EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010Q1120(01)

Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/02/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2010/1120/oj

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 304/47


Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUMMISSJONI EWROPEA (minn issa ’l quddiem “iż-żewġ Istituzzjonijiet”),

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), partikolarment l-Artikolu 295 tiegħu, u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn issa “l quddiem it-Trattati”),

wara li kkunsidraw il-Ftehimiet Interistituzzjonali u t-testi li jkopru r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ istituzzjonijiet,

wara li kkunsidraw ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 105, 106 u 127 tagħhom u l-Annessi VIII u XIV għalihom,

wara li kkunsidraw il-linji gwida politiċi maħruġin, u l-istqarrijiet rilevanti magħmulin, mill-President elett tal-Kummissjoni fil-15 ta’ Settembru 2009 u d-9 ta’ Frar 2010 kif ukoll l-istqarrijiet li għamel kull wieħed mill-kandidati Membri tal-Kummissjoni waqt is-seduti ta’ smigħ tagħhom quddiem il-kumitati tal-Parlament Ewropew;

A.

billi t-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni tal-Unjoni,

B.

billi ż-żewġ istituzzjonijiet jagħtu l-ikbar importanza lit-traspożizzjoni effettiva u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni,

C.

billi dan il-Ftehim Qafas ma jaffettwax il-poteri u l-prerogattivi tal-Parlament, il-Kummissjoni jew istituzzjoni oħra jew korp tal-Unjoni, imma jfittex li jiżgura li dawk il-prerogattivi jiġu eżerċitati bl-iżjed mod effettiv u trasparenti possibbli,

D.

billi dan il-Ftehim Qafas għandu jkun interpretat b’konformità mal-qafas istituzzjonali hekk kif organizzat mit-Trattati,

E.

billi l-Kummissjoni tqis kif jistħoqq l-irwoli rispettivi mogħtija mit-Trattati lill-Parlament u lill-Kunsill, b’mod partikolari b’riferiment għall-prinċipju bażiku ta’ trattament indaqs stipulat taħt il-punt 9,

F.

billi huwa xieraq li jiġi emendat il-Ftehim Qafas konkluż f’Mejju 2005 (2) u għandu jinbidel bit-test li ġej,

JAQBLU KIF ĠEJ:

I.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

1.

Bil-għan li tiġi riflessa aħjar is-“sħubija speċjali” l-ġdida bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, iż-żewġ Istituzzjonijiet jaqblu fuq il-miżuri li ġejjin biex isaħħu r-responsabbiltà u l-leġittimità politika tal-Kummissjoni, jestendu d-djalogu kostruttiv u jtejbu l-iskambju ta’ tagħrif bejn iż-żewġ Istituzzjonijiet, kif ukoll itejbu l-kooperazzjoni fil-proċeduri u fl-ippjanar.

Jaqblu wkoll fuq dispożizzjonijiet speċifiċi:

dwar laqgħat tal-Kummissjoni mal-esperti nazzjonali, kif inhu stipulat fl-Anness I;

dwar il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali lill-Parlament, kif inhu stipulat fl-Anness II;

dwar in-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, kif inhu stipulat fl-Anness III; u

dwar l-iskeda tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, kif inhu stipulat fl-Anness IV.

II.   RESPONSABBILTÀ POLITIKA

2.

Wara n-nomina tiegħu mill-Kunsill Ewropew, il-President nominat tal-Kummissjoni jippreżenta lill-Parlament linji gwida politiċi għall-mandat tiegħu bil-għan li jippermettu li jsir skambju infurmat ta’ opinjonijiet mal-Parlament qabel ma dan jieħu l-vot dwar l-elezzjoni.

3.

Il-Parlament, b’konformità mal-Artikolu 106 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, għandu jikkomunika mal-President-elett tal-Kummissjoni f’ħin xieraq qabel il-ftuħ tal-proċeduri relatati mal-approvazzjoni tiegħu għall-Kummissjoni l-ġdida. Il-Parlament għandu jqis kummenti espressi mill-President-elett.

Il-Membri nominati tal-Kummissjoni għandhom jiżguraw li jagħtu t-tagħrif rilevanti kollu, bi qbil mal-obbligu ta’ indipendenza stabbilit fl-Artikolu 245 TFUE.

Il-proċeduri għandhom jitfasslu b’tali mod li jkun żgurat li l-Kummissjoni nominata kollha tkun evalwata b’mod miftuħ, ġust u konsistenti.

4.

Kull Kummissarju għandu jerfà responsabbiltà politika għal azzjoni fl-oqsma li jkun responsabbli għalihom, bla ma jagħmel ħsara lill-prinċipju tal-kulleġġjalità tal-Kummissjoni.

Hija r-responsabbiltà sħiħa tal-President tal-Kummissjoni li jidentifika kull kunflitt ta’ interess li jimpedixxi Kummissarju milli jaqdi dmirijietu.

Il-President tal-Kummissjoni huwa wkoll responsabbli għal kull azzjoni sussegwenti meħuda f’tali ċirkustanzi u għandu immedjatament javża bil-miktub lill-President tal-Parlament.

Il-parteċipazzjoni tal-Membri tal-Kummissjoni fil-kampanji elettorali hija regolata mill-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Kummissarji.

Il-Membri tal-Kummissjoni li jipparteċipaw f’kampanji elettorali bħala kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għandhom jieħu leave mingħajr ħlas għall-elezzjonijiet b’effett mit-tmiem tal-aħħar sessjoni parzjali qabel l-elezzjonijiet.

Il-President tal-Kummissjoni għandu jgħarraf lill-Parlament f’ħin xieraq bid-deċiżjoni tiegħu li jagħti dan il-leave, filwaqt li jindika liema Membru tal-Kummissjoni se jassumi r-responsabbiltajiet rilevanti għal dak il-perjodu ta’ leave.

5.

Jekk il-Parlament jitlob lill-President tal-Kummissjoni jirtira l-fiduċja lil xi Membru individwali tal-Kummissjoni, huwa jeżamina serjament jekk għandux jitlob ir-riżenzja ta’ dak il-Membru, skont l-Artikolu 17(6) TUE. Il-President għandu jitlob ir-riżenja ta’ dak il-Membru jew jispjega quddiem il-Parlament iċ-ċaħda tiegħu li jagħmel dan fis-sessjoni parzjali ta’ wara.

6.

Meta tqum il-ħtieġa li Membru tal-Kummissjoni jinbidel waqt il-mandat tiegħu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 246 TFUE, il-President tal-Kummissjoni jeżamina serjament ir-riżultat tal-konsultazzjoni tal-Parlament qabel ma jagħti l-kunsens tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kunsill.

Il-Parlament għandu jassigura li l-proċeduri tiegħu jitmexxew b’ħeffa, sabiex jippermettu li l-President tal-Kummissjoni jeżamina serjament l-opinjoni tal-Parlament qabel ma jinħatar il-Membru l-ġdid.

Bl-istess mod, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 246 TFUE, meta ż-żmien li jkun fadal għall-mandat tal-Kummissjoni jkun qasir, il-President tal-Kummissjoni jrid jeżamina serjament il-pożizzjoni tal-Parlament.

7.

Jekk il-President tal-Kummissjoni jkun biħsiebu jbiddel l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fost il-Membri tal-Kummissjoni matul il-mandat tagħha skont l-Artikolu 248 TFUE, għandu jgħarraf lill-Parlament f’ħin xieraq għall-konsultazzjoni parlamentari rilevanti fir-rigward ta’ dan it-tibdil. Id-deċiżjoni tal-President li jbiddel l-allokazzjoni tal-portafolli jista’ jkollha effett minnufih.

8.

Kull meta l-Kummissjoni tressaq reviżjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Kummissarji dwar kunflitt ta’ interess jew imġiba etika, għandha titlob l-opinjoni tal-Parlament.

III.   DJALOGU KOSTRUTTIV U SKAMBJU TA’ TAGĦRIF

(i)   Dispożizzjonijiet ġenerali

9.

Il-Kummissjoni tiggarantixxi li tapplika l-prinċipju bażiku ta’ trattament indaqs għall-Parlament u għall-Kunsill, speċjalment f’dak li huwa aċċess għal-laqgħat u l-għoti ta’ kontributi u tagħrif ieħor, b’mod partikolari fi kwistjonijiet leġiżlattivi u baġitarji.

10.

Fi ħdan il-kompetenzi tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri biex tinvolvi aħjar il-Parlament b’tali mod li tqis kemm jista’ jkun il-fehmiet tal-Parlament fil-qasam tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni.

11.

