Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0672

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 672/2012 tas- 16 ta’ Lulju 2012 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le

ĠU L 196, 24.7.2012, pp. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/11/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/672/oj

24.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 672/2012

tas-16 ta’ Lulju 2012

li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

1.   Il-PROĊEDURA

1.1.   Il-miżuri eżistenti

(1)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 (2), (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta’ 62,9 % fuq importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) għall-kumpaniji l-oħrajn kollha ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2) u fl-Anness 1 ta’ dak ir-Regolament. Dawn il-miżuri minn hawn ’il quddiem jissejħu “il-miżuri fis-seħħ” u l-investigazzjoni li wasslet biex jiġu imposti l-miżuri mir-Regolament oriġinali minn hawn ’il quddiem tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”.

1.2.   It-talba

(2)

Fis-27 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u biex l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le, isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(3)

Din it-talba tressqet minn Saint-Gobain Adfors CZ s.r.o., Tolnatext Fonalfeldolgozó és Műszakiszövet-gyártó Bt., Valmieras stikla šķiedra AS and Vitrulan Technical Textiles GmbH, erba’ produtturi fl-Unjoni ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

(4)

It-talba kien fiha biżżejjed evidenza prima facie li, wara li ġew imposti l-miżuri fis-seħħ, kien hemm bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li jinvolvi l-esportazzjonijiet mir-RPĊ u l-Malasja lejn l-Unjoni, li għaliha ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Din il-bidla fix-xejra tal-kummerċ allegatement nibtet mit-trasbord ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ vija l-Malasja.

(5)

Barra minn hekk, l-evidenza enfasizzat il-fatt li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ kienu qed jiġu mminati kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ prezz. L-evidenza wriet li ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Malasja saret bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz li ma jikkawżax dannu stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(6)

Fl-aħħar nett, kien hemm evidenza li l-prezzijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mill-Malasja kienu l-oġġett tad-dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit għall-prodott simili matul l-investigazzjoni oriġinali.

1.3.   Bidu

(7)

Meta wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ddeterminat li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex jingħata bidu għal investigazzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1135/2011 (3) (“ir-Regolament tat-tnedija”). Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, skont ir-Regolament tat-tnedija, ordnat ukoll lill-awtoritajiet tad-dwana biex jiddokumentaw l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Malasja.

1.4.   L-investigazzjoni

(8)

Il-Kummissjoni nnotifikat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tal-Malasja, lill-produtturi esportaturi f’dawk il-pajjiżi, lill-importaturi magħrufa fl-Unjoni li huma kkonċernati u lill-industrija tal-Unjoni dwar it-tnedija tal-investigazzjoni. Intbagħtu kwestjonarji lill-produtturi/esportaturi fir-RPĊ u fil-Malasja li taf bihom il-Kummissjoni jew li kienu ppreżentaw ruħhom qabel l-iskadenzi stabbiliti fil-premessa 14 tar-Regolament tat-tnedija. Il-kwestjonarji ntbagħtu wkoll lill-importaturi fl-Unjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament ta’ tnedija.

(9)

Tliet produtturi esportaturi fil-Malasja, u tliet importaturi mhux relatati fl-Unjoni ippreżentaw ruħhom u bagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarji.

(10)

Il-kumpaniji li ġejjin wieġbu l-kwestjonarji u sussegwentement twettqu żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tagħhom:

Produtturi esportaturi fil-Malasja:

GFTex Fiberglass Manufacturer Sdn Bhd, Selangor,

Gold Fiberglass Sdn. Bhd, Selangor, u

GRI Fiberglass Industries, Selangor.

1.5.   Perjodu ta’ Investigazzjoni

(11)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kien ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sat-30 ta’ Settembru 2011 (“il-PI”). Id-dejta inġabret għall-PI sabiex tipi investigata, fost oħrajn, il-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ. Inġabret dejta aktar dettaljata għall-perjodu tar-rappurtaġġ bejn l-1 ta’ Ottubru 2010 u t-30 ta’ Settembru 2011 (“il-PR” ) sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà tal-imminar tal-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ u l-possibbiltà tal-eżistenza tad-dumping.

