Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0542

2012/542/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta' Marzu 2012 dwar il-miżura SA.31479 (2011/C) (ex 2011/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta għar-Royal Mail Group (notifikata bid-dokument numru C(2012) 1834) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 279, 12.10.2012, pp. 40–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/542/oj

12.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/40


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta' Marzu 2012

dwar il-miżura SA.31479 (2011/C) (ex 2011/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta għar-Royal Mail Group

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 1834)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/542/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) (i)msemmija hawn fuq (1), u wara li ġew ikkunsidrati l-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fl-10 ta’ Ġunju 2011, wara kuntatti (prenotifika) informali mal-Kummissjoni, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”) nnotifikaw serje ta’ miżuri (ara t-taqsima 31)) favur Royal Mail Group (“RMG”).

(2)

B’ittra datata d-29 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni infurmat lir-Renju Unit li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-miżuri notifikati kkonċernati.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(4)

B’ittra datata d-9 ta’ Awwissu 2011 ir-Renju Unit talab għal estensjoni tal-iskadenza sabiex iwieġeb sal-14 ta’ Settembru 2011, li ġiet konċessa mill-Kummissjoni b’ittra tal-11 ta’ Awwissu 2011. Ir-Renju Unit ta l-osservazzjonijiet tiegħu fit-8 ta’ Settembru 2011.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti li ġejjin mill-partijiet interessati;

il-5 ta’ Ottubru 2011

UK Mail

is-6 ta’ Ottubru 2011

Communication Workers Union

is-6 ta’ Ottubru 2011

UPS

is-7 ta’ Ottubru 2011

Deutsche Post

fis-7 ta’ Ottubru 2011

DX Group

fis-7 ta’ Ottubru 2011

Mail Competition Forum

fis-7 ta’ Ottubru 2011

TNT

fis-7 ta’ Ottubru 2011

Free Fair Post Initiative

fid-9 ta’ Ottubru 2011

Secured Mail

(6)

Il-kummenti rċevuti mingħand il-partijiet interessati ntbagħtu lir-Renju Unit fit-12 ta’ Ottubru 2011. Ir-Renju Unit issottometta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kummenti permezz ta’ ittra reġistrata fis-16 ta’ Novembru 2011.

(7)

Fit-22 ta’ Awwissu 2011 il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lir-Renju Unit, li wieġeb b’ittra tal-14 ta’ Settembru 2011.

(8)

Laqgħa mal-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-RMG u l-bankiera tiegħu saret fl-20 ta’ Settembru 2011 fejn dan tal-aħħar ipprovda aktar informazzjoni dettaljata dwar il-pjan notifikat ta’ ristrutturar.

(9)

Il-Kummissjoni organizzat diversi laqgħat oħra mal-awtoritajiet tar-Renju Unit fit-12 ta’ Ottubru 2011, l-10 u t-23 ta’ Novembru 2011 u t-12 ta’ Jannar 2012 biex jiddiskutu l-każ. Ir-Renju Unit ressaq bosta biċċiet ta’ informazzjoni addizzjonali b’email jew ittra datata t-30 ta’ Settembru 2011, l-20 ta’ Ottubru 2011, is-7, il-11, it-18, l-20, it-28 u t-30 ta’ Novembru 2011, is-6 ta’ Diċembru 2011 u l-14 ta’ Frar 2012.

(10)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ressqu aġġornamenti finali għan-notifika u kjarifiki dwar il-pjan tar-ristrutturar fis-17 ta’ Frar 2012.

2.   DESKRIZZJONI DDETTALJATA TAL-MIŻURI

2.1.   Kuntest: liberalizzazzjoni tas-settur postali tar-Renju Unit

(11)

Ir-Renju Unit iqiegħed il-miżuri notifikati fil-kuntest tal-politika usa’ tiegħu għas-servizzi postali u jenfasizza l-importanza strateġika tal-RMG biex tiżgura l-provvista permanenti ta’ servizzi postali universali.

(12)

Il-politika tal-Gvern tar-Renju Unit hija stipulata fl-Att dwar is-Servizzi Postali (3) (“L-Att dwar is-Servizzi Postali 2011”), li rċieva l-Kunsens Irjali fit-13 ta’ Ġunju 2011. L-Att jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet ta’ analiżi indipendenti mmexxija minn Richard Hooper (“Rapporti Hooper”) (4) u, fil-qosor:

(i)

jippermetti l-investiment tas-settur privat fl-RMG, bil-ħsieb li tiddaħħal dixxiplina kummerċjali u kapital ġdid;

(ii)

jippermetti t-trasferiment tas-sostenn storiku tal-pensjoni biex il-Gvern tar-Renju Unit jħalli l-kumpanija bi skema iżgħar finanzjata bis-sħiħ (“is-sostenn tal-pensjoni”);

(iii)

jagħmilha ċara li Post Office Limited (“POL”, il-fergħa bl-imnut ta’ RMG) mhijiex għall-bejgħ iżda se tibqa’ fil-pussess tal-Istat;

(iv)

iwitti t-triq biex jimmodernizzaw ir-Regolament fis-settur tas-servizzi postali; kif ukoll

(v)

jeħtieġ skema ta’ sjieda ta’ ishma għall-impjegati li se żżomm mill-inqas 10 % tal-ekwità fl-RMG saż-żmien li l-Gvern tar-Renju Unit ikun biegħ l-ishma tiegħu kollha f’RMG.

2.2.   Il-benefiċjarji tal-miżuri

2.2.1.   L-istruttura tar-Royal Mail Group

(13)

L-RMG hija 100 % proprjetà tal-Istat permezz tar-Royal Mail Holdings plc (“RMG”). L-RMG hija l-operatur ewlieni tal-posta tar-Renju Unit u kellha monopolju legali fuq uħud mis-servizzi bażiċi tal-ittri sat-tmiem tal-2005 meta s-swieq postali fir-Renju Unit kienu liberalizzati kompletament. L-RMG qed tipprovdi l-ġbir, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ posta (ittri, pakketti u pakki), bl-użu tal-marki ‘Royal Mail’ u ‘Parcelforce Worldwide’.

(14)

In-netwerk tal-uffiċċji postali huwa mħaddem mill-POL, li bħalissa hija kompletament propjetà tal-RMG (u għalhekk mill-Gvern tar-Renju Unit). L-RMG u l-POL huma entitajiet legali separati għalkemm huma parti mill-istess grupp. Konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporti Hooper, huwa propost li POL se tibqa’ f’appartenenza pubblika sħiħa wara r-riforma u se ssir il-kumpanija assoċjata (sister company) ta’ RMG taħt RMH.

(15)

L-RMG ukoll għandha sussidjarji oħrajn, l-aktar General Logistics System BV (“GLS”) li huwa n-negozju Ewropew għal pakki tal-RMG, jipprovdi servizzi tal-pakki, loġistika u servizzi ekspress madwar l-Ewropa. In-netwerk ta’ GLS jinkludi kumpaniji sussidjarji u sħab tan-network li jkopru 36 pajjiż Ewropew.

Grafika 1:   l-istruttura organizzattiva attwali tal-RMG

Image 1

Royal Mail Holdings Plc

(RMH)

Royal Mail Group Ltd

(RMG)

Post Office Ltd

(POL)

Sussidjarji oħra

(GLS eċċ.)

2.2.2.   Royal Mail Group (RMG)

(16)

L-RMG ilha b’liċenzja biex tipprovdi s-servizzi tal-ittri fir-Renju Unit skont l-Att tas-Servizzi Postali tal-2000 mit-23 ta’ Marzu 2001. Skont it-termini tal-liċenzja tiegħu, huwa meħtieġ li jwettaq l-obbligu ta’ servizz universali (“USO”). Dawn l-arranġamenti jimplimentaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (5) (“id-Direttiva dwar is-Servizzi Postali”). L-RMG hija meħtieġa bil-liċenzja tagħha biex tinnegozja ftehimiet kummerċjali ma’ kwalunkwe operatur interessat għal aċċess għan-netwerk nazzjonali tagħha. Operaturi ġodda kellhom tendenza li jidħlu fis-suq permezz ta’ ftehimiet ta’ aċċess bħal dawn mal-RMG.

(17)

L-RMG hija l-unika entità li ngħatatilha liċenzja fis-suq postali tar-Renju Unit b’obbligi tas-servizz universali. L-aspetti prinċipali tal-USO attwali huma i) it-twassil ta’ pakketti postali (ittri, pakketti u pakki) sa 20 kg kull jum tax-xogħol għad-dar jew fil-proprjetà ta’ kull individwu jew persuna oħra fir-Renju Unit (l-obbligi għall-kunsenji ta’ ittri mit-Tnejn sas-Sibt), (ii) mill-inqas ġbir wieħed kull jum ta’ xogħol minn kull punt ta’ aċċess, u servizz li jittrasporta, jirċievi, jiġbor, jissortja u jikkunnsinna pakketti postali bi prezzijiet raġonevoli determinati skont tariffa uniformi, u (iii) id-dispożizzjoni ta’ servizz ta’ posta rreġistrata determinata skont tariffa uniformi.

(18)

Il-liċenzja tal-RMG timponi l-kontrolli tal-prezzijiet b’rabta mal-forniment ta’ servizzi regolati. Il-kontroll tal-prezzijiet attwali kien stabbilit f’April 2006 għal perjodu ta’ erba’ snin, iżda ġie estiż sa Marzu 2012.

(19)

Barra minn hekk, l-RMG teħtieġ liċenzja tagħha biex tippermetti aċċess lil klijenti u kumpaniji postali oħrajn għan-netwerk nazzjonali tagħha fuq bażi mhux diskriminatorju u fil-prattika ħafna mill-kompetituri tal-RMG daħlu fis-suq bl-użu ta’ aċċess ta’ partijiet terzi għan-netwerk downstream (it-twassil tal-posta mill-persuna li tibgħat għall-persuna indirizzata) tal-RMG (pereżempju l-issortjar finali tal-posta u tal-konsenja għall-“aħħar sforz” lill-klijenti).

(20)

Il-kompetizzjoni għall-aċċess downstream tinvolvi operatur terz għall-ġbir u l-ipproċessar tal-posta permezz tan-netwerk tiegħu stess sakemm ikkonsenjata lil ċentri ta’ tqassim tal-RMG, fejn hija mdaħħla fin-netwerk tal-RMG għall-issortjar u l-kunsinna finali lill-klijenti li lilhom tkun indirizzata l-posta. Taħt ftehim ekwivalenti magħrufa bħala ftehimiet ta’ aċċess dirett għal klijenti, klijenti li jkollhom ħafna posta jistgħu jwasslu l-posta tagħhom sortjata minn qabel liċ-ċentri tal-posta ta’ RMG għal konsenja downstream.

(21)

Kompetizzjoni fis-servizzi tal-posta tar-Renju Unit qamet permezz ta’ aċċess downstream għas-servizzi tan-netwerk tal-RMG u mhux minħabba kompetizzjoni fl-oqsma kollha bejn l-RMG u entranti ġodda. Mill-ftuħ tas-suq fl-2006, in-numru ta’ ittri li l-operaturi postali tar-Renju Unit daħlu fin-netwerk downstream tal-RMG żdied b’medja ta’ aktar minn 1 000 miljun oġġett fis-sena u li llum ilaħħaq għal iżjed minn 45 % tas-suq tal-posta b’indirizz intern tar-Renju Unit. L-RMG qed tistenna li titlef aktar ishma tas-suq lill-kompetituri tagħha fis-snin li ġejjin. Għal ċerti swieq b’volum għoli, il-kompetituri huma mistennija li jiksbu ishma fis-suq ta’[…] (*1).

2.2.3.   Post Office Limited (POL)

(22)

POL, l-hekk imsejħa fergħa bl-imnut tal-RMG, hija responsabbli għan-netwerk ta’ madwar 11 500 fergħa ta’ uffiċċji postali. Inqas minn 400 minn dawn huma fil-pussess dirett u ġestiti direttament mill-POL. Il-bqija huma kollha fil-pussess tal-privat u ġestiti minn sottopersuni responsabbli għal fergħa jew imsieħba ta’ franchise. Il-POL hija fdata biex iżżomm netwerk li jilħaq ċertu kriterji ta’ aċċess għall-popolazzjoni tar-Renju Unit (99 % tal-popolazzjoni li tkun fil-limitu ta’ 3 mili (4,8 km) ta’ fergħa, eċċ).

(23)

Attwalment il-POL m’għandhiex impjegati minħabba li l-persunal kollu li attwalment qed jaħdem għal POL (ħlief dawk li jaħdmu għal rashom) huma ssekondati mill-RMG. Madwar 9 000 impjegat tal-RMG huma ssekondati u jaħdmu biss għal POL.

(24)

Il-POL tipprovdi servizzi postali bl-imnut lill-RMG, waqt li l-RMG tipprovdi servizzi mqassma ta’ appoġġ amministrattiv lill-POL. Barra minn hekk, hemm numru ta’ servizzi mqassma fis-seħħ bejn l-RMG u l-POL (pereżempju servizzi ta’ vetturi, sigurtà fil-bini eċċ.) li attwalment qed jiġu pprovduti bi spiża mill-RMG. Il-provvista ta’ dawn is-servizzi bħalissa hi soġġetta għal ftehim dwar il-livell ta’ servizz bejn RMG u POL li se jkun sostitwit minn serje ta’ ftehimiet ta’ servizz ġdid meta l-POL issir kumpanija assoċjata ta’ RMG.

(25)

Minbarra li hi fornitur ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (“SGEIs”), il-POL twettaq xi attivitajiet ‘kummerċjali’ (bħall-bejgħ ta’ prodotti tat-telefonija u tal-assigurazzjoni) permezz tan-netwerk tagħha u wkoll permezz ta’ kanal dirett tal-bejgħ fl-Internet.

(26)

Fit-23 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni awtorizzat għajnuna pubblika ta’ GBP 180 miljun lill-POL għall-finanzjament tan-netwerk tagħha ta’ uffiċċji postali għal sena li tibda mill-1 ta’ April 2011 (6). Il-Kummissjoni wkoll awtorizzatat il-kontinwazzjoni, matul l-istess perjodu, tal-faċilitajiet tas-self eżistenti ta’ finanzjament għall-provvista ta’ servizzi ta’ flus kontanti ma’ bankijiet f’uffiċċji postali. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna hija kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni għax ma tikkumpensax iżżejjed l-ispejjeż netti tal-kompiti tas-servizz pubbliku fdati lil POL.

(27)

Fl-24 ta’ Jannar 2012, ir-Renju Unit innotifika pakkett ta’ miżuri b’appoġġ għas-SGEIs ipprovduti minn POL, ġeneralment simili għall-miżuri awtorizzati fl-2011.

2.2.4.   Diffikultajiet finanzjarji

(28)

Ir-Renju Unit jikkunsidra l-RMG li hi ditta f’diffikultà għaliex hija attwalment qed taffaċċja diffikultajiet finanzjarji severi (iċ-ċifri finanzjarji rrapurtati jirreferu għar-riżultati konsolidati tal-RMG inklużi s-sussidjarji kollha, jekk ma jiġix mistqarr mod ieħor):

(i)

l-istat tal-karta tal-bilanċ tagħha, partikolarment id-daqs sostanzjali tas-sostenn tal-pensjoni;

(ii)

in-nuqqasijiet fil-fluss ta’ flus projettati;

(iii)

l-inabbiltà tagħha fil-futur biex tħallas lura d-dejn tagħha meta hija dovuta fin-nuqqas tal-miżuri notifikati;

(iv)

id-dħul li qed jonqos tal-RMG min-negozju postali: bejn is-snin finanzjarji tal-2008/09 u l-2010/11, id-dħul estern naqas b’3,1 %, fl-istess perjodu l-volum ta’ posta b’indirizz intern naqas b’11,7 %.

(29)

Il-karta tal-bilanċ tal-RMG turi li l-kumpanija kellha diffikultajiet finanzjarji serji fi tmiem is-sena finanzjarja tal-2010/11; kemm il-kapital tax-xogħol tagħha u l-assi operattivi netti kienu negattivi.

(30)

Skont il-projezzjonijiet pprovduti mir-Renju Unit, l-RMG se jkollha spazju negattiv ta’ flus […], jiġifieri, mhux ser ikollha fondi biżżejjed biex tħallas għal operazzjonijiet tagħha ta’ kuljum, jekk il-miżuri notifikati ma jiġux implimentati. Konsegwentement, l-RMG mhux se tkun tista’ tħallas lura l-faċilitajiet tas-self eżistenti tagħha meta dawn ikunu dovuti fi […].

(31)

Fuq il-bażi ta’ dawn il-fatturi, l-RMG se tiffaċċja diffikultà serja biex tissodisfa l-obbligi tal-ħlas tagħha minn […] u sussegwentement mhux se tkun kapaċi twettaq programm ta’ ristrutturar u tirritorna għall-vijabbiltà mir-riżorsi tagħha stess, li jħalli d-ditta f’sitwazzjoni fejn ikollha toqgħod fuq l-għajnuna mill-Istat sabiex tiżgura ritorn lejn vijabbiltà ekonomika u disponibbiltà bla waqfien tas-servizz pubbliku.

2.3.   Miżuri taħt investigazzjoni

2.3.1.   Aġevolazzjoni tas-sostenn tal-pensjoni

(32)

L-Att tas-Servizzi Postali tal-2011 jipprevedi li r-Renju Unit se jassumi r-responsabbiltà għal ċerti obbligazzjonijiet dovuti skont il-Pjan tal-Pensjoni tar-Royal Mail (Royal Mail Pension Plan) (“RMPP”). Il-miżura proposta ser teħles l-RMG mill-obbligu biex tagħmel tajjeb għall-iżbilanċ li seħħ taħt dik l-iskema, li b’hekk teħles lill-RMG minn piż finanzjarju sinifikanti.

(33)

Skont ir-Renju Unit, id-daqs u l-volatilità tal-RMPP hija ‘il barra minn kull proporzjon tan-negozju attwali tal-RMG u ntwera li huwa piż serju fuq il-ħila tal-RMG biex tikkompeti bil-merti tagħha fis-suq postali liberalizzat fir-Renju Unit. Ir-Renju Unit jemmen li billi ċerti obbligazzjonijiet jittieħdu mill-RMPP u b’hekk jikkontribwixxu lejn ir-ritorn għall-vijabbiltà tal-RMG, l-RMG se, bħala l-uniku fornitur ta’ servizz universali fir-Renju Unit, ikollha l-kapaċità li tadatta għall-ambjent liberalizzat tal-industrija permezz ta’ modernizzar. Bħala konsegwenza, is-sostenn tal-pensjoni, se jneħħi wieħed mill-ostakli prinċipali li jista’ jattira kapital mis-settur privat għall-RMG.

(34)

Minbarra l-RMPP, l-RMG attwalment tiffinanzja 3 pjanijiet oħra tal-pensjoni: il-Pjan tal-Pensjoni għal Eżekuttivi Anzjani tar-Royal Mail (the Royal Mail Senior Executives Pension Plan) (“RMSEPP”), il-Pjan tal-Fond ta’ Tfaddil għall-Irtirar tal-Royal Mail (the Royal Mail Retirement Savings Plan) (“RMRSP”) u l-Pjan tal-Pensjoni ta’ Kontribuzzjoni Definita tar-Royal Mail (the Royal Mail Defined Contribution Pension Plan) (“RMDCPP”). Il-miżura notifikata tikkonċerna biss l-RMPP u ma taffettwax membri tal-RMSEPP, tal-RMRSP jew tal-RMDCPP.

L-RMPP

(35)

L-RMPP hija skema tax-xogħol tal-pensjoni għall-impjegati tal-RMG, inklużi dawk l-impjegati sekondati u li jaħdmu biss għal POL (7). Hija skema tas-settur privat fis-sens li hija topera taħt il-liġi normali tal-pensjonijiet tar-Renju Unit kif applikata għal kumpaniji tas-settur privat. Fil-31 ta’ Marzu 2011, l-RMPP kellha madwar 436 000 membru, li minnhom madwar 130 000 kienu impjegati preżenti li jakkumulaw benefiċċji fl-iskema (membri attivi), madwar 118 000 kienu impjegati preċedenti li kienu telqu mis-servizz qabel l-età tal-irtirar u għadhom ma rrikorewx għall-benefiċċji tal-pensjonijiet (membri differiti) u madwar 188 000 kienu pensjonanti.

(36)

L-RMPP hija rregolata mill-Kuntratt ta’ Fiduċja Prinċipali Terz u r-Regoli datati l-21 ta’ Diċembru 2009, kif sussegwentement emendati (il-“Kuntratt ta’ Fiduċja’). L-impjegatur ewlieni fir-rigward tal-iskema huwa l-RMG u l-fiduċjarju huwa kumpanija, Royal Mail Pensions Trustees Limited (“il-Fiduċjarju”). Minbarra l-Kuntratt ta’ Fiduċja, l-obbligi tal-Fiduċjarju u tal-RMG taħt l-RMPP huma rregolati mil-leġiżlazzjoni introdotta mid-Dipartiment għax-Xogħol u l-Pensjonijiet li tapplika għal skemi ta’ ħidma, stabbiliti, prinċipalment, fl-Att tal-Iskemi ta’ Pensjoni tal-1993, fl-Att tal-Iskemi ta’ Pensjoni tal-1995 u fl-Att tal-Iskemi ta’ Pensjoni tal-2004. L-RMPP taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tar-Regolatur tal-Pensjonijiet tar-Renju Unit (the UK Pensions Regulator).

(37)

L-RMPP hija skema ta’ benefiċċju definit, jiġifieri, il-benefiċċji huma stabbiliti b’referenza għal pensjoni ta’ ammont mira fuq l-età normali tal-irtirar, relatat mal-ammont ta’ paga annwali tal-membru u t-tul ta’ servizz ma’ min iħaddem. Dan huwa b’kuntrast għal skemi ta’ kontribuzzjoni definiti taħt liema l-livell biss tal-kontribuzzjonijiet meħtieġa minn min iħaddem/l-impjegat huwa speċifikat. Il-kontribuzzjonijiet jiġu investiti u meta membru jirtira, il-valur tal-fond akkumulat jintuża biex jipprovdi lill-membru bi dħul għal ħatju kollha.

(38)

Hemm żewġ tipi ewlenin ta’ skemi ta’ benefiċċju definit, magħrufa bħala s-salarju finali u l-medja tal-karriera. Skema ta’ salarju finali tipprovdi pensjoni bbażata fuq frazzjoni dikjarata jew persentaġġ tas-salarju finali li fuqu tiġi kalkolata l-pensjoni għal kull sena ta’ servizz pensjonabbli. B’kuntrast, skema ta’ karriera medja tipprovdi pensjoni bbażata fuq persentaġġ dikjarat tal-paga medja tal-impjegat tul il-perjodu kollu ta’ servizz pensjonabbli (normalment aġġustat b’xi mod sabiex tiġi kkunsidrata l-inflazzjoni) għal kull sena ta’ servizz pensjonabbli.

