EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0071

Direttiva tal-Kummissjoni 2011/71/UE tas- 26 ta’ Lulju 2011 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex il-kreożot jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 195, 27.7.2011, p. 46–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2013; Imħassar b' 32012R0528

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/71/oj

27.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/46


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2011/71/UE

tas-26 ta’ Lulju 2011

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex il-kreożot jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I għaliha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/8/KE tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ għaxar snin (10) imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan li possibbilment ikunu inklużi fl-Anness I, IA jew IB għad-Direttiva 98/8/KE. Dik il-lista tinkludi l-kreożot.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, il-kreożot ġie evalwat skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fi prodotti tat-tip 8, preservattivi tal-injam, kif iddefinit fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

(3)

L-Isvezja nħatret bħala l-Istat Membru Rapporteur u ressqet ir-rapport tal-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Ottubru 2007 skont l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007. Mir-rapport jidher li l-evalwazzjoni tkopri biss il-kreożot ta’ Grad B u ta’ Grad C kif speċifikat fl-Istandard Ewropew EN 13991:2003.

(4)

Fit-30 ta’ April 2008 tvarat konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni ġew ippubblikati u diskussi fit-tletin (30) laqgħa tar-rappreżentanti tal-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/8/KE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali.

(5)

Ir-rapport tal-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, is-sejbiet tal-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fis-17 ta’ Diċembru 2010, f’rapport ta’ valutazzjoni.

(6)

Mir-rapport ta’ valutazzjoni jidher li l-preservattivi tal-injam li fihom il-kreożot probabbilment huma mistennija li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE, meta jiġu applikati għall-injam f’uħud mix-xenarji evalwati. Barra minn hekk, kien hemm indikazzjonijiet qawwija fil-konsultazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq li hemm benefiċċji soċjo-ekonomiċi konsiderevoli meta l-kreożot jintuża f’ċerti applikazzjonijiet. L-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja sottomessa u ppubblikata fil-kuntest tal-konsultazzjoni ssuġġeriet li, f’ċerti każijiet, ma teżisti l-ebda alternattiva xierqa għall-kreożot, li tagħmel anqas ħsara lill-ambjent. Għalhekk huwa xieraq li l-kreożot jiġi inkluż fl-Anness I.

(7)

Madankollu, għal ċerti xenarji ta’ użu tal-injam ppreżentati fir-rapport ta’ valutazzjoni, fil-valutazzjoni tar-riskji ġew identifikati riskji inaċċettabbli għall-ambjent.

(8)

Barra minn hekk, il-kreożot jitqies bħala karċinoġen mingħajr valur tal-limitu u huwa kklassifikat bħala karċinoġen tal-kategorija 1B skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (3).

(9)

Il-kreożot li huwa taħlita ta’ mijiet ta’ komposti, fih l-aktar idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (polycyclic aromatic hydrocarbons, “PAHs”). Uħud minn dawn tqiesu mill-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi bħala persistenti, bijokumulattivi u tossiċi (“PBT”; antraċen (4)) jew persistenti ħafna u bijokumulattivi ħafna (“vPvB”; fluworoanten, fenantren u piren (5)) skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (6).

(10)

Il-PAHs huma elenkati bħala sustanzi soġġetti għal dispożizzjonijiet ta’ tnaqqis ta’ rilaxx fl-Anness III għall-Protokoll tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar Tniġġis tal-Arja Transkonfinali fuq Distanza Twila dwar Sustanzi Niġġiesa Organiċi Persistenti (“POPs”) u fl-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti [sustanzi niġġiesa organiċi persistenti] u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (7).