2.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(12)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni saret bil-valutazzjoni suċċessiva jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ, il-Malasja u l-Unjoni; jekk din il-bidla fix-xejra tal-kummerċ nibtitx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju; jekk kienx hemm evidenza ta’ dannu jew jekk l-effetti rimedjali tad-dazju kinux qed jiġu mminati f’termini ta’ prezzijiet u/jew ta’ kwantitajiet tal-prodott simili; u jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valuri normali stabbiliti qabel għall-prodott simili, jekk neċessarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

2.2.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat

(13)

Il-prodott ikkonċernat huwa kif definit fl-investigazzjoni oriġinali: Drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b’daqs taċ-ċellula ta’ aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-ħġieġ tal-fibra (fibreglass), li joriġinaw mir-RPĊ, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7019 51 00  u ex 7019 59 00 .

(14)

Il-prodott investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda jiġi kkunsinjat mill-Malasja, sew jekk iddikjarat li joriġina mill-Malasja u sew jekk le.

(15)

L-investigazzjoni wriet li d-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, kif definiti hawn fuq, esportati lejn l-Unjoni mir-RPĊ u dawk ikkunsinjati lill-Unjoni mill-Malasja għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi u l-istess użu, u għalhekk għandhom jitqiesu bħala prodotti simili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku

2.3.   Il-grad ta’ kooperazzjoni u d-determinazzjoni tal-volumi tal-kummerċ

Il-Malasja

(16)

Kif iddikjarat fil-premessa 10, tliet produtturi esportaturi fil-Malasja ppreżentaw t-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju.

(17)

Sussegwentement, twettqu żjarat ta’ verifika fuq il-post għal dawn it-tliet produtturi esportaturi.

(18)

It-tliet produtturi esportaturi Malasjani kienu jkopru 75 % tal-esportazzjonijiet totali tal-prodott investigat mill-Malasja lejn l-Unjoni fil-PR kif irrappurtat fil-COMEXT (4).Il-volumi globali tal-esportazzjoni kienu bbażati fuq il-COMEXT.

(19)

Wieħed mit-tliet produtturi esportaturi Malasjani waqaf milli jikkopera wara l-ewwel jum taż-żjara tal-verifika u għalhekk ġie applikat l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(20)

Għar-raġunijiet spjegati fil-premessi 34 u 52 sa 59, instab li l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku għaż-żewġ kumpaniji l-oħra kienet ġustifikata wkoll.

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(21)

Il-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kkooperawx. Għalhekk, il-konklużjonijiet fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ lejn l-Unjoni u l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn il-Malasja kellhom isiru parzjalment abbażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. Ġiet użata d-dejta tal-COMEXT biex jiġu ddeterminati l-volumi globali tal-importazzjoni mir-RPĊ lejn l-Unjoni. L-istatistika nazzjonali tar-RPĊ u l-istatistika nazzjonali tal-Malasja ntużaw biex jiġu stabbiliti l-esportazzjonijiet globali lejn il-Malasja mir-RPĊ. Id-dejta ġiet ivverifikata wkoll ma’ dejta dettaljata dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet doganali tal-Malasja.

(22)

Il-volum ta’ importazzjonijiet rreġistrati fl-istatistika tal-Malasja u fl-istatistika tar-RPĊ kopra grupp akbar ta’ prodotti mill-prodott ikkonċernat jew il-prodott investigat. Madankollu, minħabba d-dejta tal-COMEXT u d-dejta li pprovdew it-tliet produtturi esportaturi Malasjani, jista’ jiġi stabbilit li parti sinifikanti minn dan il-volum tal-importazzjoni kienet tkopri l-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, din id-dejta setgħet tintuża biex tiġi stabbilita bidla fix-xejra tal-kummerċ.

2.4.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

L-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ

(23)

L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn l-Unjoni naqsu b’mod drammatiku wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji fi Frar 2011 (5) u tal-miżuri definittivi imposti f’Awwissu 2011 (skont ir-Regolament oriġinali).

