EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0405

Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll maqbul bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet

ĠU L 181, 9.7.2011, p. 1–1 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/405/oj

Related international agreement

9.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Ġunju 2011

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll maqbul bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet

(2011/405/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2027/2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde (1).

(2)

Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti minn dak il-Ftehim ta’ Sħubija jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2011.

(3)

L-Unjoni nnegozjat mar-Repubblika tal-Kap Verde (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Kap Verde”) Protokoll ġdid li joffri lill-bastimenti tal-UE opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet li fihom il-Kap Verde teżerċita s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħha fuq is-sajd.

(4)

B’riżultat ta’ dawn in-negozjati, il-Protokoll il-ġdid ġie inizjalat fit-22 ta’ Diċembru 2010.

(5)

Sabiex jiżgura l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-UE, l-Artikolu 15 tal-Protokoll il-ġdid jipprevedi għall-applikazzjoni proviżorja tiegħu mill-1 ta’ Settembru 2011.

(6)

Jeħtieġ li l-Protokoll il-ġdid jiġi ffirmat u applikat proviżorjament, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll maqbul bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni ta’ dan il-Protokoll.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa biex tiffirma/jiffirmaw il-Protrokoll f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Settembru 2011, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

PINTÉR S.


(1)  ĠU L 414, 30.12.2006, p. 1.


Top

9.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/2


PROTOKOLL

maqbul bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet

Artikolu 1

Perijodu ta’ applikazzjoni u opportunitajiet tas-sajd

1.   Għal perijodu ta’ tliet snin, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd għandhom jiġu stabbiliti kif ġej:

Speċijiet li jpassu ħafna (speċijiet elenkati fl-Anness 1 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi tal-Baħar tal-1982):

bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun bil-friża abbord: 28 bastiment,

bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief: 11-il bastiment,

bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ: 35 bastiment.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 5 ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 2

Kontribuzzjoni finanzjarja – Termini ta’ ħlas

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd għandha tkun stabbilita, għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 1, għal EUR 435 000.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tinkludi:

(a)

ammont annwali għall-aċċess għaż-ŻEE tal-Kap Verde ta’ EUR 325 000 ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 5 000 tunnellata fis-sena, u

(b)

ammont speċifiku ta’ EUR 110 000 fis-sena għall-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd tal-Kap Verde.

3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3, 4, 5, 7 u 8 ta’ dan il-Protokoll u tal-Artikoli 12 u 13 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd.

4.   Jekk il-kwantità globali tal-qabdiet magħmula mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet tal-Kap Verde teċċedi l-5 000 tunnellata fis-sena, l-ammont totali ta’ EUR 325 000 tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għandu jiżdied b’EUR 65 għal kull tunnellata addizzjonali maqbuda. Madankollu, l-ammont totali annwali mħallas mill-Unjoni ma għandux jeċċedi d-doppju tal-ammont indikat fil-paragrafu 2(a) (EUR 325 000). Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jeċċedu l-kwantitajiet li jikkorrispondu għad-doppju tal-ammont annwali totali, l-ammont dovut għall-kwantità li teċċedi dan il-limitu jitħallas is-sena ta’ wara.

5.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) hawn fuq għandu jsir mhux aktar tard minn 60 jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll għall-ewwel sena u mhux aktar tard mid-data tal-anniversarju tal-Protokoll għas-snin segwenti.

6.   L-awtoritajiet tal-Kap Verde għandu jkollhom diskrezzjoni sħiħa fir-rigward tal-użu li jsir mill-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2(a).

7.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tiġi ttrasferita f’kont uniku tat-Teżor Pubbliku miftuħ f’istituzzjoni finanzjarja magħżula mill-awtoritajiet tal-Kap Verde.

Artikolu 3

Promozzjoni ta’ sajd sostenibbli u responsabbli fl-ilmijiet tal-Kap Verde

1.   Il-Partijiet għandhom jiftiehmu fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd, sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, dwar Programm Settorjali Multiannwali, u r-regoli tal-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari:

(a)

il-linji gwida annwali u multiannwali għall-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(b);

(b)

l-għanijiet, kemm annwali kif ukoll multiannwali, li għandhom jintlaħqu sabiex jitrawwem sajd sostenibbli u responsabbli, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet tal-Kap Verde fil-politika nazzjonali tas-sajd jew ta’ politiki oħra konnessi jew li għandhom impatt fuq il-promozzjoni tas-sajd responsabbli u sostenibbli;

(ċ)

il-kriterji u l-proċeduri li jridu jintużaw biex issir evalwazzjoni tar-riżultati miksuba, fuq bażi annwali.

2.   Kwalunkwe emenda proposta għall-Programm Settorjali Multiannwali teħtieġ l-approvazzjoni taż-żewġ Partijiet fil-Kumitat Konġunt, jew abbażi ta’ skambju ta’ korrispondenza.

3.   Kull sena, l-awtoritajiet tal-Kap Verde għandhom jiddeċiedu dwar l-allokazzjoni, ta’ ammont addizzjonali mal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) bil-għan li jiġi implimentat il-Programm Multiannwali. Din l-allokazzjoni trid tiġi kkomunikata lill-Unjoni Ewropea sa mhux aktar tard minn xahrejn (2) qabel id-data tal-anniversarju tal-Protokoll attwali.

4.   Kull sena ż-żewġ Partijiet għandhom jagħmlu, fi ħdan il-Kumitat Konġunt, evalwazzjoni tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Programm Settorjali Multiannwali. F’każ li din l-evalwazzjoni tindika li t-twettiq tal-għanijiet iffinanzjati direttament mill-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ dan il-Protokoll, ma jkunx sodisfaċenti, l-Unjoni Ewropea tirriserva d-dritt li tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjoni finanzjarja bil-għan li taġġusta l-ammont allokat għall-implimentazzjoni tal-Programm skont ir-riżultati.

Artikolu 4

Kooperazzjoni xjentifika dwar sajd responsabbli

1.   Iż-żewġ Partijiet b’dan jimpenjaw irwieħhom li jippromwovu s-sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-Kap Verde fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ non-iskriminazzjoni bejn id-diversi flotot tas-sajd preżenti f’dawk l-ilmijiet.

2.   Matul il-perijodu kopert minn dan il-Protokoll, l-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-Kap Verde għandhom jagħmlu ħilithom biex jimmonitorjaw il-qagħda tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Kap Verde.

3.   Iż-żewġ Partijiet għandhom jirrispettaw ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) rigward il-ġestjoni responsabbli tas-sajd.

4.   Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet adottati fi ħdan l-ICCAT u fid-dawl tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw flimkien fi ħdan il-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd sabiex jadottaw, jekk ikun il-każ wara laqgħa xjentifika u bi ftehim komuni, miżuri ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd li jolqtu l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd bi ftehim komuni

L-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu aġġustati bi ftehim komuni sakemm ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-ICCAT jikkonfermaw li dan l-aġġustament jiggarantixxi l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd koperti minn dan il-Protokoll. F’dan il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 2(2)(a) għandha tiġi aġġustata proporzjonalment u pro rata temporis u jsiru l-emendi meħtieġa għal dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu.