(11)

Dokument ta’ gwida adottat bid-Deċiżjoni 2009/4 tal-Korp Eżekuttiv għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar Tniġġis tal-Arja Transkonfinali fuq Distanza Twila jelenka l-aqwa tekniki disponibbli biex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet tal-POPs minn sorsi fissi ewlenin. Il-Parti E tat-Taqsima V ta’ dak id-dokument ta’ gwida tindirizza speċifikament l-emissjonijiet tal-PAHs assoċjati mal-preservazzjoni tal-injam fejn jintużaw prodotti derivati mill-qatran li fihom il-PAHs, bħalma hu l-kreożot. It-tekniki huma relatati mal-mili (impregnation), il-ħżin, l-immaniġġar u l-użu tal-injam, u jinkludu l-użu ta’ alternattivi li jimminimizzaw id-dipendenza fuq prodotti bbażati fuq il-PAHs. Tirrakkomanda wkoll l-aqwa tekniki disponibbli li għandhom jiġu applikati jekk l-injam ittrattat jinħaraq.

(12)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 li jinqara flimkien mal-Anness III għal dak ir-Regolament, l-Istati Membri huma meħtieġa jadottaw pjanijiet ta’ azzjoni inklużi miżuri li jippromwovu l-iżvilupp u, fejn iqisu xieraq, jesiġu l-użu ta’ materjali, prodotti u proċessi sostituti jew modifikati biex jipprevjenu l-formazzjoni u r-rilaxx tal-PAHs. Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 850/2004, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom, fi ħdan l-iskemi ta’ valutazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għal sustanzi kimiċi u pestiċidi eżistenti taħt il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, jieħdu miżuri xierqa biex jikkontrollaw sustanzi kimiċi u pestiċidi eżistenti li juru karatteristiċi tal-POPs.

(13)

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (8) tidentifika l-PAHs bħala sustanzi perikolużi ta’ prijorità, u li t-tniġġis tal-ilmijiet tal-wiċċ minħabba rilaxx, emissjoni jew telf tagħhom jeħtieġ li jitwaqqaf jew jitwaqqaf gradwalment.

(14)

Għalhekk huwa xieraq li l-inklużjoni tkun limitata għal ħames snin biss u li tkun soġġetta għal valutazzjoni tar-riskji komparattiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(5)(i) tad-Direttiva 98/8/KE qabel ma tiġġedded l-inklużjoni tiegħu fl-Anness I.

(15)

Barra minn hekk, il-prodotti bijoċidali li fihom il-kreożot għandhom jiġu awtorizzati biss għal applikazzjonijiet fejn, meta jkunu tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ċ-ċirkostanzi l-oħra kollha, ma jkun hemm disponibbli l-ebda alternattiva xierqa. Meta ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ prodott jew rikonoxximent reċiproku, l-Istat Membru li jirċievi l-applikazzjoni għandu għalhekk jitlob lill-applikant analiżi rigward il-fattibilità teknika u ekonomika tas-sostituzzjoni. Abbażi ta’ din l-analiżi u kwalunkwe tagħrif ieħor li jkollu disponibbli, Stat Membru li jawtorizza għandu jiġġustifika l-konklużjoni tiegħu li m’hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli u jirrapporta l-ġustifikazzjoni lill-Kummissjoni fi stadju meta jkun mistenni li l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti jkunu ngħataw. F’dan il-kuntest, sabiex tiżdied it-trasparenza, huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jinkludu fir-rapport it-tagħrif tagħhom dwar kif jiġi promoss l-iżvilupp ta’ alternattivi skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 850/2004, direttament jew inkella b’referenza għal pjan ta’ azzjoni ppubblikat. Sabiex tiżdied aktar it-trasparenza, huwa xieraq li jiġi żgurat li dan it-tagħrif ikun disponibbli għall-pubbliku.

(16)

Fil-livell tal-Unjoni ma ġewx evalwati l-użi kollha potenzjali tal-injam ittrattat bil-kreożot. Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri jivvalutaw dawk l-użi jew ix-xenarji ta’ esponiment u dawk ir-riskji għal kompartimenti u popolazzjonijiet li ma ġewx indirizzati b’mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji li saret fil-livell tal-Unjoni, u li, meta jkunu qed jagħtu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti, jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa jew li jiġu imposti kundizzjonijiet speċifiċi sabiex ir-riskji identifikati jitnaqqsu għal livelli aċċettabbli.

