Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012B0588

2012/588/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2012 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2010

ĠU L 286, 17.10.2012, p. 246–246 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/588/oj

17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/246


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2010

(2012/588/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7-0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 tat-18 ta’ Lulju 1994 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (3), u b’mod partikulari l-Artikolu 14 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u partikolarment għall-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0117/2012),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-direttur tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni ta’ hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-Deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 45.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-PARLAMENT EWROPEW FIS-SNIN IMGĦODDIJA

L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol

2006

2007

2008

2009

Prestazzjoni

n.a.

n.a.

Jistieden lill-Aġenzija tagħmel analiżi dijakronika tal-operazzjoni mwettqin f’din is-sena u fis-snin imgħoddija

Jifraħ lill-Aġenzija talli tejbet b’mod konsiderevoli l-ġestjoni finanzjarja tagħha waqt dawn l-aħħar tliet snin; iħeġġeġ lill-Aġenzija biex tkompli timpenja ruħha biex tassigura l-ogħla kwalità f’dak li għandu x’jaqsam mal-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-kontroll baġitarji

Jistieden lill-Aġenzija li, f’tabella li għandha tiġi annessa mar-rapport li jmiss tal-Qorti tal-Awdituri, tippreżenta paragun tal-operazzjonijiet li twettqu matul is-sena li għaliha għandha tingħata l-kwittanza u dawk imwettqa matul is-sena finanzjarja preċedenti, sabiex l-awtorità ta’ kwittanza tkun tista’ tevalwa b’mod aktar effikaċi l-prestazzjoni tal-Aġenzija minn sena għal oħra;

Il-governanza tal-Aġenzija

n.a.

n.a.

Il-kostijiet tal-governanza tal-Aġenzija ma humiex żgħar (Bord ta’ Gvernaturi ta’ 84 membru li jimpjega persunal ta’ 64)

 

Approprjazzjonijiet operattivi trasferiti

Il-prinċipju baġitarju tal-ispeċifikazzjoni ma kienx ġie osservat strettament. (Id-Direttur iffirma 19-il deċiżjoni għal madwar EUR 880 000 li jawtorizzaw it-trasferimenti baġitarji minn artikolu għal ieħor fil-kapitoli. Kuntrarjament għar-Regolament Finanzjarju, il-Bord tal-Gvernaturi ma rċeviex l-informazzjoni rikjesta.

n.a.

Jitlob għall-finijiet ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, li t-tbassir tal-baġit għandu jkun aġġustat ħalli jirrifletti l-ħtiġiet attwali (il-qagħda bħalissa ma taqbilx mal-prinċipju tal-annwalità)

Jirrikonoxxi li l-Aġenzija rriportat EUR 3 500 000 (47 % tal-approprijazzjonijiet tagħha tal-operazzjoniji) f’dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet tal-operazzjonijiet. Jisħaq li din il-qagħda ddewwem l-implementazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija u li ma taqbilx mal-prinċipju tal-annwalità, li hu parzjalment dovut għall-multiannwalità tal-proġetti importanti

Jistieden lill-Aġenzija tnaqqas ir-rata akbar ta’ kanċellazzjoni u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bl-azzjonijiet meħuda

Proċeduri ta’ akkwist

n.a.

n.a.

Jistieden lill-Aġenzija ssolvi l-problema tal-użu ta’ kuntratt ta’ qafas għall-akkwist pubbliku lil hinn mill-valur massimu tiegħu, sabiex jingħata effett lil-liġi tal-baġit Ewropea

 

Riżorsi Umani u Verifiki Interni

n.a.

n.a.

Jistieden lill-Aġenzija tieħu l-passi ħalli twettaq 14 mit-33 rakkomandazzjoni magħmulin mis-Servizz Intern tal-Verifika, jinnota li sitta minnhom meqjusin importanti ħafna: jiġifieri, il-ġestjoni tal-istennijiet tal-istakeholders u l-implementazzjoni ta’ ċerti standards interni ta’ kontroll, ossija dawk li jittrattaw mal-problemi tal-faxxikli individwali, ir-rapport annwali dwar il-kontroll intern u l-promozzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll intern

Jistieden lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Aġenzija jiddeskrivi l-metodoloġija utilizzata fil-validazzjoni tas-sistema tagħha ta’ kontabilità, jappoġġja l-idea li tkun żviluppata l-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerks Inter Aġenzija tal-Accountants eżistenti ħalli jitfasslu rekwiżiti komuni u tkun żviluppata metodoloġija komuni għall-validazzjoni tal-aġenziji tas-sistemi tal-kontabilità