Għandhom isiru għadd ta’ arranġamenti kif ġej biex tiġi implimentata s-“sħubija speċjali” bejn il-Parlament u l-Kummissjoni:

il-President tal-Kummissjoni jiltaqa’ mal-Konferenza tal-Presidenti fuq talba tal-Parlament, mhux inqas minn darbtejn fis-sena biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess komuni.

il-President tal-Kummissjoni jkollu djalogu regolari mal-President tal-Parlament dwar kwistjonijiet orizzontali fundamentali u proposti leġiżlattivi ewlenin. Dan id-djalogu għandu jinkludi wkoll stediniet lill-President tal-Parlament biex jattendi laqgħat tal-Kulleġġ tal-Kummissarji;

il-President tal-Kummissjoni jew il-Viċi President responsabbli mir-relazzjoni interistituzzjonali għandu jkun mistieden jattendi l-laqgħat tal-Konferenza tal-Presidenti u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati meta jiġu diskussi kwistjonijiet speċifiċi relatati mat-tfassil tal-aġenda għas-sessjoni plenarja, mar-relazzjonijiet interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni u ma’ kwistjonijiet leġiżlattivi u baġitarji;

għandhom isiru laqgħat kull sena bejn il-Konferenza tal-Presidenti u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u l-Kulleġġ tal-Kummissarji sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet rilevanti, inklużi t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma;

il-Konferenza tal-Presidenti u l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq bir-riżultati tad-diskussjonijiet tagħhom li jkollhom dimensjoni interistituzzjonali. Barra minn hekk il-Parlament għandu jżomm il-Kummissjoni mgħarrfa bis-sħiħ u regolarment dwar l-eżitu tal-laqgħat li jittrattaw it-tħejjija tas-sessjonijiet parzjali, billi jqis il-fehmiet tal-Kummissjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-punt 45;

Bil-għan li jiġi garantit skambju ta’ tagħrif rilevanti bejn iż-żewġ Istituzzjonijiet, is-Segretarji Ġenerali tal-Parlament u tal-Kummissjoni għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari.

12.

Kull Kummissarju jrid jiżgura li jkun hemm skambju regolari u dirett ta’ tagħrif bejn il-Kummissarju u l-Presidenti tal-kumitat parlamentari relevanti.

13.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tagħmel pubblika xi proposta leġiżlattiva jew xi inizjattiva jew deċiżjoni sinifikanti qabel ma tavża lill-Parlament bil-miktub.

Iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jidentifikaw minn qabel, bi ftehim komuni, fuq bażi tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, l-inizjattivi ewlenin li għandhom jiġu ppreżentati fis-sessjoni plenarja. Bħala prinċipju, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tippreżenta dawn l-inizjattivi waqt is-sessjoni plenarja u biss wara dan lill-pubbliku.

Bl-istess mod, għandhom jidentifikaw dawk il-proposti u l-inizjattivi li għalihom hemm bżonn jiġi ppreżentat tagħrif quddiem il-Konferenza tal-Presidenti, jew billi jiġi mgħarraf b’mod xieraq il-kumitat parlamentari relevanti jew il-president tiegħu.

Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-qafas tad-djalogu regolari bejn iż-żewġ Istituzzjonijiet, kif inhu stipulat fil-punt 11, u għandhom jiġu aġġornati fuq bażi regolari billi jitqiesu kwalunkwe żviluppi politiċi.

14.

Jekk dokument intern tal-Kummissjoni - li dwaru l-Parlament ma kienx avżat skont dan il-Ftehim Qafas - jiċċirkola barra mill-Istituzzjonijiet, il-President tal-Parlament jista’ jitlob li d-dokument konċernat jintbagħat lill-Parlament mingħajr dewmien ħalli jgħaddih lil kull Membru tal-Parlament li jsaqsi għalih.

15.

Il-Kummissjoni tipprovdi kull tagħrif u dokumentazzjoni dwar il-laqgħat tagħha mal-esperti nazzjonali fil-qafas tal-ħidma tagħha għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inklużi liġijiet li ma jorbtux u atti delegati. Il-Kummissjoni, f’każ li tintalab tagħmel dan mill-Parlament, tista’ wkoll tistieden l-esperti tal-Parlament biex jattendu għal dawk il-laqgħat.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma stipulati fl-Anness I.

16.

Fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni parlamentari, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tagħrif bil-miktub lill-Parlament dwar l-azzjoni meħuda bħala tweġiba għal talba speċifika indirizzata lilha mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, inkluż f’każijiet fejn ma setgħatx tieħu azzjoni skont il-fehmiet tiegħu. F’każ li t-talba tkun urġenti, dak il-perjodu jista’ jitqassar. Jista’ jiġi prorogat b’xahar meta t-talba tkun teħtieġ ħidma aktar eżawrjenti u meta din tkun debitament kif jistħoqq. Il-Parlament għandu jiżgura ruħu li dan it-tagħrif jinxtered b’mod wiesa’ mal-istituzzjoni.

Il-Parlament għandu jagħmel ħiltu biex jevita li jagħmel mistoqsijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar kwistjonijiet li dwarhom il-Kummissjoni tkun diġà għarrfet lill-Parlament dwar il-pożizzjoni tagħha permezz ta’ komunikazzjoni ta’ segwitu bil-miktub.

Il-Kummissjoni għandha tintrabat li tirrapporta dwar is-segwitu konkret li jkun ingħata lil kwalunkwe talba għal preżentazzjoni ta’ proposta skont l-Artikolu 225 TFUE (rapport ta’ inizjattiva leġiżlattiva) fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni tar-risoluzzjoni korrispondenti fil-plenarja. Il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva sa mhux iktar tard minn sena wara jew tinkludi l-proposta fil-Programm ta’ Ħidma tagħha tas-sena ta’ wara. Jekk il-Kummissjoni ma tippreżentax proposta, din għandha tagħti spjegazzjonijiet dettaljati lill-Parlament Ewropew dwar ir-raġunijiet.

Il-Kummissjoni għandha wkoll timpenja ruħha favur kooperazzjoni mill-qrib u bikrija mal-Parlament dwar kull talba ta’ inizjattiva leġiżlattiva minn inizjattivi taċ-ċittadini.

Rigward il-proċedura ta’ kwittanza, id-disposizzjonijiet speċifiċi stipulati fil-punt 31 għandhom japplikaw.

17.

Meta jsiru inizjattivi, rakkomandazzjonijiet jew talbiet għal atti leġiżlattivi skont l-Artikolu 289(4) TFUE, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Parlament, jekk dan ikun mitlub, dwar il-pożizzjoni tagħha dwar dawk il-proposti miġjuba quddiem il-kumitat parlamentari rilevanti.

18.

Iż-żewġ Istituzzjonijiet jaqblu li jikkooperaw fil-qasam tar-relazzjonijiet mal-Parlamenti nazzjonali.

Il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-Protokoll nru 2 tat-TFUE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi arranġamenti li jkollhom x’jaqsmu ma’ kwalunkwe traduzzjoni meħtieġa tal-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlamenti nazzjonali.

Meta l-limiti msemmija fl-Artikolu 7 tal-Protokoll nru 2 tat-TFUE jkunu ġew sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tipprovdi t-traduzzjonijiet tal-opinjonijiet motivati kollha ppreżentati mill-Parlamenti nazzjonali flimkien mal-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

19.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament dwar il-lista tal-gruppi esperti tagħha mwaqqfa sabiex jgħinu lill-Kummissjoni fit-twettiq tad-dritt tagħha għall-inizjattiva. Din il-lista għandha tkun aġġornata fuq bażi regulari u pubblikata.

F’dan il-qafas, il-Kummissjoni għandha tgħarraf b’mod xieraq lill-kumitat parlamentari kompetenti, fuq rikjesta speċifika u motivata tal-president tiegħu, dwar l-attivitajiet u l-kompożizzjoni ta’ gruppi bħal dawn.

20.

Bl-għajnuna ta’ mekkaniżmi xierqa, iż-żewġ istituzzjonijiet għandu jkollhom djalogu kostruttiv dwar mistoqsijiet li jikkonċernaw oqsma amministrattivi importanti, l-iżjed dwar kwistjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet diretti għall-amministrazzjoni tal-Parlament stess.

21.

Il-Parlament għandu jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni, meta huwa jressaq reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu dwar ir-relazzjonijiet mal-Kummissjoni.

22.

Meta tkun invokata l-kunfidenzjalità dwar kwalunkwe tagħrif mibgħut skont din il-Ftehim Qafas, għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet imsemmija fl-Anness II.

(ii)   Ftehimiet internazzjonali u tkabbir

23.

Il-Parlament għandu jkun mgħarraf minnufih u bis-sħiħ f’kull fażi tan-negozjati u tal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, inkluża d-definizzjoni ta’ direttivi ta’ negozjati. Il-Kummissjoni għandha taġixxi b’mod tali li tagħti effett sħiħ lill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 218 TFUE, filwaqt li tirrispetta l-irwol ta’ kull Istituzzjoni skont l-Artikolu 13(2) TUE.

