzzjoni tiegħu ta’ qfieli standard. Fl-aħħarnett, l-EFDA ressqet dejta tal-Eurostat biex issaħħaħ l-allegazzjonijiet tagħha li tqabbil dwar il-prezzijiet tal-esportazzjoni mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Indja għal żewġ kodiċijiet NM speċifiċi, juri li l-esportazzjonijiet Indjani ta’ dawn il-prodotti kienu anqas minn 4 % tal-esportazzjonijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li l-Indja ma kinitx fornitur kredibbli ta’ dawn il-prodotti għas-swieq tal-esportazzjoni.

    (52)

    Dwar l-adegwatezza tal-għażla tal-produttur Indjan tal-pajjiż analogu, issir referenza għall-aħħar parti tal-premessa (49) hawn fuq. Dwar id-dikjarazzjoni ġenerali li l-prezzijiet Ċiniżi tal-esportazzjoni jirriflettu l-benefiċċji ta’ produzzjoni f’volumi kbar, dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux sostanzjati jew kwantifikati b’mod li jagħmel sens u li jista’ jgħin fl-analiżi mwettqa f’dak l-istadju tar-reviżjoni. Dwar it-talba għal informazzjoni addizzjonali rigward id-dejta tal-produttur Indjan, issir referenza għall-premessa (82) dwar il-kunfidenzjalità. Dwar id-dikjarazzjoni li l-esportazzjonijiet mill-Indja ma kinux kompatibbli ma’ dawk mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina matul il-PI u wara, għad-determinazzjoni tal-valur normali, huma l-prezzijiet domestiċi Indjani li jitqiesu rilevanti skont ir-Regolament bażiku u mhux il-prezzijiet Indjani tal-esportazzjoni. Għaldaqstant, dawn id-dikjarazzjonijiet tal-EFDA huma bla bażi.

    (53)

    Dwar il-kwistjoni tal-kisja applikata mill-produttur Indjan, il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża u produttur esportatur esprimew dubji u talbu lill-Kummissjoni tispjega kif l-informazzjoni kunfidenzjali tat prova konklussiva li l-produttur Indjan biegħ biss qfieli elttroplejtjati fis-suq domestiku tiegħu. Matul il-verifika, il-produttur Indjan ta evidenza li biha l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-qfieli standard mibjugħa domestikament kienu elettroplejtjati, u jikkorrispondu għal kisi tat-tip “A” tal-PCN oriġinali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li l-evidenza fil-fajl hija biżżejjed biex tikkonkludi li l-qfieli standard mibjugħa fis-suq domestiku kienu elettroplejtjati. F’dan ir-rigward, sar aġġustament għad-differenza fil-kromju, kif jissemma fil-premessa (81) hawn taħt.

    2.5.   Aktar informazzjoni mitluba wara n-nota ta’ żvelar ta’ informazzjoni tal-5 ta’ Lulju 2012

    (54)

    Xi produtturi esportaturi talbu aktar kjarifiki u informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jagħmlu talba possibbli għal aġġustamenti fil-marġni tad-dumping tagħhom kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, u bbażaw fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet:

    (a)

    il-karatteristiċi tat-“tipi ta’ prodotti” użati (il-kodiċijiet NM, il-klassi tas-sodezza, il-partijiet standard vs speċjali) għad-determinazzjoni tal-valur normali;

    (b)

    aktar informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti mibjugħa mill-produttur Indjan li jintużaw għad-determinazzjoni tal-valur normali;

    (c)

    kjarifika dwar ir-raġunijiet għalfejn il-bqija tal-karatteristiċi tal-PCN oriġinali ma ntużawx; u

    (d)

    aġġustamenti li jridu jsiru għad-differenza fil-karatteristiċi fiżiċi.

    (55)

    Dwar il-punt a) ta’ hawn fuq, kif jissemma fin-nota tal-informazzjoni mogħtija fit-30 ta’ Mejju 2012, il-klassi tas-sodezza tal-qfieli mibjugħa mill-produttur Indjan li kkopera kienet l-indikatur tas-sodezza li jinsab fil-PCN użat fil-kwestjonarju mibgħut lill-partijiet kollha. Il-klassi tas-sodezza ġiet identifikata billi ntuża l-istess element rilevanti tal-PCN mill-produttur Indjan fl-elenku tal-bejgħ ivverifikat matul iż-żjara ta’ verifika fuq il-post.

    (56)

    Id-differenza bejn il-qfieli speċjali u l-qfieli standard ġiet spjegata fil-premessa (54) tar-Regolament definittiv. Il-qfieli “speċjali” huma dawk immanifatturati skont disinn tal-klijent. Il-qfieli “standard” huma dawk immanifatturati għall-ħażna u mhux skont speċifikazzjonijiet ta’ klijent partikolari. Il-ħtieġa li ssir differenza bejn il-qfieli standard u dawk speċjali prodotti mill-produttur Indjan li kkopera ġiet rikonoxxuta kollha kemm hi u kif jissemma fil-premessi (51) u (54) tar-Regolament definittiv, it-tqabbil bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur nomali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li ntgħażlu fil-kampjun sar bejn qfieli tat-tip “standard”.

    (57)

    Dwar il-kwistjonijiet li qamu taħt il-punt b), għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, mhux possibbli li jiġu żvelati t-tipi eżatti tal-mudell ta’ viti u boltijiet mibjugħa mill-produttur Indjan. Madankollu, kif indikat hawn fuq, it-tqabbil sar abbażi tal-piż fl-istess kategorija standard jew speċjali u fl-istess klassi tas-sodezza stabbilita fil-PCN.

    (58)

    Mill-ġdid, dwar kwistjonijiet li qamu taħt il-punt b), bosta partijiet interessati talbu aktar tagħrif dwar l-kisja. Id-dejta tal-investigazzjoni oriġinali kompliet tiġi analizzata u din uriet li l-prodott mibjugħ bħala “standard” fis-suq domestiku Indjan kellu kisja bażika, jiġifieri elettroplejtjar. Din l-informazzjoni ngħatat waqt seduti tas-smigħ mitluba mill-partijiet interessati u ġiet żvelata mill-ġdid lill-partijiet interessati li talbuha u tqiegħdet ukoll fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.

    (59)

    Iż-żewġ produtturi esportaturi li ntgħażlu fil-kampjun talbu aktar informazzjoni dwar aġġustamenti għall-użu tal-kromju fil-kisja. Id-dejta dwar il-bejgħ mogħtija mill-produttur Indjan li kkopera kompliet tiġi analizzata u wasslet għal aġġustament fil-valur normali għal differenza fil-kromju kif spjegat fil-premessa (81) hawn taħt. L-istess żewġ produtturi esportaturi talbu li jiġi kjarifikat aktar kif ġiet iddeterminata l-profitabbiltà għall-bejgħ domestiku tal-produttur Indjan li kkopera; jekk l-ispejjeż tal-produzzjoni ġewx irrappurtati abbażi tal-PCN bażi jew jekk intużawx l-ispejjeż medji; u jekk il-valur normali kienx jinkludi bejgħ għal xi kumpaniji relatati.

    (60)

    L-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-valur normali ssemmiet fil-premessa (94) tar-Regolament definittiv. Din speċifikat ukoll li ntuża biss il-bejgħ domestiku lil kumpaniji mhux relatati.

    (61)

    Dawn iż-żewġ produtturi esportaturi sostnew aktar tard li huma kellhom dubji serji dwar jekk il-profitabbiltà u t-testijiet tar-rappreżentanza sarux b’mod korrett. B’mod aktar speċifiku dwar it-test tar-rappreżentanza, dawn il-produtturi esportaturi ddubitaw li l-kwantitajiet tal-bejgħ domestiku tal-produttur Indjan kienu aktar minn 5 % tal-bejgħ tal-esportazzjoni tagħhom għal kull grupp rivedut ta’ prodotti. Dwar it-test tar-rappreżentanza nstab li f’każijiet fejn it-test ta’ 5 % ma ntlaħaqx għal tip partikolari ta’ prodott, il-bejgħ domestiku xorta nstab li huwa għoli biżżejjed biex isir tqabbil xieraq. Dwar it-test tal-profitabbiltà, ġie kkonfermat li din sar abbażi tat-tip ta’ prodott.

    (62)

    Dwar il-kwistjonijiet li qamu taħt il-punt c) hawn fuq, jiġifieri għalfejn il-PCN sħiħ ma ntużax biex jitqabbel il-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni, matul l-investigazzjoni deher ċar li l-PCN sħiħ ma jkunx indikatur affidabbli. L-ewwel nett, dan minħabba li la l-awtoritajiet Ċiniżi u lanqas l-awtoritajiet Indjani ma jiddistingwu bejn l-10 kodiċijiet NM użati biex jiġi ddefinit il-prodott ikkonċernat, kif qed jagħmlu l-awtoritajiet tal-UE. It-tieni, kif spjegat fil-premessa (48) tar-Regolament definittiv, għadd ta’ partijiet iddikjaraw li l-qfieli mmanifatturati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu prodotti standard (prinċipalment ivarjaw bejn il-klassi tar-reżistenza 4.8 u 8.8), li ma kellhomx karatteristiċi speċjali fejn jidħlu l-materja prima, ir-reżistenza, il-kisja, jew aspetti relatati maċ-ċertifikazzjoni/sikurezza; li kienu maħsuba għal applikazzjonijiet ta’ livell inqas għoli (użu mhux professjonali u distribuzzjoni ġenerali) għall-kuntrarju ta’ applikazzjonijiet ta’ livell għoli; u ma laħqux rekwiżiti stretti ta’ utenti finali speċifiċi bħall-industrija awtomobilistika, l-industrija tal-kimika, u l-industrija ajruspazjali.

