EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0093

2012/93/Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Diċembru 2011 dwar il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013)

ĠU L 47, 18.2.2012, p. 25–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1314

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/93(1)/oj

18.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 47/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2011

dwar il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012-2013)

(2012/93/Euratom)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea sottomessa wara konsultazzjoni mal-Kumitat tax-Xjenza u t-Teknoloġija,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Sforzi konġunti nazzjonali u Ewropej fil-qasam tar-riċerka u t-taħriġ huma essenzjali biex jiġi promoss u żgurat it-tkabbir ekonomiku u l-benesseri taċ-ċittadini fl-Ewropa.

(2)

Il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012 - 2013), (minn hawn ’il quddiem “il-Programm Kwadru”) għandu jikkumplimenta azzjonijiet oħrajn tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika tar-riċerka li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 adottata mill-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010, b’mod partikolari dawk dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kompetittività u l-innovazzjoni, l-industrija, l-impjiegi, u l-ambjent.

(3)

Il-Programm Kwadru għandu jibni fuq il-kisbiet tas-Seba’ Programm Kwadru adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/970/Euratom tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2007 - 2011) (3), filwaqt li jinkludi enfasi msaħħa meħtieġa fuq is-sikurezza nukleari li tikkontribwixxi għall-orjentazzjoni mill-ġdid tar-riċerka nukleari. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta’ Żona Ewropea ta’ Riċerka u lejn l-iżvilupp ta’ ekonomija u soċjetà ta’ għarfien fl-Ewropa.

(4)

Il-Programm Kwadru għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 adottata mil-konklużjonijiet tal-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tal-25 u s-26 ta’ Novembru 2010, billi tittejjeb il-kompetizzjoni għall-eċċellenza xjentifika u jaċċelera t-tqiegħed ta’ innovazzjonijiet ewlenin fil-qasam tal-enerġija nukleari, notevolment fis-sikurezza tal-fużjoni u dik nukleari, u jikkontribwixxi sabiex jiġu ttrattati sfidi relatati mal-enerġija u t-tibdil fil-klima.

(5)

Fil-kuntest tal-Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa l-Kunsill Ewropew f’laqgħa tiegħu tat-8 u 9 ta’ Marzu 2007 kkonferma li hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk jiddependix jew le fuq l-enerġija nukleari u enfasizza li dan għandu jsir filwaqt li jitkompla t-titjib fis-sikurezza nukleari u l-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. Huwa rikonoxxut ukoll li l-enerġija nukleari għandha, għalissa, ir-rwol ta’ “teknoloġija li tgħaqqad” f’ċerti Stati Membri.

(6)

Minkejja l-impatt potenzjali tal-enerġija nukleari fuq il-provvista tal-enerġija u l-iżvilupp ekonomiku, inċidenti nukleari severi jista’ jkollhom il-potenzjal li jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem. Għalhekk, taħt il-Programm Kwadru, is-sikurezza nukleari u, fejn adatt, aspetti ta’ sigurtà għandhom jingħataw l-akbar attenzjoni possibbli. L-aspetti ta’ sigurtà tal-Programm Kwadru għandhom ikunu limitati għal azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC).

(7)

Il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-Pjan SET) stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill fil-28 ta’ Frar 2008, qed jaċċelera l-iżvilupp ta’ portafoll ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjoni ta’ karbonju. Il-Kunsill Ewropew qabel, fil-laqgħa tal-4 ta’ Frar 2011, li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser jippromwovu l-investiment fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, f’tekonoloġiji sikuri u sostenibbli li jużaw livell baxx ta’ karbonju u jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tat-teknoloġija stabbiliti fil-Pjan SET.

(8)

Il-Kommunità ħolqot programm ta’ riċerka uniku u kompletament integrat dwar il-fużjoni li assuma rwol internazzjonali ewlieni fl-iżvilupp tal-fużjoni bħala sors ta’ enerġija.

(9)

B’segwitu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2005, il-Komunità aderixxiet mal-Ftehim Kwadru għal kollaborazzjoni Internazzjonali ta’ Riċerka u Żvilupp tal-Forum Internazzjonali tal-Ġenerazzjoni IV (GIF) fil-11 ta’ Mejju 2006. Il-GIF jikkoordina l-kooperazzjoni multilaterali fir-riċerka dwar id-disinn prekunċettwali fuq għadd ta’ sistemi nukleari avvanzati, waqt li jimmira wkoll li jindirizza b’mod sodisfaċenti t-tħassib dwar is-sikurezza, l-iskart, il-proliferazzjoni u l-perċezzjoni pubblika fil-qasam nukleari, rilevanti għall-Programm Kwadru.

(10)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħtieġa għal ħiliet fil-qasam nukleari, adottati fil-laqgħa tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Diċembru 2008, jirrikonoxxu li huwa essenzjali li jinżamm fi ħdan il-Komunità livell għoli ta’ taħriġ fil-qasam nukleari.

(11)

Fl-2010, il-Kummissjoni rċeviet ir-rapporti finali dwar valutazzjoni esterna tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet tal-Komunità fir-riċerka nukleari matul il-perijodu 2007-2009, li tkopri azzjonijiet kemm diretti kif ukoll indiretti.