Il-Kummissjoni għandha tapplika l-arranġamenti stipulati fl-Anness III.

24.

It-tagħrif imsemmi fil-punt 23 għandu jingħata lill-Parlament fi żmien biżżejjed biex jekk hemm bżonn, ikun jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu, u lill-Kummissjoni biex safejn ikun possibbli tkun tista’ tqis l-opinjoni tal-Parlament. Dan it-tagħrif għandu, bħala regola ġenerali, jkun provdut lill-Parlament mill-kumitat parlamentari responsabbli u, fejn hu xieraq, waqt seduta plenarja. F’każijiet ġustifikati kif jistħoqq, dan għandu jingħata lil aktar minn kumitat parlamentari wieħed.

Bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Anness II, il-Parlament u l-Kummissjoni jieħdu ħsieb jistabbilixxu proċeduri u salvagwardji xierqa għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-Kummissjoni lill-Parlament.

25.

Iż-żewġ Istituzzjonijiet jagħrfu illi minħabba l-irwoli istituzzjonali differenti tagħhom, il-Kummissjoni tirrappreżenta l-Unjoni Ewropea f’negozjati internazzjonali, għajr f’dawk li għandhom x’jaqsmu mal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni u f’każijiet oħra kif jiddisponu t-Trattati.

Meta l-Kummissjoni tirrappreżenta l-Unjoni f’konferenzi internazzjonali, hija għandha fuq talba tal-Parlament, tiffaċilita l-inklużjoni ta’ delegazzjoni ta’ Membri tal-Parlament Ewropew bħala osservaturi f’delegazzjonijiet tal-Unjoni, sabiex ikun mgħarraf minnufih u bis-sħiħ dwar il-ħidma tal-konferenza. Il-Kummissjoni tieħu ħsieb, fejn japplika, li sistematikament tgħarraf lid-delegazzjoni tal-Parlament bl-eżitu tan-negozjati.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux jieħdu sehem direttament f’dawn in-negozjati. Suġġett għall-possibilitajiet ġuridiċi, tekniċi u diplomatiċi, jistgħu jingħataw status ta’ osservaturi mill-Kummissjoni. F’każ li dan jiġi miċħud, il-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament bir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ Membri tal-Parlament Ewropew bħala osservaturi fil-laqgħat kollha rilevanti taħt ir-responsabbiltà tagħha qabel u wara s-sessjonijiet tan-negozjati.

26.

Taħt l-istess kundizzjonijiet, il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament mgħarraf sistematikament dwar il-laqgħat ta’ korpi mwaqqfa bi ftehimiet internazzjonali multilaterali li jinvolvu l-Unjoni u tiffaċilita l-aċċess għal Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu parti minn delegazzjonijiet tal-Unjoni, kulmeta dawn il-korpi jintalbu jieħdu deċiżjonijiet li jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Parlament jew li l-implimentazzjoni tagħhom tkun tista’ tirrikjedi l-adozzjoni ta’ atti ġuridiċi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

27.

Il-Kummissjoni għandha barra minn hekk tagħti lid-delegazzjonijiet tal-Parlament inklużi fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni għal konferenzi internazzjonali aċċess għall-użu tal-faċilitajiet kollha tad-delegazzjoni tal-UE f’dawn l-okkażjonijiet, konformement mal-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni tajba bejn l-istituzzjonijiet u billi tqis il-loġistika disponibbli.

Il-President tal-Parlament għandu jibgħat proposta lill-President tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta’ delegazzjoni tal-Parlament fid-delegazzjoni tal-Unjoni mhux aktar tard minn 4 ġimgħat qabel il-bidu tal-konferenza, u jispeċifika l-kap tad-delegazzjoni tal-Parlament u n-numru ta’ Membri tal-Parlament Ewropew li għandhom ikunu inklużi. F’każijiet debitament ġustifikati, dan it-terminu jista’ jitqassar f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

In-numru ta’ Membri tal-Parlament Ewropew inklużi fid-delegazzjoni tal-Parlament u tal-persunal ta’ sostenn għandu jkun proporzjonat għad-daqs kumplessiv tad-delegazzjoni tal-Unjoni.

28.

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament infurmat għal kollox dwar il-progress tan-negozjati għal sħubija u b’mod partikulari dwar aspetti u żviluppi prinċipali, sabiex tagħtih opportunità jesprimi l-opinjonijiet tiegħu f’ħin biżżejjed bl-għajnuna tal-proċeduri parlamentari xierqa.

29.

Meta l-Parlament jadotta rakkomandazzjoni dwar dawn is-suġġetti msemmijin fil-punt 28, skont l-Artikolu 90(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, u meta l-Kummissjoni tiddeċiedi għal raġunijiet importanti li ma tistax tappoġġja rakkomandazzjoni bħal din, hija għandha tispjega r-raġunijiet quddiem il-Parlament, waqt seduta plenarja jew waqt il-laqgħa li jkun imiss tal-kumitat parlamentari rilevanti.

(iii)   Implimentazzjoni baġitarja

30.

Waqt konferenzi ta’ donaturi, qabel ma jsir irbit finanzjarju li jinvolvi impriżi finanzjarji ġodda u li jitlob il-qbil tal-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni għandha tavża l-awtorità baġitarja u tevalwa l-kummenti tagħha.

31.

Fir-rigward tal-kwittanza annwali rregolata mill-Artikolu 319 TFUE, il-Kummissjoni għandha tikkomunika it-tagħrif kollu meħtieġ għall-kontroll tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena rilevanti, li jitlob mingħandha għal dak il-għan il-president tal-kumitat parlamentari responsabbli għall-proċedura ta’ kwittanza, skont l-Anness VII tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

Jekk joħorġu aspetti ġodda li jikkonċernaw is-snin preċedenti, li għalihom tkun diġà ngħatat il-kwittanza, il-Kummissjoni għandha tgħaddi t-tagħrif kollhu meħtieġ dwar il-kwistjoni bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni li tkun aċċettabbli għaż-żewġ naħat.

(iv)   Relazzjoni ma’ aġenziji regolatorji

32.

Il-persuni nominati għall-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv ta’ aġenziji regolatorji għandhom ikunu preżenti għas-seduti ta’ smigħ tal-kumitati parlamentari.

Barra minn hekk, fl-ambitu tad-diskussjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma interistituzzjonali dwar l-aġenziji mwaqqaf f’Marzu 2009, il-Kummissjoni u l-Parlament ifittxu approċċ komuni fir-rigward tal-irwol u tal-pożizzjoni tal-aġenziji deċentralizzati fil-qafas istituzzjonali tal-Unjoni, akkumpanjat b’linji gwida komuni għall-ħolqien, l-istruttura u l-operat ta’ dawk l-aġenziji, flimkien ma’ kwistjonijiet relatati mal-finanzjament, mal-baġit, mal-viġilanza u mal-ġestjoni.

IV.   KOOPERAZZJONI FIR-RIGWARD TAL-PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI U TAL-IPPJANAR LEĠIŻLATTIV

(i)   Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni u l-programmazzjoni tal-Unjoni Ewropea

33.

Il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-programmazzjoni annwali u multiannwali tal-Unjoni bil-għan li jintlaħqu ftehimiet interistituzzjonali.

34.

Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-Programm ta’ Ħidma tagħha.

35.

Iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw skont l-iskeda mħejjija fl-Anness IV.

Il-Kummissjoni għandha tqis il-prijoritajiet espressi mill-Parlament.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi biżżejjed dettalji dwar x’inhu previst minn kull punt fil-Programm ta’ Ħidma tagħha.

36.

Il-Kummissjoni għandha tispjega meta ma tistax tressaq proposti individwali fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għas-sena kkonċernata jew meta titbiegħed minnu. Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mir-relazzjonijiet interistituzzjonali jieħu ħsieb li jippreżenta regolarment rapport lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li jispeċifika l-implimentazzjoni politika tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena kkonċernata.

(ii)   Proċedura għall-adozzjoni ta’ atti

37.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa bir-reqqa l-emendi għall-proposti leġiżlattivi tagħha adottati mill-Parlament, bil-għan li dawn jitqiesu fi kwalunkwe proposta emendata.

Meta tagħti l-opinjoni tagħha dwar l-emendi tal-Parlament skont l-Artikolu 294 TFUE, il-Kummissjoni għandha tqis bir-reqqa l-emendi adottati fit-tieni qari; jekk tiddeċiedi, għal raġunijiet importanti u wara konsiderazzjoni mill-Kulleġġ, biex ma tadottax jew ma tappoġġjax emendi bħal dawn, għandha tispjega d-deċiżjoni tagħha quddiem il-Parlament, u f’kull każ fl-opinjoni tagħha dwar l-emendi tal-Parlament, skont il- punt (ċ) tal-Artikolu 294(7) TFUE.

38.

