Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0930(01)

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Settembru 2011 li jwaqqaf il-grupp ta' esperti dwar il-korruzzjoni

    ĠU C 286, 30.9.2011, p. 4–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2019

    30.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 286/4


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-28 ta’ Settembru 2011

    li jwaqqaf il-grupp ta' esperti dwar il-korruzzjoni

    2011/C 286/03

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 67(3) tat-Trattat assenja lill-Unjoni Ewropea l-kompitu biex tiżgura livell għoli ta’ sigurtà fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv huma neċessarji l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, kemm organizzata u ta' tip ieħor, inkluża l-korruzzjoni.

    (2)

    Il-programm ta' Stokkolma-Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (1), adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10-11 ta' Diċembru 2009, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi, ibbażati fuq sistemi eżistenti u kriterji komuni, li jkejlu l-isforzi fil-ġlieda ta' kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-acquis (l-akkwist pubbliku, il-kontroll finanzjarju, eċċ).

    (3)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta' Novembru 2010 dwar L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura (2) tisħaq li hija ta' importanza kruċjali li tiġi sostnuta d-determinazzjoni politika għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li huma neċessarji kemm l-azzjoni fuq livell ta' Unjoni kif ukoll il-qsim tal-aħjar prattiki. Hija tħabbar proposta tal-Kummissjoni fl-2011 fuq kif tissorvelja u tgħin fl-isforzi tal-Istati Membri kontra l-korruzzjoni.

    (4)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' rappurtar tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni għall-valutazzjoni perjodika (“ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni”) (3), tistipula l-objettivi u l-elementi neċessarji għall-implimentazzjoni tar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni. F'konformità ma' din id-deċiżjoni, mill-2013 'il quddiem dan ir-rapport għandu jkun ippubblikat kull sentejn. Ir-Rapport għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni, megħjuna minn grupp ta' esperti maħtur mill-Kummisjoni, wara sejħa bil-miftuħ għal proċedura. Il-membri tal-grupp ta' esperti għandu jkollhom speċjalizzazzjoni indiskussa, livell għoli ta' integrità, u reputazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

    (5)

    Il-Komunikazjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-6 ta' Ġunju 2011 dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE (4), għandha previst li l-esperti li għandhom jassistu lill-Kummissjoni fil-ħidma fuq ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni għandhom jiġu minn firxa wiesgħa ta' sfondi, bħall-infurzar tal-liġi, il-prevenzjoni, is-soċjetà ċivili, u għandhom jintrabtu li jaġixxu fil-kapaċità professjonali personali tagħhom.

    (6)

    Huwa għalhekk meħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam ta' kontra l-korruzzjoni, u li jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

    (7)

    Il-grupp għandu jgħin fix-xogħol tal-Kummissjoni fuq ir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u fuq kwalunkwe politika futura tal-Unjoni li titnissel minnu. B'mod partikolari, il-grupp għandu jagħti parir fuq kwistjonijiet bħal: l-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet globali u ta' pajjiżi speċifiċi li għandhom jiġu koperti minn kull rapport, l-iżviluppar ta' indikaturi, il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Istati Membri, jidentifika l-aħjar prattiki, l-identifikazzjoni ta' tendenzi tal-UE, u jagħmel rakkomandazjonijiet u jipproponi miżuri tal-UE fejn huwa xieraq.

    (8)

    Il-grupp għandu jkun magħmul minn 17-il membru u għandu jkollu rappreżentazzjoni bbilanċjata f'dak li għandu x'jaqsam ma' sfond istituzzjonali u professjonali, u reġjuni ġeografiċi.

    (9)

    Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni minn membri tal-grupp.

    (10)

    Id-dejta personali dwar il-membri tal-grupp għandha tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità, u dwar il-moviment liberu ta' din id-dejta (5).

    (11)

    Il-mandat tal-membri għandu jkun għal erba’ snin u għandu jkun jiġġedded.

    IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Il-grupp ta’ esperti dwar il-korruzzjoni, minn hawn ’il quddiem msejjaħ “il-grupp”, qed jiġi hawn stabbilit.