    (63)

    Dwar il-kwistjonijiet li qamu taħt il-punt d) hawn fuq, l-elementi tat-“traċċabbiltà”, l-istandard ISO 9000, l-unità tar-rata ta’ difetti, u kriterji oħra bħall-“ebusija, it-tgħawwiġ, is-sodezza, id-durabbiltà tal-impatt u l-koeffiċjent tal-frizzjoni” li tqajmu minn żewġ produtturi esportaturi oħra ma setgħux jiġu aċċettati billi l-kumpaniji kkonċernati ma wrewx kif dawn l-elementi jaffettwaw il-komparabilità tal-prezz bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

    (64)

    Fin-nuqqas ta’ xi informazzjoni speċifika dwar in-nuqqas ta’ komparabbiltà kif ġie ddikjarat apparti r-rakkomandazzjonijiet li kienu saru mill-partijiet interessati fl-investigazzjoni oriġinali, u minħabba l-ammont limitat ta’ informazzjoni ulterjuri disponibbli dwar karatteristiċi tekniċi oħra bħall-kisja, fl-investigazzjoni oriġinali ġie konkluż li l-fatturi ewlenin u d-differenzi enfasizzati mill-partijiet interessati nnifishom, partikolarment il-qfieli standard vs il-qfieli speċjali u l-klassi tas-sodezza ħolqu biżżejjed bażi fuq xiex seta’ jsir it-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni.

    2.6.   Żvelata aktar informazzjoni dwar il-valur normali fil-11 ta’ Lulju 2012

    (65)

    Fil-11 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni kompliet tiżvela l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-valur normali kif deskritt hawn fuq u l-kalkolu mill-ġdid propost tagħha tal-marġni tad-dumping abbażi ta’ kif spjegat hawn fuq, u talbet għal kummenti.

    (66)

    Kif jissemma fil-premessa (32) hawn fuq, fis-sottomossjoni oriġinali tiegħu, il-produttur Indjan ta elenku tal-bejgħ domestiku (“DMSAL”), mingħajr il-PCNs. L-uniku identifikatur ta’ kull bejgħ kien Kodiċi tal-Oġġett, li kien kodiċi intern għal kull prodott, u kelmiet li jiddeskrivu l-prodott, pereżempju:

    M8X1,25X16 VIT TAL-FLANĠ

    (67)

    Kif spjegat fil-premessi (48) sa (57) tar-Regolament definittiv, il-kumpanija Indjani qasmet il-bejgħ domestiku tagħha bejn il-qfieli standard u l-qfieli speċjali billi użat id-distinzjoni msemmija fi premessa (77). minħabba f’hekk, id-DMSAL tressaq bħala żewġ fajls: “DSMAL standard” u “DMSAL speċjali”. Dak il-bejgħ li ma setax jiġi identifikat bħala “standard” jew “speċjali” ġie eskluż minn aktar kalkoli tal-valur normali.

    (68)

    Matul l-investigazzjoni deher ċar ukoll li l-klassi tas-sodezza tal-qfieli tkun meħtieġa biex ikun stabbilit il-valur normali. Il-kumpanija Indjana identifikat il-klassi tas-sodezza għal kull linja tal-fajls tad-“DSMAL standard” u tad-“DSMAL speċjali” u dawn tressqu b’kolonna msemmija “Grad” bil-klassi tas-sodezza indikata, pereżempju:

    Deskrizzjoni

    GRAD

    M8X1,25X16 VIT TAL-FLANĠ

    8.8

    (69)

    Il-valur normali oriġinali kien ikkalkulat abbażi ta’ dan, billi ntużat il-qasma bejn il-qfieli standard u l-qfieli speċjali, u l-klassi tas-sodezza, kif stabbilit fl-ewwel l-iżvelar tar-reviżjoni tal-implimentazzjoni fit-30 ta’ Mejju 2012.

    (70)

    Kif jissemma fil-premessa (54), xi produtturi esportaturi talbu aktar kjarifiki filwaqt li rriferew għan-nuqqas ta’ tqabbil abbażi tal-kisi, id-dijametru u t-tul tal-qafla, u sostnew li dan jista’ jkollu effett fuq il-livell tal-valur normali li ġie kkalkulat fil-bidu.

    (71)

    Fin-nuqqas tal-PCN, il-kelmiet li ddeskrivew kull tranżazzjoni (wara li ngħaqdu flimkien it-tranżazzjonijiet mal-istess kelmiet li jiddeskrivu) ġew analizzati biex jinstab id-dijametru u t-tul tal-qafla mibjugħa. Jekk jittieħed l-eżempju ta’ hawn fuq, M8 = dijametru, u 16 = it-tul. Għalhekk f’dan il-każ, dawn jiddeskrivu vit b’dijametru ta’ 8 mm u b’tul ta’ 16 mm. Il-1,25 jirriferi għat-thread pitch, iżda dan ma ntużax għall-klassifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

    (72)

    Il-PCN użat mill-produtturi esportaturi Ċiniżi jirrapporta din id-dejta b’mod ftit differenti. Il-vit ta’ hawn fuq għandu jiġi rrappurtat bħala “080016” għad-dijametru u t-tul.

    (73)

    Sabiex ikun żgurat tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni varjat id-dijametru u t-tul fi tliet faxex indaqs, kif stabbilit fit-tieni ittra tal-iżvelar tal-5 ta’ Lulju 2012:

    Indikatur

    Dijametru

    Tul

    Żgħir

    M4 sa M10

    0 sa 100 mm

    Medju

    M12 sa M20

    100 sa 200 mm

    Kbir

    M22 sa M30

    200 sa 300 mm

    (74)

    Numru żgħir ta’ bejgħ tal-produttur Indjan ma qagħadx f’dawn il-firxiet u ma ntużax biex jiġi kkalkulat il-valur normali. Għalhekk il-vit deskritt hawn fuq jiġi rrapportat bil-PCN rivedut “GSS” = il-klassi tas-sodezza 8.8; dijametru żgħir; tul żgħir.

    (75)

    Mill-eżempju ta’ hawn fuq joħroġ ċar li l-kelmiet li jiddeskrivu l-prodott ma’ jinkludu l-ebda informazzjoni dwar il-kisja użata minn produttur domestiku Indjan. Għalhekk il-fajl tal-investigazzjoni ġie ċċekkjat għal xi evidenza tat-tip ta’ kisja, jekk hemm, li ntużat mill-produttur Indjan għall-bejgħ tiegħu tal-qfieli standard fis-suq domestiku tiegħu. Evidenza kunfidenzjali fil-fajl, ivverifikat fl-istabbiliment tal-produttur Indjan, uriet li ntuża l-elettroplejtjar (PCN tat-tip A) fuq qfieli standard fis-suq domestiku u dan ġie żvelat lill-partijiet kollha fil-5 ta’ Lulju 2012.

    2.7.   Kummenti dwar in-nota ta’ żvelar ta’ informazzjoni tal-11 ta’ Lulju 2012

    (76)

    Bosta produtturi esportaturi wieġbu għall-iżvelar imsemmi hawn fuq. Kif mitlub minn dawk il-produtturi esportaturi, saret seduta tas-smigħ ippreseduta mill-Uffiċjal tas-Seduta għad-DĠ tal-Kummerċ sabiex jibqa’ għaddej d-djalogu mal-Kummissjoni u jiġu diskussi l-punti li qajmu. B’mod partikolari, il-produtturi esportaturi qajmu dawn il-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Il-metodoloġija li biha l-produttur Indjan qasam il-bejgħ domestiku tiegħu fi standard u speċjali;

    (b)

    Fil-każ li xi qfieli mibjugħa lill-industrija awtomobilistika tqiesu bħala qfieli standard, ikun meħtieġ “aġġustament importanti”;

    (c)

    Aġġustamenti fil-valur normali skont l-Artikolu 2(10)(b) għat-taxxi indiretti mġarrba fuq l-importazzjoni tal-vireg tal-wajer fl-Indja;

    (d)

    Il-preżenza ta’ Kromju VI fil-kisja tal-qfieli standard;

    (e)

    Il-metodoloġija li użat il-Kummissjoni fejn ma kien hemm l-ebda bejgħ domestiku korrispondenti għal tranżazzjoni partikolari tal-esportazzjoni; u

    (f)

    L-iżvelar tal-kodiċijiet tal-prodott tal-bejgħ domestiku tal-produttur Indjan.

    (77)

    Dwar il-punt (a) hawn fuq, il-produttur Indjan qasam il-bejgħ domestiku tiegħu fi standard u speċjali billi qies il-qfieli mmanifatturati skont disinn ta’ klijent bħala qfieli speċjali, filwaqt li bejgħ ieħor huwa ta’ qfieli standard, jiġifieri li ma sarx skont xi disinn speċifiku jew xi disinn ta’ klijent.

    (78)

    Dwar il-punt (b) hawn fuq u kif jissemma f’nota għall-fajl, datata t-13 ta’ Lulju 2012 u mibgħuta lill-partijiet interessati msemmija wara s-seduta li saret fil-11 ta’ Lulju, il-Kummissjoni kkonfermat li fin-nuqqas tal-ismijiet tal-klijenti kif jissemma hawn fuq, il-Kummissjoni tirriferi għall-premessa (47) hawn fuq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, skont l-assoċjazzjoni Ewropea tal-produtturi tal-qfieli, “fl-Ewropa, meta Klijent – b’mod partikolari fis-Settur Awtomobilistiku – jordna qafla mmanifatturata skont disinn, iżda li hi kollha kemm hi skont l-istandards internazzjonali (ISO, EN, DIN, AFNOR, UNI), dan il-qafla hija f’kull każ meqjusa mill-Produtturi tal-Qfieli bħala prodott “speċjali” u għalhekk tkun identifikata – fil-klassifikazzjoni interna tal-Kumpanija – bħala “speċjali”… dan huwa l-‘modus operandi’ tal-Produtturi kollha tal-Qfieli mad-dinja kollha kif ukoll fl-Indja”. Għaldaqstant il-Kummissjoni hija kunfidenti li l-qfieli standard maħsuba għall-industrija awtomobilistika ma kinux inklużi fil-lista tal-qfieli standard mogħtija fost il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk, din l-allegazzjoni ġiet miċħuda.