(12)

It-twettiq tar-Reattur Internazzjonali Termonuklejari Sperimentali (ITER) fl-Ewropa, f’konformità mal-Ftehim tal-21 ta’ Novembru 2006 dwar it-twaqqif tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni konġunta tal-proġett ITER (4), għandu jkun l-element ċentrali tal-attivitajiet ta’ riċerka dwar il-fużjoni taħt il-Programm Kwadru.

(13)

L-attivitajiet tal-Komunità sabiex jgħinu fit-twettiq ta’ ITER, b’mod partikolari sabiex jinbena ITER f’Cadarache u biex titwettaq ir-riċerka u l-iżvilupp tat-Teknoloġija ITER matul il-Programm Kwadru għandhom jitmexxew mill-Impriża Konġunta Ewropea għal ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fużjoni għall-Enerġija), skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għal ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li jagħtuha vantaġġi (5).

(14)

L-attivitajiet ta’ riċerka appoġġati mill-Programm Kwadru għandhom jirrispettaw prinċipji etiċi fundamentali, inklużi dawk riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi, għall-perijodu sħiħ tal-Programm Kwadru, pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, fit-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (6), għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali.

(16)

Il-JRC għandu jikkontribwixxi biex jipprovdi appoġġ xjentifiku u teknoloġiku bbażat fuq il-klijent għall-formulazzjoni, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-Unjoni b’fokus imsaħħaħ dwar ir-riċerka dwar is-sikurezza u s-sigurtà. F’dan ir-rigward, il-JRC għandu jkompli jiffunzjona bħala ċentru ta’ referenza indipendenti għax-xjenza u t-teknoloġija fl-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenza speċifika tiegħu. Il-JRC għandu, notevolment, ikollu l-kapaċità meħtieġa li jipprovdi għarfien indipendenti xjentifiku u tekniku fil-qasam tal-inċidenti u l-aċċidenti nukleari.

(17)

Id-dimensjoni internazzjonali u globali tal-attivitajiet ta’ riċerka Ewropea hija importanti bil-ħsieb li jinkisbu benefiċċji reċiproki. Il-Programm Kwadru għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi li kkonkludew il-ftehimiet meħtieġa għal dan il-għan, u għandu jkun miftuħ ukoll, fil-livell tal-proġett u fuq il-bażi ta’ benefiċċju reċiproku, għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet minn pajjiżi terzi u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika.

(18)

Il-Programm Kwadru għandu jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-Unjoni billi jipprovdi appoġġ xjentifiku u teknoloġiku lill-pajjiżi kandidati għall-implimentazzjoni min-naħa tagħhom tal-acquis tal-Unjoni u għall-integrazzjoni tagħhom fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(19)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar in-nonproliferazzjoni nukleari, tirrikonoxxi r-rwol tal-JRC fil-qasam tar-riċerka u t-taħriġ dwar is-sikurezza nukleari.

(20)

Għandhom jittieħdu wkoll miżuri adattati għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u sabiex jiġu rkuprati fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod skorrett, b’mod konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (7), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (8), u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (9).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Adozzjoni tal-Programm Kwadru

Programm kwadru pluriennali għal riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Programm Kwadru”), huwa adottat għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 2

Objettivi

1.   Il-Programm Kwadru għandu jsegwi l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(a) tat-Trattat b’konsiderazzjoni speċjali għas-sikurezza nukleari, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, filwaqt li jikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta’ Unjoni ta’ Innovazzjoni u msejjes fuq iż-Żona ta’ Riċerka Ewropea.

2.   Il-Programm Kwadru għandu jkopri riċerka, żvilupp teknoloġiku, kooperazzjoni internazzjonali, disseminazzjoni ta’ informazzjoni teknika, attivitajiet ta’ sfruttament u taħriġ tal-Komunità, li għandhom jiġu ppreżentati f’żewġ programmi speċifiċi.

3.   L-ewwel programm speċifiku għandu jkopri l-azzjonijiet indiretti li ġejjin:

(a)

riċerka dwar enerġija mill-fużjoni, bil-għan li tiġi żviluppata t-teknoloġija għal sors ta’ enerġija sikur, sostenibbli, ambjentalment responsabbli u ekonomikament vijabbli;

(b)

fissjoni nukleari, sikurezza u protezzjoni mir-radjazzjoni, bil-għan li jitjiebu s-sikurezza tal-fissjoni nukleari u użi oħrajn tar-radjazzjoni fl-industrija, fil-mediċina u fit-titjib tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv.

4.   It-tieni programm speċifiku għandu jkopri l-attivitajiet ta’ riċerka diretta taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) fil-qasam tal-ġestjoni tal-iskart, l-impatt ambjentali, is-sikurezza u s-sigurtà nukleari.