Meta tittratta inizjattiva ppreżentata minn mhux inqas minn kwart tal-Istati Membri, b’konformità mal-Artikolu 76 TFUE, il-Parlament jieħu ħsieb li ma jadotta l-ebda rapport fil-kumitat rilevanti qabel ma jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva.

Il-Kummissjoni tieħu ħsieb toħroġ l-opinjoni tagħha dwar inizjattiva bħal din sa mhux aktar tard minn 10 ġimgħat wara li tkun ġiet ippreżentata.

39.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi spjegazzjoni dettaljata fi żmien xieraq qabel ma tirtira kwalunkwe proposta li dwarha l-Parlament ikun diġà esprima pożizzjoni fl-ewwel qari.

Il-Kummissjoni għandha tipproċedi b’analiżi tal-proposti kollha pendenti fil-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida, biex tikkonfermahom jew tirtirahom politikament, filwaqt li tqis kif jistħoqq il-fehmiet espressi mill-Parlament.

40.

Għall-proċeduri leġiżlattivi speċjali li dwarhom il-Parlament għandu jiġi kkonsultat, inklużi proċeduri oħrajn bħal dik imniżżla fl-Artikolu 148 TFUE, il-Kummissjoni:

(i)

għandha tieħu miżuri biex tinvolvi aħjar lill-Parlament b’mod li tqis kemm jista’ jkun il-fehmiet tal-Parlament, partikolarment biex tiżgura li l-Parlament ikollu ż-żmien meħtieġ biex iqis il-proposta tal-Kummissjoni;

(ii)

għandha tiżgura li l-korpi tal-Kunsill jiġu mfakkra fi żmien xieraq biex ma jilħqux ftehim politiku għall-proposti tagħha qabel ma l-Parlament ikun adotta l-opinjoni tiegħu. Hi għandha titlob li d-diskussjoni tiġi konkluża fuq livell ministerjali wara li jkun ingħata żmien raġonevoli lill-membri tal-Kunsill biex jeżaminaw l-opinjoni tal-Parlament;

(iii)

għandha tiżgura li l-Kunsill josserva r-regoli stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jeżiġu li l-Parlament jerġa’ jiġi kkonsultat jekk il-Kunsill jemenda proposta tal-Kummissjoni b’mod sostanzjali. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament dwar kull avviż mogħti lill-Kunsill dwar il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni mill-ġdid;

(iv)

tieħu ħsieb, jekk hu xieraq, biex tirtira proposta leġiżlattiva li l-Parlament ikun ċaħad. Jekk, għal raġunijiet importanti u wara konsiderazzjoni mill-Kulleġġ, il-Kummissjoni tiddeċiedi li żżomm il-proposta tagħha, għandha tispjega r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni f’dikjarazzjoni quddiem il-Parlament.

41.

Min-naħa tiegħu, sabiex itejjeb l-ippjanar leġiżlattiv, il-Parlament jieħu ħsieb:

(i)

li jippjana t-taqsimiet leġiżlattivi tal-aġenda tiegħu, jadattahom mal-Programm ta’ Ħidma attwali tal-Kummissjoni u mar-riżoluzzjonijiet li jkun adotta fuq dak il-programm b’mod partikolari bil-ħsieb ta’ titjib fl-ippjanar tad-dibattiti prijoritarji;

(ii)

li josserva skadenzi raġonevoli, safejn dawn huma utli għall-proċedura, meta jkun qed jadotta l-posizzjoni tiegħu waqt l-ewwel qari skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew l-opinjoni tiegħu skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni;

(iii)

li sa fejn ikun possibbli jaħtar rapporteurs fuq proposti fil-ġejjieni hekk kif jiġi adottat il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni;

(iv)

li jikkunsidra talbiet għal konsultazzjoni mill-ġdid bħala kwistjoni ta’ prijorità assoluta kemm-il darba jkun irċieva t-tagħrif kollu meħtieġ.

(iii)   Kwistjonijiet relatati ma’ Tfassil Aħjar tal-Liġijiet

42.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-valutazzjonijiet tal-impatt li tagħmel jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tagħha permezz ta’ proċedura trasparenti li tiggarantixxi valutazzjoni indipendenti. Il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom ikunu ppubblikati fi żmien xieraq, filwaqt li jitqiesu xenarji differenti, fosthom għażla li jinżamm l-istatus quo, u għandhom fil-prinċipju jiġu ppreżentati lill-kumitat parlamentari rilevanti fil-fażi ta’ għoti ta’ tagħrif lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokolli nri 1 u 2 tat-TFUE.

43.

Fl-oqsma fejn il-Parlament normalment huwa involut fil-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tuża liġijiet li ma jorbtux, fejn dan ikun xieraq, u fuq bażi ġustifikata kif jistħoqq wara li tkun tat lill-Parlament l-opportunità li jesprimi fehmietu. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi spjegazzjoni dettaljata lill-Parlament dwar il-mod kif fehmietu jkunu tqiesu meta tadotta l-proposti tagħha.

44.

Sabiex ikun żgurat monitoraġġ aħjar tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom jagħmlu ħilithom biex jinkludu tabelli ta’ korrelazzjoni obbligatorji u limitu ta’ żmien li jorbot għat-traspożizzjoni, li fil-każ tad-direttivi normalment ma għandux jisboq perjodu ta’ sentejn.

Barra mir-rapporti speċjali u mir-rapport annwali dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament tagħrif fil-qosor dwar il-proċeduri ta’ ksur kollha mill-ittra ta’ avviż formali, inkluż, jekk il-Parlament jitlob dan, fuq bażi ta’ każ b’każ u fir-rispett tar-regoli relatati mal-kunfidenzjalità, partikolarment dawk rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dwar il-kwistjonijiet li magħhom ikollha x’taqsam il-proċedura ta’ ksur.

V.   IL-PARTEĊIPAZZJONI TAL-KUMMISSJONI FIL-PROĊEDURI PARLAMENTARI

45.

Il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-preżenza tagħha, jekk hekk jintalab, fis-seduti plenarji jew fil-laqgħat tal-korpi l-oħra tal-Parlament, qabel ġrajjiet jew stediniet oħra li jseħħu fl-istess ħin.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura, bħala regola ġenerali, li l-Membri tal-Kummissjoni jkunu preżenti kull meta l-Parlament jitlob dan waqt seduti plenarji li fihom jiġu diskussi punti tal-aġenda li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dan japplika għall-abbozzi preliminari tal-aġendi li jkunu ġew approvati mill-Konferenza tal-Presidenti fis-sessjonijiet parzjali preċedenti.

Il-Parlament ifittex li jiżgura, bħala regola ġenerali, li punti tal-aġenda tas-sessjonijiet parzjali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Membru tal-Kummissjoni jiġu raggruppati.

46.

Fuq talba tal-Parlament, issir dispożizzjoni għal Siegħa ta’ Mistoqsijiet regolari mal-President tal-Kummissjoni. Din is-Siegħa ta’ Mistoqsijiet tkun tikkonsisti f’żewġ partijiet: l-ewwel waħda mal-mexxejja tal-gruppi politiċi jew mar-rappreżentanti tagħhom, li titmexxa fuq bażi totalment spontanja; it-tieni waħda ddedikata lil tema politika miftiehma minn qabel, mhux aktar tard mill-Ħamis qabel is-sessjoni parzjali rilevanti, iżda mingħajr mistoqsijiet imħejjija.

Barra minn hekk, għandha tiddaħħal Siegħa ta’ Mistoqsijiet mal-membri tal Kummissjoni, fosthom il-Viċi President għar-Relazzjonijiet Esterni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, fuq il-mudell tas-Siegħa ta’ Mistoqsijiet mal-President tal-Kummissjoni, bil-għan li jiġi riformat il-Ħin għall-Mistoqsijiet attwali. Din is-Siegħa ta’ Mistoqsijiet għandha jkollha x’taqsam mal-portafoll tal-Membri tal-Kummissjoni rispettivi.

47.

Il-Kummissarji għandhom jinstemgħu jekk huma jitolbu dan.

Bla ħsara għall-Artikolu 230 TFUE, iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jaqblu dwar regoli ġenerali dwar l-allokazzjoni tal-ħin tad-diskorsi bejn l-Istituzzjonijiet.

Iż-żewġ istituzzjonijiet jaqblu li l-allokazzjoni indikattiva tal-ħin tad-diskorsi tagħhom għandha tiġi rispettata.

48.

Bil-għan li tiġi żgurata l-preżenza tal-Kummissarji, il-Parlament jieħu ħsieb li jagħmel mill-aħjar biex jaderixxi mal-abbozz finali tal-aġenda tiegħu.

Meta l-Parlament jemenda l-abbozz finali tal-aġenda, jew iċaqlaq punti mill-aġenda fis-sessjoni parzjali, il-Parlament għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-aħjar li tista’ biex tiżgura l-preżenza tal-Membru responsabbli tal-Kummissjoni.

