Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1015

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 tal- 10 ta’ Novembru 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 293, 11.11.2010, p. 21–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2021; Imħassar b' 32019R2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1015/oj

    11.11.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 293/21


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1015/2010

    tal-10 ta’ Novembru 2010

    li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonamanet tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

    Wara li kkonsultat il-Forum tal-Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Direttiva 2009/125/KE, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija li jirrappreżentaw ammonti sinifikanti ta’ bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għal titjib f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom mingħajr ma jinvolvu spejjeż eċċessivi għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

    (2)

    L-Artikolu 16(2), l-ewwel inċiż tad-Direttiva 2009/125/KE jipprovdi li skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2), u wara li ġie kkonsultat il-Forum tal-Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn, il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, tintroduċi miżura ta’ implimentazzjoni għat-tagħmir domestiku, inklużi l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi.

    (3)

    Il-Kummissjoni wettqet studju ta’ tħejjija biex tanalizza l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi li tipikament jintużaw fid-djar. L-istudju ġie żviluppat flimkien mal-partijiet interessati mill-Unjoni u l-pajjiżi terzi, u r-riżultati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    (4)

    Dan ir-Regolament għandu jkopri l-prodotti ddisinjati għall-ħasil tal-ħwejjeġ fid-djar.

    (5)

    Magni domestiċi li jaħslu kif ukoll inixxfu għandhom karatteristiċi partikolari u għalhekk għandhom jiġu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, meta jitqies li joffru funzjonalitajiet simili għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, għandhom jiġu indirizzati mill-iktar fis possibbli f’miżura ta’ implimentazzjoni oħra tad-Direttiva 2009/125/KE.

    (6)

    L-aspett ambjentali tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, identifikat bħala sinifikanti għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, huwa l-konsum tal-elettriku u tal-ilma fil-fażi tal-użu. Il-konsum annwali tal-elettriku u tal-ilma tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament ġie stmat li kien 35 TWh u 2 213 miljun m3, rispettivament, fl-Unjoni fl-2005. Jekk ma jittiħdux miżuri speċifiċi, huwa previst li l-konsum annwali tal-elettriku u tal-ilma jkun 37,7 TWh u 2 051 miljun m3 fl-2020. L-istudju ta’ tħejjija juri li l-konsum tal-elettriku u tal-ilma tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti.

    (7)

    L-istudju ta’ tħejjija juri li r-rekwiżiti fir-rigward tal-parametri l-oħra tal-ekodisinn imsemmijia fil-Parti 1 tal-Anness I għad-Direttiva 2009/125/KE mhumiex meħtieġa minħabba li l-konsum tal-elettriku u tal-ilma tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi fil-fażi tal-użu huwa bil-bosta l-iktar aspett ambjentali importanti.

    (8)

    Il-konsum tal-elettriku u tal-ilma tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament għandu jsir iktar effiċjenti billi jiġu applikati teknoloġiji eżistenti li mhumiex protetti bi privattiva u li huma kosteffikaċi li jistgħu inaqqsu l-kostijiet ikkombinati tax-xiri u t-tħaddim ta’ dawn il-prodotti..

    (9)

    Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn ma għandhomx jaffettwaw il-funzjonalità mill-perspettiva tal-utent aħħari u ma għandhomx jaffettwaw is-saħħa, is-sikurezza jew l-ambjent b’mod negattiv. B’mod partikolari, il-benefiċċji tat-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku u tal-ilma waqt il-fażi tal-użu għandhom ipattu bil-kbir għal kwalunkwe impatt ambjentali addizzjonali waqt il-fażi tal-produzzjoni.

    (10)

    Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jiddaħħlu b’mod gradwali sabiex il-manifatturi jkollhom biżżejjed żmien sa ma jerġgħu jiddisinjaw il-prodotti tagħhom li huma soġġetti għal dan ir-Regolament. Iż-żmien għal din l-introduzzjoni għandu jkun wieħed fejn jiġu evitati l-impatti negattivi fuq il-funzjonalitajiet tat-tagħmir li diġà qiegħed fis-suq, u fejn jitqiesu l-impatti tal-ispejjeż għall-utenti aħħarin u għall-manifatturi, b’mod partikolari l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li jiġi żgurat l-ilħiq f’waqtu tal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

    (11)

    Il-kejl tal-parametri rilevanti tal-prodott għandu jsir bl-użu ta’ metodi ta’ kejl affidabbli, akkurati u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl rikonoxxuti l-iktar avvanzati inklużi, fejn huma disponibbli, standards armonizzati adottati mill-korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropej, kif elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti tekniċi dwar servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (2).

