EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0432

Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja

ĠU L 192, 22.7.2011, p. 39–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 09/04/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/432/oj

Related international agreement

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/39


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Ġunju 2011

dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja

(2011/432/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 81(3), flimkien mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni qed taħdem għall-istabbiliment ta’ żona ġudizzjarja komuni bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet.

(2)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja (“il-Konvenzjoni”) tikkostitwixxi bażi tajba, fid-dawl tal-istabbiliment ta’ sistema dinjija għal kooperazzjoni amministrattiva u għar-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-konvenzjonijiet fil-qasam tal-manteniment, peress li tipprevedi assistenza legali bla ħlas fi kważi l-każijiet kollha li jirrigwardaw il-manteniment tat-tfal u proċedura simplifikata għar-rikonoxximent u l-infurzar.

(3)

L-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni jippermetti li l-Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika bħall-Unjoni jiffirmaw, jaċċettaw jew japprovaw il-Konvenzjoni jew jaderixxu magħha.

(4)

Il-materji rregolati mill-Konvenzjoni huma koperti wkoll fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (2). Bħalma ġie maqbul meta ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/220/UE dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni (3), hija biss l-Unjoni li għandha tapprova l-Konvenzjoni u teżerċita l-kompetenza tagħha fil-materji kollha rregolati minnha. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ikunu marbuta bil-Konvenzjoni b’riżultat tal-approvazzjoni tagħha mill-Unjoni Ewropea.

(5)

Għalhekk, meta tkun qed tapprova l-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjoni ta’ kompetenza skont l-Artikolu 59(3) tal-Konvenzjoni.

(6)

Barra minn hekk, l-Unjoni għandha tifformula, meta tkun qed tapprova l-Konvenzjoni, ir-riżervi u d-dikjarazzjonijiet kollha li huma awtorizzati mill-Artikoli 62 u 63 rispettivament tal-Konvenzjoni u li hija tqis li huma neċessarji.

(7)

F’dan ir-rigward, l-Unjoni għandha tiddikjara, skont l-Artikolu 2(3) tal-Konvenzjoni, li hija ser testendi l-applikazzjoni tal-Kapitoli II u III tal-Konvenzjoni għall-obbligi ta’ manteniment tal-konjuġi. Fl-istess ħin hija għandha tagħmel dikjarazzjoni unilaterali li fiha tintrabat li teżamina, fi stadju aktar tard, il-possibbiltà ta’ estensjoni ulterjuri tal-kamp ta’ applikazzjoni.

(8)

L-Unjoni għandha tagħmel ir-riżerva prevista fl-Artikolu 44(3) tal-Konvenzjoni dwar il-lingwi aċċettati fil-komunikazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali. L-Istati Membri li jixtiequ li l-Unjoni tagħmel dik ir-riżerva fir-rigward tagħhom għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan minn qabel, u jindikaw il-kontenut tar-riżerva li għandha ssir.

(9)

L-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1)(g) u fl-Artikolu 44(1) u (2) tal-Konvenzjoni. L-Istati Membri li jixtiequ li l-Unjoni tagħmel tali dikjarazzjonijiet fir-rigward tagħhom għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan minn qabel u jindikaw il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet li għandhom isiru.

(10)

Stat Membru li jkun jeħtieġ jirtira fi stadju aktar tard ir-riżerva li tirrigwardah u li tinsab fl-Anness II jew li jimmodifika jew jirtira d-dikjarazzjoni li tirrigwardah u li tinsab fl-Anness III jew li jżid dikjarazzjoni li tirrigwardah fl-Anness III għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Abbażi ta’ dan, l-Unjoni għandha tipproċedi bin-notifika adatta lid-depożitarju.

(11)

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-Awtoritajiet Ċentrali magħżulin f’konformità mal-Artikolu 4 (3) tal-Konvenzjoni u għandhom jikkomunikawlha l-informazzjoni rigward il-liġijiet, il-proċeduri u s-servizzi previsti fl-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lill-Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (“l-Uffiċċju Permanenti”) fil-waqt meta l-Unjoni tiddepożita l-istrument ta’ approvazzjoni tagħha, kif mitlub mill-Konvenzjoni.

(12)

Meta jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni rigward l-Awtoritajiet Ċentrali tagħhom u dwar il-liġijiet, il-proċeduri u s-servizzi tagħhom, l-Istati Membri għandhom jużaw il-Formola dwar il-Profil tal-Pajjiż irrakkomandata u ppubblikata mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, jekk possibbli, f’format elettroniku.

(13)

Stat Membru li jkun jeħtieġ jimmodifika fi stadju aktar tard l-informazzjoni rigward l-Awtorità Ċentrali jew il-liġijiet tiegħu, il-proċeduri u s-servizzi, għandu jinforma direttament lill-Uffiċċju Permanenti u fl-istess ħin jikkomunika l-modifiki lill-Kummissjoni.

(14)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(15)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessa għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja (“il-Konvenzjoni”) hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i mogħtija s-setgħa li tiddepożita/jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, l-istrument previst fl-Artikolu 58(2) tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Meta tiddepożita l-istrument previst fl-Artikolu 58(2) tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjoni ta’ kompetenza skont l-Artikolu 59(3) tal-Konvenzjoni.

It-test ta’ din id-dikjarazzjoni jinsab, taħt il-punt A, fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Meta tiddepożita l-istrument previst fl-Artikolu 58(2) tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha tiddikjara f’konformità mal-Artikolu 2(3) tal-Konvenzjoni, li hija ser testendi l-applikazzjoni tal-Kapitoli II u III tal-Konvenzjoni għall-obbligi ta’ manteniment tal-konjuġi.

It-test ta’ din id-dikjarazzjoni jinsab, taħt il-punt B, fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

2.   Meta tiddepożita l-istrument imsemmi fl-Artikolu 58(2) tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjoni unilaterali li t-test tagħha huwa mehmuż bħala l-Anness IV għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Meta tiddepożita l-istrument imsemmi fl-Artikolu 58(2) tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha tippreżenta r-riżerva prevista fl-Artikolu 44(3) tal-Konvenzjoni dwar l-Istati Membri li joġġezzjonaw għall-użu jew tal-Franċiż, jew tal-Ingliż fil-komunikazzjonijiet bejn l-Awtoritajiet Ċentrali.

It-test ta’ din ir-riżerva jinsab fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Meta tiddepożita l-istrument previst fl-Artikolu 58(2) tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(1)(g) tal-Konvenzjoni dwar l-informazzjoni jew id-dokumenti meħtieġa mill-Istati Membri u fl-Artikolu 44(1) tal-Konvenzjoni dwar il-lingwi aċċettati mill-Istati Membri minbarra l-lingwi uffiċjali tagħhom kif ukoll id-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 44(2) tal-Konvenzjoni.

It-test ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet jinsab fl-Anness III għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

1.   Sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Diċembru 2012, l-Istati Membri għandhom jinnotifkaw lill-Kummissjoni:

(a)

id-dettalji tal-Awtoritajiet ċentrali nominati f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Konvenzjoni; u

(b)

l-informazzjoni li tikkonċerna l-liġijiet, il-proċeduri u s-servizzi previsti fl-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni.

2.   Meta jgħaddu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jużaw il-formola dwar il-profil tal-pajjiż irrakkomandata u ppubblikata mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, jekk possibbli, f’format elettroniku.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-Formoli dwar il-Profil tal-Pajjiż mimlija mill-Istati Membri lill-Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (“l-Uffiċċju Permanenti”) fil-waqt meta l-Unjoni tiddepożita l-istrument imsemmi fl-Artikolu 58(2) tal-Konvenzjoni.

Artikolu 8

Stat Membru li jkun jixtieq jirtira r-riżerva li tirrigwardah u li tinsab fl-Anness II jew jimmodifika jew jirtira d-dikjarazzjoni li tirrigwardah u li tinsab fl-Anness III jew iżid dikjarazzjoni li tirrigwardah fl-Anness III għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bl-irtirar, il-modifika jew iż-żieda mixtieqa.

L-Unjoni għandha mbagħad tipproċedi bin-notifika adatta lid-depożitarju f’konformità mal-Artikolu 63(2) tal-Konvenzjoni.

Artikolu 9

Stat Membru li, wara li l-Kummissjoni tkun bagħtet inizjalment il-Formola dwar il-Profil tal-Pajjiż li tirrigwardah, jixtieq jimmodifika l-informazzjoni li tinsab f’din il-formola, għandu jinforma direttament lill-Uffiċċju Permanenti, jew għandu jwettaq il-modifika meħtieġa direttament, f’każ li tkun qed tintuża l-verżjoni elettronika tal-formola dwar il-profil tal-pajjiż. Fl-istess waqt, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

PINTÉR S.


(1)  Opinjoni mogħtija fil-11 ta’ Frar 2010 (ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 98).

(2)  ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 93, 7.4.2011, p. 9.


ANNESS I

Dikjarazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-waqt tal-approvazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”) f’konformità mal-Artikolu 63 tal-Konvenzjoni

A.   DIKJARAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 59(3) TAL-KONVENZJONI RIGWARD IL-KOMPETENZA TAL-UNJONI EWROPEA DWAR IL-MATERJI RREGOLATI MILL-KONVENZJONI

1.

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li hija teżerċita kompetenza fil-materji kollha rregolati mill-Konvenzjoni. L-Istati Membri tagħha ser ikunu marbuta bil-Konvenzjoni b’riżultat tal-approvazzjoni tagħha mill-Unjoni Ewropea.

2.

L-Istati Membri attwali tal-Unjoni Ewropea huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq.

3.

Madanakollu, din id-dikjarazzjoni ma tapplikax għar-Renju tad-Danimarka, f’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

4.

Din id-dikjarazzjoni mhix applikabbli għal territorji tal-Istati Membri fejn ma japplikax it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 355 ta’ dak it-Trattat) u hija mingħajr preġudizzju għal atti jew pożizzjonijiet li jistgħu jkunu adottati taħt il-Konvenzjoni mill-Istati Membri kkonċernati f’isem u fl-interess ta’ dawn it-territorji.

5.

L-applikazzjonit tal-Konvenzjoni f’kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali ser tkun ir-responsabbiltà tal-Awtoritajiet Ċentrali ta’ kull Stat Membru individwali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, kull meta Awtorità Ċentrali ta’ Stat Kontraenti teħtieġ li tikkuntattja Awtorità Ċentrali ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, hija għandha tikkuntattja direttament lill-Awtorità Ċentrali kkonċernata. L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, jekk iqisu dan opportun, ser jattendu wkoll għal kull Kummissjoni Speċjali li x’aktarx tkun inkarigata ssegwi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni.

B.   DIKJARAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(3) TAL-KONVENZJONI

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li hija ser testendi l-applikazzjoni tal-Kapitoli II u III tal-Konvenzjoni għall-obbligi ta’ manteniment tal-konjuġi.


ANNESS II

Riżerva tal-Unjoni Ewropea fil-waqt tal-approvazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”) f’konformità mal-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni

L-Unjoni Ewropea tagħmel ir-riżerva li ġejja prevista fl-Artikolu 44(3) tal-Konvenzjoni:

Ir-Repubblika Ċeka, Ir-Repubblika tal-Estonja, Ir-Repubblika Ellenika, Ir-Repubblika tal-Latvja, Ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Ir-Repubblika tal-Polonja, Ir-Repubblika Slovakka, Ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq joġġezzjonaw għall-użu tal-Franċiż fil-komunikazzjonijiet bejn l-Awtoritajiet Ċentrali.


ANNESS III

Dikjarazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-waqt tal-approvazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni”) f’konformità mal-Artikolu 63 tal-Konvenzjoni

1.   DIKJARAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 11(1)(g) TAL-KONVENZJONI

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li, fl-Istati Membri elenkati hawn taħt, applikazzjoni oħra għajr applikazzjoni magħmula skont l-Artikolu 10(1)(a) u (2)(a) tal-Konvenzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni jew id-dokumenti speċifikati għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri:

Ir-Renju tal-Belġju:

Għal applikazzjonijiet skont l-Artikolu 10(1)(e) u (f) u (2)(b) u (c), it-test sħiħ tad-deċiżjoni jew id-deċiżjonijiet f’kopja jew kopji ċċertifikati.

Ir-Repubblika Ċeka:

Il-prokura mogħtija lill-Awtorità Ċentrali mill-applikant skont l-Artikolu 42.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja:

Iċ-ċittadinanza, il-professjoni jew ix-xogħol tal-kreditur u, fejn adatt, l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant legali tiegħu.

Iċ-ċittadinanza, il-professjoni jew ix-xogħol tad-debitur, dment li dawn ikunu magħrufin mill-kreditur.

Fil-każ ta’ applikazzjoni minn fornitur ta’ servizz tal-liġi pubblika li jagħmel pretensjonijiet ta’ manteniment ta’ dritt trasferit, l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna li l-pretensjoni tagħha ġiet trasferita.

Fil-każ ta’ indiċjar ta’ pretensjoni infurzabbli, il-metodu tal-kalkolu tal-indiċjar u, fil-każ ta’ obbligu biex jitħallsu interessi legali, ir-rata tal-interessi legali u d-data tal-bidu tal-interessi mandatorji.

Ir-Repubblika tal-Latvja:

L-applikazzjoni tinkludi l-kodiċi personali tal-applikant (jekk assenjata fir-Repubblika tal-Latvja) jew in-numru tal-identifikazzjoni, jekk ikun assenjat; il-kodiċi personali tal-konvenut (jekk assenjata fir-Repubblika tal-Latvja) jew in-numru tal-identifikazzjoni, jekk ikun assenjat; il-kodiċi personali (jekk assenjati fir-Repubblika tal-Latvja) jew in-numri tal-identifikazzjoni, jekk assenjati, tal-persuni kollha li għalihom qed jitfittex manteniment.

L-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(1)(a), (b), (d) u (f) u 2(a) u (c) tal-Konvenzjoni li ma jirrigwardawx il-manteniment tat-tfal (fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni) jiġu akkumpanjati minn dokument li juri sa liema punt l-applikant irċieva għajnuna legali b’xejn fl-Istat ta’ oriġini, li fih informazzjoni dwar it-tip u l-ammont ta’ għajnuna legali li diġà ntalbet u jindika liema għajnuna legali oħra ser tinħtieġ.

Ir-Repubblika tal-Polonja:

I.   Applikazzjoni skont l-Artikolu 10(1)(b):

1.

Applikazzjoni għall-infurzar ta’ deċiżjoni għandha tinkludi l-isem tal-qorti li tkun tat is-sentenza, id-data tas-sentenza u l-isem u l-kunjom tal-partijiet għall-proċedimenti.

2.

Id-dokumenti li ġejjin għandhom ikunu mehmuża:

kopja oriġinali tat-titolu infurzabbli (kopja ċertifikata tas-sentenza flimkien mal-ordni għall-infurzar tagħha),

lista dettaljata ta’ arretrati,

dettalji tal-kont tal-bank li fih għandhom jiġu ttrasferiti l-ammonti infurzati,

kopja tal-applikazzjoni flimkien mal-annessi,

traduzzjoni tad-dokumenti kollha fil-Pollakk minn traduttur ġuramentat (professjonali).

3.

L-applikazzjoni, ir-raġunijiet għall-applikazzjoni, il-lista tal-arretrati u l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur għandhom ikunu ffirmati personalment mill-kreditur(i) jew, fil-każ ta’ minuri, minn rappreżentant legali tagħhom.

4.

Meta l-kreditur ma jkunx fil-pussess tal-kopja oriġinali tat-titolu infurzabbli, ir-raġuni għandha tkun iddikjarata fl-applikazzjoni (eż. dokument mitluf jew meqrud, jew meta l-qorti ma tkunx stabbiliet titolu infurzabbli).

5.

Fil-każ ta’ telf tat-titolu infurzabbli, għandha tkun mehmuża applikazzjoni għal stabbiliment ulterjuri tat-titolu infurzabbli li għandu jissostitwixxi lil dak mitluf.

II.   Applikazzjonijiet skont l-Artikolu 10(1)(c) u (d)

1.

Applikazzjoni għall-istabbiliment ta’ deċiżjoni li tagħti manteniment għat-tfal għandu jkun fiha indikazzjoni tal-ammont ta’ kull xahar mitlub fit-titolu bħala manteniment għat-tfal għal kull kreditur.

2.