(24)

Min-naħa l-oħra, it-total tal-esportazzjonijiet tal-prodott investigat mill-Malasja lejn l-Unjoni żdiedu b’mod sinifikanti fl-2011. Skont il-COMEXT, l-esportazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni żdiedu drastikament is-sena l-oħra filwaqt li kienu f’livelli insinifikanti fis-snin ta’ qabel. Din ix-xejra hija kkonfermata wkoll mill-istatistika korrispondenti tal-Malasja fir-rigward tal-esportazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

(25)

It-tabella 1 turi l-kwantitajiet ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ u l-Malasja lejn l-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2008 sat-30 ta’ Settembru 2011.

Volumi ta’ importazzjonijiet f’miljuni ta’ m2

2008

2009

2010

1.10.2010–30.9.2011

RPĊ

307,82

294,98

383,76

282,03

Malasja

0,02

0,04

0,02

76,10

Sors: L-istatistika tal-COMEXT

(26)

Id-dejta ta’ hawn fuq turi biċ-ċar li l-importazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni kienu f’livelli negliġibbli għall-perjodu mill-2008 sal-2010. Madankollu, fl-2011, wara l-impożizzjoni tal-miżuri, l-importazzjonijiet għolew f’daqqa u sa ċertu punt ħadu post l-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn is-suq tal-Unjoni f’termini ta’ volum. Barra minn hekk, minn mindu ġew imposti l-miżuri fis-seħħ, it-tnaqqis tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni kien wieħed sinifikanti (26 %).

L-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-Malasja

(27)

Matul l-istess perjodu, tista’ tiġi osservata wkoll, żieda drammatika fl- esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-Malasja ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ. Minn ammont relattivament żgħir fl-2008 (4,65 miljun m2), l-esportazzjonijiet żdiedu għal 32,78 miljun m2 fil-PR. Din ix-xejra hija kkonfermata wkoll mill-istatistika korrispondenti tal-Malasja fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-Malasja ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

Tabella 2

L-esportazzjonijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ lejn il-Malasja mill-1 ta’ Jannar 2008 sat-30 ta’ Settembru 2011

 

2008

2009

2010

1.10.2010–30.9.2011

Kwantità

(miljun m2)

4,65

5,78

5,94

32,78

Bidla annwali (%)

 

24  %

2,8  %

452  %

Indiċi (2008 = 100)

100

124

128

705

Sors: L-istatistika tar-RPĊ

(28)

Biex tiġi stabbilita x-xejra tal-fluss kummerċjali ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ lejn il-Malasja, kemm l-istatistika Malasjani kif ukoll l-istatistika tar-RPĊ ġew ikkunsidrati. Id-dejta ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi hija disponibbli biss fuq livell ta’ grupp ta’ prodotti ogħla mill-prodott ikkonċernat. Madankollu, fid-dawl tad-dejta tal-COMEXT u d-dejta pprovduta mit-tliet esportaturi Malasjani li kkoperaw inizjalment, jista’ jiġi stabbilit li parti sinifikanti kienet tkopri l-prodott ikkonċernat. Għalhekk, din id-dejta tista’ tiġi kkunsidrata.

(29)

It-Tabelli 1 u 2 ta’ hawn fuq juru biċ-ċar li t-tnaqqis drastiku ta’ esportazzjonijiet tar-RPĊ ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ lejn l-Unjoni kien segwit minn żieda sinifikanti ta’ esportazzjonijiet tar-RPĊ ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ lejn il-Malasja b’żieda drastika sussegwenti ta’ esportazzjonijiet Malasjani ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ lejn l-Unjoni fil-PI. L-investigazzjoni żvelat ukoll li waqt l-importazzjoni lejn il-Malasja kwantitajiet addizjonali ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ lejn il-Malasja ġew iddikjarati taħt kodiċijiet differenti minn dawk koperti mill-investigazzjoni. Skont dikjarazzjonijiet doganali għall-importazzjonijiet dawk il-kwantitajiet addizzjonali ġew iddikjarati taħt il-kodiċijiet 7019 11 000 u 7019 40 000.

