Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0301

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 301/2012 tat- 2 ta’ April 2012 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 99, 5.4.2012, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/301/oj

    5.4.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 99/19


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 301/2012

    tat-2 ta’ April 2012

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament tfasslu b’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tista’ tibqa’ tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur taħt l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu, u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ April 2012.

    Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Vettura bil-mutur ġdida bi tliet roti, li tingrana fuq wara, għat-trasport ta’ persuni, b’kombustjoni interna li tixgħel bi xrara (spark ignition) b’magna bil-pistuni b’moviment alternat b’ċilindrata 998 cm3.

    Ir-roti ta’ quddiem huma madwar 130 cm ’l bogħod minn xulxin. Il-vettura ma għandhiex differenxjal.

    Il-vettura għandha sistema tal-istering bħal tal-karozzi. Hija tikkwartja bl-użu ta’ manubriju b’żewġt imqabad li jinkorporaw it-tagħmir ta’ kontroll.

    Il-vettura għandha ħames gerijiet biex timxi ’l quddiem u ger għar-rivers.

    8703 21 10

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u tal-kliem użat fil-kodiċi tan-NM 8703 , 8703 21  u 8703 21 10 .

    Vetturi bi tliet roti huma kklassifikati taħt l-intestatura 8711 sakemm dawn ma jkollhomx il-karattru ta’ vetturi bil-mutur tal-intestatura 8703 (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni HS għall-intestatura 8711 , il-ħames paragrafu).

    L-intestatura 8703 tinkludi vetturi ħfief bi tlett roti ta’ għamla sempliċi, bħal dawk mgħammra b’magna u r-roti ta’ mutur, li, minħabba l-istruttura mekkanika tagħhom, għandhom karatteristiċi ta’ karozzi konvenzjonali, jiġifieri sistema ta’ stering bħal ta’ karozza (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni HS għall-intestatura 8703 , it-tieni paragrafu).

    Kif il-vettura għandha sistema tal-istering bħal tal-karozzi bil-mutur, karatteristika ta’ vetturi bil-mutur konvenzjonali koperti minn intestatura 8703 , il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8711 hija eskluża.

    Għaldaqstant il-vettura għandha tiġi kklassifikata bħala vettura ġdida bil-mutur prinċipalment maħsub għat-trasport ta’ persuni skont il-kodiċi tan-NM 8703 21 10 .


    Top