EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1233

Regolament (UE) Nru 1233/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija

ĠU L 346, 30.12.2010, p. 5–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1233/oj

30.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 346/5


REGOLAMENT (UE) Nru 1233/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Diċembru 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (c) tal-Artikolu 194(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa l-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) biex jgħin l-irkupru ekonomiku permezz ta' għotja ta' EUR 3,98 biljun għall-2009 u l-2010.

(2)

Dan ir-Regolament għandu jkun bla ħsara għall-għan li parti kemm jista’ jkun kbira mill-ammont ta' EUR 3,98 biljun tingħata sa tmiem l-2010 lis-sottoprogrammi msemmija fil-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 663/2009. Madankollu, ġie stabbilit li parti minn dak l-ammont mhux se tkun impenjata taħt dawk is-sottoprogrammi.

(3)

Fl-ispirtu tal-istrateġija “Ewropa 2020” għal tkabbir u impjiegi sostenibbli u f’konformità mal-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u mal-Pjan ta' Azzjoni tal-2006 dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija, l-iżvilupp ta' iktar sorsi rinnovabbli u l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija se jikkontribwixxu għal tkabbir ekoloġiku, il-ħolqien ta' ekonomija kompetittiva u sostenibbli, u l-indirizzar tat-tibdil fil-klima. Bl-appoġġ tagħha għal dawn il-linji politiċi, l-Unjoni se toħloq iktar impjiegi u opportunitajiet ekoloġiċi fis-suq u hekk tħeġġeġ l-iżvilupp ta' ekonomija kompetittiva, sikura u sostenibbli. F’dan il-kuntest, il-kooperazzjoni bejn id-diversi livelli tal-gvern (governanza fuq diversi livelli) hija essenzjali.

(4)

L-għoti ta' aktar inċentivi finanzjarji huwa element importanti biex jitnaqqsu l-ostakoli rrappreżentati mill-livell għoli ta' spejjeż inizjali u biex ikun stimulat it-titjib fl-enerġija sostenibbli. Għalhekk, għandha tinħoloq faċilità finanzjarja speċifika (“il-faċilità”) sabiex jintużaw il-fondi mhux impenjati fl-ambitu tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 663/2009 li ma jistgħux jiġu impenjati sa tmiem l-2010. Il-ħolqien tal-faċilità għandu jitqies fid-dawl tal-Inizjattiva ta' Finanzjament għall-Enerġija Sostenibbli proposta mill-Kummissjoni. Il-faċilità għandha tappoġġa l-iżvilupp ta' proġetti ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ta' enerġija rinnovabbli u tiffaċilita l-finanzjament ta' investimenti f’dan il-qasam minn awtoritajiet pubbliċi muniċipali, reġjonali u nazzjonali, b’mod partikolari f’kuntest urban. F’dan il-proċess għandha tingħata attenzjoni lis-sinerġiji ma' riżorsi finanzjarji oħrajn disponibbli fl-Istati Membri, bħall-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u l-Faċilità Ewropea ta' Assistenza għall-Enerġija Lokali (ELENA) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt ir-Regolament (KE) Nru 397/2009 (4), biex jiġi evitat it-tirkib fuq strumenti finanzjarji oħra.

(5)

L-appoġġ għall-investiment fil-qasam tal-enerġija sostenibbli jista’ jkun mill-iktar effettiv u ta' benefiċċju meta jkun immirat fil-livelli muniċipali u lokali. Madankollu, f’każijiet debitament ġustifikati, jista’ jkun aktar effikaċi li l-mira tkun fuq il-livell nazzjonali, pereżempju, għal raġunijiet relatati mad-disponibbiltà jew mal-funzjonament tal-istrutturi amministrattivi rilevanti.

(6)

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-finanzjament tal-UE fuq perjodu qasir ta' żmien, il-faċilità għandha tkun ġestita minn intermedjarju finanzjarju wieħed jew aktar, bħal istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. L-għażla ta' tali intermedjarji finanzjarji għandha ssir abbażi tal-prova tal-kapaċità tagħhom li jużaw il-finanzjament bl-iktar mod effiċjenti u effikaċi, bil-għan li tkun massimizzata l-parteċipazzjoni tal-investituri pubbliċi u privati l-oħra u li jinkiseb l-ogħla effett ta' lieva bejn il-finanzjament tal-UE u l-investiment totali sabiex jiżdiedu l-investimenti sinifikanti fl-UE. Madankollu, fi żminijiet ta' kriżi finanzjarja u ekonomika li għandhom effett partikolarment ħażin fuq il-finanzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkun żgurat li s-sitwazzjoni baġitarja diffiċli ta' dawk l-awtoritajiet ma żżommhomx milli jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-fondi.