Il-volumi tal-produzzjoni fil-Malasja

(30)

It-tliet kumpaniji li kkoperaw inizjalment twaqqfu bejn Novembru 2010 u Marzu 2011 u bdew jipproduċu u jesportaw lejn l-Unjoni biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji fi Frar 2011. Qabel Frar 2011, il-Malasja ma kinitx tipproduċi drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ.

2.5.   Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(31)

It-tnaqqis ġenerali fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni u ż-żieda parallela tal-esportazzjoni mill-Malasja lejn l-Unjoni u ż-żieda fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-Malasja wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji fi Frar 2011 u tal-miżuri definittivi f’Awwissu 2011 jikkostitwixxu bidla fix-xejra kummerċjali bejn il-pajjiżi msemmija hawn fuq, minn naħa u l-Unjoni, min-naħa l-oħra.

2.6.   In-natura tal-prattika ta’ evażjoni

(32)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, proċess jew ħidma jinkludu, fost oħrajn, il-kunsinja tal-prodott suġġett għall-miżuri vija pajjiżi terzi u l-immuntar ta’ partijiet permezz ta’ operazzjoni ta’ mmuntar fl-Unjoni jew f’pajjiż terz. Għal dan l-għan ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

Trasbord

(33)

L-esportazzjonijiet iddikjarati tal-kumpaniji Malasjani li kkooperaw inizjalment kienu jammontaw għal madwar 75 % tal-esportazzjonijiet totali tal-Malasja lejn l-Unjoni. Il-bqija tal-esportazzjonijiet jistgħu jiġu attribwiti lill-produtturi Malasjani li ma kkoperawx fl-investigazzjoni jew lill-prattiki ta’ trasbord. Wieħed mill-importaturi fl-Unjoni li kkooperaw kien ġab drappijiet tal-malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ minn esportatur Malasjan li ma kienx ikkoopera f’din l-investigazzjoni.

(34)

Kif stabbilit fid-dettall fil-premessi 52 sa 59, it-tliet kumpaniji li kkooperaw inizjalment kienu infurmati fuq il-post li jistgħu jiġu soġġetti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għaliex instab li dawn kienu pprovdew informazzjoni qarrieqa. B’mod partikolari, l-evidenza ssuġġeriet li żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw inizjalment ma żvelawx ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Apparti hekk, il-kumpaniji mmanipulaw u biddlu xi dokumenti bħal pereżempju dikjarazzjonijiet bankarji. Barra minn hekk, hemm dubji dwar jekk xi fatturi tax-xiri u vawċers ta’ ħlas bankarju humiex ġenwini. Addizzjonalment, tnejn minnhom ma wrewx l-oriġini tal-materja prima użata għall-produzzjoni tad-drappijiet b’malji miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ esportati lejn l-Unjoni. Fl-aħħar nett, abbażi tal-informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet Malasjani, il-prodotti jistgħu jikkwalifikaw għaċ-ċertifikat tal-oriġini waqt li jkunu qed jiġu esportati jekk issir bidla fil-klassifikazzjoni tal-kodiċi bejn il-materja prima impurtata li tkun ġiet użata fil-proċess tal-produzzjoni u l-prodotti lesti esportati. L-evidenza li nstabet matul iż-żjarat ta’ verifika ssuġġeriet li, fil-mument tal-importazzjoni tagħhom lejn il-Malasja, xi kwantitajiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ, ġew ddikjarati taħt kodiċijiet li mhumiex koperti mill-investigazzjoni, mentri fil-mument tal-esportazzjoni tagħhom lejn l-Unjoni kienu kklassifikati taħt żewġ kodiċi NM li huma koperti mill-investigazzjoni. Dan jispjega l-kwantitajiet addizzjonali ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ esportati mill-Malasja lejn l-Unjoni kif ikkonfermat mil-konklużjonijiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ kif deskritt fil-premessa 29.

(35)

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ trasbord ta’ prodotti ta’ oriġini tar-RPĊ mill-Malasja, hija kkonfermata.

Operazzjonijiet ta’ mmuntar u/jew ta’ tlestija

(36)

Billi l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku ġie applikat għat-tliet kumpaniji li kkooperaw inizjalment, ma setax jiġi stabbilit jekk dawn humiex involuti f’operazzjonijiet ta’ mmuntar.