5.   L-objettivi u l-linji ġenerali taż-żewġ programmi speċifiċi huma mniżżlin fl-Anness I.

Artikolu 3

Ammont massimu u ishma assenjati lil kull programm speċifiku

L-ammont massimu għall-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru għandu jkun ta’ EUR 2 560 270 000. Dan l-ammont għandu jitqassam kif ġej:

(a)

għall-programm speċifiku, imniżżel fl-Artikolu 2(3), għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet indiretti:

riċerka tal-enerġija tal-fużjoni

EUR 2 208 809 000 (10);

fissjoni nukleari, sikurezza u protezzjoni mir-radjazzjoni

EUR 118 245 000;

(b)

għall-programm speċifiku, imniżżel fl-Artikolu 2(4) li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet diretti:

attivitajiet nukleari tal-JRC

EUR 233 216 000.

Ir-regoli dettaljati għall-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Komunità fil-Programm Kwadru huma mniżżlin fl-Anness II.

Artikolu 4

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Għal azzjonijiet tal-Komunità ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95 u (Euratom, KE) Nru 2185/96 għandhom japplikaw għal kwalunkwe ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni, inkluż il-ksur ta’ obbligu kuntrattwali taħt il-Programm Kwadru, li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku, li jkollu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew baġits immaniġġjati minnu bħala riżultat ta’ element ta’ nefqa mhux iġġustifikat.

Artikolu 5

Prinċipji etiċi fundamentali

L-attivitajiet ta’ riċerka kollha mwettqa taħt il-Programm Kwadru għandhom jitwettqu b’mod konformi ma’ prinċipji etiċi fundamentali.

Artikolu 6

Monitoraġġ, valutazzjoni u reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament u sistematikament l-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru u l-programmi speċifiċi tiegħu u tirrapporta regolarment u xxerred ir-riżultati ta’ dak il-monitoraġġ. Fil-bidu tal-2013, ser jiġi ppreżentat rapport ta’ monitoraġġ speċifiku lill-Kunsill, iddedikat għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ sikurezza u sigurtà nukleari tal-Programm Kwadru.

2.   Wara t-tlestija tal-Programm Kwadru, il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2015, tqabbad esperti indipendenti biex jagħmlu evalwazzjoni esterna tal-ġustifikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-kisbiet tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet ta’ dik l-evalwazzjoni, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KOROLEC


(1)  Opinjoni tas-17 ta’ Novembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja.

(2)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127. Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja.

(3)  ĠU L 400, 30.12.2006. p. 60.

(4)  ĠU L 358,16.12.2006, p. 62.

(5)  ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.

(6)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(8)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(9)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 8.

(10)  F’dan l-ammont totali, ser jiġi riservat finanzjament suffiċjenti għal attivitajiet minbarra l-kostruzzjoni ta’ ITER elenkati fl-Anness I.


ANNESS I

OBJETTIVI, TEMI U ATTIVITAJIET XJENTIFIĊI U TEKNOLOĠIĊI

INTRODUZZJONI

Il-Programm Kwadru huwa organizzat f’żewġ partijiet li jikkorrispondu għall-azzjonijiet “indiretti” tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni u l-fissjoni nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, u l-attivitajiet “diretti” ta’ riċerka tal-JRC.

I.A.   RIĊERKA DWAR L-ENERĠIJA MILL-FUŻJONI

Objettiv

L-iżvilupp tal-bażi ta’ għarfien għal ITER u t-twettiq tiegħu bħala pass ewlieni, lejn il-ħolqien ta’ reatturi prototip għal impjanti tal-enerġija li jkunu sikuri, sostenibbli, ambjentalment responsabbli, u ekonomikament vijabbli.

Ġustifikazzjoni

Il-fużjoni għandha l-potenzjal li tagħti kontribut kbir lejn il-kisba ta’ provvista sostenibbli u sigura tal-enerġija għall-Unjoni fi ftit deċennji minn issa. L-iżvilupp tagħha b’suċċess għandu jipprovdi enerġija sikura, sostenibbli u favur l-ambjent. Il-mira fit-tul tar-riċerka Ewropea dwar il-fużjoni, li tħaddan l-attivitajiet kollha ta’ fużjoni fl-Istati Membri u pajjiżi terzi assoċjati, hija l-ħolqien konġunt ta’ reatturi prototip għal impjanti tal-enerġija li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, u li huma ekonomikament vijabbli.

L-ewwel prijorità tal-istrateġija biex tinkiseb il-mira fit-tul hija l-kostruzzjoni ta’ ITER (faċilità esperimentali ewlenija li ser turi l-fattibbiltà xjentifika u teknika tal-enerġija mill-fużjoni), segwita mill-kostruzzjoni ta’ impjant ta’ demostrazzjoni tal-enerġija mill-fużjoni (DEMO). Il-kostruzzjoni ta’ ITER ser tkun akkumpanjata minn programm iffukat ta’ R&Ż ta’ appoġġ għal ITER u attivitajiet limitati fir-rigward tat-teknoloġija u l-fiżika meħtieġa għal DEMO.

Id-dimensjoni globali tar-R&Ż dwar il-fużjoni tinsab fil-Ftehim tal-21 ta’ Novembru 2006 fuq l-istabbiliment ta’ Organizzazjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni konġunta tal-proġett ITER u l-Ftehim bejn il-Gvern tal-Ġappun u l-Komunità għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Attivitajiet ta’ Aproċċ Usa’ fil-Qasam tar-Riċerka dwar l-Enerġija mill-Fużjoni (1).