    (79)

    Dwar il-punt (c) hawn fuq, waqt seduta tas-smigħ, il-produtturi esportaturi qajmu l-kwistjoni ta’ aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku, sabiex jitqiesu d-dazji fuq l-importazzjoni tal-vireg tal-wajer fl-Indja li huma inklużi fil-valur normali, iżda mhux fuq il-prezz tal-esportazzjoni miċ-Ċina. Il-kumpaniji Ċiniżi li ntgħażlu fil-kampjun matul l-investigazzjoni oriġinali xtraw vireg tal-wajer immanifatturati fiċ-Ċina.

    (80)

    Il-materja prima impurtata mill-produttur Indjan kienet soġġetta għad-dazju doganali bażiku (5 % tal-valur valutabbli) u għat-Taxxa Parafiskali tal-Edukazzjoni fuq id-Dazju Doganali (3 % tad-dazju doganali bażiku magħdud mal-ammont ta’ CVD). Madankollu, skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku, aġġustament bħal dan għat-taxxi indiretti jista’ jiġi ddikjarat jekk it-tariffi fuq l-importazzjoni mħallsa fuq il-prodott simili u fuq materjali fiżikament inkorporati fih, meta maħsuba għal konsum fis-suq domestiku, ma jinġabrux jew jiġu rimborżati meta l-prodott simili huwa esportat lejn l-Unjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni u evidenza li l-esportazzjonijiet mill-produtturi esportaturi msemmija hawn fuq lejn l-UE, ma jinġabrulhomx tariffi fuq l-importazzjoni tal-materja prima (vireg tal-wajer) jew igawdu minn rifużjoni ta’ dawn it-tariffi, id-dikjarazzjoni għandha tiġi miċħuda. Barra minn hekk, aġġustament bħal dan normalment ma jkunx disponibbli meta l-produttur esportatur ikkonċernat, kif inhu l-każ f’din ir-reviżjoni, iġib il-materja prima tiegħu kollha mingħand fornituri domestiċi u għalhekk ma jġarrab l-ebda tariffa fuq l-importazzjoni.

    (81)

    Dwar il-punt (d) hawn fuq, evidenza dwar fajl tal-investigazzjoni oriġinali wriet li l-kisja standard fuq il-qfieli standard mibjugħa fis-suq domestiku Indjan kien fiha l-Kromju Cr3, u għalhekk din qablet mad-definizzjoni tal-PCN li l-ebda Kromju VI ma żdied mal-kisja. Għalhekk il-marġnijiet tad-dumping ġew ikkalkulati mill-ġdid u l-aktar kisja tal-kromju għalja tqiegħdet fuq in-naħa tal-esportazzjoni, mingħajr aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni. Żewġ produtturi esportaturi sostnew li l-informazzjoni fuq il-kisja kkonċernat il-qagħda attwali u mhux il-qagħda matul il-PI. Dan mhux korrett. Matul il-verifika fl-andament tal-investigazzjoni oriġinali nkisbet evidenza vverifikata li turi li l-qfieli standard kollha mibjugħa fis-suq domestiku fl-Indja kienu elettroplejtjati matul il-PI oriġinali.

    (82)

    Dwar il-punt (e) hawn fuq, ġie kkonfermat li l-marġnijiet tad-dumping ġew ikkalkulati b’tali mod li meta ma kienx hemm bejgħ domestiku korrispondenti, it-tranżazzjoni tal-esportazzjoni ġiet eskluża mill-kalkolu tad-dumping. Xi partijiet sostnew li ma kien hemm l-ebda bażi biex ċerti tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni jiġu esklużi fil-kalkolu tal-marġni tad-dumping. Madankollu, għal kull produttur esportatur Ċiniż li ntgħażel fil-kampjun instab tqabbil sinifikanti bejn il-bejgħ domestiku u l-bejgħ tal-esportazzjoni sabiex wieħed ikun jista’ jasal għal rappreżentazzjoni ġusta tal-bejgħ li sar mill-partijiet differenti.

    (83)

    Dwar il-punt (f) hawn fuq, il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża u esportatur Ċiniż iddikjaraw li l-produttur Indjan ma tax raġuni tajba għala ma ħalliex lill-Kummissjoni tiżvela informazzjoni speċifika dwar il-kodiċijiet tal-prodotti tal-bejgħ domestiku tiegħu. Il-Kummissjoni tat informazzjoni kemm setgħet, filwaqt li rrispettat ir-regoli tal-kunfidenzjalità, permezz ta’ għadd ta’ noti għall-fajl, in-nota tal-informazzjoni kienet disponibbli għall-partijiet interessati kollha u ngħataw seduti tas-smigħ lill-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża u lill-esportaturi Ċiniżi kollha li talbuhom. Dwar it-talba għal żvelar tal-kodiċijiet tal-prodotti tal-produttur Indjan, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni se jippermetti lill-partijiet l-oħra biex jikkalkulaw il-prezzijiet domestiċi tal-produttur Indjan bi preċiżjoni raġonevoli, u dan għandu jiġi evitat biex tiġi protetta l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Jekk l-informazzjoni kunfidenzjali ma tkunx protetta, il-Kummissjoni tista’ tintalab għad-danni u jiġu skoraġġuti l-kumpaniji f’pajjiżi analogi li l-koperazzjoni tagħhom fl-investigazzjonijiet hija volontarja. Għalhekk din it-talba ġiet miċħuda.

    2.8.   Aġġustamenti li saru fil-metodoloġija użata fir-Regolament definittiv biex jiġi kkalkulat il-valur normali

    (84)

    Fid-dawl tar-rappreżentazzjonijiet li għamlu l-produtturi esportaturi Ċiniżi f’din ir-reviżjoni fir-rigward tad-definizzjoni tat-tipi tal-prodotti fil-kalkolu tal-valur normali mill-Indja, bl-argument li apparti d-distinzjoni bejn il-qfieli standard kontra l-qfieli speċjali u l-klassi tas-sodezza, l-elementi tad-dijametru, it-tul u l-kisja kienu importanti u s-seduti tas-smigħ u d-djalogu li saru fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Seduta, id-dejta tal-produttur Indjan kienet eżaminata mill-ġdid.

    (85)

    Wara dan l-eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni setgħet tidentifika d-dijametru u t-tul tal-qfieli mibjugħa fis-suq domestiku Indjan. Sabiex ikun jista’ jsir tqabbil ġust bejn dawn il-qfieli u dawk esportati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kemm id-dijametru kif ukoll it-tul tqiegħdu f’firxiet u għall kull firxa ġie kkalkulat valur normali. Dan kien spjegat fid-dettall f’żewġ noti tal-informazzjoni datati l-5 u l-11 ta’ Lulju 2012 li kienu disponibbli għall-partijiet interessati kollha. Bl-użu tal-firxiet ħalli ssir distinzjoni bejn id-dimensjonijiet ewlenin tal-prodott mibjugħ mill-produttur Indjan, din il-metodoloġija ppermettiet tqabbil ġust mal-esportazzjonijiet tal-kumpaniji Ċiniżi kif intalab mill-partijiet interessati. Sussegwentement, żewġ produtturi esportaturi sostnew li huma ma kellhomx informazzjoni sħiħa, u ddikjaraw li il-klassifika kienet oskura u mhux xierqa u, allura, ma kellhomx biżżejjed informazzjoni biex jitolbu aġġustament għad-differenzi fiżiċi. Madankollu, lil hinn minn dawn id-dikjarazzjonijiet ġenerali, dawn iż-żewġ produtturi esportaturi ma taw l-ebda suġġeriment alternattiv validu u lanqas evidenza sostantiva. Għalhekk id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

    (86)

    L-EFDA ddikjarat li l-użu tad-dijametru u t-tul ma jirriflettix ir-realtà u ssuġġerixxiet alternattiva li rabtet iż-żewġ kriterji sabiex fil-fehma tagħhom jiġi evitat li jitħallew barra xi prodotti, mingħajr iżda ma ssostanzjat dan l-approċċ alternattiv. Il-klassifika proposta mill-Kummissjoni ma eskludiet l-ebda tip ta’ prodotti (ġew koperti l-kumbinazzjonijiet kollha possibbli tad-dijametru u t-tul) u għalhekk din id-dikjarazzjoni ma setgħetx tibqa’ tiġi eżaminata.

    (87)

    Il-qfieli standard kollha mibjugħa nstabu li kienu elettroplejtjati u għalhekk il-valur normali ġie kkalkulat abbażi tal-kisja li tikkorrespondi għall-kodiċi “A” tal-PCN. Meta produttur esportatur Ċiniż li ntgħażel fil-kampjun ma esportax il-qfieli b’kisja tat-tip A, intuża l-eqreb tip ta’ kisja mingħajr l-ebda aġġustament fil-prezz tal-esportazzjoni.

    (88)

    Id-dejta tal-klassi tas-sodezza, u l-qasma bejn il-qfieli standard u l-qfieli speċjali, baqgħu ma nbidlux.