2.7.   Nuqqas ta’ raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping

(37)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għat-trasbord għajr għall-evażjoni tal-miżuri fis-seħħ għal ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw fir-RPĊ. Ma nstab l-ebda element, għajr għad-dazju, li seta’ jitqies bħala kumpens għall-ispejjeż tat-trasbord, partikolarment fir-rigward tat-trasport u t-tagħbija mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ vija l-Malasja.

2.8.   L-imminar tal-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping

(38)

Biex jiġi vvalutat jekk, f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet, il-prodotti importati mminawx l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw fir-RPĊ, ġiet użata d-dejta tal-COMEXT, għax kienet ikkunsidrata bħala l-aħjar dejta disponibbli dwar il-kwantitajiet u l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tat-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw inizjalment, fejn l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kien applikat, u tal-kumpaniji li ma kkooperawx. Il-prezzijiet kif stabbiliti ġew imqabbla mal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu stabbilit għall-produtturi tal-Unjoni fil-premessa 74 tar-Regolament oriġinali.

(39)

Iż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni minn 20 000 m2 fl-2010 għal 76 miljun m2 fil-perjodu minn April sa Settembru 2011, kienet meqjusa sinifikanti f’termini ta’ kwantitajiet.

(40)

Il-paragun tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-prezz medju ppeżat tal-esportazzjoni (aġġustat għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni u l-aġġustamenti tal-kwalità stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali) wera bejgħ sinifikanti taħt il-prezz. Għaldaqstant ġie konkluż li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ kienu qed jiġu mminati kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet.

2.9.   L-evidenza ta’ dumping

(41)

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit qabel għall-prodotti simili.

(42)

Fir-Regolament oriġinali, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet fil-Kanada, li f’dik l-investigazzjoni nstab li kien pajjiż b’ekonomija tas-suq adegwata li hija analoga għar-RPĊ. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie kkunsidrat xieraq li jintuża l-valur normali kif stabbilit qabel fl-investigazzjoni oriġinali.

(43)

Il-prezzijiet tal-esportazzjonijiet mill-Malasja kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, jiġifieri fuq il-prezz medju tal-esportazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ matul il-PR kif irrappurtat fil-COMEXT. Dan kien minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għat-tliet esportaturi li kkooperaw inizjalment, biex b’hekk id-dejta tagħhom ma setgħetx tintuża sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet.

(44)

Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, saru aġġustamenti għad-differenzi fit-trasport, l-assigurazzjoni, l-ispejjeż anċillari, l-ispejjeż tal-ippakkjar u l-ħlasijiet tal-bank. Billi l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku ġie applikat għat-tliet produtturi li kkooperaw inizjalment, l-aġġustamenti kellhom jiġu stabbiliti fuq l-aħjar fatti disponibbli. Għalhekk, l-aġġustament għal dawn il-konċessjonijiet kien ibbażat fuq perċentwali kkalkulat bħala d-differenza bejn il-valur CIF totali fuq il-valur totali tal-fabbrika tat-tranżazzjonijiet kollha li t-tliet produtturi Malasjani pprovdew fil-PR.

(45)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi ġew pparagunati l-valur normali medju ppeżat kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-prezzijiet medji ppeżati tal-esportazzjonijiet matul il-PR ta’ din l-investigazzjoni, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF f’dazju mhux imħallas tal-fruntiera tal-Unjoni.

(46)

Il-paragun tal-valur normali medju ppeżat u l-prezzijiet medji ppeżati tal-esportazzjonijiet kif stabbiliti żvela d-dumping.

3.   MIŻURI

(47)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ġie konkluż li d-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-RPĊ kien ġie evitat permezz tat-trasbord mill-Malasja fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(48)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinjat mill-Malasja, sew jekk iddikjarat li joriġina mill-Malasja u sew jekk le.

(49)

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni f’din l-investigazzjoni, il-miżuri li jridu jiġu estiżi għandhom ikunu l-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”, li huwa dazju anti-dumping definittiv ta’ 62,9 % applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju.