Il-kooperazzjoni internazzjonali hija segwita wkoll fit-tmien Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni bilaterali dwar il-fużjoni fis-seħħ bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.

Attivitajiet

1.   It-twettiq ta’ ITER

Dan jinkludi attivitajiet għat-twettiq konġunt ta’ ITER, b’mod partikolari l-governanza tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ ITER u l-Impriża Konġunta Ewropea għal ITER, il-ġestjoni u l-persunal, appoġġ tekniku u amministrattiv ġenerali, il-kostruzzjoni ta’ tagħmir u stallazzjonijiet u appoġġ għall-proġett matul il-kostruzzjoni.

2.   R&Ż bi tħejjija għall-operazzjoni ITER

Programm iffukat dwar il-fiżika u t-teknoloġija ser jisfrutta it-Torus Konġunt Ewropew(JET) u strumenti oħrajn rilevanti ta’ konteniment tal-manjetiżmu ta’ ITER. Dan ser jivvaluta teknoloġiji speċifiċi ewlenin ta’ ITER, jikkonsolida għażliet ta’ proġetti ta’ ITER, u jħejji għat-tħaddim ta’ ITER.

3.   Attivitajiet limitati ta’ teknoloġija bi tħejjija għal DEMO

Ser jiġu żviluppati ulterjorment materjali ta’ fużjoni u teknoloġiji ewlenin għall-fużjoni, u ser tkompli l-ħidma tat-tim li qed iħejji l-kostruzzjoni tal-Faċilità Internazzjonali ta’ Irradjazzjoni ta’ Materjali ta’ Fużjoni (IFMIF).

4.   Attivitajiet ta’ R&Ż għall-perijodu aktar fit-tul

Ser ikun hemm attivitajiet limitati fuq kunċetti mtejba għal skemi ta’ konteniment manjetiku (iffukati fuq it-tħejjija għat-tħaddim tal-istrument stellaratur W7-X), u teorija u mudellar immirati lejn fehim komprensiv ta’ plażmas tal-fużjoni.

5.   Riżorsi umani, edukazzjoni u taħriġ

Fid-dawl tal-ħtiġijiet immedjati u fuq medda ta’ żmien medju ta’ ITER, u għall-iżvilupp ulterjuri tal-fużjoni, ser jiġu segwiti inizjattivi mmirati lejn it-taħriġ tal-“Ġenerazzjoni ITER”, f’termini ta’ numri, firxa ta’ ħiliet, u taħriġ u esperjenza fuq livell għoli.

6.   Infrastrutturi

ITER ser ikun infrastruttura ta’ riċerka ġdida b’dimensjoni Ewropea qawwija.

7.   Industrija u proċessi ta’ trasferiment tat-teknoloġija

Huma meħtieġa strutturi organizzattivi ġodda għal trasferiment b’ħeffa ta’ innovazzjonijiet derivati minn ITER lill-industrija Ewropea. Dan ser ikun il-kompitu tal-Forum dwar l-Innovazzjoni tal-Industrija tal-Fużjoni li ser jiżviluppa pjan direzzjonali għat-teknoloġija tal-fużjoni u inizjattivi għall-iżvilupp tar-riżorsi umani, b’enfasi fuq l-innovazzjoni u l-potenzjal li jiġu pprovduti prodotti u servizzi ġodda.

I.B.   FISSJONI NUKLEARI, SIKUREZZA U PROTEZZJONI MIR-RADJAZZJONI

Objettiv

L-istabbiliment ta’ bażi xjentifika u teknika soda sabiex jiġu aċċelerati l-iżviluppi prattiċi għall-ġestjoni aktar sikura ta’ skart radjuattiv b’ħajja twila, li ttejjeb b’mod partikolari s-sikurezza (2), filwaqt li tikkontribwixxi għall-effiċjenza tar-riżorsi u l-kosteffettività tal-enerġija nukleari u tiżgura sistema ta’ protezzjoni robusta u soċjalment aċċettabbli għall-bniedem u l-ambjent kontra l-effetti tar-radjazzjoni jonizzanti.

Ġustifikazzjoni

L-enerġija nukleari tikkostitwixxi element fid-dibattitu dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija importata. Fil-kuntest usa’ tas-sejba ta’ taħlita ta’ enerġija sostenibbli għall-futur, il-Programm Kwadru ser jikkontribwixxi wkoll permezz tal-attivitajiet ta’ riċerka tiegħu għad-dibatittu dwar il-benefiċċji u l-limitazzjonijiet tal-enerġija mill-fissjoni nukleari għal ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. Billi jiżguraw livelli ta’ sikurezza saħansitra ogħla, teknoloġiji nukleari aktar avvanzati jistgħu joffru wkoll il-prospett ta’ titjib sinifikanti fl-effiċjenza u l-użu tar-riżorsi u l-produzzjoni ta’ inqas skart mid-disinni attwali. L-aspetti ta’ sikurezza nukleari ser jirċievu l-akbar attenzjoni possibbli.

