Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0446

    2010/446/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/446/PESK tal- 11 ta’ Awwissu 2010 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo

    ĠU L 211, 12.8.2010, p. 36–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/446/oj

    12.8.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 211/36


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/446/PESK

    tal-11 ta’ Awwissu 2010

    li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (1)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-10 ta’ Ġunju 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1244.

    (2)

    Fil-15 ta’ Settembru 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/623/PESK (2) dwar l-istabbiliment ta’ tim biex jikkontribwixxi għall-preparazzjonijiet tal-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ċivili Internazzjonali possibbli fil-Kosovo, inkluż komponent ta’ Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (Grupp ta’ Preparazzjoni UĊI/RSUE).

    (3)

    Fit-13/14 ta’ Diċembru 2007, il-Kunsill Ewropew issottolinja li l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-UE” jew “l-Unjoni”) tinsab lesta li jkollha rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo. Huwa ddikjara li l-Unjoni Ewropea tinsab lesta sabiex tassisti lill-Kosovo fil-mixja lejn l-istabbiltà sostenibbli, inkluż permezz ta’ missjoni tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD) u kontribut għall-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali bħala parti mill-preżenzi internazzjonali.

    (4)

    Fl-4 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (3) u l-Azzjoni Konġunta 2008/123/PESK (4) li taħtar lis-Sur Pieter FEITH bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “ir-RSUE”) fil-Kosovo.

    (5)

    Fil-25 ta’ Frar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/118/PESK li testendi l-mandat tar-RSUE sal-31 ta’ Awwissu 2010 (5).

    (6)

    Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sat-28 ta’ Frar 2011. Madankollu, il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem “ir-RGħ”) wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

    (7)

    Il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa l-qafas strateġiku tal-politika tal-Unjoni lejn ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, u l-istrumenti tiegħu japplikaw għall-Kosovo, inkluż djalogu politiku u tekniku ta’ sħubija Ewropea, taħt il-Mekkaniżmu ta’ Kontroll tal-PSA, u programmi relatati ta’ assistenza tal-Unjoni.

    (8)

    Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi implimentat f’koordinazzjoni mal-Kummissjoni sabiex tkun żgurata l-konsistenza ma’ attivitajiet rilevanti oħra li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

    (9)

    Il-Kunsill jipprevedi li s-setgħat u l-awtoritajiet tar-RSUE u s-setgħat u l-awtoritajiet ta’ Rappreżentant Ċivili Internazzjonali għandhom jingħataw lill-istess persuna.

    (10)

    Ir-RSUE għandu jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Il-mandat tas-Sur Pieter FEITH bħala r-RSUE fil-Kosovo huwa b’dan estiż sat-28 ta’ Frar 2011. Il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi tterminat qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-RGħ wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

    Artikolu 2

    Objettivi ta’ politika

    Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni Ewropea (UE) fil-Kosovo. Dawn jinkludu r-rwol ċentrali tiegħu fit-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni li tiddefinixxi l-istatus futur tal-Kosovo bil-għan ta’ Kosovo li jkun stabbli, vijabbli, paċifiku, demokratiku u multi-etniku, li jikkontribwixxi għal kooperazzjoni u stabbiltà reġjonali, abbażi ta’ relazzjonijiet tajba mal-ġirien; ta’ Kosovo li jkun impenjat għall-istat tad-dritt u għall-protezzjoni tal-minoritajiet u tal-wirt kulturali u reliġjuż.

    Artikolu 3

    Mandat

    Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

    (a)

    joffri l-konsulenza u l-appoġġ tal-Unjoni fil-proċess politiku;

    (b)

    jippromovi koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni fil-Kosovo;

    (c)

    jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO), inkluż dwar l-aspetti politiċi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ responsabbilitajiet eżekuttivi;

    (d)

    jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni lejn il-pubbliku. Il-kelliem tar-RSUE għandu jkun il-punt ta’ kuntatt prinċipali tal-UE għall-medja mill-Kosovo dwar kwistjonijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni/Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PESK/PSDK). Kull attività tal-istampa u ta’ informazzjoni pubblika għandha titwettaq f’koordinazzjoni mill-qrib u kontinwa mal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin (RGħ)/mal-Uffiċċju tal-Istampa tas-Segretarjat tal-Kunsill;

    (e)

    jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kosovo, anke fir-rigward tan-nisa u t-tfal, konformement mal-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE u mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni tal-mandat

    1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

    2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem “il-KPS”) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarju maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2010 sat-28 ta’ Frar 2011 għandu jkun ta’ EUR 1 230 000.

    2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent għandhom ikunu permessi jitfgħu offerti għal kuntratti.

    3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull infiq.

    Artikolu 6

    Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim

    1.   Għandu jiġi assenjat persunal tal-UE ddedikat lir-RSUE biex jimplimenta l-mandat tiegħu biex jikkontribwixxi għall-koerenza, il-viżibbiltà u l-effettività tal-azzjoni globali tal-UE fil-Kosovo. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-istruttura tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.

    2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju tal-persunal li jkun issekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea lir-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea kkonċernata rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

    3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru jew l-istituzzjoni tal-Unjoni mandanti u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

    Artikolu 7

    Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tiegħu

    Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-parti/partijiet, ospitanti kif adatt. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

    Artikolu 8

    Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata

    1.   Ir-RSUE u l-membri tat-tim tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards ta’ sigurtà minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (6), b’mod partikolari fil-ġestjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

    2.   Ir-RGħ għandu jkollu l-awtorità sabiex jirrilaxxa lin-NATO/KFOR informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, skont ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill.

    3.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat biex jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti (NU) u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), skont il-ħtiġijiet operattivi tar-RSUE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, skont ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Għandhom jiġu mfassla arranġamenti lokali għal dan il-għan.

    4.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jippubblika għal partijiet terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni dokumenti mhux klassifikati tal-UE li għandhom x’jaqsmu mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-azzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (7).

    Artikolu 9

    Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

    1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

    2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    Skont il-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri prattikabbli raġonevoli kollha, f’konformità mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, notevolment billi:

    (a)

    jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw il-ġestjoni ta’ moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn iż-żona tal-missjoni u ġewwa fiha, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinġenza u ta’ evakwazzjoni tal-missjoni;

    (b)

    jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

    (c)

    jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-UE, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

    (d)

    jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà, u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport intermedju u tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 11

    Rapportar

    Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti orali u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport, kif meħtieġ, lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Fuq ir-rakkomandazzjoni tar-RGħ jew tal-KPS, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.

    Artikolu 12

    Koordinazzjoni

    1.   Ir-RSUE għandu jippromovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni. Huwa għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni fuq il-post jaġixxu b’mod koerenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun kif adatt. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

    2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-EULEX KOSOVO, inkluż dwar l-aspetti politiċi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ responsabbiltajiet eżekuttivi. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ser jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

    3.   Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma’ aġenziji lokali rilevanti u atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

    4.   Ir-RSUE, flimkien ma’ atturi tal-UE oħra preżenti fuq il-post, għandu jiżgura t-tixrid u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-atturi tal-UE fuq il-post bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta’ kuxjenza komuni dwar is-sitwazzjoni u ta’ valutazzjoni komuni.

    Artikolu 13

    Reviżjoni

    L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. VANACKERE


    (1)  Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (2)  ĠU L 253, 16.9.2006, p. 29.

    (3)  ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92.

    (4)  ĠU L 42, 16.2.2008, p. 88.

    (5)  ĠU L 49, 26.2.2010, p. 22.

    (6)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.

    (7)  Deċiżjoni 2009/937/KE li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


    Top