(50)

Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li jkunu daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tat-tnedija, għandhom jinġabru d-dazji fuq dawk l-importazzjonijiet reġistrati ta’ ċerti drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Malasja.

4.   TALBIET GĦALL-EŻENZJONI

(51)

It-tliet kumpaniji fil-Malasja li wieġbu għall-kwestjonarju talbu eżenzjoni mill-possibbiltà ta’ miżuri estiżi skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(52)

Kif imsemmi fil-premessa 19, waħda mill-kumpaniji ma kkooperatx aktar wara l-ewwel jum taż-żjara tal-verifika. Anki matul dak il-jum ta’ verifika, il-kooperazzjoni kienet insuffiċjenti. B’mod partikolari, il-kumpanija naqset milli tipprovdi l-biċċa l-kbira tad-dokumenti ta’ sostenn li ntalbulha bħall-karti tal-produzzjoni, l-istokkijiet u l-kontijiet tal-enerġija tagħha. Min-naħa l-oħra, il-materja prima miżmuma fl-impjant tal-kumpanija kienet f’livelli baxxi ħafna li ma jiġġustifikawx il-livelli ta’ produzzjoni ddikjarati, u fil-maħżen ma kien hemm l-ebda prodotti lesti maħżuna. Barra minn hekk, il-fatturi tax-xiri ppreżentati kellhom l-istess format bħal blokk ta’ fatturi b’numri stampati minn qabel li nstab fl-istabbilimenti tal-kumpanija. Dan ix-xebh issuġġerixxa li hemm mnejn li l-fatturi tax-xiri tal-kumpanija mhumiex ġenwini. Barra minn hekk, l-evidenza ssuġġeriet li l-kumpanija ma żvelatx ir-relazzjoni tagħha ma’ esportatur Malasjan ieħor li kien qed jikkoopera fl-investigazzjoni wkoll. Aktar speċifikament, id-dokumenti marbuta mal-produttur Malasjan l-ieħor li kkoopera inizjalment instabu fl-istabbilimenti tal-ewwel kumpanija meta dik ir-relazzjoni ma kinitx ġiet żvelata minn dawk il-kumpaniji.

(53)

Skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, il-kumpanija ġiet infurmata bl-intenzjoni li tiġi injorata l-informazzjoni li ressqet hi stess u din ingħatat limitu ta’ żmien sabiex tipprovdi l-kummenti tagħha. Il-kumpanija ma pprovdietx kummenti, u għalhekk skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet rigward din il-kumpanija kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(54)

Il-kooperazzjoni tat-tieni kumpanija matul iż-żjara tal-verifika kienet insuffiċjenti. Il-kumpanija ċaħdet għal diversi drabi l-aċċess għal dejta kruċjali bħar-rapporti tal-produzzjoni u tar-rekord tal-istokkijiet. Il-materja prima miżmuma fl-impjant tal-kumpanija kienet f’livelli baxxi ħafna meta mqabbla mal-livelli tal-produzzjoni ddikjarati u mal-istokk tal-prodotti lesti maħżuna fil-maħżen. Il-kumpanija naqset ukoll milli tipprovdi evidenza rigward l-oriġini tal-materja prima użata fil-produzzjoni tad-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ esportati lejn l-Unjoni.

(55)

Skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, il-kumpanija ġiet infurmata bl-intenzjoni li tiġi injorata l-informazzjoni li ressqet hi stess u din ingħatat limitu ta’ żmien sabiex tipprovdi l-kummenti tagħha. Fil-kummenti tagħha il-kumpanija affermat li t-tlitt ijiem ippjanati għaż-żjara ta’ verifika kienu ftit wisq u ma kinux biżżejjed għall-kumpanija biex tipprovdi d-dejta u d-dokumenti mitluba kollha mit-tim tal-investigazzjoni. Il-kumpanija ammettiet ukoll li f’bosta drabi ċaħdet l-aċċess għad-dejta lit-tim tal-investigazzjoni, u barra minn hekk ikkonfermat li l-persuni li fil-biċċa l-kbira tad-drabi kienu qed jirrappreżentaw lill-kumpanija matul iż-żjara ta’ verifika kellhom jiksbu l-permess tad-diretturi tagħhom sabiex jagħtu l-aċċess għad-dejta lit-tim tal-investigazzjoni. Addizzjonalment, il-kumpanija ammettiet li r-rappreżentanti tal-kumpanija ma kellhom l-ebda involviment mad-dipartiment tal-kontabilità filwaqt li kkonfermat li d-diretturi tal-kumpanija ma pparteċipawx għaliex skont huma kienu okkupati.