(39)

Sa April 2008, il-benefiċċji akkumulati mill-membri tal-RMPP ġew ikkalkulati fuq il-bażi ta’ metodu tas-salarju finali. Madankollu, f’April 2008 l-RMG implimentat ir-riformi tal-pensjonijiet bl-emenda tar-regoli tal-RMPP li inkludew bidliet fil-benefiċċji ggwadanjati fir-rigward tas-servizz mill-1 ta’ April 2008, sa tali punt li dawn issa huma kkalkulati fuq il-bażi ta’ metodu tas-salarju medju tal-karriera minflok bil-metodu tas-salarju finali (għalkemm il-benefiċċji akkumulati fir-rigward ta’ servizz qabel dik id-data għandhom ikomplu jkunu marbuta ma’ salarju ta’ membru fid-data ta’ tluq mis-servizz). Riformi oħra implimentati fl-1 ta’ April 2008 inkludew li l-età tal-irtirar togħla għal 65 għas-servizz akkumulat mill-1 ta’ April 2010 (benefiċċji mibnija qabel dik id-data jistgħu jibqgħu jittieħdu sal-età ta’ 60 mingħajr ma’ jiġi applikat tnaqqis għal irtirar kmieni) u l-għeluq tal-RMPP għal membri ġodda u dawk li jissieħbu b’effett mill-1 ta’ April 2008. L-RMPP kienet sostitwita bi skema ta’ kontribuzzjoni definita għal membri ġodda u dawk li jissieħbu wara l-1 ta’ April 2008, l-RMDCPP.

Miżuri preċedenti għal finanzjament tas-sostenn tal-pensjoni tal-RMPP

(40)

Ir-Renju Unit jenfasizza li l-abbiltà tal-RMG biex temenda l-RMPP matul iż-żmien ġiet materjalment imxekkla. Dawn il-limitazzjonijiet jitnisslu mil-liġi ġenerali tal-pensjonijiet tar-Renju Unit u minn karatteristiċi speċifiċi tal-iskema RMPP.

(41)

Skont il-liġi tar-Renju Unit l-RMG m’għandha l-ebda setgħa ta’ veto fuq ir-rata tagħha ta’ kontribuzzjoni lir-RMPP. Ir-rata tal-kontribuzzjoni hija normalment miftiehma bejn min iħaddem li jkun qed jisponsorja u l-fiduċjarju ta’ skema tal-pensjoni, imma fuq sfond fejn fin-nuqqas li jilħqu ftehim fi żmien 15-il xahar mid-data effettiva ta’ valutazzjoni se jwassal għal kontribuzzjonijiet li jiġu determinati mir-Regolatur tal-Pensjonijiet tar-Renju Unit, li ġie stabbilit fis-6 ta’ April 2005 mill-Att tal-Pensjonijiet tal-2004 u li jinforza l-konformità tal-leġiżlazzjoni tal-pensjonijiet. Ir-Regolatur tal-Pensjonijiet għamilha ċara, fost affarijiet oħra, li jistenna li l-skemi jkollhom ċertu livell ta’ solvenza u li jistenna li fiduċjarji jiksbu li jirkupraw kwalunkwe defiċit skont id-dispożizzjonijiet tekniċi ta’ mira ta’ finanzjament minn min iħaddem li jkun qed jisponsorja “mill-aktar fis possibbli hekk kif jista’ jaffordja b’mod raġonevoli dak li jħaddem”.

(42)

F’dak il-kuntest, l-RMG ftiehmet fuq memorandum ta’ ftehim mal-Fiduċjarju f’Ġunju 2006 biex tiffinanzja d-defiċit tal-RMPP fuq 17-il sena, minbarra pagamenti annwali li l-RMG tagħmel lill-RMPP sabiex tiffinanzja l-ispejjeż ta’ benefiċċji dovuti. Kondizzjonijiet inkludew it-twaqqif ta’ kontijiet miżmuma minn terzi li jammontaw għal GBP 1 biljun assigurati favur l-RMPP li kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/613/KE (8).

(43)

Fit-30 ta’ Ġunju 2010, l-RMG qablet dwar il-ħtieġa ta’ pjan ta’ rkupru ulterjuri mal-Fiduċjarju bil-għan li tiffinanzja d-defiċit tal-RMPP sa Marzu 2047, billi tħallas il-kontribuzzjonijiet annwali li ġejjin:

(i)

mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2047 pagamenti annwali tad-defiċit ta’ GBP 282 miljun fis-sena li jiżdiedu skont l-inflazzjoni fil-prezzijiet bl-imnut;

(ii)

mill-1 ta’ April 2013 sal-31 ta’ Marzu 2023: kontribuzzjonijiet addizzjonali ta’ 4,0 % tal-kontribuzzjonijiet tal-membri.

(44)

Il-POL tikkontribwixxi sehem ta’ 7 % tal-pagamenti tad-defiċit. Is-sehem huwa kkalkulat fuq il-bażi tan-numru ta’ impjegati sekondati lill-POL fir-rigward tal-għadd totali ta’ impjegati tal-RMG. Il-kontribuzzjoni annwali tal-POL għas-sostenn tal-pensjoni fis-sena finanzjarja għall-2010-11 kienet ta’ GBP 21 miljun.

Ħelsien mis-sostenn tal-pensjoni

(45)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jipproponu t-twaqqif tal-iskema tal-pensjoni statutorja ġdida li se tkun obbligazzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit u mhux se jkollha l-ebda rabta legali mal-RMG jew mal-RMPP. Ċertu parti mill-obbligazzjonijiet akkumulati u assi miżmuma mill-RMPP se jiġu trasferiti għall-iskema l-ġdida. Huwa maħsub li l-benefiċċji akkumulati tal-pensjoni sal-31 ta’ Marzu 2012 se jiġu trasferiti għall-iskema. Il-persuni lejn min din il-proposta tapplika jinkludu pensjonanti attwali, membri differiti u membri attivi fl-RMPP.

(46)

F’termini usa’, huwa stmat li l-iskema ġdida tal-pensjoni tkun ser tieħu iktar minn GBP 32 200 miljun ta’ obbligazzjonijiet u assi assoċjati ta’ GBP 27 700 miljun (abbażi ċ-ċifri ta’ stima attwarja tal-31 ta’ Marzu 2011) u għalhekk defiċit ta’ GBP 4 500 miljun. Wara s-sostenn tal-pensjoni fl-1 ta’ April 2012, l-RMG se tkompli tħallas biss il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni normali għall-membri kollha tal-RMPP, li għadhom jaħdmu għall-RMG, u konsegwentement tibqa’ responsabbli biss għad-drittijiet ġodda tal-pensjoni akkwistati wara Marzu 2012 (minn hawn ‘il quddiem msemmija bħala l-Iskema tal-RMPP li għadha għadejja).

(47)

L-iskema tal-RMPP li għadha għadejja immedjatament wara s-sostenn tal-pensjoni se tikkonsisti minn madwar GBP 2 100 miljun (9) ta’ obbligazzjonijiet u ammont pariġġ ta’ assi li jibqgħu mal-RMG. L-RMG se tkompli tħallas l-ispejjeż kollha tas-servizz fil-futur, inklużi r-responsabbiltà għal kwalunkwe mill-obbligazzjonijiet attwali taħt l-RMPP sabiex tinżamm ir-rabta tas-salarju finali flimkien ma’ ċertu titjib kontinwu (pereżempju fuq irtirar kmieni) fir-rigward ta’ benefiċċji storiċi tal-pensjoni. Dan ifisser li wara l-eżenzjoni tal-pensjonijiet, l-RMG se tkompli tieħu r-responsabbiltà tar-riskju li l-obbligazzjonijiet storiċi għal membri differiti jistgħu jiżdiedu minħabba xi żieda fis-salarji, li jaqbżu l-prezz tal-inflazzjoni, hekk kif il-benefiċċji tal-pensjoni jridu jkunu marbuta mal-livell tas-salarju finali attwali. L-RMG ser iżżomm ir-responsabbiltà tal-RMSEPP eżistenti li turi obbligazzjonijiet ta’ GBP 300 miljun u defiċit ta’ madwar GBP 30 miljun (kif stmati fil-31 ta’ Marzu 2011).

2.3.2.   Għajnuna għar-ristrutturar

Ir-Ristrutturar tal-RMG

(48)

Biex tindirizza d-diffikultajiet finanzjarji tagħha, f’Ġunju 2011 l-RMG elaborat pjan ta’ ristrutturazzjoni li jkopri l-perjodu 2008-2016.

(49)

Il-pjanijiet tal-RMG, li jiffokaw primarjament fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż u d-diversifikazzjoni tad-dħul, jibnu fuq miżuri sinifikanti ta’ ristruttur li l-RMG ħadet mill-2002 (inkluża l-implimentazzjoni ta’ tibdiliet sinifikanti lill-RMPP) li jimmodernizzaw in-negozju tagħha u jnaqqsu l-ispejjeż. Il-pjan tal-RMG ta’ Ġunju 2011 biex il-kumpanija terġa’ takkwista vijabbiltà jinqasam f’ħames oqsma ewlenin:

(i)

modernizzazzjoni operazzjonali, li tkopri bidliet fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tal-RMG li tirriżulta f’iffrankar sinifikanti tal-ispejjeż għan-negozju;

(ii)

miżuri ta’ ristrutturar korporattiv u tal-appoġġ amministrattiv;

(iii)

trasformazzjoni kummerċjali;

(iv)

investiment f’Pjattaforma ġdida tal-IT;

(v)

inizjattivi għall-ġenerazzjoni ta’ flus.

(50)

Il-pjan tar-ristrutturar jimmira biex jirrestawra l-vijabbiltà fit-tul tal-RMG. Skont ir-Renju Unit, l-abbilità li jittieħdu livelli għola strutturali ta’ spejjeż fissi, ittejjeb l-ambjent ġenerali regolatorju u tiddiversifika d-dħul biex jiġi sostitwit dħul mitluf minn tnaqqis fil-volumi tal-posta, se tippromwovi RMG vijabbli li tkun kapaċi li tattira l-investiment mis-settur privat biex jiġi żgurat il-ġejjieni tagħha fit-tul.

Miżuri għat-tnaqqis tad-dejn

(51)

Ir-Renju Unit jgħid li r-restorazzjoni ta’ vijabbilità fit-tul tal-RMG huwa objettiv ewlieni tal-politika sabiex tintlaħaq disponibbiltà universali u t-twettiq effettiv tal-USO. Skont ir-Renju Unit, is-sostenn tal-pensjoni waħdu mhux se jkun biżżejjed biex jiżgura l-vijabbiltà fit-tul tal-RMG: anke wara l-eżenzjoni tad-defiċit, l-RMG ma tistax tegħleb id-diffikultajiet finanzjarji tagħha bir-riżorsi proprji tagħha jew bil-fondi miksuba mis-sorsi tas-suq.

(52)

B’hekk, minbarra is-sostenn tal-pensjoni, ir-Renju Unit innotifikat ukoll ċerti miżuri biex tissaħħaħ il-karta tal-bilanċ tal-RMG, li jikkonsistu:

(i)

fit-tħassir ta’ ċertu ammont ta’ dejn dovut mill-RMG biex il-Gvern tar-Renju Unit (minn issa ‘l quddiem ‘miżuri ta’ tnaqqis fid-dejn’), mistenni li jkun sa GBP 1 700 miljun (biż-żieda tal-imgħax akkumulat), u

(ii)

l-RMH tagħmel disponibbli ċerti ammonti fir-“Riżerva Postali” (10) lill-RMG permezz ta’ faċilità ta’ kreditu li jdur bi ġbid bi kreditu massimu ta’ GBP 200 miljun.

2.4.   Raġunijiet għall-bidu tal-investigazzjoni fil-fond

(53)

Ir-Renju Unit argumenta fin-notifika tiegħu li eżenzjoni tas-sostenn tal-pensjoni setgħet tinstab kompatibbli mas-suq intern bħala spejjeż storiċi mill-perjodu ta’ preliberalizzazzjoni, bbażata fuq il-prattika tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, huwa stqarr li l-miżuri proposti huma b’konformità mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna tal-Istat u għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (11) (“il-Linji Gwida R&R”). Ir-Renju Unit ma invokax l-Artikolu 106(2) tat-Trattat bħala ġustifikazzjoni għall-miżuri notifikati matul il-proċedura.

(54)

Fid-Deċiżjoni tagħha li tiftaħ l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni staqsiet jekk is-sostenn tal-pensjoni setax jinstab kumpatibbli bħala kumpens għal toqol eċċezzjonali li jirriżulta minn status tal-RMG fil-passat bħala monopolju tas-settur pubbliku. Fl-2007, il-Kummissjoni tabilħaqq approvat riforma Franċiża rigward il-finanzjament attwali u fil-futur ta’ pensjonijiet tal-impjegati ta’ La Poste bi stat ta’ ħaddiem taċ-ċivil (12). Madankollu, filwaqt li d-Deċiżjoni tal-2007 żgurat li l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali effettivi ta’ La Poste kienu komparabbli ma’ dawk tal-kompetituri; deher li t-tnaqqis tal-pressjoni tal-RMG mis-sostenn tal-pensjoni tagħha poġġietu f’pożizzjoni aħjar mill-medja tal-kumpaniji fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni għalhekk staqsiet jekk l-imposti li ġew imnaqqsa lill-RMG jikkorrispondux b’mod sħiħ mal-ispejjeż storiċi fi ħdan it-tifsira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jekk fil-fatt hemmx ambjent ekwu ladarba l-eżenzjoni ġiet implimentata.

(55)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet ukoll id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar mal-linji gwida R&R, l-aktar fir-rigward tal-prospett ta’ ritorn għall-vijabbiltà, kemm fil-firxa tal-kontribuzzjoni tal-RMG, u l-livell tal-miżuri ta’ kumpens.

(56)

Skont il-Kummissjoni, ir-Renju Unit ma weriex b’mod konvinċenti li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni oriġinarjament sottomess ikun konformi mal-Linji Gwida R&R. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ddubitat li r-rwol tal-RMG bħala l-uniku fornitur universali ta’ servizzi u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn monopolju tas-settur pubbliku tagħha jiġġustifikawx li jittaffew il-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida R&R u l-aktar dawk li jiżguraw li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu limitati u li l-ispiża ta’ ristrutturar hija mqassma mal-50 % kontribuzzjoni proprja meħtieġa.

(57)

Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li t-tul tal-pjan oriġinali ta’ strutturar mill-2008 sal-2016 kien partikolarment twil u li l-projezzjonijiet fil-pjan oriġinali ta’ strutturar kienu sensittivi għal bidliet fl-assunzjonijiet bħal fil-volumi totali ta’ posta. Il-Kummissjoni għalhekk esprimiet dubji dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà fuq żmien twil tal-RMG permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan notifikat u għas-solidità tal-projezzjonijiet ta’ vijabbiltà.

2.5.   Modifika għall-miżuri notifikati wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali

(58)

Matul id-diskussjonijiet mal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni formali, ir-Renju Unit irrinunzja għal parti mit-tnaqqis tad-dejn ta’ 1 700 miljun u naqqas il-miżuri notifikati għat-tnaqqis tad-dejn għal GBP 1 089 miljun. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ukoll irrinunzja l-faċilità ta’ kreditu li jdur bi ġbid ta’ GBP 200 miljun. Il-Kummissjoni għalhekk m’għadhiex tqis dawk il-miżuri li għandhom jiġu notifikati imma biss il-miżura għat-tnaqqis tad-dejn li tammonta għal GBP 1 089 miljun.

(59)

Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni, ir-Renju Unit ipprovda pjan ta’ ristrutturar aġġornat, li jkopri perjodu iqsar tar-ristrutturar: 2010-2015. Matul dak il-perjodu l-RMG se tintrabat b’miżuri operattivi u industrijali għar-ristrutturar tan-negozju tagħha. Il-pjan biex jirrestawra l-vijabbiltà tal-RMG jista’ jinqasam fl-azzjonijiet ewlenin li ġejjin: ristrutturar relatat max-xogħol, ristrutturar strutturali għat-tnaqqas tal-kapaċità tagħha u r-ristrutturar tas-sistemi tal-IT.

Ristrutturar marbut max-xogħol:

(60)

Ristrutturar relatat max-xogħol huwa fil-qalba tal-bidliet tal-RMG sabiex jiġi żgurat li servizz universali finanzjarjament sostenibbli ikun jista’ jingħata fuq żmien twil fir-Renju Unit. L-RMG diġà għamlet progress u beħsiebha tnaqqas b’mod sinifikanti l-forza tax-xogħol tagħha ulterjorment permezz ta’ programm ta’ sensji volontarja u l-attrizzjoni naturali matul il-perjodu tal-pjan. Dan waħdu jirrappreżenta madwar terz tat-total tal-ispejjeż rilevanti tar-ristrutturar mill-pjan, u se jnaqqas sinifikament wieħed mill-ispejjeż ewlenin tal-RMG.

(61)

Il-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi matul il-perjodu ta’ ristrutturar, tnaqqis fin-numru ta’ persunal tal-RMG fit-taqsima ta’ Ittri u Pakki fir-Renju Unit u Internazzjonali (UK Letters & Parcels and International) (UKLPI) minn madwar 160 000 persuna fil-bidu tas-sena li tintemm f’Marzu 2011 għal madwar […] f’Marzu tal-2015. Dan jirrappreżenta tnaqqis totali ta’ madwar […] fil-UKLPI bejn Marzu 2011 u Marzu 2015, li jirrappreżentaw l-ekwivalenti ta’ madwar […] fis-sena. Dan jinkludi tnaqqis ta’ ristrutturar marbut max-xogħol qrib […] ta’ maniġers ċentrali (aktar minn 1 000 minnhom kienu diġà telqu sa Marzu 2011). Frankar tal-ispiża tax-xogħol ta’ GBP […] miljun f’termini reali huwa mbassar li jiġi milħuq bejn Marzu 2010 u Marzu 2015.

(62)

Il-bidliet proposti se jkollhom impatt fuq virtwalment kull parti tan-negozju tal-RMG. Pereżempju:

(i)

konsenji u ġabriet esterni, li huma attivitajiet intensivi ta’ xogħol bi spejjeż fissi għoljin, qegħdin jiġu ristrutturati; l-istrutturar huwa ffokat fuq il-ksib ta’ tfaddil mill-Posta ta’ Klassi Dinjija (World Class Mail) (ara l-paragrafu 68) li qed jiġu introdott flimkien ma’ tifdil li jirriżulta minn din is-sistema komprensiva għat-titjib tas-sikurezza, is-servizz għall-klijenti, il-kwalità u l-produttività fl-uffiċċji kollha għat-twassil;

(ii)

hemm ċaqliq lil hinn minn xogħol manwali ta’ pproċessar intensiv għal ipproċessar awtomatizzat, b’implikazzjonijiet korrispondenti tax-xogħol;

(iii)

madwar […] maniġers f’funzjonijiet ewlenin qed jitneħħew ukoll.

(63)

L-elementi ewlenin tal-ispiża tar-ristrutturar tax-xogħol inklużi fil-pjan ta’ ristruttur ta’ Ġunju 2011 huma (i) pagamenti għal ħaddiema li ngħataw is-sensja, (ii) l-ispejjeż ta’ vjaġġar u ta’ rikollokament u (iii) ċerti pagamenti eċċezzjonali ta’ ammont f’daqqa. Pagamenti għal ħaddiema li ngħataw is-sensja huma mistennija li jkunu madwar GBP […] miljun minn Marzu 2010 sa Marzu 2015. L-ispejjeż ta’ vjaġġar u rikollokament (li huma mħallsa lill-persunal li nżamm iżda li issa jrid jaħdem f’faċilitajiet alternattivi bħala parti mir-ristrutturar tal-infrastruttura tal-RMG, inkluż l-għeluq ta’ diversi ċentri tal-posta) se jammontaw għal spiża ta’ madwar GBP […] miljun sal-2014/15. Pagamenti eċċezzjonali ta’ ammont f’daqqa – li huma meħtieġa biex isostnu r-ritmu u l-profondità tal-bidla peress li dawn jiffurmaw parti ewlenija tal-ftehim ta’ modernizzazzjoni mal-Unjoni ta’ Komunikazzjoni għal Ħaddiema (Communication Workers Union) jammontaw għal GBP […] miljun. Dawk il-pagamenti ma kinux ikunu meħtieġa b’ritmu anqas mgħaġġel, aktar konvenzjonali, ta’ modernizzazzjoni.

(64)

Dawk l-elementi ewlenin tar-ristrutturar tax-xogħol flimkien jammontaw għal madwar nofs it-total tal-ispejjeż tar-ristrutturar rilevanti matul il-perjodu minn Marzu 2010 sa Marzu 2015.

Ristrutturar strutturali biex titnaqqas il-kapaċità

(65)

Minbarra l-miżuri biex jindirizzaw il-forza tax-xogħol tal-RMG, il-pjan notifikat ta’ ristrutturar jinkludi ristrutturar strutturali biex titnaqqas il-kapaċità fin-negozju matul il-perjodu. B’total, l-ammont minfuq għal ristrutturar strutturali jirrappreżenta madwar terz tat-total tal-ispejjeż rilevanti għar-ristrutturar matul il-perjodu minn Marzu 2010 sa Marzu 2015. Partikolarment dan l-element tar-ristrutturar jirrigwarda t-tnaqqis sinifikanti tan-netwerk ċentrali tal-posta, li għandu impatt korrispondenti fuq ix-xogħol.

(66)

Ir-ristrutturar strutturali jikkonsisti wkoll f’awtomazzjoni u, b’mod kritiku, f’metodi ġodda ta’ kunsinna aktar flessibbli għal perjodi itwal u aktar flessibbli ta’ kunsinna. Dan għal darba oħra għandu implikazzjonijiet sinifikanti għall-forza tax-xogħol u jifforma parti essenzjali tar-ristrutturar.

(67)

Il-pjan ta’ ristrutturar jinkludi programm ta’ razzjonalizzazzjoni tal-proprjetà ta’ darba li jnaqqas l-għadd ta’ ċentri tal-posta minn 64 fil-bidu tas-sena finanzjarja 2010/11 għal […] sa Marzu 2015, inaqqas l-impatt ekoloġiku tal-RMG u l-operazzjonijiet tagħha jsiru aktar organizzati. Għalhekk, il-pjan tar-ristrutturar jipprevedi għeluq ta’ […] ċentri tal-posta bejn l-2010/11 u l-2014/15 li jlaħħqu għal […] tnaqqis madwar in-netwerk. Matul is-sena minn Marzu 2010 sa Marzu 2011 total ta’ 5 ċentri tal-posta ġew magħluqa.

(68)

Flimkien ma’ dan, l-RMG qed tintroduċi Posta ta’ Klassi Dinjija (World Class Mail) fiċ-ċentri kollha tal-posta li se jibqgħu miftuħin. Posta ta’ Klassi Mondjali (World Class Mail) hija sistema komprensiva għat-titjib tas-sikurezza, is-servizz għall-klijenti, il-kwalità u l-produttività, u t-tnaqqis ta’ nuqqasijiet. Rendiment ta’ Klassi Dinjija (World Class performance) jinkiseb billi jiġu nvoluti l-impjegati kollha f’attakk kontra l-ħela ta’ ħin u ta’ riżorsi kkawżati minn affidabbiltà inqas mill-istandard mistenni, u t-twettiq operattiv ta’ sistemi tal-ipproċessar. Iċ-ċentri kollha tal-posta se jkunu parti mill-Posta ta’ Klassi Dinjija (World Class Mail) sat-tmiem is-sena finanzjarja 2011/2012 u l-Posta ta’ Klassi Dinjija qiegħda tiġi wkoll introdotta fl-uffiċċji għall-kunsinna.