    (89)

    Żewġ produtturi esportaturi talbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ għad-DĠ tal-Kummerċ biex jeżamina d-dejta kunfidenzjali produttur analogu Indjan u biex jagħti assigurazzjonijiet dwar in-natura kunfidenzjali tal-bejgħ domestiku tiegħu, kif ukoll dwar il-kwistjoni tal-kisja tal-qfieli standard, il-preżenza tal-kromju fuq il-kisja u dwar l-estrazzjoni tal-informazzjoni dwar it-tul u d-dijametru għall-qfieli standard. L-Uffiċjal tas-Seduta, wara li eżamina d-dejta kunfidenzjali tal-produttur analogu Indjan, iċċara l-mistoqsijiet li għamlulu ż-żewġ produtturi esportaturi. Ir-rapport tal-Uffiċjal tas-Seduta tqiegħed fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.

    (90)

    Minkejja l-informazzjoni addizzjonali, il-kjarifiki, is-seduti tas-smigħ u d-djalogi li saru, hawn fuq imsemmija, xi partijiet baqgħu jiddikjaraw li kien għad jonqoshom l-informazzjoni biex ikunu jistgħu jagħmlu talbiet għal aġġustamenti ħalli jkun żgurat tqabbil ġust. Il-Kummissjoni tat informazzjoni estensiva lill-partijiet dwar il-gruppi tal-prodotti użati biex jiġi stabbilit il-valur normali, kif meħtieġa mill-Korp tal-Appell (7). Barra minn hekk, matul perjodu estiż ta’ żmien, mit-30 ta’ Mejju 2012 sad-19 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni tat informazzjoni u wieġbet kull mistoqsija li għamlu l-partijiet kollha. Barra minn hekk, lill-partijiet kollha ngħatalhom perjodu addizzjonali ta’ 20 jum biex jikkummentaw dwar l-iżvelar finali.

    (91)

    L-istess partijiet sostnew li, għall-kuntrarju tar-Rapport tal-Korp tal-Appell, il-Kummissjoni rrifjutat li tiżvela informazzjoni dwar prodotti speċifiċi tal-produttur Indjan użati biex jiġi stabbilit il-valur normali mingħajr ma wriet kawża ġusta. L-Artikolu 6.5 tal-ADA jistipula li l-informazzjoni li hija kunfidenzjali jew li tingħata b’mod kunfidenzjali għandha tiġi trattata b’dan il-mod mill-awtoritajiet tal-investigazzjoni. F’dan il-każ, il-produttur Indjan ta informazzjoni dwar it-tipi ta’ prodotti mibjugħa fis-suq domestiku b’mod kunfidenzjali u l-kumpanija ġeddet it-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali indirizzata lill-Kummissjoni, filwaqt li ddikjarat li hija se tibqa’ tqis dik l-informazzjoni bħala strettament kunfidenzjali kif jissemma fil-premessa (82). Dawn il-partijiet iddikjaraw ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tagħti sommarju mhux kunfidenzjali sinifikanti tal-informazzjoni li ta l-produttur Indjan kif jeħtieġu r-Rapporti. Madankollu, fil-proċess kontinwu ta’ djalogu u kif jissemma fil-premessi hawn fuq, il-Kummissjoni żvelat l-informazzjoni rilevanti kollha fil-limiti tal-kunfidenzjalità lill-partijiet interessati relatati mal-produttur Indjan sabiex ikunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom.

    2.9.   Id-determinazzjoni tal-valur normali gћall-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-valur normali, il-prezzijiet tal-esportazzjoni, it-tqabbil

    (92)

    Il-valur normali ġie kkalkulat u mqabbel mal-prezz tal-esportazzjoni kif stabbilit hawn fuq. Saru aġġustamenti fil-prezz tal-esportazzjoni sabiex titneħħa d-differenza fil-prezz fejn żdied il-Kromju VI mal-kisja fuq il-qfieli kkonċernati. Sar tqabbil bejn dawn it-tnejn abbażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, bħal fl-investigazzjoni oriġinali.

    2.10.   Dikjarazzjonijiet għal aġġustamenti bbażati fuq il-karatteristiċi tal-prodotti

    (93)

    Produttur esportatur wieħed iddikjara aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku għad-differenzi fiżiċi fid-diversi tipi (viti essagonali, viti tal-injam, boltijiet, eċċ.) tal-prodott ikkonċernat. Billi għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, il-produttur esportatur ikkonċernat ma għandux aċċess tad-dejta kollha dwar il-valur normali, il-kumpanija qagħdet fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħha stess biex turi safejn ivarjaw il-prezzijiet għal kull tip ta’ qafla.

    (94)

    Fl-investigazzjoni oriġinali t-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar permezz ta’ distinzjoni bejn tipi ta’ qfieli standard u qfieli speċjali, kif inhu ddikjarat fil-premessa (102) tar-Regolament definittiv, u anke billi tiġi identifikata l-klassi tas-sodezza. F’dan il-każ ma ntużawx in-numri ta’ kontroll tal-prodott (PCNs) kollha minħabba li l-produttur fil-pajjiż analogu ma tax informazzjoni f’kategoriji skont il-PCNs kif mitlub. Wieħed mill-elementi tal-PCN oriġinali kellu l-għan li jidentifika t-tipi differenti ta’ qfieli skont taħt liema kodiċi NM jaqgħu. Minħabba li l-produttur Indjan ma tax din l-informazzjoni, dan l-element ma setax jintuża biex isir it-tqabbil fl-investigazzjoni oriġinali.

    (95)

    L-informazzjoni li ta l-produttur esportatur indikat li jista’ jkun hemm raġunijiet biex isir aġġustament għad-differenzi fid-diversi tipi ta’ qfieli. Madankollu, il-metodoloġija ssuġġerita ma tqisitx xierqa minħabba li l-kumpanija ma tatx informazzjoni preċiża dwar it-tipi tal-prodotti skont il-kodiċi NM, kif spjegat fil-premessa (34), kif kien intalab fil-bidu. Bħala alternattiva, sar eżami tad-differenzi fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk kinux jeżistu differenzi fil-prezz bejn it-tipi differenti ta’ qfieli. L-informazzjoni li tat l-industrija tal-Unjoni ngħatat b’mod sħiħ bil-PCN kif intalab fil-bidu. Dan l-eżami kkonferma li l-prezzijiet fis-suq tal-UE varjaw skont it-tip ta’ qafla. Abbażi ta’ dan, tqies xieraq li jsir aġġustament fil-valuri normali biex jirrifletti dawn id-differenzi. Bħala bażi għall-aġġustament, il-prezz medju tal-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni ngħata l-valur “1” u t-tipi individwali kollha ngħataw il-valur individwali tagħhom stess skont ir-relazzjoni tal-prezz tagħhom mal-prezz medju. Imbagħad dawn il-valuri ġew applikati għall-valur normali użat fit-tqabbil ma’ kull tip esportat mill-produttur esportatur.

    (96)

    Ladarba dawn l-aġġustamenti saru skont il-valur tas-suq tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi fis-suq tal-UE, tqies xieraq li jsiru aġġustamenti simili fil-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping tal-produtturi esportaturi kollha.

    (97)

    Wara l-pubblikazzjoni tad-dokument tal-Iżvelar Ġenerali, is-CCME u esportatur Ċiniż sostnew li l-Kummissjoni kienet għadha qed tikser l-Artikoli 2.4, 6.2 u 6.4 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping billi ma tagħtix informazzjoni f’waqtha dwar il-bażi fuq xiex tqabblu l-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, u stiednu lill-Kummissjoni biex tiżvela informazzjoni komprensiva dwar it-tipi ta’ prodotti tal-valur normali użati biex tilħaq l-obbligu tagħha li tagħti l-opportunitajiet lill-produtturi esportaturi Ċiniżi biex jiżguraw id-difiża tal-interess tagħhom, jippreżentaw il-każ tagħhom b’mod tassew infurmat u jiżguraw tqabbil ġust bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-valur normali. Għalhekk l-imsemmija partijiet talbu lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid dawn li ġejjin:

    (a)

    Żvelar sħiħ tat-tipi ta’ prodotti tal-valur normali;

    (b)

    Ikun żgurat li l-qfieli standard immanifatturi mill-produtturi esportaturi Ċiniżi ma jitqabblux ma’ qfieli mmanifatturati mill-produttur analogu għal użu f’applikazzjonijiet ta’ livell għoli;

    (c)

    Tingħata evidenza dwar kif jiġu ssostanzjati talbiet għal aġġustamenti;

    (d)

    Tingħata informazzjoni dwar kif saru ċerti aġġustamenti; u

    (e)

    L-obbligu tal-UE li ma tinjora l-ebda tranżazzjoni tal-esportazzjoni.

    (98)

    Dwar il-punt a), fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli bin-noti tal-informazzjoni datati t-30 ta’ Mejju 2012, il-11 ta’ Lulju 2012, it-13 ta’ Lulju 2012, id-dokument tal-Iżvelar Ġenerali mibgħut fil-31 ta’ Lulju 2012 u b’mod partikolari fil-premessi (77) sa (96) u fis-seduti tas-smigħ li saru matul il-proċess konsultattiv, huwa meqjus li lill-partijiet interessati ngħatatilhom l-informazzjoni kollha li tista’ tiġi żvelata fil-limiti tar-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità.