(7)

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 663/2009, proġetti ta' investiment għandhom jiġu ffinanzjati mill-faċilità biss jekk ikollhom impatt rapidu, miżurabbli u sostanzjali fuq l-irkupru ekonomiku fi ħdan l-UE, iktar sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta' serra. Dawn il-proġetti ta' investiment jikkontribwixxu għal tkabbir ekoloġiku, għall-iżvilupp ta' ekonomija kompetittiva, konnessa, sostenibbli u ekoloġika, kif ukoll għall-protezzjoni tal-impjiegi, il-ħolqien tal-impjiegi u t-trattament tat-tibdil fil-klima, skont l-objettivi tal-“Ewropa 2020”.

(8)

Fl-għażla u l-eliġibbiltà tal-miżuri ffinanzjati fl-ambitu tal-faċilità, għandhom jiġu applikati l-kriterji stipulati fir-Regolament (KE) Nru 663/2009. Il-bilanċ ġeografiku tal-proġetti għandu wkoll jitqies bħala element essenzjali, biex jiġi żgurat l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq l-irkupru ekonomiku mal-Unjoni Ewropea kollha, u b’rikonoxximent tal-fatt li, f’xi Stati Membri, proġetti ma ġewx finanzjatji jew ġew finanzjati biss parzjalment skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 663/2009.

(9)

Fid-dawl tal-impatt meħtieġ ta' dan ir-Regolament f’medda qasira ta' żmien, il-perjodu bejn il-wasla ta' applikazzjoni għal proġett u d-deċiżjoni finali dwaru ma għandux ikun itwal minn sitt xhur.

(10)

L-impenji legali individwali li jimplimentaw l-impenji baġitarji skont il-Kapitolu IIa għandhom isiru sal-31 ta' Marzu 2011.

(11)

Il-faċilità m’għandhiex tikkostitwixxi preċedent rigward l-użu tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u miżuri possibbli ta' finanzjament fil-ġejjieni, inkluż fis-settur tal-enerġija, imma minflok għandha titqies bħala miżura eċċezzjonali adottata f’perjodu ta' diffikultà ekonomika.

(12)

Minħabba l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika, l-infiq magħmul skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 663/2009 għandu jkun eliġibbli mit-13 ta' Lulju 2009 peress li ħafna applikanti talbu għall-eliġibbiltà tan-nefqa minn meta ressqu l-applikazzjoni tal-għotja skont l-Artikolu 112 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5) (“ir-Regolament Finanzjarju”). L-infiq magħmul skont il-Kapitolu IIa għandu jkun eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2011.

(13)

Minħabba l-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament mal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 663/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 663/2009 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Dan ir-Regolament jipprevedi l-ħolqien ta' faċilità finanzjarja (‘il-faċilità’) li tappoġġa l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u inizjattivi tal-enerġija rinnovabbli.”;

(2)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-impenji legali individwali fl-ambitu tal-Kapitolu II li jimplimentaw l-impenji baġitarji li saru fl-2009 u l-2010 għandhom isiru sal-31 ta' Diċembru 2010. L-impenji legali individwali skont il-Kapitolu IIa għandhom isiru sal-31 ta' Marzu 2011.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-intermedjarji finanzjarji deskritti fl-Anness II għandhom jagħmlu ħilithom biex jallokaw il-fondi kollha mill-kontribut tal-Unjoni li jkunu disponibbli fil-faċilità lil proġetti ta' investiment u lil għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli sal-31 ta' Marzu 2014. L-ebda finanzjament mill-kontribut tal-Unjoni m’għandu jiġi allokat wara dik id-data. Il-finanzjament kollu mill-kontribut tal-Unjoni li l-intermedjarji finanzjarji ma jkunux allokaw sal-31 ta' Marzu 2014 għandu jerġa’ jiddaħħal lura fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-finanzjament mill-kontribut tal-Unjoni allokat lil proġetti ta' investiment għandu jibqa’ investit għal perjodu ta' żmien speċifiku li ma jistax imur lil hinn mill-31 ta' Marzu 2034. L-Unjoni għandha tkun intitolata għal dħul mill-investiment tagħha fil-faċilità matul ħajjet il-faċilità, bi proporzjon għall-kontribut tagħha lill-faċilità u skont id-drittijiet tagħha bħala azzjonist.”;

(3)

jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU IIa

FAĊILITÀ FINANZJARJA

Artikolu 21a

Fondi li ma jistgħux ikunu impenjati taħt il-Kapitolu II

1.   Fondi li skont l-Artikolu 3(2) ma jistgħux ikunu soġġetti għal impenji legali individwali taħt il-Kapitolu II għal ammont ta' EUR 146 344 644,50 għandhom ikunu allokati għall-faċilità msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1, għall-finijiet tal-iżvilupp ta' strumenti adegwati ta' finanzjament f’kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji, b’tali mod li proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u proġetti għall-isfruttament tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija jingħataw stimolu maġġuri.