    Artikolu 2

    Kompiti

    Il-kompiti tal-grupp għandhom ikunu:

    (a)

    li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni, inkluża l-metodoloġija ta' ħidma, kif ukoll dwar kwistjonijiet illi għandhom x'jaqsmu mal-politika tal-UE kontra l-korruzzjoni permezz ta' kontribuzzjonijiet bil-fomm u bil-miktub, kif xieraq u maqbul mal-Kummissjoni;

    (b)

    li jgħin lill-Kummissjoni tevalwa l-iżvilupp tal-politiki ta' kontra l-korruzzjoni fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, u sabiex jassisti lill-Kummissjoni tidentifika tendenzi ta' korruzzjoni fl-UE;

    (c)

    li jassisti lill-Kummissjoni tidentifika standards relevanti kontra l-korruzzjoni, kif ukoll indikaturi, li jistgħu jitkejlu magħhom il-valutazzjonijiet tar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni;

    (d)

    li jgħin lill-Kummisssjoni tidentifika modi kif tiġi ssimplifikata informazzjoni relevanti dwar in-natura, il-firxa u l-kawża tal-korruzzjoni fl-Istati Membri, kif ukoll fuq kemm qed iħallu effett l-isforzi kontra l-korruzzjoni;

    (e)

    li jgħin lill-Kummissjoni tidentifika kwistjonijiet ta' kontra l-korruzzjoni globali kif ukoll ta' pajjiżi speċifiċi, ta' relevanza għall-UE u għall-Istati Membri, u bil-possibilità ukoll li jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni;

    (f)

    li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta' metodoloġiji li jivvalutaw l-isforzi ta' kontra l-korruzzjoni fl-UE-27;

    (g)

    li jgħin lill-Kummissjoni tidentifika u tiddefinixxi miżuri u azzjonijiet rilevanti possibbli fuq livell ta' Unjoni u nazzjonali, fuq il-firxa wiesgħa ta' politiki ta' kontra l-korruzzjoni;

    (h)

    li jassisti lill-Kummissjoni tidentifika l-aħjar prattiki u modi li jwasslu għall-qsim tal-esperjenza u tagħlim minn pari, li jistgħu jkunu żviluppati aktar fuq livell ta' Unjoni.

    Artikolu 3

    Konsultazzjoni

    Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-grupp fuq kull kwistjoni li għandha x'taqsam mar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u mal-politika tal-UE kontra l-korruzzjoni.

    Artikolu 4

    Sħubija – Ħatra

    1.   Il-grupp għandu jkun kompost minn 17-il membru.

    2.   Il-membri għandhom ikunu individwi b'kompetenza u esperjenza kkonfermata fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur pubbliku kif ukoll fil-privat, u fil-monitoraġġ/evalwazzjoni ta' politiki u prattiki ta' kontra l-korruzzjoni.

    3.   L-għamla tal-grupp għandha tirrifletti l-bilanċ neċessarju bejn il-kompetenzi meħtieġa dwar kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni, kif ukoll l-aspetti varji neċessarji, bħal, iżda mhux limitati għall-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, il-prevenzjoni, it-tfassil ta' politika, il-monitoraġġ u/jew is-superviżjoni, ir-riċerka fuq it-tendenzi, il-politiki u/jew l-indikaturi, is-settur pubbliku u privat, il-liġi kriminali, kif ukoll l-aspetti/l-impatti ekonomiċi u soċjali.

    4.   Il-membri tal-grupp għandhom ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

    5.   Il-membri għandhom jiġu maħtura mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni minn fost dawk li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet (ara l-Anness tad-Deċiżjoni preżenti).

    6.   Fuq il-bażi tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti li setgħu kienu meqjusa li huma kandidati xierqa għas-sħubija fil-grupp, li iżda ma ġewx maħtura, għandhom jitqiegħdu fuq lista ta’ riserva, bil-kunsens tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tuża din il-lista għall-ħatra ta’ sostituzzjonijiet bħala membri, jekk ikun meħtieġ. Jekk il-Kummissjoni tqis il-lista ta' riserva insuffiċjenti, tista' terġa' tippubblika sejħa għall-applikazzjonijiet sabiex issawwar lista ġdida.

