Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0702

    2012/702/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Novembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2008/855/KE fir-rigward tal-dispaċċ ta’ ċertu laħam u ċerti prodotti tal-laħam lil Stati Membri oħra mingħand l-Istati Membri kkonċernati fiż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness tagħha (notifikata bid-dokument C(2012) 7977) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 318, 15.11.2012, p. 71–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/12/2013; Imħassar b' 32013D0764

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/702/oj

    15.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 318/71


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-13 ta’ Novembru 2012

    li temenda d-Deċiżjoni 2008/855/KE fir-rigward tal-dispaċċ ta’ ċertu laħam u ċerti prodotti tal-laħam lil Stati Membri oħra mingħand l-Istati Membri kkonċernati fiż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness tagħha

    (notifikata bid-dokument C(2012) 7977)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/702/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/855/KE tat-3 ta’ Novembru 2008 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbuta mad-deni klassiku tal-ħnieżer f’ċerti Stati Membri (3) tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll għad-deni klassiku tal-ħnieżer fl-Istati Membri jew reġjuni tagħhom stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    (2)

    L-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2008/855/KE jipprevedi li l-Istati Membri kkonċernati miż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness tagħha għandhom jiżguraw li ebda dispaċċ ta’ laħam frisk tal-majjal minn azjendi li jinsabu fiż-żoni elenkati fil-Parti ta’ dak l-Anness, u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam ma jintbagħtu minn dawk iż-żoni lejn Stati Membri oħra.

    (3)

    L-Artikolu 8a tad-Deċiżjoni 2008/855/KE jipprevedi li l-Istati Membri kkonċernati miż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness tagħha jistgħu jawtorizzaw id-dispaċċ ta’ laħam frisk tal-majjal u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam idderivat mill-ħnieżer lejn Stati Membri oħra minn azjendi li jinsabu barra miż-żoni elenkati f’din il-Parti tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

    (4)

    L-Artikolu 8c tad-Deċiżjoni 2008/855/KE jipprevedi li, b’deroga mill-Artikolu 7(1) ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri kkonċernati miż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness tagħha jistgħu jawtorizzaw id-dispaċċ ta’ laħam frisk tal-majjal u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam lejn Stati Membri oħra, taħt ċerti kundizzjonijiet.

    (5)

    L-Artikoli 8a u 8c tad-Deċiżjoni 2008/855/KE jipprevedu għal żewġ sistemi direzzjonali għal-laħam frisk tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet sabiex ikun żgurat li dawn ma joħolqux riskju fir-rigward tal-aġent tad-deni klassiku tal-ħnieżer. Għaldaqstant il-biċċeriji, l-impjanti tat-tqattigħ u l-istabbilimenti tal-ipproċessar tal-laħam jistgħu jaħdmu biż-żewġ sistemi fl-istess waqt mingħajr ma joħolqu riskji addizzjonali kemm-il darba huma fis-seħħ xi rekwiżiti ulterjuri relatati man-notifika tal-listi tal-azjendi u l-istabbilimenti. Għalhekk iż-żewġ dispożizzjonijiet li jirregolaw iż-żewġ sistemi jistgħu jingħaqdu u l-azjendi, il-biċċeriji, l-impjanti tat-tqattigħ u l-istabbilimenti tal-ipproċessar tal-laħam jistgħu jiġu approvati skont dan.

    (6)

    Sabiex ikun żgurat monitoraġġ adatt u t-trasparenza tal-funzjonament tas-sistema direzzjonali għal-laħam frisk tal-majjal, ċerti preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam, huwa xieraq li l-Istati Membri li japplikaw is-sistema, iżommu aġġornata l-lista tal-azjendi, il-biċċeriji, l-impjanti tat-tqattigħ u l-istabbilimenti tal-ipproċessar tal-laħam li kienu approvati għas-sistemi direzzjonali u li din il-lista tkun disponibbli fil-ħin għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri l-oħra.

    (7)

    Għalhekk id-Deċiżjoni 2008/855/KE għandha tiġi emendata skont dan.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2008/855/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 8a jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 8a

    Id-dispaċċ ta’ laħam frisk tal-majjal u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam mill-Istati Membri kkonċernati miż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness lejn Stati Membri oħra

    1.   L-Istati Membri kkonċernati miż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness jistgħu jawtorizzaw id-dispaċċ ta’ laħam frisk tal-majjal idderivat mill-ħnieżer li sa minn twelidhom inżammu f’azjendi barra miż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness, u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam, jekk il-laħam, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam huma prodotti, maħżuna u pproċessati fi stabbilimenti li huma approvati skont il-paragrafu 4.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 7(1), l-Istati Membri b’żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness jistgħu jawtorizzaw id-dispaċċ ta’ laħam frisk tal-majjal, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam lejn Stati Membri oħra, kemm-il darba:

    (a)

    il-laħam ikun ġie dderivat minn ħnieżer li nżammu f’azjendi fiż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness, u li huma approvati skont il-paragrafu 3;

    (b)

    dan ikun ġie prodott f’biċċeriji, impjanti tat-tqattigħ u stabbilimenti tal-ipproċessar tal-laħam li huma approvati skont il-paragrafu 4.