(69)

Barra minn hekk, l-użu ta’ magni intelliġenti għall-issortjar ta’ ittri ser iġib bidla fl-issortjar awtomatizzat u jnaqqas l-ispejjeż assoċjati ma’ sortjar manwali. Dawn il-magni huma bil-wisq aktar effiċjenti mill-metodi u tagħmir eżistenti, li ntużaw mill-RMG għal kważi 20 sena.

(70)

Barra minn dan, qed jiġi implimentat l-użu ta’ sekwenza għall-kunsinna ta’ ittri, li tawtomatizza l-issortjar ta’ ittri għall-ordni kif issir il-kunsinna. Din hija parti kritika tar-ristrutturar u tirrikjedi l-akkwiżizzjoni u l-użu ta’ magni kompatti għall-issortjar f’sekwenza u tirriżulta f’tibdiliet fil-prattiki tax-xogħol ta’ pustiera li jaħdmu fil-kunsinna b’mod partikolari. Sekwenzjar awtomatizzat ta’ ittri jnaqqas l-issortjar manwali f’uffiċċji ta’ kunsinna (u l-ispejjeż assoċjati), u għalhekk jippermetti skedar aktar effiċjenti ta’ ħinijiet ta’ bidu u ta’ tmiem għall-persunal ta’ kunsinna. Sekwenzjar tal-mod ta’ kunsinna hija bidla strutturali sabiex l-ipproċessar tal-posta għall-RMG jżid il-produttività tagħha. L-RMG sekwenzjat 0 % tal-posta fl-2008; 1 % tal-posta fl-2009, u 50 % sa Awwissu 2011.

(71)

Il-pjan ta’ ristrutturar tal-RMG jinkludi l-awtomazzjoni tal-issortjar ta’ pakki żgħar li attwalment qed isir manwalment. Il-kumpanija qed tiddetermina l-aħjar soluzzjoni li tuża matul il-perijodu tar-ristrutturar.

(72)

Fl-aħħar nett, metodi ġodda ta’ twassil jippermettu lill-RMG biex tagħmel bidla mill-metodi tradizzjonali ta’ kunsinna (bil-mixi, bir-rota) għall-kunsinna prinċipalment bl-użu ta’ karretti sikuri (kemm manwali jew bl-elettriku) u vannijiet. Dawn il-metodi ġodda jirrappreżentaw bidla kbira għall-RMG u l-bidla li qed tiġi implimentata, inkluż l-infiq imġarrab, se jiffaċilitaw perjodi itwal u aktar flessibbli ta’ kunsinna. Dan, imbagħad, jippermetti lill-RMG biex tnaqqas in-numru ta’ rotot għall-kunsinna u l-ispejjeż operattivi għall-kunsinna esterna.

Ristrutturar tal-IT

(73)

Il-pjan ta’ ristrutturar jinkludi investiment kapitali kritiku fl-IT matul il-perjodu tal-pjan. Biex jikkumplimentaw il-bidliet tax-xogħol, l-RMG tinsab fil-proċess li tintroduċi tagħmir elettroniku li jinżamm fl-idejn li jissostitwixxi proċessi bbażati fuq il-karti u għalhekk iżidu l-effiċjenza. Waħda mill-funzjonijiet bażiċi tagħhom hija li żżomm il-firem tal-klijenti li jikkonfermaw li jkunu rċevew oġġetti ntraċċati. L-apparati jippermettu lill-RMG li tintraċċa l-oġġetti fil-ħin reali. Dan ineħħi l-bżonn għal aktar ipproċessar tal-firem u l-irċevuti fuq karta meta l-pustier jkun spiċċa l-konsenji.

(74)

Barra minn hekk, l-RMG se tkun qed tagħmel investiment ieħor fl-IT u f’operazzjonijiet – inkluż investiment sinifikanti f’diversi oqsma kritiċi:

(i)

titjib tal-kapaċitajiet ta’ rappurtaġġ operattiv;

(ii)

modernizzazzjoni tal-proċessi għar-riżorsi umani;

(iii)

ikun jista’ jsir qari awtomatiku ta’ informazzjoni ta’ indirizz u l-użu tal-informazzjoni għar-rappurtaġġ ta’ twettiq;

(iv)

[…]; u

(v)

[…].

(75)

L-investiment f’sistemi u f’ristrutturar tal-IT b’kollox jirrappreżenta madwar kwinta tat-total rilevanti tal-ispejjeż tar-ristrutturar matul il-perjodu minn Marzu 2010 sa Marzu 2015.

Konklużjonijiet

(76)

Skont ir-Renju Unit, wara l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-pensjonijiet u t-tlestija tal-miżuri ta’ ristrutturar, huwa mbassar li l-RMG tkun f’pożizzjoni li:

(i)

tkopri l-ispejjeż tagħha inklużi d-deprezzament u l-pagamenti finanzjarji - b’mod partikolari l-kumpanija se jkollha likwidità pożittiva ħielsa wara l-interess u t-taxxa ta’ GBP […] miljun sa Marzu 2015;

(ii)

tagħmel ritorn fuq il-kapital li se tippermettiha li tikkompeti fis-suq fuq il-merti tagħha stess – b’mod partikolari l-kumpanija se tagħmel dħul pożittiv fuq il-kapital investit ta’ […] sa Marzu 2015; u

(iii)

tiġġenera flus minn negozju sottostanti (bejgħ ta’ assi minn qabel) - b’mod partikolari l-kumpanija għandha jkollha likwidità ħielsa pożittiva ta’ operazzjoni ta’ GBP […] miljun.

(77)

Din il-konklużjoni tapplika wkoll abbażi ta’ xenarju ta’ telf ta’ valur raġonevoli (tnaqqis addizzjonali […] fil-volumi fil-perjodu tal-pjan ta’ ristrutturar) ippreżentat lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Novembru 2011 bħala parti tal-analiżi tas-sensittività. Taħt tali xenarju ta’ żvantaġġ, sa Marzu 2015 l-RMG se tkun f’pożizzjoni li:

(i)

jkollha likwidità ħielsa pożittiva wara l-interess u t-taxxa ta’ GBP […] miljun sa Marzu 2015;

(ii)

tagħmel redditu pożittiv fuq il-kapital investit ta’ […] sa Marzu 2015; u

(iii)

jkollha likwidità ħielsa pożittiva ta’ operazzjoni ta’ GBP […] miljun.

(78)

Dawn il-previżjonijiet huma mistqarra li juru prova tar-robustezza u s-saħħa tar-ristrutturar propost.

3.   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI INTERESSATI

(79)

Kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ waslu minn firxa wiesgħa ta’ partijiet terzi interessati inklużi l-kompetituri domestiċi iżgħar tal-RMG u l-assoċjazzjonijiet industrijali tagħhom, il-pari internazzjonali akbar tagħha, gruppi ta’ pressjoni u unjoni tal-ħaddiema li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-persunal tal-RMG.

Kummenti sottomessi mill-Mail Competition Forum

(80)

Bħala assoċjazzjoni tal-industrija ta’ operaturi postali iżgħar fir-Renju Unit, il-Mail Competition Forum (“MCF”), tpoġġi enfasi kbira fuq l-importanza ta’ RMG soda u vijabbli bħala l-unika kumpanija kapaċi li tissodisfa l-obbligu ta’ servizz universali fir-Renju Unit, filwaqt li fl-istess ħin jaqsmu tħassib li l-RMG artifiċjalment imsaħħa tista’ tagħfas ‘il barra il-kompetituri iżgħar tagħha f’suq li diġà hu diffiċli permezz ta’ ipprezzar predatorju, pressjoni fuq il-marġini u ċaħda ta’ aċċess għal faċilitajiet essenzjali. F’dan il-kuntest l-MCF tħeġġeġ miżuri regolatorji ex-ante usa’ biex jiġu mħarsa kompetituri iżgħar u jiżguraw li jkollhom aċċess għan-netwerk tar-Royal Mail.

(81)

L-MCF taqbel mar-Renju Unit fil-valutazzjoni tiegħu li l-RMG hija ditta f’diffikultà u taqbel mal-applikazzjoni tal-Linji Gwida R&R bħala l-qafas xieraq biex jiġu evalwati l-miżuri proposti. Barra minn hekk, hija tinnota li r-Renju Unit ma fittixx li jiġġustifika l-għajnuna fuq il-bażi li din l-għajnuna hija neċessarja sabiex isostni l-SGEI, iżda hija tinnota li fil-każ li kwalunkwe kumpens tal-SGEI lill-RMG biex jiġi awtorizzat mill-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi flimkien ma’ salvagwardji rigorużi biex iħarsu l-kompetizzjoni.

(82)

L-MCF temmen li l-miżuri għandhom ikunu limitati għall-minimu strett meħtieġ u mfassla biex jittrattaw weħidhom is-sostenn tal-pensjoni. L-MCF tirrifjuta kwalunkwe miżura ta’ korrezzjoni għall-karta tal-bilanċ jew kull miżura oħra meħuda bil-ħsieb li d-ditta ssir aktar attraenti għal investitur f’ekonomija tas-suq. F’dan il-kuntest l-MCF tesprimi xettiċiżmu dwar il-privatizzazzjoni tad-ditta.

(83)

Fir-rigward tal-awtokontribuzzjoni ta’ 50 % meħtieġa taħt il-Linji Gwida R&R għal intrapriżi kbar, l-MCF tħeġġeġ l-osservanza stretta għall-limitu preskritt u tirrakkomanda ċessjoni tal-assi u t-teħid ta’ attivitajiet li jagħmlu telf biex tiffinanzja dan.

(84)

Fir-rigward ta’ miżuri kompensatorji l-MCF temmen li għadd ta’ konsegwenzi strutturali, fiskali u miżuri regolatorji huma neċessarji inkluża riforma tal-Att tas-Servizzi Postali tar-Renju Unit bil-ħsieb li jipprevjeni lill-RMG milli tingħata għajnuna addizzjonali għall-istess skop fil-futur, is-separazzjoni strutturali sħiħa tal-aspetti tal-imnut u tan-netwerk tan-negozju, u t-tmiem għall-eżenzjoni tal-VAT li l-RMG kienet tgawdi għal servizzi li huma barra mis-servizz universali.

Kummenti sottomessi minn Secured Mail

(85)

Secured Mail irrimarkat fuq l-importanza tal-RMG għall-kwittanza tal-USO fir-Renju Unit. Fl-istess ħin Secured Mail tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-RMG mhux ser tikseb l-opportunità li tisfrutta l-qawwa l-ġdida tagħha b’tali mod li tista’ tipperikola mudell tan-negozju tal-kompetitur iżgħar. Bħall-Mail Competition Forum, is-Secured Mail tenfasizza l-ħtieġa għal kontribuzzjoni proprja suffiċjenti ffinanzjata permezz ta’ ċessjoni tal-assi, u qbid ta’ attivitajiet ta’ telf. Barra minn hekk, Secured Mail tixtieq tara azzjoni regolatorja bħas-separazzjoni tan-netwerk u l-aspetti bl-imnut tan-negozji tal-RMG.

Kummenti sottomessi minn UK Mail

(86)

UK Mail, kompetitur żgħir domestiku tikkummenta li filwaqt li n-negozju ġeneralment laqa’ għajnuna mill-Istat lill-RMG bil-għan li jissalvagwardja t-twettiq effettiv tal-USO, il-miżuri għandhom jiġu awtorizzati biss taħt aderenza stretta tal-Linji Gwida R&R.

Kummenti sottomessi mill-DX

(87)

DX, kompetitur domestiku żgħir ieħor jesprimi wkoll tħassib dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-RMG fis-suq tar-Renju Unit b’mod mhux kontrollat u jirrakkomanda miżuri kompensatorji biex ipatti għal tagħwiġ potenzjali tal-kompetizzjoni.

Kummenti sottomessi mill-Unjoni tal-Ħaddiema tal-Komunikazzjoni (Communication Workers Union)

(88)

L-Unjoni tal-Ħaddiema tal-Komunikazzjoni (“CWU”) tpoġġi l-miżuri fil-kuntest ta’ sforzi ta’ modernizzazzjoni usa’ tal-RMG matul l-aħħar snin. Is-CWU tilqa’ l-miżuri ta’ għajnuna iżda tesprimi tħassib dwar il-livell ta’ stress imqiegħed fuq il-ħaddiema minn proċess ta’ ristrutturar u tinnota bidliet fil-fond u sostnuti fil-kondizzjoni tax-xogħol ġenerali tal-impjegati ta’ Royal Mail. Is-CWU titlob lill-Kummissjoni biex tillimita ristrutturar għal livell minimu bil-ħsieb li tillimita l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġenerali. Is-CWU tiċħad evalwazzjoni skont il-Linji Gwida R&R u hi tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tawtorizza għajnuna bħala kumpens għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali minflok. Is-CWU temmen li l-ebda kontribuzzjoni proprja m’għandha tkun meħtieġa mill-RMG u titlob għal apprezzament ġeneruż tal-miżuri ta’ għajnuna bil-għan li tagħmel il-proċess ta’ tranżizzjoni kemm jista’ jkun mingħajr xkiel għall-ħaddiema tal-RMG.

Kummenti sottomessi mill-Inizjattiva Postali Ħielsa u Ġusta (Free and Fair Postal Initiative)

(89)

L-Inizjattiva Postali Ħielsa u Ġusta (“FFPI”), li hi grupp ta’ pressjoni, ġeneralment tilqa’ l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat favur l-RMG u għandha biss xi tħassib dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà tal-RMG skont il-pjan tar-ristrutturar. Fid-dawl tal-klima ekonomika attwali l-FFPI għandha xi dubji dwar il-prospetti ta’ bejgħ u tikkritika n-nuqqas ta’ pjan komprensiv ta’ privatizzazzjoni.

(90)

Barra minn hekk, l-FFPI hija ħerqana li tindika li għandhom jintlaħqu r-rekwiżiti kollha tal-Linji Gwida R&R, speċjalment fir-rigward tal-kontribuzzjoni proprja li l-FFPI tixtieq li tkun sostanzjali (50 %) skont il-Linji Gwida R&R. Barra minn hekk, l-FFPI tqis li issa miżuri kompensatorji usa’ għandhom neċessarjament jinkludu l-bejgħ tal-assi li mhumiex essenzjali għar-rilaxx tal-USO u speċjalment garanziji b’rigward għall-aċċess tas-suq għal kompetituri.

(91)

Barra minn hekk l-FFPI tisħaq li ma tilqax l-applikazzjoni ta’ raġunament ta’ spiża marbuta ma’ benefiċċju skont id-deċiżjonijiet lil EDF (13) u La Poste (14), f’dan il-każ għal raġunijiet ta’ differenzi sostanzjali mal-fatti f’dan il-każ, speċjalment fir-rigward tas-sistemi tal-pensjoni fi Franza u r-Renju Unit.

Kummenti sottomessi minn Deutsche Post

(92)

Deutsche Post tqiegħed ir-rekwiżit għall-għajnuna tal-RMG fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-proċess tas-suq postali tar-Renju Unit u r-rekwiżit konsegwenzjali għall-pożizzjoni ex-monopolista sabiex jadatta għall-kondizzjonijiet tas-suq postali kompetittiv u jimmodernizza l-prattiki tan-negozju tiegħu. F’dan il-kuntest Deutsche Post tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura applikazzjoni uniformi tal-liġi madwar l-Istati Membri kollha f’dan ir-rigward. Sussegwentement Deutsche Post tiċħad ir-raġunament imressaq mir-Renju Unit li l-RMG kienet “każ eċċezzjonali” fi ħdan it-tifsira tad-Linji Gwida R&R u tisħaq fuq dubji dwar l-applikabbiltà tad-Linji Gwida R&R għal dan il-każ.

(93)

F’dan il-kuntest, Deutsche Post targumenta wkoll fuq il-bażi tas-sentenza tal-Qorti f’Combus (15) li, matul il-privatizzazzjoni ta’ fornituri tas-servizz universali li preċedentement kienu ta’ proprjetà statali, il-kumpens pubbliku tal-infiq tal-pensjonijiet – li jmorru lil hinn mil-livell normalment merfugħa minn kompetituri privati – ma jikkostitwixxux għajnuna. Deutsche Post isostni li l-eżenzjoni ta’ sostenn tal-pensjoni tal-RMG għandu ħelsien mill-projbizzjoni tal-Artikolu 107 tat-Trattat dwar ir-raġunijiet li din il-miżura hija mfassla biex tirrettifika żvantaġġ strutturali fi ħdan it-tifsira tas-sentenza Combus.

(94)

Deutsche Post tikkunsidra wkoll li l-Kummissjoni għandha tkun obbligata tikkunsidra li l-RMG diġà rċieviet kumpens għas-sostenn tal-pensjoni tagħha fil-forma ta’ prezzijiet ogħla ta’ timbrar.

Kummenti sottomessi mill-TNT

(95)

TNT tosserva li l-għajnuna m’għandhiex tkun aktar mill-iżgħar l-ammont strettament meħtieġ biex l-RMG tiġi salvata mid-diffikultajiet finanzjarji tagħha. Fl-istess ħin TNT hija mħassba li l-RMG tista’ tuża s-saħħa li tkun għadha kif kisbet biex tirrestrinġi indebitament il-kompetizzjoni fuq is-suq postali tar-Renju Unit f’tentattiv biex jinkiseb lura l-kontroll tas-suq u tirkupra l-ishma mitlufa tas-suq.

(96)

Sabiex jipprevjenu mossa bħal din, TNT titlob għal miżuri usa’ bħala kumpens għal għajnuna mill-Istat, inkluża garanzija ta’ aċċess għan-network fil-futur, jekk possibbli permezz tas-separazzjoni, u t-tmiem tal-eżenzjoni tal-VAT li jsaħħaħ l-evoluzzjoni ta’ kompetizzjoni fis-swieq ta’ kunsinna min-naħa għall-oħra.

(97)

Fir-rigward tal-qafas legali xieraq, it-TNT taqbel mar-Renju Unit li l-miżuri għandhom ikunu vvalutati bħala għajnuna għar-ristrutturar skont il-Linji Gwida R&R u tiċħad l-idea ta’ analiżi skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

Kummenti sottomessi mill-UPS

(98)

Fid-dikjarazzjoni tagħha l-UPS hi tal-opinjoni li l-miżuri ta’ għajnuna proposti jistgħu jkollhom implikazzjonijiet severi fuq is-suq postali u jipproduċu effetti lil hinn mis-swieq immirati direttament - fis-swieq ta’ servizz ekspress għal pakki fir-Renju Unit u l-Ewropa. F’dan il-kuntest il-UPS tqajjem dubji dwar il-mod li l-vantaġġi għall-RMG ġew ikkalkulati u l-applikabbiltà tal-Linji Gwida R&R għal dan il-każ.

(99)

Barra minn hekk, il-UPS għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat u l-Linji Gwida R&R.

(100)

Fir-rigward ta’ miżuri kompensatorji l-UPS issostni li l-miżuri meħtieġa għandhom ikunu proporzjonali għall-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-UPS b’hekk qed tiċħad l-idea mibgħuta mir-Renju Unit li l-piż għat-tneħħija tal-obbligu ta’ servizz pubbliku għandu jkun ikkunsidrat fl-evalwazzjoni tal-miżuri skont il-Linji Gwida R&R. Il-UPS tagħmel enfasi partikolari fuq il-bżonn li jiġu analizzati u tittieħed responsabbiltà għal effetti potenzjali mifruxa fi swieq ġirien, jekk il-miżuri mhux biss isaħħu l-RMG iżda wkoll is-sussidjarji tagħha, speċjalment il-GLS.

(101)

Rigward l-ammont tal-għajnuna, il-UPS tenfasizza li l-ammont għandu jkun limitat għall-minimu meħtieġ u li kontribuzzjoni proprja sostanzjali għandha ssir mill-RMG. F’dan il-kuntest il-UPS tesprimi dubji fuq il-preżenza ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li jippermettu għal kontribuzzjoni proprja taħt il-50 %, kif issuġġerit mir-Renju Unit. Barra minn hekk il-UPS temmen f’każ li l-Kummissjoni għandha taċċetta r-raġunament tar-Renju Unit f’dan ir-rigward, il-kontribuzzjoni proprja għandha taħt l-ebda ċirkostanza tkun inqas minn 40 % ibbażata fuq il-prattika ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’deċiżjonijiet preċedenti.

(102)

Fir-rigward tar-raġunament ta’ spiża marbuta ma’ benefiċċju skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat, il-UPS tirrimarka li l-miżuri ma jistgħux jiġu ġustifikati fuq il-bażi ta’ preċedent (La Poste) jew bħala kwistjoni ta’ prinċipju, iżda jeħtieġu test tal-ibbilanċjar komprensiv li fih l-effetti pożittivi tal-miżura huma bbilanċjati kontra l-mod li bih tgħawweġ il-kompetizzjoni.

4.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET TAR-RENJU UNIT

4.1.   Dwar l-eżistenza ta’ għajnuna u l-benefiċjarji tal-għajnuna

(103)

Ir-Renju Unit jaċċetta li l-mizuri notifikati ta’ għajnuna għas-sostenn tal-pensjoni u t-tnaqqis tad-dejn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(104)

Ir-Renju Unit isostni li m’hemm l-ebda għajnuna involuta fit-trattament tat-taxxa tat-trasferiment ta’ passiv nett mill-RMG għar-Renju Unit billi l-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet attwalment jirrappreżentaw fil-kontijiet tal-RMG ammonti li għadhom mhux imħallsa, u jistgħu jitnaqqsilhom it-taxxa biss meta jsir il-pagament. Bħala tali, l-RMG m’għamlitx talba għal ħelsien mit-taxxa għal kwalunkwe obbligazzjonijiet fil-kontijiet tagħha. Skont ir-Renju Unit, ikun inġust għall-RMG biex tkun imposta taxxa fuq ir-rilaxx ta’ dispożizzjonijiet, meta l-ewwel nett ma rċivietx ħelsien mit-taxxa fuq dawk id-dispożizzjonijiet (16).

(105)

Bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ li mhuwiex ċar jekk il-POL tibbenefikax minn miżuri tat-tnaqqis tad-dejn, ir-Renju Unit jistqarr li l-finanzjament u l-kontijiet tal-POL huma mwarrba minn dawk tal-RMG. Skont ir-Renju Unit, din hija żgurata wkoll mill-fatt li n-negozji huma legalment separati.