    (99)

    Dwar il-punt b) rigward il-ħtieġa li jkun żgurat li l-qfieli standard immanifatturati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi ma jkunux imqabbla mal-qfieli mmanifatturati mill-produttur analogu għal użu f’applikazzjonijiet ta’ livell għoli, dan l-aspett ġie indirizzat fil-premessa (78) hawn fuq. Fin-nuqqas ta’ xi evidenza ġdida, u affaċċjata b’sempliċi allegazzjonijiet mill-imsemmija partijiet dwar il-preżenza possibbli ta’ qfieli maħsuba għal applikazzjonijiet oħra ta’ livell għoli minbarra l-industrija awtomobilistika, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni disponibbli fil-fajl hija affidabbli biżżejjed biex ikun żgurat li qfieli standard biss intużaw għad-determinazzjoni tal-valur normali użat fit-tqabbil mal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-imsemmi esportatur Ċiniż.

    (100)

    Dwar il-punt c) u l-allegazzjonijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni naqset milli tagħti informazzjoni dwar kif il-produtturi esportaturi Ċiniżi jistgħu jissostanzjaw talbiet għal aġġustamenti dwar l-elementi tat-“traċċabbiltà”, l-istandard ISO 9000, l-unità tar-rata ta’ difetti, u kriterji oħra bħall-“ebusija, it-tgħawwiġ, is-sodezza, id-durabbiltà tal-impatt u l-koeffiċjent tal-frizzjoni” (ara l-premessa (63) hawn fuq) u d-dazji fuq l-ispejjeż tal-importazzjoni (ara l-premessi (79) u (80) hawn fuq), il-Kummissjoni tinnota dan li ġej: L-ewwel nett, huwa mfakkar li dawn l-elementi tqajmu mill-partijiet mingħajr ma taw aktar dettalji. Matul seduta tas-smigħ li organizza l-Uffiċjal tas-Smigħ fil-11 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet biex jagħtu informazzjoni addizzjonali dwar il-kwistjonijiet hawn fuq imsemmija, iżda ma ngħatat l-ebda informazzjoni addizzjonali. Dwar it-talba għal aġġustamenti fil-prezzijiet tal-esportazzjoni sabiex jitqiesu d-dazji fuq l-importazzjoni tal-vireg tal-wajer fl-Indja u, b’mod ġenerali, aċċess irħas lill-produtturi esportaturi Ċiniżi għall-materja prima, fil-premessa (80) il-Kummissjoni spjegat fid-dettall ir-raġuni għalfejn ma setax jiġi aċċettat dan l-aġġustament. Barra minn hekk, kif stipulat fil-premessa (63) tar-Regolament oriġinali, l-ispiża tal-materja prima maġġuri – vireg tal-wajer tal-azzar – sostanzjalment ma rriflettietx il-valuri tas-suq. Instab li l-prezzijiet mitluba tal-vireg tal-wajer tal-azzar fis-suq domestiku kienu konsiderevolment orħos minn dawk mitluba fi swieq oħra. Għalhekk, dawn il-prezzijiet distorti ma setgħux jintużaw bħala bażi għal aġġustament kif intalab mill-imsemmija partijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tagħraf liema informazzjoni addizzjonali, fil-fehma tal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża u l-produttur esportatur, segħet tingħata sabiex tkompli tissostanzja dawn iż-żewġ talbiet għal aġġustamenti.

    (101)

    Dwar il-punt d) huwa mfakkar li informazzjoni dwar it-“tipi tal-valur normali tal-produtturi tal-UE u l-livelli tal-prezzijiet tagħhom, kif ukoll l-impatt tal-aġġustamenti li rriżultaw fuq it-tipi tal-valur normali tal-produttur analogu” hija kunfidenzjali u ma tistax tiġi żvelata. Il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża u produttur esportatur Ċiniż wieħed talbu kjarifiki ulterjuri dwar kif saru l-aġġustamenti għad-differenza fil-prezz tal-kisja. Madankollu, kif indikat fil-premessa (92) hawn fuq, għandu jiġi nnutat li fid-dokument speċifiku tal-iżvelar, il-Kummissjoni indikat li t-tipi ta’ prodotti esportati ġew aġġustati, biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jifhmu kif sar l-aġġustament.

    (102)

    Dwar il-punt e) u l-ħtieġa allegata sabiex it-tranżazzjonijiet komparabbli kollha tal-esportazzjoni jitqiesu fil-kalkolu tad-dumping ħalli jkun żgurat tqabbil ġust tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2.4.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping, il-Kummissjoni tinnota li eżatt wara t-talba u s-suġġerimenti li għamlu dawn il-partijiet ġie aġġustat il-valur normali użat għad-determinazzjoni tal-marġnijiet tad-dumping. Il-metodoloġija użata kienet spjegata fil-premessi (93) sa (96) hawn fuq u r-raġunijiet biex jiġi espress l-ammont ta’ dumping misjub bħala persentaġġ ta’ dawk it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni użati fil-kalkolu tal-ammont ta’ dumping spjegati fil-premessi (107) u (108) hawn taħt huma f’konformità sħiħa mal-Artikolu 2.4.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping, li jirriferi għat-tranżazzjonijiet komparabbli tal-esportazzjoni. F’dan il-każ, kull tranżazzjoni komparabbli (skont it-tipi ta’ prodotti) intużat għat-tqabbil. Għalhekk, kien raġonevoli li l-ammont ta’ dumping misjub jiġi espress bħala persentaġġ ta’ dawk it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni użati fil-kalkolu tal-ammont ta’ dumping.

    (103)

    Wara l-iżvelar ġenerali, żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi tennu li għandhom isiru aġġustamenti għal differenzi allegati fl-effiċjenza tal-konsum tal-materja prima u aċċess eħfef għall-materja prima, konsum tal-elettriku aktar effiċjenti u produttività anqas għal kull impjegat. Huwa mfakkar li l-ebda produtturi esportaturi Ċiniżi ma rċieva MET fl-investigazzjoni oriġinali u l-istruttura tal-ispiża tagħhom ma tistax titqies li tirrifletti l-valuri tas-suq li jistgħu jintużaw bħala bażi għal aġġustamenti b’mod partikolari dwar l-aċċess għall-materja prima. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li nstab li l-proċessi tal-produzzjoni li jeżistu fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina huma komparabbli ma’ dawk tal-produttur Indjan u d-differenzi allegati nstab li kienu żgħar ħafna. F’dan il-każ, il-produttur Indjan instab li kien qed jikkompeti ma’ ħafna produtturi oħra fis-suq domestiku Indjan, u huwa meqjus li l-prezzijiet tiegħu kienu jirriflettu bis-sħiħ il-qagħda fis-suq domestiku. Kif jissemma fil-premessa (41) hawn fuq, għall-fini biex jiġi stabbilit il-valur normali, kellu jintuża sostitut tal-ispejjeż u l-prezzijiet tal-produtturi f’ekonomiji tas-suq li jiffunzjonaw.

    (104)

    L-istess żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi sostnew li bit-tqassir tad-dejta dwar id-dijametru u t-tul f’firxiet, il-Kummissjoni għandha tagħmel it-tqabbil permezz taċ-ċifri attwali tat-tul u d-dijametru u mhux permezz tal-firxiet. L-ewwel nett, kif jissemma fil-premessa (70) hawn fuq, il-Kummissjoni qablet wara seduta tas-smigħ li saret fis-26 ta’ Ġunju 2012 mal-istess partijiet li tistabbilixxi firxa għad-dijametru u t-tul biex tqis l-impatt tal-karatteristiċi fiżiċi fuq il-prezzijiet. L-imsemmija l-partijiet indikaw xi firxiet possibbli, iżda l-Kummissjoni matul is-seduta tas-smigħ indikat li dawn il-firxiet proposti għandhom jiġi riveduti sabiex ikun żgurat it-tqabbil tat-tipi esportati kollha mat-tipi li jixbhuhom mill-qrib tal-produttur Indjan. It-tieni nett, l-imsemmija partijiet iddikjaraw fi preżentazzjoni li saret matul seduta tas-smigħ fit-3 ta’ Lulju 2012 bħala eżempju, li d-dijametru jkollu impatt żgħir f’termini tal-unità tal-konsum tal-materja prima. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

    2.11.   Il-marġnijiet tad-dumping

    (105)

    Il-marġnijiet tad-dumping ġew stabbiliti skont tqabbil ta’ valur normali medju peżat ma’ prezz tal-esportazzjoni medju peżat.

    (106)

    Il-marġni definittiv tad-dumping, espress bħala persentaġġ tal-prezz tal-importazzjoni tas-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, għall-produttur esportatur soġġett għal din ir-reviżjoni, huwa kif ġej:

    Bulten Fasteners (China) Co., Ltd

    0,0  %

    (107)

    Il-marġnijiet definittivi tad-dumping riveduti, espressi bħala persentaġġ tal-prezz tal-importazzjoni tas-CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

    Produttur esportatur fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    Marġni tad-dumping eżistenti

    Marġni tad-dumping rivedut

    Biao Wu Tensile Fasteners Co., Ltd.

    69,9  %

    43,4  %

    Kunshan Chenghe Standard Components Co., Ltd.

    93,2  %

    63,7  %

    Ningbo Jinding Fastener Co., Ltd.

    74,5  %

    64,3  %

    Ningbo Yonghong Fasteners Co., Ltd.

    105,3  %

    69,7  %

    Changshu City Standard Parts Factory u Changshu British Shanghai International Fastener Co., Ltd.

