Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1053

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1053/2010 tat- 18 ta’ Novembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 494/98 fir-rigward ta’ sanzjonijiet amministrattivi f’każijiet fejn ma tkunx tista’ tiġi ppruvata l-identifikazzjoni ta’ annimal Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 303, 19.11.2010, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/05/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R0671

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1053/oj

    19.11.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 303/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1053/2010

    tat-18 ta’ Novembru 2010

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 494/98 fir-rigward ta’ sanzjonijiet amministrattivi f’każijiet fejn ma tkunx tista’ tiġi ppruvata l-identifikazzjoni ta’ annimal

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10 (e) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 494/98 tas-27 ta’ Frar 1998 li jistipula regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi minimi fl-istruttura tas-sistema għall-identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-bovini (2) kien ġie adottat abbażi tal-Artikolu 10(e) tar-Regolament (KE) Nru 820/97 tal-21 ta’ April 1997 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem bovini u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga (3). Dak ir-Regolament kien imħassar u sostitwit mir-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

    (2)

    L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 494/98 jipprovdi li jekk il-persuna li żżomm l-annimal ma tkunx tista’ turi l-identifikazzjoni tal-annimal fi żmien jumejn tax-xogħol, l-annimal għandu jinqered mingħajr dewmien taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet veterinarji u mingħajr kumpens mill-awtorità kompetenti.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (4) jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali.

    (4)

    Dak ir-Regolament jipprovdi li l-veterinarju uffiċjali għandu jivverifika li l-annimali ma jinqatlux sakemm l-operatur tal-biċċerija ma jkunx ġie provdut u ma jkunx ivverifika l-informazzjoni rilevanti tal-katina alimentari.

    (5)

    Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprovdi li l-veterinarju uffiċjali jista’ jippermetti li annimali jinqatlu fil-biċċerija anki jekk l-informazzjoni rilevanti tal-katina alimentari ma tkunx disponibbli. F’dak il-każ, madankollu, l-informazzjoni kollha rilevanti tal-katina alimentari għandha tkun fornuta qabel mal-karkassa tkun approvata għall-konsum uman. Sakemm ikun hemm sentenza finali, dawn il-karkassi u l-interjuri tagħhom għandhom jinħażnu separatament minn laħam ieħor.

    (6)

    Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprovdi wkoll li meta l-informazzjoni relevanti tal-katina alimentari ma tkunx disponibbli fi żmien 24 siegħa mill-wasla tal-annimal fil-biċċerija, il-laħam kollu mill-annimal għandu jiġi dikjarat bħala mhux tajjeb għal konsum uman. Jekk l-annimal ma jkunx għadu ġie maqtul, dan għandu jinqatel separatament minn annimali oħra.

    (7)

    Għaldaqstant, ir-riskji għas-saħħa umana maħluqa mill-annimali mhux identifikati jkunu mnaqqsa mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 854/2004. Għalhekk, il-qerda tal-annimali fi ħdan il-qafas tar-Regolament (KE) Nru 494/98 issa għandha primarjament effett dissważiv, fil-promozzjoni tal-identifikazzjoni tal-annimali għal skopijiet oħra għajr is-sikurezza tal-ikel.

    (8)

    L-annimali ta’ oriġini mhux magħrufa jistgħu jaffettwaw l-istatus tas-saħħa tal-annimali taż-żoni fejn ikunu ġew miżmuma.

    (9)

    L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 494/98 wriet li l-limitu ta’ żmien strett ta’ jumejn mhux biżżejjed biex tkun evalwata kif xieraq l-identità ta’ annimali mhux identifikati. L-Istati Membri għandhom ikollhom id-diskrezzjoni amministrattiva meħtieġa biex jevalwaw is-sitwazzjoni abbażi ta’ analiżi tar-riskju u biex japplikaw sanzjonijiet proporzjonati.

    (10)

    Ir-Regolament (KE) Nru 494/98 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat mill-President tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 494/98, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

    “2.   Jekk il-persuna li żżomm l-annimal ma tkunx tista’ turi l-identifikazzjoni u t-traċċabilità, l-awtorità kompetenti għandha, fejn xieraq, abbażi ta’ stima tas-saħħa tal-annimal u r-riskji tas-sikurezza tal-ikel, tordna li l-annimal jinqered mingħajr kumpens.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.

    (2)  ĠU L 60, 28.2.1998, p. 78.

    (3)  ĠU L 117, 7.5.1997, p. 1.

    (4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.


    Top