49.

Il-Kummissjoni tista’ tipproponi l-inklużjoni ta’ punti fl-aġenda sa mhux aktar tard mil-mil-laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti li tiddeċiedi dwar l-abbozz aħħari tal-aġenda ta’ sessjoni parzjali. Il-Parlament għandu jqis bis-sħiħ proposti bħal dawn.

50.

Kwalunkwe kumitat parlamentari għandu jfittex li jżomm l-abbozzi tal-aġenda u l-aġenda tiegħu.

Kull meta kumitat parlamentari jemenda l-abbozz għall-aġenda jew l-aġenda tiegħu, il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa minnufih. B’mod partikolari, il-kumitati parlamentari għandhom jagħmlu ħilithom biex jirrispettaw skadenza raġonevoli li tippermetti l-preżenza ta’ Membri tal-Kummissjoni fil-laqgħat tagħhom.

Meta l-preżenza ta’ Membru tal-Kummissjoni ma tkunx espliċitament mitluba waqt laqgħa tal-kumitat parlamentari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tkun rappreżentata minn uffiċjal kompetenti fil-livell xieraq.

Il-kumitati parlamentari jagħmlu ħilithom biex jikkoordinaw xogħolhom, inkluż li ma jħallux li jsiru laqgħat paralleli dwar l-istess suġġett, u jagħmlu ħilithom biex ma jitbiegħdux mill-abbozz ta’ aġenda, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiggarantixxi livell xieraq ta’ rappreżentanza.

Jekk tintalab il-preżenza ta’ uffiċjal ta’ livell għoli (Direttur Ġenerali jew Direttur) f’laqgħa ta’ kumitat li tittratta proposta tal-Kummissjoni, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jitħalla jagħmel interventi.

VI.   DISPOŻIZZJONIJIET AĦĦARIN

51.

Il-Kummissjoni tikkonferma l-impenn tagħha li teżamina mill-aktar fis possibbli l-atti leġiżlattivi li ma kinux ġew adattati għall-proċedura regolatorja bi skrutinju qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, bil-għan li jiġi valutat jekk dawk l-istrumenti jeħtiġux jiġu adattati għar-reġim ta’ atti delegati introdott mill-Artikolu 290 TFUE.

Bħala għan aħħari, sistema koerenti ta’ atti delegati u ta’ atti ta’ implimentazzjoni, konsisteni bis-sħiħ mat-Trattat il-ġdid, għandha tinkiseb permezz ta’ valutazzjoni progressiva tax-xorta u tal-kontenuti ta’ miżuri attwalment suġġetti għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, sabiex jiġu adattati fi żmien xieraq għar-reġim stipulat fl-Artikolu 290 TFUE.

52.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim Qafas jissupplimenta l-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3) mingħajr ma jaffettwawh u bla ħsara għal kwalunkwe reviżjoni oħra tiegħu. Bla ħsara għan-negozjati imminenti bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill, iż-żewġ Istituzzjonijiet jintrabtu li jaqblu dwar tibdil ewlieni fit-tħejjija ta’ negozjati ġejjienin dwar l-adattament tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet għad-dispożizzjonijiet il-ġodda imdaħħla mit-Trattat ta’ Lisbona, filwaqt li titqies il-prattika attwali u dan il-Ftehim Qafas.

Jaqblu wkoll dwar il-bżonn li jissaħħaħ il-mekkaniżmu eżistenti ta’ kuntatt interistituzzjonali, fuq livell politiku u tekniku, fir-rigward tat-Tfassil Ahjar tal-Liġijiet, biex tiġi żgurata kooperazzjoni interistituzzjonali effettiva bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill.

53.

Il-Kummissjoni tintrabat li tagħti bidu malajr lill-programmazzjoni annwali u multiannwali tal-Unjoni bil-għan li jintlaħqu ftehimiet interistituzzjonali, skont l-Artikolu 17 TUE.

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni huwa l-kontribut tal-Kummissjoni għall-programmazzjoni annwali u multiannwali tal-Unjoni. Wara l-adozzjoni tiegħu mill-Kummissjoni, għandu jsir trilogu bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-programmazzjoni tal-Unjoni.

F’dan il-kuntest u malli l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jkunu laħqu kunsens dwar il-programmazzjoni tal-Unjoni, iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jirrivedu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim Qafas li għandhom x’jaqsmu mal-programmazzjoni.

Il-Parlament u l-Kummissjoni jistiednu lill-Kunsill biex mill-iktar fis possibli jidħol f’taħditiet dwar il-programmazzjoni tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 17 TUE mill-aktar fis possibbli.

54.

L-implimentazzjoni prattika ta’ dan il-Ftehim Qafas u l-Annessi tiegħu se tkun valutata perjodikament miż-żewġ Istituzzjonijiet. Sa tmiem l-2011, għandha ssir reviżjoni fid-dawl tal-esperjenza prattika.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kummissjoni Ewropea

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 44, 15.2.2005, p. 1.

(2)  ĠU C 117 E, 18.5.2006, p. 125.

(3)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS I

Laqgħat tal-Kummissjoni ma' esperti nazzjonali

Dan l-Anness jistipula l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-punt 15 tal-Ftehim Qafas.

1.   Kamp ta' Applikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet tal-punt 15 tal-Ftehim Qafas jikkonċernaw il-laqgħat segwenti:

1)

Laqgħat tal-Kummissjoni li jsiru fil-qafas tal-gruppi ta' esperti stabbiliti mill-Kummissjoni u li għalihom ikunu mistednin l-awtoritajiet nazzjonali mill-Istati Membri kollha, meta dawn ikunu dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inklużi liġijiet li ma jorbtux u atti delegati;

2)

Laqgħat ad hoc tal-Kummissjoni li għalihom ikunu mistednin esperti nazzjonali mill-Istati Membri kollha, meta dawn ikunu dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inklużi liġijiet li ma jorbtux u atti delegati.

Huma esklużi l-laqgħat tal-kumitati tal-komitoloġija, bla ħsara għall-arranġamenti speċifiċi eżistenti u tal-ġejjieni dwar l-għoti ta' tagħrif lill-Parlament Ewropew dwar l-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni (1).

2.   Tagħrif li għandu jintbagħat lill-Parlament

Il-Kummissjoni tintrabat li tibgħat lill-Parlament l-istess dokumentazzjoni li tibgħat lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-laqgħat imsemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni tibgħat dawn id-dokumenti, inklużi l-aġendi, f'kaxxa tal-posta funzjonali tal-Parlament fl-istess żmien li jintbagħtu lill-esperti nazzjonali.

3.   Stedina ta' esperti tal-Parlament

Fuq talba tal-Parlament, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tistieden lill-Parlament jibgħat esperti tal-Parlament biex jattendu l-laqgħat tal-Kummissjoni ma' esperti nazzjonali kif identifikat fil-punt 1.


(1)  It-tagħrif li għandu jingħata lill-Parlament dwar il-ħidma tal-kumitati tal-komitoloġija u l-prerogattivi tal-Parlament fl-operat tal-proċeduri ta' komitoloġija huma ddefiniċi b'mod ċar fi strumenti oħra: (1) Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23), (2) ftehima interistituzzjonali tat-3 ta' Ġunju 2008 bejn il-Parlament u l-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta' komitoloġija; u (3) strumenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 291 TFUE.


ANNESS II

Tagħrif kunfidenzjali mibgħuta lill-Parlament

1.   Kamp ta' applikazzjoni

1.1.

Dan l-Anness għandu jirregola t-twassil lill-Parlament u l-ġestjoni ta’ tagħrif kunfidenzjali, kif definit fil-punt 1.2., mill-Kummissjoni f’relazzjoni mal-eżerċizzju tal-prerogattivi u tal-kompetenzi tal-Parlament. Iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jaġixxu skont id-doveri reċiproċi ta’ kooperazzjoni sinċiera fl-ispirtu ta’ fiduċja kompleta u reċiproka u f’konformità stretta mad-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat.

1.2.

“Tagħrif” tfisser kwalunkwe tagħrif miktub jew bil-fomm, ikun x 'ikun il-mezz u jkun min ikun l-awtur.

1.2.1.

“ Tagħrif kunfidenzjali” tfisser “tagħrif klassifikat tal-UE” (IKUE) u “tagħrif kunfidenzjali ieħor” mhux klassifikat.

1.2.2.

“Tagħrif klassifikat tal-UE” (IKUE) tfisser kwalunkwe tagħrif u materjal, klassifikat bħala “TRÈS SECRET UE/ EU TOP SECRET”, “SECRET UE”, “CONFIDENTIEL UE” jew “RESTREINT UE” jew b'indikazzjonijiet ta’ klassifikazzjoni nazzjonali jew internazzjonali ekwivalenti, li l-iżvelar mhux awtorizzat tiegħu jaf jikkaġuna livelli varji ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jew għal xi Stat Membru wieħed jew iżjed tagħha, kemm jekk dan it-tagħrif joriġina fl-Unjoni jew ikun ġej mill-Istati Membri, minn Stati terzi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali.