Artikolu 6

Inċentivi għall-iżbarki u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi

1.   Iż-żewġ Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex itejbu l-opportunitajiet ta’ żbark fil-portijiet Kap Verdjani.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiddefinixxi t-termini rilevanti għal dan il-għan kif ukoll il-livell ta’ inċentivi finanzjarji li għandhom ikunu applikati.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex joħolqu l-kondizzjonijiet xierqa għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji tagħhom, fi kwistjonijiet tekniċi, ekonomiċi u kummerċjali, billi jrawmu ambjent li jippromwovi l-iżvilupp tan-negozju u tal-investimenti.

Artikolu 7

Sospensjoni tal-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja hekk kif imsemmija fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) tista’ tiġi sospiża jekk xi waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

ċirkostanzi li mhumiex normali, għajr fenomeni naturali, iwaqqfu l-eżerċizzju tal-attivitajiet tas-sajd fiż ŻEE tal-Kap Verde;

(b)

wara bidliet sinifikanti fil-linji gwida politiċi li jkunu wasslu għall-konklużjoni ta’ dan il-Protokoll, waħda miż-żewġ Partijiet titlob ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li dawn jiġu emendati;

(ċ)

l-Unjoni Ewropea tinnota li l-Kap Verde kiser xi elementi essenzjali u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi kif ipprovduti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou.

2.   L-Unjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li tissospendi parti minn jew il-ħlas kollu tal-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ dan il-Protokoll:

(a)

meta r-riżultati miksuba ma jkunux konformi mal-ipprogrammar wara evalwazzjoni magħmula mill-Kumitat Konġunt;

(b)

f’każ li ma ssirx il-kontribuzzjoni finanzjarja.

3.   Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja jibda mill-ġdid wara konsultazzjoni u ftehim bejn iż-żewġ Partijiet malli tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ta’ qabel l-avvenimenti msemmija fil-paragrafu 1, u/jew meta r-riżultati tal-implimentazzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2 jiġġustifikawh.

Artikolu 8

Sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Protokoll

1.   L-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll tista’ tiġi sospiża fuq inizjattiva ta’ waħda mill-Partijiet jekk xi waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu osservati:

(a)

ċirkostanzi li mhumiex normali, kif speċifikati fl-Artikolu 7.3(a) tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd, iwaqqfu l-eżerċizzju tal-attivitajiet tas-sajd fiż-ŻEE tal-Kap Verde;

(b)

wara bidliet sinifikanti fil-linji gwida politiċi li jkunu wasslu għall-konklużjoni ta’ dan il-Protokoll, waħda miż-żewġ Partijiet titlob ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu bil-ħsieb li dawn jiġu emendati;

(ċ)

waħda miż-żewġ Partijiet tikser wieħed mill-elementi essenzjali u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi kif previsti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou;

(d)

l-Unjoni Ewropea tonqos li tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fl-Artikolu 2(2a), għal raġunijiet oħrajn minbarra dawk previsti fl-Artikolu 7 ta’ dan il-Protokoll;

(e)

tilwima persistenti u li ma setgħetx tiġi solvuta fi ħdan il-Kumitat Konġunt bejn iż-żewġ Partijiet;

(f)

waħda miż-żewġ Partijiet ma tirrispettax id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll, l-Anness u l-Appendiċijiet.

2.   Meta s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Protokoll isseħħ għal raġunijiet oħra minbarra dawk imsemmija fil-punt 1(c) ta’ hawn fuq, din għandha tkun soġġetta għan-notifika bil-miktub mill-Parti kkonċernata tal-intenzjoni tagħha u mill-inqas tliet xhur qabel id-data li fiha s-sospensjoni tieħu effett. Is-sospensjoni tal-Protokoll minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punt 1(c) għandha tapplika minnufih wara li tittieħed id-deċiżjoni ta’ sospensjoni.

3.   F’każ ta’ sospensjoni, il-Partijiet għandhom ikomplu bil-konsultazzjonijiet sabiex isibu soluzzjoni bonarja għat-tilwima ta’ bejniethom. Meta tinkiseb tali soluzzjoni, il-Protokoll jibda japplika mill-ġdid u s-somma tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titnaqqas b’mod proporzjonali u pro rata temporis skont it-tul ta’ żmien li matulu l-applikazzjoni tal-Protokoll kienet sospiża.

Artikolu 9

Komunikazzjoni elettronika

1.   Il-Kap Verde u l-UE jintrabtu li jistabbilixxu fl-iqsar żmien possibbli s-sistemi kompjuterizzati meħtieġa għall-komunikazzjoni elettronika tal-informazzjoni u tad-dokumenti kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim.

2.   Hekk kif is-sistemi previsti fil-punt 1 ta’ dan l-Artikolu jibdew jaħdmu, il-verżjoni elettronika ta’ dokument għandha tkun ikkunsidrata ekwivalenti għall-verżjoni tiegħu fuq il-karta f’kull aspett.

3.   Il-Kap Verde u l-UE għandhom jinnotifikaw lil xulxin minnufih rigward kwalunkwe ħsara fis-sistema kompjuterizzata. L-informazzjoni u d-dokumenti marbuta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom ikunu awtomatikament sostitwiti mill-verżjoni tagħhom fuq il-karta skont it-termini definiti fl-Anness.

Artikolu 10

Monitoraġġ bis-satellita

Il-Kap Verde għandu jistabbilixxi fl-iqsar żmien possibbli sistema ta’ monitoraġġ bis-satellita (VMS) tal-bastimenti tas-sajd li jkunu qegħdin jistadu fl-ilmijiet tiegħu. Ladarba din is-sistema tkun stabbilita, id-dispożizzjonijiet definiti fl-Anness għal dan il-Protokoll għandhom japplikaw.

Artikolu 11

Kunfidenzjalità tad-dejta

Il-Kap Verde jintrabat li d-dejta kollha relatata mal-bastimenti tal-UE u mal-attivitajiet tas-sajd tagħhom miksuba taħt il-Ftehim jiġu ttrattati f’kull mument b’mod kunfidenzjali u użati biss għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi nazzjonali

1.   L-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea li joperaw fl-ilmijiet tal-Kap Verde fil-qafas ta’ dan il-Protokoll għandhom ikunu rregolati mil-liġi applikabbli fil-Kap Verde, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-pjan ta’ ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd tal-Kap Verde, sakemm il-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd, dan il-Protokoll, l-Anness u l-Appendiċijiet tiegħu ma jistipulawx mod ieħor.

2.   L-awtoritajiet tal-Kap Verde għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwalunkwe tibdil jew kwalunkwe leġislazzjoni ġdida li tirrigwarda s-settur tas-sajd.

Artikolu 13

Tul ta’ żmien

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw għal perijodu ta’ tliet snin li jibda mill-applikazzjoni proviżorja skont l-Artikolu 15, sakemm ma jingħatax avviż tat-terminazzjoni skont l-

Artikolu 14

Terminazzjoni

1.   Fil-każ ta’ terminazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Parti kkonċernata għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li ttemm il-Protokoll mill-inqas sitt xhur qabel id-data li fiha sseħħ it-terminazzjoni.

2.   Kif tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom jibdew il-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

Artikolu 15

Applikazzjoni proviżorja

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw b’mod proviżorju mill-1 ta’ Settembru 2011.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa f’dan ir-rigward.