Għadhom meħtieġa sforzi sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tar-rekord eċċellenti tal-Komunità fir-rigward ta’ sikurezza u t-titjib tal-protezzjoni mir-radjazzjoni jkompli jkun qasam ta’ prijorità. Il-kwistjonijiet ewlenin huma s-sikurezza operattiva tar-reattur u l-ġestjoni tal-iskart b’ħajja twila, li t-tnejn li huma qed jiġu indirizzati permezz ta’ ħidma kontinwa fil-livell tekniku, għalkemm huma meħtieġa wkoll kontributi relatati politiċi u tas-soċjetà. Fl-użi kollha tar-radjazzjoni, sew fl-industrija kif ukoll fil-mediċina, il-prinċipju superjuri huwa dak tal-protezzjoni tal-bniedem u tal-ambjent. L-oqsma tematiċi kollha li ser jiġu indirizzati hawnhekk huma kkaratterizzati minn tħassib superjuri li jiġu żgurati livelli għolja ta’ sikurezza.

Tliet inizjattivi ewlenin ta’ kooperazzjoni Ewropea fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija nukleari ġew varati sa mill-bidu tas-Seba’ Programm Kwadru tal-Euratom. Dawn huma l-Pjattaforma tat-Teknoloġija tal-Enerġija Nukleari Sostenibbli (SNETP), il-Pjattaforma ta’ Implimentazzjoni tat-Teknoloġija tar-Rimi Ġeoloġiku (IGDTP) u l-Inizjattiva Multidixxiplinarja Ewropea dwar Dożi Baxxi (MELODI). L-attivitajiet kemm tal-SNETP kif ukoll tal-IGDTP jikkorrispondu mill-qrib ħafna mal-prijoritajiet tal-pjan strateġiku dwar it-teknoloġija tal-enerġija, u grupp tal-qalba ta’ organizzazzjoni tal-SNETP huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-ESNII, l-Inizjattiva Ewropea Industrijali dwar l-Enerġija Nukleari Sostenibbli. Huma jinkludu attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm Kwadru, notevolment safejn jirrigwarda s-sikurezza nukleari.

Għaldaqstant hemm interazzjoni dejjem akbar bejn l-SNETP, l-IGDTP u l-MELODI u fora oħrajn tal-partijiet interessati fil-livell tal-Unjoni, bħall-Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari (ENEF) u l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari (ENSREG), u ser jitwettqu sinerġiji ulterjuri kif adatt permezz ta’ attivitajiet tal-Programm Kwadru filwaqt li jiġi mfakkar li l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi industrijali għandhom jiġu ffinanzjati mill-industrija nnifisha.

Il-Programm Kwadru huwa kkaratterizzat minn tħassib superjuri biex jiġu promossi livelli għoljin ta’ sikurezza, b’kont meħud tal-kuntest internazzjonali. Huwa ser ikompli jappoġġa wkoll inizjattivi biex jiġi żgurat li l-faċilitajiet, it-taħriġ u l-opportunitajiet ta’ taħriġ fl-Ewropa jibqgħu adegwati fid-dawl tal-orjentazzjonijiet attwali ta’ programmi nazzjonali u fl-aħjar interessi tal-Unjoni kollha, b’mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni. Dan, aktar minn kull ħaġa oħra, ser jiżgura li tinżamm kultura adatta ta’ sikurezza.

Attivitajiet

1.   Ġestjoni ta’ skart radjuattiv aħħari

Attivitajiet ta’ riċerka orjentati lejn l-implimentazzjoni fuq l-aspetti ewlenin kollha li jifdal ta’ rimi ġeoloġiku fil-fond ta’ karburant eżawrit u skart radjuattiv b’ħajja twila u, kif adatt, demostrazzjoni tat-teknoloġiji u s-sikurezza, u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ perspettiva Ewropea komuni fir-rigward tal-kwistjonijiet ewlenin relatati mal-ġestjoni tal-iskart mir-rimi sad-disponiment.

2.   Sistemi ta’ reatturi

Riċerka biex jiġi appoġġat it-tħaddim sikur tas-sistemi ta’ reatturi kollha relevanti (inklużi faċilitajiet taċ-ċiklu tal-karburant) li qed jintużaw fl-Ewropa jew, safejn ikun meħtieġ sabiex jinżamm għarfien wiesa’ dwar is-sikurezza nukleari fl-Ewropa, dawk it-tipi ta’ reatturi li jistgħu jintużaw fil-futur, b’attenzjoni esklussiva fuq l-aspetti tas-sikurezza, inklużi l-aspetti kollha taċ-ċiklu tal-karburant bħall-qsim u t-transmutazzjoni. Il-miżuri li qed jakkumpanjawha biex jikkontribwixxu għad-dibatittu dwar taħlita ta’ enerġija sostenibbli fl-Ewropa.

3.   Protezzjoni mir-radjazzjoni

Riċerka, b’mod partikolari dwar ir-riskji minn dożi baxxi, użi mediċi u l-immaniġġjar ta’ inċidenti, sabiex tiġi pprovduta bażi xjentifika għal sistema ta’ protezzjoni robusta, ġusta u soċjalment aċċettabbli, b’kont meħud ukoll tal-konsiderazzjoni tal-benefiċċji tal-użi tar-radjazzjoni fil-mediċina u l-industrija.