(56)

L-ispjegazzjonijiet tal-kumpanija jikkonfermaw il-konklużjoni li l-kumpanija fixklet serjament l-investigazzjoni. Il-kumpanija kienet ġiet infurmata dwar id-dati taż-żjara ta’ verifika bil-quddiem sew u hija kienet qablet magħhom. L-esportazzjoni lejn l-Unjoni hija n-negozju ewlieni tal-kumpanija, iżda minkejja dan id-diretturi tagħha ma kinux preżenti. Matul iż-żjara ta’ verifika kien hemm dewmien deliberat u mhux ġustifikat biex ġiet ipprovduta d-dejta u d-dokumenti mitluba filwaqt li l-fatt li ġie mċaħħad l-aċċess għad-dejta, ikkawża aktar dewmien u tfixkil għat-tlestija tal-verifika fiż-żmien stipulat. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonjiet rigward din il-kumpanija kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(57)

Il-kooperazzjoni tat-tielet kumpanija matul iż-żjara ta’ verifika kienet insuffiċjenti, u barra minn hekk ipprovdiet informazzjoni qarrieqa. Instab li l-kumpanija kellha dikjarazzjonijiet bankarji manipulati filwaqt li naqset milli tagħti prova li l-vawċers tal-ħlas bankarju tagħha kienu dokumenti ġenwini. Ir-rekords tal-kontabilità tagħha kienu meqjusa inaffidabbli għaliex kien fihom bosta diskrepanzi serji fir-rigward tar-riporti tal-bilanċi tal-ftuħ u tal-għeluq tagħhom. L-istokkijiet tal-materja prima kienu f’livelli baxxi meta mqabbla mal-livelli tal-produzzjoni iddikjarati u l-istokkijiet tal-prodotti lesti maħżuna fil-maħżen. Il-kumpanija naqset ukoll milli tipprovdi evidenza rigward l-oriġini tal-materja prima użata fil-produzzjoni tad-drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ esportati lejn l-Unjoni. L-evidenza ssuġġeriet ukoll li l-kumpanija ma kinitx żvelat ir-relazzjoni tagħha mal-ewwel esportatur Malasjan għaliex instabu ċerti dokumenti li jappartjenu għat-tielet kumpanija fl-istabbilimenti tal-ewwel kumpanija.

(58)

Skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, il-kumpanija ġiet infurmata bl-intenzjoni li tiġi injorata l-informazzjoni li ressqet hi stess u din ingħatat limitu ta’ żmien sabiex tipprovdi l-kummenti tagħha. Fil-kummenti tagħha l-kumpanija affermat li ma kellhiex esperjenza f’dan it-tip ta’ żjarat ta’ verifika li, fil-fehma tagħhom, tispjega n-nuqqasijiet misjuba. Hija affermat ukoll li kienet qagħdet attenta għad-dokumenti li ntalbu u li ngħataw lit-tim tal-investigazzjoni, partikolarment għad-dikjarazzjonijiet bankarji u l-provi tal-ħlasijiet għaliex ma kinitx ġiet infurmata uffiċjalment mill-awtoritajiet Malasjani bl-identità tat-tim investigattiv. Madankollu, il-kumpanija amettiet li l-persunal tagħha kien biddel il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet bankarji iżda li dan sar allegatament minħabba l-fatt li l-kumpanija kienet ferm ikkonċernata bil-kunfidenzjalità tad-dejta tagħha, bil-possibbiltà ta’ sabutaġġ u li xi dokumenti tagħha joħorġu fil-beraħ.