(a)   TRÈS SECRET UE/ EU TOP SECRET: din il-klassifikazzjoni għandha tiġi applikata biss għal tagħrif u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista' jipperikola b'mod eċċezzjonalment gravi l-interessi essenzjali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ xi Stat Membru wieħed jew iżjed tagħha.

(b)   Secret UE: din il-klassifikazzjoni għandha tiġi applikata biss għal tagħrif u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista' jwassal għal ħsara gravi fl-interessi essenzjali tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru wieħed jew iżjed tagħha.

(c)   Confidentiel UE: din il-klassifikazzjoni għandha tiġi applikata għal tagħrif u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista' jkun ta’ ħsara għall-interessi essenzjali tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru wieħed jew iżjed tagħha;

(d)   RESTREINT UE: din il-klassifikazzjoni għandha tiġi applikata għal tagħrif u materjal li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħhom jista' jkun ta’ żvantaġġ għall-interessi tal-Unjoni jew ta’ xi Stat Membru wieħed jew iżjed tagħha;

1.2.3.

“Tagħrif kunfidenzjali ieħor” tfisser kwalunkwe tagħrif kunfidenzjali, inkluż tagħrif kopert bl-obbligu tas-sigriet professjonali, mitlub mill-Parlament u/jew mibgħut mill-Kummissjoni.

1.3.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament jingħata aċċess għat-tagħrif kunfidenzjali, skont id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Anness, kull meta tirċievi mingħand wieħed mill-korpi parlamentari jew detenturi ta’ kariga msemmijin fil-punt 1.4, talba dwar it-trażmissjoni ta’ tagħrif kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tibgħat kwalunkwe tagħrif kunfidenzjali lill-Parlament fuq inizjattiva tagħha stess skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness.

1.4.

Fil-kuntest ta’ dan l-Anness, dawn li ġejjin jistgħu jitolbu tagħrif kunfidenzjali mill-Kummissjoni:

il-President tal-Parlament,

il-presidenti tal-kumitati parlamentari kkonċernati,

il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti, u

u l-kap tad-delegazzjoni tal-Parlament fi ħdan id-delegazzjoni tal-Unjoni f'konferenza internazzjonali.

1.5.

Tagħrif dwar proċeduri ta’ ksur u proċeduri dwar kompetizzjoni, sakemm ma jkunux koperti minn deċiżjoni aħħarija tal-Kummissjoni jew minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fid-data meta tiġi rċevuta it-talba minn wieħed mill-korpi parlamentari / mid-detenturi ta’ kariga msemmija fil-punt 1.4, u tagħrif li jkollu x'jaqsam mal-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandu jitħalla barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness. Dan japplika mingħajr preġudizzju għall-punt 44 tal-Ftehim Qafas u għad-drittijiet ta’ kontroll tal-baġit li jgawdi l-Parlament.

1.6.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KESE tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta’ April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jikkontrollaw it-tħaddim tad-dritt tal-Parlament Ewropew tal-investigazzjoni (1) u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KESE, Euratom tat-28 ta’ April 1999 li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (2).

2.   Regoli ġenerali

2.1.

Fuq talba ta’ wieħed mill-korpi parlamentari / mid-detenturi ta’ kariga msemmija fil-punt 1.4, il-Kummissjoni għandha tibgħat lil dak il-korp parlamentari / lid-detentur ta’ kariga, b'ħeffa kif jistħoqq, kwalunkwe tagħrif kunfidenzjali meħtieġ għat-tħaddim tal-prerogattivi u tal-kompetenzi tal-Parlament. Skond is-setgħat u r-responsabilitajiet rispettivi tagħhom, iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom jirrispettaw:

id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inkluż id-dritt għal proċess ġuridiku ġust u d-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza;

id-disposizzjonijiet li jirregolaw proċeduri ġuridiċi u dixxiplinarji;

il-protezzjoni tas-segretezza fin-negozju u tar-relazzjonijiet kummerċjali;

il-protezzjoni tal-interessi tal-Unjoni, b'mod partikulari dawk dwar is-sigurtà pubblika, id-difiża, ir-relazzjonijiet internazzjonali, l-istabbilità monetarja u l-interessi finanzjarji.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-punt għandu jgħaddi f'idejn il-Presidenti taż-żewġ Istituzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jsolvu l-kwistjoni.

Tagħrif kunfidenzjali minn Stat, istituzzjoni jew organizzazzjoni internazzjonali għandu jiġi trażmess biss bil-kunsens tiegħu.

2.2.

L-IKUE għandha tintbagħat lill-Parlament u tkun ġestita u protetta minnu b'konformità mal-istandards komuni minimi ta’ sigurtà applikati minn Istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni, partikolarment il-Kummissjoni.

Hi u tikklassifika t-tagħrif li jkun ġejja mingħandha, il-Kummissjoni għandha tiżgura ruħha li tapplika livelli adegwati ta’ klassifikazzjoni konformi mal-istandards u mad-definizzjonijiet internazzjonali u mar-regoli interni tagħha, filwaqt li tqis kif jistħoqq il-ħtieġa li l-Parlament ikun jista' jkollu aċċess għad-dokumenti klassifikati għat-tħaddim effikaċi tal-kompetenzi u tal-prerogattivi tiegħu.

2.3.

Fil-każ ta’ dubji dwar ix-xorta kunfidenzjali ta’ xi punt jew xi tagħrif jew dwar il-livell adegwat ta’ klassifikazzjoni tiegħu, jew fejn hu meħtieġ li jsiru l-arranġamenti xierqa biex tiġi trażmessa skont waħda mill-għażliet imsemmija fil-punt 3.2, iż-żewġ Istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin mill-aktar fis possibbli u qabel it-trażmissjoni tad-dokument. F'dawn il-konsultazzjonijiet, il-Parlament għandu jkun rappreżentat mill-president tal-korp parlamentari kkonċernat, akkumpanjat fejn ikun meħtieġ mir-rapporteur jew mid-detentur ta’ kariga li jkunu ippreżentaw t-talba. Il-Kummissjoni għandha tkun rappreżentata mill-Membru tal-Kummissjoni b'responsabbiltà għal dak il-qasam, wara konsultazzjoni mal- Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-affarijiet ta’ sigurtà. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-punt għandu jgħaddi f'idejn il-Presidenti taż-żewġ Istituzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jsolvu l-kwistjoni.

2.4.

Jekk fl-aħħar tal-proċedura msemmija fil-punt 2.3, ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim, il-President tal-Parlament, bi tweġiba għal talba motivata mill-korp parlamentari / mid-detentur ta’ kariga li jkun ippreżenta t-talba, għandu jitlob lill-Kummissjoni biex titrażmetti, skont l-iskadenza xierqa indikata kif suppost, it-tagħrif kunfidenzjali msemmi, waqt li jagħżel l-arranġamenti fost il-possibilitajiet imsemmija fil-punt 3.2 ta’ dan l-Anness. Qabel l-iskadenza ta’ dik id-data, il-Kummissjoni għandha tavża bil-miktub lill-Parlament dwar il-posizzjoni aħħarija tagħha. F'dan ir-rigward, jekk xieraq, il-Parlament jirriżerva d-dritt ta’ rimedju.

2.5.

L-aċċess għall-IKUE għandu jingħata skont ir-regoli applikabbli għall-awtorizzazzjoni ta’ sigurtà tal-persunal.

2.5.1.

L-aċċess għat-tagħrif klassifikat bħala “TRÈS SECRET UE/ EU” u “CONFIDENTIEL UE” jista' jingħata esklussivament lill-uffiċjali tal-Parlament u lil dawk l-impjegati tal-Parlament li jaħdmu għall-gruppi politiċi li għalihom huwa strettament meħtieġ, u li jkunu ntgħażlu minn qabel mill-korp parlamentari / mid-detentur ta’ kariga bħala persuni li jeħtieġu jkunu mgħarrfa u li ngħataw awtorizzazzjoni ta’ sigurtà xierqa.

2.5.2.

Fid-dawl tal-prerogattivi u tal-kompetenzi tal-Parlament, dawk il-Membri li ma ngħatawx awtorizzazzjoni ta’ sigurtà personali għandhom jingħataw aċċess għad-dokumenti kklassifikati “CONFIDENTIEL UE”, skont arranġamenti prattiċi definiti bi qbil komuni, inkluż l-iffirmar ta’ dikjarazzjoni solenni li ma għandhomx jiżvelaw il-kontenuti ta’ dawk id-dokumenti lil xi terza persuna.