4.   Infrastrutturi

Appoġġ għall-użu u d-disponibbiltà kontinwa ta’, u kooperazzjoni bejn, infrastrutturi ta’ riċerka ewlenin fl-oqsma tematiċi ta’ prijorità msemmija hawn fuq.

5.   Riżorsi umani u taħriġ

Appoġġ għaż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri ta’ kompetenza xjentifika u kapaċità umana sabiex tiġi ggarantita d-disponibbiltà ta’ riċerkaturi, inġiniera u impjegati kkwalifikati b’mod adatt fis-settur nukleari fuq perijodu aktar fit-tul.

II.   ATTIVITAJIET NUKLEARI TAĊ-ĊENTRU KONĠUNT GĦAR-RIĊERKA (JRC)

Objettiv

Il-Programm Nukleari Speċifiku tal-JRC huwa mmirat biex jissodisfa l-obbligi ta’ R&Ż tat-Trattat, b’enfasi speċjali fuq is-sikurezza nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, u biex jappoġġa kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri fl-oqsma tas-salvagwardji u n-nonproliferazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart, is-sikurezza ta’ stallazzjonijiet nukleari u ċ-ċiklu tal-karburant, ir-radjuattività fl-ambjent u l-protezzjoni mir-radjazzjoni. Il-JRC għandu jsaħħaħ aktar ir-rwol tiegħu bħala referenza Ewropea għat-tixrid tal-informazzjoni, it-taħriġ u l-edukazzjoni għall-professjonisti u x-xjenzati żgħażagħ, notevolment fl-oqsma tas-sikurezza nukleari u s-sigurtà, u l-protezzjoni mir-radjazzjoni.

Ġustifikazzjoni

Hemm ħtieġa ċara għall-iżvilupp tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenza sabiex tiġi pprovduta l-ħila esperta xjentifika avvanzata meħtieġa, indipendenti u affidabbli li tappoġġa l-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tas-sikurezza tar-reattur nukleari u ċ-ċiklu tal-karburant, u s-salvagwardji nukleari u s-sigurtà nukleari. L-appoġġ immexxi mill-klijent lejn il-politika tal-Unjoni enfasizzata fil-missjoni tal-JRC ser jiġi kkumplimentat bi rwol proattiv fi ħdan iż-Żona Ewropea ta’ Riċerka fit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ riċerka ta’ kwalità għolja f’kuntatt mill-qrib mal-industrija u korpi oħrajn u sabiex jiġu żviluppati netwerks ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u privati fl-Istati Membri.

Attivitajiet

1.

Il-ġestjoni tal-iskart nukleari u l-impatt ambjentali, ser jiffokaw fuq it-tnaqqis tal-inċertezzi u r-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet pendenti dwar ir-rimi tal-iskart, sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet effettivi għall-ġestjoni ta’ skart nukleari ta’ livell għoli li jsegwu ż-żewġ alternattivi ewlenin (rimi dirett jew tqassim u transmutazzjoni). Ser jiġu żviluppati wkoll attivitajiet li jtejbu l-fehim u l-immudellar tal-fiżika, il-kimika u l-proprjetajiet fundamentali tal-materjali tal-aktinid, u l-bażi tad-data ta’ data nukleari ta’ referenza ta’ preċiżjoni għolja, għal applikazzjonijiet ta’ enerġija nukleari u mhux nukleari (eż. mediċi). Sabiex jiġi estiż l-isforz tal-protezzjoni radjoloġika, ser jitwettaq żvilupp ulterjuri ta’ mudelli ambjentali ta’ tixrid radjuisotopu flimkien ma’ testijiet ta’ monitoraġġ f’radjuattività ambjentali b’appoġġ għall-armonizzazzjoni tal-proċess u s-sistemi ta’ monitoraġġ nazzjonali.

2.

Is-sikurezza nukleari ser tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-riċerka dwar is-sikurezza ta’ ċikli ta’ karburant, waqt li tiffoka prinċipalment fuq is-sikurezza tar-reatturi tar-reatturi attwali fl-Unjoni. Ir-riċerka ser tindirizza wkoll is-sikurezza tar-reatturi ta’ disinni innovattivi ġodda, l-aspetti ta’ sikurezza u li jissalvagwardjaw iċ-ċikli tal-karburant innovattivi, jestendu l-kombustjoni għolja jew ta’ tipi ġodda ta’ karburanti. Hija ser issegwi wkoll l-iżvilupp ta’ rekwiżiti ta’ sikurezza u metodi ta’ evalwazzjoni avvanzati għal sistemi ta’ reatturi ta’ rilevanza għas-sikurezza nukleari fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-JRC ser jikkoordina l-kontribut Ewropew għall-inizjattiva ta’ R&Ż tal-Forum Internazzjonali Ġenerazzjoni IV, billi jaġixxi bħala integratur u jxerred ir-riċerka f’dan il-qasam. Barra minn hekk, huwa ser jipprovdi ħila esperta xjentifika rigward l-inċidenti u l-aċċidenti nukleari.

3.

