Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1153

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1153/2010 tat- 8 ta' Diċembru 2010 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 175/2010 billi jittawwal il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri għall-kontroll taż-żieda fil-mortalità fil-gajdri tal-Paċifiku ( Crassostrea gigas ) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 324, 9.12.2010, p. 39–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1153/oj

    9.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 324/39


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1153/2010

    tat-8 ta' Diċembru 2010

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 175/2010 billi jittawwal il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri għall-kontroll taż-żieda fil-mortalità fil-gajdri tal-Paċifiku (Crassostrea gigas)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard fl-annimali akkwatiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 41(3) u 61(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 175/2010 tat-2 ta' Marzu 2010 li jimplementa d-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE fir-rigward ta' miżuri għall-kontroll taż-żieda fil-mortalità fil-gajdri tal-ispeċi Crassostrea gigas b’rabta mas-sejbien tal-Ostreid herpesvirus 1 μvar (OsHV-1 μvar) (2) ġie adottat biex jitrażżan it-tixrid ta' marda kkawżata potenzjalment minn infezzjoni virali fil-gajdri tal-Paċifiku (Crassostrea gigas) fi Franza, fl-Irlanda u l-Gżejjer Channel.

    (2)

    Peress li ma kienx ċar jekk dak il-virus ikkawżax verament żieda fil-mortalità fil-gajdri tal-Paċifiku (Crassostrea gigas), dawk il-miżuri kienu adottati fuq bażi temporanja sal-31 ta' Diċembru 2010.

    (3)

    Żieda fil-mortalità fil-gajdri tal-Paċifiku (Crassostrea gigas) f'konnessjoni mas-sejbien ta' OsHV-1 μvar kompliet isseħħ fl-2010.

    (4)

    Rapporti dwar l-esperjenza miksuba mill-Istati membri bi programmi għas-sejbien minn kmieni ta' OsHV-1 μvar, kif ukoll opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel dwar il-kawżi se jiġu disponibbli biss fil-Ħarifa tal-2010 u se jkollhom bżonn jiġu evalwati qabel ma jistgħu jiġu rikonsidrati l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 175/2010.

    (5)

    Konsegwentement, il-perjodu tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 175/2010 għandu jkun estiż sat-30 ta' April 2011. Dak ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 175/2010, id-data “31 ta' Diċembru 2010” għandha tinbidel għal-“30 ta' April 2011”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

    (2)  ĠU L 52, 3.3.2010, p. 1.


    Top