2.   Il-faċilità għandha tkun implimentata skont l-Anness II. L-Artikolu 23(1) ma għandux japplika għall-faċilità.

3.   L-espożizzjoni tal-Unjoni għall-faċilità, inklużi ħlasijiet ta' ġestjoni u spejjeż eliġibbli oħra, għandha tkun limitata għall-ammont tal-kontribut tal-Unjoni għall-faċilità speċifikat fil-paragrafu 1, u ma għandu jkun hemm l-ebda responsabbiltà ulterjuri fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni.”;

(4)

l-Artikolu 22 huwa mħassar;

(5)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2, huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-għajnuna EEPR għandha tkopri biss infiq relatat ma' proġetti li saru mill-benefiċjarji u, f’dawk li huma proġetti taħt l-Artikolu 9, ukoll minn partijiet terzi responsabbli għall-implimentazzjoni ta' proġett. L-infiq magħmul skont il-Kapitolu II jista’ jkun eliġibbli mit-13 ta' Lulju 2009.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-għajnuna finanzjarja mogħtija skont il-Kapitolu IIa għandha tkopri l-infiq relatat mal-proġetti ta' investiment u mal-għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli magħmul mill-benefiċjarji deskritti fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness II. Tali infiq jista’ jkun eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2011.”;

(6)

l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Sat-30 ta' Ġunju 2013 il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni ta' nofs it-terminu dwar il-miżuri meħuda skont il-Kapitolu IIa b’attenzjoni partikolari għal:

(a)

il-kosteffikaċja, l-effett ta' lieva u ta' addizzjonalità murija mill-faċilità;

(b)

evidenza ta' ġestjoni finanzjarja soda;

(c)

sa liema punt il-faċilità tkun laħqet il-miri stipulati f’dan ir-Regolament;

(d)

sa liema punt ikun jeħtieġ li jissokta l-appoġġ taħt il-faċilità għal proġetti relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u mal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

Ir-rapport ta' valutazzjoni ta' nofs it-terminu għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, u b’mod partikolari jekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda skont il-Kapitolu IIa tkun pożittiva, minn proposta leġislattiva għall-issuktar tal-faċilità.”

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Kummisjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport ta' valutazzjoni dwar ir-riżultati miksuba mill-EEPR u f’konformità mal-Artikolu 27(4) tar-Regolament Finanzjarju.”;

(7)

fl-Artikolu 28, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-ispejjeż ġenerali relatati mal-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-faċilità stabbilita skont il-Kapitolu IIa.”;

(8)

l-Anness jingħata t-titolu ġdid “Anness I” u jiżdied l-Anness li ġej:

“ANNESS II

FAĊILITÀ FINANZJARJA

A.   Implimentazzjoni ta' faċilità finanzjarja għal proġetti ta' enerġija sostenibbli

1.   Ambitu tal-faċilità

Il-faċilità finanzjarja (‘il-faċilità’) għandha tintuża għall-iżvilupp ta' proġetti ta' ffrankar ta' enerġija, ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ta' enerġija rinnovabbli u għandha tiffaċilita l-finanzjament ta' investimenti f’dawk l-oqsma minn awtoritajiet pubbliċi, lokali, reġjonali u, f’każijiet debitament ġustifikati, nazzjonali. Il-faċilità għandha tkun implimentata skont id-dispożizzjonijiet dwar id-delega ta' kompiti ta' eżekuzzjoni baġitarja stipulati fir-Regolament Finazjarju u r-Regoli ta' Implimentazzjoni tiegħu.