    63,1  %

    38,3  %

    CELO Suzhou Precision Fasteners Co., Ltd

    0  %

    0  %

    Golden Horse (Dong Guan) Metal Manufactory Co., Ltd

    26,5  %

    22,9  %

    Yantai Agrati Fasteners Co., Ltd

    0  %

    0  %

    Produtturi esportaturi li kkoperaw u li ma ntgħażlux fil-kampjun

    78,1  %

    54,1  %

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    115,4  %

    74,1  %

    (108)

    Produttur esportatur wieħed sostnali bil-kalkolu tal-marġni tad-dumping tiegħu, l-ammont totali ta’ dumping misjub għandu jiġi espress bħala persentaġġ tal-valur totali tas-CIF tat-tranżazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni u mhux bħala persentaġġ ta’ dawk it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni użati fil-kalkolu tal-ammont ta’ dumping. Jekk isir mod ieħor, skont din il-kumpanija, tinħoloq preżunzjoni tad-dumping għal dawk it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni mhux użati għad-determinazzjoni tad-dumping.

    (109)

    Tqabbil bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali sar skont il-medja peżata biss għal dawk it-tipi esportati mill-produttur esportatur Ċiniż li għalihom hemm tip immanifatturat u mibjugħ mill-produttur Indjan. Dan tqies bħala l-aktar bażi affidabbli biex jiġi stabbilit il-livell tad-dumping, jekk ikun hemm, ta’ dan il-produttur esportatur; tentattiv biex jitqabblu t-tipi l-oħra kollha esportati mat-tipi li jixbhu mill-qrib tal-produttur Indjan kien iwassal għal konklużjonijiet mhux preċiżi. Abbażi ta’ dan, huwa korrett li l-ammont ta’ dumping misjub jiġi espress bħala persentaġġ ta’ dawk it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni użati fil-kalkolu tal-ammont ta’ dumping – din il-konklużjoni titqies bħala rappreżentattiva għat-tipi kollha esportati. L-istess approċċ intuża fil-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping tal-produtturi esportaturi l-oħra.

    3.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

    (110)

    Kif indikat fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, sabiex jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporti tad-DSB, li jissuġġerixxi li l-UE kienet aġixxiet b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 4.1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping billi eskludiet mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni lil dawk il-produtturi ma kinux lesti li jiġu inklużi fil-kampjun u billi qieset li l-livell limitu ta’ 25 % stabbilit fl-Artikolu 4.1 tar-Regolament bażiku jirrappreżenta b’mod awtomatiku “proporzjon maġġuri” tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat. Fil-paragrafu 430 tar-rapport tal-Korp tal-Appell maħruġ fil-15 ta’ Lulju 2011, huwa rikonoxxut li n-“natura frammentata tal-industrija tal-qfieli, madankollu, setgħet tippermetti proporzjon baxx bħal dan minħabba li mhux prattiku li tinkiseb aktar informazzjoni, sakemm il-proċess li bih il-Kummissjoni ddefinixxiet l-industrija ma tax lok għal riskju materjali ta’ tgħawwiġ. […] meta llimitat id-definizzjoni tal-industrija domestika għal dawk il-produtturi li huma lesti jkunu parti mill-kampjun, il-Kummissjoni eskludiet produtturi li taw informazzjoni rilevanti.” (enfażi miżjuda). Huwa dawn il-produtturi tal-aħħar li issa qed jiġu inklużi fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

    (111)

    Fl-investigazzjoni oriġinali nstab li l-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni li qablu li jkunu inklużi fil-kampjun u li kkoperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni oriġinali, irrappreżentat 27,0 % tal-produzzjoni totali tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Għaldaqstant huwa meqjus li dawn il-kumpaniji jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.

    (112)

    Wara l-konklużjonijiet tar-Rapporti tad-DSB, u abbażi tas-sottomissjonijiet validi kollha li waslu mingħand il-produtturi kollha tal-UE li ppreżentaw ruħhom sal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 6.(b)(i) tan-Notifika ta’ Bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (8), u irrispettivament minn jekk dawn indikawx li kienu lesti jkunu parti mill-kampjun, il-Kummissjoni kkalkolat mill-ġdid li l-industrija tal-Unjoni attwalment irrappreżentat 36,3 % tal-produzzjoni totali tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni fl-2006.

    (113)

    Wara li rrivediet id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni aċċertat li l-persentaġġ tal-produzzjoni tal-qfieli ta’ dik l-industrija mill-produzzjoni totali stmata, jirrappreżenta proporzjon kbir skont it-tifsira tal-Artikolu 4.1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping.

    (114)

    Kif jissemma fil-premessa (112) tar-Regolament definittiv, l-investigazzjoni stabbilixxiet li l-prodott simili huwa mmanifatturat minn għadd kbir ta’ produtturi fl-Unjoni. Fil-fatt stmat li hemm aktar minn 300, fil-biċċa l-kbira tagħhom huma impriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”) iżda jinkludu ftit kumpaniji akbar jew gruppi ta’ kumpaniji. Fiż-żmien meta bdiet l-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni kkuntattjat lil kull wieħed minn dawn il-produtturi magħrufa u talbithom jieħdu sehem fl-investigazzjoni u jagħtu ċerta informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tagħhom. La n-Notifika ta’ Bidu ppubblikata malli bdiet l-investigazzjoni oriġinali u lanqas l-ittra li ntbagħtet fil-bidu lill-produtturi magħrufa kollha tal-UE, ma għamlet referenza għall-fatt li l-informazzjoni mressqa mill-produtturi tal-UE li ma xtaqux jikkoperaw, mhux se tiġi meqjusa.

    (115)

    Kif imsemmi, il-biċċa l-kbira tal-produtturi tal-qfieli tal-UE huma żgħar, jekk mhux, mikrointrapriżi (negozji tal-familja) li tipikament ikollhom riżorsi limitati inklużi riżorsi finanzjarji u umani, u mhumiex membri ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali jew tal-UE li jistgħu jirrappreżentawhom matul l-investigazzjoni u, kif ġeneralment jiġri għall-SMEs, ma jkollhom l-ebda riżorsi biex jingaġġaw avukati speċjalizzati fil-kummerċ u kontabilisti. Kumpaniji żgħar ikollhom ukoll tħassib kbir ħafna dwar il-protezzjoni tad-dejta kunfidenzjali tagħhom matul investigazzjonijiet bħal dawn, li huma jqisuha vitali. Madankollu, għadd sostanzjali ta’ produtturi ppreżentaw ruħhom (63 produttur tal-UE b’kollox) u taw l-informazzjoni meħtieġa. Għandu jiġi nnutat li dawn il-produtturi kienu jinkludu SMEs kif ukoll kumpaniji akbar, ilkoll mifruxin madwar l-UE. Fid-dawl ta’ dan kollu, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, dawn il-produtturi, li rrappreżentaw 36,3 % tal-produzzjoni totali tal-prodott ikkonċernat fl-UE, jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu proporzjon maġġuri tal-industrija totali tal-Unjoni u għaldaqstant skont it-tifsira tal-Artikolu 4.1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping. Barra minn hekk, kif imsemmi, billi l-akbar produtturi magħrufa tal-UE ppreżentaw ruħhom fil-bidu, sal-iskadenza stabbilita fin-Notifika ta’ Bidu oriġinali, il-kampjun magħżul fl-investigazzjoni oriġinali jista’ jitqies rappreżentattiv, anke wara l-ddaħħlu 18-il produttur tal-UE ieħor fid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

    (116)

    Il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża sostniet li l-Kummissjoni ma setgħetx tillimita lilha nnifisha li tuża d-dejta li tawha l-produtturi tal-UE li ppreżentaw ruħhom sal-iskadenza msemmija fil-premessa (112) hawn fuq billi ċerti produtturi tal-UE setgħu għażlu li ma jippreżentawx ruħhom għax ma kinux lesti li jkunu parti mill-kampjun u għalhekk kienu jafu li r-rispons tagħhom ma kienx se jitqies. L-assoċjazzjoni tal-esportaturi Ċiniżi talbet lill-Kummissjoni “biex tibda mill-ġdid il-proċess kollu tal-għażla u biex tikkuntattja lill-produtturi kollha tal-UE mingħajr ma tirriferi għall-fatt li l-produtturi għandhom ikunu lesti li jkunu parti mill-kampjun (9). Madankollu, fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, tqies li ma kienx hemm bżonn li jerġa’ jinfetaħ il-proċess biex jingħażel kampjun finali, billi l-akbar produtturi magħrufa tal-UE ppreżentaw ruħhom fil-bidu. Wara l-iżvelar, il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tenniet li ma setax jiġi eskluż li għadd kbir ta’ produtturi sempliċiment ma weġbux il-kwestjonarju kampjunarju “eżattament minħabba li huma jafu li jekk ma jkunux lesti li jkunu parti mill-kampjun se jiġu awtomatikament esklużi mill-industrija domestika”. Għandu jiġi nnutat li l-istess argumenti tressqu mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u l-importaturi Ewropej matul l-investigazzjoni oriġinali li kienu qed isostnu kontra locus standi. Kif spjegat fil-premessa (26) tar-Regolament definittiv, il-Kummissjoni kkuntattjat għadd sinifikanti ta’ produtturi tal-Unjoni wara li beda l-proċediment, u ftit minnhom biss wieġbu. Għandu jiġi nnutat li ma saret l-ebda referenza għall-inklużjoni possibbli tagħhom jew le fil-kampjunament finali. Fil-fatt, l-għażla possibbli tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun finali kien irrilevanti fid-deċiżjoni tagħhom li jippreżentaw ruħhom matul il-proċediment, billi d-deċiżjoni tagħhom kienet motivata minn fatturi oħra bħal dawk enfasizzati fil-premessa (115) hawn fuq. Għaldaqstant, it-talba indirizzata lill-Kummissjoni li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-istima tad-dannu mill-ġdid ġiet miċħuda.