    (12)

    Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

    (13)

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli tal-konformità, il-manifatturi għandhom jipprovdu informazzjoni fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi V u VI għad-Direttiva 2009/125/KE sakemm din l-informazzjoni tkun relatata mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

    (14)

    Minbarra r-rekwiżiti legalment vinkolanti stipulati f’dan ir-Regolament, għandhom jiġu identifikati punti ta’ riferiment indikattivi tal-aqwa teknoloġiji disponibbli biex jiżguraw disponibbiltà wiesgħa u aċċessibbiltà faċli għall-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament.

    (15)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u ambitu

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi li jitħaddmu bl-elettriku mill-mejns u l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi li jitħaddmu bl-elettriku mill-mejns li jistgħu jitħaddmu wkoll bil-batteriji, inklużi dawk li jinbiegħu għal użu mhux domestiku u magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi inkorporati.

    2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal magni domestiċi li jaħslu kif ukoll inixxfu.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Minbarra d-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/125/KE, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-fini ta’ dan ir-Regolament:

    (1)

    “magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatika li tnaddaf u tlaħlaħ it-tessuti billi tuża l-ilma li għandha wkoll funzjoni ta’ estrazzjoni waqt it-tidwir (spin extraction function) u li hija ddisinjata biex prinċipalment tintuża għal skopijiet mhux professjonali;

    (2)

    “magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika inkorporata” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ maħsuba sabiex tiġi installata f’armarju, daħla f’ħajt apposta jew post simili, li tkun teħtieġ elementi ta’ finitura;

    (3)

    “magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatika” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ fejn it-tagħbija tiġi ttrattata kompletament mill-magna mingħajr il-ħtieġa tal-intervent tal-utent fi kwalunkwe ħin matul il-programm;

    (4)

    “magna domestika li taħsel kif ukoll tnixxef” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li tinkludi kemm il-funzjoni tal-estrazzjoni waqt it-tidwir kif ukoll mezz li jnixxef it-tessuti, ġeneralment permezz tat-tisħin u t-tidwir fl-arja sħuna;

    (5)

    “programm” tfisser sensiela ta’ operazzjonijiet li huma ddefiniti minn qabel u ddikjarati bħala xierqa mill-manifattur għall-ħasil ta’ ċerti tipi ta’ tessuti;

    (6)

    “ċiklu” tfisser proċess komplut ta’ ħasil, tlaħliħ u tidwir, kif iddefinit għall-programm magħżul;

    (7)

    “il-ħin tal-programm” tfisser il-ħin li jgħaddi mill-bidu tal-programm sat-tmiem tal-programm u li jeskludi kwalunkwe dewmien ipprogrammat mill-utent aħħari;

    (8)

    “il-kapaċità nominali” tfisser il-piż massimu f’kilogrammi ddikjarat mill-manifattur f’intervalli ta’ 0.5 kg ta’ tessuti niexfa ta’ tip partikolari, li jistgħu jiġu ttrattati f’magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika bil-programm magħżul, meta titgħabba skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur;

    (9)

    “tagħbija parzjali” tfisser nofs il-kapaċità nominali ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għal programm partikolari;

    (10)

    “il-kontenut ta” ndewwa li jkun baqa’’ tfisser l-ammont ta’ ndewwa li jkun fiha t-tagħbija fit-tmiem tal-fażi tat-tidwir;

    (11)

    “mitfija (off-mode)” tfisser kundizzjoni li fiha l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tintefa permezz tal-kontrolli tat-tagħmir jew l-iswiċċijiet aċċessibbli għall-utent aħħari u maħsuba għat-tħaddim minnu waqt l-użu normali sabiex jinkiseb il-konsum tal-enerġija l-iktar baxx li jista’ jippersisti għal ħin indefinit waqt li l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tkun imqabbda ma’ sors tal-enerġija u tintuża skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur; fejn ma jkun hemm l-ebda kontroll jew swiċċ aċċessibbli għall-utent aħħari, “mitfija” tfisser il-kundizzjoni li tintlaħaq wara li l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ terġa’ lura waħedha għal stat stabbli ta’ konsum tal-enerġija;