Il-faċilità għandha tintuża għal proġetti ta' enerġija sostenibbli, b’mod partikolari f’kuntest urban. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari, proġetti rigward:

(a)

proġetti għall-binjiet pubbliċi u privati li jinkorporaw soluzzjonijiet għall-enerġija rinnovabbli u/jew għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija inklużi dawk ibbażati fuq l-użu tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT);

(b)

investimenti fil-produzzjoni kkumbinata ta' sħana u elettriku (CHP), inkluża l-mikrokoġenerazzjoni, u netwerks ta' sħana/tkessiħ distrettwali, b’mod partikolari minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

(c)

sorsi ta' enerġija rinnovabbli diċentralizzati installati fil-lokal u l-integrazzjoni tagħhom fi grids tal-elettriku;

(d)

mikroġenerazzjoni minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

(e)

trasport urban nadif bħala appoġġ għal iktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-integrazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b’enfasi fuq it-trasport pubbliku, vetturi elettrifikati u tal-idroġenu u tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra;

(f)

infrastruttura lokali, inkluż dawl effiċjenti fuq barra tal-infrastruttura pubblika bħal dawl fit-toroq, soluzzjonijiet għall-ħżin tal-elettriku, meters intelliġenti u grids intelliġenti, li jagħmlu użu sħiħ mill-ICT;

(g)

teknoloġiji tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli b’potenzjal mil-lat tal-innovazzjoni u minn dak ekonomiku bl-użu tal-aqwa proċeduri disponibbli.

Il-faċilità tista’ wkoll tintuża biex tipprovdi inċentivi u għajnuna teknika kif ukoll tqajjem għarfien fost l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex tiżgura li l-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni jintużaw bl-aqwa mod, b’mod partikolari, fl-oqsma tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-titjib tal-enerġija rinnovabbli fid-djar u f’tipi ta' binjiet oħra. Il-faċilità għandha ssostni proġetti ta' vijabbiltà ekonomika u finanzjarja ppruvata, biex iroddu lura l-investimenti allokati mill-faċilità u biex jattiraw l-investimenti pubbliċi u privati. B’hekk, il-faċilità tista’, inter alia, tinkludi l-provvista u l-allokazzjonijiet kapitali għal self, garanziji, ekwità u prodotti finanzjarji oħra. Barra minn hekk, sa 15 % mill-finanzjament imsemmi fl-Artikolu 21a jista’ jintuża għall-għoti ta' għajnuna teknika lil awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali dwar l-istabbiliment ta' proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll il-fażi inizjali tal-implimentazzjoni ta' teknoloġiji relatati magħhom.

2.   Sinerġiji

Fl-għoti ta' għajnuna finanzjarja jew teknika, għandha tingħata attenzjoni ukoll lis-sinerġiji ma' riżorsi finanzjarji oħrajn disponibbli fl-Istati Membri, bħall-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u l-faċilità ELENA, sabiex jiġi evitat it-tirkib fuq strumenti finanzjarji oħrajn.

3.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji tal-faċilità għandhom ikunu awtoritajiet pubbliċi, preferibbilment fil-livell lokali u reġjonali, u entitajiet pubbliċi jew privati li jaġixxu f’isem dawk l-awtoritajiet pubbliċi.

B.   Kooperazzjoni mal-intermedjarji finanzjarji

1.   Għażla u rekwiżiti ġenerali, inkluż l-ispejjeż

Il-faċilità għandha tiġi stabbilita b’kooperazzjoni ma' intermedjarju finanzjarju wieħed jew aktar, u għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni minn investituri xierqa. L-għażla tal-intermedjarji finanzjarji għandha ssir abbażi tal-kapaċità ppruvata tagħhom fl-użu tal-finanzjament bl-iktar mod effiċjenti u effikaċi, skont ir-regoli u l-kriterji stipulati f’dan l-Anness.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont totali tal-ispejjeż ġenerali relatati mal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' din il-faċilità, inklużi l-ħlasijiet tal-ġestjoni u spejjeż oħra eliġibbli fatturati mill-intermedjarji finanzjarji, jibqa’ limitat kemm jista’ jkun, fi qbil mal-aqwa prattika għal strumenti simili u bis-salvagwardja tal-kwalità rekwiżita għall-faċilità.

Il-kontribut tal-Unjoni għall-faċilità għandha tkun implimentata mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Finanzjarju.

L-intermedjarji finanzjarji għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti rilevanti dwar id-delega tal-kompiti ta' eżekuzzjoni baġitarja stipulati fir-Regolament Finazjarju u r-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward ta' regoli ta' akkwist, kontroll intern, kontabbiltà u verifika esterna. L-ebda finanzjament ieħor għajr għall-ħlasijiet ta' ġestjoni jew spejjeż marbuta mal-istabbiliment tal-faċilità ma għandu jkun disponibbli għal dawk l-intermedjarji finanzjarji.