    7.   Il-membri għandhom jiġu maħtura f’kapaċità personali għal perjodu ta’ erba’ snin. Il-membri għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jiġu sostitwiti jew sakemm jiskadi l-mandat tagħhom. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded.

    8.   Il-membri li ma jkunux għadhom kapaċi jikkontribwixxu b’mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp, li jirriżenjaw jew li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu, jew l-Artikolu 339 tat-Trattat, jistgħu jiġu sostitwiti għall-kumplament tal-mandat tagħhom.

    9.   L-ismijiet tal-membri tal-grupp għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra (“ir-Reġistru”) (6), u fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni.

    10.   Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

    Artikolu 5

    Operat

    1.   Il-grupp għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    2.   Bi qbil mal-Kummissjoni, il-grupp jista’ jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi fuq il-bażi tat-termini ta’ referenza definiti mill-grupp. Dawn il-gruppi għandhom jiġu xolti hekk kif jintemm il-mandat tagħhom.

    3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’, fuq bażi ad hoc, jistieden esperti minn barra l-grupp li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogrupp.

    4.   Il-Kummissjoni tista' tagħti status ta' osservatur lil rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, intergovernattivi u mhux governattivi.

    5.   Il-prijoritajiet ta' ħidma għandhom jirriflettu l-bżonn ta' rispons ikkoordinat, multidixxiplinarju u b'politika koerenti fl-aspetti kollha tal-korruzzjoni.

    6.   Il-membri tal-grupp kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti mit-Trattati u r-regoli tal-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà relatata mal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, stabbilita fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (8). Jekk jonqosu milli jirrispettaw dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa.

    7.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi segretarjali.

    8.   Il-grupp għandu jissottometti l-opinjonijiet u r-rapporti tiegħu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tistipula limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata opinjoni jew rapport.

    9.   Il-grupp jista' jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fuq il-bażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.

    10.   Il-Kummissjoni tippubblika l-informazzjoni rilevanti dwar l-attivitajiet imwettqa mill-grupp billi jew tinkludiha fir-Reġistru inkella permezz ta’ link mir-Reġistru għas-sit tal-Internet tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni.

    Artikolu 6

    Spejjeż tal-laqgħat

    1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp m’għandhomx jingħataw ħlas għas-servizzi li jipprovdu.

    2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u għas-sussistenza li jonfqu l-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.

    3.   Dawn l-ispejjeż għandhom jiġu rimborżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

    Artikolu 7

    Dħul fis-Seħħ u Applikabbiltà

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar li tiġi ppublikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandha tapplika għal 8 snin.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

    (2)  COM(2010) 673 finali.

    (3)  C(2011) 3673 finali.

    (4)  COM(2011) 308 finali, mhux ippubblikat. Ara d-dokument tal-Kunsill 11580/11.

    (5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (6)  Il-membri li ma jixtiqux li isimhom jiġi żvelat jistgħu japplikaw għal eżenzjoni minn din ir-regola. It-talba li li ma jiġix żvelat l-isem ta’ membru ta’ grupp ta’ esperti għandha tiġi meqjusa bħala ġġustifikata kull meta l-pubblikazzjoni tista’ tipperikola s-sigurtà jew l-integrità tiegħu jew tipperikola b’mod mhux dovut il-privatezza tiegħu.

    (7)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' din id-dejta. Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 5.

    (8)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).


    ANNESS

    Sejħa għal applikazzjonijiet għall-għażla ta’ esperti maħtura f'kapaċità personali

    Bid-Deċiżjoni (2011/C 286/03) tat-28 ta' Settembru 2011 (1) il-Kummissjoni waqqfet grupp ta' esperti dwar il-korruzzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippresjedi lill-grupp u tista' tikkonsulta lill-grupp fuq kull kwistjoni li għandha x'taqsam mar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u mal-politika tal-UE kontra l-korruzzjoni.