ANNESS

KONDIZZJONIJIET GĦAT-TWETTIQ TAL-ATTIVITAJIET TAS-SAJD FIŻ-ŻONA TAS-SAJD TAL-KAP VERDE MILL-BASTIMENTI TAL-UNJONI EWROPEA

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Il-ħatra tal-awtorità kompetenti

Għall-ħtiġijiet ta’ dan l-Anness u sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, kwalunkwe referenza għall-Unjoni Ewropea (UE) jew għall-Kap Verde bħala awtorità kompetenti tindika:

għall-UE: il-Kummissjoni Ewropea, fejn xieraq permezz tad-delegazzjoni tal-UE fil-Kap Verde;

għall-Kap Verde: il-Ministeru responsabbli mis-Sajd.

Iż-ŻEE nazzjonali

Il-Kap Verde għandu jikkomunika lill-UE, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, il-koordinati ġeografiċi taż-ŻEE tiegħu kif ukoll tal-linji bażi.

Iż-żoni tas-sajd

Il-bastimenti tal-UE ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tas-sajd tagħhom lil hinn minn 12-il mil nawtiku mil-linji bażi.

Il-ħatra ta’ aġent lokali

Kull bastiment tal-UE li jippjana li jiżbarka jew jittrażborda f’port tal-Kap Verde għandu jkun irrappreżentat minn aġent residenti fil-Kap Verde.

Il-kont bankarju

Il-Kap Verde għandu jinforma lill-UE qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll dwar id-dettalji tal-kont(ijiet) bankarju/i li fuqu/fuqhom għandhom jiġu ddepożitati l-ammonti finanzjarji mħallsa mill-bastimenti tal-UE skont il-Ftehim. L-ispejjeż inerenti għat-trasferimenti bankarji għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti.

KAPITOLU II

AWTORIZZAZZJONIJIET TAS-SAJD

Prerekwiżit sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni għas-sajd – bastimenti eliġibbli

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 6 tal-Ftehim għandhom jinħarġu bil-kondizzjoni li l-bastiment ikun imniżżel fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd tal-UE u li l-obbligi preċedenti marbuta ma’ sid il-bastiment, mal-kaptan jew mal-bastiment stess, li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ sajd tagħhom fil-Kap Verde skont il-Ftehim, ikunu ġew sodisfatti.

Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd

L-UE għandha tissottometti lill-Kap Verde applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd għal kull bastiment li jixtieq jistad fil-qafas tal-Ftehim, mill-anqas 15-il jum qabel id-data tal-bidu tal-validità mitluba, billi tuża l-formola li tinsab fl-Appendiċi 1 ta’ dan l-Anness. L-applikazzjoni għandha tkun ittajpjata jew miktuba b’mod ċar b’ittri kbar.

Kull l-ewwel applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tas-sajd skont il-Protokoll fis-seħħ, jew wara bidla teknika fil-bastiment ikkonċernat, l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn:

i.

il-prova tal-pagament tal-ħlas fiss għall-perijodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd mitluba, kif ukoll tal-kontribuzzjoni fissa għall-osservaturi msemmija fil-Kapitolu X ta’ dan l-Anness;

ii.

l-isem u l-indirizz tal-aġent lokali tal-bastiment; jekk ikun il-każ;

iii.

ritratt reċenti bil-kulur tal-bastiment, meħud mill-ġenb u ta’ mhux inqas minn 15–il ċentimetru × 10 ċentimetri;

iv.

kull dokument ieħor speċifikament meħtieġ skont il-Ftehim.

Meta tiġġedded l-awtorizzazzjoni tas-sajd taħt il-Protokoll fis-seħħ, fil-każ ta’ bastiment li l-karatteristiċi tekniċi tiegħu ma jkunux inbidlu, l-applikazzjoni għat-tiġdid għandha tkun akkumpanjata biss mill-prova tal-pagament tal-ħlas u tal-kontribuzzjoni fissa għall-ispejjeż marbuta mal-osservatur.

Il-ħlasijiet fissi bil-quddiem

L-ammont tal-ħlas fiss għandu jkun stabbilit fuq bażi ta’ rata annwali ddeterminata fl-iskedi tekniċi fl-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness. Dan għandu jinkludi t-taxxi nazzjonali u lokali kollha, minbarra t-taxxi tal-port, it-taxxi tat-trażbord u l-ispejjeż għas-servizzi.

Lista proviżorja tal-bastimenti awtorizzati għas-sajd

Malli jaslu l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd, il-Kap Verde għandu jistabbilixxi fl-iqsar żmien possibbli u għal kull kategorija ta’ bastimenti l-lista proviżorja tal-bastimenti li applikaw. Din il-lista għandha tiġi kkomunikata minnufih lill-awtorità nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-sajd u lill-UE.

L-UE għandha tibgħat il-lista proviżorja lil sid il-bastiment jew lill-aġent. F’każ li l-uffiċċji tal-UE jkunu magħluqa, il-Kap Verde jista’ jibgħat il-lista proviżorja direttament lil sid il-bastiment, jew lill-aġent tiegħu, u jibgħat kopja lill-UE.

Ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

Il-Kap Verde għandu joħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd lill-UE sa mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jirċievi l-fajl tal-applikazzjoni komplut.

F’każ ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd matul il-perijodu tal-applikazzjoni tal-Protokoll, l-awtorizzazzjoni l-ġdida għandu jkun fiha referenza ċara għall-awtorizzazzjoni inizjali tas-sajd.

L-UE għandha tibgħat l-awtorizzazzjoni tas-sajd lil sid il-bastiment jew lill-aġent. F’każ li l-uffiċċji tal-UE jkunu magħluqa, il-Kap Verde jista’ jibgħat l-awtorizzazzjoni tas-sajd direttament lil sid il-bastiment, jew lid-destinatarju awtorizzat minnu, u jibgħat kopja lill-UE.

Lista tal-bastimenti awtorizzati għas-sajd

Mal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, il-Kap Verde għandu jistabbilixxi fl-iqsar żmien possibbli u għal kull kategorija ta’ bastimenti l-lista definittiva tal-bastimenti awtorizzati li jistadu fiż-żona tal-Kap Verde. Din il-lista għandha tkun ikkomunikata minnufih lill-awtorità nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-sajd u lill-UE u għandha tissostitwixxi l-lista proviżorja msemmija hawn fuq.

Tul tal-validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom validità ta’ sena u jistgħu jiġġeddu.

Sabiex ikun jista’ jiġi determinat il-bidu tal-perijodu tal-validità, perijodu annwali jfisser:

i.

fl-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-Protokoll, il-perijodu bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena;

ii.

imbagħad, kull sena kalendarja sħiħa;

iii.

fl-aħħar sena tal-applikazzjoni tal-Protokoll, il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u d-data tal-iskadenza tal-Protokoll.

Żamma abbord tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinżamm abbord f’kull ħin.

Madankollu, il-bastimenti huma awtorizzati li jistadu malli jkunu mniżżla fuq il-lista proviżorja msemmija hawn fuq. Dawn il-bastimenti għandhom dejjem iżommu l-lista proviżorja abbord sa ma toħroġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd tagħhom.

Trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tkun stabbilita għal bastiment speċifiku u mhijiex trasferibbli.

Madankollu, fil-każ ta’ force majeure u fuq talba tal-UE, l-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tiġi ssostitwita minn awtorizzazzjoni tas-sajd ġdida, maħruġa f’isem bastiment ieħor simili għall-bastiment li ser ikun sostitwit.