Is-sigurtà nukleari, ser tkompli tappoġġa it-twettiq tal-impenji tal-Komunità, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ metodi għall-kontroll tal-faċilitajiet taċ-ċiklu tal-fjuwil, l-implimentazzjoni tal-protokoll addizzjonali inkluż it-teħid ta’ kampjuni ambjentali u salvagwardji integrati, u l-prvenzjoni tad-diverżjoni ta’ materjali nukleari u radjuattivi assoċjati ma’ traffikar illeċitu ta’ tali materjali inkluża l-forensika nukleari.


(1)  ĠU L 246, 21.9.2007, p. 34.

(2)  Kwalunkwe attività ta’ riċerka dwar is-sigurtà nukleari hija koperta taħt l-intestatura II “Attivitajiet nukleari taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC)”.


ANNESS II

SKEMI TA’ FINANZJAMENT

Soġġett għar-regoli għall-parteċipazzjoni stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Programm Kwadru, il-Komunità ser tappoġġa attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku, inklużi attivitajiet ta’ demostrazzjoni fil-programmi speċifiċi, permezz ta’ firxa ta’ skemi ta’ finanzjament. Dawn l-iskemi ser jintużaw, jew weħidhom jew ma’ oħrajn, sabiex jiffinanzjaw kategoriji differenti ta’ azzjonijiet implimentati matul il-Programm Kwadru.

1.   SKEMI TA’ FINANZJAMENT FL-ENERĠIJA MILL-FUŻJONI

Fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni, in-natura partikolari ta’ tali attivitajiet teħtieġ arranġamenti speċifiċi. Ser jingħata appoġġ finanzjarju lil attivitajiet imwettqa fuq il-bażi ta’ proċeduri stipulati f’dawn li ġejjin:

1.1.

Kuntratti ta’ Assoċjazzjoni, bejn il-Kummissjoni u Stati Membri jew pajjiżi terzi assoċjati kompletament, jew bejn il-Kummissjoni u entitajiet fi ħdan Stati Membri jew pajjiżi terzi assoċjati kompletament għall-eżekuzzjoni ta’ parti mill-programm ta’ riċerka tal-Komunità dwar l-enerġija mill-fużjoni f’konformità mal-Artikolu 10 tat-Trattat;

1.2.

il-Ftehim Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-Fużjoni, ftehim multilaterali konkluż bejn il-Kummissjoni u organizzazzjonijiet fi, jew li jaġixxu għal, Stati Membri u pajjiżi terzi assoċjati biex jipprovdi, fost affarijiet oħra, qafas għal riċerka ulterjuri dwar it-teknoloġija tal-fużjoni f’organizzazzjonijiet assoċjati u fl-industrija, l-użu ta’ faċilitajiet JET u l-kontribut Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali;

1.3.

l-Impriża Konġunta Ewropea għal ITER, ibbażata fuq l-Artikoli 45 sa 51 tat-Trattat;

1.4.

ftehimiet internazzjonali bejn il-Komunità u pajjiżi terzi li jkopru attivitajiet fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp dwar l-enerġija mill-fużjoni, b’mod partikolari l-Ftehimiet dwar ITER u l-Approċċ Usa’;

1.5.

kwalunkwe ftehim multilaterali ieħor konkluż bejn il-Komunità u organizzazzjonijiet assoċjati, b’mod partikolari l-Ftehim dwar il-Mobilità tal-Persunal;

1.6.

azzjonijiet għall-qsim tal-ispejjeż sabiex tiġi promossa u jingħata kontribut għar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni ma’ korpi fi Stati Membri jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm Kwadru fejn ma jkun hemm ebda Kuntratt ta’ Assoċjazzjoni.

Minbarra l-attivitajiet imsemmija hawn fuq, jistgħu jitwettqu azzjonijiet għall-promozzjoni u l-iżvilupp tar-riżorsi umani, fellowships, inizjattivi ta’ infrastruttura integrati u azzjonijiet ta’ appoġġ speċifiċi b’mod partikolari sabiex tiġi kkoordinata r-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni, biex isiru studji b’appoġġ għal dawn l-attivitajiet u biex jiġu appoġġati pubblikazzjonijiet, skambju ta’ informazzjoni, u taħriġ sabiex jiġi promoss it-trasferiment tat-teknoloġija.

2.   SKEMI TA’ FINANZJAMENT F’OQSMA OĦRAJN

L-attivitajiet f’oqsma minbarra l-enerġija mill-fużjoni taħt il-Programm Kwadru ser jiġu ffinanzjati permezz ta’ firxa ta’ skemi ta’ finanzjament. Dawn l-iskemi ser jintużaw, jew weħidhom jew ma’ oħrajn, sabiex jiffinanzjaw kategoriji differenti ta’ azzjonijiet implimentati matul il-Programm Kwadru.

Id-deċiżjonijiet dwar programmi speċifiċi, programmi ta’ ħidma u sejħiet għal proposti ser isemmu, kif u meta adatt:

it-tip(i) ta’ skema/i użat(i) biex jiġu ffinanzjati kategoriji differenti ta’ azzjonijiet;

il-kategoriji ta’ parteċipanti (bħal organizzazzjonijiet ta’ riċerka, universitajiet, l-industrija, awtoritajiet pubbliċi) li jistgħu jibbenefikaw minnhom;

it-tipi ta’ attivitajiet (riċerka, żvilupp, demostrazzjoni, taħriġ, tixrid, trasferiment ta’ għarfien u attivitajiet oħrajn relatati) li jistgħu jiġu ffinanzjati.