    4.   Il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni

    (117)

    Wara r-Rapporti, il-konklużjonijiet dwar id-dannu stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali ġew eżaminati mill-ġdid fil-livell tal-industrija tal-Unjoni kif definit skont il-premessa (114) hawn fuq, għal xejriet li jikkonċernaw il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-bejgħ, il-prezzijiet tal-unità, is-sehem mis-suq, l-impjiegi u l-produttività jiġifieri mill-informazzjoni miġbura fir-rigward tas-sitt(6) produtturi li ntgħażlu fil-kampjun u 57 produttur l-oħra li issa huma parti mill-industrija tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ fatturi oħrajn tad-dannu li nstabu għall-industrija tal-UE li ntgħażlet fil-kampjun, billi l-informazzjoni dwar il-ħażniet, il-profitabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu mill-investimenti, il-kapaċità li jiżdied il-kapital u l-pagi nkisbet mit-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tas-sitt produtturi li ntgħażlu fil-kampjun, il-konklużjonijiet huma għalhekk ikkonfermati fir-reviżjoni.

    4.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità

    (118)

    L-evoluzzjoni tal-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità għall-industrija tal-Unjoni bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli kollha (ara l-premessa (112)) huma dan li ġej:

    L-Industrija Totali tal-Unjoni.

    2003

    2004

    2005

    2006

    PI

    Il-volum tal-produzzjoni (MT)

    489 993

    524 571

    493 924

    519 880

    537 877

    Indiċi

    100

    107

    100

    106

    110

    Il-kapaċità tal-produzzjoni (MT)

    859 766

    881 454

    902 741

    919 485

    944 817

    Indiċi

    100

    102

    105

    107

    110

    L-utilizzazzjoni tal-kapaċità (%)

    57  %

    60  %

    55  %

    57  %

    57  %

    (119)

    Minkejja ż-żieda sinifikanti fid-domanda ta’ 29 % bejn l-2004 u l-PI, il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni varja matul il-perjodu kkunsidrat u kien 9 % ogħla fil-PI meta mqabbel mal-2003 bi tqabbil mas-6 % fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri xorta b’mod sinifikanti inqas miż-żieda fid-domanda ta’ 29 %.

    (120)

    Dwar il-kapaċità tal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-konklużjonijiet li ntlaħqu fl-investigazzjoni oriġinali, minkejja sett differenti ta’ dejta, kienu kkonfermati (ara l-premessi (130) sa (133) tar-Regolament definittiv).

    4.2.   Il-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir u l-prezzijiet medji tal-unità fl-Unjoni

    (121)

    Iċ-ċifri ta’ hawn taħt jirrappreżentaw il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti indipendenti fl-Unjoni bbażati (fil-volum u l-valur) fuq l-informazzjoni disponibbli kollha:

    L-Industrija Totali tal-Unjoni

    2003

    2004

    2005

    2006

    PI

    Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni (EUR 000)

    990 540

    1 050 039

    1 102 684

    1 198 794

    1 289 940

    Indiċi

    100

    106

    111

    121

    130

    Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni (MT)

    445 769

    494 307

    468 892

    506 752

    507 750

    Indiċi

    100

    111

    105

    114

    114

    Il-prezz tal-bejgħ tal-unità tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni (MT)

    2 222

    2 124

    2 351

    2 365

    2 540

    Indiċi

    100

    96

    106

    106

    114

    Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni f’(%)

    mhux applikabbli

    28  %

    27  %

    24  %

    22  %

    Indiċi

    mhux applikabbli

    100

    96

    86

    80

    (122)

    Id-dejta riveduta rrappurtata fit-tabella hawn fuq tikkonferma l-konklużjonijiet imsemmija fil-premessi (137) sa (140) tar-Regolament definittiv sakemm ix-xejriet kollha tad-dannu huma kkonfermati. Il-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b’14 % matul il-perjodu kkunsidrat, u mhux bi 12 % kif instab fl-investigazzjoni oriġinali u bi 30 % fil-valur, u mhux b’21 %. Fil-fatt, ix-xejriet instabu ferm simili għal dawk fl-investigazzjoni oriġinali. L-istess tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ bejn l-2004 u l-2005 jikkonferma l-konklużjoni msemmija fil-premessa (139) tar-Regolament definittiv li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx kapaċi tieħu vantaġġ miż-żieda fil-konsum tal-Unjoni u għalhekk is-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni naqas b’20 % f’anqas minn tliet snin.

    4.3.   L-impjiegi u l-produttività

    (123)

    L-evoluzzjoni tal-impjiegi u l-produttività fl-industrija tal-Unjoni kienet kif ġej:

    L-Industrija Totali tal-Unjoni

    2003

    2004

    2005

    2006

    PI

    In-numru ta’ impjegati

    7 530

    8 340

    8 559

    8 549

    8 581

    Indiċi

    100

    111

    114

    114

    114

    Il-produttività (MT/impjegat)

    65

    63

    58

    61

    63

    Indiċi

    100

    97

    89

    93

    96

    4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

    (124)

    Fid-dawl ta’ dan kollu, il-konklużjonijiet imsemmija fil-premessi (153) sa (161) tar-Regolament definittiv huma kkonfermati.

    5.   Il-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

    (125)

    Kif indikat fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni qieset il-konklużjonijiet tar-Rapporti tad-DSB li jissuġġerixxu li l-UE aġixxiet b’mod inkonsistenti mal-Artikoli 3.1 u 3.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping fir-rigward tal-konsiderazzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fl-investigazzjoni oriġinali tal-qfieli.

    (126)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid l-istima tagħha tad-dannu fid-dawl tal-fatt li xi produtturi esportaturi nstab li ma kinux qed jagħmlu dumping matul il-PI. Huwa mfakkar li fl-investigazzjoni oriġinali, żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi ma kinux qed jagħmlu dumping. Kif jissemma fil-premessa (105) hawn fuq, produttur esportatur ieħor instab li ma kienx qed jagħmel dumping f’din ir-reviżjoni. Il-volum tal-importazzjonijiet totali mingħand dawn it-tliet produtturi esportaturi rrappreżenta biss bejn 0,01 % u 0,40 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina matul il-PI. L-analiżi tad-dannu dwar l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li saret skont il-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mingħajr l-importazzjonijiet li mhumiex l-oġġett ta’ dumping, turi bidliet mhux sinifikanti fix-xejriet deskritti fil-premessa (121) tar-Regolament definittiv.

     

    2003

    2004

    2005

    2006

    PI

    Il-volumi tal-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (MT)

    216 085

    295 227

    387 783

    485 435

    577 811

    Indiċi

    100

    137

    179

    225

    267

    Is-sehem mas-suq tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    mhux applikabbli

    17  %

    22  %

    23  %

    25  %

    Sors: il-Eurostat.

    6.   Il-kawżalità — il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

    (127)

    Kif indikat fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni rrivalutat l-analiżi tagħha tal-kawżalità sabiex tqis il-konklużjonijiet tar-Rapporti li jissuġġerixxu li l-UE aġixxiet b’mod inkonsistenti mal-Artikoli 3.1 u 3.5 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping billi titqies dejta statistika ġenerali dwar l-esportazzjoni rrappurtata mill-Eurostat u mhux il-prestazzjoni speċifika tal-esportazzjoni tal-industrija tal-UE.x

    (128)

    Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ġiet analizzata fil-premessa (175) tar-Regolament definittiv. Instab li l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi rrappreżentaw biss 11 % tal-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili fl-2006. Madankollu, kif jissemma fir-rapporti tad-DSB, id-dejta użata relatata mal-esportazzjonijiet tal-produtturi kollha fl-Unjoni, kienet ibbażata fuq id-dejta tal-Eurostat u mhux relatata mal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni. Wara r-Rapporti tad-DSB, il-Kummissjoni rrivalutat l-analiżi tagħha tal-kawżalità billi eżaminat jekk il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif ġiet definita mill-ġdid setgħetx kienet fattur tad-dannu mġarrab. Instab li l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi rrappreżentaw biss 3,7 % tal-produzzjoni tal-industrija definita mill-ġdid tal-Unjoni tal-prodott simili matul il-PI, u mhux 11 % kif jissemma fil-premessa (175) tar-Regolament definittiv. Dawn l-esportazzjonijiet żdiedu b’madwar 4 % bejn l-2003 u l-PI. Barra minn hekk, dawn l-esportazzjonijiet saru b’mod konsistenti bi prezzijiet konsiderevolment ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni.

    L-Industrija Totali tal-Unjoni

    2003

    2004

    2005

    2006

    PI

    L-Esportazzjonijiet tal-Unjoni lejn il-Bqija tad-Dinja għall-Perjodu Kkunsidrat (MT)

    19 599

    23 613

    21 098

    20 967

    20 400

    Indiċi

    100

    120

    108

    107

    104

    L-Esportazzjonijiet tal-Unjoni lejn il-Bqija tad-Dinja għall-Perjodu Kkunsidrat (EUR 000)

    47 261

    55 657

    52 958

    58 831

    55 477

    Indiċi

    100

    118

    112

    124

    117

    Prezz tal-unità: (EURO/MT):

    2 411

    2 357

    2 510

    2 806

    2 719

    (129)

    Għaldaqstant jista’ jiġi konkluż li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tal-industrija tal-Unjoni ma kinitx sors ta’ dannu materjali. Barra minn hekk, il-konklużjoni finali kif jissemma fil-premessa (184) tar-Regolament definittiv li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku hija kkonfermata.

    7.   Trattament tal-informazzjoni kunfidenzjali

    (130)

    Kif tindika n-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ħasbet biex issir rivalutazzjoni tal-konklużjonijiet ibbażata fuq id-deċiżjonijiet tar-Rapporti li jissuġġerixxi li l-UE aġixxiet b’mod inkonsistenti mal-Artikoli 6.5 u 6.5.1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni kunfidenzjali.

