Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0629

    2011/629/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Settembru 2011 li temenda l-Anness D mad-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE fir-rigward tal-kummerċ fl-Unjoni fis-semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini mibgħut minn ċentri għall-ġbir u l-ħażna tas-semen (notifikata bid-dokument numru C(2011) 6425) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 247, 24.9.2011, p. 22–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32016R0429

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/629/oj

    24.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 247/22


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-20 ta’ Settembru 2011

    li temenda l-Anness D mad-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE fir-rigward tal-kummerċ fl-Unjoni fis-semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini mibgħut minn ċentri għall-ġbir u l-ħażna tas-semen

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 6425)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/629/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1988 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għal importazzjonijiet ta’ deep frozen semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini (1), u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 88/407/KEE tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli, inter alia, għall-kummerċ fl-Unjoni fis-semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini u tistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikati veterinarji tas-saħħa tal-annimali għal tali kummerċ f’dak il-prodott bażiku.

    (2)

    Id-Direttiva 88/407/KEE, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/73/KE (2), tintroduċi proċedura simplifikata għall-elenku taċ-ċentri għall-ġbir u l-ħażna tas-semen fl-Istati Membri.

    (3)

    Barra minn hekk, id-Direttiva 88/407/KEE tistipula li l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-ammissjoni tas-semen suġġetta għas-sottomissjoni ta’ ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ minn veterinarju uffiċjali tal-Istat Membru tal-ġbir skont l-Anness D. Dak l-Anness jistabbilixxi tliet mudelli differenti ta’ ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, D1, D2 u D3, għall-kummerċ fl-Unjoni fis-semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini.

    (4)

    L-Anness D mad-Direttiva 88/407/KEE għandu, għalhekk, jiġi emendat biex tiġi kkunsidrata l-proċedura simplifikata għall-elenku taċ-ċentri għall-ġbir u l-ħażna tas-semen fl-Istati Membri.

    (5)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/470/UE (3) tistabbilixxi mudell taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-kummerċ fl-Unjoni tas-semen, l-ova u l-embrijuni ta’ annimali tal-ispeċijiet ekwina, ovina u kaprina u tal-ova u l-embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi porċina. Dik id-Deċiżjoni kellha l-għan li tiżgura t-traċċabbiltà sħiħa tal-prodotti bażiċi kkonċernati li jinġabru f’ċentru għall-ġbir tas-semen u jintbagħtu minn ċentru għall-ħażna tas-semen, sew jekk dawn tal-aħħar jagħmlu parti minn ċentru għall-ġbir tas-semen approvat b’numru ta’ approvazzjoni differenti, u sew jekk le.

    (6)

    Għall-finijiet ta’ konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-istruttura tal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa stabbilita fid-Deċiżjoni 2010/470/UE għandha tiġi kkunsidrata fil-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ fl-Unjoni fis-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini.

    (7)

    B’mod partikolari, il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali fl-Anness D3 jirrigwarda l-kummerċ fl-Unjoni fis-semen u l-istokkijiet tas-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini, mibgħuta miċ-ċentri għall-ġbir u l-ħażna tas-semen.

    (8)

    Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà sħiħa tas-semen, il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali fl-Anness D3 għandu jiġi ssupplimentat b’rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni addizzjonali u jintuża biss għall-kummerċ fis-semen miġbur f’ċentru għall-ġbir tas-semen u mibgħut minn ċentru għall-ħażna tas-semen, sew jekk dawn tal-aħħar jagħmlu parti minn ċentru għall-ġbir tas-semen approvat b’numru ta’ approvazzjoni differenti, u sew jekk le.

    (9)

    Huwa neċċessarju wkoll li jiġu adattati d-dati fit-titli taċ-ċertifikati fl-Annessi D2 u D3 relatati mal-istokkijiet tas-semen miġbur, ipproċessat u maħżun qabel il-31 ta’ Diċembru 2004, biex jiġu riflessi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/43/KE tas-26 ta’ Mejju 2003 li temenda d-Direttiva 88/407/KEE li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-kummerċ intrakomunitarju u għall-importazzjonijiet ta’ semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini (4).

    (10)

    Barra minn hekk, il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali fl-Annessi D1 u D2 għandhom jiġu adattati għall-istruttura tal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa stabbiliti fid-Deċiżjoni 2010/470/UE.

    (11)

    Għaldaqstant, l-Anness D mad-Direttiva 88/407/KEE għandu jiġi emendat.

    (12)

    Sabiex jiġi evitat kull tip ta’ taqlib fil-kummerċ, l-użu ta’ ċertifikati tas-saħħa tal-annimali maħruġa skont l-Anness D mad-Direttiva 88/407/KEE, li japplikaw sal-31 ta’ Ottubru 2011, għandu jkun awtorizzat matul perjodu tranżitorju suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

    (13)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness D mad-Direttiva 88/407/KEE jiġi sostitwit mit-test fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Għal perjodu tranżitorju sal-31 ta’ Diċembru 2011, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-kummerċ fis-semen u l-istokkijiet tas-semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini, akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2011, skont il-mudelli stabbiliti fl-Anness D mad-Direttiva 88/407/KEE, li japplika sal-31 ta’ Ottubru 2011.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Novembru 2011.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2011.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 194, 22.7.1988, p. 10.

    (2)  ĠU L 219, 14.8.2008, p. 40.

    (3)  ĠU L 228, 31.8.2010, p. 15.

    (4)  ĠU L 143, 11.6.2003, p. 23.


    ANNESS

    ANNESS D

    MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKATI TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦALL-KUMMERĊ FL-UNJONI

    ANNESS D1

    Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-kummerċ fl-Unjoni fis-semen tal-annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini miġbur, ipproċessat u maħżun, skont id-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE, kif emendata mid-Direttiva 2003/43/KE, mibgħut minn ċentru għall-ġbir tas-semen, fejn ikun inġabar l-istess semen

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS D2

    Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2005 għall-kummerċ fl-Unjoni fi stokkijiet ta’ semen miġbur, ipproċessat u maħżun qabel il-31 ta’ Diċembru 2004 f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE, li tapplika sal-1 ta’ Lulju 2004 u nnegozjat wara dik id-data skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/43/KE, mibgħut minn ċentru għall-ġbir tas-semen fejn ikun inġabar is-semen

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS D3

    Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-kummerċ fl-Unjoni fis-semen ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-bovini miġbur, ipproċessat u maħżun skont id-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2003/43/KE, u fl-istokkijiet ta’ semen miġbur, ipproċessat u maħżun qabel il-31 ta’ Diċembru 2004 f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE, li tapplika sal-1 ta’ Lulju 2004, u nnegozjat wara dik id-data skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/43/KE, mibgħuta minn ċentru għall-ħażna tas-semen

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top