Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012L0004

    Direttiva tal-Kummissjoni 2012/4/UE tat- 22 ta’ Frar 2012 li temenda d-Direttiva 2008/43/KE li twaqqaf, skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE, sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-isplussivi għall-użi ċivili Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 50, 23.2.2012, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/4/oj

    23.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 50/18


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2012/4/UE

    tat-22 ta’ Frar 2012

    li temenda d-Direttiva 2008/43/KE li twaqqaf, skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE, sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-isplussivi għall-użi ċivili

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul fis-suq u s-superviżjoni ta’ splussivi għall-użu ċivili (1) u b’mod partikolari t-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fjusis, inkluż fjusis tas-sikurezza kif ukoll il-kapsijiet cap-type huma suġġetti għad-Direttiva 93/15/KEE, iżda huma użati għal skopijiet pirotekniċi iktar milli ta’ splussivi. L-effetti potenzjali tal-użu ħażin tagħhom huma probabbilment simili għall-effetti ta’ użu ħażin ta’ oġġetti pirotekniċi li jippreżentaw livell baxx ta’ periklu u għalhekk dawk l-effetti huma ħafna anqas gravi meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ splussivi. Għal raġunijiet ta’ proporzjonalità, fjusis, li jinkludu fjusis ta’ sikurezza kif ukoll kapsijiet cap-type għandhom jiġu eżentati mis-sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-isplussivi għall-użu ċivili.

    (2)

    L-iżvilupp tas-sistemi kompjuterizzati meħtieġa biex jimplimentaw is-sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-isplussivi ħa iktar żmien milli inizjalment mistenni. Huwa meħtieġ posponiment tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/43/KE (2) biex jipprovdi l-industrija tal-isplussivi b’aktar ħin sabiex tiżviluppa bis-sħiħ, tittestja u tivvalida, biex b’hekk tiżdied is-sigurtà tas-sistemi elettroniċi meħtieġa biex tiġi implimentata d-Direttiva 2008/43/KE Sabiex jippermettu dan, l-obbligu fuq il-manifatturi u l-importaturi li jimmarkaw l-isplussivi għandu jkun pospost b’sena sal-5 ta’ April 2013. Huwa meħtieġ żmien addizzjonali sabiex jiġu implimentati sistemi għat-traċċar elettroniku meħtieġa mill-atturi kollha tul il-katina tal-provvista. Barra minn hekk, l-istokks tal-isplussivi bi skadenza iktar fit-tul li kienu prodotti qabel u ma kellhomx jiġu mmarkati skont id-Direttiva 2008/43/KE xorta se jibqgħu fil-katina tal-provvista u mhuwiex prattiku li l-kumpaniji jiġu obbligati li jżommu tipi ta’ rekords differenti. L-obbligi għall-ġbir tad-dejta u ż-żamma tar-rekords għandhom għalhekk jiġu posposti bi tliet snin sal-5 ta ‘April 2015.

    (3)

    Ċerti artikoli huma żgħar wisq biex magħhom jitwaħħlu l-kodiċi tas-sit tal-manifattura u l-informazzjoni li tinqara elettronikament. Fuq ċerti oġġetti oħrajn, it-twaħħil ta’ identifikazzjoni unika huwa teknikament impossibbli minħabba l-għamla, jew id-disinn tagħhom. F’dawk il-każijiet, l-identifikazzjoni meħtieġa għandha titwaħħal fuq kull l-iżgħar biċċa ta’ ppakkjar. Il-progress tekniku fil-futur jista’ jagħmel possibbli li jitwaħħlu l-kodiċi tas-sit ta’ manifattura u l-informazzjoni li tinqara elettronikament fuq dawk l-oġġetti. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tagħmel reviżjoni sa tmiem l-2020 sabiex tivvaluta jekk l-informazzjoni meħtieġa tistax titwaħħal fuq l-oġġetti innifishom.

    (4)

    Għalhekk, id-Direttiva 2008/43/KE għandha tiġi emendata skont dan.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 93/15/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2008/43/KE hija emendata kif ġej:

    1.

    Fl-Artikolu 2, għandhom jiżdiedu l-punti (d) (e) u (f) li ġejjin:

    “(d)

    fjusis, li jikkonsistu f’tagħmir li huwa qisu miċeċ li jqabbdu n-nar imma ma jisplodux;

    (e)

    fjusis tas-sikurezza, li jikkonsistu f’qalba ta’ trab iswed fin ivvinat imdawwar b’biċċa drapp flessibbli minsuġa b’kisja waħda jew aktar fuq barra protettiva/i u li, meta jitqabbdu, jinħarqu b’rata predeterminata mingħajr kwalunkwe effett splussiv estern;

    (f)

    kapsijiet cap-type, li jikkonsistu f’kappa tal-metall jew tal-plastik li fihom ammont żgħir ta’ taħlita esplożiva primarja li titqabbad faċilment permezz ta’ impatt u li jservu bħala elementi li jqabbdu fi skrataċ ta’ armamenti żgħar jew f’kapsijiet ta’ perkussjoni għall-karigi propulsivi.”