    (131)

    Wara r-Rapporti, il-Kummissjoni stiednet żewġ produtturi rilevanti tal-Unjoni biex jipprovdu dikjarazzjonijiet xierqa tar-raġunijiet għalfejn l-informazzjoni kunfidenzjali ma ġietx spjegata f’sommarju mhux kunfidenzjali. Iż-żewġ produtturi taw informazzjoni addizzjonali b’mod mhux kunfidenzjali jew, meta ċerta informazzjoni ma ġietx spjegata fil-qosor, huma ddikjaraw għalfejn dan kien il-każ. L-informazzjoni li taw dawn il-produtturi ntbagħtet lill-partijiet interessati kollha. Assoċjazzjoni waħda li tirrappreżenta lill-importaturi tal-Unjoni Ewropea sostniet li l-informazzjoni li taw iż-żewġ produtturi tal-Unjoni ma kinitx tinftiehem u ma tippermettix kontroverifika mad-dejta li tista’ tinstab pubblikament fil-Eurostat. Dwar dan l-argument, huwa nnutat li billi l-informazzjoni li taw dawn iż-żewġ produtturi hija informazzjoni speċifika għal kumpanija, mhux probabbli li jeżistu xi sorsi pubbliċi li jippermettu kontroverifika.

    (132)

    Il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża u l-EFDA sostnew li informazzjoni addizzjonali mogħtija ma kinitx sħiħa billi xi elementi fit-Tabelli 22, 23, u minn 32 sa 34 kienu għadhom neqsin u għalhekk mhux skont il-mod kif il-konklużjonijiet tad-DSB kellhom jiġu applikati. Ma waslu l-ebda kummenti oħra wara l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni mhux kunfidenzjali addizzjonali. Billi t-Tabelli 32 sa 34 fihom dettalji dwar il-bejgħ u l-ispejjeż imġarrba mill-kumpanija kkonċernata, din l-informazzjoni naturalment kunfidenzjali tqassret biex tingħata ċerta informazzjoni dwar il-kontenut tagħha, mingħajr żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali. L-Informazzjoni l-oħra msemmija bħala nieqsa fit-Tabella 22 (it-tipi ta’ materja prima fornita u l-volumi ta’ materja prima mixtrija), it-Tabella 23 (ċifri indiċizzati biss tal-marġni tal-profitt qabel it-taxxa u l-ebda ċifri separati għall-bejgħ fl-UE u barra minnha), tressqet mill-ġdid mill-kumpanija kkonċernata tal-Unjoni sabiex l-informazzjoni tkun tista’ tinftiehem tajjeb u r-reazzjoni żdiedet mal-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Bħala konklużjoni, huwa meqjus li r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporti dwar din il-kwistjoni kienu rrispettati bis-sħiħ.

    (133)

    Barra minn hekk, l-EFDA ddikjarat li t-Tabella 24 pprovduta mill-produttur tal-Unjoni ma ħallietx li ssir il-konklużjoni li din il-kumpanija sofriet dannu sinifikanti, billi din uriet żidiet kostanti fil-qligħ, l-utilizzazzjoni u l-produzzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni għal darb’oħra għamlet l-istima tad-dannu li tinkludi dejta għal sitt produtturi tal-UE li ntgħażlu fil-kampjun u kkonkludiet li ġġarrab dannu materjali kif ikkonfermat fil-premessa (124) hawn fuq. Għalhekk id-dikjarazzjoni hija bla bażi.

    (134)

    Fl-aħħarnett, kif jissemma fil-punt 6. tan-Notifika ta’ Bidu, wara l-konklużjoni li tirrigwarda l-Artikolu 6.5 u 6.5.1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni kunfidenzali, fit-30 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni żvelat id-dejta tal-Eurostat dwar il-produzzjoni totali tal-UE tal-qfieli kif ġiet ippreżentata fil-bidu.

    8.   Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet oħra

    (135)

    Kif jissemma fin-Notifika, il-Kummissjoni beħsiebha tqis il-kummenti tal-partijiet fl-investigazzjoni tal-qfieli li jiddikjaraw li ntlaqtu ħażin bl-iżvelar tal-konklużjonijiet fir-rigward tat-trattament tal-ekonomija tas-suq jew fir-rigward ta’ kull rakkomandazzjoni u deċiżjoni oħra tad-DSB. Il-Kummissjoni tat TI lil kumpanija waħda bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku fir-rapporti tad-DSB.

    F.   ŻVELAR

    (136)

    Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq. Wara l-iżvelar huma ngħataw ukoll perjodu ta’ żmien biex iressqu l-kummenti u d-dikjarazzjonijiet tagħhom. Wara l-iżvelar waslu bosta kummenti.

    (137)

    Minn dan ta’ hawn fuq joħroġ li l-miżuri tal-anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 għandhom jinżammu u li l-importazzjonijiet mingħand Bulten Fasteners China għandhom isiru soġġetti għal dazju ta’ 0 %.

    G.   KONKLUŻJONI

    (138)

    Abbażi tar-rivalutazzjoni ta’ hawn fuq, ġie konkluż li d-dumping dannuż stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali huwa kkonfermat. Madankollu, produttur esportatur wieħed ingħata TI skont ir-rakkomandazzjonijiet dwar l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku fir-rapporti tad-DSB. Għaldaqstant, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament definittiv għandu jiġi emendat skont dan. L-istess Artikolu għandu jiġi emendat ukoll biex jitqiesu d-dazji riveduti tal-anti-dumping ikkalkulati għal uħud mill-kumpaniji elenkati fit-tabella tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament definittiv kif jidher hawn taħt:

    Produttur esportatur fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    Marġni tad-dumping

    Marġni tad-dannu

    Miżuri definittivi

    Biao Wu Tensile Fasteners Co., Ltd.

    43,4  %

    99,9  %

    43,4  %

    Kunshan Chenghe Standard Components Co., Ltd.

    63,7  %

    79,5  %

    63,7  %

    Ningbo Jinding Fastener Co., Ltd.

    64,3  %

    64,4  %

    64,3  %

    Ningbo Yonghong Fasteners Co., Ltd.

    69,7  %

    78,3  %

    69,7  %

    Changshu City Standard Parts Factory and Changshu British Shanghai International Fastener Co., Ltd.

    38,3  %

    65,3  %

    38,3  %

    CELO Suzhou Precision Fasteners Co., Ltd.

    0,0  %

    0,3  %

    0,0  %

    Golden Horse (Dong Guan) Metal Manufactory Co., Ltd.

    22,9  %

    133,2  %

    22,9  %

    Yantai Agrati Fasteners Co., Ltd.

    0,0  %

    0,0  %

    0,0  %

    Produtturi esportaturi li kkoperaw u li ma ntgħażlux fil-kampjun

    54,1  %

    77,5  %

    54,1  %

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    74,1  %

    85,0  %

    74,1  %

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    It-tabella li tindika r-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti manifatturati mill-kumpaniji elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 hija b’dan mibdula b’din it-tabella li ġejja:

    “Kumpanija

    Dazju (%)

    Il-Kodiċi addizzjonali TARIC

    Biao Wu Tensile Fasteners Co., Ltd., Shanghai

    43,4  %

    A924

    CELO Suzhou Precision Fasteners Co., Ltd., Suzhou

    0,0  %

    A918

    Changshu City Standard Parts Factory u Changshu British Shanghai International Fastener Co., Ltd., Changshu

    38,3  %

    A919

    Golden Horse (Dong Guan) Metal Manufactory Co., Ltd., il-Belt ta’ Dongguan

    22,9  %

    A920

    Kunshan Chenghe Standard Components Co., Ltd., Kunshan

    63,7  %

    A921

    Ningbo Jinding Fastener Co., Ltd., il-Belt ta’ Ningbo

    64,3  %

    A922

    Ningbo Yonghong Fasteners Co., Ltd., il-Belt ta’ Jiangshan

    69,7  %

    A923

    Yantai Agrati Fasteners Co., Ltd., Yantai

    0,0  %

    A925

    Bulten Fasteners (China) Co., Ltd., Beijing

    0,0  %

    A997

    Kumpaniji elenkati fl-Anness I

    54,1  %

    A928

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    74,1  %

    A999 ”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-4 ta’ Ottubru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. CHARALAMBOUS


    (1)  ĠU L 201, 26.7.2001, p. 10.

    (2)  ĠU L 29, 31.1.2009, p. 1.

    (3)  WTO, Rapport tal-Korp tal-Appell, AB-2011-2, WT/DS397/AB/R, il-15 ta’ Lulju 2011. WTO, Rapport tal-Bord, WT/DS397/R, it-3 ta’ Diċembru 2010.

    (4)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (5)  ĠU C 66, 6.3.2012, p. 29.

    (6)  ĠU C 160, 6.6.2012, p. 19.

    (7)  Rapport tal-Korp tal-Appell: Il-paragrafu 512 li jiddikjara li “l-Artikolu 2(4) jobbliga lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni... bħala minimu li jgħarrfu lill-partijiet bil-gruppi ta’ prodotti użati għall-finijiet tat-tqabbil tal-prezz.”

    (8)  ĠU C 267, 9.11.2007, p. 31.

    (9)  “Seduta tas-Smigħ dwar ir-Reviżjoni tal-Miżuri Anti-Dumping fis-Seħħ fuq Importazzjonijiet ta’ Qfieli li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina”, Seduta organizzata mill-Uffiċjal tas-Seduta mal-Assoċjazzjoni Ċiniża tal-Industrija tal-Qfieli (CCME), il-11 ta’ Lulju 2012.


    Top