EUR-Lex L'accès au droit de l'Union européenne

Retour vers la page d'accueil d'EUR-Lex

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 32010D0613

2010/613/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Ottubru 2010 li tidderoga mid-Deċiżjonijiet 92/260/KEE u 2004/211/KE fir-rigward tad-dħul temporanju ta’ ċerti żwiemel maskili rreġistrati li qegħdin jieħdu sehem fl-avvenimenti ekwestri tal-avveniment ta’ prova pre-Olimpiku fl-2011, il-Logħob Olimpiku jew il-Logħob Paraolimpiku fl-2012 fir-Renju Unit (notifikata bid-dokument numru C(2010) 6854) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 268, 12.10.2010, p. 40–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Statut juridique du document En vigueur

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/613/oj

12.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/40


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-8 ta’ Ottubru 2010

li tidderoga mid-Deċiżjonijiet 92/260/KEE u 2004/211/KE fir-rigward tad-dħul temporanju ta’ ċerti żwiemel maskili rreġistrati li qegħdin jieħdu sehem fl-avvenimenti ekwestri tal-avveniment ta’ prova pre-Olimpiku fl-2011, il-Logħob Olimpiku jew il-Logħob Paraolimpiku fl-2012 fir-Renju Unit

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 6854)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/613/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ equidae (razza taż-żwiemel) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 (ii) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/260/KEE tal-10 ta’ April 1992 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ annimali u ċertifikazzjoni veterinarja għal dħul temporanju ta’ żwiemel irreġistrati (2) tassenja pajjiżi terzi, li minnhom għandu jiġi awtorizzat id-dħul temporanju fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati f’gruppi sanitarji speċifiċi għall-użu tal-mudell taċ-ċertifikati tas-saħħa li jikkorrispondu stabbiliti fl-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni. Din id-Deċiżjoni tipprovdi garanziji li żwiemel maskili mhux kastrati ta’ età ta’ aktar minn 180 jum ma jkunux ta’ riskju fir-rigward tal-arterite virali tal-ekwini.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta’ Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ equidae ħajjin u ta’ semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina (3), tistabbilixxi tali lista ta’ pajjiżi terzi, u partijiet ta’ territorji tagħhom li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul temporanju ta’ żwiemel irreġistrati u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-importazzjoni ta’ equidae minn pajjiżi terzi.

(3)

Il-logħob tas-sajf tat-XXX Olimpijadi (“il-Logħob Olimpiku”) ser isir f’Londra, ir-Renju Unit, mis-27 ta’ Lulju sat-12 ta’ Awwissu 2012, segwit mill-XIV Logħob Paraolimpiku tas-sajf (‘il-Paraolimpiċi’) bejn id-29 ta’ Awwissu u d-9 ta’ Settembru 2012. Qabel l-avvenimenti ekwestri tal-Logħob Olimpiku u tal-Paraolimpiċi, li jagħmlu parti integrali mil-Logħob Olimpiku u l-Paraolimpiċi tal-2012, se jkun hemm avvenimenti ekwestri fil-qafas tal-avveniment ta’ prova pre-Olimpiku, li huwa ppjanat li jkun Kompetizzjoni Internazzjonali ta’ Eventing ta’ żewġ stilel mill-4 sal-10 ta’ Lulju 2011.

(4)

Iż-żwiemel irreġistrati li jkunu qegħdin jieħdu sehem fl-avvenimenti ekwestri tal-avveniment ta’ prova preOlimpiku, il-Logħob Olimpiku u l-Paraolimpiċi sejrin ikunu taħt is-sorveljanza veterinarja tal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u l-Federazzjoni Dinjija Ekwestra (Fédération Équestre Internationale - FEI), l-organizzatriċi.

(5)

Ċerti żwiemel maskili rreġistrati, li jkunu kkwalifikaw biex jieħdu sehem f’dawk l-avvenimenti ekwestri ta’ livell għoli jistgħu ma jikkonformawx mar-rekwiżiti fir-rigward tal-arterite virali tal-ekwini stabbiliti fid-Deċiżjonijiet 92/260/KEE u 2004/211/KE. Għalhekk għandha tiġi pprovduta deroga minn dawk ir-rekwiżiti għal żwiemel maskili mhux kastrati li temporanjament jiddaħħlu biex jieħdu sehem f’dawk l-avvenimenti sportivi. Dik id-deroga għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimal u dik veterinarja biex jiġi eskluż ir-riskju li tixxerred l-arterite virali tal-ekwini permezz tat-tnissil jew il-ġbir tas-semen.

(6)

Minħabba li l-arterite virali tal-ekwini hija marda li għandha tiġi notifikata fl-Afrika t’Isfel, ma ġietx irrappurtata mill-2001 u hija soġġetta għal kontrolli f’dak il-pajjiż, huwa neċessarju li tiġi estiża d-deroga għaż-żwiemel li jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa skont il-mudell “F” fl-Anness II tad-Deċiżjoni 92/260/KEE.

(7)

Ir-rekwiżiti għall-kontrolli veterinarji fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi huma stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (4).

