Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0197

    2011/197/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Marzu 2011 skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell xieraq ta’ protezzjoni mogħti mill-Ġappun għal dejta personali trasferita mill-Unjoni Ewropea fil-każi speċifiċi ta’ trasferiment mill-Kummissjoni Ewropea lid-Dwana tal-Ġappun skont id-Deċiżjoni Nru 1/2010 tal-Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni Doganali skont l-Artikolu 21 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-Kooperazzjoni u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka f’Affarijiet Doganali rigward l-għarfien reċiproku ta’ programmi awtorizzati ta’ operaturi ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea u fil-Ġappun u għall-iskopijiet esklussivi u speċifiċi tad-Deċiżjoni Nru 1/2010 tal-Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni Doganali

    ĠU L 85, 31.3.2011, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/197/oj

    31.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 85/8


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-29 ta’ Marzu 2011

    skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell xieraq ta’ protezzjoni mogħti mill-Ġappun għal dejta personali trasferita mill-Unjoni Ewropea fil-każi speċifiċi ta’ trasferiment mill-Kummissjoni Ewropea lid-Dwana tal-Ġappun skont id-Deċiżjoni Nru 1/2010 tal-Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni Doganali skont l-Artikolu 21 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-Kooperazzjoni u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka f’Affarijiet Doganali rigward l-għarfien reċiproku ta’ programmi awtorizzati ta’ operaturi ekonomiċi fl-Unjoni Ewropea u fil-Ġappun u għall-iskopijiet esklussivi u speċifiċi tad-Deċiżjoni Nru 1/2010 tal-Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni Doganali

    (2011/197/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) u (2) tiegħu,

    Wara konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

    Billi:

    (1)

    Fl-24 ta’ Ġunju 2010, il-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali, stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 21 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-Kooperazzjoni u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali (2) adotta d-Deċiżjoni Nru 1/2010 rigward l-għarfien reċiproku ta’ programmi għal operaturi ekonomiċi awtorizzati fl-Unjoni Ewropea u fil-Ġappun (3), (minn issa, “id-Deċizjoni KKKD Nru 1/2010”).

    (2)

    Id-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010 tistipula, fis-Sezzjoni IV, li għandu jkun hemm skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali kif iddefiniti fl-Artikolu 1(c) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun fil-Kooperazzjoni u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali. Skont dik id-definizzjoni, il-Ministeru Ġappuniż tal-Finanzi u s-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni jitqiesu bħala awtorità doganali.

    (3)

    L-informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn il-Ministeru Ġappuniż tal-Finanzi u s-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni tikkonsisti minn dettalji dwar operaturi ekonomiċi li jistgħu wkoll jinkludu dejta personali. It-trasferiment ta’ dejta ta’ operaturi ekonomiċi jaqa’ fi ħdan il-kompiti tal-Kummissjoni li għandhom jitwettqu skont id-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010.

    (4)

    Id-dejta personali li għandha tiġi skambjata hija elenkatat fit-Taqsima IV(4)(a) sa (f) tad-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010. It-tul tat-trasferimenti jkun għall-perjodu kollu ta’ żmien li fih il-Ministeru Ġappuniż tal-Finanzi juża l-informazzjoni sabiex jagħti benefiċċji lil operaturi ekonomiċi Ewropej skont il-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010. Il-Kummissjoni sejra regolarment tittrasferixxi dejta aġġornata u mmodifikata ta’ operaturi ekonomiċi Ewropej lill-Ministeru Ġappuniż tal-Finanzi. Fejn jidħol l-iskambju ta’ informazzjoni, it-Taqsima IV(6) tad-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010 tirristrinġi l-użu ta’ xi dejta bħal din għall-iskopijiet ta’ implimentazzjoni tal-għarfien reċiproku ta’ programmi awtorizzati ta’ operaturi ekonomiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun kif stabbilit b’dik id-deċiżjoni. Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-Kooperazzjoni u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali jiżgura wkoll li kull informazzjoni bħal din, inkluż dejta personali, tintuża mill-Ministeru Ġappuniż tal-Finanzi biss għall-iskopijiet tal-għarfien tagħhom bħala operaturi ekononiċi awtorizzati fil-Ġappun. Dejta dwar operaturi ekonomiċi awtorizzati ma tistax tiġi trasferita 'l quddiem mill-awtorità reċipjenti lil awtoritajiet jew servizzi oħra fil-Ġappun jew 'l barra minnu peress li dan ikun jammonta għal bidla fl-iskop li mhix koperta mid-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010.

