Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0855

    2011/855/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal ċerti miżuri biex tinqered il-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali selvaġġi fix-Xlokk tal-Bulgarija fl-2011 u l-2012 (notifikata bid-dokument numru C(2011) 9225)

    ĠU L 336, 20.12.2011, p. 75–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/855/oj

    20.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 336/75


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-15 ta’ Diċembru 2011

    dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal ċerti miżuri biex tinqered il-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali selvaġġi fix-Xlokk tal-Bulgarija fl-2011 u l-2012

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 9225)

    (It-test Bulgaru biss huwa awtentiku)

    (2011/855/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 14(4), l-Artikolu 20, l-Artikolu 23, l-Artikolu 31(2), l-Artikolu 35(2) u l-Artikolu 36(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-marda tal-ilsien u d-dwiefer hija marda virali li tittieħed malajr ħafna fl-annimali selvaġġi u domestiċi bid-dwiefer mifruqa b’impatt serju fuq il-profitabilità tat-trobbija tal-annimali, filwaqt li xxekkel il-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

    (2)

    Fil-każ ta’ tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, hemm riskju li l-aġent tal-marda jinfirex f’azjendi oħra li jżommu l-annimali ta’ speċi suxxettibbli fl-Istat Membru milqut, iżda anki fi Stati Membri oħra u f’pajjiżi terzi permezz ta’ ċaqliq tal-annimali suxxettibbli ħajjin jew il-prodotti tagħhom.

    (3)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka d-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/531/KEE u 91/665/KEE u temenda d-Direttiva 92/46/KEE (2) tistipula miżuri li f’każ ta’ tifqigħa għandhom jiġu implimentati b’urġenza mill-Istati Membri biex jiġi evitat aktar tixrid tal-vajrus.

    (4)

    Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistabbilixxi l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Skont l-Artikolu 14(2) ta’ dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż ta’ ċerti miżuri biex tinqered il-marda tal-ilsien u d-dwiefer.

    (5)

    Fl-2011 kien hemm tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Bulgarija u ġew individwati każijiet ta’ din il-marda f’annimali selvaġġi suxxettibbli. L-awtoritajiet tal-Bulgarija setgħu juru, permezz ta’ rappurtar regolari tat-tagħrif dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-marda lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u preżentazzjoni kontinwa tar-rapporti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, li huma implimentaw b’mod effiċjenti l-miżuri ta’ kontroll fil-qafas tad-Direttiva 2003/85/KE.

    (6)

    Għaldaqstant, l-awtoritajiet tal-Bulgarija ssodisfaw l-obbligi tekniċi u amministrattivi kollha tagħhom fir-rigward tal-miżuri previsti fl-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 (3).

    (7)

    Skont l-Artikolu 85(3) tad-Direttiva 2003/85/KE, malli l-awtorità kompetenti tal-Bulgarija kellha konferma tal-każ primarju tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali selvaġġi, din applikat il-miżuri stipulati fil-Parti A tal-Anness XVIII tad-Direttiva sabiex tnaqqas it-tixrid tal-marda.

    (8)

    Minħabba l-okkorrenza tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer f’żoni fejn jgħixu annimali selvaġġi kif ukoll annimali bid-dwiefer mifruqa, għall-ewwel darba Stat Membru fassal pjan għall-qerda tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali selvaġġi fiż-żona definita bħala infettata u speċifika l-miżuri applikati fuq l-azjendi f’dik iż-żona skont il-Parti B tal-Anness XVIII tad-Direttiva 2003/85/KE.

    (9)

    Fl-4 ta’ April 2011, fi żmien 90 jum wara l-konferma tal-preżenza tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali selvaġġi, il-Bulgarija ressqet pjan għall-qerda tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali selvaġġi f’partijiet mir-reġjuni ta’ Burgas, Yambol u Haskovo.

    (10)

    Wara li l-Kummissjoni evalwat il-pjan imressaq mill-Bulgarija, ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/493/UE tal-5 ta’ Awwissu 2011 li tapprova l-pjan għall-qerda tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali selvaġġi fil-Bulgarija (4).

    (11)

    Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5) u l-Artikolu 90(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), l-impenn tan-nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jsegwi deċiżjoni ta’ finanzjament adottata mill-istituzzjoni jew l-awtoritajiet li lilhom ikunu ngħataw il-poteri, filwaqt li jiġu stabbiliti l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa.

    (12)

    Jeħtieġ li jiġi stabbilit il-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż imġarrba mill-Bulgarija għall-implimentazzjoni ta’ ċerti elementi tal-pjan ta’ qerda approvat għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali selvaġġi fil-Bulgarija, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika partikolari fir-rigward tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fix-Xlokk tal-Balkani.

