Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1202

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1202/2011 tat- 18 ta’ Novembru 2011 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 305, 23.11.2011, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1202/oj

    23.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/10


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1202/2011

    tat-18 ta’ Novembru 2011

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ ta' prodotti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li tkun inħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li ma tkunx skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tiġi invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalità tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2011.

    Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi TARIC)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Pannell bi skrin tal-kristall likwidu (LCD) [l-hekk imsejjaħ “modulu LCD”], ta’ qies djagonali ta’ madwar 66 cm (26 pulzier), li jikkonsisti f’saff ta’ matriċi attiva ta’ kristalli likwidi mqiegħed bejn żewġ folji tal-ħġieġ, immuntat b'konnekters.

    Bejn l-ewwel folja tal-ħġieġ u s-saff ta’ kristalli likwidi hemm matriċi ta’ tranżister magħmul minn pellikola rqiqa (TFT - thin film transistor) li tipprovdi l-vultaġġ adattat lill-pixels.

    Bejn is-saff tal-kristalli likwidi u t-tieni folja tal-ħġieġ hemm filtru RGB li jikkontrolla l-kuluri tal-istampa li tkun qed tintwera.

    Mal-pannell hemm imwaħħla diversi konnekters f’forma ta’ strixxi. Kull konnekter huwa magħmul minn ċirkwiti integrati żgħar ħafna (l-hekk imsejħa “source drivers IC”) fuq ċirkwiti flessibbli stampati. Is-“source drivers IC” iħallu l-kurrent jgħaddi u jikkontrollaw is-sinjali li jgħaddu minnhom, kif ukoll jaqilbu u jittrażmettu d-dejta mill-unitajiet taċ-ċirkwiti (circuit board) stampati (konnessi wara l-importazzjoni) għal kull pixel tal-matriċi attiva ta’ kristalli likwidi.

    Il-modulu jintuża fil-manifattura ta’ moniters jew ta’ apparat ta’ riċezzjoni għat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 8528 .

    8529909244

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 2(b) tat-Taqsima XVI u tal-kliem użat fil-kodiċi tan-NM 8529 , 8529 90 u 8529 90 92 u tal-kodiċi TARIC 8529909244 .

    Hekk kif il-modulu LCD jiġi mgħammar bis-"source drivers IC" li huma aktar minn sempliċi konnessjonijiet elettriċi (jiġifieri għall-provvista tal-elettriku), il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9013 bħala mezzi b'matriċi attiva ta’ kristalli likwidi hija eskluża (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 9013 (1)).

    Minħabba li l-modulu huwa magħmul minn saff ta’ kristalli likwidi TFT mqiegħed bejn żewġ folji tal-ħġieġ u huwa mgħammar b’elementi elettroniċi ta’ kontroll għall-indirizzar tal-pixels użat fil-manifattura ta’ moniters jew ta’ apparat ta’ riċezzjoni għat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 8528 , huwa kkunsidrat bħala komponent li jintuża biss jew prinċipalment flimkien mal-apparat tal-intestatura 8528 taħt il-kodiċi tan-NM 8529 90 92 .

    Għaldaqstant, dan il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi TARIC 8529909244 bħala modulu LCD li jikkonsisti biss f’ċelloli TFT tal-ħġieġ jew tal-plastik, mhux ikkombinati ma’ faċilitajiet ta’ touch screen, b’unità tad-dawl minn wara l-iskrin (backlight) jew mingħajrha, b’inverters jew mingħajrhom u b’unità waħda jew aktar ta’ ċirkwiti stampati b’elementi elettroniċi ta’ kontroll użati biss għall-indirizzar tal-pixels.


    Top