4.2.   Dwar il-kompatibbiltà tas-sostenn tal-pensjoni bħala kumpens għal spiża marbuta ma’ benfiċċji tal-pensjonijiet skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat

(106)

Ir-Renju Unit l-ewwel nett isostni li hemm paralleli sinifikanti bejn il-każ preżenti u l-każ La Poste. Għalkemm ir-Renju Unit jirrikonoxxi li l-ambjent tal-pensjonijiet tar-Renju Unit huwa differenti minn dak ta’ Franza, u m’hemm l-ebda komparatur speċifiku tal-iskema tal-RMG, dan ma jfissirx li l-preċedent ta’ La Poste ma jistax jiġi applikat. Ir-Renju Unit jemmen bis-sħiħ li hemm biżżejjed similaritajiet bejn iż-żewġ każijiet li jeħtieġu applikazzjoni sħiħa tal-preċedent, minħabba li ż-żewġ każijiet jinvolvu riskju ekonomiku materjali u obbligazzjonijiet mhux limitati u għaliex iż-żewġ każijiet involvew skemi inflessibbli.

(107)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit jikkunsidra li, filwaqt li hemm paralleli bejn iż-żewġ każijiet, is-soluzzjoni proposta għall-RMG mhux daqshekk estensiva jew materjali bħal dak għal La Poste minħabba li r-Renju Unit qed ittaffi biss lill-RMG mill-obbligazzjonijiet tal-passat u minħabba l-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet merfugħa mir-Renju Unit huma akkumpanjati bil-maġġoranza tal-assi tal-pensjoni tar-RMPP, sal-punt li l-għajnuna kkonċernata hija limitata għad-defiċit minflok l-ammont tal-obbligazzjonijiet.

(108)

Ir-Renju Unit isostni wkoll li l-iskala tal-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet mhumiex tas-soltu minħabba kombinazzjoni ta’ fatturi li jinkludu l-iskala tal-ispejjeż tal-impjieg tal-RMG, l-indiċjar u l-arranġamenti għal irtirar kmieni u t-termini mtejba tas-sensja imposti minn ftehimiet kollettivi ma’ unjonijiet. Ir-Renju Unit jammetti li dawn l-obbligazzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala “spejjeż mhux irkuprabbli” fi ħdan it-tifsira ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar l-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet fis-settur tal-enerġija. Dan ifisser li s-sostenn tal-pensjoni għandu jitqies bħala investiment (soċjali) irriversibbli li sar qabel il-liberalizzazzjoni tas-settur li m’għamilx profitt skont il-kondizzjonijiet ġodda tal-liberalizzazzjoni tas-settur li ma setgħux jiġu previsti fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni. Ir-Renju Unit jibbaża ruħu għall-ispejjeż mhux irkuprabbli fuq il-fatturi li ġejjin:

(i)

l-għamla u l-iskala tal-obbligazzjonijiet huma direttament marbuta mas-servizz ċivili u l-monopolju legat tal-RMG;

(ii)

l-RMPP kienet inqas problematiku għall-ġestjoni meta kienet f’ambjent ta’ monopolju; u

(iii)

l-intitolamenti ġenerużi mogħtija lill-membri, flimkien mal-għadd ta’ membri attivi, differiti u rtirati (li kien inevitabbli minħabba l-USO tal-RMG), jirrappreżentaw spejjeż addizzjonali ta’ pensjoni li l-kompetituri tal-RMG ma jridux iġorru.

(109)

Matul il-kors tal-investigazzjoni, ir-Renju Unit ipprovda wkoll informazzjoni ulterjuri dwar in-natura anormali tal-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet tal-RMG, li tkun eżentata bħala parti mill-proposti tal-Gvern tar-Renju Unit. Huwa żviluppa aktar l-analiżi inizjali imwettqa mill-espert Towers Watson li eżamina l-livell ta’ anormalità inerenti fl-RMPP.

(110)

Din l-analiżi addizzjonali qabblet l-RMPP mal-iskema medja definita ta’ benefiċċji tas-settur privat u skont ir-Renju Unit turi li madwar GBP 6 900 miljun tal-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet tal-RMPP jirrigwardaw l-ispejjeż eċċezzjonalment għolja meta mqabbla mal-medja tal-iskema.

(111)

Dan jaqbeż il-livell tas-sostenn tal-pensjoni tal-RMPP ta’ GBP 4 500 miljun fuq bażi ta’ kontabbiltà f’Marzu 2011, li, skont ir-Renju Unit, tissuġġerixxi li l-d-defiċit kollha tal-pensjoni tal-RMPP jista’ jiġi kkunsidrat anormali.

4.3.   Dwar il-kompatibbiltà ta’ miżuri tat-tnaqqis tad-dejn skont il-Linji Gwida R&R

(112)

Ir-Renju Unit l-ewwel nett isostni li l-Kummissjoni għandha tapplika l-Linji Gwida R&R b’tali mod li jevita effett negattiv fuq id-disponibbiltà tas-servizz universali fir-Renju Unit. Konsegwentement, ir-Renju Unit jiġbed l-attenzjoni li l-RMG hija indispensabbli għad-disponibilità tas-servizz universali u jargumenta li d-diffikultajiet tad-ditta jipperikolaw mhux biss is-soppravvivenza tal-RMG bħala impriża iżda wkoll d-disponibilità tas-servizz universali fir-Renju Unit. Ir-Renju Unit għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu l-ħsieb leġiżlattiv espress fl-Artikolu 106(2) tat-Trattat inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-miżuri skont il-Linji Gwida R&R. B’appoġġ għall-argumenti tiegħu r-Renju Unit jiġbed l-attenzjoni għall-ġurisprudenza mill-Qorti tal-Ġustizzja skont liema r-regoli tat-Trattat għandhom ikunu applikati b’konsiderazzjoni għat-twettiq effettiv u d-disponibbiltà mingħajr distorsjoni tas-servizz universali f’każijiet fejn il-ħila ta’ xi impriżi biex iwasslu s-servizz ċentrali hija mhedda, u partikolarment fejn hija mhedda s-sopravivenza tal-impriża għat-twassil ta’ dan is-servizz (17).

(113)

Hawnhekk, ir-Renju Unit jissottometti li l-kriterji ta’ kompatibbiltà skont il-Linji Gwida R&R għandhom ikunu kwalifikati sal-punt meħtieġ biex jippermettu l-miżuri biex jiġu implimentati kif ikkontemplat fil-pjan għar-ristrutturar sabiex jiżguraw li l-kapaċità tal-Gvern tar-Renju Unit li jissodisfa l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva tas-Servizzi Postali ma tkunx ipperikolata.

(114)

Barra minn dan, ir-Renju Unit isostni li l-RMG għandha tiġi kkunsidrata bħala ditta f’diffikultà fi ħdan it-tifsira tal-Linji Gwida R&R, jiġifieri kumpanija li – mingħajr intervent mill-Istat – ma tkunx kapaċi tikseb il-kapital neċessarju biex tirkupra t-telf li jipperikola s-sopravivenza tagħha jew mill-azzjonisti tagħha jew minn sorsi tas-suq. F’dan ir-rigward ir-Renju Unit jindika d-diffikultajiet finanzjarji severi tad-ditta kkawżati b’dħul imnaqqas, id-daqs konsiderevoli tas-sostenn tal-pensjoni li jikkawża karta tal-bilanċ problematika ħafna, u n-nuqqasijiet projettati fil-pożizzjonijiet tal-fluss tal-flus tagħha.

(115)

Fis-sottomissjonijiet tiegħu, ir-Renju Unit ipprovda aktar informazzjoni dwar il-pjan ta’ ristrutturar. B’mod partikolari ppreżenta:

(i)

deskrizzjoni aktar dettaljata tal-miżuri operattivi u industrijali li l-RMG qed tieħu għar-ristrutturar tan-negozju tagħha u fir-rigward ta’ liema l-miżuri ta’ ristrutturar tar-Renju Unit notifikati se jipprovdu wkoll appoġġ finanzjarju;

(ii)

il-kjarifika tar-Renju Unit dwar it-tul tal-pjan tar-ristrutturar;

(iii)

riassigurazzjoni li, fuq il-bażi tal-pjan ta’ ristrutturar, il-vijabbiltà futura tal-RMG hija żgurata, anke f’xenarju ta’ telf tal-valur raġonevoli;

(iv)

kjarifika tal-firxa sħiħa ta’ kontribuzzjoni proprja li l-RMG qed tipprovdi lejn r-ristrutturar tagħha.

(116)

Fir-rigward tat-tul tal-pjan ta’ ristrutturar, ir-Renju Unit isostni li l-Kummissjoni għandha tqis il-pass li bih huwa possibbli li l-iskala tar-ristrutturar operattiv meħtieġ tkun mifruxa billi tiġi kkunsidrata l-iskala tal-operazzjonijiet tal-RMG, l-ambjent tar-relazzjonijiet industrijali, u l-obbligu tagħha li tkompli tipprovdi servizz universali bi standards speċifikati tal-kwalità matul il-proċess.

(117)

Fir-rigward tar-restorazzjoni ta’ vijabbiltà fit-tul u tal-konsenjabbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar, skont ir-Renju Unit kien suffiċjentement muri fil-pjan għar-ristrutturar li l-RMG se tirritorna għall-vijabbiltà sa tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar skont il-Linji Gwida R&R.

(118)

Ir-Renju Unit jemmen, ibbażat fuq il-valutazzjoni ta’ konsulenti finanzjarji tiegħu, li t-twassil tal-Pjan ta’ Ristrutturar se jirrestawra lill-RMG għall-vijabbiltà sa tmiem is-sena finanzjarja 2014/15 (jiġifieri sal-aħħar ta’ Marzu 2015). Fil-prattika dan ifisser li wara l-implimentazzjoni tas-sostenn tal-pensjoni u t-tlestija tal-miżuri ta’ ristrutturar li huma rilevanti għall-finijiet tal-għajnuna mill-Istat, ir-Renju Unit jipprevedi li l-RMG għandha tkun f’pożizzjoni li ġġorr l-ispejjeż kollha tagħha, inklużi d-deprezzament u l-ispejjeż finanzjarji. Barra minn hekk id-dħul mistenni fuq il-kapital għandu jkun biżżejjed biex jippermetti lill-RMG ristrutturata biex tikkompeti fis-suq fuq il-merti tagħha stess.

(119)

Fir-rigward tal-kontribuzzjoni proprja, il-fehma tar-Renju Unit tibqa’ li ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dan il-każ jiġġustifikaw approċċ flessibbli għal kontribuzzjoni proprja.

(120)

Madankollu, ir-Renju Unit iċċara kif l-RMG ukoll qed tuża r-riżorsi tagħha sabiex tiffinanzja l-ispejjeż assoċjati mal-attività tar-ristrutturar stipulati fit-taqsima (56).

(121)

Ir-Renju Unit jikkunsidra li kwalunkwe distorsjoni fil-kompetizzjoni li tirriżulta mill-miżuri notifikati se tkun minima. Huwa wkoll itenni li s-sussidjarja GLS tal-RMG mhijiex milquta direttament mill-miżuri u għalhekk ma jibqa’ l-ebda impatt fuq il-kompetizzjoni mill-miżuri fis-swieq tal-pakki Ewropej u ekspress li fihom topera l-GLS.

(122)

Fir-rigward tal-miżuri kompensatorji, ir-Renju Unit isostni li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra safejn dan il-prinċipju għandu jiġi applikat sabiex tkun evitata kwalunkwe azzjoni li direttament jew indirettament tfixkel l-RMG fl-eżekuzzjoni tas-servizz universali.

4.4.   Dwar il-kummenti minn partijiet terzi

(123)

Bi tweġiba għas-sottomissjonijiet tat-terzi partijiet ir-Renju Unit jindirizza kwistjonijiet rilevanti tematikament.

(124)

B’risposta għal biżgħat tal-effetti kollaterali potenzjali fuq swieq ġirien permezz tas-sussidjarju tal-RMG, il-GLS, ir-Renju Unit jelabora li l-GLS mhijiex qiegħda tibbenefika mill-miżuri ta’ għajnuna proposti minħabba l-fatt li impjegati tal-GLS fil-preżent la huma u lanqas qatt ma’ kienu parti mill-RMPP, u dik is-sistema tal-pensjoni m’għandha l-ebda konnessjoni possibbli mal-RMPP, biex ikun impossibbli li jinħassu l-effetti. Barra minn hekk ir-Renju Unit jisħaq li l-miżuri implimentati, b’kwalunkwe mod li jiġu implimentati mhux se jkollhom xi effett f’kwalunkwe pożizzjoni tal-flus tal-GLS.

(125)

B’rispons għal kummenti li jixħtu dubju fil-livell tad-dejn li jirriżulta minn kontribuzzjoni tal-pensjoni statutorja, ir-Renju Unit isostni li d-daqs tad-defiċit kien direttament marbut mal-ispiża mġarrba marbuta ma’ benefiċċju u li l-RMG għalhekk għandha tiġi eżentata mir-responsabbiltà tad-defiċit fl-intier tiegħu.

(126)

Rigward il-kompatibbiltà tal-miżuri ġenerali mal-Linji Gwida R&R, ir-Renju Unit jikkunsidra li l-miżuri proposti jidħlu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji Gwida R&R. Barra minn hekk ir-Renju Unit isostni l-pożizzjoni tiegħu espressa fin-notifika li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri proposti skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat fl-ispirtu tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

(127)

Bi tweġiba għal kummenti li jixħtu dubju fuq il-vijabbiltà fit-tul tal-RMG wara li tingħata l-għajnuna, ir-Renju Unit ma jaċċettax it-tħassib tal-partijiet interessati u jsostni li fuq il-bażi ta’ parir indipendenti mill-konsulenti ekonomiċi tiegħu, huwa jinsab konvint li l-RMG se tirritorna għall-vijabbiltà u tirnexxi fuq żmien twil.

(128)

Ir-Renju Unit jiċħad kummenti li jallegaw li l-ammont tal-għajnuna ma kienx limitat għall-minimu neċessarju strett u essenzjalment immira li jagħmel l-RMG aktar attraenti għal investituri potenzjali bil-għan li sseħħ privatizzazzjoni fil-futur. Jispjega li l-miżuri ġew imfassla speċifikament biex jonfqu biss il-minimu strett meħtieġ sabiex jiżgura l-ġejjieni tas-servizz universali u jirrestawraw l-RMG għall-vijabbiltà għal dak il-għan.

(129)

Ir-Renju Unit barra minn hekk jirrifjuta talbiet li l-miżuri jwasslu għal tagħwiġ ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqq peress li l-benefiċċji lill-konsumaturi li joħorġu mis-sopravivenza tal-RMG jistgħu b’mod sinifikanti jegħlbu b’mod limitat id-distorsjoni tas-suq.

(130)

Bi tweġiba għall-kummenti dwar il-kontribuzzjoni proprja meħtieġa, ir-Renju Unit jirrifjuta l-argumenti mibgħuta mill-partijiet interessati li jixħtu dubju fuq l-eżistenza ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw devjazzjoni minn 50 % tal-regola ta’ kontribuzzjoni proprja preskritta fil-Linji Gwida R&R. Ir-Renju Unit isostni l-pożizzjoni tiegħu fin-notifika li l-Kummissjoni għandha tqis il-wirt fis-settur pubbliku tal-RMG u l-piż tas-servizz pubbliku tagħha meta jiġi ddeterminat il-livell xieraq ta’ kontribuzzjoni proprja.

(131)

Barra minn hekk ir-Renju Unit jenfasizza li s-separazzjoni tal-POL mill-RMG diġà tqiegħed l-RMG f’pożizzjoni fejn se titlef l-opportunitajiet fl-iżvilupp ta’ negozji fl-iżvilupp ta’ oqsma relatati bħal servizzi bankarji personali u użu ieħor tal-infrastruttura tal-POL.

(132)

Ir-Renju Unit ukoll jiċħad bil-qawwa talbiet biex ineħħi l-operatur għal pakki ekspress GLS bħala miżura kumpensatorja kif issuġġerit f’xi ftit mill-kummenti minn terzi partijiet. Ir-Renju Unit jiċċara li jqis lill-GLS bħala parti vitali tal-istrateġija globali tal-RMG u li huwa jirrigwarda d-ditta bħala kruċjali għall-kisba ta’ vijabbiltà fit-tul. F’dan il-kuntest, ir-Renju Unit huwa ħerqan li jisħaq li d-diversifikazzjoni ta’ attivitajiet f’oqsma aktar profittabbli hija rikonoxxuta b’mod espliċitu mil-Linji Gwida R&R (il-paragrafu 17) bħala parti vitali tal-irkupru ta’ intrapriża li qed tbati. Barra minn hekk ir-Renju Unit jemmen li d-divestitura tal-GLS thedded il-vijabbiltà tal-RMG b’tali mod li tipperikola mhux biss il-pjan ta’ ristrutturar iżda wkoll il-provvista tas-servizz universali fir-Renju Unit.

(133)

Ir-Renju Unit jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu rigward l-applikabbiltà mill-ispiża marbuta ma’ benefiċċju fuq ir-raġunament tal-ġurisprudenza La Poste, EDF (18) u OTE (19) għall-każ preżenti. Ir-Renju Unit isostni l-pożizzjoni tiegħu li, minkejja d-differenzi tekniċi bejn ir-Renju Unit u s-sistemi tal-pensjonijiet Franċiżi għad hemm analoġija loġika suffiċjenti li tippermetti li jiġi applikat raġunament għal spiża marbuta ma’ benefiċċju għal dan il-każ.

(134)

Bi tweġiba għal kummenti li rrakkomandaw li jiġu valutati miżuri skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat aktar milli l-Linji Gwida R&R skont l-Artikolu 107 tat-Trattat, ir-Renju Unit jerġa’ jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu li mossa bħal din mhux se tkun pass xieraq għall-RMG taħt iċ-ċirkostanzi preżenti. Madankollu r-Renju Unit jemmen li l-Kummissjoni għandha żżomm f’kunsiderazzjoni l-Artikolu 106(2) tat-Trattat fl-applikazzjoni tagħha tal-Linji Gwida R&R.

(135)

Ir-Renju Unit jirrimarka wkoll dwar is-sottomissjoni ta’ Deutsche Post fejn titlob lill-Kummissjoni biex tħalli barra kwalunkwe rikavat diġà ġġenerat favur l-RMG fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet fl-għamla ta’ prezzijiet ogħla fl-oqsma regolati mis-sostenn tal-pensjoni. Ir-Renju Unit jipprova jirrifjuta dan ir-raġunament u jesprimi twemmin li effettivament m’hemm l-ebda kalkolar doppju bejn il-prezzijiet regolati u s-sostenn tal-pensjoni minħabba l-metodoloġija u l-arranġamenti regolatorji użati mill-RMG u r-regolaturi tal-passat u preżenti li żguraw li l-RMG mhux se jirċievi fondi darbtejn għall-istess skop.

(136)

Ir-Renju Unit jiċħad is-sottomissjoni ta’ Deutsche Post li l-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat lil monopolji postali preċedenti għandha ssir fuq l-istess sett ta’ kriterji li jiżguraw applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni madwar l-Istati Membri, u minflok jargumenta li l-Kummissjoni għandha tkun ħielsa li tevalwa kull każ dwar iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu billi jitqiesu l-partikolaritajiet ta’ kull każ individwali.

(137)

Fl-aħħar nett ir-Renju Unit ikkummenta fuq il-bosta rimarki u suġġerimenti li saru minn xi partijiet terzi li r-Renju Unit jemmen li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività regolatorja aktar milli f’dan il-każ. Fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet, bħal separazzjoni strutturali, trasparenza, analiżi u waqfien ta’ ċerti attivitajiet, ir-Renju Unit huwa ħerqan li jisħaq li dawn il-miżuri huma ta’ natura regolatorja u għandhom jissemmew fil-forum xieraq mar-regolatur nazzjonali aktar milli fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, ir-Renju Unit jinnota li l-firxa tal-eżenzjoni tal-VAT għas-servizzi postali fir-Renju Unit diġà ġiet meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (20) u hija mistennija li tiġi riveduta ulterjorment mill-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit.

5.   VALUTAZZJONI

5.1.   Il-preżenza ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat u l-benefiċjarji potenzjali

(138)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jistipula li “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal tgħawwiġ jew theddida ta’ tgħawwiġ għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq”. Sabiex ikun determinat jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni trid japplika dawn il-kriterji: Il-miżura trid tkun attribwita lill-Istat u tuża r-riżorsi tal-Istat, trid tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi jew ċerti setturi billi tgħawweġ il-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.1.1.   Riżorsi tal-istat

(139)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jirrigwarda l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Fi kliem ieħor, il-miżuri inkwistjoni għandhom jidhru bħala riżultat ta’ mġiba attribwibbli għall-Istat jew trid tinvolvi riżorsi tal-Istat.

(140)

Rigward is-sostenn għall-pensjonijiet, l-akkwist min-naħa tar-Renju Unit ta’ certi obbligazzjonijiet ta’ pensjonijiet dovuti tal-RMG huwa ffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat u huwa attribwibbli għall-Istat: ir-Renju Unit se jwaqqaf skema statutorja ta’ pensjoni ġdida li se tkun obbligazzjoni tal-gvern tar-Renju Unit u li għaliha ċerta parti tal-obbligazzjoinijiet dovuti miżmuma mill-RMPP se jiġu ttrasferiti.

(141)

Dwar il-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn, dawn huma iffinanzjati b’mod ċar mir-riżorsi tal-Istat u attribwibbli għall-Istat: ir-Renju Unit ser iħassar id-dejn mis-self pendenti li attwalment l-RMG għandha tagħtih.

5.1.2.   Vantaġġ selettiv

(142)

Sabiex ikun aċċertat jekk il-miżuri taħt skrutinju fihomx elementi ta’ għajnuna mill-Istat, irid jiġi ddeterminat jekk dawn jikkonferixxux vantaġġ ekonomiku lill-RMG fis-sens li jippermettulha biex tevita spejjeż li normalment kien ikollhom jitħallsu mir-riżorsi finanzjarji proprji tagħha, u għalhekk il-forzi tas-suq kienu impeduti milli jipproduċu l-effett normali tagħhom (21).

(143)

F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li diversi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkontradixxu t-teorija li skontha l-kumpens ta’ vantaġġ strutturali jeskludi miżura milli tkun meqjusa bħala għajnuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem sostniet li l-preżenza ta’ għajnuna għandha tkun ivvalutata fir-rigward tal-effetti u mhux skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-intervent mill-Istat (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li l-kunċett ta’ għajnuna jinkludi l-vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta’ impriża (23). Il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat b’mod ċar li l-ispejjeż marbuta mar-remunerazzjoni tal-impjegati, min-natura tagħhom jitfgħu piż fuq il-baġits tal-impriżi, indipendentement mill-kwistjoni jekk l-ispejjeż humiex ġejjin minn obbligi legali jew inkella minn ftehimiet kollettivi (24). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li l-miżuri tal-Istat kellhom l-għan li jikkumpensaw l-ispejjeż addizjonali ma jfissirx li ma jikkwalifikawx għad-definizzjoni ta’ għajnuna (25).