L-applikazzjoni u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għandhom ikunu ffirmati personalment mill-kreditur(i) jew, fil-każ ta’ minuri, minn rappreżentant legali tagħhom.

3.

Fir-raġunijiet għal applikazzjoni għall-istabbiliment ta’ deċiżjoni, huwa meħtieġ li jiġu ddikjarati l-fatti kollha li jiġġustifikaw it-talba, u b’mod partikolari li tingħata informazzjoni dwar:

a.

ir-relazzjoni bejn il-kreditur u d-debitur: wild (wild minn żwieġ/wild formalment rikonoxxut mid-debitur/paternità tal-wild stabbilita minn proċedimenti tal-qorti), qarib ieħor, konjuġi, ex-konjuġi, relatat,

b.

informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kreditur għandu jkun fiha dejta li tikkonċerna:

l-età, is-saħħa u l-livell ta’ edukazzjoni tal-kreditur,

l-infiq ta’ kull xahar tal-kreditur (ikel, ħwejjeġ, iġjene personali, prevenzjoni, mediċina, riabilitazzjoni, taħriġ, ħin liberu, infiq eċċezzjonali, eċċ.),

(fejn il-manteniment għat-tfal jintalab għal aktar minn persuna intitolata waħda - id-dejta ta’ hawn fuq għandha tingħata għal kull waħda minn dawn il-persuni),

edukazzjoni tal-ġenitur li jieħu ħsieb lill-kreditur taħt l-età, il-professjoni li jkun tgħallem u l-professjoni attwali tiegħu,

is-sorsi u l-ammont ta’ dħul ta’ kull xahar tal-ġenitur li jieħu ħsieb lill-kreditur,

infiq ta’ kull xahar tal-ġenitur li jieħu ħsieb lill-kreditur taħt l-età għall-manteniment tiegħu/tagħha u ta’ oħrajn, minbarra l-kreditur, dipendenti fuqu/fuqha għal manteniment,

c.

informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur għandha tinkludi wkoll dejta dwar l-edukazzjoni tad-debitur, il-professjoni li jkun tgħallem u l-professjoni attwali tiegħu.

4.

Għandu jkun indikat liema mill-fatti deskritti fir-raġunijiet għandhom jiġu ddikjarati fit-teħid tal-provi (eż. qari tad-dokument waqt il-proċess, smigħ tax-xhud/ix-xhieda, smigħ tal-kreditur jew tar-rappreżentant legali tiegħu/tagħha, smigħ tad-debitur, eċċ.).

5.

Huwa neċessarju li jiġi indikat kull element ta’ prova meħtieġ u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tippermetti lill-qorti tieħu tali prova.

6.

Id-dokumenti għandhom ikunu miktubin u mehmuża mal-applikazzjoni fil-kopja orġinali jew fil-forma ta’ kopji ċertifikati; dokumenti mfassla b’lingwa barranija għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni ċertifikata fil-Pollakk.

7.

Xhieda: l-isem, il-kunjom u l-indirizz ta’ kull xhud għandhom ikunu inklużi.

III.   Applikazzjoni prevista fl-Artikolu 10(1)(e) u (f)

1.

Applikazzjoni għal modifika ta’ deċiżjoni li tagħti manteniment għandha tinkludi:

a.

l-isem tal-qorti li tagħti s-sentenza, id-data tas-sentenza u l-isem u l-kunjom tal-partijiet għall-proċedimenti,

b.

indikazzjoni tal-ammont ta’ manteniment ta’ kull xahar mitlub f’isem kull kreditur minflok il-manteniment li jkun ingħata qabel.

2.

Ir-raġunijiet mogħtija fl-applikazzjoni għandhom jistabbilixxu l-bidla fiċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw it-talba għal bidla fl-ammont tal-manteniment.

3.

L-applikazzjoni u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għandhom ikunu ffirmati personalment mill-kreditur(i) jew, fil-każ ta’ minuri, minn rappreżentant legali tagħhom.

4.

Għandu jkun indikat liema mill-fatti deskritti fir-raġunijiet għandhom jiġu ddikjarati fit-teħid tal-provi (eż. qari tad-dokument waqt il-proċess, smigħ tax-xhud/ix-xhieda, smigħ tal-kreditur jew tar-rappreżentant legali tiegħu/tagħha, smigħ tad-debitur, eċċ.).

5.

Huwa neċessarju li jiġi indikat kull element ta’ prova mitlub u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tippermetti lill-qorti tieħu tali prova.

6.

Id-dokumenti għandhom ikunu miktubin u mehmuża mal-applikazzjoni fil-kopja orġinali jew fil-forma ta’ kopji ċertifikati; dokumenti mfassla b’lingwa barranija għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni ċertifikata fil-Pollakk.

7.

Xhieda: l-isem, il-kunjom u l-indirizz ta’ kull xhud għandhom ikunu inklużi.

IV.   Applikazzjoni prevista fl-Artikolu 10(2)(b) u (c)

1.

Applikazzjoni għal modifika ta’ deċiżjoni li tagħti manteniment għandha tinkludi:

a.

l-isem tal-qorti li tagħti s-sentenza, id-data tas-sentenza u l-isem u l-kunjom tal-partijiet għall-proċedimenti,

b.

indikazzjoni tal-ammont ta’ manteniment ta’ kull xahar mitlub f’isem kull kreditur minflok il-manteniment li jkun ingħata qabel.

2.

Ir-raġunijiet mogħtija fl-applikazzjoni għandhom jistabbilixxu l-bidla fiċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw it-talba għal bidla fl-ammont tal-manteniment.

3.

L-applikazzjoni u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għandhom ikunu ffirmati personalment mid-debitur.

4.

Għandu jkun indikat liema mill-fatti deskritti fir-raġunijiet għandhom jiġu ddikjarati fit-teħid tal-provi (eż. qari tad-dokument waqt il-proċess, smigħ tax-xhud/ix-xhieda, smigħ tal-kreditur jew tar-rappreżentant legali tiegħu/tagħha, smigħ tad-debitur, eċċ.).

5.

Huwa neċessarju li jiġi indikat kull element ta’ prova mitlub u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tippermetti lill-qorti tieħu tali prova.

6.

Id-dokumenti għandhom ikunu miktubin u mehmuża mal-applikazzjoni fil-kopja orġinali jew fil-forma ta’ kopji ċertifikati; dokumenti mfassla b’lingwa barranija għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni ċertifikata fil-Pollakk.

7.

Xhieda: l-isem, il-kunjom u l-indirizz ta’ kull xhud għandhom ikunu inklużi.

Ir-Repubblika Slovakka:

Informazzjoni dwar in-nazzjonalità tal-partijiet kollha involuti.

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq:

Applikazzjoni skont l-Artikolu 10(1)(b)

Ingilterra u Wales

Kopja oriġinali u/jew ċertifikata tad-deċiżjoni; Ċertifikat tal-infurzabbiltà; Dikjarazzjoni ta’ Arretrati; Dokument li jiddikjara li d-debitur deher għas-smigħ oriġinali u jekk le, id-dokument li jikkonferma li d-debitur kien ġie notifikat u ngħata avviż dwar dawk il-proċedimenti jew li hu kien notifikat dwar id-deċiżjoni oriġinali u kien ingħata l-opportunità ta’ difiża jew appell; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab id-debitur - residenza u impjieg; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tad-debitur; Ritratt tad-debitur, jekk disponibbli; Dokument li jindika safejn l-applikant ikun ibbenefika minn għajnuna legali bla ħlas; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jekk applikabbli. Ordni ta’ kopja ċertifikata jew strument ieħor bħala prova tax-xoljiment tż-żwieġ jew relazzjoni oħra, jekk applikabbli.

Skozja

Kopja oriġinali u/jew ċertifikata tad-deċiżjoni; Ċertifikat tal-infurzabbiltà; Dikjarazzjoni ta’ Arretrati; Dokument li jiddikjara li d-debitur deher għas-smigħ oriġinali u jekk le, id-dokument li jikkonferma li d-debitur kien ġie notifikat dwar dawk il-proċedimenti jew li hu kien notifikat dwar id-deċiżjoni oriġinali u kien ingħata l-opportunità ta’ appell; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab id-debitur; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tad-debitur; Ritratt tad-debitur, jekk disponibbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli;

Irlanda ta’ Fuq

Kopja oriġinali u/jew ċertifikata tad-deċiżjoni; Ċertifikat tal-infurzabbiltà; Dikjarazzjoni ta’ Arretrati; Dokument li jiddikjara li d-debitur deher għas-smigħ oriġinali u jekk le, id-dokument li jikkonferma li d-debitur kien ġie notifikat dwar dawk il-proċedimenti jew li hu kien notifikat dwar id-deċiżjoni oriġinali u kien ingħata l-opportunità ta’ appell; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab id-debitur - residenza u impjieg; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tad-debitur; Ritratt tad-debitur, jekk disponibbli; Dokument li jindika safejn l-applikant ikun ibbenefika minn għajnuna legali bla ħlas; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikat taċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jekk applikabbli.

Applikazzjoni skont l-Artikolu 10(1)(c)

Ingilterra u Wales

Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja — dħul/ħruġ/assi; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab il-konvenut — residenza u impjieg; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-konvenut; Ritratt tal-konvenut, jekk disponibbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jekk applikabbli. Ordni ta’ kopja ċertifikata jew strument ieħor bħala prova tax-xoljiment tż-żwieġ jew relazzjoni oħra, jekk applikabbli. Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Applikazzjoni ta’ għajnuna legali; Dokument bħala prova ta’ parentela jekk applikabbli; Kwalunkwe dokument speċifikat ieħor skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3) (b) u 30(3) jekk rilevanti.

Skozja

Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja — dħul/ħruġ/assi; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab il-konvenut; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-konvenut; Ritratt tal-konvenut, jekk disponibbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jekk applikabbli; Applikazzjoni ta’ għajnuna legali; Dokument bħala prova ta’ parentela jekk applikabbli;

Irlanda ta’ Fuq

Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja —dħul/ħruġ/assi; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab il-konvenut —residenza u impjieg; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-konvenut; Ritratt tal-konvenut, jekk disponibbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikata ta’ Sentenza Proviżorja (Decree Nisi) (ċertifikat interim tad-divorzju) jekk applikabbli; Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Applikazzjoni ta’ għajnuna legali; Dokument bħal prova ta’ parentela jekk applikabbli; Kwalunkwe dokument ieħor speċifikat skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3) jekk rilevanti.

Applikazzjoni skont l-Artikolu 10(1)(d)

Ingilterra u Wales

Kopja ċertifikata tad-deċiżjoni rilevanti għall-Artikolu 20 jew l-Artikolu 22(b) jew (e) flimkien mad-dokumenti rilevanti għat-teħid ta’ dik id-deċiżjoni; Dokument li jindika safejn l-applikant ikun ibbenefika minn għajnuna legali bla ħlas; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja - dħul/ħruġ/assi; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab il-konvenut - residenza u impjieg; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-konvenut; Ritratt tal-konvenut, jekk disponibbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jekk applikabbli; Ordni ta’ kopja ċertifikata jew strument ieħor bħala prova tax-xoljiment taż-żwieġ jew relazzjoni oħra, jekk applikabbli. Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Dokument bħala prova ta’ parentela jekk applikabbli; Kwalunkwe dokument ieħor speċifikat skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3) jekk rilevanti.

Skozja

Bħal fl-Artikolu 10(1)(c) ta’ hawn fuq.

Irlanda ta’ Fuq

Kopja ċertifikata tad-deċiżjoni rilevanti għall-Artikolu 20 jew l-Artikolu 22(b) jew (e) flimkien mad-dokumenti rilevanti għat-teħid ta’ dik id-deċiżjoni; Dokument li jindika safejn l-applikant ikun ibbenefika minn għajnuna legali bla ħlas; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja - dħul/ħruġ/assi; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab il-konvenut - residenza u impjieg; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-konvenut; Ritratt tal-konvenut, jekk disponibbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikata ta’ Sentenza Proviżorja (Decree Nisi) (ċertifikat interim tad-divorzju) jekk applikabbli; Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Dokument bħala prova ta’ parentela jekk applikabbli; Kwalunkwe dokument ieħor speċifikat skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3) jekk rilevanti.

Applikazzjoni skont l-Artikolu 10(1)(e)

Ingilterra u Wales

Kopja tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut — dħul/ħruġ/assi; Applikazzjoni ta’ għajnuna legali; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni tat-tifel/tifla (tfal); Dokumenti rilevanti għall-istat ċivili tal-applikant/konvenut jekk applikabbli; Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Kwalunkwe dokument ieħor speċifikat skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3) jekk rilevanti. Dikjarazzjoni bil-miktub li ż-żewġ partijiet dehru fil-proċedimenti u jekk deher l-applikant biss il-kopja oriġinali jew ċertifikata tad-dokument li jistabbilixxi evidenza ta’ servizz tal-avviż tal-proċedimenti dwar il-parti l-oħra.

Skozja

Kopja tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut -dħul/ħruġ/assi; Applikazzjoni ta’ għajnuna legali; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni tat-tifel/tifla (tfal);

Irlanda ta’ Fuq

Kopja tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut -dħul/ħruġ/assi; Applikazzjoni ta’ għajnuna legali; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni tat-tifel/tifla (tfal); Dokumenti rilevanti għall-istat ċivili tal-applikant/konvenut jekk applikabbli; Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Kwalunkwe dokument ieħor speċifikat skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3) jekk rilevanti.

Applikazzjoni skont l-Artikolu 10(1)(f)

Ingilterra u Wales

Kopja oriġinali u/jew ċertifikata tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Dokument li jiddikjara li d-debitur deher fis-smigħ oriġinali u jekk le, id-dokument li jikkonferma li d-debitur kien ġie notifikat dwar dawk il-proċedimenti jew li hu kien notifikat dwar id-deċiżjoni oriġinali u kien ingħata l-opportunità ta’ appell; Dokument li jindika safejn l-applikant ikun ibbenefika minn għajnuna legali bla ħlas; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut - dħul/ħruġ/assi; Ċertifikat tal-infurzabbiltà; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni tat-tifel/tifla(tfal); Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikata ta’ ordni jew strument ieħor bħala prova tax-xoljiment taż-żwieġ jew relazzjoni oħra, jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-istat ċivili tal-applikant/konvenut, jekk applikabbli; Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab id-debitur - residenza u impjieg; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tad-debitur; Ritratt tad-debitur, jekk disponibbli; Kwalunkwe dokument ieħor speċifikat skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3) jekk rilevanti. Dikjarazzjoni bil-miktub li ż-żewġ partijiet dehru fil-proċedimenti u jekk deher l-applikant biss il-kopja oriġinali jew ċertifikata tad-dokument li huwa prova li ngħata l-avviż tal-proċedimenti lill-parti l-oħra.

Skozja

Kopja oriġinali u/jew ċertifikata tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Dokument li jikkonferma li d-debitur kien ġie notifikat dwar dawk il-proċedimenti jew li kien notifikat dwar id-deċiżjoni oriġinali u li ngħata opportunità li jappella; Dokument li jindika safejn l-applikant ikun ibbenefika minn għajnuna legali bla ħlas; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut - dħul/ħruġ/assi; Ċertifikat tal-infurzabbiltà; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni tat-tifel/tifla(tfal); Dokumenti rilevanti għall-istat ċivili tal-applikant/konvenut, jekk applikabbli; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab id-debitur; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tad-debitur; Ritratt tad-debitur, jekk disponibbli.

Irlanda ta’ Fuq

Kopja oriġinali u/jew ċertifikata tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Dokument li jiddikjara li d-debitur deher fis-smigħ oriġinali u jekk le, id-dokument li jikkonferma li d-debitur kien ġie notifikat dwar dawk il-proċedimenti jew li hu kien notifikat dwar id-deċiżjoni oriġinali u kien ingħata l-opportunità ta’ appell; Dokument li jindika safejn l-applikant ikun ibbenefika minn għajnuna legali bla ħlas; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut - dħul/ħruġ/assi; Ċertifikat tal-infurzabbiltà; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni tat-tifel/tifla(tfal); Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikata tas-Sentenza Proviżorja (Decree Nisi) (ċertifikat interim tad-divorzju) jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-istat ċivili tal-applikant/konvenut, jekk applikabbli; Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab id-debitur - residenza u impjieg; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tad-debitur; Ritratt tad-debitur, jekk disponibbli; Kwalunkwe dokument ieħor speċifikat skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3) jekk rilevanti.