    (12)

    “tibqa” mixgħula (left-on mode)’ tfisser il-konsum tal-enerġija l-iktar baxx li jista’ jippersisti għal ħin indefinit wara t-tmiem tal-programm mingħajr l-ebda intervent ieħor mill-utent aħħari ħlief it-tbattil tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ;

    (13)

    “magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ ekwivalenti” tfisser mudell ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika mqiegħed fis-suq bl-istess kapaċità nominali, karatteristiċi tekniċi u ta’ prestazzjoni, konsum tal-enerġija u tal-ilma u emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil u t-tidwir bħal mudell ieħor ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li jitqiegħed fis-suq mill-istess manifattur iżda b’numru tal-kodiċi kummerċjali differenti.

    Artikolu 3

    Rekwiżiti tal-ekodisinn

    Ir-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi huma stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness I.

    Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi huma stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness I.

    Artikolu 4

    Valutazzjoni tal-konformità

    1.   Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema tal-kontroll intern tad-disinn stabbilita fl-Anness IV għal dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni stabbilita fl-Anness V għal dik id-Direttiva.

    2.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, il-fajl tad-dokumentazzjoni teknika għandu jinkludi kopja tal-kalkolu stabbilit fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

    Fejn l-informazzjoni inkluża fil-fajl tad-dokumentazzjoni teknika għal mudell partikolari ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tkun inkisbet permezz ta’ kalkolu abbażi tad-disinn, jew tal-estrapolazzjoni minn magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi ekwivalenti oħra, jew tat-tnejn, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi dettalji ta’ dawn il-kalkoli jew l-estrapolazzjonijiet, jew tat-tnejn, u tat-testijiet li jkunu saru mill-manifatturi biex jivverifikaw l-akkuratezza tal-kalkoli li jkunu saru. F’dawn il-każijiet, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi wkoll lista tal-mudelli l-oħra kollha tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi ekwivalenti fejn l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika tkun inkisbet fuq l-istess bażi.

    Artikolu 5

    Proċedura tal-verifika għal skopijiet ta’ sorveljanza tas-suq

    L-Istati Membri għandhom iwettqu l-proċedura ta’ verifika deskritta fl-Anness III għal dan ir-Regolament meta jwettqu l-kontrolli ta’ sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Punti ta’ riferiment

    Il-punti ta’ riferiment indikattivi għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi bl-aħjar prestazzjoni li jkunu disponibbli fis-suq meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ huma stabbiliti fl-Anness VI.

    Artikolu 7

    Reviżjoni

    Il-Kummissjoni għandha tanalizza dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku mhux iktar tard minn erba’ snin wara li jidħol fis-seħħ u tippreżenta r-riżultat ta’ din l-analiżi lill-Forum tal-Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn. L-analiżi għandha b’mod partikolari tivvaluta t-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fl-Anness III, l-opportunità li tistabbilixxi rekwiżiti tal-effiċjenza waqt it-tlaħliħ u t-tnixxif bit-tidwir u l-potenzjal għal punt tad-dħul għall-ilma sħun.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2011.

    Madankollu, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn elenkati hawn taħt għandhom japplikaw skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

    (a)

    ir-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punt 1(1) tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2012;

    (b)

    ir-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punt 1(2) tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Ġunju 2011;

    (c)

    ir-rekwiżiti ġeneriċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punt 1(3) tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2013;

    (d)

    ir-rekwiżiti speċifiċi tal-ekodisinn stabbiliti fil-punt 2(2) tal-Anness I għandhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2013.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

    (2)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.