(144)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-obbligazzjonijiet ta’ kumpanija skont il-leġislazzjoni tal-impjieg jew il-ftehimiet kollettivi mat-trejdjunjins, bħall-ispiża tal-pensjonijiet, huma parti mill-ispejjeż normali ta’ negozju li kumpanija trid taffronta mir-riżorsi tagħha stess (26). Dawn l-ispejjeż huma inerenti għall-attività ekonomika tal-impriża (27). Ma jimpurtax f’dan ir-rigward jekk l-impriża terfax il-piż tal-ispejjeż tal-pensjonijiet billi direttament tiffinanzja l-pensjonijiet tal-persunal preċedenti tagħha jew billi tħallas kontribuzzjonijiet f’fond ta’ pensjoni, li mbagħad minnu jintużaw l-kontribuzzjonijiet miġbura biex jiġu ffinanzjati l-pensjonijiet tal-impjegati tal-kumpaniji. L-element deċiżiv hu li, b’mod jew ieħor, l-impriżi jġorru l-ispejjeż kollha tal-pensjonijiet.

(145)

Rigward is-sostenn għall-pensjonijiet, il-Kummissjoni tosserva li dan se jipprovdi vantaġġ finanzjarju lill-RMG, minħabba li d-defiċit tal-RMPP ikollu effetti fuq l-RMG, u minħabba l-obbligi li l-RMG għandha lejn l-RMPP skont il-liġi tal-pensjonijiet tar-Renju Unit. Dawn l-obbligi jinkludu l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, b’mod partikolari biex ikun indirizzat id-defiċit, u huma riflessi fil-fatt li d-defiċit huwa rreġistrat fuq il-karta bilanċjali tal-RMG skont l-Artikolu 19 tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ l-IAS). Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-akkwist ta’ ċerti obbligazzjonijiet ta’ pensjonijiet dovuti mir-Renju Unit ser jeħles lill-RMG mill-obbligi finanzjarji li l-impriża kieku normalment kien ikollha ġġorr u b’hekk timpedxxi lill-forzi tas-suq milli jipproduċu l-effett normali tagħhom.

(146)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li s-sostenn għall-pensjonijiet mhux biss jagħti vantaġġ lill-RMG iżda wkoll lis-sussidjarja tiegħu l-POL, peress li lil din tal-aħħar isserraħha mill-obbligu, skont l-arranġamenti għall-issekondar mal-RMG, li tikkontribwixxi għad-defiċit tal-pensjonijiet. Il-GLS min-naħa l-oħra mhix ikkunsidrata bħala benefiċjarju ta’ sostenn għall-pensjonijiet minħabba l-fatt li l-impjegati tagħha mhumiex parti mill-RMPP, u s-sistema ta’ pensjoni tagħha bl-ebda mod m’għandha x’taqsam mal-RMPP.

(147)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-argumenti maħsuba biex juru li l-ispejjeż tal-pensjonijiet merfugħa mill-RMG huma ogħla minn dawk tal-kompetituri tiegħu huma irrilevanti sabiex jinstab jekk is-sostenn għall-pensjonijiet huwiex għajnuna mill-Istat. Madankollu, livell komparattiv tagħhom jista’ jiġi kkunsidrat fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tas-sostenn għall-pensjonijiet.

(148)

Il-Kummissjoni għalhekk tara li s-sostenn għall-pensjonijiet jipprovdi vantaġġ selettiv lill-RMG u lill-POL skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(149)

Rigward in-nontassazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilaxxati magħmula fil-kontijiet bħala riżultat tad-defiċit tal-pensjonijiet, il-Kummissjoni taċċetta l-argument tar-Renju Unit li dan huwa ġġustifikat għaliex id-dispożizzjonijiet li akkumulaw ma setgħux jitnaqqsu mit-taxxa. L-obbligazzjonijiet tal-pensjoni li attwalment jinsabu fil-kontijiet tal-RMG jirrappreżentaw ammonti li għadhom ma tħallsux skont l-RMPP u skont il-leġiżlazzjoni fiskali tar-Renju Unit, il-ħelsien mit-taxxa huwa disponibbli biss għal kontribuzzjonijiet tal-pensjoni fejn u meta dawn il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni huma mħallsa. Għalhekk, l-RMG ma talbitx biex xi obbligazzjonijiet li sal-lum għandhom fil-kontijiet tagħha jinħelsu mit-taxxa. Wara t-trasferiment ta’ dawn l-obbligazzjonijiet għall-iskema l-ġdida, l-RMG mhux se tibqa’ responsabbli għall-finanzjament tal-RMPP u għalhekk mhux se titlob għall-ebda ħelsien mit-taxxa. Peress li l-RMG mhux se tkun tista’ titlob għall-ħelsien mit-taxxa fir-rigward tal-obbligazzjonijiet tal-pensjoni relatati li bħalissa jidhru fil-kontijiet tagħha, ugwalment, mhux se tistenna li tħallas it-taxxa għat-treġġigħ lura tad-dispożizzjonijiet fil-kontijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni tara li t-trattament tat-taxxa tas-sostenn għall-pensjonijiet ma jinvolvix vantaġġ selettiv għall-RMG u għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

(150)

Fir-rigward tal-valutazzjoni dwar jekk il-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn jagħtux vantaġġ selettiv, il-Kummissjoni tevalwa dawn it-tip ta’ miżuri skont it-test tal-kreditur privat (28). Dan it-test jitlob jekk kreditur privat fl-istess sitwazzjoni kienx jaġixxi bl-istess mod sabiex iżid iċ-ċans tiegħu biex jirkupra l-kreditu tiegħu. L-ewwel nett il-Kummissjoni tosserva li r-Renju Unit ma stqarrx li qed jaġixxi skont l-imġiba ta’ kreditur privat fir-rigward tal-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn u għalhekk ma pprovdiex lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tip ta’ informazzjoni li jippermettilha tapplika dan it-test. It-tieni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li kreditur privat ma kienx jaqbel ma tnaqqis fil-kreditu tiegħu mingħajr ma jitlob aktar patti, jew għallinqas ftehimiet dwar l-iskedar mill-ġdid tal-kumplament tal-kreditu tiegħu bil-ħsieb li jtejjeb il-possibbiltajiet li jħallas id-dejn wara ristrutturar li jkun ta’ suċċess. Għalhekk, il-Kummissjoni tara li l-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn fil-pjan ta’ ristrutturar jipprovdu vantaġġ selettiv lill-RMG skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

5.1.3.   Id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti negattivi fuq il-kummerċ ġewwa l-Unjoni

(151)

Meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu fil-kummerċ ġewwa l-Unjoni, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati minn dik l-għajnuna. Skont il-ġurisprudenza stabbilita (29), għal miżura biex tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, ikun biżżejjed li il-benefiċjarju tal-għajnuna jikkompeti ma’ impriżi oħra fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni.

(152)

Is-suq postali tar-Renju Unit kien miftuħ kompletament għall-kompetizzjoni fl-2006, filwaqt li kien diġà miftuħa għall-kompetizzjoni qabel din id-data għal ċerti oqsma tas-suq (pereżempju għall-kunsinna ta’ pakki u għall-kunsinna ta’ posta voluminuża bħal meta jintbagħtu aktar minn 4 000 oġġett u b’mod ġenerali kull servizz postali li ma kienx riservat għal impriża speċifika). F’dan il-kuntest, huwa biżżejjed li jiġi speċifikat li l-RMG qed tikkompeti ma’ kumpaniji stabbiliti fi Stati Membri oħra (bħal Post NL jew Deutsche Post) u hija nnifisha attiva fi swieq barra mir-Renju Unit permezz tas-sussidjarja tagħha GLS għall-pakki express. Għalhekk il-miżuri inkwistjoni jistgħu jwasslu għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.1.4.   Il-konklużjoni dwar il-preżenza tal-għajnuna

(153)

Fid-dawl ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li kemm is-sostenn għall-pensjoni kif ukoll il-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn fil-pjan ta’ ristrutturar jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

5.2.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(154)

Billi d-derogi previsti fl-Artikolu 107(2) tat-Trattat u l-Artikolu 107(3)(a)(b) tat-Trattat b’mod ċar ma japplikawx, il-Kummissjoni se tevalwa sa liema punt is-sostenn għall-pensjonijiet u l-miżura għat-tnaqqis tad-dejn jistgħu jkunu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

(155)

Ir-Renju Unit ma invokax l-Artikolu 106(2) tat-Trattat bħala ġustifikazzjoni għall-kompatibilità tal-għajnuna mogħtija lill-RMG.

5.2.1.   Il-kompatibilità tas-sostenn għall-pensjonijiet bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ pensjonijiet li jintirtu skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat

(156)

Il-Kummissjoni se tevalwa jekk is-sostenn għall-pensjonijiet jistax ikun iddikjarat kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, li jistipula li għajnuna li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi tista’ tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq intern fejn din l-għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa tali punt li tmur kontra l-interess komuni.

(157)

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mas-suq intern jekk l-għajnuna tikkontribwixxi biex jintlaħaq objettiv ta’ interess komuni (30), tkun neċessarja biex jintlaħaq dan l-objettiv (31), u ma tkunx se taffettwa daqstant ħażin lill-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa tali punt li tmur kontra l-interess komuni.

(158)

Is-servizzi postali jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-Unjoni. Il-ftuħ gradwali tas-servizzi postali għall-kompetizzjoni, li beda fil-livell tal-Unjoni fl-1998, ġab żieda fil-kwalità, effiċjenza akbar u rispons aħjar għall-utenti. Il-ftuħ tas-suq ippermetta it-twaqqif ta’ suq intern għas-servizzi postali. Għalhekk ikkontribwixxa biex jitwaqqaf l-għan tas-suq intern stipulat fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(159)

Madankollu, matul il-proċess ta’ liberalizzazzjoni, l-operatur preċedenti jista’ jsofri minn żvantaġġ kompetittiv minħabba li jkun imtaqqal bi “spejjeż li jintirtu”, jiġifieri l-ispejjeż li ġejjin minn obbligi li ttieħdu qabel il-bidu ta’ ftuħ is-suq, u li issa ma jistgħux jiġu onorati taħt l-istess kundizzjonijiet f’ambjent ta’ suq kompetittiv minħabba li l-operatur storiku m’għadx għandu l-kapaċità li jgħaddi l-ispejjeż korrispondenti lill-konsumaturi.

(160)

Il-Kummissjoni għarfet fil-prattika tagħha ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li t-tranżizzjoni gradwali minn sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fil-qofol tagħha ristretta għal waħda ta’ kompetizzjoni ġenwina fil-livell tal-Unjoni għandha sseħħ taħt kundizzjonijiet ekonomiċi aċċettabbli (32). Għalhekk, hija aċċettat f’numru ta’ deċiżjonijiet li Stati Membri jagħtu għajnuna mill-Istat biex isostnu lill-operatur storiku f’parti tal-obbligazzjonijiet ta’ pensjoni “li jintirtu” (33).

(161)

Fid-deċiżjoni tagħha rigward l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-EDF (34), il-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mill-Istat li ħelset lill-EDF minn obbligazzjonijiet ta’ pensjonijiet speċifiċi li ssuperaw lil dawk li rriżultaw minn arranġamenti ġenerali tal-irtirar u li kienu ġew definiti matul il-perjodu ta’ monopolju. Il-Kummissjoni ddikjarat li dawn l-obbligazzjonijiet ma kinux fin-natura tagħhom daqshekk differenti mill-ispejjeż mhux rekuperabbli fis-settur tal-elettriku (35), u li l-għajnuna sabiex ikun hemm kumpens għall-ispejjeż eċċessivi tal-pensjoni se tkun ttrattata bl-istess mod bħal kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ddikjarat li l-istess approċċ għandu jiġi applikat fl-analiżi ta’ każijiet simili fil-futur.

(162)

Fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Ottubru 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil La Poste (36), il-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mill-Istat li ħelset La Poste minn obbligazzjonijiet ta’ pensjonijiet speċifiċi li ssuperaw lil dawk li rriżultaw minn arranġamenti ordinarji tal-pensjoni u li kienu ġew definiti matul il-perjodu ta’ monopolju. Dawn il-piżijiet irriżultaw, l-ewwel nett, mill-kontribuzzjonijiet ogħla tal-pensjoni pagabbli fir-rigward ta’ impjegati bi status ta’ ħaddiem taċ-ċivil u, fit-tieni lok, mir-rekwiżit sabiex ikun żgurat l-ekwilibriju tal-iskema ta’ rtirar tagħha għal dawn l-impjegati.

(163)

Il-Kummissjoni osservat li l-miżuri kienu limitati għal dak li kien strettament neċessarju sabiex ikunu stabbiliti l-istess kondizzjonijiet għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar jiffavorixxu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u ta’ aktar liberalizzazzjoni fis-settur postali. Hija osservat ukoll, billi ħadet parallel mad-Deċiżjoni tal-EDF, li La Poste ma baqgħetx timpjega ħaddiema taċ-ċivil u li l-ħlasijiet tal-pensjonijiet futuri ta’ La Poste poġġewha f’sitwazzjoni paragunabbli vis-à-vis l-kompetituri tagħha rigward il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

(164)

Fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Jannar 2012 dwar is-sussidji għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-impjegati taċ-ċivil fid-Deutsche Post (37), il-Kummissjoni vverifikat, b’konformità mad-Deċiżjoni dwar La Poste, jekk il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, mħallsa minn Deutsche Post kinux ekwivalenti għal dawk ta’ kompetituri privati. Il-Kummissjoni sabet li, minbarra s-sussidji tal-pensjoni, Deutsche Post kienet ibbenefikat wkoll minn żidiet apposta għaliha fil-prezzijiet tal-bolla għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-impjegati taċ-ċivil. Meta tittieħed din l-eżenzjoni supplementari, Deutsche Post effettivament ħallset b’mod sinifikanti anqas kontribuzzjonijiet soċjali mill-kompetituri privati f’ċerti oqsma tas-suq. Għalhekk il-Kummissjoni ddikjarat is-sussidji għall-pensjoni bħala parzjalment inkompatibbli mas-suq intern u ordnat lill-Ġermanja biex tirkupra s-sehem inkompatibbli tas-sussidji għall-pensjoni.

(165)

Fid-deċiżjoni tagħha fl-istess jum dwar il-BPost (38), il-Kummissjoni sabet li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-BPost biex tinħeles mill-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet tal-impjegati taċ-ċivil bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, billi hija eżentat biss lil Bpost mill-spejjeż tal-pensjonijiet li jintirtu mingħajr mal-kumpanija tpoġġiet f’pożizzjoni aktar favorevoli mill-kompetituri tagħha rigward il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-Kummissjoni vverifikat li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali imħallsa mill-Belgian Post kienu ekwivalenti għal dawk tal-kompetituri privati.

(166)

Hemm ċerti paralleliżmi bejn il-każ ta’ RMG u ġurisprudenza preċedenti.

(167)

L-ewwel nett, il-każijiet kollha jinvolvu riskju ekonomiku materjali u jinvolvu obbligazzjonijiet mhux limitati: L-RMG terfa’ r-riskju ekonomiku ta’ skema tal-pensjonijiet li toħroġ minn monopolju pubbliku li jintiret tal-RMG. L-operaturi postali l-oħra kellhom riskju ekonomiku simili qabel ma ġew meħlusa mill-obbligazzjonijiet tagħhom, u kienu żvantaġġati bl-istess mod meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom. Il-każijiet kollha jikkonċernaw lill-benefiċjarji tal-għajnuna b’mod ekwivalenti minħabba li l-arranġamenti tal-pensjonijiet tagħhom kienu differenti b’mod sostanzjali mill-arranġamenti tal-pensjonijiet tal-kompetituri.

(168)

It-tieni, bħall-każijiet preċedenti, il-Kummissjoni tqis li fin-nuqqas ta’ kwalunkwe intervent mill-Istat li jeħles lill-RMG minn għallinqas parti mill-obbligazzjonijiet ta’ pensjoni, RMG ma tkunx kapaċi tikkompeti fuq il-merti tagħha mal-kompetituri. Wara kollox, jekk l-RMG titħalla bid-defiċit tal-pensjoni, dan iwasslha għall-falliment tagħha. Kif imsemmi fil-premessa 29, l-RMG uriet fit-tmiem is-sena finanzjarja tal-2010/2011 assi operattivi negattivi fil-karta bilanċjali tagħha. Anke wara l-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan ta’ ristrutturar, l-RMG baqgħet b’obbligazzjonijiet netti ta’ mill-inqas GBP 2 000 miljun mingħajr sostenn għad-defiċit tal-pensjonijiet.

(169)

Madankollu, hemm xi fatturi li jiddistingwu l-każijiet preċedenti minn dan il-każ.

(170)

L-ewwel nett, l-arranġamenti tal-pensjonijiet tar-Renju Unit huma differenti b’mod sinifikanti minn dawk fi Stati Membri oħra. Il-maġġoranza tal-iskemi tal-pensjoni marbuta max-xogħol huma ‘mogħtija b’kuntratt’ bħala parti mill-arranġamenti tal-pensjonijiet tal-Istat magħrufa bħala l-Iskema ta’ Pensjonijiet tal-Istat Relatati mal-Qligħ. Ħafna mill-entitajiet li jħaddmu ħafna nies għandhom l-iskemi tal-pensjoni tagħhom stess. Skont il-liġi tal-pensjonijiet tar-Renju Unit, dawn l-iskemi għandhom jipprovdu dritt għal pensjoni li jilħaq ċerti standards, u dawk li jimpjegaw għandhom ċerti obbligi li jiżguraw li l-iskemi jkunu ffinanzjati b’mod xieraq. Skont l-istandards ta’ kontabbiltà attwali (IAS), min iħaddem għandu jniżżel id-defiċits f’dawn l-iskemi tal-pensjoni fuq il-karti bilanċjali tiegħu.

(171)

F’dan ir-rigward, l-RMPP huwa fil-prinċipju simili għal fondi tal-pensjonijiet ta’ kompetituri privati. L-unika differenza bejn l-RMG u l-kompetituri tinsab fil-fatt li l-livell tal-obligazzjonijiet tal-pensjonijiet – u għalhekk id-defiċit tal-RMPP – intlaħaq minn termini u kondizzjonijiet li ġew maqbula matul il-perjodu ta’ monopolju u skont l-istatus tal-ħaddiema taċ-ċivil.

(172)

Barra minn hekk, it-termini u l-livelli ta’ spejjeż soċjali oħra (pereżempju l-kontribuzzjonijiet għall-arranġament tal-pensjoni tal-Istat, il-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjonijiet tas-saħħa u kontra l-qgħad) ma jvarjawx bejn l-impjegati tal-RMG u l-impjegati tal-kompetituri privati.

(173)

Fl-aħħarnett, RMG se tibqa’ responsabbli fil-futur għall-obbligazzjonijiet dovuti ġodda kif ukoll għall-obbligazzjonijiet ġodda minħabba żieda fil-benefiċċji dovuti ta’ qabel tal-impjegati attwali bħala riżultat ta’ żidiet fil-pagi futuri lil hinn mill-inflazzjoni. Dan ifisser li l-RMG se tkompli ġġorr l-istess livell ta’ spejjeż tal-pensjonijiet għad-drittijiet tal-pensjonijiet dovuti ġodda. Is-sostenn innotifikat għall-pensjoni għalhekk se jnaqqas biss l-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet storiċi sad-data tas-sostenn tal-pensjoni tal-1 ta’ April 2012, filwaqt li l-RMG tibqa’ għal kollox responsabbli għal kwalunkwe defiċit li jista’ jinqala’ minn drittijiet ġodda tal-pensjonijiet dovuti wara s-sostenn għall-pensjonijiet tal-1 ta’ April 2012.

(174)

Dawn id-differenzi jiġġustifikaw aġġustament lill-approċċ li ttieħed f’każijiet preċedenti biex tiġi evalwata l-kompatibilità tal-miżura inkwistjoni u biex jittieħed kont tal-partikolaritajiet tal-arranġamenti tal-pensjonijiet tar-Renju Unit. Fil-każijiet preċedenti, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali (per eżempju l-kontribuzzjoni tal-assigurazzjoni soċjali għall-pensjoni, għas-saħħa, u kontra l-qgħad) ntużaw bħala valur referenzjarju, iżda dan mhuwiex propizju għall-każ attwali.

(175)

L-ewwel nett, billi l-RMG terfa’ – minbarra l-ispejjeż għall-pensjonijiet – l-istess livell ta’ spejjeż bħal kompetituri ta’ assigurazzjonijiet soċjali oħra (per eżempju it-termini ta’ ffinanzjar għal assigurazzjonijiet tas-saħħa u kontra l-qgħad ma jvarjawx minn dawk tal-kompetituri), għandha ssir valutazzjoni komparattiva dwar l-iffinanzjar tal-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet. Għandu jiġi żgurat li l-RMG tkun fl-istess pożizzjoni bħall-kompetituri fir-rigward tal-obbligi tagħhom dwar il-finanzjament tal-fondi tal-pensjonijiet.

(176)

It-tieni, fil-każijiet preċedenti, il-Kummissjoni approvat livell tal-għajnuna li permezz tiegħu l-ispejjeż soċjali futuri tal-operatur postali jkunu limitati skont ir-rati tal-kontribuzzjonijiet soċjali tal-kompetituri. Ir-riforma tar-Renju Unit ma tmurx daqshekk ‘il bogħod iżda tħalli lill-RMG ir-responsabbilità kollha finanzjarja għal xi defiċit li jirriżulta minn drittijiet tal-pensjonijiet dovuti ġodda. Għalhekk, il-paragun għandu jsir abbażi tal-obbligazzjonijiet ta’ pensjonijiet dovuti tal-RMG dakinhar li jseħħ is-sostenn għall-pensjonijiet fl-1 ta’ April 2012.

(177)

It-tielet, mhuwiex faċli li wieħed isib valur referenzjarju wieħed għal-livell ta’ spejjeż għall-pensjonijiet tal-kompetituri għaliex il-benefiċċji tal-pensjoni offruti mill-fondi tal-pensjonijiet ivarjaw minn kumpanija għal oħra. Kull fond tal-pensjoni għandu arranġamenti mal-kumpaniji li jikkontribwixxu. L-aktar, il-paragun jista’ jsir abbażi tal-medja ta’ fondi komparabbli tal-pensjoni.

(178)

Għalhekk, il-Kummissjoni se tevalwa jekk l-RMG, bħala riżultat tas-sostenn għall-pensjonijiet, hix se titqiegħed f’sitwazzjoni paragunabbli vis-à-vis l-kompetituri tagħha u kumpaniji oħra tar-Renju Unit fir-rigward tal-obbligazzjonijiet għad-defiċit tal-pensjonijiet dovuti.

(179)

Fir-rigward tal-kumment ta’ Deutsche Post li l-valutazzjoni għandha tieħu kont tal-firxa tal-ispejjeż tal-pensjonijiet li ġew mgħoddija permezz ta’ żieda fil-prezzijiet irregolati tal-bolla, il-Kummissjoni rrevediet id-deċiżjonijiet tar-regolatur postali tar-Renju Unit dwar l-ipprezzar. Il-Kummissjoni tara li, fil-każ tal-RMG l-ispejjeż tal-pensjonijiet kienu mqassma ndaqs bejn oqsma differenti tan-negozju tal-RMG skont prinċipji għall-allokazzjoni tal-ispejjeż li huma ġeneralment aċċettati. Dan ifisser li kemm is-servizzi rregolati mill-prezz kif ukoll is-servizzi l-oħra f’kompetizzjoni refgħu is-sehem xieraq tad-defiċit tal-pensjonijiet. Għalhekk mhuwiex veru li fil-każ tal-RMG il-prezzijiet irregolati ffinanzjaw sehem sproporzjonat mill-ispejjeż tal-pensjonijiet għall-benefiċċju ta’ oqsma tan-negozju mhux irregolati mill-prezz. Ir-regolatur postali tar-Renju Unit żgura li l-oqsma kollha ta’ negozju tal-RMG jkunu b’mod ugwali u proporzjonali ikkontribwew għall-finanzjament tad-defiċit tal-RMPP, u ma jkunux tqiegħdu f’pożizzjoni aħjar mill-kompetituri.