Applikazzjoni skont l-Artikolu 10(2)(b)

Ingilterra u Wales

Kopja tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut - dħul/ħruġ/assi; Applikazzjoni ta’ għajnuna legali; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni tat-tifel/tifla(tfal); Dokumenti rilevanti għall-istat ċivili tal-applikant/konvenut - dħul/ħruġ/assi; Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Kwalunkwe dokument ieħor speċifikat skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3) jekk rilevanti.

Skozja

Kopja tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut - dħul/ħruġ/assi; Applikazzjoni ta’ għajnuna legali; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni tat-tifel/tifla(tfal).

Irlanda ta’ Fuq

Kopja tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut - dħul/ħruġ/assi; Applikazzjoni ta’ għajnuna legali; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni tat-tifel/tifla(tfal); Dokumenti rilevanti għall-istat ċivili tal-applikant/konvenut jekk applikabbli; Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Kwalunkwe dokument ieħor speċifikat skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3) jekk rilevanti.

Applikazzjoni skont l-Artikolu 10(2)(c)

Ingilterra u Wales

Kopja oriġinali u/jew ċertifikata tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Ċertifikat tal-infurzabbiltà; Dokument li jindika safejn l-applikant ikun ibbenefika minn għajnuna legali bla ħlas; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut - dħul/ħruġ/assi; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni tat-tifel/tifla(tfal); Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jekk applikabbli; Ordni ta’ kopja ċertifikata jew strument ieħor bħala prova tax-xoljiment taż-żwieġ jew relazzjoni oħra jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-istat ċivili tal-applikant/konvenut jekk applikabbli; Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab il-kreditur - residenza u impjieg; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-kreditur; Ritratt tal-kreditur, jekk disponibbli; Kwalunkwe dokument ieħor speċifikat skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3) jekk rilevanti.

Skozja

Kopja oriġinali u/jew ċertifikata tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Dokument li jindika safejn l-applikant ikun ibbenefika minn għajnuna legali bla ħlas; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut —dħul/ħruġ/assi; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab il-kreditur; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-kreditur; Ritratt tal-kreditur, jekk disponibbli.

Irlanda ta’ Fuq

Kopja oriġinali u/jew ċertifikata tad-deċiżjoni li għandha tiġi mmodifikata; Ċertifikat tal-infurzabbiltà; Dokument li jindika safejn l-applikant ikun ibbenefika minn għajnuna legali bla ħlas; Dokumenti rilevanti għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant/konvenut - dħul/ħruġ/assi; Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat tat-Twelid jew tal-Adozzjoni tat-tifel/tifla(tfal) jekk applikabbli; Ċertifikat mill-iskola/kulleġġ jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-bidla fis-sitwazzjoni tat-tifel/tifla(tfal); Kopja ċertifikata taċ-Ċertifikat taż-Żwieġ jekk applikabbli; Kopja ċertifikata tas-Sentenza Proviżorja (Decree Nisi) (ċertifikat interim tad-divorzju) jekk applikabbli; Dokumenti rilevanti għall-istat ċivili tal-applikant/konvenut jekk applikabbli; Kopja ta’ kwalunkwe ordni tal-qorti rilevanti; Dikjarazzjoni dwar fejn jinsab il-kreditur - residenza u impjieg; Dikjarazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-kreditur; Ritratt tal-kreditur, jekk disponibbli; Kwalunkwe dokument ieħor speċifikat skont l-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3) jekk rilevanti.

Ġenerali

Għall-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 10, inklużi l-Artikoli 10(1)(a) u 10(2)(a), l-Awtorità Ċentrali tal-Ingilterra u Wales tixtieq tirċievi tliet kopji ta’ kull dokument, akkumpanjati mit-traduzzjonijiet għall-Ingliż (jekk meħtieġ).

Għall-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 10, inklużi l-Artikoli 10(1)(a) u 10(2)(a), l-Awtorità Ċentrali tal-Irlanda ta’ Fuq tixtieq tirċievi tliet kopji ta’ kull dokument, akkumpanjati mit-traduzzjonijiet għall-Ingliż.

2.   DIKJARAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 44(1) TAL-KONVENZJONI

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li l-Istati Membri elenkati hawn taħt jaċċettaw l-applikazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti li huma tradotti, minbarra l-lingwa uffiċjali tagħhom, fil-lingwi speċifikati għal kull wieħed minnhom:

 

Ir-Repubblika Ċeka: Slovakk

 

Ir-Repubblika tal-Estonja: Ingliż

 

Ir-Repubblika tal-Litwanja: Ingliż

 

Ir-Repubblika Slovakka: Ċek

3.   DIKJARAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 44(2) TAL-KONVENZJONI

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li fil-Belġju, id-dokumenti li għandhom, għandhom jitfasslu bil-Franċiż, l-Olandiż jew il-Ġermaniż, jew jiġu tradotti fihom, skont il-parti tat-territorju Belġjan li fihom għandhom jiġu ppreżentati d-dokumenti.

Informazzjoni dwar liema lingwa għandha tintuża fi kwalunkwe parti tat-territorju Belġjan tista’ tinsab fil-Manwal tal-aġenziji li jirċievu skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti). Dan il-Manwal jista’ jinsab fuq il-websajt http://ec.europa.eu/justice_home/judicialatlascivil/html/index_mt.htm

Ikklikkja fuq:

“Notifika ta’ Dokumenti (Regolament 1393/2007)”/“Atti”/“Manwal”/“Il-Belġju”/“Geographical areas of competence” (pp. 42 et seq.).

jew mur direttament fuq l-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/justice_home/judicialatlascivil/html/pdf/manual_sd_bel.pdf

u kklikkja fuq “Geographical areas of competence” (pp. 42 et seq.).


ANNESS IV

Dikjarazzjoni unilaterali mill-Unjoni Ewropea fil-waqt tal-approvazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja

L-Unjoni Ewropea tagħmel id-dikjarazzjoni unilaterali li ġejja:

“L-Unjoni Ewropea tissottolinja li hija tagħti importanza kbira lill-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja. Hija tagħraf li kamp ta’ applikazzjoni estiż għall-obbligi ta’ manteniment kollha li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ familja, ta’ ġenitur, ta’ żwieġ jew ta’ affinità x’aktarx iżid b’mod konsiderevoli l-effett utli tal-Konvenzjoni b’tali mod li l-kredituri tal-manteniment kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita bil-Konvenzjoni.

Huwa f’dan l-ispirtu li l-Unjoni Ewropea biħsiebha testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli II u III tal-Konvenzjoni għall-obbligi ta’ manteniment tal-konjuġi, hekk kif il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li teżamina, fi żmien seba’ snin, fid-dawl tal-esperjenza miksuba u ta’ dikjarazzjonijiet ta’ estensjoni possibbli magħmula minn Stati kontraenti oħra, il-possibbiltà li testendi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni kollha għall-obbligi ta’ manteniment kollha li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ familja, ta’ ġenitur, ta’ żwieġ jew ta’ affinità.”.


Top

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/51


KONVENZJONI

dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja

(Konkluża fit-23 ta’ Novembru 2007)

L-ISTATI FIRMATARJI TAL-KONVENZJONI PREŻENTI,

FILWAQT LI JIXTIEQU jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati għall-irkupru internazzjonali ta’ manteniment għat-tfal u forom oħra ta’ manteniment tal-familja,

KONXJI mill-ħtieġa għal proċeduri li jagħtu riżultati u li jkunu aċċessibbli, immedjati, effiċjenti, kost- effettivi, responsivi u ġusti,

FILWAQT LI JIXTIEQU jibnu fuq l-aħjar karatteristiċi tal-Konvenzjonijiet tal-Aja u strumenti internazzjonali oħra diġà eżistenti, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Irkupru ta’ Manteniment barra mill-pajjiż tal-20 ta’ Ġunju 1956,

FILWAQT LI JFITTXU li jieħdu vantaġġ mill-avvanzi fit-teknoloġiji u li joħolqu sistema flessibbli li tista’ tkompli tevolvi hekk kif il-bżonniijiet jinbidlu u titjib ulterjuri fit-teknoloġija joħloq opportunitajiet ġodda,

FILWAQT LI JFAKKRU LI, skont l-Artikoli 3 u 27 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta’ Novembru 1989,

fl-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw it-tfal l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun konsiderazzjoni primarja,

it-tfal kollha għandhom id-dritt għal livell ta’ ħajja adegwat għall-iżvilupp fiżiku, mentali, spiritwali, morali u soċjali tagħhom,

il-ġenitur(i) jew persuni oħrajn responsabbli għat-tfal għandhom ir-responsabbiltà primarja li jiżguraw, fl-ambitu tal-ħiliet u l-kapaċitajiet finanzjarji tagħhom, il-kondizzjonijiet tal-ħajja neċessarji għall-iżvilupp tagħhom, u

l-Istati Partijiet għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha xierqa, inklużi l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, sabiex jiggarantixxu l-irkupru tal-manteniment għat-tfal mill-ġenitur(i) jew persuni oħrajn responsabbli, b’mod partikolari meta dawn il-persuni jgħixu fi Stat differenti minn dak tat-tfal,

IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU DIN IL-KONVENZJONI U QABLU DWAR ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

KAPITOLU I

GĦAN, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Għan

L-għan tal-Konvenzjoni preżenti huwa li jkun żgurat l-irkupru internazzjonali effetiv ta’ manteniment għat-tfal u forom oħrajn ta’ manteniment tal-familja, b’mod partikolari billi -

(a)

tiġi stabbilita sistema komprensiva ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Kontraenti;

(b)

ikunu disponibbli talbiet għall-istabbiliment ta’ deċiżjonijiet dwar il-manteniment;

(c)

isir provvediment għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet dwar il-manteniment; u

(d)

ikunu hemm miżuri effettivi għall-infurzar fil-pront ta’ deċiżjonijiet dwar il-manteniment.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

(1)   Din il-Konvenzjoni għandha tapplika -

(a)

għall-obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjoni ġenitur-tifel fil-konfront ta’ persuna taħt il-21 sena;

(b)

għar-rikonoxximent u l-infurzar jew l-infurzar ta’ deċiżjoni għall-manteniment tal-konjuġi meta t-talba ssir flimkien ma’ pretensjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-subparagrafu a); u

(c)

bl-eċċezzjoni tal-Kapitoli II u III, għall-manteniment tal-konjuġi.

(2)   Kwalunkwe Stat Kontraenti jista’, f’konformità mal-Artikolu 62, jirriżerva d-dritt li jillimita l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni taħt is-subparagrafu 1 a), għal persuni taħt it-18-il sena. Stat Kontraenti li jagħmel din ir-riżerva ma għandux ikun intitolat li jinvoka l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni għal persuni tal-età eskluża b’din ir-riżerva.

(3)   Kwalunkwe Stat Kontraenti jista’ jiddikjara f’konformità mal-Artikolu 63 li hu ser jestendi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni kollha jew ta’ parti minnha għal kwalunkwe obbligu ta’ manteniment li jirriżulta minn relazzjoni tal-familja, ta’ dixxendenza, ta’ żwieġ jew ta’ affinità, inklużi b’mod partikolari obbligi fil-konfront ta’ persuni vulnerabbli. Tali dikjarazzjoni għandha tagħti lok għal obbligi bejn iż-żewġ Stati Kontraenti biss safejn id-dikjarazzjonijiet tagħhom ikopru l-istess obbligi ta’ manteniment u l-istess partijiet tal-Konvenzjoni.

(4)   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw għat-tfal irrispettivament mill-istat taż-żwieġ tal-ġenituri.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni -

(a)

“kreditur” tfisser individwu li hu dovut lilu jew li allegatament hu dovut lilu l-manteniment;

(b)

“debitur” tfisser individwu li għandu jagħti jew li allegatament għandu jagħti manteniment;

(c)

“assistenza legali” tfisser l-assistenza neċessarja sabiex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jsiru jafu u jasserixxu d-drittijiet tagħhom u sabiex ikun żgurat li t-talbiet jiġu ttrattati b’mod sħiħ u effettiv fl-Istat li ssirlu t-talba. Il-mezzi sabiex tiġi provduta din l-assistenza jistgħu jinkludu, skont il-ħtieġa, pariri legali, għajnuna biex jinġieb il-każ quddiem awtorità, rappreżentanza legali u eżenzjoni mill-ispejjeż tal-proċedimenti;

(d)

“ftehim bil-miktub” tfisser ftehim irreġistrat fi kwalunkwe mezz, bit-tagħrif li jkun miġbur fih ikun aċċessibbli b’mod li jista’ jerġa’ jiġi kkonsultat aktar ’il quddiem;

(e)

“arranġament ta’ manteniment” tfisser ftehim bil-miktub li jirrigwarda ħlas ta’ manteniment li:

(i)

ġie formalment abbozzat jew irreġistrat bħala strument awtentiku minn awtortità kompetenti; jew

(ii)

ġie awtentikat minn, jew konkluż, irreġistrat jew ippreżentat għand awtorità kompetenti,

u li jista’ jkun is-suġġett ta’ reviżjoni jew modifika minn awtorità kompetenti;

(f)

“persuna vulnerabbli” tfisser persuna li, minħabba xi difett jew insuffiċjenza tal-fakultajiet personali tagħha, ma tkunx tista’ ssostni lilha nnifisha.

KAPITOLU II

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 4

Nomina ta’ Awtoritajiet Ċentrali

(1)   Stat Kontraenti għandu jinnomina Awtorità Ċentrali għall-qadi tad-dmirijiet li huma imposti mill-Konvenzjoni fuq tali awtorità.

(2)   L-Istati Federali, Stati b’iktar minn sistema legali waħda jew Stati b’unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu liberi li jaħtru iktar minn Awtorità Ċentrali waħda u għandhom jispeċifikaw il-portata territorjali jew personali tal-funzjonijiet tagħhom. Meta Stat ikun ħatar aktar minn Awtorità Ċentrali waħda, huwa għandu jinnomina l-Awtorità Ċentrali li lilha tista’ tiġi indirizzata kull komunikazzjoni biex tiġi trażmessa lill-Awtorità Ċentrali adatta f’dak l-Istat.

(3)   In-nomina tal-Awtorità Ċentrali jew tal-Awtoritajiet Ċentrali, id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, u fejn adatt il-portata tal-funzjonijiet tagħhom kif speċifikata fil-paragrafu 2, għandhom jiġu kkomunikati minn Stat Kontraenti lill-Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fil-mument meta l-istrument ta’ ratifika jew adeżjoni jiġi ddepożitat jew meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni skont l-Artikolu 61. L-Istati Kontraenti għandhom jinfurmaw minnufih lill-Uffiċċju Permanenti, bi kwalunkwe tibdil.

Artikolu 5

Funzjonijiet ġenerali tal-Awtoritajiet Ċentrali

L-Awtoritajiet Ċentrali għandhom:

(a)

jikkooperaw ma’ xulxin u jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati tagħhom sabiex jilħqu l-għanijiet tal-Konvenzjoni;

(b)

ifittxu, sa fejn ikun possibbli, soluzzjonijiet għad-diffikultajiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni.

Artikolu 6

Funzjonijiet speċifiċi tal-Awtoritajiet Ċentrali

(1)   L-Awtoritajiet Ċentrali għandhom jipprovdu assistenza fir-rigward tat-talbiet taħt il-Kapitolu III. B’mod partikolari huma għandhom:

(a)

jittrażmettu u jirċievu tali talbiet;

(b)

jibdew jew jiffaċilitaw l-istituzzjoni ta’ proċedimenti fir-rigward ta’ tali talbiet.