    Il-kompiti tal-grupp tal-esperti huma:

    (a)

    li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni, inkluża l-metodoloġija ta' ħidma, kif ukoll dwar kwistjonijiet illi għandhom x'jaqsmu mal-politika tal-UE kontra l-korruzzjoni permezz ta' kontribuzzjonijiet bil-fomm u bil-miktub, kif xieraq u maqbul mal-Kummissjoni;

    (b)

    li jgħin lill-Kummissjoni tevalwa l-iżvilupp tal-politiki ta' kontra l-korruzzjoni fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, u sabiex jassisti lill-Kummissjoni tidentifika tendenzi fl-UE ta' korruzzjoni;

    (c)

    li jassisti lill-Kummissjoni tidentifika standards relevanti kontra l-korruzzjoni, kif ukoll indikaturi verifikabbli, li jistgħu jitkejlu magħhom il-valutazzjonijiet tar-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni;

    (d)

    li jassisti lill-Kummisssjoni tidentifika modi kif tiġi ssimplifika informazzjoni relevanti dwar in-natura, il-firxa u l-kawża tal-korruzzjoni fl-Istati Membri, kif ukoll fuq kemm qed iħallu effett l-isforzi kontra l-korruzzjoni;

    (e)

    li jgħin lill-Kummissjoni tidentifika kwistjonijiet ta' kontra l-korruzzjoni globali kif ukoll ta' pajjiżi speċifiċi, ta' relevanza għall-UE u għall-Istati Membri, u bil-possibilità ukoll li jagħmel rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu enfasizzati fir-Rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni;

    (f)

    li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta' metodoloġiji li jivvalutaw l-isforzi ta' kontra l-korruzzjoni fl-UE-27;

    (g)

    li jassisti lill-Kummissjoni tidentifika u tiddefinixxi miżuri u azzjonijiet rilevanti possibbli fuq livell ta' Unjoni u nazzjonali, fuq il-firxa wiesgħa ta' politiki ta' kontra l-korruzzjoni;

    (h)

    li jassisti lill-Kummissjoni tidentifika l-aħjar prattiki u modi li jwasslu għall-qsim tal-esperjenza u tagħlim minn pari, li jistgħu jkunu żviluppati aktar fuq livell ta' Unjoni.

    Il-Kummissjoni qiegħda għaldaqstant tagħmel sejħa għall-applikazzjonijiet bit-tir li jintgħażlu membri tal-grupp ta’ esperti.

    Il-grupp ta’ esperti għandu jħaddan 17-il membru, maħtura fil-kapaċità personali tagħhom, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Il-Kummissjoni għandha taħtar membri f’kapaċità personali għal perjodu rinnovabbli ta’ erba’ snin. Dawn għandhom jagħtu lill-Kummissjoni opinjoni indipendenti ħielsa minn kwalunkwe influwenza esterna u għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-kunfidenzjalità msemmija fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-grupp ta’ esperti. Il-membri għandhom jintrabtu li jaġixxu b'mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Il-Kummissjoni ser tqis il-kriterji li ġejjin meta tivvaluta l-applikazzjonijiet:

    (a)

    Kompetenza ppruvata, u livell għoli ta’ ħila u esperjenza professjonali (mill-inqas ħames snin), fuq livell Ewropew u/jew internazzjonali, f’attivitajiet relatati mal-prevenzjoni u l-ġlieda ta' kontra l-korruzzjoni u/jew oqsma relatati;

    (b)

    Għarfien sod tal-acquis u l-politiki attwali tal-UE fil-qasam ta' kontra l-korruzzjoni, kif ukoll tal-istrumenti legali eżistenti ta' kontra l-korruzzjoni, u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni f'dan il-qasam fuq livell Ewropew u internazzjonali;

    (c)

    Abbiltà murija ta' ħidma bl-Ingliż;

    (d)