(180)

Il-Kummissjoni l-ewwel se tevalwa l-argument tar-Renju Unit li d-defiċit attwali tal-RMPP jista’ jiġi totalment mifdi għax l-ammont tal-obbligazzjonijiet li huma dovuti għal intitolamenti aktar ġenerużi li l-RMPP offra lill-membri tiegħu jaqbżu l-iżbilanċ attwali.

(181)

Ir-Renju Unit issottometta studju biex isostni l-affermazzjoni tiegħu li id-defiċit tal-pensjonijiet kien ikkawżat minn obbligazzjonijiet tal-pensjoni għoljin b’mod anormali. Dan l-istudju jistima li l-livell ta’ obbligazzjonijiet anormali tal-iskema tar-Royal Mail hija ta’ GBP 12,7 biljun meta mqabbla mal-obbligazzjonijiet li kieku kienu jirriżultaw minn fond ta’ pensjoni li joffri benefiċċji tal-pensjoni skont il-minimu statutorju. L-ammont ta’ GBP 6,9 biljun ta’ obbligazzjonijiet anormali jirriżulta meta mqabbel mal-medja tar-Renju Unit tal-obbligazzjonijiet tal-fond tal-pensjoni. Billi, bħal fiż-żewġ każijiet, dawn l-obbligazzjonijiet kieku jkunu ogħla mid-defiċit attwali ta’ GBP 4,5 biljun, ir-Renju Unit qed jgħid li l-eżenzjoni totali mid-defiċit tal-pensjonijiet huwa ġġustifikat.

(182)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tiċħad il-paragun mal-minimu statutorju għaliex id-dejta mogħtija dwar l-iskemi tal-pensjonijiet medji tar-Renju Unit turi biċ-ċar li l-maġġoranza tal-iskemi tal-pensjonijiet tar-Renju Unit joffru benefiċċji li jmorru lil hinn sew mill-minimi statutorji.

(183)

It-tieni, il-Kummissjoni tqis li l-paragun ipptrovdut mal-iskemi medji tal-pensjoni għandu jkun rivedut b’mod kritiku minħabba li l-elementi differenti ta’ tqabbil juru gradi differenti ta’ kwalità u affidabilità.

(f'biljuni GBP)

 

 

L-ispejjeż marbuta mal-iskema medja tal-pensjoni

1

L-età tal-irtirar ta’ 60 tal-RMPP meta mqabbla mal-età medja tal-irtirar ta’ 63,5 snin

3,5

2

Benefiċċji tas-sensja

0,5

3

Rivalutazzjoni tal-pensjoni diferita għall-impjegati li telqu s-servizz qabel l-1991

1,1

4

Żidiet għall-pensjonijiet maħruġa għas-servizz ta’ qabel l-1997

1,9

 

It-TOTAL

6,9

(184)

Mqabbel mal-età tal-irtirar ta’ 60 sena tal-RMPP, l-età medja tal-irtirar kienet ta’ 63,5 snin fl-iskemi tas-settur privat madwar ir-Renju Unit matul il-perjodu bejn l-1990 u l-2010. Id-differenza fl-ispejjeż tal-pensjoni ta’ GBP 3,5 biljun hija kkalkulata fuq dejta affidabbli.

(185)

Il-benefiċċji tas-sensja ta’ GBP 0,5 biljun skont l-RMPP huma karatteristika mhux tas-soltu għall-iskemi tas-settur privat u huma identifikati bħala spejjeż tal-pensjonijiet li jmorru lil hinn minn dawk tal-arranġamenti ġenerali tal-pensjoni.

(186)

Għall-membri tal-iskemi tal-pensjonijiet tar-Renju Unit li telqu s-servizz attiv qabel l-1991, l-iskemi tal-pensjoni mhumiex meħtieġa li jipprovdu żidiet għall-inflazzjoni fuq il-benefiċċji kollha tagħhom fil-perjodu bejn it-tluq mill-impjieg u l-irtirar. Madankollu, l-RMPP jipprovdi żidiet inflazzjonarji fuq il-benefiċċji kollha għal dawn il-membri. Ir-Renju Unit ma kienx kapaċi jipprovdi n-numri eżatti tal-iskemi tas-settur privat li joffru wkoll rivalutazzjoni diferita għall-pensjonijiet ta’ dawk li spiċċaw qabel l-1991, iżda assigura lill-Kummissjoni li l-maġġoranza ċara tal-iskemi ma tipprovdix rivalutazzjoni bħal din. Fil-kalkolu tal-obbligazzjonijiet anormali ta’ GBP 1,1 biljun, huwa preżunt mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti li 75 % tal-iskemi kollha fis-settur privat ma joffrux tali benefiċċji addizzjonali.

(187)

Kuntrarju għall-RMPP, il-pensjonijiet akkumulati qabel l-1997 m’għandhomx ġeneralment il-ħtieġa li jiżdiedu ladarba l-benefiċċji għall-irtirar ikunu bdew jitħallsu lill-membru rispettiv tal-iskema. Madankollu, 36 % tal-iskemi tas-settur privat jiggarantixxu żidied skont l-inflazzjoni kif tagħmel l-RMPP. L-iskemi l-oħra tas-settur privat ma joffrux żidiet garantiti tal-istess kobor, iżda kienet prattika komuni fil-passat li l-maġġoranza ta’ dawn l-iskemi kienu jiddeċiedu, fid-diskrezzjoni tagħhom, żidiet li kienu viċin iż-żidiet garantiti. L-espert tar-Renju Unit jiddubita kemm din il-prattika tista’ tkompli fil-futur għaliex bħalissa anki l-iskemi privati qegħdin f’defiċit u jistgħu jiddeċiedu li jaqtgħu ż-żidiet skont id-diskrezzjoni. L-ipejjeż li jintirtu ikkalkulati għal GBP 1,9 biljun jiddependu b’mod sensittiv fuq suppożizzjonijiet dwar l-imġiba ġejjiena tal-iskemi tas-settur privat u għalhekk huma l-stima l-inqas b’saħħitha mill-erba punti dwar l-ispejjeż li jintirtu.

(188)

Kif ir-Renju Unit nniffsu jammetti, l-analiżi dwar l-ispejjeż li jintirtu meta mqabbla ma’ valur referenzjarju medju hija neċessarjament ikkaratterizzata minn ċertu marġini ta’ approssimazzjoni minħabba d-diversità tal-iskemi tal-pensjonijiet tar-Renju Unit u n-nuqqas ta’ dejta ddettaljata għal valutazzjoni komparattiva li tmur lura 20-30 sena. Filwaqt li r-Renju Unit jikkunsidra li l-istimi tal-erba’ punti bbażati fuq l-esperjenza tal-espert tagħhom jitqiesu raġonevoli, ir-Renju Unit jinnota madankollu li l-livell ta’ kunfidenza u l-livell ta’ dejta esterna li twieżen dan, ivarjaw skont il-punt.

(189)

Il-Kummissjoni tqis li l-istimi tal-ispejjeż li jintirtu dwar l-età tal-irtirar u l-benefiċċji tas-sensja huma affidabbli minħabba li huma kkalkolati abbażi ta’ dejta oġġettiva. Konsegwentement, il-Kummissjoni tinnota, bħala riżultat intermedjarju tal-valutazzjoni tagħha, li d-dejta pprovduta mir-Renju Unit dwar l-anormalità tal-obbligazzjonijiet tal-pensjoni jipprovdu biżżejjed evidenza li tiġġustifika s-sostenn (parzjali) għad-defiċit tal-pensjoni ġaladarba l-għajnuna kienet limitata għall-ispejjeż li jintirtu li rriżultaw minn dawn iż-żewġ punti.

(190)

Madankollu, dwar il-punti l-oħra, il-kobor tal-anormalità tiddependi b’mod sensittiv fuq l-assunzjonijiet magħmula mill-espert. Għalkemm il-Kummissjoni tagħraf li l-RMPP offriet benefiċċji aktar ġenerużi minn skemi medji tas-settur privat, huwa diffiċli biex jiġu kkwantifikati b’mod eżatt.

(191)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li għalkemm l-istudju sottomess tal-espert huwa bbażat fuq ipoteżijiet raġonevoli fir-rigward tal-anormalità li tirriżulta minn età ta’ rtirar bikrija u mill-benefiċċji tas-sensja, huwa jbati minn nuqqas (storiku) ta’ dejta dwar sorsi oħra ta’ anormalità u għalhekk ma jistax jitqies affidabbli biżżejjed biex jiġġustifika s-sostenn sħiħ tad-defiċit tal-pensjoni tal-RMPP.

(192)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li s-sostenn totali tad-defiċit tal-pensjonijiet jpoġġi lil RMG f’pożizzjoni aħjar fir-rigward tal-kompetituri tagħha u ta’ kumpaniji oħrajn tar-Renju Unit dwar l-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet tagħha. Tabilħaqq, meta wieħed iħares lejn id-defiċit tal-pensjonijiet ta’ 100 kumpanija mniżżla fl-FTSE (39), li jidher fuq il-karti bilanċjali tagħhom, il-maġġoranza vasta ta’ dawn il-kumpaniji bi profil komparabbli għall-RMG, attwalment għandhom defiċits tal-pensjoni minħabba żieda fit-tul tal-ħajja tal-membri fuq l-iskemi tal-pensjoni u l-kundizzjonijiet negattivi tas-swieq tal-ishma.

(193)

Sabiex jintgħelbu dawn id-diffikultajiet fil-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni ħarset lejn il-medja tad-defiċit tal-pensjoni ta’ kumpaniji bi profil simili għal dik tal-RMG.

(194)

Ir-Renju Unit qed jipproponi li l-proporzjon tad-defiċit tal-pensjoni għal EBITDA (= Qligħ qabel l-Imgħax, it-Taxxa, id-Deprezzament u l-Amortizzazzjoni) jipprovdi kejl tal-piż relattiv tal-obbligazzjonijiet tal-pensjoni u l-abbiltà ta’ kumpanija biex tiffinanzja tali obbligazzjonijiet. Ir-Renju Unit ippreżenta l-aħħar dejta ta’ kontabbiltà disponibbli mill-2011 dwar id-defiċits tal-pensjoni u ta’ EBITDA għal 100 kumpanija mniżżla fl-FTSE. Il-Kummissjoni tikkunsidra li fuq medja, il-100 kumpanija mniżżla fl-FTSE juru defiċit tal-pensjoni li jammonta għal [16 sa 23 %] tal-EBITDA.

(195)

F’kuntrast, id-defiċit tal-pensjoni ta’ RMG hu konsiderevolment ogħla mill-EBITDA tagħha – pereżempju meta mkejjel fir-rigward tal-EBITDA tal-2011 –id-defiċit tal-pensjoni tal-RMG jammonta għal aktar minn 12-il darba tal-EBITDA tagħha. Minħabba li l-posta bħala negozju hija xogħol ta’ ħidma intensiva ħafna, l-RMG hija partikolarment esposta għad-defiċits tal-pensjoni li żdiedu mill-iskemi ta’ benefiċċju definiti li l-RMG daħlet għalihom fil-perjodu ta’ qabel il-liberalizzazzjoni. Meta mqabbla ma’ kumpaniji oħra bi profil simili, l-RMG hija għalhekk f’qagħda finanzjarja agħar fir-rigward tal-abbiltà tagħha biex tkopri d-defiċits tal-pensjoni minn dħul kontinwu.

(196)

Il-Kummissjoni tqis li l-proporzjon tad-defiċit tal-pensjoni ma’ EBITDA jipprovdi parametru referenzjarju raġjonevoli għad-defiċit tal-pensjonijiet li huwa ġeneralment meqjus mill-kumpaniji tar-Renju Unit bi profil simili għall-RMG. L-għajnuna mogħtija biex issostni l-obbligazzjonijiet anormali tal-pensjonijiet tal-RMG jistgħu għalhekk jitqiesu bħala kompatibbli ġaladarba l-RMG tniżżel, wara l-għoti tal-għajnuna, l-obbligazzjoni fuq il-karta bilanċarja tagħha li hija komparabbli ma’ defiċit tal-pensjoni li kumpanija tar-Renju Unit ta’ daqs simili ġeneralment kieku tniżżel fil-karta bilanċjarja tagħha. Jekk jintużaw bħala parametru l-100 kumpanija imniżżla fl-FTSE, li juru obbligazzjoni medja għad-defiċit tal-pensjoni ta’ [16 sa 23 %] tal-EBITDA tagħhom, l-RMG għandha wkoll iżżomm obbligazzjoni għad-defiċit tal-pensjoni li hija ugwali għal [16 sa 23 %] tal-EBITDA tagħha. Dan il-mod, is-sostenn għall-pensjonijiet se jkun limitat għal dawk l-ispejjeż tal-pensjoni li kumpaniji komparabbli tas-settur privat ma jkunux ġeneralment assumew.

(197)

Ir-Renju Unit ikkalkula għall-RMG il-proporzjon tad-defiċit tal-pensjoni mal-EBITDA abbażati x’EBITDA wettqet l-RMG fl-2011. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa żball li tintuża l-EBITDA tal-2011 minħabba li l-EBITDA tal-2011 hija partikolarment baxxa minħabba d-diffikultajiet operattivi u finanzjarji tal-RMG.

(198)

Bħala valur referenzjarju għad-defiċit tal-pensjoni, il-Kummissjoni tara għaldaqstant li huwa aktar xieraq li tintuża l-medja pproġettata tal-EBITDA matul il-perjodu bejn l-2010 u l-2015 biex tieħu kont tal-fatt li l-profitti tal-RMG huma mistennija li jiżdiedu fis-snin li ġejjin. Billi l-medja tal-EBITDA hija stmata li tammonta għal GBP […] miljun, id-defiċit tal-pensjoni li l-RMG għandha żżommu fuq il-karta bilanċjali tagħha wara s-sostenn għall-pensjoni jammonta għal GBP 150 miljun.

(199)

Sabiex ikun ivvalutat b’mod korrett l-impatt fuq il-karta bilanċjali tal-RMG, huma meħtieġa aktar kjarifiki:

(i)

Billi l-valutazzjoni komparattiva hija magħmula fil-livell ta’ skopertura totali ta’ kumpanija għad-defiċit tal-pensjoni tagħha, id-defiċit ta’ GBP 150 miljun bħala valur referenzjarju għandu jinftiehem li jinkludi d-defiċits tal-iskemi tal-pensjonijiet kollha li l-RMG attwalment tiffinanzja;

(ii)

Il-valur referenzjarju ta’ GBP 150 miljun jirrappreżenta l-obbligazzjonijiet totali tal-RMG għad-defiċits tal-pensjonijiet storiċi akkumulati fid-data tas-sostenn għall-pensjoni fl-1 ta’ April 2012 skont ir-regoli ġeneralment aċċettati tal-IAS.

Konklużjonijiet

(200)

Il-Kummissjoni tqis li, biex is-sostenn tal-pensjoni jkun ikkunsidrat bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, irid ikun limitat b’tali mod li l-RMG tibqa’ responsabbli għad-defiċit tal-pensjoni li huwa konformi mad-defiċit medju tal-pensjoni li l-kumpaniji tar-Renju Unit bi profil komparabbli jniżżlu fuq il-karti bilanċarji tagħhom. Għalhekk, jekk jittieħed id-defiċit medju tal-pensjoni ta’ 100 kumpanija mniżżla fl-FTSE bħala valur referenzjarju, is-sostenn għall-pensjoni skont l-Artikolu 107(3)(c) bħala kumpens għall-ispejjeż tal-pensjonijiet għandu jkun limitat b’tali mod li l-RMG fid-data tas-sostenn għall-pensjoni tal-1 ta’ April 2012 iżżomm l-obbligazzjoni ta’ GBP 150 miljun fuq il-karta bilanċjarja tagħha għad-defiċits akkumulati mill-iskemi tal-pensjonijiet li l-RMG tiffinanzja.

(201)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tara li, kuntrarju għall-każijiet preċedenti, is-sostenn għall-pensjoni mhux se jaffettwa l-ispejjeż kontinwi tal-pensjoni tal-RMG ladarba s-sostenn għall-pensjoni huwa ristrett għad-defiċit tal-pensjoni storika dovut sad-data tas-sostenn għall-pensjoni tal-1 ta’ April 2012. Billi l-RMPP ingħalaq għall-membri ġodda fil-31 ta’ Marzu 2008 u membri attivi attwali tal-RMPP qablu dwar tnaqqis fil-benefiċċji tal-pensjoni tagħhom, l-iskopertura definita tal-benefiċċju tal-RMG se tonqos tul iż-żmien. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-RMG ma tista’ jirċievi l-ebda għajnuna fil-futur bħala kumpens għall-ispejjeż li jintirtu fir-rigward tal-obbligazzjonijiet tal-pensjonijiet li jakkumulaw wara l-31 ta’ Marzu 2012 għall-Membri ta’ RMPP.

(202)

Il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kondizzjonijiet se tiżgura li s-sostenn għall-pensjoni ma jpoġġix lill-RMG f’pożizzjoni aħjar minn kompetituri rigward l-obbligazzjonijiet għad-defiċits dovuti tal-pensjoni u l-ħlas tal-ispejjeż kontinwi tal-pensjoni.

5.2.2.   Il-kompatibilità tal-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn skont il-Linji Gwida ta’ R & R

(203)

Skont il-Linji Gwida ta’ R & R, sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, trid tkun konformi mal-kriterji tal-kompatibilità elenkati fis-sezzjoni 3.2.2 ta’ dawn il-Linji Gwida:

Eliġibbiltà

(204)

Il-Linji Gwida ta’ R&R iqisu impriża f’diffikultà meta ma tkunx tista’, kemm jekk permezz tar-riżorsi proprji tagħha jew bil-fondi li tkun tista’ tikseb mill-proprjetarji/azzjonisti jew kredituri tagħha, twaqqaf it-telf li, mingħajr intervent minn barra tal-awtoritajiet pubbliċi, żgur jikkundannawha għall-falliment fin-negozju. Il-Linji Gwida ta’ R&R jelenkaw wkoll xi sinjali tas-soltu ta’ kumpaniji bħal dawn, bħalma huma dejn dejjem jiżdied jew jonqos jew l-ebda valur nett tal-assi.

(205)

Kif diġà stabbilit fis-sezzjoni 3.4 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, l-RMG hija kumpanija f’diffikultà kif definit fis-sezzjoni 2.1 tal-Liniji Gwida ta’ R&R; għaliex l-RMG turi s-sintomi tas-soltu ta’ kumpanija ta’ din ix-xorta: eż. valur nett negattiv ta’ madwar GBP 3 000 miljun fuq il-karta bilanċjarja tiegħu f’Marzu 2011, tnaqqis fid-dħul ta’ 3 % mill-2008 sal-2011, u likwidità negattiva qabel l-imgħax ta’ madwar GBP […] miljun fis-sena finanzjarja 2011/2012.

(206)

Għalkemm is-sostenn għall-pensjonijiet, li l-Kummissjoni tqis bħala għajnuna kumpatibbli għall-kumpens tal-ispejjeż li jintirtu tal-pensjoni skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, sa ċertu punt huwa limitat u għalhekk l-RMG se żżomm GBP 150 miljun fuq il-karta bilanċjarja tagħha, se jnaqqas l-obbligazzjonijiet tal-RMG u jtejjeb il-likwidità tagħha, però d-diffikultajiet finanzjarji tal-RMG mhux se jissolvew. Anke wara s-sostenn għall-pensjonijiet, il-flussi tal-flus mistennija tal-RMG qabel l-imgħax jibqgħu negattivi, jew kemm kemm pożittivi. Fi kwalunkwe każ, l-RMG mhux se tkun tiflaħ tħallas lura l-faċilitajiet tad-dejn tagħha ta’ GBP […] miljun meta jagħlaq iż-żmien li jridu jitħallsu fi […]. Fl-istess vena, għalkemm il-karta bilanċjarja hi mistennija li turi assi netti ta’ GBP […] miljun wara s-sostenn tal-pensjonijiet, l-RMG mhux se tilħaq klassifikazzjoni tal-kreditu għolja biżżejjed biex tkun tista’ tiġbor fondi mis-swieq finanzjarji.

(207)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-RMG tikkwalifika bħala “ditta f’diffikultà” fi ħdan it-tifsira tal-Linji Gwida ta’ R&R u għalhekk hija eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturar.

Il-Pjan ta’ ristrutturar u l-kisba mill-ġdid tal-vijabbiltà

(208)

Skont il-punti 34-37 tal-Linji Gwida ta’ R&R; l-għoti tal-għajnuna għandu jkun kondizzjonali fuq l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar approvat mill-Kummissjoni u li għalih l-Istat Membru impenja ruħu. Il-pjan ta’ ristrutturar jrid janalizza bir-reqqa l-problemi li wasslu għad-diffikultajiet, u jistipula l-mezzi li bihom jittreġġgħu lura l-vijabilità u s-saħħa tad-ditta fit-tul, f’għażla ta’ żmien raġonevoli. Għandu jkun żgurat li l-miżuri ta’ ristrutturar huma adattati biex jindirizzaw il-problemi tal-kumpanija u jippermettu lill-kumpanija biex timxi ’l quddiem lejn struttura ġdida li tippermettilha li tkampa bil-merti tagħha stess. It-titjib fil-vijabbiltà għandu jiġi primarjament minn miżuri interni.

(209)

Il-pjan tar-ristrutturar għandu jkun ukoll qasir kemm jista’ jkun, u jiġi bbażat fuq assunzjonijiet realistiċi rigward il-kondizzjonijiet futuri tal-operat. Il-qligħ mistenni fuq il-kapital irid ikun biżżejjed sabiex id-ditta ristrutturata tkun tista’ tikkompeti fis-suq fuq il-merti tagħha stess.

(210)

Il-pjan aġġornat ta’ ristrutturar sottomess lill-Kummissjoni mir-Renju Unit ikopri l-perijodu 2010/2015.