(2)   Fir-rigward ta’ tali talbiet huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha adatti:

(a)

meta ċ-ċirkostanzi hekk jeħtieġu, biex jipprovdu jew jiffaċilitaw l-għoti ta’ assistenza legali;

(b)

sabiex jgħinu biex jinstab id-debitur jew il-kreditur;

(c)

sabiex jgħinu biex tinkiseb informazzjoni rilevanti dwar id-dħul u, jekk meħtieġ, dwar ċirkostanzi finanzjarji oħra tad-debitur jew tal-kreditur, inkluż fejn qegħdin l-assi;

(d)

sabiex jinkoraġġixxu soluzzjonijiet bonarji bil-għan li jsir ħlas volontarju tal-manteniment, fejn hu xieraq permezz ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew proċessi simili;

(e)

biex jiffaċilitaw l-infurzar kurrenti ta’ deċiżjonijiet ta’ manteniment, inkluż kwalunkwe arretrat;

(f)

biex jiffaċilitaw il-ġbir u t-trasferiment malajr ta’ pagamenti ta’ manteniment;

(g)

sabiex jiffaċilitaw il-ġbir ta’ provi dokumentarji jew provi oħrajn;

(h)

sabiex jipprovdu assistenza biex tiġi stabbilita d-dixxendenza, fejn meħtieġ, għall-irkupru tal-manteniment;

(i)

sabiex jibdew jew jiffaċilitaw il-bidu tal-proċedimenti sabiex jinkisbu l-miżuri provviżorji neċessarji li jkunu territorjali fin-natura tagħhom u li l-għan tagħhom ikun li jiġi garantit ir-riżultat ta’ talba pendenti għall-manteniment;

(j)

sabiex jiffaċilitaw in-notifika ta’ dokumenti.

(3)   Il-funzjonijiet tal-Awtorità Ċentrali taħt dan l-Artikolu jistgħu, sa fejn hu permess taħt il-liġi tal-Istat tagħha, jiġu mwettqa minn korpi pubbliċi, jew korpi oħrajn soġġetti għas-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat. In-nomina ta’ tali korpi pubbliċi jew korpi oħrajn, kif ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom u l-portata tal-funzjonijiet tagħhom, għandhom jiġu kkomunikati minn Stat Kontraenti lill-Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. L-Istati Kontraenti għandhom jinfurmaw minnufih lill-Uffiċċju bi kwalunkwe bidla.

(4)   Xejn f’dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 7 ma għandu jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu fuq l-Awtorità Ċentrali sabiex teżerċita setgħat li jistgħu jiġu eżerċitati biss minn awtoritajiet ġudizzjarji skont il-liġi tal-Istat li ssirlu t-talba.

Artikolu 7

Talbiet għal miżuri speċifiċi

(1)   Awtorità Ċentrali tista’ tagħmel talba, sostnuta b’raġunijiet, lil Awtorità Ċentrali oħra sabiex tieħu miżuri speċifiċi adatti taħt l-Artikolu 6(2)(b), (c), (g), (h), (i)u (j) meta ma hemm l-ebda talba pendenti taħt l-Artikolu 10. L-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba għandha tieħu dawk il-miżuri li huma xierqa jekk tkun sodisfatta li huma meħtieġa sabiex jgħinu lil rikorrent potenzjali sabiex jippreżenta talba taħt l-Artikolu 10 jew sabiex jiġi determinat jekk tali talba għandhiex tiġi ppreżentata.

(2)   Awtorità Ċentrali tista’ wkoll tieħu miżuri speċifiċi fuq talba ta’ Awtorità Ċentrali oħra fir-rigward ta’ każ li jkollu element internazzjonali li jikkonċerna l-irkupru ta’ manteniment li jkun pendenti fl-Istat li jkun qed jagħmel it-talba.

Artikolu 8

Spejjeż tal-Awtorità Ċentrali

(1)   Kull Awtorità Ċentrali għandha tbati l-ispejjeż proprji fl-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

(2)   L-Awtoritajiet Ċentrali ma jistgħux jimponu xi spiża fuq rikorrent għall-provvediment tas-servizzi tagħhom taħt il-Konvenzjoni ħlief għal spejjeż eċċezzjonali li jirriżultaw minn talba għal miżura speċifika taħt l-Artikolu 7.

(3)   L-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba ma tistax tirkupra l-ispejjeż tas-servizzi msemmijin fil-paragrafu 2 mingħajr il-kunsens minn qabel tar-rikorrent għall-provvediment ta’ dawk is-servizzi b’dik l-ispiża.

KAPITOLU III

TALBIET PERMEZZ TAL-AWTORITAJIET ĊENTRALI

Artikolu 9

Talba permezz tal-Awtoritajiet Ċentrali

Talba taħt dan il-Kapitolu għandha ssir permezz tal-Awtorità Ċentrali tal-Istat Kontraenti li fih jirrisjedi r-rikorrent lill-Awtorità Ċentrali tal-Istat li ssirlu t-talba. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, ir-residenza teskludi s-sempliċi preżenza.

Artikolu 10

Talbiet disponibbli

(1)   Il-kategoriji li ġejjin rigward talbiet għandhom ikunu disponibbli lill-kreditur fl-Istat li jagħmel it-talba li jkun qed ifittex li jirkupra l-manteniment taħt din il-Konvenzjoni:

(a)

rikonoxximent jew rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjoni;

(b)

infurzar ta’ deċiżjoni magħmula jew rikonoxxuta fl-Istat li ssirlu t-talba;

(c)

l-istabbiliment ta’ deċiżjoni fl-Istat li ssirlu t-talba meta ma hemmx deċiżjoni diġà eżistenti, inkluż meta jkun meħtieġ li tiġi stabbilita d-dixxendenza;

(d)

l-istabbiliment ta’ deċiżjoni fl-Istat li ssirlu t-talba meta r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni mhumiex possibbli, jew meta jiġu rifjutati minħabba n-nuqqas ta’ bażi għal rikonoxximent u infurzar taħt l-Artikolu 20, jew għar-raġunijiet speċifikati fl-Artikolu 22 (b) jew (e);

(e)

modifika ta’ deċiżjoni li ssir fl-Istat li ssirlu t-talba;

(f)

modifika ta’ deċiżjoni li ssir fi Stat minbarra dak li ssirlu t-talba;

(2)   Il-kategoriji li ġejjin rigward talba għandhom ikunu disponibbli għad-debitur fl-Istat li jagħmel it-talba li kontra tiegħu jkun hemm deċiżjoni eżistenti dwar manteniment:

(a)

rikonoxximent ta’ deċiżjoni, jew proċedura ekwivalenti li twassal għas-sospensjoni, jew li tillimita l-infurzar, ta’ deċiżjoni preċedenti fl-Istat li ssirlu t-talba;

(b)

modifika ta’ deċiżjoni li ssir fl-Istat li saritlu t-talba;

(c)

modifika ta’ deċiżjoni li ssir fi Stat minbarra dak li ssirlu t-talba.

(3)   Sakemm mhux previst mod ieħor f’din il-Konvenzjoni, it-talbiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu determinati skont il-liġi tal-Istat li saritlu t-talba, u t-talbiet fil-paragrafi 1(c) sa (f) u 2(b) u (c) għandhom ikunu soġġetti għar-regoli ġuriżdizzjonali applikabbli fl-Istat li ssirlu t-talba.

Artikolu 11

Kontenut tat-talba

(1)   It-talbiet kollha taħt l-Artikolu 10 għandhom jinkludu bħala minimu:

(a)

dikjarazzjoni dwar in-natura tat-talba jew talbiet;

(b)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt, inkluż l-indirizz u d-data tat-twelid tar-rikorrent;

(c)

l-isem u, jekk ikun magħruf, l-indirizz u d-data tat-twelid tal-intimat;

(d)

l-isem u d-data tat-twelid ta’ kwalunkwe persuna li għaliha hu mitlub il-manteniment;

(e)

ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata t-talba;

(f)

f’talba minn kreditur, l-informazzjoni li tirrigwarda fejn għandu jintbagħat, jew trażmess b’mod elettroniku, il-ħlas;

(g)

ħlief għal talba skont l-Artikolu 10(1)(a) u (2)(a), kwalunkwe informazzjoni jew dokument speċifikat permezz ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 63 mill-Istat li ssirlu t-talba;

(h)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna jew l-unità mill-Awtorità Ċentrali tal-Istat li jagħmel it-talba, li hi responsabbli għall-ipproċessar tat-talba.

(2)   Kif ikun adatt, u sa fejn hu magħruf, ir-rikorrent għandu wkoll b’mod partikolari jinkludi:

(a)

iċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-kreditur;

(b)

iċ-ċirkostanzi finanzjarji tad-debitur, inklużi l-isem u l-indirizz ta’ min iħaddem tad-debitur u n-natura tal-assi tad-debitur u fejn jinsabu;

(c)

kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ tgħin biex jinsab l-intimat.

(3)   It-talba għandu jkollha magħha kull informazzjoni jew dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa inkluża d-dokumentazzjoni li tikkonċerna d-dritt tar-rikorrent għal assistenza legali b’xejn. Fil-każ ta’ talbiet taħt l-Artikolu 10(1)(a) u (2)(a), it-talba għandu jkollu magħha biss id-dokumenti elenkati fl-Artikolu 25.

(4)   Talba taħt l-Artikolu 10 tista’ ssir fil-forma rakkomandata u ppubblikata mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Artikolu 12

Trażmissjoni, irċevuta u pproċessar ta’ talbiet u każijiet permezz tal-Awtoritajiet Ċentrali

(1)   L-Awtorità Ċentrali tal-Istat li jagħmel it-talba għandha tassisti lir-rikorrent sabiex jiżgura li t-talba jkollha magħha l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li hija taf li huma meħtieġa biex tiġi kkunsidrata t-talba.

(2)   L-Awtorità Ċentrali tal-Istat li jagħmel it-talba għandha, meta tkun sodisfatta li t-talba tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni, titTrażmetti t-talba f’isem u bil-kunsens tar-rikorrent lill-Awtorità Ċentrali tal-Istat li ssirlu t-talba. It-talba għandu jkollha magħha l-formola ta’ Trażmissjoni li tinsab fl-Anness 1. L-Awtorità Ċentrali tal-Istat li jagħmel it-talba għandha, meta mitluba mill-Awtorità Ċentrali tal-Istat li ssirlu t-talba, tipprovdi kopja sħiħa ċċertifikata mill-awtorità kompetenti fl-Istat tal-oriġini, ta’ kwalunkwe dokument speċifikat fl-Artikoli 16(3), 25(1)(a), (b) u (d) u (3)(b) u 30(3).

(3)   L-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba għandha, fi żmien sitt ġimgħat mid-data minn meta tirċievi t-talba, tagħti konferma tar-riċevuta fil-forma stabbilita fl-Anness 2, u għandha tinforma lill-Awtorità Ċentrali tal-Istat li jagħmel it-talba dwar il-passi inizjali li ttieħdu jew li ser jittieħdu sabiex tiġi ttrattata t-talba, u tista’ titlob dokumenti u informazzjoni ulterjuri li jkunu meħtieġa. Fi żmien l-istess perijodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba għandha tipprovdi lill-Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-persuna jew l-unità responsabbli sabiex twieġeb mistoqsijiet rigward il-progress tat-talba.

(4)   Fi żmien tliet xhur mill-konferma, l-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba għandha tinforma lill-Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba dwar l-istat tat-talba.

(5)   Kemm l-Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba kif ukoll dik li ssirilha t-talba għandhom iżommu lil xulxin informati dwar -

(a)

il-persuna jew l-unità responsabbli għal każ partikolari;

(b)

il-progress tal-każ,

u għandhom jipprovdu tweġibiet fil-ħin għall-mistoqsijiet.

(6)   L-Awtoritajiet Ċentrali għandhom jipproċessaw il-każ malajr kemm jista’ jkun safejn dan ikun possibbli għal konsiderazzjoni xierqa tal-kwistjonijiet involuti.

(7)   L-Awtoritajiet Ċentrali għandhom jużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni l-aktar rapidi u effiċjenti għad-dispożizzjoni tagħhom.

(8)   Awtorità Ċentrali li ssirilha talba tista’ biss tirrifjuta li tipproċessa talba meta jkun jidher ċar li r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni mhumiex sodisfatti. F’dan il-każ, l-Awtorità Ċentrali għandha minnufih tinforma lill-Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba dwar ir-raġunijiet tar-rifjut.

(9)   L-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba ma tistax tirrifjuta talba unikament fuq il-bażi li jinħtieġu dokumenti u informazzjoni addizzjonali. Madanakollu, l-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba tista’ titlob lill-Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba sabiex tipprovdi dawn id-dokumenti jew informazzjoni addizzjonali. Jekk l-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba ma tagħmilx dan fi żmien tliet xhur jew fi żmien perijodu itwal speċifikat mill-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba, l-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba tista’ tiddeċiedi li ma tipproċessax aktar it-talba. F’dan il-każ, hi għandha tinforma lill-Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba b’din id-deċiżjoni.

Artikolu 13

Mezzi ta’ komunikazzjoni

Kwalunkwe talba magħmula permezz tal-Awtoritjiet Ċentrali tal-Istati Kontraenti f’konformità ma’ dan il-Kapitolu, u kwalunkwe dokument jew informazzjoni annessa miegħu jew fornita mill-Awtorità Ċentrali, ma jistgħux jiġu kkontestati mill-intimat unikament fuq il-bażi tat-tip jew tal-mezzi ta’ komunikazzjoni użati bejn l-Awtoritajiet Ċentrali kkonċernati.

Artikolu 14

Aċċess effettiv għall-proċeduri

(1)   L-Istat li ssirlu t-talba għandu jipprovdi lir-rikorrenti aċċess effettiv għall-proċeduri, inklużi proċeduri ta’ infurzar u ta’ appell, li ġejjin minn talbiet taħt dan il-Kapitolu.

(2)   Sabiex jipprovdi tali aċċess effettiv, l-Istat li ssirlu t-talba għandu jipprovdi assistenza legali bla ħlas f’konformità mal-Artikoli 14 sa 17 sakemm ma jkunx japplika l-paragrafu 3.

(3)   L-Istat li ssirlu t-talba mhuwiex obbligat jipprovdi tali assistenza legali bla ħlas jekk u sa fejn il-proċeduri ta’ dak l-Istat jippermettu lir-rikorrent jagħmel il-każ mingħajr il-ħtieġa ta’ tali assistenza, u l-Awtorità Ċentrali tipprovdi tali servizzi li jkunu meħtieġa bla ħlas.

(4)   Id-drittijiet għal assistenza legali bla ħlas m’ghandhomx ikunu anqas minn dawk disponibbli f’kawżi domestiċi ekwivalenti.

(5)   L-ebda sigurtà, bond jew depożitu, ikunu kif ikunu deskritti, ma għandhom ikunu meħtieġa bħala garanzija għall-ħlas tal-ispejjeż fil-proċedimenti taħt il-Konvenzjoni.

Artikolu 15

Assistenza legali bla ħlas għal talbiet għall-manteniment tat-tfal

(1)   L-Istat li ssirlu t-talba għandu jipprovdi assistenza legali bla ħlas fir-rigward tat-talbiet kollha magħmula minn kreditur taħt dan il-Kapitolu li jirrigwardaw obbligi tal-manteniment li jirriżultaw minn relazzjoni ġenitur-tifel fil-konfront ta’ persuna taħt il-21 sena.

(2)   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istat li ssirlu t-talba jista’, fir-rigward ta’ talbiet minbarra dawk taħt l-Artiklolu 10(1)(a) u (b) u l-każi koperti mill-Artikolu 20(4), jirrifjuta l-assistenza legali bla ħlas jekk jikkunsidra li, abbażi tal-mertu, it-talba jew kwalunkwe appell huma manifestament infondati.

Artikolu 16

Dikjarazzjoni li tawtorizza l-valutazzjoni tar-riżorsi tat-tifel

(1)   Minkejja l-Artikolu 15(1), Stat jista’ jiddikjara, f’konformità mal-Artikolu 63, li ser jipprovdi assistenza legali bla ħlas fir-rigward ta’ talbiet minbarra dawk taħt l-Artikolu 10(1)(a) u (b) u l-każi koperti mill-Artikolu 20(4), soġġett għal test ibbażat fuq valutazzjoni tar-riżorsi tat-tifel.

(2)   Stat għandu, fil-mument li jagħmel tali dikjarazzjoni, jipprovdi l-informazzjoni lill-Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat rigward il-mod kif ser issir il-valutazzjoni tar-riżorsi tat-tifel, inklużi l-kriterji finanzjarji li jinħtieġu sabiex jiġi sodisfatt it-test.

(3)   Talba msemmija fil-paragrafu 1, indirizzata lil Stat li għamel id-dikjarazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu, għandha tinkludi attestazzjoni formali mir-rikorrent li tiddikjara li r-riżorsi tat-tifel jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu 2. L-Istat li ssirlu t-talba jista’ biss jitlob aktar provi tar-riżorsi tat-tifel jekk ikollu raġunijiet raġonevoli li jemmen li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrent mhijiex preċiża.