    3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tapprova biss azjendi għall-iskop tal-paragrafu 2(a) kemm-il darba dawn l-azjendi:

    (a)

    jimplimentaw pjan ta’ bijosigurtà approvat mill-awtorità kompetenti;

    (b)

    ikunu daħħlu biss ħnieżer minn stabbilimenti:

    (i)

    li huma approvati f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni jew

    (ii)

    li jinsabu f’żoni li mhumiex elenkati fl-Anness u li mhumiex soġġetti għal xi restrizzjonijiet għad-deni klassiku tal-ħnieżer f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Unjoni matul perjodu ta’ sitt xhur qabel jiddaħħlu l-ħnieżer; il-perjodu ta’ qabel id-data tal-approvazzjoni tal-azjenda f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni huwa inkluż f’dan il-perjodu ta’ sitt xhur;

    (c)

    huma spezzjonati regolarment mill-awtorità kompetenti f’intervalli ta’ mhux aktar minn tliet xhur; matul dan l-ispezzjonijiet, l-awtorità kompetenti trid mill-inqas:

    (i)

    issegwi l-linji gwida stabbiliti fil-Kapitolu III tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/106/KE;

    (ii)

    twettaq eżami kliniku skont il-proċeduri ta’ kontroll u teħid ta’ kampjuni stabbiliti fil-Parti A tal-Kapitolu IV tal-Anness tad-Deċiżjoni 2002/106/KE;

    (iii)

    tivverifika li d-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tieni inċiż u fir-raba’ sas-seba’ inċiż tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2001/89/KE jiġu applikati b’mod effettiv;

    (iv)

    tissospendi jew tirtira minnufih l-approvazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq;

    (d)

    huma soġġetti regolarment għall-iskema tas-sorveljanza tal-laboratorju fejn l-annimali kienu soġġetti għall-ittestjar tal-laboratorju għad-deni klassiku tal-ħnieżer li jkun ta riżultati negattivi fuq kampjuni meħuda skont il-proċeduri tat-teħid ta’ kampjun kif inhuma stabbiliti fil-pjan ta’ sorveljanza għad-deni klassiku tal-ħnieżer implimentat mill-awtorità kompetenti għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur qabel it-tranżitu għall-biċċerija;

    (e)

    jinsabu fiċ-ċentru ta’ żona ta’ mill-inqas 3 km radju li fih l-annimali fl-azjendi tal-ħnieżer kienu soġġetti għall-ittestjar tal-laboratorju għad-deni klassiku tal-ħnieżer imwettaq b’riżultati negattivi fuq kampjuni meħuda skont il-proċeduri ta’ teħid ta’ kampjun kif inhuma stabbiliti fil-pjan ta’ sorveljanza tad-deni klassiku tal-ħnieżer implimentat kull tliet xhur mill-awtoritajiet kompetenti;

    (f)

    jinsabu f’pajjiż li fih:

    jiġi implimentat programm għall-kontroll u l-monitoraġġ tad-deni klassiku tal-ħnieżer approvat mill-Kummissjoni;

    l-inċidenza u l-prevalenza tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-ħnieżer domestiċi u selvaġġi naqsu b’mod sinifikanti;

    ma nstabet ebda evidenza tal-vajrus tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-ħnieżer f’dawn l-aħħar 12-il xahar.

    4.   L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri għandha tapprova biss biċċeriji, impjanti tat-tqattigħ u stabbilimenti tal-ipproċessar tal-laħam għall-iskop tal-paragrafu 1 u tal-punt (b) tal-paragrafu 2 fejn il-produzzjoni, il-ħażna u l-ipproċessar ta’ laħam frisk tal-majjal u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam eliġibbli għad-dispaċċ lejn Stati Membri oħra jsiru b’mod separat mill-produzzjoni, il-ħażna u l-ipproċessar ta’ prodotti oħra li jikkonsistu jew li fihom laħam frisk u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu minn dan il-laħam jew li fihom dan il-laħam idderivat mill-ħnieżer li joriġinaw jew li ġejjin minn azjendi li jinsabu fiż-żoni elenkati fil-Parti III tal-Anness minbarra dawk approvati skont il-paragrafu 3.

    5.   Il-laħam tal-majjal, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mmarkati kif ġej:

    (a)

    il-laħam frisk tal-majjal għandu jkun immarkat kif stabbilit fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004;

    (b)

    il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam għandhom ikunu mmarkati kif stabbilit fit-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

    6.   L-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jew id-deroga prevista fil-paragrafu 2 għandhom iżommu aġġornata l-lista tal-azjendi, il-biċċeriji, l-impjanti tat-tqattigħ u l-istabbilimenti tal-ipproċessar tal-laħam approvati skont il-paragrafi 3 u 4. Din il-lista għandha mill-inqas tindika l-isem, l-indirizz, in-numru tar-reġistrazzjoni uffiċjali, it-tip ta’ stabbiliment u d-data tal-approvazzjoni. Din il-lista, u kull aġġornament tagħha, għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fi żmien 24 siegħa bl-approvazzjoni tal-ewwel azjenda jew stabbiliment jew ta’ kull emenda sussegwenti tagħha.”

    (2)

    L-Artikolu 8c jitħassar.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Maroš ŠEFČOVIČ

    Viċi President


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  ĠU L 302, 13.11.2008, p. 19.


    Top