    ANNESS I

    Rekwiżiti tal-ekodisinn

    1.   REKWIŻITI ĠENERIĊI TAL-EKODISINN

    (1)

    Għall-kalkolu tal-konsum tal-enerġija u l-parametri l-oħra għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, għandhom jintużaw iċ-ċikli li jnaddfu l-ħwejjeġ tal-qoton li ma jkunux maħmuġin ħafna (minn hawn il quddiem imsejħa “programmi standard għall-qoton”) f’ 40 °C u 60 °C. Dawn iċ-ċikli għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar fuq it-tagħmir tal-għażla tal-programm tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi jew id-displej tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, kemm jekk ikun hemm wieħed minn dawn it-tipi ta’ tagħmir kif ukoll jekk ikun hemm it-tnejn, u jkunu indikati bħala “programm standard għall-qoton f’60 °C” u “programm standard għall-qoton f’40 °C”.

    (2)

    Il-ktejjeb tal-istruzzjonijiet ipprovdut mill-manifattur għandu jagħti:

    (a)

    il-programmi standard għall-qoton f’60 °C u f’40 °C, imsemmija “programm standard għall-qoton f’60 °C” u “programm standard għall-qoton f’40 °C”, u għandu jispeċifika li huma adattati biex inaddfu l-ħwejjeġ tal-qoton li ma jkunux maħmuġin ħafna u li huma l-iktar programmi effiċjenti f’termini ta’ konsum tal-enerġija u tal-ilma flimkien għall-ħasil ta’ dak it-tip ta’ ħwejjeġ; barra minn hekk, għandu jagħti indikazzjoni li t-temperatura tal-ilma fir-realtà tista’ tkun differenti mit-temperatura taċ-ċiklu ddikjarata;

    (b)

    il-konsum tal-enerġija meta mitfija jew meta tibqa’ mixgħula;

    (c)

    informazzjoni indikattiva dwar il-ħin tal-programm, il-kontenut ta’ ndewwa li jkun baqa’, il-konsum tal-enerġija u tal-ilma għall-programmi tal-ħasil ewlenin b’tagħbija sħiħa jew tagħbija parzjali, jew it-tnejn;

    (d)

    rakkomandazzjoni dwar it-tipi ta’ deterġenti adattati għad-diversi temperaturi tal-ħasil.

    (3)

    Il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jipprovdu lill-utent aħħari b’ċiklu ta’ 20 °C. Dan il-programm għandu jkun jista’ jiġu identifikati b’mod ċar fuq it-tagħmir tal-għażla tal-programm tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi jew id-displej tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, kemm jekk ikun hemm wieħed minn dawn it-tipi ta’ tagħmir kif ukoll jekk ikun hemm it-tnejn.

    2.   REKWIŻITI SPEĊIFIĊI TAL-EKODISINN

    Il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

    (1)

    Mill-1 ta’ Diċembru 2011:

    għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi kollha, l-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Enerġija (Energy Efficiency Index, EEI) għandu jkun inqas minn 68,

    għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ogħla minn 3 kg, l-Indiċi tal-Effiċjenza fil-Ħasil (Washing Efficiency Index, Iw ) għandu jkun ogħla minn 1,03,

    għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ekwivalenti għal jew anqas minn 3 kg, l-Indiċi tal-Effiċjenza fil-Ħasil (Iw ) għandu jkun ogħla minn 1,00,

    għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi kollha, il-Konsum tal-Ilma (Water Consumption, Wt ) għandu jkun:

    Wt  ≤ 5 × c + 35

    fejn c hija l-kapaċità nominali tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għall-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa jew għall-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija sħiħa, skont liema waħda minnhom tkun l-iktar baxxa.

    (2)

    Mill-1 ta’ Diċembru 2013:

    għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ekwivalenti għal jew ogħla minn 4 kg, l-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Enerġija (EEI) għandu jkun inqas minn 59,

    għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi kollha, il-konsum tal-ilma għandu jkun,

    Wt  ≤ 5 × c½  + 35

    fejn c½ hija l-kapaċità nominali tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għall-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija parzjali jew għall-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija parzjali, skont liema waħda minnhom tkun l-iktar baxxa.

    L-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Enerġija (EEI), l-Indiċi tal-Effiċjenza fil-Ħasil (Iw ) u l-Konsum tal-Ilma (Wt) huma kkalkulati skont l-Anness II.