(8)

L-iżvilupp tas-sistema veterinarja integrata u komputerizzata Traces, prevista fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/623/KE tad-19 ta’ Awwissu 2003 dwar l-iżvilupp ta’ sistema kompjuterizzata integrata magħrufa bħala Traces (5), jinvolvi l-istandardizzazzjoni ta’ dokumenti relatati mad-dikjarazzjoni u l-kontrolli sabiex id-dejta li tinġabar tkun tista’ tiġi mmaniġġjata u pproċessata sew biex titjieb is-sigurtà tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 282/2004 tat-18 ta’ Frar 2004 li jintroduċi dokument għad-dikjarazzjoni, u l-kontroll veterinarju, fuq annimali minn pajjiżi terzi li deħlin fil-Komunità. (6)

(9)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces (7) ħolqot database elettroniku uniku (“TRACES”) għall-monitoraġġ tal-moviment ta’ annimali fl-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi terzi, kif ukoll tipprovdi d-dejta ta’ referenza kollha relatata mal-kummerċ ta’ tali oġġetti.

(10)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004 tat-30 ta’ Marzu 2004 li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ mudell armonizzat ta’ ċertifikat u rapport tal-ispezzjoni marbuta mal-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali (8) jipprovdi format għall-identifikazzjoni tal-kunsinna li tippermetti li tiġi stabbilita rabta ma’ dokumenti dwar is-saħħa tal-annimali li jkunu akkumpanjaw l-annimal għall-post ta’ ispezzjoni fil-fruntiera fil-punt ta’ dħul fl-Unjoni Ewropea.

(11)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE tat-28 ta’ Settembru 2009 li tfassal lista approvata ta’ postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera, li tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-ispezzjonijiet mwettqa mill-esperti veternarji tal-Kummissjoni u tistabbilixxi l-unitajiet veterinarji fi TRACES (9) tipprovdi dettalji ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni bejn unitajiet veterinarji fi Stati Membri sabiex jiġu mmonitorjati l-movimenti ta’, pereżempju, żwiemel irreġistrati mdaħħla temporanjament.

(12)

Id-dokument veterinarju komuni ta’ dħul maħruġ skont ir-Regolament (KE) Nru 282/2004 flimkien ma’ ċertifikazzjoni għall-moviment ta’ tali żwiemel mill-Istat Membru tal-ewwel destinazzjoni lejn Stati Membri oħra (“ċertifikazzjoni minn quddiem”), huwa l-għodda l-aktar xierqa biex jiġi żgurat li ż-żwiemel maskili rreġistrati mhux kastrati li jkunu ddaħħlu temporanjament taħt kundizzjonijiet speċifiċi fir-rigward l-arterite virali tal-ekwini jitilqu mill-Unjoni Ewropea f’perijodu ta’ inqas minn 90 jum wara d-dħul tagħhom u mingħajr dewmien wara t-tmiem tal-avvenimenti ekwestri li fihom ikunu ħadu sehem.

(13)

Madankollu, minħabba li ċ-ċertifikazzjoni minn quddiem fit-Taqsima VII taċ-ċertifikat mudell tas-saħħa b’mod konformi mad-Deċiżjoni 92/260/KEE mhijiex implimentata fi TRACES, hemm bżonn li ssir rabta bejn din iċ-ċertifikazzjoni minn quddiem permezz tad-dokument veterinarju komuni ta’ dħul ma’ attestazzjoni tas-saħħa b’mod konformi mal-Anness B tad-Direttiva 90/426/KEE.

(14)

Fid-dawl tal-importanza tal-avveniment u n-numru limitat ta’ żwiemel individwali magħrufa li sejrin jidħlu fl-Unjoni Ewropea skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati f’din id-Deċiżjoni, il-proċeduri amministrattivi addizzjonali jidhru li huma xierqa.

(15)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 92/260/KEE u l-Artikolu 6(a) tad-Deċiżjoni 2004/211/KE, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul temporanju ta’ żwiemel maskili rreġistrati mhux kastrati li ma jissodisfawx ir-rekwiżit għall-arterite virali tal-ekwini stipulat fil-punt (e)(v) tat-Taqsima III taċ-ċertifikati mudell “A” sa “E” stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni 92/260/KEE, b’kundizzjoni li dawn iż-żwiemel huma

(a)

maħsuba li jieħdu sehem fl-avvenimenti ekwestri li ġejjin f’Londra, ir-Renju Unit:

(i)

l-avvenimnet ta’ prova pre-Olimpiku mill-4 ta’ Lulju 2011 sal-10 ta’ Lulju 2011,

(ii)

t-XXX Olimpijadi (“il-Logħob Olimpiku”) mis-27 ta’ Lulju 2012 sat-12 ta’ Awwissu 2012,

(iii)

l-XIV Logħob Paraolimpiku tas-sajf (“il-Paraolimpiċi”) mid-29 ta’ Awwissu 2012 sad-9 ta’ Settembru 2012

(b)

b’mod konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żwiemel imsemmijin fl-Artikolu 1 (“iż-żwiemel”) ikunu akkumpanjati minn ċertifikat dwar is-saħħa li jikkorrispondi mal-mudell xieraq minn “A” sa “E” stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni 92/260/KEE li ġie emendat kif ġej:

(a)

dan li ġej għandu jiġi miżjud mal-punt (e)(v) tat-Taqsima III relatat mal-arterite virali tal-ekwini:

“jew

iż-żiemel irreġistrat għandu jiddaħħal b’mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2010/613/UE).”