L-aċċess għad-dokument klassifikati “SECRET UE” għandu jingħata lill-Membri li ngħataw awtorizzazzjoni ta’ sigurtà personali xierqa.

2.5.3.

Għandu jintlaħaq qbil bl-appoġġ tal-Kummissjoni biex jiġi garantit li l-kontribut mill-awtoritajiet nazzjonali meħtieġ fil-qafas tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà jkun jista' jinkiseb kemm jista' jkun malajr mill-Parlament.

Id-dettalji tal-kategorija jew il-kategoriji ta’ persuni b'aċċess għat-tagħrif kunfidenzjali għandhom jiġu kkomunikati fl-istess ħin mat-talba.

Qabel ma jingħata aċċess għal tagħrif bħal dan kull persuna għandha tkun mgħarrfa dwar il-livell ta’ kunfidenzjalità u dwar l-obbligi ta’ sigurtà li jirriżultaw.

Fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ dan l-Anness u tal-arranġamenti ġejjienin relatati mas-sigurtà, li hemm riferiment għalihom fil-punti 4.1 u 4.2, il-kwistjoni tal-awtorizzazzjonijiet ta’ sigurtà se terġa' tkun eżaminata.

3.   Arranġamenti għall-aċċess u l-ġestjoni ta' tagħrif kunfidenzjali

3.1.

Tagħrif kunfidenzjoni mogħti skond il-proċeduri msemmija fil-punt 2.3 u, fejn hu xieraq, il-punt 2.4, għandu isir disponibbli, taħt ir-responsibilità tal-President jew tal-Membru tal-Kummissjoni, lill-korp parlamentari/detentur ta’ kariga li jkun għamel it-talba, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

Il-Parlament u l-Kummissjoni jiżguraw r-reġistrazzjoni u t-traċċabbiltà tat- tagħrif kunfidenzjali.

B'mod aktar speċifiku, l-IKUE ikklassifikat bħala “CONFIDENTIEL UE” u “SECRET UE” għandha tintbagħat mir-reġistru ċentrali tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni għand is-servizz ekwivalenti kompetenti tal-Parlament li jkun responsabbli li jqegħdha għad-dispożizzjoni, skont l-arranġamenti miftiehma, tal-korp parlamentari / tad-detentur ta’ kariga li jkun għamel it-talba.

It-trażmissjoni tal-IKUE ikklassifikati bħala “TRÈS SECRET UE/ EU TOP SECRET” għandha tkun suġġetta għal arranġamenti ulterjuri miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-korp parlamentari/id-detentur ta’ kariga li jkun għamel it-talba li jkunu mmirati li jiżguraw livell ta’ ħarsien xieraq għal dik il-klassifikazzjoni.

3.2.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-punti 2.2 u 2.4 u għall-arranġamenti ta’ sigurtà ġejjienin imsemmijin fil-punt 4.1, l-aċċess u l-arranġamenti magħmula biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tat-tagħrif għandhom jiġu stipulati bi qbil komuni qabel ma jintbagħat it-tagħrif. Dak il-qbil bejn il-Membru tal-Kummissjoni b'responsabbiltà fil-qasam politiku involut u l-korp parlamentari (rappreżentat mill-president tiegħu) / id-detentur ta’ kariga li jkun għamel t-talba, għandu jipprevedi l-għażla ta’ waħda mill-għażliet stipulati fil-punti 3.2.1 u 3.2.2 sabiex jiġi garantit livell ta’ kunfidenzjalità xieraq.

3.2.1.

Għal dak li għandu x'jaqsam mad-destinatarji tat-tagħrif kunfidenzjali għandha tkun prevista waħda minn dawn l-għażliet li ġejjin:

tagħrif li jkun maħsub biss għall-President tal-Parlament, f'każijiet ġustifikati minn raġunijiet assolutament eċċezzjonali;

il-Bureau u/jew il-Konferenza tal-Presidenti,

il-president tal-kumitat parlamentari rilevanti u r-rapporteur tal-istess kumitat;

il-membri kollha (sħaħ jew supplenti) tal-kumitat parlamentari rilevanti;

il-Membri kollha tal-Parlament Ewropew.

It-tagħrif kunfidenzjali msemmij ma jistax ikun ippubblikat jew trażmess lil xi destinatarju ieħor mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3.2.2.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-arranġamenti għall-ġestjoni tat- tagħrif kunfidenzjali, għandhom ikunu previsti l-għażliet li ġejjin:

(a)

eżami tad-dokumenti f'kamra tal-qari sikura f'każ li t-tagħrif ikun klassifikat “CONFIDENTIEL UE” u f'livelli ogħla;

(b)

il-laqgħa ssir in camera, bil-parteċipazzjoni esklussiva tal-membri tal-Bureau, tal-membri tal-Konferenza tal-Presidenti jew membri sħaħ jew supplenti tal-kumitat parlamentari kompetenti kif ukoll ta’ uffiċjali tal-Parlament u dawk l-impjegati tal-Parlament li jaħdmu għall-gruppi politiċi li jkunu ntgħażlu minn qabel mill-president bħala persuni li jeħtieġu jkunu mgħarrfa u li l-preżenza tagħhom hija strettament meħtieġa, kemm-il darba ikunu ngħataw livell meħtieġ ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

kwalunkwe dokument jista' jiġi numerat u mqassam fil-bidu tal-laqgħa u jinġabar lura fi tmiemha. Ma jistgħu la jitniżżlu noti u lanqas isiru fotokopji ta’ dawk id-dokumenti;

id-diskussjoni dwar punt trattat skont il-proċedura ta’ kunfidenzjalità ma għandhiex tissemma fil-minuti tal-laqgħa.

Qabel it-trażmissjoni, id-data personali kollha tista' titneħħa mid-dokumenti.

It-tagħrif kunfidenzjali mogħti bil-fomm lid-destinatarji fil-Parlament għandu jkun suġġett għal-livell ekwivalenti ta’ ħarsien tat-tagħrif kunfidenzjali mogħti lill-forma bil-miktub. Dan jista' jinkludi dikjarazzjoni solenni mid-destinatarji ta’ dak it-tagħrif biex ma jxerrdux il-kontenut tiegħu lill-ebda persuna terza.

3.2.3.

Meta t-tagħrif bil-miktub jiġi eżaminata f'kamra tal-qari sikura, il-Parlament għandu jiżgura li l-arranġamenti li ġejjin ikunu fis-seħħ:

sistema ta’ ħżin sikura għat-tagħrif kunfidenzjali;

kamra tal-qari sigura mingħajr magni tal-fotokopji, telefons, faċilitajiet għall-fax, “scanners” jew kwalunkwe apparat tekniku ieħor għar-riproduzzjoni u t-trażmissjoni ta’ dokumenti, eċċ;

disposizzjonijiet ta’ sigurtà li jikkontrollaw l-aċċess għall-kamra tal-qari, inklużi l-ħtiġijiet ta’ firma f'reġistru t'aċċess u dikjarazzjoni solenni biex ma jinxteredx it-tagħrif kunfidenzjal eżaminat.

3.2.4.

Dan li jingħad aktar'l fuq ma jipprekludix arranġamenti ekwivalenti oħra miftiehmin bejn l-Istituzzjonijiet.

3.3.

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-arranġamenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet tal-Membri mniżżla fl-Anness VIII tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament u fir-rigward tal-uffiċjali u impjegati oħra tal-Parlament Ewropew, id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal (3) jew tal-Artikolu 49 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni.

4.   Dispożizzjonijiet aħħarin

4.1.

Il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness.

Għal dan il-għan, is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u tal-Parlament għandhom jikkoordinaw mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness. Dan għandu jinkludi l-verifika tat-traċċabbiltà tat-tagħrif kunfidenzjali u monitoraġġ perjodiku konġunt tal-arranġamenti relatati mas-sigurtà u l-istandards applikati.

Il-Parlament jintrabat li jadatta, fejn ikun meħtieġ, id-dispożizzjonijiet interni tiegħu biex jimplimenta r-regoli ta’ sigurtà għat-tagħrif kunfidenzjali stabbiliti f'dan l-Anness.

Il-Parlament jintrabat li jadotta malajr kemm jista' jkun l-arranġamenti ta’ sigurtà ġejjienin u jivverifika dawn l-arranġamenti bi qbil komuni mal-Kummissjoni, bil-għan li jistabbilixxi ekwivalenza tal-istandards tas-sigurtà. Dan jagħti effett lil dan l-Anness fir-rigward ta':

id-dispożizzjonijiet u l-istandards tekniċi ta’ sigurtà relatati mal-ġestjoni u mal-ħżin tat-tagħrif kunfidenzjali, inklużi l-miżuri ta’ sigurtà fil-qasam tas-sigurtà fiżika, tal-informatika, tal-persunal u tad-dokumenti.

il-ħolqien ta’ kumitat speċjali ta’ sorveljanza magħmul minn Membri Parlamentari li għandhom awtorizzazzjoni ta’ sigurtà meħtieġa għall-ġestjoni tal-IKUE ikklassifikat bħala “TRÈS SECRET UE/ EU TOP SECRET”.