    ANNESS II

    Metodu għall-kalkolu tal-Indici tal-Effiċjenza fl-Enerġija, l-Indiċi tal-Effiċjenza fil-Ħasil, il-konsum tal-ilma u l-kontenut ta’ ndewwa li jkun baqa’

    1.   KALKOLU TAL-INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA FL-ENERĠIJA

    Għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Enerġija (EEI) ta’ mudell ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika, il-konsum annwali tal-enerġija ppeżat ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għall-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa jew parzjali u għall-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija parzjali jitqabbel mal-konsum standard annwali tal-enerġija tagħha.

    (a)

    L-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Enerġija (EEI) jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja u jinġieb sa ċifra waħda wara l-punt deċimali:

    Formula

    fejn:

    AEC

    =

    il-konsum annwali tal-enerġija ppeżat tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika;

    SAEC

    =

    il-konsum standard annwali tal-enerġija tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika.

    (b)

    Il-konsum standard annwali tal-enerġija (SAEC ) jiġi kkalkulat f’kWh/sena skont il-formula li ġejja u jinġieb sa żewġ ċifri wara l-punt deċimali:

    Formula

    fejn:

    c

    =

    il-kapaċità nominali tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għall-programm standard tal-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa jew għall-programm standard tal-qoton f’40 °C b’tagħbija sħiħa, skont liema waħda minnhom tkun l-iktar baxxa.

    (c)

    Il-konsum annwali tal-enerġija ppeżat (AEC ) jiġi kkalkulat f’kWh/sena skont il-formula li ġejja u jinġieb sa żewġ ċifri wara l-punt deċimali:

    (i)

    Formula

    fejn:

    Et

    =

    il-konsum tal-enerġija ppeżat;

    Po

    =

    l-enerġija ppeżata meta tkun ‘mitfija’;

    Pl

    =

    l-enerġija ppeżata meta ‘tibqa’ mixgħula’;

    Tt

    =

    il-ħin tal-programm;

    220

    =

    l-għadd totali taċ-ċikli tal-ħasil standard fis-sena.

    (ii)

    Meta l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tkun mgħammra b’sistema għall-ġestjoni tal-enerġija, li permezz tagħha l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tintefa awtomatikament meta jintemm il-programm, il-konsum annwali tal-enerġija (AEC ) jiġi kkalkulat billi jitqies il-ħin li matulu l-magna effettivament ‘tibqa’ mixgħula’, skont il-formula li ġejja:

    Formula

    fejn:

    Tl

    =

    il-ħin li matulu ‘tibqa’ mixgħula’.

    (d)

    Il-konsum tal-enerġija ppeżat (Et ) jiġi kkalkulat f’kWh skont il-formula li ġejja u jinġieb sa tliet ċifri wara l-punt deċimali:

    Formula

    fejn:

    Et,60

    =

    il-konsum tal-enerġija tal-programm standard għall-qoton f’60 °C;

    Et,60½

    =

    il-konsum tal-enerġija tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija parzjali;

    Et,40½

    =

    il-konsum tal-enerġija tal-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija parzjali.

    (e)

    L-enerġija ppeżata meta ‘mitfija’ (Po ) tiġi kkalkulata f’W skont il-formula li ġejja u tinġieb sa żewġ ċifri wara l-punt deċimali:

    Formula

    fejn:

    Po,60

    =

    l-enerġija meta ‘mitfija’ tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa;

    Po,60½

    =

    l-enerġija meta ‘mitfija’ tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija parzjali;

    Po,40½

    =

    l-enerġija meta ‘mitfija’ tal-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija parzjali.

    (f)

    L-enerġija ppeżata meta ‘tibqa’ mixgħula’ (Pl ) tiġi kkalkulata f’W skont il-formula li ġejja u tinġieb sa żewġ ċifri wara l-punt deċimali:

    Formula

    fejn:

    Pl,60

    =

    l-enerġija meta ‘tibqa’ mixgħula’ tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa;

    Pl,60½

    =

    l-enerġija meta ‘tibqa’ mixgħula’ tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija parzjali;

    Pl,40½

    =

    l-enerġija meta ‘tibqa’ mixgħula’ tal-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija parzjali.