(17)

L-entrata numru 31 fl-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tirregola l-kundizzjonijiet għall-użu tal-kreożot fit-trattament tal-injam u għat-tqegħid fis-suq ta’ njam ittrattat bil-kreożot. Huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-prodotti bijoċidali li fihom il-kreożot ikunu soġġetti għal konformità ma’ dawk ir-restrizzjonijiet. Permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 1999/832/KE tas-26 ta’ Ottubru 1999 rigward id-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rigward il-limitazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-kreożot (9), 2002/59/KE tat-23 ta’ Jannar 2002 rigward abbozz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi taħt l-Artikolu 95(5) tat-Trattat tal-KE dwar il-limitazzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-injam ittrattat bil-kreożot (10), u 2002/884/KE tal-31 ta’ Ottubru 2002 rigward dispożizzjonijiet nazzjonali dwar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ njam ittrattat bil-kreożot innotifikati mill-Pajjiżi l-Baxxi taħt l-Artikolu 95(4) u (5) tat-Trattat tal-KE (11), il-Kummissjoni awtorizzat lill-Pajjiżi l-Baxxi biex iżomm dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti u aktar stretti nnotifikati taħt it-Trattat tal-KE [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Artikolu 67(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 67(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (12), dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jinżammu sal-1 ta’ Ġunju 2013. Dawn jinkludu projbizzjoni fuq l-użu tal-injam ittrattat bil-kreożot għal applikazzjonijiet li jinvolvu kuntatt mal-ilma tas-superfiċje jew mal-ilma ta’ taħt l-art.

(18)

Fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport ta’ valutazzjoni, huwa xieraq li, għall-prodotti li fihom il-kreożot u li jintużaw bħala preservattivi tal-injam, ikun meħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ tnaqqis tar-riskji fil-livell tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti. Minħabba l-proprjetajiet karċinoġeniċi tal-kreożot, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-prodotti bijoċidali li fihom is-sustanza jkunu soġġetti għar-rekwiżit li l-miżuri kollha possibbli skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni [esponiment] għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (is-Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (13) jiġu applikati sabiex il-ħaddiema, inklużi l-utenti tal-prodott wara li jiġi mmanufatturat, ikunu protetti mill-esponiment waqt it-trattament u l-immaniġġar tal-injam ittrattat. Fid-dawl tar-riskji identifikati għall-kompartimenti tal-ħamrija u dawk akkwatiċi, għandhom jittieħdu miżuri xierqa sabiex jiġu protetti dawk il-kompartimenti. Għandhom għalhekk jingħataw struzzjonijiet li jindikaw li l-injam li jkun għadu kif ġie ttrattat jeħtieġ li jinħażen wara t-trattament taħt għata jew fuq bażi iebsa impermeabbli, jew it-tnejn, u li kwalunkwe materjal li jiskula mill-injam jeħtieġ li jinġabar għall-użu mill-ġdid jew għar-rimi.

(19)

Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu applikati b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-prodotti bijoċidali fis-suq li fihom is-sustanza attiva kreożot u wkoll biex jiffaċilitaw l-operat kif suppost tas-suq ġenerali tal-prodotti bijoċidali.

(20)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ġodda involuti, u biex jiġi żgurat li l-applikanti li jkunu ħejjew id-dossiers ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar (10) snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skont l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda mid-data tal-inklużjoni.

(21)

Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE.

(22)

Id-Direttiva 98/8/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(23)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 98/8/KE ma tax opinjoni dwar il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva u l-Kummissjoni għalhekk issottomettiet lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri u bagħtitha lill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill ma ħax azzjoni fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn ipprovdut bl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (14), u għalhekk il-Kummissjoni ssottomettiet minnufih proposta lill-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew ma opponiex il-miżura fi żmien erba’ xhur minn meta ntbagħtet kif imsemmi hawn fuq,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   Mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2012, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Mejju 2013.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.

(3)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(4)  Dokument ta’ appoġġ tal-Kumitat tal-Istat Membru għall-identifikazzjoni tal-antraċen bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna adottat fit-8 ta’ Ottubru 2008.

