Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0381

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 381/2011 tat- 18 ta’ April 2011 li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 967/2006 fir-rigward tal-iskadenzi għall-komunikazzjoni dwar ir-riport mis-sena tas-suq 2010/11 tal-kwantitajiet taz-zokkor

    ĠU L 103, 19.4.2011, p. 5–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/381/oj

    19.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 103/5


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 381/2011

    tat-18 ta’ April 2011

    li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 967/2006 fir-rigward tal-iskadenzi għall-komunikazzjoni dwar ir-riport mis-sena tas-suq 2010/11 tal-kwantitajiet taz-zokkor

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS [Ir-Regolament dwar l-OKS Waħdieni]) (1), u partikolarment l-Artikolu 85, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (2), jistabbilixxi d-dati tal-iskadenzi sa meta l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-riport għas-sena tas-suq li jmiss tal-kwantitajiet taz-zokkor.

    (2)

    B’deroga mill-Artikolu 63(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 848/2010 (3) estenda, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni [is-sena tas-suq] 2010/2011, il-limiti taż-żmien li fihom l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu id-data tal-iskadenza għall-operaturi biex jikkomunikaw lill-Istati Membri d-deċiżjoni tagħhom dwar ir-riport tal-produzzjoni taz-zokkor żejjed.

    (3)

    B’konsegwenza ta’ dan, bl-istess mod għandhom jinbidlu id-dati tal-iskadenzi li fihom l-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006 għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet li għandhom jinġarru ’l quddiem [ir-riport tal-kwantitajiet għall-perjodu li jmiss].

    (4)

    Għaldaqstant hemm il-ħtieġa ta’ deroga, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni [is-sena tas-suq] 2010/2011, mid-dati tal-iskadenza stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-punti (a) u (b) tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 967/2006, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2011, ir-riport tal-kwantitajiet taz-zokkor tal-pitravi u z-zokkor tal-kannamiela mis-sena tas-suq 2010/2011 għas-sena tas-suq li jmiss.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Jiskadi fis-30 ta’ Settembru 2011.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ April 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 176, 30.6.2006, p. 22.

    (3)  ĠU L 253, 28.9.2010, p. 1.


    Top