Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0266

    2011/266/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta’ Mejju 2011 li tirrikonoxxi fil-prinċipju l-kompletezza tad-dossier sottomess għal eżaminazzjoni dettaljata bil-ħsieb ta’ inklużjoni possibbli tal-beta-ċipermetrin, l-ewġenol, il-ġeranjol u t-timol fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2776) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 114, 4.5.2011, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/266/oj

    4.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 114/3


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-2 ta’ Mejju 2011

    li tirrikonoxxi fil-prinċipju l-kompletezza tad-dossier sottomess għal eżaminazzjoni dettaljata bil-ħsieb ta’ inklużjoni possibbli tal-beta-ċipermetrin, l-ewġenol, il-ġeranjol u t-timol fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2776)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/266/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jipproteġu l-pjanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 91/414/KEE tipprevedi l-iżvilupp ta’ lista ta’ sustanzi attivi awtorizzati għall-inkorporazzjoni fi prodotti għall-ħarsien tal-pjanti fl-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Fit-13 ta’ Novembru 2009 tressaq dossier għas-sustanza attiva betaċipermetrin minn Cerexagri SAS lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, bl-applikazzjoni biex tinkiseb l-inklużjoni tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (3)

    Id-dossiers għas-sustanzi attivi ewġenol, ġeranjol u timol tressqu minn Eden Research plc lill-awtoritajiet tar-Renju Unit fis-7 ta’ Marzu 2008, bl-applikazzjoni biex tinkiseb l-inklużjoni tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (4)

    L-awtoritajiet tar-Renju Unit indikaw lill-Kummissjoni li, wara eżami preliminari, id-dossiers għas-sustanzi attivi kkonċernati jidhru li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dejta u l-informazzjoni stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-dossiers imressqa jidhru li jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti tad-dejta u l-informazzjoni stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 91/414/KEE fir-rigward ta’ prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanzi attivi kkonċernati. Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, id-dossiers sussegwentement intbagħtu mill-applikant lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra, u ġew riferuti lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

    (5)

    Permezz ta’ din id-Deċiżjoni għandu jiġi formalment ikkonfermat fil-livell tal-Unjoni li d-dossiers jitqiesu li jissodisfaw fil-prinċipju r-rekwiżiti tad-dejta u l-informazzjoni stabbiliti fl-Anness II u, li għal tal-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih waħda mis-sustanzi attivi kkonċernati, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADDOTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-dossiers li jikkonċernaw is-sustanzi attivi li ġew identifikati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, li kienu tressqu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bil-ħsieb li tinkiseb l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, fil-prinċipju jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dejta u l-informazzjoni stabbiliti fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva.

    Id-dossiers jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti tad-dejta u l-informazzjoni stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 91/414/KEE fir-rigward ta’ prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, billi jitqiesu l-użi proposti.

    Artikolu 2

    Kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2012, l-Istat Membru relatur għandu jissokta bl-eżami dettaljat tad-dossiers imsemmija fl-Artikolu 1 u għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-konklużjonijiet tal-eżamijiet li jkun għamel fuqhom, akkumpanjati bi kwalunkwe rakkomandazzjonijiet dwar jekk is-sustanzi attivi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom (jew ma għandhomx) jiddaħħlu fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE u flimkien ma’ kwalunkwe kundizzjonijiet relatati ma’ dawk l-inklużjonijiet.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Mejju 2011.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.


    ANNESS

    IS-SUSTANZI ATTIVI MILQUTA MINN DIN ID-DEĊIŻJONI

    Isem Komuni, Numru tal-Identifikazzjoni CIPAC

    Applikant

    Data tal-applikazzjoni

    Stat Membru relatur

    Betaċipermetrin

    Nru CIPAC: 632

    Cerexagri SAS

    fit-13 ta’ Novembru 2009

    UK

    Ewġenol

    Nru CIPAC: mhux attrwibwit

    Eden Research plc

    fis-7 ta’ Marzu 2008

    UK

    Ġeranjol

    Nru CIPAC: mhux attrwibwit

    Eden Research plc

    fis-7 ta’ Marzu 2008

    UK

    Timol

    Nru CIPAC: mhux attrwibwit

    Eden Research plc

    fis-7 ta’ Marzu 2008

    UK


    Top