Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0842

    2011/842/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta’ Schengen fil-Prinċipat tal-Liechtenstein

    ĠU L 334, 16.12.2011, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/842/oj

    16.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 334/27


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Diċembru 2011

    dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fil-Prinċipat tal-Liechtenstein

    (2011/842/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 10(1) tal-imsemmi Protokoll jipprovdi sabiex id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen isiru effettivi għall-Prinċipat tal-Liechtenstein b’konformità ma’ deċiżjoni tal-Kunsill f’dak ir-rigward wara li l-Kunsill ikun aċċerta ruħu li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dak l-acquis ġew sodisfatti mil-Liechtenstein.

    (2)

    Il-Kunsill, wara li vverifika li l-prekondizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-parti dwar il-protezzjoni tad-data tal-acquis konċernat ta’ Schengen kienu ġew sodisfatti mill-Prinċipat tal-Liechtenstein, għamel, permezz tad-Deċiżjoni 2011/352/UE (2), id-dispożizzjoniiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen applikabbli għall-Prinċipat tal-Liechtenstein mid-9 ta’ Ġunju 2011.

    (3)

    Il-Kunsill, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 għall-istabbiliment ta’ Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (SCH/Com-ex (98) 26 def.) (3), ivverifika jekk il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen ġewx sodisfatti fl-oqsma l-oħra kollha tal-acquis ta’ Schengen fil-Prinċipat tal-Liechtenstein.

    (4)

    Fit-13 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill ikkonkluda li l-kondizzjonijiet f’kull wieħed minn dawn l-oqsma msemmijin ġew sodisfatti mill-Prinċipat tal-Liechtenstein.

    (5)

    Huwa possibbli li tiġi ffissata d-data għall-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen mill-Prinċipat tal-Liechtenstein, jiġifieri dik id-data minn meta għandhom jitneħħew il-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni mal-Prinċipat tal-Liechtenstein.

    (6)

    Minn dik id-data, ir-restrizzjonijiet dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, previsti fid-Deċiżjoni 2011/352/UE, għandhom jitneħħew.

    (7)

    F’konformità mal-Artikolu 15 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-asil magħmula fi Stat Membru jew fl-Isvizzera (4) u mal-Artikolu 8 tal-Protokoll bejn il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-asil magħmula fi Stat Membru jew fl-Isvizzera (5), il-Ftehim tal-aħħar ġie implimentat mis-7 ta’ Marzu 2011.

    (8)

    Il-Ftehim bejn il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tad-Danimarka dwar l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen abbażi tad-dispożizzjonijiet taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iffirmat fi Brussell fit-18 ta’ Marzu 2011, jistipula li huwa għandu jsir effettiv fl-istess data ta’ meta d-dispożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 2 tal-Protokoll isiru effettivi għall-Prinċipat tal-Liechtenstein.

    (9)

    F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6) u b’riżultat tal-applikazzjoni parzjali tal-acquis ta’ Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u mill-Irlanda ta’ Fuq prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar id-dħul b’effett ta’ partijiet tal-acquis ta’ Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (7), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tagħha, għandha tapplika biss parti mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen applikabbli għall-Prinċipat tal-Liechtenstein fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Istati Membri li japplikaw l-acquis sħiħ ta’ Schengen fir-relazzjonijiet tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

    (10)

    F’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u b’riżultat tal-applikazzjoni parzjali tal-acquis ta’ Schengen mir-Repubblika ta’ Ċipru, abbażi tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, u mir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, abbażi tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005, hija biss dik il-parti mill-acquis ta’ Schengen applikabbli f’dawn l-Istati Membri li għandha tapplika wkoll għall-Prinċipat tal-Liechtenstein fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ dawn l-Istati Membri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Id-dispożizzjonijiet kollha msemmija fl-Annessi A u B mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u d-dispożizzjonijiet kollha elenkati fl-Anness tal-Protokoll għal dak il-Ftehim u kwalunkwe att li jikkostitwixxi żvilupp ulterjuri ta’ waħda jew aktar minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom japplikaw għall-Prinċipat tal-Liechtenstein fir-relazzjonijiet tiegħu mar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, u r-Renju tal-Isvezja, mid-19 ta’ Diċembru 2011.

    Ir-restrizzjonijiet kollha dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen mill-Istati Membri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jitneħħew mill-istess data.

    2.   Id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li saru effettivi għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq abbażi tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2004/926/KE u kwalunkwe att li jikkostitwixxi żvilupp ulterjuri ta’ waħda jew aktar minn dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom japplikaw għall-Prinċipat tal-Liechtenstein, fir-relazzjonijiet tagħha mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mid-19 ta’ Diċembru 2011.

    3.   Id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen applikabbli għar-Repubblika ta’ Ċipru abbażi tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, u għar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, abbażi tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005, u kwalunkwe att li jikkostitwixxi żvilupp ulterjuri kwalunkwe minn dawk id-dispożizzjonijiet, għandhom japplikaw għall-Prinċipat tal-Liechtenstein fir-relazzjonijiet tagħha mar-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mid-19 ta’ Diċembru 2011.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. CICHOCKI


    (1)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (2)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 84.

    (3)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 138.

    (4)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 5.

    (5)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 39.

    (6)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (7)  ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 469.


    Top