    (5)

    L-ipproċessar ta' dejta personali mill-awtoritajiet pubbliċi Ġappuniżi, bħal ma hu l-Ministeru Ġappuniż tal-Finanzi, huwa rregolat mill-Att Ġappuniż dwar il-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali miżuma minn organi amministrattivi. Id-dritt ta’ aċċess għad-‘Dokumenti Amministrattivi’, u l-proċeduri għall-konsultazzjoni tagħhom, huwa stipulat fl-Att Ġappuniż dwar il-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali miżuma minn organi amministrattivi. Id-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità ta’ dejta ġestita minn awtoritajiet pubbliċi Ġappuniżi u dwar it-trasferimenti ta’ dejta bejn il-Ministru tal-Finanzi u awtoritajiet doganali barranin rispettivament huma inklużi fil-Liġi Nazzjonali tas-Servizz Pubbliku u l-Liġi Doganali.

    (6)

    Il-leġiżlazzjoni Ġappuniża dwar il-protezzjoni tad-dejta tirrekjedi mill-awtoritajiet pubbliċi Ġappuniżi, fosthom il-Ministeru Ġappuniż tal-Finanzi, li jipprovdu lis-suġġetti tad-dejta żvelar ġust ta’ informazzjoni. Is-suġġetti tad-dejta għandhom dritt li jingħataw aċċess, li jinizjaw ir-rettifika u li jħassru d-dejta marbuta magħhom.

    (7)

    Il-leġiżlazzjoni Ġappuniża tiżgura li l-miżuri organizzattivi ta’ sigurtà, li jkunu xierqa għar-riskji li jirriżultaw mill-ipproċessar tad-dejta, jittieħdu mill-Ministeru Ġappuniż tal-Finanzi.

    (8)

    Il-leġiżlazzjoni Ġappuniża tipprovdi għal mekkaniżmu ta’ investigazzjoni fil-forma ta’ Bord ta’ Reviżjoni li jisma’ appelli amministrativi u jagħmel investigazzjonijiet. Dan jista’ jitqies bħala suffiċjenti għat-trasferiment tad-dejta speċifiku kif ipprovdut bid-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010, meta wieħed iqis in-natura limitata u mhux sensittiva tad-dejta u l-iskopijiet tal-ipproċessar tad-dejta.

    (9)

    Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq jiżguraw li fil-Ġappun ikun hemm il-mekkaniżmi xierqa ta’ infurzar sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-dejta personali li tista’ tiġi ttrasferita mill-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati operaturi ekonomiċi Ewropej fejn jidħol l-għarfien tagħhom bħala operaturi ekonomiċi awtorizzati fil-Ġappun.

    (10)

    Fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha madwar il-grupp tal-operazzjonijiet speċifiċi ta’ trasferiment ta’ dejta, li għandhom isiru mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010, in-natura tad-dejta, l-iskop u kemm iddum jew idumu l-operazzjoni jew operazzjonijiet proposti ta’ pproċessar, ir-regolamenti legali, sew dawk ġenerali kif ukoll settorjali fis-seħħ fil-Ġappun kif ukoll ir-regoli professjonali u l-miżuri ta’ sigurtà li magħhom tinżamm konformità fil-Ġappun, il-livell ta’ protezzjoni li tingħata fil-Ġappun għat-trasferiment ta’ dejta personali mis-servizz kompetenti tal-Kummissjoni lill-Ministeru Ġappuniż tal-Finanzi fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010 għandha titqies li hi ta’ livell xieraq.

    (11)

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun limitata għas-sitwazzjoni speċifika msemmija fid-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010 peress li l-evalwazzjoni tal-qafas legali Ġappuniż tal-protezzjoni tad-dejta kienet ibbażata fuq il-kategoriji limitati ta’ dejta li għandha tiġi trasferita, dwar l-iskop limitat għall-ipproċessar u dwar iż-żmien limitat li matulu tintuża dejta bħal din. Għalhekk din id-Deċiżjoni hija limitata għall-protezzjoni li tingħata lil dejta personali trasferita mill-UE lill-Ġappun mill-Kummissjoni Ewropea taħt id-Deċiżjoni KKKD msemmija hawn fuq fid-dawl tal-iskop speċifiku u taċ-ċirkostanzi tal-ipproċessar tagħhom fil-Ġappun.

    (12)

    Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għal dak li jirriżulta lill-Kummissjoni bl-applikazzjoni tal-Artikolu 25(4) u (6) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data[dejta] personali u l-moviment liberu ta’ tali data (4),

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ġappun joffri livell xieraq ta’ protezzjoni lil dejta personali trasferita mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Kummissjoni Ewropea lill-Ġappun fid-dawl tal-għarfien reċiproku tal-programmi awtorizzati ta' operaturi ekonomiċi skont id-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010 għall-iskop tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni KKKD Nru 1/2010 skont l-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru (KE) 45/2001.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (2)  ĠU L 62, 6.3.2008, p. 24.

    (3)  ĠU L 279, 23.10.2010, p. 71.

    (4)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.


    Top