    (13)

    Għandhom jiġu ffinanzjati, b’rata stabbilita skont id-Deċiżjoni preżenti, l-attivitajiet ta’ sorveljanza meħtieġa b’mod urġenti, inkluż it-titjib tal-Laboratorju ta’ Referenza Nazzjonali, wieħed mill-ftit laboratorji fir-reġjun kollu b’esperjenza biżżejjed fid-dijanjożi tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, u s-Sistema ta’ Informazzjoni Veterinarja biex tiġi integrata d-dejta ta’ sorveljanza mal-kontrolli ta’ moviment, il-miżuri ta’ tindif u diżinfezzjoni u l-kampanji ta’ informazzjoni għall-pubbliku. Dawn l-azzjonijiet se jżidu l-għarfien tal-Unjoni għall-ġestjoni ta’ każijiet bħal dawn fil-ġejjieni.

    (14)

    Għal raġunijiet ta’ kontroll finanzjarju, l-Artikoli 9, 36 u 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (7) huma applikabbli.

    (15)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni lill-Bulgarija għall-ispejjeż imġarrba minn dan l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri skont l-Artikolu 8, l-Artikolu 14(4)(c), l-Artikolu 19, l-Artikolu 22, l-Artikolu 31(1), l-Artikolu 35(1) u l-Artikolu 36(1) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE għall-kontroll u l-qerda tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali selvaġġi fix-Xlokk tal-Bulgarija fl-2011 skont il-pjan ta’ qerda approvat bid-Deċiżjoni 2011/493/UE.

    L-ewwel paragrafu jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju.

    2.   L-ammont totali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ EUR 890 000.

    3.   L-ispejjeż imġarrba fit-twettiq tal-miżuri ddettaljati fl-Anness bejn l-4 ta’ April 2011 u t-3 ta’ April 2012 u mħallsa mill-Bulgarija qabel il-5 ta’ Awwissu 2012, għandhom ikunu eliġibbli għal kofinanzjament permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni bir-rata massima għall-attivitajiet speċifiċi indikati fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   In-nefqa ppreżentata mill-Bulgarija għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandha tiġi espressa f’EUR u għandha teskludi t-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxi l-oħra kollha.

    2.   Fejn in-nefqa tal-Bulgarija hija f’munita li mhijiex l-EUR, il-Bulgarija għandha taqlibha f’EUR billi tapplika l-aktar rata tal-kambju riċenti stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel jum tax-xahar li fih l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mill-Istat Membru.

    Artikolu 3

    1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-pjan imsemmi fl-Artikolu 1 għandha tingħata b’kundizzjoni li l-Bulgarija:

    (a)

    timplimenta l-pjan ta’ qerda msemmi fl-Artikolu 1 b’mod effettiv u skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva 2003/85/KE, u r-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi;

    (b)

    tippreżenta lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2012 rapport intermedju dwar it-twettiq tekniku tal-pjan ta’ qerda, skont il-paragrafu 5 tal-Parti B tal-Anness XVIII tad-Direttiva 2003/85/KE, akkumpanjat b’rapport finanzjarju intermedju li jkopri l-perjodu mill-4 ta’ April 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011;

    (c)

    tippreżenta lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru 2012 rapport aħħari dwar it-twettiq tekniku tal-pjan ta’ qerda akkumpanjat minn evidenza ta’ ġustifikazzjoni rigward l-ispejjeż imħallsa mill-Bulgarija u r-riżultati miksuba matul il-perjodu mill-4 ta’ April 2011 sat-3 ta’ April 2012;

    (d)

    ma tressaqx aktar talbiet għal kontribuzzjonijiet oħra mill-Unjoni għall-miżuri ddettaljati fl-Anness, u ma tkunx ressqet talbiet bħal dawn preċedentement.

    2.   Fejn il-Bulgarija ma tikkonformax mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni wara li tkun qieset in-natura u l-gravità tal-ksur kif ukoll it-telf finanzjarju għall-Unjoni.

    Artikolu 4

    1.   Il-Bulgarija għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti żżomm għal perjodu ta’ seba’ snin kopja ċertifikata tad-dokumenti ta’ sostenn marbuta mal-attivitajiet li jirċievu l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont l-Artikolu 1, b’mod partikolari l-fatturi, id-dikjarazzjonijiet tas-salarju, ir-rekords ta’ attendenza u d-dokumenti marbuta mad-dispaċċ tal-kampjuni u mal-missjonijiet.

    2.   Il-Bulgarija għandha tirreġistra l-infiq ippreżentat lill-Kummissjoni fis-sistema tal-kontabilità tal-ispejjeż tagħha u żżomm id-dokumenti oriġinali kollha għal seba’ snin għal finijiet ta’ awditjar.

    3.   Id-dokumenti ta’ sostenn imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni jekk din titlobhom.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

    (2)  ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1.

    (3)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.

    (4)  ĠU L 203, 6.8.2011, p. 32.

    (5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (6)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.

    (7)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.


    ANNESS

    L-ispiża tal-miżuri implimentati bejn l-4 ta’ April 2011 u t-3 ta’ April 2012 skont il-pjan għall-qerda tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer f’annimali selvaġġi suxxettibbli fix-Xlokk tal-Bulgarija, kif imsemmi fl-Artikolu 1

    Attivita’

    Azzjoni fi pjan approvat

    Speċifikazzjoni

    Numru ta’ unitajiet

    Spiża għal kull unita’ (EUR)

    Ammont totali (EUR)

    Perċentwali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni (%)

    1.