    2.

    L-Artikolu 7 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Detonaturi sempliċi

    Għad-detonaturi sempliċi, l-identifikazzjoni għandha tikkonsisti minn tikketta adeżiva jew stampar dirett jew timbru fuq il-qoxra tad-detonatur. Tikketta assoċjata għandha titwaħħal fuq kull kaxxa ta’ detonaturi.

    Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettronika ta’ materjal inert u passiv imwaħħla ma’ kull detonatur u tikketta assoċjata fuq kull kaxxa ta’ detonaturi.”

    3.

    L-Artikoli 9 u 10 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “Artikolu 9

    Kapsijiet u aċċelleraturi tal-isplużjoni

    Għal kapsijiet minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2 u għal aċċelleraturi, l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti minn tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq kapsijiet u aċċelleraturi tal-isplużjoni bħal dawn. Tikketta assoċjata għandha titwaħħal fuq kull kaxxa tal-kapsijiet u l-aċċelleraturi tal-isplużjoni.

    Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettronika ta’ materjal inert u passiv imwaħħla ma’ kull kaps jew aċċelleratur tal-isplużjoni u tikketta assoċjata fuq kull kaxxa tal-kapsijiet u l-aċċelleraturi tal-isplużjoni.

    Artikolu 10

    Miċeċ ta’ detonazzjoni

    Għall-miċeċ tad-detonazzjoni l-identifikazzjoni unika għandha tikkonsisti f’tikketta adeżiva jew stampar dirett fuq ir-rukkell. L-identifikazzjoni unika għandha tkun immarkata kull ħames metri jew fuq l-invilopp estern tal-miċċa jew il-fjus jew in-naħa interna tal-plastik estruż immedjatament taħt il-fibra esterna tal-miċċa. Tikketta assoċjata għandha titwaħħal fuq kull kaxxa ta’ miċeċ ta’ detonazzjoni.

    Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jużaw tikketta elettronika ta’ materjal inert u passiv imdaħħla fil-miċċa, u tikketta assoċjata fuq kull kaxxa ta’ miċeċ.”

    4.

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) jinbidel b’dan li ġej:

    “Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-5 ta’ April 2013. Madankollu, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 3(6) u l-Artikoli 13 u 14 mill-5 ta’ April 2015.”

    5.

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu 15a li ġej:

    “Artikolu 15a

    Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni biex tevalwa jekk il-progress tekniku jkunx għamel possibbli li tirrevoka l-eżenzjonijiet stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness.”

    6.

    Fil-punt 3 tal-Anness, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “Għal oġġetti żgħar wisq biex titwaħħlilhom l-informazzjoni taħt il-punt 1(b)(i), 1(b)(ii) u l-punt 2 jew fejn huwa teknikament impossibbli minħabba l-għamla jew id-disinn tagħhom, li titwaħħal identifikazzjoni unika, għandha titwaħħal identifikazzjoni unika fuq kull l-iżgħar biċċa ta’ ppakkjar.

    Kull l-iżgħar biċċa ta’ ppakkjar għandha tingħalaq b’siġill.

    Kull detonatur sempliċi jew aċċelleratur tal-isplużjoni stipulat fit-tieni paragrafu għandu jkun immarkat b’mod sostenibbli, b’tali mod biex ikun żgurat li tista’ tinqara faċilment l-informazzjoni taħt il-punti 1(b)(i) u (ii). L-għadd ta’ detonaturi sempliċi u l-aċċelleraturi tal-isplużjoni għandhom ikunu stampati fuq l-iżgħar biċċa tal-ippakkjar.

    Kull miċċa ta’ detonazzjoni li taqa’ taħt l-eżenzjoni stipulata fit-tieni paragrafu għandha tiġi mmarkata bl-identifikazzjoni unika fuq il-bobina jew rukkell u, fejn applikabbli, fuq l-iżgħar biċċa tal-ippakkjar.”

    Artikolu 2

    1.   Sa mhux aktar tard mill-4 ta’ April 2012, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-5 ta’ April 2013.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 121, 15.5.1993, p. 20.

    (2)  ĠU L 94, 5.4.2008, p. 8.


    Top