(211)

Tabilħaqq, l-RMG bdiet fis-sena finanzjarja 2010/2011 biex tieħu miżuri sinifikattivi sabiex tindirizza l-problemi tagħha ta’ ineffiċjenza fin-negozju tal-posta. Fl-2010 l-RMG, fuq skala mifruxa, bdiet tagħlaq iċ-ċentri tal-posta li kienu qed jaħdmu b’telf, tuża magni awtomatizzati ġodda għall-attivitajiet tagħha ta’ klassifikazzjoni u torganizza l-uffiċċji tad-dispaċċ skont il-programm ta’ effiċjenza “il-Posta ta’ Klassi Dinjija”

(212)

Barra minn hekk, fl-2010 ir-Renju Unit kien involut f’kuntatti ta’ qabel in-notifika mal-Kummissjoni sabiex jipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri previsti ta’ ristrutturar u l-ħtieġa ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

(213)

Mill-2010 ’il quddiem, l-RMG daħħlet miżuri sinifikanti ta’ ristrutturar – kif deskritt fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni – li wettqu avvanz fin-negozju postali tal-RMG. Dawn il-miżuri indirizzaw l-ineffiċjenza fl-operat tal-posta (persunal żejjed, nuqqas ta’ awtomazzjoni, għadd għoli ta’ ċentri tal-klassifikazzjoni) meta mqabbla mal-operaturi postali Ewropej oħra li diġà għamlu sforz ta’ modernizzazzjoni u kisbu sudizza finanzjarja.

(214)

Il-modernizzazzjoni operattiva proposta mill-RMG tkopri tibdiliet fl-oqsma kollha u tirriżulta f’iffrankar sinifikanti tal-ispejjeż għan-negozju. Il-modernizzazzjoni se tirriżulta f’iffrankar permezz tad-dħul ta’ teknoloġija ġdida u prassi ta’ ħidma aktar effettiva hekk kif l-RMG tvara l-operat “tal-Posta ta’ Klassi Dinjija” fin-network tal-ittri, li għandha l-għan li żżid il-produttività permezz tal-użu tal-aħjar prattiki. Il-modernizzazzjoni tal-operat hija mistennija li tirriżulta f’iffrankar ta’ GBP […] miljun (in-nett taż-żidiet fil-pagi) mill-ispiża annwali sal-2014/2015, immexxija bit-tnaqqis ta’ għadd ta’ ħaddiema[…].

(215)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-pjan aġġornat ta’ ristrutturar jindirizza b’mod xieraq in-nuqqasijiet tan-negozju postali tal-RMG u jippermetti lill-RMG biex tagħmel progress lejn struttura ġdida u sostenibbli. It-titjib tal-profitt tal-RMG ġej minn miżuri interni (pereżempju l-għeluq taċ-ċentri tal-klassifikazzjoni tal-ittri, is-simplifikazzjoni tal-proċessi interni u t-tnaqqis sinifikanti tal-ħaddiema) li jżidu l-produttività tal-RMG f’suq li qed tonqoslu t-talba għall-ittri.

(216)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li skont il-Linji Gwida ta’ R&R, il-pjan ta’ ristrutturar għandu jassigura li l-kumpanija terġa’ lura għall-vijabbiltà fuq terminu twil. Ladarba l-pjan ta’ ristrutturar juri li l-RMG diġà se tagħmel profitt biex issostni l-operazzjonijiet tagħha sa tmiem is-sena finanzjarja 2014/2015 li tintemm f’Marzu 2015, mhuwiex għalhekk meħtieġ li tiġi pprovduta għajnuna oħra wara Marzu 2015.

(217)

Għalhekk, il-vijabbiltà se terġa’ tiġi stabbilita f’perjodu ta’ ristrutturar ta’ ħames snin, li l-Kummissjoni tara bħala perjodu ta’ żmien adegwat (40). Fil-każ preżenti ma jidhirx possibbli li tinġieb f’tagħha l-vijabbiltà fuq perjodu fit-tul tal-RMG fi ħdan perjodu ta’ żmien iqsar minħabba l-firxa tar-ristrutturar – inkluża l-bidla kbira fl-operazzjonijiet tan-negozju tal-RMG, fit-tnaqqis tal-impjegati u l-għeluq ta’ għadd kbir ta’ċentri tal-posta – flimkien mal-ħtieġa li jkun żgurat il-forniment mhux interrott tal-USO.

(218)

Fir-rigward tal-assunzjonijiet dwar il-provvista u d-domanda futuri fis-swieq rilevanti, il-Kummissjoni tinnota li l-pjan għar-ristrutturar diġà jassumi ix-xenarju bażiku (ara premessa (75)) ta’ tnaqqis annwali fit-talba tal-ittri sa […]. Minħabba s-sostituzzjoni tal-ittri tradizzjonali bil-posta elettronika, il-Kummissjoni taqbel li tibbaża l-projezzjonijiet fuq it-tnaqqis sostanzjali tal-volum tal-ittri. Ir-Renju Unit ukoll ipprovda projezzjonijiet finanzjarji tal-RMG taħt xenarji aktar pessimisti kif ukoll ottimisti: Bix-xenarju pessimist, it-tnaqqis annwali tan-negozju tal-ittri jkun ta’ […] minflok ta’ […] fis-sena, filwaqt li x-xenarju ottimist jassumi t-tnaqqis annwali ta’ […] biss. Id-domanda għalhekk mistennija tonqos […] aktar malajr fix-xenarju pessimist u […] iktar bil-mod fix-xenarju ottimist milli fil-każ bażiku. Il-Kummissjoni tqis li dawn il-projezzjonijiet jipprovdu stampa realistika b’firxa wiesgħa biżżejjed ta’ riżultati (per eżempju l-volum tal-ittri wara 10 snin mistenni jaqa’ f’firxa ta’ […]. tal-volum attwali tal-RMG).

(219)

Il-pjan tan-negozju bażiku juri li l-RMG qed tistenna li tibbilanċja fi […] u tikseb redditu ta’ […] % fuq kapital investit wara Marzu 2015. Mqabbel ma’ operaturi postali fi Stati Membri oħra u operaturi privati fir-Renju Unit (41), ir-redditu mistenni tal-RMG huwa fil-marġni ta’ redditu li dawn il-kumpaniji attwalment jilħqu. Billi l-miżuri ta’ ristrutturar ser iġibu lill-RMG f’livell ta’ effiċjenza operazzjonali paragunabbli ma’ dik ta’ operaturi postali oħra, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-RMG ser, fit-tul, tiġġenera profitti fl-istess firxa bħall-oħrajn.

(220)

Fir-rigward tax-xenarju pessimist, l-RMG hija mistennija li tibbilanċja anke matul is-sena finanzjarja […] u ‘il quddiem tilħaq livell ta’ profittabilità li jiffinanzja l-operazzjonijiet tagħha u jipprovdi redditu ta’ […] fuq il-kapital investit mill-2015. L-RMG għalhekk se tilħaq ukoll vijabbiltà fit-tul taħt kundizzjonijiet tas-suq inqas favorevoli.

(221)

Fid-dawl ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-pjan għal ristrutturar huwa bbażat fuq tbassir realistiku. L-assunzjonijiet sottomessi quddiem l-iżvilupp tas-suq huma plawżibbli, u l-previżjonijiet magħmula fil-pjan ta’ ristrutturar fir-rigward tal-progress f’termini tar-riżultat globali tal-RMG għalhekk jidher kredibbli.

(222)

Wara li analizzat u vverifikat il-pjan aġġornat ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-pjan jikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti 34-37 tal-Linji Gwida ta’ R&R, u partikolarment se jġib fuq saqajha l-vijabbiltà tal-RMG skont il-Linji Gwida ta’ R&R.

Il-kontribuzzjoni proprja u l-limitazzjoni għall-minimu meħtieġ

(223)

Skont il-punti 43-45 tal-Linji Gwida ta’ R&R, l-għajnuna trid tkun limitata għall-inqas livell meħtieġ u l-benefiċjarju mistenni jagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għar-ristrutturar mir-riżorsi tiegħu proprji jew minn finanzjament kummerċjali estern. Il-Linji Gwida ta’ R&R jindikaw biċ-ċar li parti sinifikanti tal-finanzjament tar-ristrutturar trid tiġi mir-riżorsi proprji, inkluż il-bejgħ tal-assi li mhumiex essenzjali għas-sopravivenza tad-ditta u minn finanzjament estern skont it-termini tas-suq. Kontribuzzjoni bħal din trid tkun reali u trid tkun kemm jista’ jkun għolja, mill-inqas 50 % għall-kumpaniji kbar. Il-Kummissjoni tikkunsidra lill-RMG bħala impriża kbira skont l-Linji Gwida ta’ R&R.

(224)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-livell tal-ispejjeż ta’ ristrutturar meħtieġa biex jippermettu r-ristrutturazzjoni. Matul l-investigazzjoni, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew lista aktar iddettaljata tal-ispejjeż għar-ristrutturar:

(f'miljuni GBP)

 

 

2010/2015

Il-proposta tar-Renju Unit

2010/2015

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni

L-ispejjeż għar-ristrutturar tax-xogħol

 

[…]

[…]

Ħlasijiet minħabba s-sensji

[…]

 

 

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għar-rikollokament

[…]

 

 

Ħlas ta’ ammont f’daqqa eċċezzjonali

[…]

 

 

Spejjeż għar-ristrutturar tal-kapaċità

 

[…]

[…]

Tnaqqis fiċ-ċentri tal-posta

[…]

 

 

Metodi ta’ dispaċċ flessibbli

[…]

 

 

L-użu tal-klassifikazzjoni sekwenzjali awtomatizzata

[…]

 

 

Operazzjonijiet ta’ investiment oħra

[…]

 

 

Magni intelliġenti għas-sorteġġ tal-ittri

[…]

 

 

Il-klassifikazzjoni tal-pakki

[…]

 

 

Spejjeż għar-ristrutturar tal-IT

 

[…]

[…]

Is-sostenn għad-defiċit tal-pensjonijiet

 

150

150

Spejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturar tar-Royal Mail biex tissepara minn Post Office Limited

 

[…]

0

It-total

 

2,357

2,179

(225)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li mhux l-ispejjeż kollha għandhom awtomatikament jikkwalifikaw bħala spejjeż għar-ristrutturar. Skont il-Kummissjoni, l-ispejjeż għas-separazzjoni tal-POL mhumiex relatati mar-ristrutturar tan-negozju postali tal-RMG iżda pjuttost mal-privatizzazzjoni tal-RMG, u għalhekk ma jistgħux ikunu aċċettati bħala spejjeż ta’ ristrutturar eliġibbli.

(226)

Madankollu, il-Kummissjoni taċċetta l-ispejjeż kollha li huma relatati mal-programmi ta’ xogħol, ta’ kapaċità, u ta’ ristrutturar tal-IT bħala eliġibbli, għaliex huma meħtieġa għan-negozju postali tal-RMG sabiex tilħaq mal-istandards tal-industrija u taqla’ biżżejjed redditu mill-operat postali tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni taċċetta sostenn ulterjuri għad-defiċit tal-pensjoni li jifdal bħala spejjeż eliġibbli għar-ristrutturar finanzjarju sabiex terġa’ tinkiseb il-vijabbiltà fit-tul.

(227)

L-ispejjeż għar-ristrutturar huma primarjament marbuta mal-attivitajiet tal-RMG fin-negozju postali li huma ta’ importanza vitali kemm sabiex jinżamm is-servizz postali universali, kif ukoll għar-rwol tal-RMG bħala l-fornitur ta’ servizz minn fuq għal isfel għall-operaturi postali l-oħra. Kemm l-ispejjeż tax-xogħol u tar-ristrutturar tal-kapaċità jikkonċernaw biss l-isforzi ta’ mmodernizzar għaċ-ċentri ta’ klassifikazzjoni u d-dispaċċ tal-ittri lill-klijenti aħħarija (per eżempju “għall-aħħar mil” sal-klijenti). Iż-żewġ faċilitajiet huma essenzjali għall-kompetituri li jwasslu l-ittri tagħhom liċ-ċentri ta’ klassifikazzjoni sabiex jitwasslu lill-konsumatur aħħari għaliex huma nnifishom m’għandhomx netwerks għad-dispaċċ aħħari.

(228)

B’mod partikolari, l-ispejjeż għar-ristrutturar tax-xogħol jkun fihom inter alia ħlasijiet minħabba s-sensji ta’ GBP […] miljun għall-persunal li jitlaq minħabba l-għeluq taċ-ċentri ta’ klassifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tad-dispaċċ fil-beraħ; u GBP […] miljun għal ispejjeż ta’ vjaġġar u ta’ rikollokament tal-persunal li nżamm iżda li issa jaħdem f’postijiet alternattivi.

(229)

Ir-ristrutturar tal-kapaċità jikkonsisti fl-awtomazzjoni taċ-ċentri ta’ klassifikazzjoni u l-introduzzjoni ta’ metodi ġodda ta’ dispaċċ biex jintleħaq operat aktar effiċjenti. L-iktar punti importanti fl-ispiża tar-ristrutturar tal-kapaċità huma inter alia

(i)

GBP […] miljun għall-program ta’ razzjonalizzazzjoni tal-proprjetà li jnaqqas in-numru ta’ ċentri tal-posta minn 64 f’Marzu 2010 għal […] sa Marzu 2015;

(ii)

GBP […] miljun għall-implimentazzjoni ta’ metodi ta’ dispaċċ ġodda u aktar flessibbli;

(iii)

GBP […] miljun fl-investiment ta’ magni ġodda ta’ klassifikazzjoni u għall-klassifikazzjoni sekwenzjali awtomatizzata.

(230)

Il-Kummissjoni tikkonkludi għalhekk li, fid-dawl tar-rekwiżit tal-kontribuzzjoni proprja ta’ 50 % għall-kumpaniji kbar, l-għajnuna għar-ristrutturar m’għandhiex teċċedi l-ammont ta’ 50 % ta’ GBP 2 179 miljun.

(231)

Il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tal-ftuħ staqsiet ukoll jekk l-RMG hix se tagħmel kontribuzzjoni sinifikanti proprja għar-ristrutturar, kif meħtieġ fil-punt 44 tal-Linji Gwida ta’ R&R.

(232)

Bi tweġiba għat-tħassib imqajjem mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit pprovdew diversi dettalji dwar l-ammonti kkunsidrati bħala l-kontribuzzjoni proprja tal-RMG għall-ispejjeż tar-ristrutturar.

(233)

Skont l-aħħar sottomissjoni, l-RMG se tikkontribwixxi biex jiffinanzja l-ispejjeż għar-ristrutturar tal-2010 - 2015 permezz tal-bejgħ ta’ assi u ta’ fondi addizzjonali mir-rilaxx tal-kont tal-pensjonijiet miżmum minn terzi, kif ġej:

(f'miljuni GBP)

Bejgħ tal-assi

[…]

Ir-rilaxx tal-kont tal-pensjonijiet miżmum minn terzi

[…]

Kontribuzzjoni proprja totali

1,090

(234)

L-assi għall-bejgħ jinkludu l-bejgħ ta’ ishma f’kumpaniji oħra kif ukoll tal-proprjetà immobbli, li mhumiex essenzjali biex l-RMG issalva. Barra minn hekk, l-RMG biegħet jew ser tbigħ proprjetà immobbli, vetturi u tagħmir li huma essenzjali għall-operazzjonijiet, li però jistgħu jinkrew lura. Il-lista kompluta tinkludi l-partiti li ġejjin:

(i)

il-bejgħ tas-sehem ta’ 20 % li l-RMG għandha f’Camelot plc, l-operatur tal-lotterija nazzjonali tar-Renju Unit, għall-fond Kanadiż tal-pensjonijiet (OTPP) f’Ġunju 2010;

(ii)

iċ-ċessjoni ta’ Romec Services Limited f’April 2011;

(iii)

il-bejgħ jew il-bejgħ b’kiri lura, ta’ ċerti ċentri tal-posta u proprjetajiet oħra. Dan jinkludi l-bejgħ jew il-bejgħ b’kiri lura tas-siti f’Londra, bħal […]. Taħt il-programm ta’ bejgħ b’kiri lura, l-RMG neħħiet jew se tneħħi d-dritt ta’ proprjetà assoluta fuq dawn il-proprjetajiet, u ngħatat interess fi proprjetà mogħtija b’kiri għall-użu mid-donatur tal-kiri ġdid;

(iv)

il-bejgħ ta’ art żejda; kif ukoll

(v)

il-bejgħ b’kiri lura ta’ tagħmir u vetturi.

(235)

Filwaqt li l-valur tal-bejgħ li diġà ġie konkluż huwa bbażat fuq rikavati attwali minn disponiment (li jammonta sa GBP […] miljun), il-valutazzjonijiet tal-bejgħ futur huma konservattivi u bbażati fuq l-esperjenza tal-RMG fit-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ reċenti.

(236)

Aktar mezzi finanzjarji huma ġġenerati permezz tar-rilaxx tal-kont miżmum minn terzi tal-pensjonijiet tal-RMG meta sseħħ l-implimentazzjoni tas-sostenn għall-pensjoni fl-1 ta’ April 2012. Billi l-fiduċjarju tal-pensjoni mhux se jirrikjedi iktar is-sigurtà ta’ kont miżmum minn terzi, l-ammont tal-kont miżmum minn terzi se jmur lura għand l-RMG. F ‘din id-data, il-kont miżmum minn terzi tal-RMG (ta’GBP 150 miljun) huwa mistenni li jkollu imgħax akkumulat ta’GBP […] miljun (li jirriżulta f’valur totali ta’GBP […] miljun).

(237)

Wara li ġie vverifikat li l-miżuri rigward il-kontribuzzjoni proprja tal-RMG diġà ġew implimentati jew se jitlestew sa Marzu 2015 u li, kif ikkonfermat mir-Renju Unit, l-valuri tal-bejgħ huma fuq it-termini tas-suq, il-Kummissjoni tista’ taċċetta li l-ammont ta’ GBP 1 090 miljun jikkostitwixxi kontribuzzjoni proprja għall-pjan ta’ ristrutturar. Meta l-kontribuzzjoni proprja titqiegħed fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli għar-ristrutturar, il-Kummissjoni tinnota li 50 % tal-ispejjeż għar-ristrutturar huma ffinanzjati mill-kontribuzzjoni proprja mill-RMG u li r-rekwiżit tal-kontribuzzjoni proprja tal-linji gwida ta’ R&R għall-kumpaniji kbar jintleħaq.

(238)

Minħabba l-kontribuzzjoni proprja tal-RMG, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-għajnuna fil-forma ta’ miżuri għat-tnaqqis tad-dejn ta’ GBP 1 089 miljun hija limitata għall-minimu strett tal-ispejjeż meħtieġa għar-ristrutturar. Meta mqabbla man-notifika tal-bidu għal miżuri tat-tnaqqis tad-dejn ta’ GBP 1 700 miljun u GBP 200 miljun oħra bħala faċilità ta’ kreditu li jdur, l-għajnuna għar-ristrutturar fil-forma ta’ tnaqqis tad-dejn tal-aktar GBP 1 089 miljun issa hija limitata għal 50 % tal-ispejjeż meħtieġa għar-ristrutturar għall-perjodu minn Marzu 2010 sa Marzu 2015. It-tnaqqis sinifikanti fl-ammont tal-għajnuna meta mqabbel man-notifika tal-bidu jiżgura li l-RMG mhux se tispiċċa bi flus żejda wara t-tlestija tal-pjan ta’ ristrutturar f’Marzu 2015.

Il-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet bla bżonn (miżuri kompensatorji)

(239)

Skont il-punti 38-42 tal-Linji Gwida ta’ R&R, għandhom jittieħdu miżuri sabiex jittaffew kemm jista’ jkun possibbli kwalunkwe effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetituri. L-għajnuna m’għandhiex toħloq distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni. Dan normalment ifisser limitazzjoni tal-preżenza li l-impriża tista’ żżomm fis-swieq tagħha fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar. It-tnaqqis jew il-limitazzjoni obbligatorja tal-preżenza tal-kumpanija fis-suq rilevanti tirrappreżenta fattur ta’ kumpens favur il-kompetituri tagħha. Din għandha tkun proporzjonali għall-effetti ta’ distorsjoni tal-għajnuna u għall-importanza relattiva tal-impriża fis-suq jew is-swieq tagħha.

(240)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li bħalissa, abbażi tal-kundizzjonijiet regolatorji eżistenti dwar l-aċċess għan-netwerk tad-dispaċċ tagħha, l-RMG hija imsieħba fin-negozju indispensabbli għall-operaturi postali l-oħra tar-Renju Unit għaliex twassal l-ittri tal-kompetituri lill-konsumaturi “tal-aħħar mil”. Għalhekk l-RMG taqdi funzjoni essenzjali fil-ħidma tas-suq postali tar-Renju Unit li bħalissa hija bbażata primarjament fuq kompetizzjoni fuqana u mhux fuq kompetizzjoni mill-bidu sal-aħħar. Barra minn hekk, l-importanza tal-RMG fis-settur postali hija riflessa b’mod ċar mill-kummenti tal-kompetituri tagħha li jenfażizzaw il-ħtieġa ta’ RMG b’saħħitha u soda għad-dispaċċ tal-ittri minn fuq għal isfel, u b’hekk iż-żamma tas-servizz universali. Ir-ristrutturar tal-RMG se tipprovdi għalhekk benefiċċji ekonomiċi għas-settur postali kollu tar-Renju Unit u se tippermetti lill-fornituri postali kollha biex jipprovdu servizzi aħjar u aktar effiċjenti

(241)

Għalhekk, meta jkun qed jiġi determinat il-livell meħtieġ ta’ miżuri kompensatorji, il-Kummissjoni trid tqis l-irwol partikulari tal-RMG fis-settur postali tar-Renju Unit bħala servizz universali u bħala fornitur ta’ servizzi għall-operaturi postali tar-Renju Unit kollu.

(242)

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tnaqqis sinifikanti tal-għajnuna għar-ristrutturar – meta mqabbla mal-miżuri nnotifikati tal-bidu tal-għajnuna għar-ristrutturar tar-Renju Unit ta’ iktar minn GBP 1 700 miljun – se jintuża primarjament sabiex ikun żgurat it-tħaddim ta’ netwerk minn fuq għal isfel li huwa essenzjali biex jiġi salvagwardjat il-forniment permanenti tas-servizz postali universali u jiġi żgurat, fejn applikabbli skont l-Artikolu 38 tal-Att dwar is-Servizzi Postali u l-kundizzjonijiet regolatorji sussegwenti (ara hawn taħt), li jingħata aċċess għan-netwerk tat-tqassim tiegħu.

(243)

Kif spjegat fil-premessa (226), il-miżura għat-tnaqqis tad-dejn ta’ GBP 1 089 miljun tappoġġja primarjament ir-ristrutturar tas-servizzi essenzali minn fuq għal isfel tal-RMG (per eżempju ċ-ċentri ta’ klassifikazzjoni, id-dispaċċ “aħħari”). Kemm l-ispejjeż għar-ristrutturar tax-xogħol ta’ GBP […] miljun kif ukoll l-ispejjeż għar-ristrutturar tal-kapaċità ta’ GBP […] miljun jikkonċernaw biss is-servizzi minn fuq għal isfel li huma essenzjali għas-servizz universali u għan-negozju postali tal-kompetituri. Barra minn hekk l-ispejjeż tar-ristrutturar huma fil-parti l-kbira relatati mas-servizzi minn fuq għal isfel.