    Is-sorveljanza

    1.1.

    L-analiżi fil-laboratorju

    l-annimali domestiċi

    Test: ELISA NSP

    2 000

    3,00

    6 000

    100

    Test: Antikorpi tal-ELISA – Tip “О”

    21 024

    3,50

    73 584

    100

    RT-PCR

    2 000

    15,00

    30 000

    100

    ELISA Ag

    2 000

    10,00

    20 000

    100

    Subtotal

     

     

     

    129 584

     

    1.2.

    It-teħid ta’ kampjuni

    l-annimali domestiċi

    Vacutainers

    21 024

    0,50

    10 512

    100

    It-tubi tal-kampjuni tal-organi

    2 000

    0,50

    1 000

    100

    Subtotal

     

     

     

    11 512

     

    1.3.

    L-analiżi fil-laboratorju

    l-annimali selvaġġi

    Test: ELISA NSP

    480 (282)

    3,00

    1 440

    100

    Test: Antikorpi tal-ELISA – Tip “О”

    480 (282)

    3,50

    1 680

    100

    RT-PCR

    400 (282)

    15,00

    6 000

    100

    ELISA Ag

    400

    10,00

    4 000

    100

    Subtotal

     

     

     

    13 120

     

    1.4.

    It-teħid ta’ kampjuni

    l-annimali selvaġġi

    Vacutainers

    282

    0,50

    141

    100

    It-tubi tal-kampjuni tal-organi

    200

    0,50

    100

    100

    Subtotal

     

     

     

    241

     

    1.5.

    L-insib tal-annimali selvaġġi

    In-nases għall-ħnieżer selvaġġi

    7

    500,00

    3 500

    100

    1.6.

    Il-kaċċa mmirata u l-insib ta’ annimali selvaġġi u ta’ annimali domestiċi li ma jkollhomx sid

    Ħaddiema (salarju kuljum)

    4 650

    22,00

    102 300

    100

    Balal

    400

    2,00

    800

    100

    Spejjeż oħra

    153

    50,00

    7 650

    100

    1.7.

    Spejjeż oħra: il-ġbir u t-trasport tal-kampjuni lejn il-laboratorju

    l-annimali domestiċi u selvaġġi

    It-trasport kull ġimgħa

    52

    100,00

    5 200

    100

    Subtotal

     

     

     

    119 450

     

    1.8.

    L-eżami kliniku ta’ merħliet ta’ annimali domestiċi:

    it-task force, inklużi t-teħid ta’ kampjuni, il-kontrolli tat-traċċabbiltà u l-aġġornament onlajn tal-Bażi ta’ Dejta Ċentrali

    tliet gruppi ta’ erba’ esperti

    Il-ħaddiema (salarji u DSA/mil-lum għall-għada) kull xahar u esperti

    12 (365 + 700)

    1 065,00

    153 360

    100

    L-ilbies ta’ protezzjoni

    6 240

    5,00

    31 200

    100

    Spejjeż oħra: it-trasport permezz ta’ karozza tal-kiri

    3

    9 000,00

    27 000

    100

    L-aċċess f’ħin reali għal bażi ta’ dejta ċentrali onlajn

     

    permezz ta’ laptops ta’ veloċità għolja b’memorja suffiċjenti u apparat GPS

    3

    1 000,00

    3 000

    100

    permezz ta’ telefown ċellulari

    3

    500,00

    1 500

    100

    Subtotal

     

     

     

    216 060

     

    2.

    It-tindif u d-diżinfezzjoni

    2.1.

    It-tindif u d-diżinfezzjoni

    Postazzjonijiet tat-toroq tad-diżinfezzjoni (kostruzzjoni)

    16

    200,00

    3 200

    100

    Postazzjonijiet tat-toroq tad-diżinfezzjoni (manutenzjoni)

    17

    200,00

    3 400

    100

    Id-diżinfezzjoni tal-karozzi tat-task force

    3

    200,00

    600

    100

    Subtotal

     

     

     

    7 200

     

    3.

    L-ammeljorament tal-Laboratorju ta’ Referenza Nazzjonali

    3.1.

    It-tisħiħ tal-kapaċità NRL fir-rigward tal-FMD

    Il-makkinarju, it-tagħmir u l-konsumabbli

     

     

    128 000

    100

    Subtotal

     

     

     

    128 000

     

    4.

    Is-Sistema ta’ Informazzjoni Veterinarja

    4.1.

    L-aġġornament tal-bażi ta’ dejta (VetIS) u l-integrazzjoni tas-Sistema tad-Dejta tal-Laboratorju

    Il-ħardwer, is-softwer u l-ipprogrammar

     

     

    957 000

    25

    Subtotal

     

     

     

    239 250

     

    5.

    Il-kampanja ta’ informazzjoni

    5.1.

    Il-kampanja ta’ informazzjoni

    Tnax-il laqgħa kull sena u skont il-qasam, fuljetti u materjal ieħor ta’ informazzjoni

    36

    500,00

    18 000

    100

    Subtotal

     

     

     

    18 000

     

     

    Total

     

     

     

    882 417

     


    Top