It-trasferiment għandu jsir billi sid il-bastiment jew lill-aġent fil-Kap Verde jibgħat lura l-awtorizzazzjoni tas-sajd li sejra tkun sostitwita, u bl-istabbiliment fl-iqsar żmien possibbli mill-Kap Verde tal-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni. L-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni għandha tintbagħat fl-iqsar żmien possibbli lil sid il-bastiment, jew lill-aġent tiegħu, meta tintbagħat lura l-awtorizzazzjoni li ser tkun sostitwita. L-awtorizzazzjoni tas-sajd il-ġdida għandha tidħol fis-seħħ fl-istess jum li titħassar l-awtorizzazzjoni sostitwita.

Il-Kap Verde għandu jaġġorna fl-iqsar żmien possibbli l-lista tal-bastimenti awtorizzati li jistadu. Il-lista l-ġdida għandha tkun ikkomunikata minnufih lill-awtorità nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-sajd u lill-UE.

Bastimenti ta’ appoġġ

Fuq talba tal-UE, il-Kap Verde għandu jawtorizza l-bastimenti tal-UE li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd sabiex ikunu mgħejjuna minn bastimenti ta’ appoġġ. Il-bastimenti ta’ appoġġ għandhom itajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE, jew ikunu parti minn kumpanija Ewropea, u ma jistgħux ikunu mgħammra biex jaqbdu l-ħut u lanqas jintużaw għat-trażbord.

Il-Kap Verde għandu jispeċifika l-attivitajiet ta’ appoġġ kif ukoll il-kondizzjonijiet ta’ kisba tal-awtorizzazzjonijiet, u għandu jistabbilixxi l-lista tal-bastimenti ta’ appoġġ awtorizzati u jinnotifikaha minnufih lill-awtorità nazzjonali responsabbli mill-kontroll tas-sajd u lill-UE.

KAPITOLU III

MIŻURI TEKNIĊI

Il-miżuri tekniċi applikabbli għall-bastimenti li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd, li jirrigwardaw iż-żona, l-irkaptu tas-sajd u l-qbid inċidentali, huma speċifikati għal kull kategorija tas-sajd fl-iskedi tekniċi fl-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness.

Il-bastimenti għandhom jirrispettaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha adottati mill-ICCAT (Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku).

KAPITOLU IV

DIKJARAZZJONI TAL-QABDIET

Il-ġurnal tas-sajd

Il-kaptan ta’ bastiment tal-UE li jistad fil-qafas tal-Ftehim għandu jżomm ġurnal tas-sajd, li l-mudell tiegħu għal kull kategorija ta’ sajd jinsab fl-Appendiċi 3 ta’ dan l-Anness.

Il-ġurnal tas-sajd għandu jimtela mill-kaptan għal kull jum li l-bastiment ikun fiż-żona tas-sajd tal-Kap Verde.

Il-kaptan għandu jikteb kuljum fil-ġurnal tas-sajd il-kwantità ta’ kull speċi, identifikata permezz tal-kodiċi alfa 3 tal-FAO, maqbuda u miżmuma abbord, espressa f’kilogrammi ta’ piż tal-ħut ħaj jew, jekk ikun il-każ, f’numri individwali. Il-kaptan għandu jniżżel ukoll f’każ li ma jinqabad xejn minn kwalunkwe speċi ewlenija.

Jekk ikun il-każ, il-kaptan għandu jirreġistra ukoll kuljum fil-ġurnal tas-sajd il-kwantitajiet ta’ kull speċi mitfugħin lura fil-baħar, espressi f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun il-każ, f’numri individwali.

Il-ġurnal tas-sajd għandu jimtela b’mod ċar, b’ittri kbar, u jkun iffirmat mill-kaptan.

Il-preċiżjoni tal-informazzjoni rreġistrata fil-ġurnal tas-sajd taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kaptan.

Dikjarazzjoni tal-qabdiet

Il-kaptan għandu jiddikjara l-qabdiet tal-bastiment billi jibgħat lill-Kap Verde l-ġurnali tas-sajd tiegħu għall-perijodu tal-preżenza tiegħu fiż-żona tas-sajd tal-Kap Verde.

Il-ġurnali tas-sajd għandhom jintbagħtu skont it-termini li ġejjin:

i.

f’każ ta’ waqfa f’port tal-Kap Verde, kull oriġinal tal-ġurnal tas-sajd għandu jingħata lir-rappreżentant lokali tal-Kap Verde, li tiegħu għandu jagħti rċevuta bil-miktub;

ii.

f’każ ta’ ħruġ miż-żona tas-sajd tal-Kap Verde mingħajr ma jgħaddi minn port tal-Kap Verde, kull oriġinal tal-ġurnal tas-sajd għandu jintbagħat fi żmien 14-il jum wara l-wasla fi kwalunkwe port ieħor, jew f’kull każ fi żmien 30 jum wara l-ħruġ miż-żona tal-Kap Verde

a.

permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kap Verde,

b.

jew permezz ta’ fax, fuq in-numru kkomunikat mill-Kap Verde,

c.

jew permezz tal-posta elettronika.

Iż-żewġ Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jistabbilixxu sistema ta’ rappurtar tal-qabdiet ibbażata fuq skambju elettroniku tal-informazzjoni kollha.

Hekk kif il-Kap Verde jkun jista’ jirċievi r-rapporti tal-qabdiet permezz tal-posta elettronika, il-kaptan għandu jibgħat il-ġurnali tas-sajd lill-Kap Verde fl-indirizz elettroniku kkomunikat mill-Kap Verde. Il-Kap Verde għandu jikkonferma minnufih li rċieva l-ġurnali permezz tal-posta elettronika.

Il-kaptan għandu jibgħat kopja tal-ġurnali tas-sajd kollha lill-UE. Fil-każ tal-bastimenti tat-tonn bit-tartarun u bil-konz tal-wiċċ, il-kaptan għandu jibgħat ukoll kopja tal-ġurnali kollha tas-sajd lil wieħed mill-istituti xjentifiċi li ġejjin:

i.

IRD (Institut de recherche pour le développement)

ii.

IEO (Instituto Español de Oceanografia),

iii.

IPIMAR (Instituto Português de Investigação Maritima), jew

iv.

INDP (Instituto Nacional de Desenvolvimento das Pescas).

Ir-ritorn tal-bastiment fiż-żona tal-Kap Verde fil-perijodu tal-validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tiegħu għandu jagħti lok għal rapport ġdid tal-qabdiet.

F’każ li d-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar tal-qabdiet ma jiġux irrispettati, il-Kap Verde jista’ jissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd bil-bastiment ikkonċernat sakemm jikseb ir-rapporti neqsin tal-qabdiet u jissanzjona lil sid il-bastiment skont id-dispożizzjonijiet previsti għal dan mil-liġi nazzjonali fis-seħħ. F’każ ta’ nuqqas ta’ rispett b’mod ripetut, il-Kap Verde jista’ jirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tas-sajd. Il-Kap Verde għandu jinforma minnufih lill-UE dwar kwalunkwe sanzjoni applikata f’dan il-kuntest.

Stqarrija finali tal-ħlasijiet għall-bastimenti tas-sajd tat-tonn u bil-konz tal-wiċċ

L-UE għandha tistabbilixxi għal kull bastiment tas-sajd tat-tonn bit-tartarun u bil-konz tal-wiċċ, stqarrija finali tal-ħlasijiet dovuti mill-bastiment taħt il-perijodu annwali ta’ attività tas-sena preċedenti bbażata fuq ir-rapporti tal-qabdiet tiegħu kkonfermati mill-istituti xjentifiċi msemmija hawn fuq.