(4)   Jekk l-assistenza legali l-aktar favorevoli prevista mil-liġi tal-Istat li ssirlu t-talba fir-rigward ta’ talbiet taħt dan il-Kapitolu li jirrigwardaw l-obbligi ta’ manteniment li joħorġu minn relazzjoni ta’ ġenitur-tifel fil-konfront ta’ tifel tkun iktar favorevoli minn dik prevista taħt il-paragrafi 1 sa 3, għandha tiġi pprovduta l-assistenza legali l-aktar favorevoli.

Artikolu 17

Talbiet li ma jikkwalifikawx taħt l-Artikolu 15 jew l-Artikolu 16

Fil-każ tat-talbiet kollha taħt din il-Konvenzjoni barra dawk taħt l-Artikolu 15 jew l-Artikolu 16:

(a)

il-provvediment ta’ assistenza legali bla ħlas tista’ tkun soġġetta għal test tal-mezzi jew tal-mertu;

(b)

rikorrent, li fl-Istat tal-oriġini bbenefika minn assistenza legali bla ħlas, għandu jkun intitolat, fi kwalunkwe proċediment għal rikonoxximent jew infurzar, li jibbenefika, ta’ mill-inqas fl-istess miżura, minn assistenza legali bla ħlas kif previst mil-liġi tal-Istat indirizzat taħt l-istess ċirkostanzi.

KAPITOLU IV

RESTRIZZJONIJIET FUQ BIDU TA’ PROĊEDIMENTI

Artikolu 18

Limitu tal-proċedimenti

(1)   Meta deċiżjoni ssir fi Stat Kontraenti fejn il-kreditur ikun abitwalment residenti, il-proċedimenti sabiex issir modifika fid-deċiżjoni jew sabiex tingħata deċiżjoni ġdida ma jistgħux jitressqu mid-debitur fi kwalunkwe Stat Kontraenti ieħor sakemm il-kreditur jibqa’ residenti abitwalment fl-Istat fejn tkun saret id-deċiżjoni.

(2)   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika:

(a)

meta, ħlief f’tilwim li jirrigwarda l-obbligi tal-manteniment fir-rigward tat-tfal, ikun hemm ftehim bil-miktub bejn il-partijiet dwar il-ġuriżdizzjoni ta’ dak l-Istat Kontraenti l-ieħor;

(b)

meta l-kreditur jissoġġetta ruħu għall-ġuriżdizzjoni ta’ dak l-Istat Kontraenti l-ieħor kemm jekk espressament kif ukoll billi jiddefendi ruħu fuq il-merti tal-kawża mingħajr ma joġġezzjona għall-ġuriżdizzjoni mal-ewwel opportunità disponibbli;

(c)

meta l-awtorità kompetenti fl-Istat tal-oriġini ma tistax, jew tirrifjuta li, teżerċita l-ġuriżdizzjoni sabiex timmodifika d-deċiżjoni jew tieħu deċiżjoni ġdida; jew

(d)

meta d-deċiżjoni mogħtija fl-Istat tal-oriġini ma tistax tiġi rikonoxxuta jew ddikjarata infurzabbli fl-Istat Kontraenti fejn huma kontemplati proċedimenti biex tiġi modifikata deċiżjoni jew biex tittieħed deċiżjoni ġdida.

KAPITOLU V

RIKONOXXIMENT U INFURZAR

Artikolu 19

Kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu

(1)   Dan il-Kapitolu għandu japplika għal deċiżjoni mogħtija minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva fir-rigward tal-obbligu ta’ manteniment. It-terminu “deċiżjoni” jinkludi wkoll arranġament jew ftehim konkluż qabel jew approvat minn tali awtorità. Deċiżjoni tista’ tinkludi aġġustament awtomatiku permezz ta’ indiċjar u obbligu ta’ ħlas ta’ arretrati, ta’ manteniment retroattiv jew ta’ interessi u determinazzjoni tal-ispejjeż.

(2)   Jekk deċiżjoni ma tirrigwardax biss obbligu ta’ manteniment, l-effett ta’ dan il-Kapitolu huwa limitat għal dawk il-partijiet tad-deċiżjoni li jikkonċernaw l-obbligi ta’ manteniment.

(3)   Għall-fini tal-paragrafu 1, “awtorità amministrattiva” tfisser korp pubbliku li d-deċiżjonijiet tiegħu, taħt il-liġi tal-Istat fejn hu stabbilit

(a)

jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; u

(b)

ikollhom saħħa u effett simili għal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja dwar l-istess kwistjoni.

(4)   Dan il-Kapitolu japplika wkoll għal ftehimiet ta’ manteniment skont l-Artikolu 30.

(5)   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għal talba għal rikonoxximent u infurzar magħmula direttament lil awtorità kompetenti tal-Istat indirizzata f’konformità mal-Artikolu 37.

Artikolu 20

Bażijiet għal rikonoxximent u infurzar

(1)   Deċiżjoni li tittieħed fi Stat Kontraenti wieħed (“l-Istat tal-oriġini”) għandha tiġi rikonoxxuta u infurzata fi Stati Kontraenti oħrajn jekk:

(a)

l-intimat kien abitwalment residenti fl-Istat tal-oriġini meta ġew istitwiti l-proċedimenti;

(b)

l-intimat issoġġetta ruħu għall-ġuriżdizzjoni jew espressament jew billi ddefenda ruħu fuq il-merti tal-kawża mingħajr ma oġġezzjona għall-ġuriżdizzjoni mal-ewwel opportunità disponibbli;

(c)

il-kreditur kien abitwalment residenti fl-Istat tal-oriġini meta ġew istitwiti l-proċedimenti;

(d)

it-tifel li għalih ġie ordnat il-manteniment kien abitwalment residenti fl-Istat tal-oriġini meta ġew istitwiti l-proċedimenti, dment li l-intimat kien għex mat-tifel f’dak l-Istat jew irrisjeda f’dak l-Istat u pprovda manteniment għall-wild hemmhekk;

(e)

ħlief f’tilwim li jirrigwarda l-obbligi tal-manteniment fil-konfront tat-tfal, kien hemm ftehim bil-miktub bejn il-partijiet rigward il-ġuriżdizzjoni; jew

(f)

id-deċiżjoni ttieħdet minn awtorità li teżerċita ġuriżdizzjoni fuq kwistjoni tal-istat personali jew ir-responsabbiltà tal-ġenituri, sakemm dik il-ġuriżdizzjoni kienet ibbażata biss fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet.

(2)   Stat Kontraenti jista’ jagħmel riżerva, f’konformità mal-Artikolu 62, fir-rigward tal-paragrafu 1(c), (e) jew (f).

(3)   Stat Kontraenti li jagħmel riżerva taħt il-paragrafu 2 għandu jirrikonoxxi u jinforza deċiżjoni jekk il-liġi tiegħu, f’ċirkostanzi fattwali simili, tikkonferixxi jew setgħet tikkonferixxi ġuriżdizzjoni lill-awtoritajiet tiegħu biex jieħdu tali deċiżjoni.

(4)   Stat kontraenti għandu, jekk rikonoxximent ta’ deċiżjoni mhux possibbli minħabba riżerva taħt il-paragrafu 2, u jekk id-debitur ikun abitwalment residenti f’dak l-Istat, jieħu l-miżuri kollha adatti biex tiġi stabbilita deċiżjoni għall-benefiċċju tal-kreditur. Is-sentenza preċedenti m’għandhiex tapplika għal talbiet diretti għar-rikonoxximent u għall-infurzar taħt l-Artikolu 19(5) jew għal talbiet għal manteniment imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b).

(5)   Deċiżjoni favur tifel taħt it-18-il sena li ma tistax tiġi rikonoxxuta biss bis-saħħa ta’ riżerva fir-rigward tal-paragrafu 1(c), (e) jew (f) għandha tiġi aċċettata bħala li tistabbilixxi l-eliġibbiltà ta’ dak it-tifel għall-manteniment fl-Istat indirizzat.

(6)   Deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta biss jekk ikollha effett fl-Istat tal-oriġini, u għandha tkun infurzata biss jekk tkun infurzabbli fl-Istat tal-oriġini.

Artikolu 21

Separabbiltà u rikonoxximent jew infurzar parzjali

(1)   Jekk l-Istat indirizzat ma jkunx jista’ jirrikonoxxi jew jinforza d-deċiżjoni fit-totalità tagħha, huwa għandu jirrikonoxxi jew jinforza kwalunkwe parti separabbli tad-deċiżjoni li tista’ tiġi rikonoxxuta jew infurzata.

(2)   Ir-rikonoxximent jew l-infurzar parzjali ta’ deċiżjoni jista’ dejjem jiġi mitlub.

Artikolu 22

Bażijiet għal rifjut ta’ rikonoxximent u infurzar

Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni jistgħu jiġu rifjutati jekk:

(a)

ir-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ deċiżjoni jkunu manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku (“ordre public”) tal-Istat indirizzat;

(b)

id-deċiżjoni inkisbet bi frodi f’konnessjoni ma’ kwistjoni ta’ proċedura;

(c)

il-proċedimenti bejn l-istess partijiet u bl-istess għan huma pendenti quddiem awtorità tal-Istat indirizzat u dawk il-proċedimenti kienu l-ewwel li ġew istitwiti;

(d)

id-deċiżjoni tkun inkompatibbli ma’ deċiżjoni mogħtija bejn l-istess partijiet u li għandha l-istess għan, jew fl-Istat indirizzat jew fi Stat ieħor, sakemm din id-deċiżjoni tal-aħħar tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent u l-infurzar tal-Istat indirizzat;

(e)

f’każ fejn l-intimat la deher u lanqas ma kien irrappreżentat fil-proċedimenti fl-Istat tal-oriġini:

(i)

meta l-liġi tal-Istat tal-oriġini tipprevedi avviż ta’ proċedimenti, l-intimat ma kellux avviż adegwat tal-proċedimenti u l-opportunità li jinstema’; jew

(ii)

meta l-liġi tal-Istat tal-oriġini ma tipprevedix avviż ta’ proċedimenti, l-intimat ma kellux avviż adegwat tad-deċiżjoni u opportunità li jikkontestaha jew jappellaha fuq punti ta’ fatt u ta’ dritt; jew

(f)

id-deċiżjoni ttieħdet bi ksur tal-Artikolu 18.

Artikolu 23

Proċedura dwar talba għal rikonoxximent u infurzar

(1)   Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, il-proċeduri għar-rikonoxximent u l-infurzar għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat indirizzat.

(2)   Meta talba għal rikonoxximent u infurzar ta’ deċiżjoni tkun saret permezz tal-Awtoritajiet Ċentrali f’konformità mal-Kapitolu III, l-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba għandha minnufih jew:

(a)

tirreferi t-talba lill-awtorità kompetenti li għandha mingħajr dewmien tiddikjara d-deċiżjoni infurzabbli jew tirreġistra d-deċiżjoni għall-infurzar; jew

(b)

jekk tkun hi l-awtorità kompetenti tieħu tali passi hi stess.

(3)   Meta t-talba ssir direttament lil awtorità kompetenti fl-Istat indirizzat f’konformità mal-Artikolu 19(5), dik l-Awtorità għandha mingħajr dewmien tiddikjara li d-deċiżjoni hija infurzabbli jew tirreġistra d-deċiżjoni għall-infurzar.

(4)   Dikjarazzjoni jew reġistrazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss għar-raġuni imsemmija fl-Artikolu 22 a). F’dan l-istadju la r-rikorrent u lanqas l-intimat ma huma intitolati jagħmlu sottomissjonijiet.

(5)   Ir-rikorrent u l-intimat għandhom jiġu nnotifikati minnufih bid-dikjarazzjoni jew ir-reġistrazzjoni, magħmula taħt il-paragrafi 2 u 3, jew bir-rifjut tagħhom f’konformità mal-paragrafu 4, u jistgħu jikkonstestawha jew jappellawha fuq punti ta’ fatt u ta’ dritt.

(6)   Kontestazzjoni jew appell għandhom jiġi ppreżentati fi żmien 30 jum min-notifika taħt il-paragrafu 5. Jekk il-parti li qed tikkontesta ma tkunx residenti fl-Istat Kontraenti fejn saret jew ġiet rifjutata d-dikjarazzjoni jew ir-reġistrazzjoni, il-kontestazzjoni jew l-appell għandhom jiġu ppreżentati fi żmien 60 jum min-notifika.

(7)   Kontestazzjoni jew appell jistgħu jkunu bbażati biss fuq dawn li ġejjin-

(a)

ir-raġunijiet sabiex jiġu rifjutati r-rikonoxximent u l-infurzar kif jinsabu fl-Artikolu 22;

(b)

il-bażijiet għar-rikonoxximent u l-infurzar taħt l-Artikolu 20;

(c)

l-awtentiċità jew l-integrità ta’ kwalunkwe dokument trażmess f’konformità mal-Artikolu 25 (1)(a), (b) jew (d) jew (3)(b).

(8)   Kontestazzjoni jew appell minn intimat jistgħu wkoll ikunu bbażati fuq l-issodisfar ta’ debitu safejn ir-rikonoxximent u l-infurzar jirrigwardaw pagamenti li kienu dovuti fil-passat.

(9)   Ir-rikorrent u l-intimat għandhom jiġu nnotifikati minnufih bid-deċiżjoni wara l-kontestazzjoni jew l-appell.

(10)   Jekk il-liġi tal-Istat indirizzat tippermetti appell ulterjuri, dan m’għandux ikollu l-effett li jwaqqaf l-infurzar tad-deċiżjoni sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.

(11)   L-awtorità kompetenti għandha taġixxi mingħajr dewmien meta tiġi biex tieħu kwalunkwe deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar, inkluż kwalunkwe appell.

Artikolu 24

Proċedura alternattiva dwar talba għal rikonoxximent u infurzar

(1)   Minkejja l-Artikolu 23(2) sa (11), Stat jista’ jiddikjara, f’konformità mal-Artikolu 63, li ser japplika l-proċedura għar-rikonoxximent u l-infurzar stipulata f’dan l-Artikolu.

(2)   Meta talba għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni tkun saret permezz tal-Awtoritajiet Ċentrali f’konformità mal-Kapitolu III, l-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba għandha minnufih jew:

(a)

tirreferi t-talba lill-awtorità kompetenti li għandha tiddeċiedi dwar it-talba għar-rikonoxximent u l-infurzar; jew

(b)

jekk tkun hi l-awtorità kompetenti, tieħu tali deċiżjoni hi stess.

(3)   Deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar għandha tingħata mill-awtorità kompetenti wara li l-intimat jkun ġie debitament u prontament innotifikat bil-proċedimenti u ż-żewġ partijiet ikunu ġew mogħtija opportunità adegwata li jinstemgħu.

(4)   L-awtorità kompetenti tista’ tirrevedi r-raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent u l-infurzar stipulati fl-Artikolu 22(a), (c) u (d) minn jeddha. Hi tista’ tirrevedi kwalunkwe raġunijiet elenkati fl-Artikoli 20, 22 u 23(7)(c) jekk ikunu mqajma mill-intimat jew jekk ikun hemm tħassib dwar dawk ir-raġunijiet li jirriżultaw minn eżami prima facie tad-dokumenti ppreżentati skont l-Artikolu 25.

(5)   Rifjut tar-rikonoxximent jew l-infurzar jistgħu wkoll ikunu bbażati fuq l-issodisfar tad-debitu safejn ir-rikonoxximent u l-infurzar jirrigwarda pagamenti li kienu dovuti fil-passat.

(6)   Jekk il-liġi tal-Istat indirizzat tippermetti appell, dan m’għandux ikollu l-effett illi jwaqqaf l-infurzar tad-deċiżjoni sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.

(7)   L-awtorità kompetenti għandha taġixxi mingħajr dewmien meta tiġi biex tieħu kwalunkwe deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar, inkluż kwalunkwe appell.