    (g)

    Il-ħin tal-programm ippeżat (Tt ) jiġi kkalkulat f’minuti skont il-formula li ġejja u jinġieb sal-eqreb minuta:

    Formula

    fejn:

    Tt,60

    =

    il-ħin tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa;

    Tt,60½

    =

    il-ħin tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija parzjali;

    Tt,40½

    =

    il-ħin tal-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija parzjali.

    (h)

    Il-ħin li matulu ‘tibqa’ mixgħula’ (Tl ) jiġi kkalkulat f’minuti skont il-formula li ġejja u jinġieb sal-eqreb minuta:

    Formula

    fejn:

    Tl,60

    =

    il-ħin li matulu ‘tibqa’ mixgħula’ tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa;

    Tl,60½

    =

    il-ħin li matulu ‘tibqa’ mixgħula’ tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija parzjali;

    Tl,40½

    =

    il-ħin li matulu ‘tibqa’ mixgħula’ tal-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija parzjali.

    2.   KALKOLU TAL-INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA FIL-ĦASIL

    Għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza fil-Ħasil (Iw ), l-effiċjenza fil-ħasil ippeżata tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għall-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa jew parzjali u għall-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija parzjali titqabbel mal-effiċjenza fil-ħasil ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ ta’ referenza, fejn il-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ ta’ referenza għandu jkollha l-karatteristiċi indikati fil-metodi l-iktar avvanzati u rikonoxxuti b’mod ġenerali, inklużi l-metodi stabbiliti fid-dokumenti li n-numri tar-referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (a)

    L-Indiċi tal-Effiċjenza fil-Ħasil (Iw ) jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja u jinġieb sa tliet ċifri wara l-punt deċimali

    Formula

    fejn:

    IW,60

    =

    l-Indiċi tal-Effiċjenza fil-Ħasil tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa;

    IW,60½

    =

    l-Indiċi tal-Effiċjenza fil-Ħasil tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija parzjali;

    IW,40½

    =

    l-Indiċi tal-Effiċjenza fil-Ħasil tal-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija parzjali.

    (b)

    L-Indiċi tal-Effiċjenza fil-Ħasil ta’ programm wieħed standard għall-qoton (p) jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

    Formula

    fejn:

    WT,i

    =

    l-Effiċjenza fil-Ħasil tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li qiegħda tiġi ttestjata għal ċiklu wieħed tat-test (i);

    WR,a

    =

    l-Effiċjenza Medja fil-Ħasil tal-magna tal-ħasil ta’ referneza;

    n

    =

    l-għadd ta’ ċikli tal-ħasil, n ≥ 3 għall-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa, n ≥ 2 għall-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija parzjali u n ≥ 2 għall-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija parzjali.

    (c)

    L-Effiċjenza fil-Ħasil (W) hija l-medja tal-valuri ta’ riflessjoni ta’ kull strippa tat-test wara li jitlesta ċiklu tat-test.

    3.   KALKOLU TAL-KONSUM TAL-ILMA

    Il-konsum tal-ilma (Wt ) jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja u jinġieb sa ċifra waħda wara l-punt deċimali:

    Wt = Wt,60

    fejn:

    Wt,60

    =

    il-konsum tal-ilma tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa.

    4.   KALKOLU TAL-KONTENUT TA’ NDEWWA LI JKUN BAQA’

    Il-kontenut ta’ ndewwa li jkun baqa’ (D) ta’ programm jiġi kkalkulat bħala perċentwali u jinġieb sal-eqreb perċentwali sħiħa.


    ANNESS III

    Proċedura tal-verifika għal skopijiet ta’ sorveljanza tas-suq

    Għall-finijiet tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ waħda. Jekk il-parametri mkejla ma jaqblux mal-valuri ddikjarati fil-fajl tad-dokumentazzjoni teknika mill-manifattur skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) fil-limiti stabbiliti fit-Tabella 1, il-kejl għandu jitwettaq fuq tliet magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi oħra. Il-medja aritmetika tal-valuri mkejla ta’ dawn it-tliet magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-limiti stabbiliti fit-Tabella 1, għajr għall-konsum tal-enerġija fejn il-valur imkejjel ma għandux ikun ikbar mill-valur nominali Et b’iktar minn 6 %.