L-UE għandha tikkomunika din l-istqarrija finali lill-Kap Verde u lil sid il-bastiment qabel il-31 ta’ Lulju ta’ dik is-sena. Fi żmien 30 jum mid-data tat-trasmissjoni, il-Kap Verde jista’ jikkontesta l-istqarrija finali, abbażi ta’ elementi ta’ evidenza. F’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, il-Partijiet għandhom jikkooperaw fi ħdan il-Kumitat Konġunt. Jekk il-Kap Verde ma jagħmilx oġġezzjoni fi żmien 30 jum, l-istqarrija finali tiġi meqjusa bħala adottata.

Jekk l-istqarrija finali tkun ogħla mill-ħlas fiss mħallas qabel għall-kisba tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, sid il-bastiment għandu jħallas il-bilanċ lill-Kap Verde sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ dik is-sena. Jekk l-istqarrija finali tkun inqas mis-somma fissa mħallsa qabel, sid il-bastiment ma jistax jirkupra s-somma li jifdal.

KAPITOLU V

ĦATT L-ART U TRAŻBORD

Il-kaptan ta’ bastiment tal-UE li jixtieq iħott f’port tal-Kap Verde, jew jittrażborda qabdiet magħmula fiż-żona tal-Kap Verde, għandu jinnotifika lill-Kap Verde, mill-inqas 24 siegħa qabel il-ħatt l-art jew it-trażbord:

a.

l-isem tal-bastiment tas-sajd involut fit-trażbord jew fil-ħatt l-art,

b.

il-port fejn ser isir il-ħatt l-art jew it-trażbord,

c.

id-data u l-ħin previsti għall-ħatt l-art jew għat-trażbord,

d.

il-kwantità (espressa f’kilogrammi ta’ piż tal-ħut ħaj jew, jekk ikun il-każ, f’numri individwali) għal kull speċi li tkun sejra tinħatt jew tiġi ttrażbordata (identifikata permezz tal-Kodiċi alfa 3 tal-FAO tagħha),

e.

f’każ ta’ trażbord, l-isem tal-bastiment destinatarju,

f.

iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-bastiment destinatarju.

L-operazzjoni ta’ trażbord għandha ssir fl-ilmijiet ta’ port tal-Kap Verde awtorizzat għal dan. Mhuwiex permess it-trażbord fuq il-baħar.

Jekk id-dispożizzjonijiet ma jiġux irrispettati għandhom jiġu applikati s-sanzjonijiet previsti għal dan mil-liġi tal-Kap Verde.

Bastiment tal-UE li jħott f’port tal-Kap Verde jew li jbiegħ il-qabdiet tiegħu lil xi impjant tal-ipproċessar fil-Kap Verde jibbenifika minn inċentiv finanzjarju fil-forma ta’ tnaqqis parzjali tal-ħlas, skont il-limiti stabbiliti fl-iskedi tekniċi fl-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness.

KAPITOLU VI

KONTROLL

Dħul u ħruġ miż-żona

Kull dħul jew ħruġ miż-żona tas-sajd tal-Kap Verde ta’ bastiment tal-UE li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd għandu jkun innotifikat lill-Kap Verde fi żmien 3 sigħat qabel id-dħul jew il-ħruġ.

Meta jinnotifika d-dħul jew il-ħruġ tiegħu, il-bastiment għandu jikkomunika b’mod partikolari:

i.

id-data, is-siegħa u r-rotta previsti;

ii.

il-kwantità ta’ kull speċi miżmuma abbord, identifikata permezz tal-Kodiċi alfa 3 tal-FAO tagħha u espressa f’kilogrammi ta’ piż tal-ħut ħaj jew, jekk ikun il-każ, f’numri individwali;

iii.

il-preżentazzjoni tal-prodotti.

Il-komunikazzjoni għandha ssir preferibbilment permezz tal-posta elettronika, jew inkella, b’fax jew bir-radju, f’indirizz elettroniku, numru tat-telefon jew fuq frekwenza mogħtija mill-Kap Verde. Il-Kap Verde għandu jikkomunika minnufih lill-bastimenti kkonċernati u lill-UE kwalunkwe tibdil fl-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefown jew il-frekwenza ta’ trażmissjoni.

Kull bastiment li jinqabad jistad fiż-żona tal-Kap Verde mingħajr ma jkun avża minn qabel il-preżenza tiegħu jitqies bħala bastiment mingħajr awtorizzazzjoni tas-sajd.

Spezzjoni fuq il-baħar

L-ispezzjoni fuq il-baħar fiż-żona tal-Kap Verde li ssir fuq il-bastimenti tal-UE li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandha ssir minn bastimenti u spetturi tal-Kap Verde faċilment identifikabbli bħala uffiċjali maħtura għall-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd.

Qabel ma jitilgħu abbord, l-ispetturi tal-Kap Verde għandhom javżaw lill-bastiment tal-UE dwar id-deċiżjoni tagħhom li jagħmlu spezzjoni. L-ispezzjoni għandha ssir minn mhux aktar minn żewġ spetturi, li jkollhom juru l-identità u l-kwalifika tagħhom ta’ spettur qabel jibdew l-ispezzjoni.

L-ispetturi tal-Kap Verde għandhom jibqgħu abbord il-bastiment tal-UE iż-żmien meħtieġ biex iwettqu l-kompiti marbuta mal-ispezzjoni. Huma għandhom jagħmlu spezzjoni b’mod li jillimitaw l-impatt fuq il-bastiment, l-attività tas-sajd u l-merkanzija tiegħu.

Il-Kap Verde jista’ jawtorizza lill-UE sabiex tipparteċipa fl-ispezzjoni fuq il-baħar bħala osservatur.

Il-kaptan tal-bastiment tal-UE għandu jiffaċilita l-imbark u x-xogħol tal-ispetturi tal-Kap Verde.

Fl-aħħar ta’ kull spezzjoni, l-ispetturi tal-Kap Verde għandhom jagħmlu rapport dwar l-ispezzjoni. Il-kaptan tal-bastiment tal-UE għandu d-dritt li jinkludi l-kummenti tiegħu fir-rapport tal-ispezzjoni. Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jkun iffirmat mill-ispettur li jagħmel ir-rapport u mill-kaptan tal-bastiment tal-UE.

L-ispetturi tal-Kap Verde għandhom iħallu kopja tar-rapport ta’ spezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tal-UE qabel ma jinżlu mill-bastiment. Il-Kap Verde għandu jittrażmetti kopja tar-rapport ta’ spezzjoni lill-UE fi żmien 8 ijiem wara l-ispezzjoni.

Spezzjoni fil-port

L-ispezzjoni fil-port tal-bastimenti tal-UE li jħottu l-art jew jittrażbordaw, fl-ilmijiet ta’ port tal-Kap Verde, qabdiet magħmula fiż-żona tal-Kap Verde għandha ssir minn spetturi tal-Kap Verde faċilment identifikabbli bħala uffiċjali maħtura għall-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd.