Artikolu 25

Dokumenti

(1)   Talba għar-rikonoxximent u l-infurzar taħt l-Artikolu 23 jew l-Artikolu 24 għandha tkun akkumpanjata b’dan li ġej:

(a)

test sħiħ tad-deċiżjoni;

(b)

dokument li jiddikjara li d-deċiżjoni hija infurzabbli fl-Istat tal-oriġini u, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva, dokument li jiddikjara li r-rekwiżiti tal-Artikolu 19(3) huma sodisfatti sakemm dak l-Istat ma jispeċifikax, f’konformità mal-Artikolu 57, li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi tiegħu dejjem jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti;

(c)

jekk l-intimat ma deherx u ma kienx irrappreżentat fil-proċedimenti fl-Istat tal-oriġini, dokument jew dokumenti li jikkonfermaw, kif xieraq, jew li l-intimat kien notifikat b’mod xieraq bil-proċedimenti u kellu opportunità li jinstema’, jew li l-intimat kien notifikat b’mod xieraq bid-deċiżjoni u kellu l-opportunità li jikkontestaha jew jappellaha fuq bażi ta’ fatt u ta’ dritt;

(d)

fejn meħtieġ, dokument li juri l-ammont ta’ arretrati u d-data meta ġie kkalkulat tali ammont;

(e)

fejn meħtieġ, fil-każ ta’ deċiżjoni li tipprevedi aġġustament awtomatiku permezz ta’ indiċjar, dokument li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa sabiex isiru l-kalkoli adatti;

(f)

fejn meħtieġ, dokumentazzjoni li turi safejn ir-rikorrent irċieva assistenza legali bla ħlas fl-Istat tal-oriġini.

(2)   Fuq kontestazzjoni jew appell taħt l-Artikolu 23(7)(c) jew fuq talba mill-awtorità kompetenti fl-Istat indirizzat, għandha tiġi pprovduta minnufih kopja sħiħa tad-dokument ikkonċernat, iċċertifikata mill-awtorità kompetenti fl-Istat tal-oriġini:

(a)

mill-Awtorità Ċentrali tal-Istat li jagħmel it-talba, meta t-talba tkun saret f’konformità mal-Kapitolu III;

(b)

mir-rikorrent, meta t-talba tkun saret direttament lil awtorità kompetenti tal-Istat indirizzat.

(3)   Stat Kontraenti jista’ jispeċifika f’konformità mal-Artikolu 57:

(a)

li kopja sħiħa tad-deċiżjoni ċċertifikata mill-awtorità kompetenti fl-Istat tal-oriġini għandha takkumpanja t-talba;

(b)

iċ-ċirkostanzi li fihom jaċċetta, minflok test sħiħ tad-deċiżjoni, sunt jew estratt tad-deċiżjoni mħejji mill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-oriġini, li jista’ jkun fil-forma rrakkomandata u ppubblikata mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat; jew

(c)

li ma jeħtieġx dokument li jiddikjara li r-rekwiżiti tal-Artikolu 19(3) ġew sodisfatti.

Artikolu 26

Proċedura dwar talba għal rikonoxximent

Dan il-Kapitolu għandu japplika mutatis mutandis għal talba għar-rikonoxximent ta’ deċiżjoni, ħlief li r-rekwiżit ta’ infurzabbiltà huwa sostitwit bir-rekwiżit li d-deċiżjoni jkollha effett fl-Istat tal-oriġini.

Artikolu 27

Aċċertament ta’ fatt

Kwalunkwe awtorità kompetenti tal-Istat indirizzat għandha tkun marbuta bl-aċċertamenti ta’ fatt li fuqhom l-awtorità tal-Istat tal-oriġini bbażat il-ġuriżdizzjoni tagħha.

Artikolu 28

Ebda stħarriġ tal-merti

M’għandu jkun hemm l-ebda stħarriġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat indirizzat tal-merti ta’ deċiżjoni.

Artikolu 29

L-ebda ħtieġa tal-preżenza fiżika tat-tfal jew tar-rikorrent

Il-preżenza fiżika tat-tfal jew tar-rikorrent m’għandha tkun meħtieġa fl-ebda proċediment fl-Istat indirizzat taħt dan il-Kapitolu.

Artikolu 30

Arranġamenti dwar manteniment

(1)   Arranġament dwar manteniment magħmul fi Stat Kontraenti għandu jkun rikonoxxut u infurzat bħala deċiżjoni taħt dan il-Kapitolu sakemm ikun infurzabbli bħala deċiżjoni fl-Istat tal-oriġini.

(2)   Għall-fini tal-Artikolu 10(1)(a) u (b) u (2)(a), it-terminu “deċiżjoni” jinkludi arranġament dwar manteniment.

(3)   Talba għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ arranġament dwar manteniment għandha tkun akkumpanjata b’dan li ġej:

(a)

test sħiħ tal-arranġament dwar manteniment; u

(b)

dokument li jiddikjara li l-arranġament dwar manteniment partikolari huwa infurzabbli bħala deċiżjoni fl-Istat tal-oriġini.

(4)   Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ arranġament dwar manteniment jistgħu jiġu rifjutati jekk:

(a)

ir-rikonoxximent u l-infurzar ikunu manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-Istat indirizzat;

(b)

l-arranġament ta’ manteniment sar permezz ta’ frodi jew falsifikazzjoni;

(c)

l-arranġament ta’ manteniment huwa inkompatibbli mad-deċiżjoni mogħtija bejn l-istess partijiet u li għandu l-istess għan, jew fl-Istat indirizzat jew fi Stat ieħor, sakemm id-deċiżjoni tal-aħħar tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent u l-infurzar fl-Istat indirizzat.

(5)   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 20, 22, 23(7) u 25(1) u (3), għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ arranġament ta’ manteniment ħlief li:

(a)

dikjarazzjoni jew reġistrazzjoni skont l-Artikolu 23(2) u (3) tista’ tiġi rifjutata biss għar-raġuni stipulata fil-paragrafu 4 a);

(b)

kontestazzjoni jew appell kif imsemmijin fl-Artikolu 23(6) jistgħu jkunu biss bbażati fuq li ġej:

(i)

ir-raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent u l-infurzar msemmija fil-paragrafu 4;

(ii)

l-awtentiċità jew l-integrità ta’ kwalunkwe dokument trażmess f’konformità mal-paragrafu 3;

(c)

f’dak li jirrigwarda l-proċedura taħt l-Artikolu 24(4), l-awtorità kompetenti tista’ tirrevedi ex- officio r-raġuni għar-rifjut tar-rikonoxximent u l-infurzar stipulati fil-paragrafu 4 (a) ta’ dan l-Artikolu. Hi tista’ tistħarreġ ir-raġunijiet kollha elenkati fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u l-awtentiċità jew l-integrità ta’ kwalunkwe dokument trażmess f’konformità mal-paragrafu 3 jekk jitqajmu mill-intimat jew jekk tħassib dwar dawk ir-raġunijiet jirriżulta minn eżami prima facie ta’ dawk id-dokumenti.

(6)   Il-proċedimenti għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ arranġament ta’ manteniment għandhom jiġu sospiżi jekk ikun hemm kontestazzjoni dwar l-arranġament pendenti quddiem awtorità kompetenti ta’ Stat Kontraenti.

(7)   Stat jista’ jiddikjara, skont l-Artikolu 63, illi talbiet għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ arranġament ta’ manteniment għandhom isiru biss permezz tal-Awtoritajiet Ċentrali.

(8)   Stat Kontraenti jista’, skont l-Artikolu 62, jirriżerva d-dritt li ma jirrikonoxxix u ma jinfurzax arranġament ta’ manteniment.

Artikolu 31

Deċiżjonijiet li ġejjin mill-effett ikkombinat ta’ ordni proviżorja u ordni konfermatorja

Meta deċiżjoni tkun ġejja mill-effett ikkombinat ta’ ordni proviżorja magħmula fi Stat wieħed u ordni minn awtorità fi Stat ieħor (“l-Istat li jikkonferma”) li jikkonferma l-ordni proviżorja:

(a)

kull wieħed minn dawk l-Istati għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu li hu l-Istat tal-oriġini;

(b)

ir-rekwiżiti tal-Artikolu 22 (e) għandhom jiġu sodisfatti jekk l-intimat ikun ingħata notifika xierqa tal-proċedimenti fl-Istat li jikkonferma u l-opportunità li jopponi l-konferma tal-ordni proviżorja;

(c)

ir-rekwiżit tal-Artikolu 20(6) li deċiżjoni tkun infurzabbli fl-Istat tal-oriġini għandu jiġi sodisfatt jekk id-deċiżjoni hija infurzabbli fl-Istat li jikkonferma; u

(d)

l-Artikolu 18 ma għandux jipprevjeni l-bidu ta’ proċedimenti għall-modifika tad-deċiżjoni f’xi wieħed mill-Istati.

KAPITOLU VI

INFURZAR MILL-ISTAT INDIRIZZAT

Artikolu 32

Infurzar skont il-liġi interna

(1)   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-infurzar għandu jsir skont il-liġi tal-Istat indirizzat.

(2)   L-infurzar għandu jsir mingħajr dewmien.

(3)   Fil-każ ta’ talbiet li jsiru permezz tal-Awtoritajiet Ċentrali, meta deċiżjoni tkun ġiet iddikjarata infurzabbli jew irreġistrata għall-infurzar skont il-Kapitolu V, l-infurzar għandu jipproċedi mingħajr il-ħtieġa ta’ azzjoni ulterjuri mir-rikorrent.

(4)   Għandu jingħata effett lil kwalunkwe regola applikabbli fl-Istat tal-oriġini tad-deċiżjoni li tirrigwarda t-tul ta’ żmien tal-obbligu tal-manteniment.

(5)   Kwalunkwe restrizzjoni fuq il-perjodu li fih jistgħu jiġu infurzati arretrati għandha tiġi ddeterminata mil-liġi tal-Istat tal-oriġini tad-deċiżjoni jew mil-liġi tal-Istat indirizzat, skont liema minnhom tipprevedi l-itwal perjodu ta’ restrizzjoni.

Artikolu 33

Nondiskriminazzjoni

L-Istat indirizzat għandu jipprovdi mill-inqas l-istess firxa ta’ metodi ta’ infurzar għal każijiet taħt il-Konvenzjoni bħal dik disponibbli f’każijiet domestiċi.

Artikolu 34

Miżuri ta’ infurzar

(1)   L-Istati Kontraenti għandhom jagħmlu disponibbli fil-liġi interna miżuri effettivi sabiex jiġu infurzati deċiżjonijiet taħt din il-Konvenzjoni.

(2)   Tali miżuri jistgħu jinkludu:

(a)

iż-żamma tal-paga;

(b)

is-sekwestru minn kontijiet bankarji u sorsi oħrajn;

(c)

it-tnaqqis minn ħlasijiet tas-sigurtà soċjali;

(d)

ir-rahan jew il-bejgħ obbligatorju ta’ proprjetà;

(e)

iż-żamma ta’ rifużjonijiet tat-taxxa;

(f)

iż-żamma jew is-sekwestru ta’ benefiċċji tal-pensjoni;

(g)

ir-rappurtar lill-uffiċċji ta’ kreditu;

(h)

iċ-ċaħda, is-sospensjoni jew ir-revoka ta’ diversi liċenzji (pereżempju, liċenzji tas-sewqan);

(i)

l-użu ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew proċessi simili biex ikun hemm konformità volontarja.

Artikolu 35

Trasferiment ta’ fondi

(1)   L-Istati Kontraenti huma mħeġġa li jippromwovu, inkluż permezz ta’ ftehimiet internazzjonali, l-użu tal-metodi l-aktar kost-effettivi u effiċjenti disponibbli sabiex jiġu ttrasferiti l-fondi pagabbli bħala manteniment.

(2)   Stat Kontraenti, li skont il-liġi tiegħu t-trasferiment ta’ fondi huwa ristrett, għandu jagħti l-ogħla prijorità lit-trasferiment ta’ fondi pagabbli taħt din il-Konvenzjoni.

KAPITOLU VII

KORPI PUBBLIĊI

Artikolu 36

Korpi pubbliċi bħala rikorrenti

(1)   Għall-finijiet ta’ talbiet għal rikonoxximent u infurzar skont l-Artikolu 10(1)(a) u (b) u ta’ każijiet koperti mill-Artikolu 20(4), “kreditur” tinkludi korp pubbliku li jaġixxi fil-post ta’ individwu li lilu jkun dovut manteniment jew ta’ wieħed li jkun dovut rifużjoni għal benefiċċji pprovduti minflok manteniment.

(2)   Id-dritt ta’ korp pubbliku li jaġixxi fil-post ta’ individwu li lilu jkun dovut manteniment jew li jfittex ir-rifużjoni ta’ benefiċċji pprovduti lill-kreditur minflok manteniment għandu jkun irregolat mil-liġi li għaliha l-korp huwa soġġett.

(3)   Korp pubbliku jista’ jfittex ir-rikonoxximent jew jitlob l-infurzar ta’:

(a)

deċiżjoni mogħtija kontra debitur fuq it-talba ta’ korp pubbliku li jitlob il-ħlas ta’ benefiċċji pprovduti minflok manteniment;

(b)

deċiżjoni mogħtija fil-konfront ta’ kreditur u debitur safejn din tirrigwarda l-benefiċċji pprovduti lill-kreditur minflok manteniment.

4.   Il-korp pubbliku li jfittex ir-rikonoxximent jew jitlob l-infurzar ta’ deċiżjoni għandu, jekk mitlub, jipprovdi kwalunkwe dokument meħtieġ sabiex jistabbilixxi d-dritt tiegħu skont il-paragrafu 2 u li ġew ipprovduti benefiċċji lill-kreditur.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 37

Talbiet diretti lill-awtoritajiet kompetenti

(1)   Il-Konvenzjoni ma għandhiex teskludi l-possibbilità ta’ rikors għal dawk il-proċeduri li jistgħu jkunu disponibbli taħt il-liġi interna ta’ Stat Kontraenti li jippermettu li persuna (rikorrent) tressaq kwistjoni direttament quddiem awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat fi kwistjoni rregolata mill-Konvenzjoni inkluż, soġġett għall-Artikolu 18, għall-fini li tiġi stabbilita jew modifikata deċiżjoni dwar il-manteniment.

(2)   L-Artikoli 14(5) u 17(b) u d-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli V, VI, VII u dan il-Kapitolu, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 40(2), 42, 43(3), 44(3), 45 u 55, għandhom japplikaw fil-rigward ta’ talba għar-rikonoxximent u l-infurzar magħmula direttament lil awtorità kompetenti fi Stat Kontraenti.

(3)   Għall-fini ta’ paragrafu 2, l-Artikolu 2(1)(a) għandu japplika għal deċiżjoni li jingħata manteniment lil persuna vulnerabbli ta’ età ogħla minn dik speċifikata f’dak is-subparagrafu fejn tali deċiżjoni tkun ingħatat qabel ma l-persuna kienet għalqet dik l-età u kienet tipprevedi manteniment lil hinn minn dik l-età minħabba d-diżabbiltà.

Artikolu 38

Protezzjoni ta’ data personali

Data personali miġbura jew trażmessa taħt din il-Konvenzjoni għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet trażmessa.

Artikolu 39

Kunfidenzjalità

Kwalunkwe awtorità li tipproċessal-informazzjoni għandha tiżgura l-kunfidenzjalità tagħha f’konformità mal-liġi tal-Istat tagħha.

Artikolu 40

Nuqqas ta’ żvelar tal-informazzjoni

(1)   Awtorità ma għandhiex tiżvela jew tikkonferma informazzjoni miġbura jew trażmessa b’applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jekk tiddeċiedi li jekk tagħmel hekk tista’ tippreġudika s-saħħa, is-sikurezza jew il-libertà ta’ persuna.

(2)   Deċiżjoni f’dan is-sens magħmula minn Awtorità Ċentrali waħda għandha tiġi kkunsidrata minn Awtorità Ċentrali oħra, b’mod partikolari f’każijiet ta’ vjolenza fil-familja.

(3)   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jimpedixxi l-ġbir u t-Trażmissjoni ta’ informazzjoni minn u bejn l-awtoritajiet safejn dan ikun meħtieġ sabiex jitwettqu l-obbligi taħt il-Konvenzjoni.

Artikolu 41

Ebda legalizzazzjoni

Ma tista tintalab l-ebda legalizzazzjoni jew formalità simili fil-kuntest ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 42

Prokura

L-Awtorità Ċentrali tal-Istat li ssirlu t-talba tista’ titlob prokura mir-rikorrent fil-każ biss li taġixxi f’ismu jew f’isimha fil-proċedimenti ġudizzjarji jew quddiem awtoritajiet oħra, jew sabiex taħtar rappreżentant biex jaġixxi f’dan is-sens.

Artikolu 43

Irkupru tal-ispejjeż

(1)   L-irkupru ta’ kwalunkwe spejjeż li jsiru fl-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni ma għandux jieħu preċedenza fuq l-irkupru tal-manteniment.