    Inkella, għandu jitqies li l-mudell u l-mudelli kollha l-oħra tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi mhumiex konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw proċeduri ta’ kejl affidabbli, akkurati u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl l-iktar avvanzati rikonoxxuti b’mod ġenerali, inklużi l-metodi stabbiliti f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Tabella 1

    Parametri mkejla

    Tolleranzi tal-verifika

    Konsum annwali tal-enerġija

    Il-valur imkejjel ma għandux ikun ikbar mill-valur nominali (*) tal-AEC b’iktar minn 10 %.

    Indiċi tal-effiċjenza fil-ħasil

    Il-valur imkejjel ma għandux ikun inqas mill-valur nominali tal-IW b’iktar minn 4 %.

    Konsum tal-enerġija

    Il-valur imkejjel ma għandux ikun ikbar mill-valur nominali tal-Et b’aktar minn 10 %.

    Ħin tal-programm

    Il-valur imkejjel ma għandux ikun itwal mill-valuri nominali tat-Tt b’aktar minn 10 %.

    Konsum tal-ilma

    Il-valur imkejjel ma għandux ikun ikbar mill-valur nominali tal-Wt b’aktar minn 10 %.

    Konsum tal-enerġija meta mitfija u meta tibqa’ mixgħula

    Il-valur imkejjel tal-konsum tal-enerġija Po u Pl li jkun ikbar minn 1.00 W ma għandux ikun ikbar mill-valur nominali b’iktar minn 10 %. Il-valur imkejjel tal-konsum tal-enerġija Po u Pl li jkun inqas minn jew ekwivalenti għal 1.00 W ma għandux ikun ikbar mill-valur nominali b’iktar minn 0.10 W.

    Ħin li matulu tibqa’ mixgħula

    Il-valur imkejjel ma għandux ikun itwal mill-valur nominali tat-Tl b’iktar minn 10 %.


    (*)  “valur nominali” tfisser il-valur li jiġi ddikjarat mill-manifattur


    ANNESS IV

    Punti ta’ riferiment

    Meta dan ir-Regolament daħal fis-seħħ, l-aqwa teknoloġiji disponibbli fis-suq għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, f’termini tal-konsum tal-ilma u tal-enerġija, l-effiċjenza fil-ħasil u l-emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir tagħhom għall-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa, ġew identifikati kif ġej (*):

    (1)

    Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 3 kg:

    (a)   konsum tal-enerġija: 0,57 kWh/ċiklu (jew 0,19 kWh/kg), li jikkorrispondu għal konsum totali annwali tal-enerġija ta’ 117,84 kWh/sena, li minnhom 105,34 kWh/sena huma għal 220 ċiklu u 12,5 kWh/sena huma waqt l-użu b’konsum baxx ta’ enerġija;

    (b)   konsum tal-ilma: 39 litru/ċiklu, li jikkorrispondu għal 8 580 litru/sena għal 220 ċiklu;

    (c)   indiċi tal-effiċjenza fil-ħasil: ta’ 1,03 ≥ Iw > 1,00;

    (d)   emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir (900 rpm): mhux disponibbli;

    (2)

    Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 3,5 kg:

    (a)   konsum tal-enerġija: 0,66 kWh/ċiklu (jew 0,19 kWh/kg), li jikkorrispondu għal konsum totali annwali tal-enerġija ta’ 134,50 kWh/sena, li minnhom 122,00 kWh/sena huma għal 220 ċiklu u 12,5 kWh/sena huma waqt l-użu b’konsum baxx ta’ enerġija;

    (b)   konsum tal-ilma: 39 litru/ċiklu, li jikkorrispondu għal 8 580 litru/sena għal 220 ċiklu;

    (c)   indiċi tal-effiċjenza fil-ħasil: Iw ta’ 1,03;

    (d)   emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir (1 100 rpm): mhux disponibbli;

    (3)

    Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 4,5 kg:

    (a)   konsum tal-enerġija: 0,76 kWh/ċiklu (jew 0,17 kWh/kg) li jikkorrispondu għal konsum totali annwali tal-enerġija ta’ 152,95 kWh/sena, li minnhom 140,45 kWh/sena huma għal 220 ċiklu u 12,5 kWh/sena huma waqt l-użu b’konsum baxx ta’ enerġija;