L-ispezzjoni għandha ssir minn mhux aktar minn żewġ spetturi, li jkollhom juru l-identità u l-kwalifika tagħhom ta’ spettur qabel jibdew l-ispezzjoni. L-ispetturi tal-Kap Verde għandhom jibqgħu abbord il-bastiment tal-UE iż-żmien meħtieġ biex iwettqu l-kompiti marbuta mal-ispezzjoni. Huma għandhom jagħmlu spezzjoni b’mod li jillimitaw l-impatt fuq il-bastiment, fuq l-attività ta’ ħatt l-art jew ta’ trażbord u fuq il-merkanzija tiegħu.

Il-Kap Verde jista’ jawtorizza lill-UE sabiex tipparteċipa fl-ispezzjoni fuq il-baħar bħala osservatur.

Il-kaptan tal-bastiment tal-UE għandu jiffaċilita x-xogħol tal-ispetturi tal-Kap Verde.

Fl-aħħar ta’ kull spezzjoni, l-ispettur tal-Kap Verde għandu jagħmel rapport dwar l-ispezzjoni. Il-kaptan tal-bastiment tal-UE għandu d-dritt li jinkludi l-kummenti tiegħu fir-rapport tal-ispezzjoni. Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jkun iffirmat mill-ispettur li jagħmel ir-rapport u mill-kaptan tal-bastiment tal-UE.

L-ispettur tal-Kap Verde għandu jħalli kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tal-UE malli tintemm l-ispezzjoni. Il-Kap Verde għandu jittrażmetti kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-UE fi żmien 8 ijiem wara l-ispezzjoni.

KAPITOLU VII

SISTEMA TA’ MONITORAĠĠ BIS-SATELLITA (VMS)

Messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti – sistema VMS

Meta jkunu fiż-żona tal-Kap Verde, il-bastimenti tal-UE li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandhom ikunu mgħammra b’sistema ta’ monitoraġġ bis-satellita (Vessel Monitoring System - VMS) li tiżgura l-komunikazzjoni awtomatika u kontinwa tal-pożizzjoni tagħhom, f’kull ħin, liċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sajd (Fisheries Monitoring Center – FMC) tal-Istat tal-bandiera.

Kull messaġġ ta’ pożizzjoni għandu

i.

jinkludi

a.

l-identifikazzjoni tal-bastiment,

b.

l-aktar pożizzjoni ġeografika reċenti tal-bastiment (lonġitudni, latitudni) b’marġini ta’ żball ta’ inqas minn 500 metru u b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %,

c.

id-data u l-ħin tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni,

d.

il-veloċità u l-limitu tal-bastiment;

ii.

ikun ikkonfigurat skont il-format fl-Appendiċi 4 ta’ dan l-Anness.

L-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara d-dħul fiż-żona tal-Kap Verde għandha tkun identifikata bil-kodiċi “ENT”. Il-pożizzjonijiet kollha sussegwenti għandhom ikunu identifikati bil-kodiċi “POS”, minbarra l-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara l-ħruġ miż-żona tal-Kap Verde, li għandha tkun identifikata bil-kodiċi “EXI”.

L-FMC tal-Istat tal-bandiera għandu jipprovdi l-ipproċessar awtomatiku u, f’dak il-każ, it-trażmissjoni elettronika tal-messaġġi ta’ pożizzjoni. Il-messaġġi ta’ pożizzjoni għandhom ikunu rreġistrati b’mod sigur u miżmuma għal perijodu ta’ tliet snin.

Trażmissjoni mill-bastiment f’każ ta’ ħsara tas-sistema VMS

Il-kaptan għandu jiżġura f’kull ħin li s-sistema VMS tal-bastiment tiegħu hija għal kollox operattiva u li l-messaġġi ta’ pożizzjoni jkunu trażmessi b’mod korrett lill-FMC tal-Istat tal-bandiera.

F’każ ta’ ħsara, is-sistema VMS tal-bastiment għandha tissewwa jew tiġi sostitwita fi żmien xahar. Wara dan iż-żmien, il-bastiment ma jkunx aktar awtorizzat jistad fiż-żona tal-Kap Verde.

Il-bastimenti li jistadu fiż-żona tal-Kap Verde b’sistema VMS difettuża għandhom jikkomunikaw il-messaġġi ta’ pożizzjoni tagħhom permezz tal-posta elettronika, bir-radju jew bil-fax lill-FMC tal-Istat tal-bandiera, mill-inqas kull erba’ sigħat, billi jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa.

Komunikazzjoni sikura tal-messaġġi ta’ pożizzjoni lill-Kap Verde

L-FMC tal-Istat tal-bandiera jittrażmetti awtomatikament il-messaġġi ta’ pożizzjoni tal-bastimenti kkonċernati lill-FMC tal-Kap Verde. L-FMCs tal-Istat tal-bandiera u tal-Kap Verde għandhom jiskambjaw bejniethom l-indirizzi elettroniċi ta’ kuntatt u jinfurmaw minnufih lil xulxin bi kwalunkwe tibdil f’dawn l-indirizzi.

It-trażmissjoni tal-messaġġi ta’ pożizzjoni bejn l-FMCs tal-Istat tal-bandiera u tal-Kap Verde għandha ssir b’mod elettroniku skont sistema ta’ komunikazzjoni sikura.

L-FMC tal-Kap Verde għandu jinforma minnufih lill-FMC tal-Istat tal-bandiera u lill-UE dwar kwalunkwe interruzzjoni fil-wasla tal-messaġġi ta’ pożizzjoni konsekuttivi ta’ bastiment li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd, meta l-bastiment ikkonċernat ma jkunx innotifika l-ħruġ tiegħu miż-żona.

Funzjonament ħażin tas-sistema ta’ komunikazzjoni

Il-Kap Verde għandu jassigura l-kompatibbiltà tat-tagħmir elettroniku tiegħu ma’ dak tal-FMC tal-Istat tal-bandiera u jinforma minnufih lill-UE dwar kull ħsara fil-komunikazzjoni u fil-wasla tal-messaġġi ta’ pożizzjoni, bl-għan li tinstab soluzzjoni teknika fl-inqas żmien possibbli. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun mgħarraf rigward kwalunkwe tilwima.

Il-kaptan jitqies responsabbli għal kull manipulazzjoni fis-sistema VMS tal-bastiment bil-ħsieb li tfixkel il-funzjonament tagħha jew tiffalsifika l-messaġġi ta’ pożizzjoni. Kull reat ikun soġġett għas-sanzjonijiet previsti mil-liġi fis-seħħ tal-Kap Verde.

Reviżjoni tal-frekwenza tal-messaġġi ta’ pożizzjoni

Fuq il-bażi ta’ elementi fondati li jipprovdu evidenza ta’ reat, il-Kap Verde jista’ jitlob lill-FMC tal-Istat tal-bandiera, b’kopja lill-UE, li jnaqqas l-intervall ta’ trażmissjoni tal-messaġġi ta’ pożizzjoni ta’ bastiment għal intervall ta’ tletin minuta għal perjodu ta’ investigazzjoni partikolari. Dawn l-elementi ta’ evidenza għandhom ikunu trażmessi mill-Kap Verde lill-FMC tal-Istat tal-bandiera u lill-UE. L-FMC tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat minnufih lill-Kap Verde l-messaġġi ta’ pożizzjoni skont il-frekwenza l-ġdida.

Wara l-perijodu ta’ investigazzjoni partikolari, il-Kap Verde għandu jinforma lill-FMC tal-Istat tal-bandiera u lill-UE dwar monitoraġġ li jista’ jkun meħtieġ.