(2)   Stat jista’ jirkupra l-ispejjeż mill-parti li titlef il-kawża.

(3)   Għall-finijiet ta’ talba skont l-Artikolu 10(1)(b) sabiex jiġu rkuprati l-ispejjeż minn parti li tkun tilfet il-kawża skont il-paragrafu 2, it-terminu “kreditur” fl-Artikolu 10(1) għandu jinkludi Stat.

(4)   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8.

Artikolu 44

Rekwiżiti lingwistiċi

(1)   Kwalunkwe talba u dokument relatat għandhom ikunu fil-lingwa oriġinali, u għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni f’lingwa uffiċjali tal-Istat li ssirlu t-talba jew f’lingwa oħra li tkun ġiet indikata bħala aċċettabbli mill-Istat li ssirlu t-talba, permezz ta’ dikjarazzjoni skont l-Artikolu 63, dment li l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat ma teżentax mill-ħtieġa għal traduzzjoni.

(2)   Stat Kontraenti li jkollu aktar minn lingwa uffiċjali waħda u ma jistax, għal raġunijiet ta’ liġi interna, jaċċetta għat-territorju tiegħu kollu dokumenti f’waħda minn dawk il-lingwi, għandu, b’dikjarazzjoni skont l-Artikolu 63, jispeċifika l-lingwa li bihom tali dokumenti jew it-traduzzjonijiet tagħhom għandhom jitħejjew sabiex jiġu ppreżentati fil-partijiet speċifikati tat-territorju tiegħu.

(3)   Dment li ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Awtoritajiet Ċentrali, kwalunkwe komunikazzjoni oħra bejn tali Awtoritajiet għandha tkun bil-lingwa uffiċjali tal-Istat li ssirlu t-talba jew bl-Ingliż jew bil-Franċiż. Madanakollu, Stat Kontraenti jista’, billi jagħmel riżerva skont l-Artikolu 62, joġġezzjona għall-użu tal-Ingliż jew il-Franċiż.

Artikolu 45

Mezzi u spiża tat-traduzzjoni

(1)   Fil-każ ta’ talbiet skont il-Kapitolu III, l-Awtoritajiet Ċentrali jistgħu jaqblu f’każ individwali jew b’mod ġenerali li t-traduzzjoni f’lingwa uffiċjali tal-Istat li ssirlu t-talba tista’ tkun magħmula fl-Istat li ssirlu t-talba mil-lingwa oriġinali jew minn kwalunkwe lingwa oħra miftiehma. Jekk ma jkunx hemm ftehim u ma jkunx possibbli li l-Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) u (2), it-talba u d-dokumenti relatati jistgħu jiġu trażmessi b’traduzzjoni għall-Ingliż jew għall-Franċiż għat-traduzzjoni ulterjuri f’lingwa uffiċjali tal-Istat li ssirlu t-talba.

(2)   L-ispiża tat-traduzzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandha titħallas mill-Istat li jagħmel it-talba dment li ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Awtoritajiet Ċentrali tal-Istati kkonċernati.

(3)   Minkejja l-Artikolu 8, l-Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba tista’ titlob ħlas minn rikorrent għall-ispejjeż tat-traduzzjoni ta’ talba u d-dokumenti rrelatati, ħlief safejn dawk l-ispejjeż jistgħu jiġu koperti mis-sistema tal-assistenza legali tagħha.

Artikolu 46

Sistemi legali mhux unifikati – interpretazzjoni

(1)   Fir-rigward ta’ Stat fejn, f’unitajiet territorjali differenti, japplikaw żewġ sistemi legali jew settijiet ta’ regoli tal-liġi jew aktar fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni ttrattata f’din il-Konvenzjoni:

(a)

kwalunkwe referenza għal-liġi jew proċedura ta’ Stat għandha tiġi kkunsidrata li tirreferi, fejn adatt, għal-liġi jew il-proċedura fis-seħħ fl-unità territorjali rilevanti;

(b)

kwalunkwe referenza għal deċiżjoni stabbilita, rikonoxxuta, rikonoxxuta u infurzata, infurzata jew modifikata f’dak l-Istat għandha tiġi kkunsidrata li tirreferi, fejn adatt, għal deċiżjoni stabbilita, rikonoxxuta, rikonoxxuta u infurzata, infurzata jew modifikata fl-unità territorjali rilevanti;

(c)

kwalunkwe referenza għal awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ dak l-Istat għandha tiġi kkunsidrata li tirreferi, fejn adatt, għal awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva fl-unità territorjali rilevanti;

(d)

kwalunkwe referenza għal awtoritajiet kompetenti, korpi pubbliċi, u korpi oħra ta’ dak l-Istat, minbarra l-Awtoritajiet Ċentrali, għandha tiġi kkunsidrata li tirreferi, fejn adatt, għal dawk awtorizzati li jaġixxu fl-unità territorjali rilevanti;

(e)

kwalunkwe referenza għal residenza jew residenza abitwali f’dak l-Istat għandha tiġi kkunsidrata li tirreferi, fejn adatt, għal residenza jew residenza abitwali fl-unità territorjali rilevanti;

(f)

kwalunkwe referenza għall-post fejn ikunu jinsabu l-beni f’dak l-Istat għandha tiġi kkunsidrata li tirreferi, fejn adatt, għall-post fejn ikunu jinsabu l-beni fl-unità territorjali rilevanti;

(g)

kwalunkwe referenza għal arranġament ta’ reċiproċità fis-seħħ fi Stat għandha tiġi kkunsidrata li tirreferi, fejn adatt, għal arranġament ta’ reċiproċità fis-seħħ fl-unità territorjali rilevanti;

h)

kwalunkwe referenza għal assistenza legali b’xejn f’dak l-Istat għandha tiġi kkunsidrata li tirreferi, fejn adatt, għal assistenza legali b’xejn fl-unità territorjali relevanti;

(i)

kwalunkwe referenza għal arranġament ta’ manteniment fi Stat għandha tiġi kkunsidrata li tirreferi, fejn adatt, għal arranġament ta’ manteniment li jsir fl-unità territorjali rilevanti;

(j)

kwalunkwe referenza għal irkupru ta’ spejjeż minn Stat għandha tiġi kkunsidrata li tirreferi, fejn adatt, għall-irkupru ta’ spejjeż mill-unità territorjali rilevanti.

(2)   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika.

Artikolu 47

Sistemi legali mhux unifikati – regoli sostantivi

(1)   Stat Kontraenti b’żewġ unitajiet territorjali jew aktar fejn japplikaw sistemi legali differenti m’għandux ikun obbligat li japplika din il-Konvenzjoni għal sitwazzjonijiet li jinvolvu biss dawn l-unitajiet territorjali differenti.

(2)   Awtorità kompetenti f’unità territorjali ta’ Stat Kontraenti b’żewġ unitajiet territorjali jew aktar fejn japplikaw sistemi legali differenti m’għandhiex tkun obbligata li tirrikonoxxi jew tinforza deċiżjoni minn Stat Kontraenti ieħor unikament minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tkun ġiet rikonoxxuta jew infurzata f’unità territorjali oħra tal-istess Stat Kontraenti taħt din il-Konvenzjoni.

(3)   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika.

Artikolu 48

Koordinazzjoni ma’ Konvenzjonijiet preċedenti tal-Aja dwar il-Manteniment

Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Kontraenti, din il-Konvenzjoni tissostitwixxi, soġġett għall-Artikolu 56(2) tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar ir-Rikonoxximent u l-Infurzar ta’ Deċiżjonijiet Relatati mal-Obbligi ta’ Manteniment u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta’ April 1958 dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet relatati mal-obbligi ta’ manteniment lejn it-tfal safejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom bejn tali Stati jikkoinċidi mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 49

Koordinazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1956

Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Kontraenti, din il-Konvenzjoni tissostitwixxi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta’ Ġunju 1956 dwar l-Irkupru tal-Manteniment Barra mill-Pajjiż, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha bejn tali Stati jikkoinċidi mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 50

Relazzjoni ma’ Konvenzjonijiet preċedenti tal-Aja dwar in-notifika ta’ dokumenti u t-teħid ta’ provi

Din il-Konvenzjoni ma taffettwax il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1 ta’ Marzu 1954 dwar il-proċedura ċivili, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż ta’ Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali u l-Konvenzjoni tal-Aja tat-18 ta’ Marzu 1970 dwar it-Teħid ta’ Provi Barra mill-Pajjiż fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali.

Artikolu 51

Koordinazzjoni tal-istrumenti u ftehimiet supplimentari

(1)   Din il-Konvenzjoni ma taffettwa l-ebda strument internazzjonali konkluż qabel din il-Konvenzjoni li tiegħu l-Istati Kontraenti huma Partijiet u li fih dispożizzjonijiet dwar kwistjonijiet irregolati minn din il-Konvenzjoni.

(2)   Kwalunkwe Stat Kontraenti jista’ jikkonkludi ftehimiet ma’ Stat Kontraenti wieħed jew aktar, li jkun fihom dispożizzjonijiet dwar kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni, bl-għan li titjieb l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni bejniethom jew fosthom, dment li dawn il-ftehimiet ikunu konsistenti mal-għanijiet u l-fini tal-Konvenzjoni u ma jaffettwawx, fir-relazzjoni ta’ tali Stati ma’ Stati Kontraenti oħrajn, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni. L-Istati li kkonkludew tali ftehim għandhom jibagħtu kopja lid-depożitarju tal-Konvenzjoni.

(3)   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll għal arranġamenti ta’ reċiproċità u għal liġijiet uniformi bbażati fuq rabtiet speċjali bejn l-Istati kkonċernati.

(4)   Din il-Konvenzjoni ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tal-istrumenti ta’ Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika li hija Parti għal din il-Konvenzjoni, adottati wara l-konklużjoni tal-Konvenzjoni, dwar kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni dment li tali strumenti ma jaffetwawx, fir-relazzjoni tal-Istati Membri tal-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika ma’ Stati Kontraenti oħrajn, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni. F’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika, il-Konvenzjoni ma għandhiex taffettwa r-regoli tal-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika, kemm jekk adottati qabel jew wara l-konklużjoni tal-Konvenzjoni.

Artikolu 52

L-aktar regola effettiva

(1)   Din il-Konvenzjoni ma għandhiex tipprevjeni l-aplikazzjoni ta’ ftehim, arranġament jew strument internazzjonali fis-seħħ bejn l-Istat li jagħmel it-talba u l-Istat li ssirlu t-talba, jew arranġament ta’ reċiproċità fis-seħħ fl-Istat li ssirlu t-talba li jipprevedi:

(a)

bażijiet aktar wiesa’ għar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet dwar il-manteniment, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22(f) tal-Konvenzjoni;

(b)

proċeduri simplifikati u aktar imħaffa dwar talba għar-rikonoxximent jew għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet dwar il-manteniment;

(c)

assistenza legali aktar ta’ benefiċċju minn dik prevista skont l-Artikoli 14 sas-17; jew

(d)

proċeduri li jippermettu lil rikorrent minn Stat li jagħmel it-talba li jagħmel talba direttament lill-Awtorità Ċentrali tal-Istat li ssirlu t-talba.

(2)   Din il-Konvenzjoni ma għandhiex tipprevjeni l-applikazzjoni tal-liġi li tkun fis-seħħ fl-Istat li ssirlu t-talba li tipprevedi regoli aktar effettivi kif imsemmi fil-paragrafu 1(a) sa (c). Madanakollu, għal dak li jirrigwarda l-proċeduri simplifikati u aktar imħaffa msemmija fil-paragrafu 1 b), dawn għandhom ikunu kompatibbli mal-protezzjoni offruta lill-partijiet skont l-Artikoli 23 u 24, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-partijiet li jiġu debitament notifikati dwar il-proċedimenti u li jingħataw opportunità adegwata li jinstemgħu u fir-rigward tal-effetti ta’ kwalunkwe kontestazzjoni jew appell.

Artikolu 53

Interpretazzjoni uniformi

Fl-interpretazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-karattru internazzjonali tagħha u l-ħtieġa li tiġi promossa uniformità fl-applikazzjoni tagħha.

Artikolu 54

Reviżjoni tat-tħaddim prattiku tal-Konvenzjoni

(1)   Is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat għandu f’intervalli regolari jlaqqa’ Kummissjoni Speċjali sabiex tirrevedi t-tħaddim prattiku tal-Konvenzjoni u sabiex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ prattika tajba taħt il-Konvenzjoni.

(2)   Għall-fini ta’ din ir-reviżjoni, l-Istati Kontraenti għandhom jikkooperaw mal-Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fil-ġbir tal-informazzjoni, inklużi statistika u każistika, dwar it-tħaddim prattiku tal-Konvenzjoni.

Artikolu 55

Emendi tal-formoli

(1)   Il-formoli annessi għal din il-Konvenzjoni jistgħu jiġu emendati b’deċiżjoni ta’ Kummissjoni Speċjali mlaqqa’ mis-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat li għaliha l-Istati Kontraenti kollha u l-Membri kollha għandhom jiġu mistiedna. Avviż tal-proposta biex jiġu emendati l-formoli għandu jiġi inkluż fl-aġenda tal-laqgħa.

(2)   L-emendi adottati mill-Istati Kontraenti preżenti fil-Kummissjoni Speċjali għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Istati Kontraenti kollha fl-ewwel jum tas-seba’ xahar kalendarju wara d-data tal-komunikazzjoni tagħhom mid-depożitarju lill-Istati Kontraenti kollha.

(3)   Matul il-perijodu previst fil-paragrafu 2 kwalunkwe Stat Kontraenti jista’, permezz ta’ notifika bil-miktub lid-depożitarju, jagħmel riżerva, skont l-Artikolu 62, fir-rigward tal-emenda. L-Istat li jkun qed jagħmel tali riżerva għandu, sakemm ir-riżerva tiġi irtirata, jiġi ttrattat bħala Stat li mhux Parti għal din il-Konvenzjoni fir-rigward ta’ dik l-emenda.

Artikolu 56

Dispożizzjonijiet tranżitorji

(1)   Il-Konvenzjoni għandha tapplika f’kull każ fejn:

(a)

talba skont l-Artikolu 7 jew talba skont il-Kapitolu III tkun ġiet riċevuta mill-Awtorità Ċentrali tal-Istat li ssirlu t-talba wara li l-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ bejn l-Istat li jagħmel it-talba u l-Istat li ssirlu t-talba;

(b)

talba diretta għar-rikonoxximent u l-infurzar tkun ġiet riċevuta mill-awtorità kompetenti tal-Istat indirizzat wara li l-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ bejn l-Istat tal-oriġini u l-Istat indirizzat.

(2)   Fir-rigward tar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet bejn l-Istati Kontraenti għal din il-Konvenzjoni li huma wkoll Partijiet għal xi waħda mill-Konvenzjonijiet tal-Aja dwar il-Manteniment imsemmija fl-Artikolu 48, jekk il-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent u l-infurzar taħt din il-Konvenzjoni jipprevjenu r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni mogħtija fl-Istat tal-oriġini qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni għal dak l-Istat, li kienet tkun rikonoxxuta u infurzata skont it-termini tal-Konvenzjoni li kienet fis-seħħ fil-mument meta d-deċiżjoni ngħatat, il-kondizzjonijiet ta’ dik il-Konvenzjoni għandhom japplikaw.

(3)   L-Istat indirizzat ma għandux ikun obbligat taħt din il-Konvenzjoni li jinforza deċiżjoni jew arranġament ta’ manteniment, fir-rigward ta’ ħlasijiet li ġew dovuti qabel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni bejn l-Istat tal-oriġini u l-Istat indirizzat, ħlief għall-obbligi ta’ manteniment li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ ġenitur-tifel fil-konfront ta’ persuna taħt l-età ta’ 21 sena.