(244)

Fid-dawl tar-rwol ewlieni tal-RMG fid-dispaċċ tal-ittri minn fuq għal isfel li huwa vitali għall-operaturi postali tar-Renju Unit kollu, ir-ristrutturar tal-RMG jidher li kellu effett ta’ distorsjoni limitat fuq l-istruttura attwali tas-settur postali tar-Renju Unit. Ir-ristrutturar fin-netwerk minn fuq għal isfel tal-RMG se jġib servizz aktar effiċjenti u affordabbli kemm għall-pubbliku ġenerali kif ukoll għall-operaturi postali tar-Renju Unit l-oħra li jkollhom jiddependu fuq l-aċċess tan-netwerk minn fuq għal isfel tal-RMG kif stabbilit minn dispożizzjonijiet regolatorji rilevanti.

(245)

Il-Kummissjoni vverifikat li l-operaturi postali l-oħra tar-Renju Unit se jibqa’ jkollhom aċċess għan-netwerk minn fuq għal isfel tal-RMG. Ir-regolatur kompetenti – l-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet (Ofcom) – ppropona li jimponi kundizzjonijiet tal-aċċess fuq l-RMG għall-perjodu regolatorju li jmiss ta’ seba’ snin li jibda fl-1 ta’ April 2012, waqt li meħtieġ li inter alia jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin (42)

(i)

L-RMG għandha tipprovdu aċċess għal operaturi postali oħra fuq talba raġonevoli u għandha toffru tali aċċess fuq termini ġusti u raġonevoli;

(ii)

L-RMG m’għandha tiddiskrimina bl-ebda mod (43);

(iii)

L-RMG m’għandhiex tikseb vantaġġ kummerċjali inġust billi tippermetti l-aċċess għan-netwerk, u m’għandhiex tuża informazzjoni fil-pussess tagħha li bħala riżultat tagħtiha aċċess għall-benefiċċju tagħha stess;

(iv)

L-RMG għandha tiffissal-prezzijiet tal-aċċess sabiex jinżamm livell minimu ta’ marġni bejn il-prezzijiet tal-aċċess u s-servizzi bl-imnut analogi sabiex jiġi evitat li operaturi postali oħra jkunu impediti milli jikkompetu mal-RMG permezz ta’ pressjoni fuq il-marġini tal-prezzijiet.

(246)

Il-Kummissjoni tqis li dawn il-kundizzjonijiet ser effettivament jillimitaw li l-RMG teżerċita poter fis-suq u jissalvagwardjaw b’mod xieraq l-aċċess tal-kompetituri għan-netwerk tal-RMG minn fuq għal isfel. Għalhekk huma se jiżguraw li l-operaturi postali l-oħra tar-Renju Unit jistgħu jikkompetu bil-merti tagħhom fis-swieq fuqana mal-RMG, u jistgħu jżommu jew anke jespandu aktar il-preżenza qawwija tagħhom fis-suq fuqani. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala miżuri ta’ kumpens xierqa favur il-kompetituri tal-RMG, li jtaffu l-effetti negattivi tal-għajnuna.

(247)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tieħu nota li […] Ofcom se tieħu deċiżjoni fuq ir-rekwiżiti obbligatorji għall-aċċess għas-seba’ snin li ġejjin, kif stabbilit fil-proposti tagħha.

(248)

Minħabba li l-għajnuna għar-ristrutturar hija essenzjalment limitata għal dawn l-attivitajiet minn fuq għal isfel ta’ interess ġenerali kif ukoll ta’ interess għall-operaturi postali l-oħra tar-Renju Unit, u ma ttejjibx il-pożizzjoni tal-RMG fis-suq postali fuqani jew fi swieq tal-pakki express, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna għar-ristrutturar se twassal għal effetti limitati ta’ distorsjoni għad-detriment tal-kompetituri.

(249)

It-tieni, il-pjan ta’ ristrutturar jinvolvi tnaqqis sinifikanti fl-impjiegi li huwa dovut għall-bidla teknika u għall-awtomazzjoni aħjar fis-settur postali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li ġeneralment tieħu attitudni favorevoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jitkoprew l-ispejjeż soċjali tar-ristrutturar. Skont il-punt 64 tal-Linji Gwida ta’ R&R il-Kummissjoni ma għandha l-ebda oġġezzjoni a priori għal għajnuna bħal din meta hi tingħata lil kumpaniji f’diffikultà, għaliex iġġib magħha benefiċċji ekonomiċi ‘l fuq u lil hinn mill-interessi tad-ditta kkonċernata, u tiffaċilita l-bidla strutturali u tnaqqas it-tbatija.

(250)

Il-Kummissjoni tosserva li parti kbira mill-ispejjeż tar-ristrutturar tikkonsisti fi ħlasijiet minħabba s-sensji kif ukoll fi spejjeż tal-ivvjaġġar u għar-rikollokament bbażati fuq ftehimiet mat-trade union. Min-naħa l-oħra, l-għajnuna li se tingħata biex tiffinanzja dawk l-ispejjeż marbuta max-xogħol, se taġevola mhux biss lill-RMG iżda wkoll lill-impjegati mogħtija s-sensja. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li din l-għajnuna għar-ristrutturar marbut max-xogħol tiffaċilita t-tibdiliet strutturali u tnaqqas it-tbatija.

(251)

It-tielet, il-Kummissjoni tinnota li l-RMG se ċċedi lill-POL. Quddiem il-privatizzazzjoni futura tal-RMG u għalhekk b’sidien differenti għall-RMG u għall-POL, l-RMG se titlef il-kontroll dirett fuq l-operazzjonijiet ta’ bejgħ bl-imnut tal-POL, u l-pożizzjoni tagħha fis-suq se tiddgħajjef. B’mod partikolari, ta’ min jinnota li l-ftehim bejn l-RMG u l-POL huwa limitat għal 10 snin […].

(252)

Kuntrarju għas-sitwazzjoni attwali, l-RMG mhux se tgawdi aktar minn network ta’ bejgħ taħt il-kontroll dirett tagħha iżda se jkollha, bħal kwalunkwe kompetitur tagħha, tinnegozja u tikkuntratta l-attivitajiet tal-bejgħ tagħha ma’ parti terza indipendenti (pereżempju komparabbli ma’ network b’punti ta’ servizz bħal tad-DHL li huwa magħmul minn ħwienet indipendenti (pereżempju WHSmith u l-ħwienet Staples)). Għaldaqstant l-RMG, se titqiegħed fuq livell ugwali meta mqabbel mal-kompetituri tagħha u mhux se tibqa’ tibbenefika minn sjieda ta’ netwerk ta’ bejgħ stabbilit. B’mod partikolari, l-RMG mhux se tibqa’ tkun tista’ tiddeċiedi liema servizzi u prodotti oħra (pereżempju servizzi bankarji) il-POL se toffri, li jfisser li l-RMG se jitlef lieva fi swieq oħra. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li ċ-ċessjoni tal-POL se tillimita il-preżenza tal-RMG fis-suq postali tar-Renju Unit u tista’ titqies bħala miżura li ttaffi l-effett tal-għajnuna għar-ristrutturar għall-kompetituri tal-RMG.

(253)

Fid-dawl tal-effetti pożittivi li n-network minn fuq għal isfel effiċjenti tal-RMG se ġġib għall-pubbliku ġenerali, li jrid jistrieħ fuq l-RMG bħala l-fornitur tas-servizz postali universali, u għall-operaturi postali tar-Renju Unit kollha, li jeħtieġu aċċess għan-netwerk minn fuq għal isfel tal-RMG sabiex ikollhom l-ittri tagħhom imwassla lill-klijenti, kif ukoll il-fatt li sehem konsiderevoli tal-ispejjeż tar-ristrutturar huwa għall-benefiċċju tal-impjegati issensjati, u ċ-ċessjoni tal-POL, il-Kummissjoni tqis li d-distorsjonijiet kompetittivi li jirriżultaw mill-għajnuna għar-ristrutturar huma pjuttost limitati b’tali mod li l-ebda miżuri kompensatorji ulterjuri ma huma meħtieġa.

Kondizzjoni ta’ darba

(254)

Fl-aħħarnett, il-kundizzjoni ta’ darba skont il-punt 72 u ta’ warajh fil-Linji Gwida ta’ R&R hija milħuqa, peress li l-RMG fil-passat ma bbenefikatx minn għajnuniet għas-salvataġġ jew għar-ristruttuar.

Implimentazzjoni u Monitoraġġ

(255)

Skont il-punt 47 tal-Linji Gwida ta’ R&R, l-RMG trid timplimenta bis-sħiħ il-pjan tar-ristrutturar tagħha u r-Renju Unit impenja ruħu li jitwettaq dan l-obbligu. Il-Kummissjoni teħtieġ li tinżamm infurmata bil-progress tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar f’konformità mal-punti 49 u 50 tal-Linji Gwida ta’ R&R.

Konklużjoni dwar l-għajnuna ta’ ristrutturar

(256)

Il-Kummissjoni tara li l-pjan għar-ristrutturar ta’ ħames snin mill-2010 sal-2015 tal-RMG jissodisfa l-kondizzjonijiet tal-Linji Gwida ta’ R&R, u li l-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn fl-ammont ta’ GBP 1 089 miljun jikkostitwixxi għajnuna għar-ristrutturar li hija kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

6.   KONKLUŻJONI

(257)

Skont il-każistika preċedenti, il-Kummissjoni tista’ tippermetti biss għajnuna bħala kumpens għall-pensjonijiet li jintirtu sal-punt li l-benefiċjarju ma jitpoġġiex f’pożizzjoni aħjar minn kompetituri f’termini ta’ obbligi ġenerali għall-kontribuzzjonijiet għal assigurazzjonijiet soċjali.

(258)

Minħabba l-pekuljarità ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni adottat il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha għall-għajnuna li tikkumpensa għall-ispejjeż tal-pensjoni li jintirtu u wettqet paragun bejn id-defiċit tal-pensjoni attwali tal-RMG u d-defiċit tal-pensjoni li kumpaniji tar-Renju Unit ta’ daqs komparabbli ikollhom bħala medja fuq il-karta bilanċjali tagħhom.

(259)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li eżenzjoni tal-pensjonijiet jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli għal legat l-ispejjeż tal-irtirar skont l-Artikolu 107 (3) (c) tat-Trattat suġġett għal dawn iż-żewġ kondizzjonijiet:

(i)

Fid-data tas-sostenn għall-pensjoni fl-1 ta’ April 2012, l-RMG se żżomm fuq il-karta bilanċjali tagħha l-obbligazzjoni ta’ GBP 150 miljun li huwa konformi mal-medja tad-defiċit tal-pensjoni ta’ kumpaniji tar-Renju Unit komparabbli.

(ii)

L-RMG mhux se tirċievi l-ebda għajnuna bħala kumpens għall- obbligazzjonijiet tal-pensjoni li jintirtu li jakkumulaw wara l-31 ta’ Marzu 2012 għall-membri tal-RMPP.

(260)

Fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturar nnotifikata, il-Kummissjoni tikkonsidra li l-pjan ta’ ristrutturar aġġornat li jkopri l-perijodu bejn l-2010 u l-2015 huwa xieraq u suffiċjenti biex jindirizza d-diffikultajiet tal-RMG u biex ireġġa’ lura l-vijabilità fit-tul. Il-Kummissjoni tqis li l-kontribuzzjoni proprja tal-RMG għall-ispejjeż ta’ ristrutturar tillimita l-għajnuna għall-minimu strett ta’ GBP 1 089 miljun. Fid-dawl tal-benefiċċji pożittivi li r-ristrutturar jġib fl-effiċjenza tas-settur postali tar-Renju Unit kollu, il-pożizzjoni unika tal-RMG bħala l-fornitur universali ta’ servizz, is-separazzjoni tal-POL, u l-għajnuna għar-ristrutturar li tiffaċilita fil-parti l-kbira it-tnaqqis neċessarju tal-ħaddiema tal-RMG, il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna ta’ GBP 1 089 miljun ma toħolqx effetti ta’ distorsjoni li ser tkun sproporzjonata mal-effetti pożittivi tar-ristrutturar b’suċċess, tal-RMG,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-miżuri nnotifikati fir-rigward tas-sostenn għall-pensjoni li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta favur ir-Royal Mail Group jikkostitwixxu għajnuna li hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’paragrafi 2 u 3 jintleħqu.

2.   Fid-data tas-sostenn għall-pensjoni tal-1 ta’ April 2012, ir-Royal Mail Group għandha żżomm l-obbligazzjoni ta’ GBP 150 miljun fuq il-karta bilanċjarja tagħha għad-defiċits akkumulati li rriżultaw minn pjani tal-pensjoni li hija iffinanzjat.

3.   Ir-Renju Unit m’għandux jagħti għajnuna tal-Istat lir-Royal Mail Group bħala kumpens għal spejjeż li jintirtu fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet tal-pensjoni akkumulati ġodda għall-membri tar-Royal Mail Pension Plan Plan wara d-data tas-sostenn għall-pensjoni tal-1 ta’ April 2012.

Artikolu 2

Il-miżuri għat-tnaqqis tad-dejn li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta għar-Royal Mail Group, li jammonta għal GBP 1 089 miljun, jikkostitwixxi għajnuna li hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jekk il-pjan għar-ristrutturar innotifikat lill-Kummissjoni jiġi implimentat kollu kemm hu.

Artikolu 3

Ir-Renju Unit għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. L-ewwel rapport għandu jiġi mressaq fi żmien sena min-notifika ta’ din id-deċiżjoni għar-Renju Unit. Ir-rapporti sussegwenti għandhom jiġu mressqa fi żmien sena mir-rapport preċedenti, għal kemm itul il-pjan ta’ ristrutturar.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  Il-bidu tal-proċeduri tħabbar fil-ĠU C 265, 9.9.2011, p. 2.

(2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(3)  http://services.parliament.uk/bills/2010-12/postalservices.html.

(4)   “Il-Modernizzazzjoni jew it-Tnaqqis - Politiki għaż-żamma tas-servizz postali universali fir-Renju Unit; (“Modernise or Decline - Policies to maintain the universal postal service in the United Kingdom;) analiżi indipendenti tas-settur tas-servizzi postali fir-Renju Unit”, (an independent review of the UK postal services sector”), is-16 ta’ Diċembru 2008, disponibbli f’http://www.berr.gov.uk/files/file49389.pdf, aġġornata mir-rapport Hopper ta’ Diċembru tal-2008, “Is-salvazzjoni tas-servizz universali tal-posta tar-Royal Mail fiż-żmien diġitali’ (“Saving the Royal Mail’s universal postal service in the digital age’), disponibbli f’ http://www.bis.gov.uk/assets/biscore/business-sectors/docs/s/10-1143-saving-royal-mail-universal-postal-service.pdf.

(5)   ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14.

(*1)  Sigriet kummerċjali.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011)1770. L-awtorizzazzjoni kurrenti ta’ dawn il-miżuri tiskadi fil-31 ta' Marzu 2012.

(7)  L-RMPP u skemi oħrajn tar-Renju Unit sponsorjati mill-RMG ma jkoprux impjegati ta’ GLS.

(8)   ĠU L 210, 14.8.2009, p. 16.

(9)  Bbażat fuq l-aħħar stimi. L-ammont preċiż ikun jiddependi fuq movimenti fis-suq sa Marzu 2012 u jistgħu ikunu aktar jew inqas minn dan l-ammont.

(10)  L-RMG ikollha ċerti investimenti f’titoli tal-Gvern jew Depożiti ta’ Fondi ta’ Self Nazzjonali, ikklassifikati bħala assi kurrenti u ħafna drabi b’referenza bħala ‘bonds tal-gvern’. Huma suġġetti għal reġim legali speċifiku ta’ direzzjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit, taħt it-taqsima 72 tal-Att dwar l-Uffiċċju Postali tal-2000. Wara direzzjonijiet datati t-30 ta’ Jannar 2003, l-RMG qiegħdet dawn l-assi f’riżerva speċjali (“ir-Riżerva Postali”) sabiex ikunu użati biex jiffinanzjaw miżuri speċifiċi kif ordnat.

(11)   ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(12)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/204/KE tal-10 ta’ Ottubru 2007 rigward l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza b’rabta mar-riforma tal-arranġamenti ta’ finanzjament għall-pensjonijiet għall-uffiċjali tas-servizz pubbliku impjegati ma’ La Poste, (ĠU L 63, 7.3.2008, p. 16).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/145/KE tas-16 ta’ Diċembru 2005 dwar l-għajnuna tal-Istat mogħtija minn Franza lil EDF u lis-settur tal-industriji tal-elettriku u l-gass [titlu mhux uffiċjali], (ĠU L 49, 22.2.2005, p. 9).

(14)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 12.

(15)  Il-Kawża T-157/01 Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni [2004] il-Ġabra II-917.

(16)  B’referenza għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ British Energy (Il-Każ Nru C52/03, id-Deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2004, (ĠU L 142, 6.6.2005, p. 26)).

(17)   Il-Kummissjoni vs Franza, C-159/94, il-Ġabra 1997, I-5815, paragrafu 59.

(18)  Ara noti ta' qiegħ il-paġna 12 u 13.

(19)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/722/KE tal-10 ta’ Mejju 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat C 2/06 (ex N 405/05) li l-Greċja qed tippjana li timplimenta għal skema ta’ rtirar volontarju bikri tal-OTE, (ĠU L 243, 11.9.2008, p. 7).

(20)  Il-Każ C-357/07, TNT Post UK [2009] il-Ġabra I-3025.

(21)  Eż. Kawża C-301/87 Franza vs Il-Kummissjoni [1990] Ġabra I-307, il-paragrafu 41.

(22)  Kawża 173/73 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1974] Ġabra 709, il-paragrafu 13; Kawża 310/85, Deufil vs Il-Kummissjoni [1987] Ġabra 901, il-paragrafu 8; Kawża C-241/94, Franza vs Il-Kummissjoni, Ġabra I-4551, il-paragrafu 20.

(23)  C-387/92, Banco Exterior [1994] Ġabra I-877, paragrafu 13; sentenza li diġà msemmija fil-Kawża C-241/94, il-paragrafu 34

(24)  Kawża C-5/01 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni [2002]Ġabra I-1191, il-paragrafu 39

(25)  Kawża 30/59 Gezamenlijke Steenkolenmijnen f’Limburg vs L-Awtortà Għolja [1961]Ġabra 3, il-paragrafi 29 u 30; sentenza li diġà msemmija fil-kawża C-173/73, il-paragrafi 12 u 13; sentenza li diġà msemmija fil-kawża C-241/94, il-paragrafi 29 u 35; Kawża C-251/97 Franza vs Il-Kummisssjoni [1999] Ġabra I-6639, il-paragrafi 40, 46 u 47. u l-Kawżi Konġunti C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P Comitato Venezia vuole vivere vs Il-Kummissjoni [2011] Ġabra I-0000, il-paragrafi 90 sa 96.

(26)  Id-Deċiżjoni La Poste (ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 12), il-premessa 141, u l-Linji Gwida R&R (ara n-nota f’qiegħ il-paġna 11), il-premessa 63.

(27)  Kawża T-20/03, Kahla v il-Kummissjoni [2008] Ġabra II-2305, il-paragrafi 194 sa 197. Ara wkoll sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat-22 ta’ Awwissu 2011 fil-kawża E-14/10, Konkurrenten.no AS vs l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, għadha mhux ippubblikata, il-paragrafu 86.

(28)  Kawża-342/96, Spanja vs il-Kummissjoni (Fogasa) [1999] Ġabra I-2459, il-paragrafi 31-34; Kawża-256/97, Déménagements-Manutention Transport (DMT), [1999] Ġabra I-3913, il-paragrafu 24; Kawża T- 152/99, Hijos de Andres de Molina SA (HAMSA) vs il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-3049, il-paragrafu 166.

(29)  Kawża T-214/95, Het Vlaamse Gewest vs il-Kummissjoni, [1998] Ġabra II-717.

(30)  Kawża T-162/06 Kronoply vs Il-Kummissjoni [2009] Ġabra II-1, speċjalment paragrafi 65, 66, 74 u 75.

(31)  Kawża T-187/99 Agrana Zucker und Stärke vs Il-Kummissjoni, [2001] Ġabra II-1587, il-paragrafu 74; Kawża T-126/99, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-2427„ il-paragrafi 41 sa 43; Kawża C-390/06, Nuova Agricast [2008] Ġabra I-2577, il-paragrafi 68 u 69.

(32)  Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija tal-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mal-ispejjeż li ma ġewx irkuprati, ittra tal-Kummissjoni SG (2001) D/290869 tas-6.8.2001.

(33)  Id-Deċiżjoni 2005/145/KE dwar għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza lil EDF u lill-industriji tal-elettriku u tal-gass (ara n-nota f’qiegħ il-paġna 13); Id-Deċiżjoni 2008/208/KE rigward l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Franza f’dak li jikkonċerna r-riforma tal-metodu ta’ finanzjament għall-pensjonijiet tal-uffiċjali tas-servizz pubbliku impjegati ma’ La Poste (ara n-nota f’qiegħ il-paġna); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/944/KE dwar ir-riforma tal-metodu ta’ finanzjament għall-iskema tal-pensjonijiet tal-RATP (Għajnuna mill-Istat C 42/07 (ex N 428/06)) li Franza qed tippjana li timplimenta fir-rigward tal-RATP; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 fil-każ C 25/2008 dwar ir-Réforme du mode de financement des retraites des fonctionnaires de l’Etat rattachés à France Télécom, għadha mhix ippubblikata.

(34)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.

(35)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta ma’ spejjeż mhux rekuperabbli, adottata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Lulju 2001.

(36)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

(37)  Għadha mhix ippubblikata, ara l-istqarrija għall-Istampa IP/12/45 u MEMO/12/37 tal-25 ta’ Jannar 2012.

(38)  Għadha mhix ippubblikata, ara l-istqarrija għall-Istampa IP/12/45 u MEMO/12/38 tal-25 ta’ Jannar 2012.

(39)  L-indiċi FTSE 100 huwa indiċi ta’ ishma ta’ 100 kumpanija tar-Renju Unit l-aktar kapitalizzati li huma elenkati fil-Borża ta’ Londra.

(40)  Ukoll f’każijiet preċedenti, il-Kummissjoni aċċettat perjodi għar-ristrutturazzjoni ta’ 5 snin jew aktar, eż. fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ Austrian Airlines, ĠU L 59, 9.3.2010, p. 1, partikolarment fil-paragrafu 296 (perijodu ta’ ristrutturazzjoni ta’ 6 snin).

(41)  Ir-Renju Unit issottometta dejta għall-valutazzjoni komparattiva dwar il-profittabilità ta’ operaturi postali oħra fir-Renju Unit u fl-Ewropa.

(42)  Notifika Statutorja ta’ proposti sabiex tkun imposta kundizzjoni regolatorja skont l-Att tas-Servizzi Postali tal-2011; ara l-Anness 12 tal-konstultazzjoni ta’ Ofcom dwar “Ir-Reviżjoni tal-kundizzjonijiet regolatorji – ir-regolamentazzjoni postali”, ippubblikata fit-13 ta’ Diċembru 2011.

(43)  L-RMG jista’ jitqies li iddiskrimina b’xi mod jekk b’mod inġust jiffavorixxi attività mwettqa minnu stess li tpoġġi fi żvantaġġ kompetittiv lill-operaturi postali l-oħra.


Top