KAPITOLU VIII

KSUR

Trattament tal-ksur

Kull ksur imwettaq minn bastiment tal-UE li għandu awtorizzazzjoni tas-sajd skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandu jissemma f’rapport ta’ spezzjoni.

Il-firma tar-rapport ta’ spezzjoni mill-kaptan ma tippreġudikax id-dritt għad-difiża ta’ sid il-bastiment fil-konfront tal-ksur denunzjat.

Waqfien tal-bastiment – Laqgħa ta’ informazzjoni

Fejn ikun permess, skont il-leġislazzjoni fis-seħħ tal-Kap Verde fir-rigward ta’ ksur denunzjat, kull bastiment tal-UE involut fir-reat jista’ jkun imġiegħel iwaqqaf l-attività tas-sajd tiegħu u, meta l-bastiment ikun fuq il-baħar, li jidħol lura f’port tal-Kap Verde.

Il-Kap Verde għandu jinnotifika lill-UE, fi żmien massimu ta’ 24 siegħa, kull waqfien ta’ bastiment tal-UE li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd. Din in-notifika għandha tkun akkumpanjata mill-elementi ta’ evidenza tar-reat denunzjat.

Qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura fil-konfront tal-bastiment, tal-kaptan, tal-ekwipaġġ jew tat-tagħbija, minbarra l-miżuri maħsuba għall-konservazzjoni tal-provi, il-Kap Verde għandu jorganizza fuq talba tal-UE, fi żmien ġurnata tax-xogħol wara n-notifika tal-waqfien tal-bastiment, laqgħa ta’ informazzjoni sabiex jispjega l-fatti li jkunu wasslu għall-waqfien tal-bastiment u jispjega kwalunkwe konsegwenza. Rappreżentant tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment jista’ jattendi għal din il-laqgħa ta’ informazzjoni.

Piena għall-ksur – Proċedura ta’ kompromess

Il-piena għall-ksur denunzjat għandha tkun stabbilita mill-Kap Verde skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali fis-seħħ.

Meta s-soluzzjoni tar-reat tinvolvi proċedura ġudizzjarja, qabel jingħata bidu għaliha, u sakemm ir-reat ma jkunx jinvolvi att kriminali, tinfetaħ proċedura ta’ kompromess bejn il-Kap Verde u l-UE sabiex ikunu ddeterminati t-termini u l-livell tal-piena. Rappreżentant tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment jista’ jattendi għal din il-proċedura ta’ kompromess. Il-proċedura ta’ kompromess tintemm sa mhux aktar tard minn 3 ijiem wara n-notifika tal-waqfien tal-bastiment.

Proċedimenti legali – garanzija bankarja

Jekk il-proċedura ta’ kompromess ma tirnexxix u l-ksur jittella’ quddiem il-qorti ġudizzjarja kompetenti, sid il-bastiment involut fir-reat għandu jiddepożita garanzija bankarja fil-bank magħżul mill-Kap Verde u li l-ammont tagħha, stabbilit mill-Kap Verde, ikopri l-ispejjeż marbuta mal-waqfien tal-bastiment, il-multa stmata u kwalunkwe kumpens. Il-garanzija bankarja tibqa’ marbuta sakemm tintemm il-proċedura ġudizzjarja.

Il-garanzija bankarja għandha tiġi rilaxxata u tingħata lura lil sid il-bastiment minnufih wara li tingħata s-sentenza:

a.

kollha, jekk ma tingħata l-ebda sanzjoni,

b.

sal-bilanċ li jifdal, f’każ li l-piena twassal għal multa inferjuri għall-garanzija bankarja.

Il-Kap Verde għandu jinforma lill-UE dwar ir-riżultati tal-proċedura ġudizzjarja fi żmien 8 ijiem mill-għoti tas-sentenza.

Ir-rilaxx tal-bastiment u l-ekwipaġġ

Il-bastiment għandu jinħeles u l-ekwipaġġ tiegħu jitħalla jitlaq mill-port wara l-ħlas tal-multa stabbilita fil-proċedura ta’ kompromess, jew wara d-depożitu tal-garanzija bankarja.

KAPITOLU IX

IMBARK TAL-BAĦRIN

Numru ta’ baħrin li għandhom ikunu imbarkati

Waqt l-attività tas-sajd tagħhom fiż-żona tal-Kap Verde l-bastimenti tal-UE għandhom itellgħu abbord baħrin mill-Kap Verde fil-limiti li ġejjin:

a.

il-flotta ta’ bastimenti tas-sajd tat-tonn bit-tartarun għandha ttella’ mill-inqas 6 baħrin;

b.

il-flotta ta’ bastimenti tat-tonn li jistadu bil-qasab għandha ttella’ mill-inqas 2 baħrin;

c.

il-flotta ta’ bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ għandha ttella’ mill-inqas 5 baħrin.

Is-sidien tal-bastimenti tal-UE għandhom jagħmlu minn kollox sabiex itellgħu abbord baħrin oħrajn mill-Kap Verde.

Għażla ħielsa tal-baħrin

Il-Kap Verde għandu jkollu lista tal-baħrin mill-Kap Verde kkwalifikati sabiex jittellgħu abbord il-bastimenti tal-UE.

Sid il-bastiment, jew l-aġent tiegħu, għandu jagħżel liberament minn din il-lista l-baħrin tal-Kap Verde li ser itella’ abbord u jinnotifika lill-Kap Verde dwar ir-reġistrazzjoni tagħhom fost l-ekwipaġġ.

Kuntratti tal-baħrin

Fil-każ tal-baħrin mill-Kap Verde, il-kuntratt ta’ impjieg għandu jkun stabbilit minn sid il-bastiment jew l-aġent tiegħu u l-baħri, possibbilment irrappreżentat mill-unjin tiegħu. Dan ikun kopert mill-Awtorità marittima tal-Kap Verde u jistipula b’mod partikolari d-data u l-port tat-tlugħ abbord.

Il-kuntratt jiggarantixxi lill-baħri l-benefiċċju tal-iskema tas-sigurtà soċjali applikabbli għalih fil-Kap Verde. Għandu jinkludi assigurazzjoni tal-ħajja, tas-saħħa u tal-inċidenti.

Kopja tal-kuntratt għandha tingħata lill-firmatarji.

Id-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol stabbiliti mid-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) għandhom japplikaw għall-baħrin mill-Kap Verde. B’mod partikolari din tirrigwarda d-dritt ta’ assoċjazzjoni u tal-għarfien effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol.

Salarju tal-baħrin

Is-salarju tal-baħrin mill-Kap Verde għandu jitħallas minn sid il-bastiment. Dan għandu jiġi stabbilit qabel ma tinħareġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd u bi qbil komuni bejn is-sid jew l-aġent tiegħu u l-Kap Verde. Is-salarju ma jistax ikun inferjuri għal dak applikabbli għall-ekwipaġġi tal-bastimenti nazzjonali, u lanqas għall-istandards tal-ILO.

Obbligi tal-baħri

Il-baħri għandu jirrapporta lill-kaptan tal-bastiment indikat lilu lejliet id-data ta’ imbark stipulata fil-kuntratt tiegħu. Il-kaptan għandu jinforma lill-baħri dwar id-data u l-ħin tal-imbark. Jekk il-baħri jabbanduna jew ma jirrappurtax fid-data u l-ħin previsti għall-imbark, il-kuntratt ta’ dan il-baħri jaqa’ u sid il-bastiment awtomatikament jinħall mill-obbligu li jtella’ lil dan il-baħri abbord. F’dan il-każ, sid il-bastiment ma jkun soġġett għall-ebda multa jew kumpens.