Artikolu 57

Għoti ta’ informazzjoni dwar liġijiet, proċeduri u servizzi

(1)   Sakemm l-istrument ta’ ratifika jew adeżjoni ta’ Stat Kontraenti jiġi ddepożitat jew sakemm tiġi ppreżentata dikjarazzjoni skont l-Artikolu 61 tal-Konvenzjoni, Stat Kontraenti għandu jipprovdi lill-Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat -

(a)

deskrizzjoni tal-liġijiet u l-proċeduri tiegħu dwar l-obbligi ta’ manteniment;

(b)

deskrizzjoni tal-miżuri li huwa ser jieħu sabiex jissodisfa l-obbligi skont l-Artikolu 6;

(c)

deskrizzjoni dwar kif huwa ser jipprovdi lir-rikorrenti aċċess effettiv għall-proċeduri, kif meħtieġ skont l-Artikolu 14;

(d)

deskrizzjoni tar-regoli u l-proċeduri tiegħu ta’ infurzar, inkluża kwalunkwe restrizzjoni fuq l-infurzar, b’mod partikolari regoli dwar il-protezzjoni tad-debitur u l-perijodi ta’ restrizzjoni;

(e)

kwalunkwe speċifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) u (3).

(2)   L-Istati Kontraenti jistgħu, fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont il-paragrafu 1, jutilizzaw formola dwar il-profil tal-pajjiż irrakkomandata u ppubblikata mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

(3)   L-informazzjoni għandha tinżamm aġġornata mill-Istati Kontraenti.

KAPITOLU IX

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 58

Iffirmar, ratifika u adeżjoni

(1)   Il-Konvenzjoni għandha tinfetaħ għall-iffirmar mill-Istati li kienu Membri tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fiż-żmien tal-Wieħed u Għoxrin Sessjoni tagħha u mill-Istati l-oħra li ħadu sehem f’dik is-Sessjoni.

(2)   Għandha tiġi ratifikata, aċċettata jew approvata u l-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu ddepożitati mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, id-depożitarju tal-Konvenzjoni.

(3)   Kwalunkwe Stat ieħor jew Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika oħra jistgħu jaderixxu mal-Konvenzjoni wara li din tkun daħlet fis-seħħ skont l-Artikolu 60(1).

(4)   L-istrument ta’ adeżjoni għandu jiġi ddepożitat mad-depożitarju.

(5)   Din l-adeżjoni għandu jkollha effett biss fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li ma jkunux ressqu oġġezzjoni għall-adeżjoni tiegħu fit-12-il xahar ta’ wara d-data tan-notifika msemmija fl-Artikolu 65. Tali oġġezzjoni tista’ tiġi mressqa wkoll mill-Istati fil-mument meta dawn jirratifikaw, jaċċettaw jew japprovaw il-Konvenzjoni wara l-adeżjoni. Kwalunkwe tali oġġezzjoni għandha tiġi nnotifikata lid-depożitarju.

Artikolu 59

Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika

(1)   Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika li hija kostitwita unikament minn Stati sovrani u li għandha l-kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha li huma rregolati minn din il-Konvenzjoni jew fuq xi wħud minnhom tista’ bl-istess mod tiffirma, taċċetta, tapprova jew taderixxi ma’ din il-Konvenzjoni. L-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika għandha f’dak il-każ id-drittijiet u l-obbligi ta’ Stat Kontraenti, sal-punt li l-Organizzazzjoni jkollha kompetenza fuq il-kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni.

(2)   L-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika għandha, fil-mument tal-iffirmar, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, tinnotifika lid-depożitarju bil-miktub dwar il-kwistjonijiet irregolati minn din il-Konvenzjoni li fir-rigward tagħhom tkun ġiet trasferita kompetenza lil dik l-Organizzazzjoni mill-Istati Membri tagħha. L-Organizzazzjoni għandha minnufih tinnotifika lid-depożitarju bil-miktub dwar kwalunkwe bidliet rigward il-kompetenza tagħha kif speċifikat fl-avviż l-aktar reċenti mogħti skont dan il-paragrafu.

(3)   Fil-mument tal-iffirmar, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika tista’ tiddikjara skont l-Artikolu 63 li hija teżerċita kompetenza fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati minn din il-Konvenzjoni u li l-Istati Membri li ttrasferew il-kompetenza lill-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika, fir-rigward tal-kwistjoni kkonċernata, għandhom ikunu marbuta b’din il-Konvenzjoni permezz tal-iffirmar, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni tal-Organizzazzjoni.

(4)   Għall-finijiet tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, kwalunkwe strument iddepożitat minn Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika ma għandux ikun ikkunsidrat dment li l-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika ma tagħmilx dikjarazzjoni skont il-paragrafu 3.

(5)   Kwalunkwe referenza għal “Stat Kontraenti” jew “Stat” f’din il-Konvenzjoni għandha tapplika bl-istess mod għal Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika li hija Parti għaliha, fejn adatt. F’każ li ssir dikjarazzjoni minn Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika skont il-paragrafu 3, kwalunkwe referenza għal “Stat Kontraenti” jew “Stat” f’din il-Konvenzjoni għandha tapplika bl-istess mod għall-Istati Membri rilevanti tal-Organizzazzjoni, fejn adatt.

Artikolu 60

Dħul fis-seħħ

(1)   Il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara d-depożitu tat-tieni strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni msemmi fl-Artikolu 58.

(2)   Wara dan, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ -

(a)

għal kull Stat jew Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika msemmija fl-Artikolu 59(1) li sussegwentement tirratifika, taċċetta jew tapprova, fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara d-depożitu tal-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni;

(b)

għal kull Stat jew Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika msemmija fl-Artikolu 58(3) fil-jum wara t-tmiem tal-perijodu li matulu jistgħu jitressqu oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 58(5);

(c)

għal unità territorjali li għaliha ġiet estiża l-Konvenzjoni skont l-Artikolu 61, fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara n-notifika msemmija f’dak l-Artikolu.

Artikolu 61

Dikjarazzjonijiet fir-rigward ta’ sistemi legali mhux unifikati

(1)   Jekk Stat ikollu żewġ unitajiet territorjali jew aktar li fihom ikunu applikabbli sistemi legali differenti fir-rigward ta’ kwistjonijiet ittrattati f’din il-Konvenzjoni, huwa jista’, fil-mument tal-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, jiddikjara skont l-Artikolu 63 li din il-Konvenzjoni għandha tkun estiża għall-unitajiet territorjali kollha tiegħu jew għal unità waħda biss jew aktar minnhom u jista’ jimmodifika din id-dikjarazzjoni billi jippreżenta dikjarazzjoni oħra fi kwalunkwe mument.

(2)   Kwalunkwe tali dikjarazzjoni għandha tiġi nnotifikata lid-depożitarju u għandha tiddikjara b’mod ċar l-unitajiet territorjali li għalihom tapplika l-Konvenzjoni.

(3)   Jekk Stat ma jagħmel l-ebda dikjarazzjoni skont dan l-Artikolu, il-Konvenzjoni għandha tkun estiża għall-unitajiet territorjali kollha ta’ dak l-Istat.

(4)   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika.

Artikolu 62

Riżervi

(1)   Kwalunkwe Stat Kontraenti, mhux aktar tard mill-mument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, jew fil-mument li jagħmel id-dikjarazzjoni fit-termini tal-Artikolu 61, jista’ jagħmel riżerva waħda jew aktar minn dawk previsti fl-Artikoli 2(2), 20(2), 30(8), 44(3) u 55(3). L-ebda riżerva oħra ma għandha tkun permessa.

2.   Kwalunkwe Stat jista’ fi kwalunkwe mument jirtira riżerva li jkun għamel. L-irtirar għandu jiġi nnotifikat lid-depożitarju.

(3)   Ir-riżerva għandha tieqaf milli jkollha effett fl-ewwel jum tat-tielet xahar kalendarju wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

(4)   Ir-riżervi skont dan l-Artikolu ma għandu jkollhom l-ebda effett reċiproku bl-eċċezzjoni tar-riżerva prevista fl-Artikolu 2(2).

Artikolu 63

Dikjarazzjonijiet

(1)   Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2(3), 11(1)(g), 16(1), 24(1), 30(7), 44(1) u (2), 59(3) u 61(1), jistgħu jsiru mal-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni jew fi kwalunkwe mument wara dan, u jistgħu jiġu modifikati jew irtirati fi kwalunkwe mument.

(2)   Id-dikjarazzjonijiet, il-modifiki u l-irtirar għandhom jiġu nnotifikati lid-depożitarju.

(3)   Dikjarazzjoni magħmula fil-mument tal-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni għandha ssir effettiva simultanjament mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni għall-Istat ikkonċernat.

(4)   Dikjarazzjoni li ssir sussegwentement, u kwalunkwe modifika jew irtirar ta’ dikjarazzjoni, għandha ssir effettiva fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza tat-tliet xhur wara d-data li fiha d-depożitarju jirċievi n-notifika.

Artikolu 64

Denunzja

(1)   Stat Kontraenti għall-Konvenzjoni jista’ jiddenunzjaha permezz ta’ notifika bil-miktub indirizzata lid-depożitarju. Id-denunzja tista’ tkun limitata għal ċerti unitajiet territorjali ta’ Stat li jkollu aktar minn unità waħda u li għalih tapplika l-Konvenzjoni.

(2)   Id-denunzja għandha ssir effettiva fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza ta’ 12-il xahar wara d-data li fiha d-depożitarju jirċievi n-notifika. Meta fin-notifika jiġi speċifikat perijodu itwal sabiex id-denunzja ssir effettiva, din għandha ssir effettiva mal-iskadenza ta’ dan il-perijodu itwal wara d-data li fiha d-depożitarju jkun irċieva n-notifika.

Artikolu 65

Notifika

Id-depożitarju għandu jinnotifika lill-Membri tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, u Stati u Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika oħrajn li ffirmaw, irratifikaw, approvaw jew aderixxew skont l-Artikoli 58 u 59 b’dan li ġej:

(a)

l-iffirmar, ir-ratifiki, l-aċċettazzjonijiet u l-approvazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 58 u 59;

(b)

l-adeżjonijiet u l-oġġezzjonijiet imressqa għall-adeżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 58(3) u (5) u 59;

(c)

id-data li fiha l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ skont l-Artikolu 60;

(d)

id-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2(3), 11(1)(g), 16(1), 24(1), 30(7), 44(1) u (2), 59(3) u 61(1);

(e)

il-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 51(2);

(f)

ir-riżervi msemmija fl-Artikoli 2(2), 20(2), 30(8), 44(3) u 55(3), u l-irtirar imsemmi fl-Artikolu 62(2);

(g)

id-denunzji msemmija fl-Artikolu 64.

B’xhieda ta’ dan, is-sottoskritti, awtorizzati kif imiss biex jagħmlu dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

Magħmul fl-Aja, fit-tlieta u għoxrin jum ta’ Novembru tas-sena elfejn u sebgħa, bil-lingwa Ingliza u dik Franċiża, biż-żewġ testi li huma awtentiċi bl-istess mod, f’kopja unika li għandha tkun depożitata fl-arkivji tal-Gvern tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, u li tagħha għandha tintbagħat kopja ċċertifikata, permezz tal-kanali diplomatiċi, lil kull wieħed mill-Membri tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fid-data tal-Wieħed u Għoxrin Sessjoni tagħha u lil kull wieħed mill-Istati l-oħrajn li pparteċipaw f’dik is-Sessjoni.


ANNESS 1

Formola ta’ trażmissjoni skont l-Artikolu 12(2)

AVVIŻ DWAR IL-KUNFIDENZJALITÀ U L-PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI

Data personali miġbura jew trażmessa taħt din il-Konvenzjoni għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom ġiet miġbura jew trażmessa. Kwalunkwe awtorità li tipproċessa din id-data għandha tiżgura l-kunfidenzjalità tagħha, skont il-liġi tal-Istat tagħha.

Awtorità ma għandhiex tiżvela jew tikkonferma informazzjoni miġbura jew trażmessa b’applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jekk tiddeċiedi li jekk tagħmel hekk tista’ tippreġudika s-saħħa, is-sikurezza jew il-libertà ta’ persuna skont l-Artikolu 40.

1.   Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba

(a)

Indirizz …

(b)

Numru tat-telefon …

(c)

Numru tal-Fax …

(d)

Posta elettronika …

(e)

Numru ta’ referenza …

2.   Persuna ta’ kuntatt fl-Istat li jagħmel it-talba

(a)

Indirizz (jekk differenti) …

(b)

Numru tat-telefon (jekk differenti) …

(c)

Numru tal-fax (jekk differenti) …

(d)

Posta elettronika (jekk differenti) …

(e)

Lingwa/i …

3.   Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba …

Indirizz …

4.   Dettalji tar-rikorrent

(a)

Kunjom/Kunjomijiet: …

(b)

Isem/Ismijiet: …

(c)

Data tat-twelid: … (jj/xx/ssss)

jew

(a)

Isem tal-korp pubbliku: …

5.   Dettalji tal-persuna/persuni għal min qed jintalab jew lil min huwa pagabbli l-manteniment

(a)

(b)

(i)

Kunjom/Kunjomijiet: …

Isem/Ismijiet: …

Data tat-twelid: … (jj/xx/ssss)

(ii)

Kunjom/Kunjomijiet: …

Isem/Ismijiet: …

Data tat-twelid: … (jj/xx/ssss)

(iii)

Kunjom/Kunjomijiet: …

Isem/Ismijiet: …

Data tat-twelid: … (jj/xx/ssss)

6.   Dettalji tad-debitur (1)

(a)

(b)

Kunjom/Kunjomijiet …

(c)

Isem/Ismijiet: …

(d)

Data tat-twelid: … (jj/xx/ssss)

7.   Din il-formola ta’ Trażmissjoni tirrigwarda u hija akkumpanjata minn talba skont:

8.   Id-dokumenti li ġejjin huma annessi għat-talba:

(a)

Għall-fini ta’ talba skont l-Artikolu 10(1)(a) u:

 

Skont l-Artikolu 25:

 

Skont l-Artikolu 30(3):

b.

Għall-finijiet ta’ talba skont l-Artikolu 10(1)(b), (c),( d),( e),(f) u (2)(a), (b) jew (c), id-dokumenti ta’ sostenn li ġejjin (eskluża l-formola ta’ Trażmissjoni u t-talba nfisha) skont l-Artikolu 11(3):

Isem: … (f’ittri kbar)

Data: … (jj/xx/ssss)

Rappreżentant awtorizzat tal-Awtorità Ċentrali


(1)  Skont l-Art. 3 tal-Konvenzjoni “debitur” tfisser “individwu li għandu jħallas, jew li allegatament għandu jħallas, il-manteniment”.


ANNESS 2

Formola ta’ konferma skont l-Artikolu 12(3)

AVVIŻ DWAR IL-KUNFIDENZJALITÀ U L-PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI

Data personali miġbura jew trażmessa taħt din il-Konvenzjoni għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom ġiet miġbura jew trażmessa. Kwalunkwe awtorità li tipproċessa din id-data għandha tiżgura l-kunfidenzjalità tagħha, skont il-liġi tal-Istat tagħha.

Awtorità ma għandhiex tiżvela jew tikkonferma informazzjoni miġbura jew trażmessa b’applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jekk tiddeċiedi li jekk tagħmel hekk tista’ tippreġudika s-saħħa, is-sikurezza jew il-libertà ta’ persuna skont l-Artikolu 40.

1.   Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba

(a)

Indirizz …

(b)

Numru tat-telefon …

(c)

Numru tal-Fax …

(d)

Posta elettronika …

(e)

Numru ta’ referenza …

2.   Persuna ta’ kuntatt fl-Istat li ssirlu t-talba

(a)

Indirizz (jekk differenti) …

(b)

Numru tat-telefon (jekk differenti) …

(c)

Numru tal-fax (jekk differenti) …

(d)

Posta elettronika (jekk differenti) …

(e)

Lingwa/i …

3.   Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba …

Persuna ta’ kuntatt …

Indirizz …

4.   L-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba tikkonferma li rċevietha fi … (jj/xx/ssss) tal-formola ta’ trażmissjoni mill-Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba (numru ta’ referenza …; datata … (jj/xx/ssss)) dwar it-talba li ġejja skont:

Kunjom/Kunjomijiet tar-rikorrent: …

Kunjom/Kunjomijiet tal-persuna/persuni għal min qed jintalab jew lil min huwa pagabbli l-manteniment: …

Kunjom/Kunjomijiet tad-debitur: …

5.   Passi inizjali meħuda mill-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba:

L-Awtorità Ċentrali li ssirilha t-talba titlob lill-Awtorità Ċentrali li tagħmel it-talba biex tinfurmaha bi kwalunkwe bidla fl-istatus tat-talba.

Isem: … (f’ittri kbar)

Data: … (jj/xx/ssss)

Rappreżentant awtorizzat tal-Awtorità Ċentrali

Top