(b)

l-inċiżi li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-parti tat-Taqsima IV li għandha timtela mill-veterinarju uffiċċjali.

“—

iż-żiemel huwa maħsub li jieħu sehem fl-avvenimenti ekwestri tal-avveniment ta’ prova pre-Olimpiku f’Lulju 2011/il-Logħob Olimpiku f’Lulju u Awwissu 2012/il-Paraolimpiċi f’Awwissu u Settembru 2012 (aqta’ linja taħt dawk li japplikaw u ħassar dawk li ma japplikawx),

saru arranġamenti biex iż-żiemel jiġi trasportat ‘il barra mill-Unjoni Ewropea mingħajr dewmien wara t-tmiem tal-avveniment ekwestri tal-avveniment ta’ prova pre-Olimpiku/il-Logħob Olimpiku/il-Paraolimpiċi (aqta’ linja taħt dawk li japplikaw u ħassar dawk li ma japplikawx) fil-… (niżżel id-data) permezz tal-punt ta’ ħruġ … (niżżel l-isem tal-punt ta’ ħruġ),

iż-żiemel mhuwiex maħsub għat-tnissil jew għall-ġbir ta’ semen matul ir-residenza tiegħu ta’ inqas minn 90 jum fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.”

2.   L-Istati Membri m’għandhomx jimplimentaw sistema ta’ kontroll alternattiva, kif stipulat fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 90/426/KEE, għaż-żwiemel.

3.   L-istatus taż-żwiemel ma jistax jinbidel minn dħul temporanju għal dħul permanenti.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li minbarra l-kontrolli veterinarji fuq iż-żwiemel b’mod konformi mad-Direttiva 91/496/KEE, l-awtoritajiet veterinarji li joħorġu d-dokument veterinarju komuni ta’ dħul (common veterinary entry document – “CVED”) b’mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 282/2004 ukoll:

(a)

jinnotifikaw il-punt ta’ ħruġ indikat fit-Taqsima IV taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 2(b) tal-esportazzjoni ppjanata mill-Unjoni Ewropea billi jimlew il-punt 20 tas-CVED; kif ukoll

(b)

jikkomunikaw permezz ta’ faks jew e-Mail il-wasla taż-żwiemel fl-unità veterinarja lokali (GB04001) kif stabbilit fl-Artikolu 2(b)(iii) tad-Deċiżjoni 2009/821/KE li hija responsabbli għall-post magħżul għall-avveniment ekwestri kif imsemmi fl-Artikolu 1 (“il-post”).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żwiemel fit-triqthom mill-Istat Membru tal-ewwel destinazzjoni indikat fis-CVED lejn Stat Membru sussegwenti, jew lejn il-post, ikunu akkumpanjati mid-dokumenti tas-saħħa li ġejjin:

(a)

iċ-ċertifikat dwar is-saħħa mimli b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) li fih it-Taqsima VII iddedikata għaċ-ċertifikazzjoni tal-movimenti bejn l-Istati Membri tkun imtliet, u

(b)

l-attestazzjoni tas-saħħa b’mod konformi mal-Anness B tad-Direttiva 90/426/KEE, li għandha tiġi nnotifikata lill-post ta’ destinazzjoni fil-format stipulat mir-Regolament (KE) Nru 599/2004 u jkollha kontroreferenza għaċ-ċertifikat imsemmi fil-punt (a) fit-Taqsima I.6 tal-Parti I ta’ dak il-format.

3.   L-Istati Membri li jkunu qegħdin jiġu nnotifikati bil-movimenti taż-żwiemel b’mod konformi mal-paragrafu 2 għandhom jikkonfermaw il-wasla taż-żwiemel fil-punt 45 tal-Parti 3 tas-CVED.

Artikolu 4

Ir-Renju Unit għandhu jiżgura li l-awtorità kompetenti, b’kollaborazzjoni mal-organizzatur tal-avvenimenti msemmija fl-Artikolu 1 u l-kumpanija tat-trasport maħtura, jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li ż-żwiemel

(a)

jiddaħħlu fil-post biss jekk il-movimenti tagħhom mill-Istati Membru tal-ewwel destinazzjoni indikat fis-CVED sar-Renju Unit jiġu dokumentati kif stipulat fl-Artikolu 3(2), u

(b)

jitilqu mill-Unjoni Ewropea mingħajr dewmien wara t-tmiem tal-avveniment.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 42.

(2)  ĠU L 130, 15.5.1992, p. 67.

(3)  ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

(5)  ĠU L 216, 28.8.2003, p. 58.

(6)  ĠU L 49, 19.2.2004, p. 11.

(7)  ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63.

(8)  ĠU L 94, 31.3.2004, p. 44.

(9)  ĠU L 296, 12.11.2009, p. 1.


Haut