(59)

L-ispjegazzjonijiet addizzjonali li pprovdiet il-kumpanija ma kinux tali li jwasslu għal xi tibdil fil-konklużjoni li l-kumpanija kienet ipprovdiet informazzjoni qarrieqa tul l-investigazzjoni. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet fir-rigward ta’ din il-kumpanija kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(60)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra kummerċjali u fil-prattiki tat-trasbord, kif stabbilit fil-premessi 31 sa 35, u filwaqt li titqies in-natura tal-informazzjoni qarrieqa kif stabbilit fil-premessi 52 sa 59, l-eżenzjonijiet mitluba minn dawn it-tliet kumpaniji, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, ma setgħux jingħataw.

(61)

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, produtturi oħra fil-Malasja li ma ppreżentawx ruħhom f’dan il-proċediment u li ma esportawx il-prodott investigat lejn l-Unjoni fil-PR u li jikkunsidraw li jagħmlu talba għall-eżenzjoni mid-dazju anti-dumping estiż, skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku, ser ikollhom jimlew kwestjonarju sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi jekk eżenzjoni tistax tkun ġustifikata. Din l-eżenzjoni tista’ tingħata wara l-valutazzjoni tal-qagħda tas-suq għall-prodott ikkonċernat, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, l-akkwist u l-bejgħ u l-probabbiltà tat-tkomplija tal-prattiki li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti u l-evidenza ta’ dumping. Il-Kummissjoni normalment twettaq ukoll żjara ta’ verifika fil-post. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni minnufih, bl-informazzjoni rilevanti kollha, partikolarment kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ.

(62)

Fejn tkun ġustifikata eżenzjoni, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, tipproponi l-emenda tal-miżuri estiżi fis-seħħ kif ikun xieraq. Sussegwentement, kull eżenzjoni mogħtija tkun immonitorjata biex tkun żgurata l-osservanza tal-kondizzjonijiet stabbiliti fiha.

5.   ŻVELAR

(63)

Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Kienu kkunsidrati l-kummenti orali u miktuba li tressqu mill-partijiet. L-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati ma ta lok għal modifika tal-konklużjonijiet definittivi.

(64)

Wieħed mill-importaturi li kkoperaw saqsa jekk tistax tiġi kkunsidrata l-possibilità li jiġu applikati rati ta’ dazju differenti fuq importazzjonijiet reġistrati ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ tal-importaturi li kkoperaw fil-proċedimenti u ta’ dawk li ma kkoperawx. It-talba ġiet miċħuda għaliex fir-Regolament bażiku mhemm l-ebda bażi legali li tippermetti tali distinzjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” impost permezz tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 fuq importazzjonijiet ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta’ daqs taċ-ċellula ta’ iktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi d-diski tal-ħġieġ tal-fibra, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa b’dan estiż għall-importazzjoni ta’ drappijiet b’malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ta’ daqs taċ-ċellula ta’ iktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa’ u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, esklużi diski tal-ħġieġ tal-fibra, ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk dikjarati bħala li joriġiniw mill-Malasja kif ukoll jekk le, u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7019 51 00  u ex 7019 59 00 . (kodiċi TARIC 7019 51 00 11 u 7019 59 00 11).

2.   Id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar għall-importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le, reġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1135/2011 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiż bl-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom ikunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-entità li titlob l-eżenzjoni. It-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 04/92

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIЁ

Fax: (32 2) 295 65 05

2.   B’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tawtorizza b’deċiżjoni l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet minn kumpaniji li ma evitawx il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011, mid-dazju estiż bl-Artikolu 1.

Artikolu 3

L-awtoritajiet tad-dwana huma b’dan ordnati li jtemmu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbilita taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1135/2011.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

S. ALETRARIS


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 204, 9.8.2011, p. 1.

(3)   ĠU L 292, 10.11.2011, p. 4.

(4)  Il-COMEXT hija database dwar l-Istatistika tal-Kummerċ Barrani mmexxija mill-Eurostat.

(5)   ĠU L 43, 17.2.2011, p. 9.


Top