    Il-bżonn li jkun hemm bilanċ fi ħdan il-grupp ta’ esperti f’dak li għandu x'jaqsam ma' sfond istituzzjonali u professjonali, is-sessi u l-oriġini ġeografika (2);

    (e)

    Il-bżonn li jiġi żgurat il-bilanċ neċessarju bejn il-kompetenzi meħtieġa dwar kwistjonijiet ta' kontra l-korruzzjoni, kif ukoll l-aspetti varji neċessarji, bħal, iżda mhux limitati għall-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, il-prevenzjoni, it-tfassil ta' politika, il-monitoraġġ u/jew is-superviżjoni, ir-riċerka fuq it-tendenzi, il-politiki u/jew l-indikaturi, is-settur pubbliku u privat, il-liġi kriminali, kif ukoll l-aspetti/l-impatti ekonomiċi u soċjali;

    (f)

    Il-membri tal-grupp għandhom ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

    Il-ħiliet imsemmija se jiġu eżaminati fuq il-bażi tal-curriculum vitae (CV) mimli kollu u l-formola tal-applikazzjoni.

    L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi biss bl-użu tal-mudell tal-formola tal-applikazzjoni (Anness II) u l-mudell tas-CV (3). L-applikanti huma mitluba li jiddikjaraw b’mod ċar fl-applikazzjoni tagħhom il-qasam ta' kontra l-korruzzjoni li fih għandhom ħila partikolari.

    L-applikazzjonijiet iffirmati kif suppost għandhom jintbagħtu fi żmien 20 ġurnata mid-data tas-sejħa għal applikanti ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew permezz ta' email inkella bil-posta f'dan l-indirizz:

    Il-Kummissjoni Ewropea

    Direttorat-Ġenerali Affarijiet Interni

    Segretarjat tal-Unità A2

    LX 46 3/131

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    HOME-CORRUPTION@ec.europa.eu

    Meta l-applikazzjonijiet jintbagħtu b'email, id-data tal-email għandha titqies bħala d-data ta’ meta ntbagħtet. Meta l-applikazzjonijiet jintbagħtu bil-posta, it-timbru postali għandu jitqies bħala d-data ta’ meta ntbagħtet.

    Il-Kummissjoni għandha tirrimborża l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza b’rabta mal-attivitajiet tal-grupp ta’ esperti skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ tal-Kummissjoni, taħt il-limiti tal-approprjazzjonijiet baġitarji disponibbli. Il-membri m’għandhom jirċievu l-ebda remunerazzjoni għax-xogħol tagħhom.

    Il-lista tal-membri tal-grupp għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-Kummissjoni fuq il-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra (“ir-Reġistru”) (4), u fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni.

    Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    Għal kwalunkwe informazzjoni oħra, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Sinjura Raluca STEFANUC, Tel. +32 22953152, Posta elettronika: raluca.stefanuc@ec.europa.eu

    L-informazzjoni dwar ir-riżultati tas-sejħiet għall-applikazzjonijiet għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-Internet tad-DĠ Affarijiet Interni, u jekk f'lokha, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


    (1)  ĠU C 286, 30.9.2011, p. 4.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/407/KE tad-19 ta’ Ġunju 2000 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fil-kumitati u l-gruppi tal-esperti stabbiliti minnha (ĠU L 154, 27.6.2000, p. 34).

    (3)  Il-curricula vitae għandhom jiġu sottomessi fil-format Ewropew: http://www.cedefop.eu.int/transparency/cv.asp

    (4)  Il-membri li ma jixtiqux li isimhom jiġi żvelat jistgħu japplikaw għal eżenzjoni minn din ir-regola. It-talba biex ma jiġix żvelat l-isem ta’ membru mill-grupp ta’ esperti għandha tiġi meqjusa bħala ġġustifikata kull meta l-pubblikazzjoni tista’ tipperikola s-sigurtà jew l-integrità tiegħu jew tagħha, jew tipperikola b’mod mhux dovut il-privatezza tiegħu jew tagħha.

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' din id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    Appendiċi

    Image

    Image

    Image


    Top