4.2.

Il-Parlament u l-Kummissjoni jirrevedu dan l-Anness u, jekk ikun meħtieġ, jadattawh, sa mhux aktar tard miż-żmien ta’ reviżjoni imsemmi fil-punt 54 tal-Ftehim Qafas, fid-dawl tal-iżviluppi dwar:

arranġamenti ta’ sigurtà ġejjienin li jinvolvu l-Parlament u l-Kummissjoni;

ftehimiet jew atti ġuridiċi oħra rilevanti għat-trażmissjoni ta’ tagħrif bejn l-Istituzzjonijiet.


(1)  ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.

(2)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni.


ANNESS III

Negozjati u konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali

Dan l-Anness jistipula l-arranġamenti dettaljati għall-għoti ta' tagħrif lill-Parlament dwar in-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali msemmija fil-punti 23, 24 u 25 tal-Ftehim Qafas:

(1)

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament bl-intenzjoni tagħha li tipproponi l-bidu tan-negozjati fl-istess ħin li tgħarraf lill-Kunsill.

(2)

Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt 24 tal-Ftehim Qafas, meta l-Kummissjoni tipproponi abbozz ta' direttivi ta' negozjati bil-għan li dawn jiġu adottati mill-Kunsill, hija għandha tippreżentah fl-istess ħin lill-Parlament.

(3)

Il-Kummissjoni għandha tqis kif jistħoqq l-osservazzjonijiet tal-Parlament matul in-negozjati kollha.

(4)

Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt 23 tal-Ftehim Qafas, il-Kummissjoni għandha tgħarraf regolarment u malajr bl-iżvolġiment tan-negozjati sakemm il-ftehim ikun inizjalat u għandha tispjega jekk u sa liema punt l-osservazzjonijiet tal-Parlament ikunu ġew inkorporati fit-testi f’negozjati u, f’każ li ma jkunux, għaliex.

(5)

Fil-każ ta' ftehimiet internazzjonali li l-konklużjoni tagħhom tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament matul il-proċess tan-negozjati t-tagħrif kollu rilevanti li hija tipprovdi wkoll lill-Kunsill (jew lill-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill). Dan għandu jinkludi abbozzi ta' emendi għad-direttivi ta' negozjati adottati, abbozzi ta' testi ta' negozjati, artikoli miftehmin, id-data miftiehma biex jiġi inizjalat il-ftehim u t-test tal-ftehim qabel ma jiġi inizjalat. Il-Kummissjoni għandha wkoll tibgħat lill-Parlament, kif ukoll lill-Kunsill (jew lill-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill) id-dokumenti rilevanti kollha li tirċievi minn partijiet terzi, taħt riżerva tal-kunsens tal-awtur. Il-Kummissjoni għandha żżomm il-kumitat parlamentari responsabbli mgħarraf bl-iżviluppi fin-negozjati u, partikolarment, tispjega kif il-fehmiet tal-Parlament ikunu tqiesu.

(6)

F’każ ta' ftehimiet internazzjonali li l-konklużjoni tagħhom ma tkunx teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament ikun mgħarraf minnufih u bis-sħiħ, billi tagħti tagħrif li jkun ikopri mill-inqas l-abbozzi ta' direttivi ta' negozjati, id-direttivi ta' negozjati adottati, l-iżvoġiment sussegwenti tan-negozjati u l-konklużjoni tan-negozjati.

(7)

Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-punt 24 tal-Ftehim Qafas, il-Kummissjoni għandha tagħti tagħrif sħiħ lill-Parlament f’ ħin xieraq meta tkun ġie inizjalat ftehim internazzjonali, u tgħarraf lill-Parlament malajr kemm jista’ jkun meta tkun biħsiebha tipproponi lill-Kunsill l-applikazzjoni provviżorja tagħha u r-raġunijiet għal dan, għajr jekk il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tagħmel dan minħabba raġunijiet ta' urġenza.

(8)

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kunsill u lill-Parlament fl-istess ħin u f’ħin xieraq bil-ħsieb tagħha li tipproponi lill-Kunsill is-sospensjoni ta' xi ftehim internazzjonali u r-raġunijiet għal dan.

(9)

Għal ftehimiet internazzjonali li jaqgħu taħt il-proċedura ta' approvazzjoni stipulata fit-TFUE, il-Kummissjoni għandha wkoll iżżomm lill-Parlament mgħarraf bis-sħiħ qabel ma tapprova modifiki għal xi ftehim, kif ikun awtorizza l-Kunsill b’deroga, bi qbil mal-Artikolu 218(7) TFUE.


ANNESS IV

Skeda għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat b’lista ta’ proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi għas-snin ta’ wara. Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni jkopri s-sena kkonċernata li jkun jmiss u jagħti indikazzjoni dettaljata tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni għas-snin sussegwenti. Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għalhekk jista’ jservi ta’ bażi għal djalogu strutturat mal-Parlament bil-għan li jinlaħaq kunsens.

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għandu jinkludi wkoll l-inizjattivi ppjanati għal liġijiet li ma jorbtux, irtirar u simplifikazzjoni.

1.

Fl-ewwel semestru ta’ sena partikolari, il-Membri tal-Kummissjoni għandhom jidħlu fi djalogu regolari kontinwu mal-kumitati parlamentari korrispondenti dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena kkonċernata u dwar it-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma li jkun jmiss tal-Kummissjoni. Abbażi ta’ dak id-djalogu, kull kumitat parlamentari għandu jipprovdi rapport lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati dwar l-eżitu tiegħu.

2.

Parallelament, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għandu jkollha skambju ta’ opinjonijiet mal-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għar-relazzjonijiet interistituzzjonali, sabiex jiġi valutat l-istat ta’ implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma attwali tal-Kummissjoni, sabiex tiġi diskussa it-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni li jkun jmiss, u sabiex isir rendikont tar-riżultati tad-djalogu bilaterali kontinwu bejn il-kumitati parlamentari kkonċernati u l-Membri rilevanti tal-Kummissjoni.

3.

F’Ġunju, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għandha tippreżenta rapport fil-qosor lill-Konferenza tal-Presidenti, li għandu jkun fih ir-riżultati tal-analiżi tal-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni kif ukoll tal-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni li jkun jmiss, u l-Parlament għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dan.

4.

Abbażi ta’ dak ir-rapport fil-qosor, waqt is-sessjoni parzjali ta’ Lulju, il-Parlament għandu jadotta riżoluzzjoni li tagħti l-pożizzjoni tiegħu u tinkludi b’mod partikolari it-talbiet ibbażati fuq rapporti ta’ inizjattiva leġiżlattiva.

5.

Kull sena matul l-ewwel sessjoni parzjali ta’ Settembru, għandu jsir dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni li fih il-President tal-Kummissjoni għandu jagħmel diskors li fih jagħti rendikont tas-sena attwali filwaqt li jagħti ħarsa lejn il-prijoritajiet fil-ġejjieni għas-snin ta’ wara. Għal dak il-għan, il-President tal-Kummissjoni għandu jistabbilixxi bil-miktub lill-Parlament b’mod parallel l-elementi ewlenin li jiggwidaw it-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena ta’ wara.

6.

Mill-bidu ta’ Settembru, il-kumitati parlamentari u l-Membri rilevanti tal-Kummissjoni jistgħu jiltaqgħu biex ikollhom skambju ta’ opinjonijiet aktar dettaljat dwar il-prijoritajiet fil-ġejjieni f’kull wieħed mill-oqsma politiċi. Dawn il-laqgħat għandhom jintemmu b’laqgħa bejn il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u l-Kulleġġ tal-Kummissarji u b’laqgħa bejn il-Konferenza tal-Presidenti u l-President tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq.

7.

F’Ottubru, il-Kummissjoni għandha tadotta l-Programm ta’ Ħidma tagħha għas-sena ta’ wara. Wara, il-President tal-Kummissjoni għandu jippreżenta dak il-Programm ta’ Ħidma lill-Parlament f’livell xieraq.

8.

Il-Parlament jista’ jagħmel dibattitu u jadotta riżoluzzjoni fis-sessjoni parzjali ta’ Diċembru.

9.

Din l-iskeda għandha tiġi applikata għal kull ċiklu regolari tal-programmazzjoni, ħlief fis-snin ta’ elezzjonijiet Parlamentari li jaħbtu fl-istess żmien tat-tmiem taż-żmien tal-kariga tal-Kummissjoni.

10.

Din l-iskeda m’għandhiex tkun ta’ ħsara għal xi ftehim fil-ġejjieni dwar programmazzjoni interistituzzjonali.


Top