Jinkoraġġixxi lill-Aġenzija tirrevedi l-listi biex tqabbel l-ispeċifiċitajiet tat-tranżazzjonijiet finanzjarji differenti u tagħmilhom disponibbli għall-persunal

Jistieden lill-Aġenzija tiffinalizza l-proċeduri tagħha ta’ dokumentazzjoni

Jistieden lill-Aġenzija tipproduċi lista eżawrjenti ta’ proċessi ewlenin li għandhom jitqabblu mal-proċeduri rikjesti u li din il-lista tiġi aġġornata sistematikament


Top

17.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/247


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2012

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2010

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Frar 2012 (06083/2012 — C7-0051/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2062/94 tat-18 ta’ Lulju 1994 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (3), u b’mod partikulari l-Artikolu 14 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u partikolarment għall-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0117/2012),

A.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2010 huma affidabbli, u li l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom huma legali u regolari,

B.

billi fl-10 ta’ Mejju 2011, il-Parlament ta l-kwittanza lid-direttur tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2009 (5), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ kwittanza, inter alia:

stieden lill-Aġenzija tnaqqas ir-rata akbar ta’ kanċellazzjoni u tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bl-azzjonijiet meħuda,

stieden lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Aġenzija jiddeskrivi l-metodoloġija utilizzata fil-validazzjoni tas-sistema tagħha ta’ kontabilità, jappoġġja l-idea li tkun żviluppata l-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerks Inter Aġenzija tal-Accountants eżistenti ħalli jitfasslu rekwiżiti komuni u tkun żviluppata metodoloġija komuni għall-validazzjoni tal-aġenziji tas-sistemi tal-kontabilità;

saħaq li r-riporti ta’ EUR 3 500 000 (47 % tal-approprjazzjonijiet operattivi tal-Aġenzija) marbutin mal-attivitajiet operattivi jdewmu l-implementazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija u ma taqbilx mal-prinċipju baġitarju tal-annwalità, li huwa parzjalment minħabba fil-multiannwalità tal-proġetti importanti,

C.

billi l-baġit globali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010 kien ta’ EUR 15 500 000 li jirrappreżenta żieda ta’ 3,3 % fuq is-sena finanzjarja 2009; billi l-kontribut inizjali tal-Unjoni Ewropea għall-baġit tal-Aġenzija għall-2010 kien ta’ EUR 13 743 434 meta mqabbel ma’ EUR 13 800 000 fl-2009 (6), li jirrappreżenta żieda ta’ 0,41 %,

Il-ġestjoni tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja

1.

Ifakkar li l-kontribut inizjali tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2010 kien jammonta għal EUR 13 743 434; jinnota b’dana kollu li EUR 506 566, ġejjin mill-irkupru tal-eċċess, kien magħdud ma’ dan, li b’riżultat ta’ hekk wassal għall-kontribut totali tal-Unjoni ta’ EUR 14 250 000 għal 2010;

2.

Jistabbilixxi mill-kontijiet annwali li l-baġit oriġinarju tal-Aġenzija għall-2010 kien emendat darbtejn u li seħħew xi trasferimenti; jistieden lill-Aġenzija tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza b’informazzjoni dwar ir-raġunijiet wara dawn il-bidliet;

3.

Jirrikonoxxi mir-Rapport Annwali tal-Aġenzija (AAR) li mill-baġit disponibbli fl-2010, 96,1 % kien impenjat sa għeluq dik is-sena;

Approprjazzjonijiet riportati

4.

Jinnota titjib fl-approprjazzjonijiet riportati tal-Aġenzija matul is-snin; jinnota b’mod partikolari li fl-2010, naqqset ir-rata tagħha ta’ tħassir għal 11 % mid-19 % tal-2009; jistieden, b’dana kollu, lill-Aġenzija tissokta ttejjeb il-qagħda billi tevita d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha;

Riżorsi Umani

5.

Josserva mir-Rapport Annwali tal-Aġenzija li l-għadd totali ta’ persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010 kien ta’ 66; jinnota, barra minn hekk, li r-reklutaġġ kien magħmul minn 44 aġent temporanju (AT), 21 aġenti kontrattwali (AK) u post wieħed ta’ AK fin-Netwerking u Koordinazzjoni ffinanzjata mill-programm IPAC2;

6.

Jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-miżuri li l-Aġenzija ħadet biex twettaq l-objettivi msemmijin hawn taħt fil-Programm Annwali tal-Ħidma tagħha:

l-organizzazzjoni u l-monitoraġġ tal-proċeduri ta’ selezzjoni għall-AT u għall-AK;

il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tar-riżorsi umani jiffunzjonaw b’mod effettiv u f’waqtu;

il-ksib ta’ persunal ikkwalifikat kif imiss għalbiex l-Aġenzija tlaħħaq mal-istrateġija u l-objettivi tagħha li timplimenta l-pjani annwali tagħha ta’ ġestjoni;

Prestazzjoni

7.

Jirrikonoxxi mir-Rapport Annwali tal-Attività tagħha li l-Aġenzija tat data dettalja li tqabbel sena ma’ oħra billi jippermetti lill-awtorità ta’ kwittanza tivvaluta b’mod aktar effettiv il-prestazzjoni tal-Aġenzija; iqis dan bħala l-aħjar prattika li għandha tiġi segwita mill-Aġenziji l-oħra;

8.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-Aġenzija li tniedi “valutazzjoni minn qabel” tal-impatt li se jkollhom sal-2020 fuq is-sigurtà u s-saħħa l-innovazzjonijiet teknoloġiċi fl-impjiegi ekoloġiċi; jinnota li t-tixrid tar-riżultati ta’ dawn il-proġetti lill-udjenzi li għalihom kienu intiżi issa beda fil-Kungress Dinja u f’sensiela ta’ seminari; japprezza għalhekk jekk jirċievi l-feedback għal dawn l-inizjattivi mill-Aġenzija;

Il-verifika interna

9.

Jilqa’ l-inizjattiva tal-Aġenzija li tagħti awtomatikament lill-awtorità ta’ kwittanza r-Rapport Annwali dwar l-Awditjar Intern tal-Aġenzija mħejji mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS); iqis li dan huwa indikazzjoni ta’ trasparenza u eżempju ta’ prattika tajba li għandu jiġi segwit mill-Aġenziji l-oħra kollha; iqis li r-rapporti ta’ verifika tal-IAS spiss jgħinu l-proċessi u miżuri żviluppati aktar li jimmitigaw/jikkontrollaw ir-riskji tal-Aġenzija;

10.

Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li l-IAS bdiet segwitu għar-rakkomandazzjoni miftuħin tal-verifiki mgħoddijin; jilqa’ b’mod partikolari li f’dak li għandu x’jaqsam mas-segwitu ta’ rakkomandazzjonijiet preċedenti mill-IAS, l-awditur intern ivvaluta li r-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna kollha ġew adegwatament implementati u magħluqin għajr il-waħda dwar il-validazzjoni tas-sistemi ta’ kontabilità, li sfat downgraded għal “importanti” kaġun ta’ implimentazzjoni parzjali; jistieden, għalhekk, lill-Aġenzija timplementa bis-sħiħ din ir-rakkomandazzjoni u barra minn hekk tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-azzjonijiet meħuda;

11.

Jinnota, barra minn hekk, li l-IAS wettaq verifika dwar il-websajt u l-komunikazzjoni esterna f’Novembru 2010; jinnota b’mod partikolari li dwar din il-verifika l-IAS qanqlet seba’ rakkomandazzjonijiet, li l-ebda waħda minnhom ma tqieset "kritika" imma tnejn tqiesu bħala "importanti ħafna" u kienu marbutin mas-segwenti:

id-dokumentazzjoni dwar il-ftehim dwar il-livell ta’ servizz,

l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ sigurtà;

jistieden, għalhekk, lill-Aġenzija timplimenta mill-ewwel dawn iż-żewġ rakkomandazzjonijiet u tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-azzjonijiet meħuda;

12.

Jiġbed l-attenzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu mir-rapporti preċedenti ta’ kwittanza, kif jingħad fl-Anness ma’ din ir-riżoluzzjoni;

13.

Jirreferi, f’dan ir-rigward għall-kummenti l-oħra li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2012 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-Aġenziji.


(1)  ĠU C 366, 15.12.2011, p. 45.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 216, 20.8.1994, p. 1.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 201.

(6)  ĠU L 64, 12.3.2010, p. 507.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2012)0164 (ara l-paġna 388 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

Top