Nuqqas ta’ imbark ta’ baħrin mill-Kap Verde

Is-sidien tal-bastimenti ta’ flotta li ma jtellgħux abbord baħrin mill-Kap Verde, għandhom iħallsu, qabel it-30 ta’ Settembru ta’ dik is-sena, għal kull baħri taħt in-numru ffissat fil-bidu ta’ dan il-kapitolu, somma fissa ta’ EUR 20 għal kull jum li matulu l-bastimenti tagħhom ikunu preżenti fiż-żona tal-Kap Verde.

Il-Kap Verde għandu juża din is-somma sabiex jiffinanzja t-taħriġ ta’ baħrin nazzjonali.

KAPITOLU X

OSSERVATURI TAL-KAP VERDE

Osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd

Il-bastimenti awtorizzati li jistadu għandhom ikunu soġġetti għal sistema ta’ osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd tagħhom skont il-Ftehim.

Din is-sistema ta’ osservazzjoni għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet previsti mir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-ICCAT (Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku).

Bastimenti u osservaturi magħżula

Il-Kap Verde għandu jagħżel il-bastimenti tal-UE li jtellgħu abbord osservatur kif ukoll l-osservatur assenjat lilu sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data prevista għall-imbark tal-osservatur.

Meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd, il-Kap Verde għandu jinforma lill-UE u lil sid il-bastiment, jew l-aġent tiegħu, dwar il-bastimenti u l-osservaturi magħżula, kif ukoll iż-żmien tal-preżenza tal-osservatur abbord kull bastiment. Il-Kap Verde għandu jinforma minnufih lill-UE u lil sid il-bastiment, jew l-aġent tiegħu, dwar kwalunkwe tibdil fil-bastimenti u l-osservaturi magħżula.

Il-Kap Verde għandu jagħmel ħiltu sabiex ma jagħżilx osservaturi għall-bastimenti li diġà jkollhom osservatur abbord jew li jkunu jinsabu diġà taħt l-obbligu formali li jtellgħu abbord osservatur waqt l-attività tas-sajd ikkonċernata, waqt l-attivitajiet tagħhom f’żoni oħrajn ta’ sajd minbarra dawk tal-Kap Verde.

Iż-żmien ta’ preżenza tal-osservatur abbord il-bastiment ma jistax jaqbeż iż-żmien meħtieġ sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu.

Kontribuzzjoni finanzjarja fissa

Mal-pagament tal-ħlas fiss, sid il-bastiment għandu jħallas lill-Kap Verde ammont fiss ta’ EUR 100 fis-sena għal kull bastiment.

Salarju tal-osservatur

Is-salarju u l-ispejjeż soċjali tal-osservatur jitħallsu mill-Kap Verde.

Kondizzjonijiet tal-imbark

Il-kondizzjonijiet tal-imbark tal-osservatur, b’mod partikolari ż-żmien tal-preżenza abbord, huma definiti bi ftehim komuni bejn sid il-bastiment jew l-aġent tiegħu u l-Kap Verde.

Abbord, l-osservatur għandu jiġi ttrattat bħala uffiċjal. Madankollu, l-akkomodazzjoni abbord tal-osservatur għandha tikkunsidra l-istruttura teknika tal-bastiment.

L-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ikel abbord il-bastiment jitħallsu minn sid il-bastiment.

Il-kaptan għandu jieħu l-miżuri kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu sabiex jassigura s-sigurtà fiżika u l-benessri ġenerali tal-osservatur.

L-osservatur għandu jingħata l-faċilitajiet kollha meħtieġa sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu. Huwa għandu jkollu aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, għad-dokumenti relatati mal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, b’mod partikolari l-ġurnal tas-sajd u l-ktieb tan-navigazzjoni, kif ukoll għall-partijiet tal-bastiment marbuta direttament mal-kompiti tiegħu.

Obbligu tal-osservatur

Matul il-preżenza tiegħu abbord, l-osservatur:

a.

għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex la jinterrompi u lanqas itellef l-attivitajiet tas-sajd;

b.

jirrispetta l-proprjetà u t-tagħmir li jkun hemm fuq il-bastiment;

c.

jirrispetta l-kunfidenzjalità ta’ kull dokument tal-bastiment.

Imbark u żbark tal-osservatur

L-imbark tal-osservatur għandu jsir fil-port magħżul minn sid il-bastiment.

Sid il-bastiment jew id-destinatarju awtorizzat minnu għandu jikkomunika lill-Kap Verde, b’avviż bil-quddiem ta’ 10 ijiem qabel l-imbark, id-data, il-ħin u l-port għall-imbark tal-osservatur. F’każ li l-osservatur jittella’ abbord f’pajjiż barrani, l-ispejjeż tal-vjaġġ tiegħu biex jasal fil-port tal-imbark jitħallsu minn sid il-bastiment.

F’każ li l-osservatur ma jippreżentax ruħu għall-imbark sa 12-il siegħa wara d-data u l-ħin miftiehma, sid il-bastiment jinħall awtomatikament mill-obbligu tiegħu li jtella’ abbord lil dan l-osservatur. Huwa jkun liberu li jħalli l-port u jibda l-attivitajiet tas-sajd tiegħu.

Meta l-osservatur ma jitniżżilx f’port tal-Kap Verde, sid il-bastiment għandu jħallas l-ispejjeż tal-vjaġġ tal-osservatur lura lejn il-Kap Verde fl-iqsar żmien possibbli.

Kompiti tal-osservatur

L-osservatur għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

josserva l-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment;

(b)

jivverifika l-pożizzjoni tal-bastiment waqt l-attivitajiet tas-sajd;

(ċ)

jieħu kampjun bijoloġiku bħala parti minn programm xjentifiku;

(d)

jieħu nota tal-irkaptu tas-sajd użat;

(e)

jivverifika l-informazzjoni rrappurtata fil-ġurnal ta’ abbord dwar il-qabdiet li jkunu saru fiż-żona tal-Kap Verde;

(f)

jivverifika l-perċentwali tal-qabdiet inċidentali u jagħmel stima ta’ kemm sar rimi mill-qabda;

(g)

jikkomunika l-osservazzjonijiet tiegħu bir-radju, fax jew posta elettronika, mill-inqas darba fil-ġimgħa meta l-bastiment jopera fiż-żona tal-Kap Verde, inkluż il-volum abbord tal-qabdiet ewlenin u sekondarji.

Ir-rapport tal-osservatur

Qabel ma jħalli l-bastiment, l-osservatur għandu jippreżenta rapport tal-osservazzjonijiet tiegħu lill-kaptan tal-bastiment. Il-kaptan tal-bastiment għandu d-dritt li jinkludi l-kummenti tiegħu fir-rapport tal-osservatur. Ir-rapport għandu jkun iffirmat mill-osservatur u mill-kaptan. Il-kaptan għandu jingħata kopja tar-rapport mill-osservatur.

L-osservatur għandu jagħti r-rapport tiegħu lill-Kap Verde, li jibgħat kopja tiegħu lill-UE fi żmien 8 ijiem wara l-iżbark tal-osservatur.

Top