It-termini u l-kondizzjonijiet dettaljati dwar l-istabbiliment u l-kondizzjonijiet ta' qafas tal-faċilità, inkluż il-monitoraġġ u l-kontroll, għandhom ikunu stipulati fi ftehim(iet) bejn il-Kummissjoni u l-intermedjarji finanzjarji.

2.   Disponibbiltà tal-informazzjoni

Il-faċilità għandha tagħmel disponibbli online l-informazzjoni kollha dwar il-ġestjoni tal-programmi li tkun rilevanti għall-partijiet interessati. Dan għandu jinkludi, notevolment, proċeduri ta' applikazzjoni, informazzjoni dwar l-aqwa prattiki u deskrizzjoni fil-qosor tal-proġetti u r-rapporti.

C.   Kondizzjonijiet ta' finanzjament u kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla

1.   Ambitu tal-finanzjament

Skont dan l-Anness, il-faċilità għandha tkun limitata għall-finanzjament ta’:

(a)

proġetti ta' investiment li għandhom impatt rapidu, miżurabbli u sostanzjali, fuq l-irkupru ekonomiku fi ħdan l-UE, iktar sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta' serra; u

(b)

għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli.

2.   Fatturi li għandu jittieħed kont tagħhom

F’dak li jirrigwarda l-għażla tal-proġetti, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bilanċ ġeografiku.

F’dak li jirrigwarda l-finanzjament ta' proġetti ta' investiment, għandha tingħata attenzjoni xierqa sabiex jinkiseb fattur sinifikanti ta' lieva bejn l-investiment totali u l-finanzjament tal-UE sabiex jinġemgħu investimenti sinifikanti fl-Unjoni. Madankollu, l-effett ta' lieva għal proġetti individwali tal-investiment jista’ jvarja, skont għadd ta' fatturi bħad-daqs u t-tip reali ta' proġett u skont kondizzjonijiet lokali inklużi d-daqs u l-kapaċitajiet finanzjarji tal-benefiċjarju.

3.   Kondizzjonijiet għall-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għall-finanzjament taħt il-faċilità

L-awtoritajiet pubbliċi li japplikaw għal finanzjament għal proġetti ta' investiment jew ta' għajnuna teknika għal proġetti tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li jkunu impenjaw irwieħhom, jew ikunu fil-proċess li jimpenjaw irwieħhom, fuq livell politiku sabiex itaffu t-tibdil fil-klima, inklużi, fejn adatt, miri konkreti, pereżempju rigward żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u/jew l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli;

(b)

li jkunu jew qed jaħdmu biex jiżviluppaw strateġiji multiannwali sabiex itaffu t-tibdil fil-klima u, fejn adatt, sabiex jilħqu l-miri tagħhom, jew inkella jkunu qed jieħdu sehem fi strateġija multiannwali fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali biex itaffu t-tibdil fil-klima;

(c)

li jaċċettaw li jkunu pubblikament responsabbli għall-progress fl-istrateġija ġenerali tagħhom.

4.   Eliġibbiltà u kriterji tal-għażla għall-proġetti ta' investiment iffinanzjati taħt il-faċilità

Proġetti ta' investiment finanzjati skont il-faċilità għandhom ikunu konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla li ġejjin:

(a)

l-istabbiltà u l-adegwatezza teknika tal-approċċ;

(b)

l-istabbiltà u l-kosteffikaċja tal-finanzjament għall-fażi kollha tal-investiment tal-azzjoni;

(c)

il-bilanċ ġeografiku tal-proġetti kollha koperti b’dan ir-Rgolament;

(d)

il-maturità, definita bħala l-ilħiq tal-istadju ta' investiment, u t-tiġrib ta' nefqa kapitali sostanzjali mill-iktar fis possibbli;

(e)

sa liema punt in-nuqqas ta' aċċess għall-finanzi idewwem l-implimentazzjoni tal-azzjoni;

(f)

sa liema punt il-finanzjament mill-faċilità se jistimula l-finanzi pubbliċi u privati;

(g)

l-impatti soċjo-ekonomiċi kkwantifikati;

(h)

l-impatti ambjentali kkwantifikati.

5.   Eliġibbiltà u kriterji tal-għażla għall-proġetti ta' għajnuna teknika finanzjati taħt il-faċilità

Il-proġetti ta' għajnuna teknika finanzjati taħt il-faċilità għandhom ikunu konformi mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla msemmija fil-punt 4 (a), (c), (e), (f) u (g).”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  Opinjoni tal-15 ta' Settembru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2010.

(3)  ĠU L 200, 31.7.2009, p. 31.

(4)  Regolament (KE) Nru 397/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta' investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli fid-djar (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 3).

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


Top