(5)  Dokument ta’ appoġġ tal-Istat Membru għall-identifikazzjoni taż-żejt tal-antraċen, antraċen baxx bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna minħabba l-proprjetajiet tiegħu ta’ CMR, PBT u vPvB, adottat fl-4 ta’ Diċembru 2009.

(6)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7.

(8)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(9)  ĠU L 329, 22.12.1999, p. 25.

(10)  ĠU L 23, 25.1.2002, p. 37.

(11)  ĠU L 308, 9.11.2002, p. 30.

(12)  ĠU C 130, 9.6.2009 EN, p. 3.

(13)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50.

(14)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS

Fl-Anness I għad-Direttiva 98/8/KE għandha tiżdied l-entrata li ġejja:

“45

Kreożot

Kreożot

Nru tal-KE: 232-287-5

Nru tal-CAS: 8001-58-9

Kreożot ta’ Grad B jew ta’ Grad C kif speċifikat fl-Istandard Ewropew EN 13991:2003

fl-1 ta’ Mejju 2013.

fit-30 ta’ April 2015.

fit-30 ta’ April 2018.

8

Il-prodotti bijoċidali li fihom il-kreożot jistgħu jiġu awtorizzati biss għal użi fejn l-Istat Membru li jawtorizza, abbażi ta’ analiżi rigward il-fattibilità tas-sostitituzzjoni li għandha titlob mingħand l-applikant, kif ukoll kwalunkwe tagħrif ieħor disponibbli, jikkonkludi li m'hemm disponibbli l-ebda alternattiva xierqa. Dawk l-Istati Membri li jawtorizzaw tali prodotti fit-territorju tagħhom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2016 għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni li jiġġustifika l-konklużjoni tagħhom li m'hemm l-ebda alternattiva xierqa u li jindika kif qed jiġi promoss l-iżvilupp ta’ alternattivi. Il-Kummissjoni se tagħmel dawn ir-rapporti disponibbli għall-pubbliku.

Is-sustanza attiva għanda tkun soġġetta għal valutazzjoni tar-riskji komparattiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(5)(i) qabel ma tiġġedded l-inklużjoni tagħha f'dan l-Anness.

Meta l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott tkun qed tiġi vvalutata, skont l-Artikolu 5 u l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw, fejn rilevanti għall-prodott partikolari, dawk l-użi jew ix-xenarji ta’ esponiment u dawk ir-riskji għal kompartimenti ambjentali u popolazzjonijiet li ma ġewx indirizzati b'mod rappreżentattiv fil-valutazzjoni tar-riskji fil-livell tal-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Il-kreożot jista’ jintuża biss taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 2 tat-tieni kolonna tal-entrata Nru 31 fl-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1).

(2)

Il-kreożot ma għandux jintuża għat-trattament tal-injam maħsub għal dawk l-użi msemmija fil-punt 3 tat-tieni kolonna tal-entrata Nru 31 fl-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(3)

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa għat-taffija tar-riskji sabiex il-ħaddiema, inklużi l-utenti tal-prodott wara li jiġi mmanifatturat, jiġu protetti mill-esponiment waqt it-trattament u l-immaniġġar tal-injam ittrattat skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni [esponiment] għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (is-Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (2).

(4)

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa għat-taffija tar-riskji sabiex jiġu protetti l-kompartimenti tal-ħamrija u dawk akkwatiċi. B'mod partikolari, it-tikketti u, fejn ipprovduti, l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza tal-prodotti awtorizzati għandhom jindikaw li l-injam li jkun għadu kemm ġie ttrattat jeħtieġlu jinħażen wara t-trattament taħt għata jew fuq bażi iebsa impermeabbli, jew it-tnejn, biex ma jitħalliex li jkun hemm rilaxxi diretti fil-ħamrija jew fl-ilma, u li kwalunkwe materjal li jiskula mill-injam jeħtieġlu jinġabar għall-użu mill-ġdid jew għar-rimi.


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50.”


Top