Meta jkunu jistgħu jintużaw skemi ta’ finanzjament differenti, il-programmi ta’ ħidma jistgħu jispeċifikaw l-iskema ta’ finanzjament li għandha tintuża għas-suġġett li dwaru jkunu mistiedna proposti.

L-iskemi ta’ finanzjament huma kif ġej:

(a)

Biex jappoġġaw azzjonijiet li huma implimentati primarjament fuq il-bażi ta’ sejħiet għal proposti:

1.

Proġetti kollaborattivi

Appoġġ għal proġetti ta’ riċerka mwettqa minn konsorzji ma’ parteċipanti minn pajjiżi differenti, immirati biex jiżviluppaw għarfien ġdid, teknoloġija ġdida, prodotti jew riżorsi komuni għar-riċerka. Id-daqs, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-organizzazzjoni interna tal-proġetti jistgħu jvarjaw minn qasam għal ieħor u minn tema għal oħra. Il-proġetti jistgħu jvarjaw minn azzjonijiet ta’ riċerka ffukati fuq skala żgħira jew medja għal proġetti ta’ integrazzjoni akbar li jimmobilizzaw volum sinifikanti ta’ riżorsi għall-kisba ta’ objettiv iddefinit. L-appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp fil-karriera tar-riċerkaturi ser jiġi inkluż fil-pjanijiet ta’ ħidma tal-proġett.

2.

Netwerks ta’ eċċellenza

Appoġġ għal programmi ta’ riċerka konġunta implimentati minn għadd ta’ organizzazzjonijiet ta’ riċerka li jintegraw l-attivitajiet tagħhom f’qasam partikolari u mwettqa minn timijiet ta’ riċerka taħt kooperazzjoni fuq perijodu ta’ żmien aktar fit-tul. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi ta’ riċerka konġunta ser teħtieġ l-impenn formali ta’ tali organizzazzjonijiet. L-appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi ser jiġi inkluż fil-pjanijiet ta’ ħidma tal-proġett.

3.

Koordinazzjoni u azzjonijiet ta’ appoġġ

L-appoġġ għal attivitajiet biex tiġi kkoordinata riċerka ta’ koordinazzjoni jew ta’ appoġġ (netwerking, skambji, aċċess transnazzjonali għal infrastrutturi ta’ riċerka, studji, konferenzi, kontributi matul il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida, eċċ.) jew biex jiġi promoss l-iżvilupp ta’ riżorsi umani (eż. netwerking u stabbiliment ta’ skemi ta’ taħriġ). Dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu implimentati wkoll b’mezzi oħra apparti minn sejħiet għal proposti.

(b)

Biex jiġu appoġġati azzjonijiet implimentati fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill, wara proposta mill-Kummissjoni, il-Komunità ser tipprovdi appoġġ finanzjarju għal inizjattivi multifinanzjati fuq skala kbira kif ġej:

kontribuzzjoni finanzjarja għall-implimentazzjoni ta’ impriżi konġunti fuq il-bażi tal-proċeduri u d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 45 sa 51 tat-Trattat;

kontribuzzjoni finanzjarja għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi ġodda ta’ interess Ewropew.

Il-Komunità ser timplimenta l-iskemi ta’ finanzjament f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 139/2012 tad-19 ta’ Diċembru 2011 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet f’azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2012-2013) (1), f’dak li jirrigwardja r-regoli dwar il-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet, l-istrumenti rilevanti ta’ għajnuna mill-istat, b’mod partikolari l-qafas għal għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll ir-regoli internazzjonali f’dan il-qasam. F’konformità ma’ dan il-qafas internazzjonali, jeħtieġ li l-iskala u l-forma tal-parteċipazzjoni finanzjarja jiġu kkunsidrati fuq bażi ta’ każ b’każ, b’mod partikolari jekk ikun disponibbli finanzjament minn sorsi oħrajn tas-settur pubbliku, inklużi sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-Unjoni bħall-Bank Ewropew tal-Investiment.

Għal parteċipanti f’azzjoni indiretta segwita f’reġjun li jinsab lura fl-iżvilupp (reġjuni ta’ konverġenza kif definiti fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal- 11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (2), inklużi reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fondi Strutturali taħt l-objettiv ta’ Konverġenza u reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni, u r-reġjuni l-aktar imbiegħda), finanzjament kumplimentari mill-Fondi Strutturali ser jiġi mmobilizzat kull fejn ikun possibbli u adatt.

3.   AZZJONIJIET DIRETTI — ĊENTRU KONĠUNT GĦAR-RIĊERKA

Il-Komunità ser ikollha attivitajiet implimentati mill-JRC, li jissejħu azzjonijiet diretti, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/95/Euratom tad-19 ta’ Diċembru 2011 li tirrigwarda l-programm speċifiku, li għandhom jitwettqu permezz ta’ azzjonijiet diretti miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għal riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012 sa 2013) (3).


(1)  Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(3)  Ara l-paġna 40 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top