    (b)   konsum tal-ilma: 40 litru/ċiklu, li jikkorrispondu għal 8 800 litru/sena għal 220 ċiklu;

    (c)   indiċi tal-effiċjenza fil-ħasil: Iw ta’ 1,03;

    (d)   emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir (1 000 rpm): 55/70 dB(A) re 1pW;

    (4)

    Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 5 kg:

    (a)   konsum tal-enerġija: 0,850 kWh/ċiklu (jew 0,17 kWh/kg) li jikkorrispondu għal konsum totali annwali tal-enerġija ta’ 169,60 kWh/sena, li minnhom 157,08 kWh/sena huma għal 220 ċiklu u 12,5 kWh/sena huma waqt l-użu b’konsum baxx ta’ enerġija;

    (b)   konsum tal-ilma: 39 litru/ċiklu, li jikkorrispondu għal konsum tal-ilma annwali ta’ 8 580 litru għal 220 ċiklu;

    (c)   indiċi tal-effiċjenza fil-ħasil: Iw ta’ 1,03;

    (d)   emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir (1 200 rpm): 53/73 dB(A) re 1pW;

    (5)

    Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 6 kg:

    (a)   konsum tal-enerġija: 0,90 kWh/ċiklu (jew 0,15 kWh/kg) li jikkorrispondu għal konsum totali annwali tal-enerġija ta’ 178,82 kWh/sena, li minnhom 166,32 kWh/sena huma għal 220 ċiklu u 12.5 kWh/sena huma waqt l-użu b’konsum baxx ta’ enerġija;

    (b)   konsum tal-ilma: 37 litru/ċiklu, li jikkorrispondu għal konsum tal-ilma annwali ta’ 8 140 litru għal 220 ċiklu;

    (c)   indiċi tal-effiċjenza fil-ħasil: Iw ta’ 1,03;

    (d)   emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir (1 600 rpm): mhux disponibbli;

    (6)

    Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 7 kg:

    (a)   konsum tal-enerġija: 1,05 kWh/ċiklu (jew 0,15 kWh/kg) li jikkorrispondu għal konsum totali annwali tal-enerġija ta’ 201,00 kWh/sena, li minnhom 188,50 kWh/sena huma għal 220 ċiklu u 12,5 kWh/sena huma waqt l-użu b’konsum baxx ta’ enerġija;

    (b)   konsum tal-ilma: 43 litru/ċiklu, li jikkorrispondu għal konsum tal-ilma annwali ta’ 9 460 litru għal 220 ċiklu;

    (c)   indiċi tal-effiċjenza fil-ħasil: Iw ta’ 1,03;

    (d)   emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir (1 000 rpm): 57/73 dB(A) re 1pW;

    (e)   emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir (1 400 rpm): 59/76 dB(A) re 1pW;

    (f)   emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir (1 200 rpm): 48/62 dB(A) re 1pW (għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi inkorporati);

    (7)

    Magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi b’kapaċità nominali ta’ 8 kg:

    (a)   konsum tal-enerġija: 1200 kWh/ċiklu (jew 0,15 kWh/kg) li jikkorrispondu għal konsum totali annwali tal-enerġija ta’ 234,26 kWh/sena, li minnhom 221,76 kWh/sena huma għal 220 ċiklu u 12,5 kWh/sena huma waqt l-użu b’konsum baxx ta’ enerġija;

    (b)   konsum tal-ilma: 56 litru/ċiklu, li jikkorrispondu għal konsum tal-ilma annwali ta’ 12 320 litru għal 220 ċiklu;

    (c)   indiċi tal-effiċjenza fil-ħasil: Iw ta’ 1,03;

    (d)   emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir (1 400 rpm): 54/71 dB(A) re 1pW;

    (e)   emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja waqt il-ħasil/it-tidwir (1 600 rpm): 54/74 dB(A) re 1pW.


    (*)  Għall-evalwazzjoni tal-konsum annwali tal-enerġija, il-metodu tal-kalkolu stabbilit fl-Anness II intuża għal ħin ta’ programm ta’ 90 minuta flimkien ma’ enerġija ta’ 1 W meta l-magna tkun mitfija u enerġija ta’ 2 W meta tibqa’ mixgħula.


    Top