This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010D0208
2010/208/: Council Decision of 29 March 2010 amending and extending Decision 2007/641/EC on the conclusion of consultations with the Republic of Fiji Islands under Article 96 of the ACP-EC Partnership Agreement and Article 37 of the Development Cooperation Instrument
2010/208/: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 29 ta’ Marzu 2010 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
2010/208/: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 29 ta’ Marzu 2010 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
ĠU L 89, 9.4.2010, pp. 7–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2015
| Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
|---|---|---|---|---|---|
| Extended validity | 32007D0641 | 01/10/2010 | |||
| Modifies | 32007D0641 | Sostituzzjoni | anness | 29/03/2010 | |
| Modifies | 32007D0641 | Emenda | artikolu 3 | 29/03/2010 |
|
9.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 89/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tad-29 ta’ Marzu 2010
li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
(2010/208/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (4) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp”), u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ġew miksura. |
|
(2) |
Il-valuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp ġew miksura. |
|
(3) |
Fit-18 ta’ April 2007, skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, bdew konsultazzjonijiet formali mal-pajjiżi tal-AKP u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi li matulhom l-awtoritajiet ta’ Fiġi għamlu impenji speċifiċi sabiex jirrimedjaw il-problemi identifikati mill-Unjoni Ewropea u jimplimentawhom. |
|
(4) |
Ittieħdu xi inizjattivi sostantivi fir-rigward ta’ wħud mill-impenji msemmija hawn fuq. Madankollu, mhux biss hemm impenji importanti li jikkonċernaw elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp li għadhom ma ġewx implimentati, iżda riċentement kien hemm ukoll żviluppi rigressivi importanti fir-rigward ta’ numru ta’ impenji ta’ importanza ewlenija, bħall-abbrgazzjoni tal-Kostituzzjoni u dewmien sostanzjali ulterjuri biex isiru l-elezzjonijiet. |
|
(5) |
Il-perijodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE (5), kif estiża mid-Deċiżjoni 2009/735/KE (6), tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2010. Għalhekk, il-perijodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE għandu jiġi estiż, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2007/641/KE hija b’dan emendata kif ġej:
|
(1) |
Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3, id-data “fil-31 ta’ Marzu 2010” hija sostitwita bi “fl-1 ta’ Ottubru 2010”. |
|
(2) |
L-Anness għandu jiġi sostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Artikolu 3
Id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
E. ESPINOSA
(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(2) ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.
(3) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.
(4) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
ANNESS
|
L-E.T. Ratu Epeli NAILATIKAU |
|
Il-President tar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi |
|
Suva |
|
Ir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi |
Eċċellenza,
L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Is-sħubija AKP-KE hija bbażata fuq ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, li huma l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou u s-sies tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna.
Fil-11 ta’ Diċembru 2006 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkundanna l-kolp ta’ stat militari fil-Fiġi.
Taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou, u meta jitqies li l-kolp ta’ stat militari li seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2006 kkostitwixxa ksur tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dak il-Ftehim, l-UE stiednet lill-Fiġi għal konsultazzjonijiet, kif previst fil-Ftehim, sabiex tkun eżaminata bis-sħiħ is-sitwazzjoni u jittieħdu passi biex, fejn meħtieġ, tkun rimedjata.
Il-parti formali ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bdiet fi Brussell fit-18 ta’ April 2007. L-UE kienet kuntenta li l-Gvern Proviżorju kkonferma għadd ta’ impenji ewlenin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, kif innutat hawn taħt, u pproponiet passi pożittivi dwar l-implimentazzjoni tagħhom.
Sfortunatament, minn dak iż-żmien ‘l hawn kien hemm sensiela ta’ żviluppi rigressivi, b’mod partikolari f’April 2009, u dan ifisser li issa il-Fiġi tinsab fi stat ta’ ksur ta’ diversi mill-impenji tagħha. Dan il-ksur jinkludi notevolement l-abrogazzjoni tal-Kostituzzjoni, id-dewmien sostanzjali ħafna biex isiru elezzjonijiet parlamentari, u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Minkejja li l-implimentazzjoni tal-impenji ġiet imdewma b’mod sostanzjali, il-maġġornanza ta’ dawk l-impenji għadhom rilevanti ħafna għas-sitwazzjoni preżenti tal-Fiġi, u huma għalhekk annessi ma’ din l-ittra. Peress li l-Fiġi ddeċidiet unilateralment li tikser numru ta’ impenji ta’ importanza ewlenija, dan wassal għal telf għall-Fiġi f’termini ta’ fondi għall-iżvilupp.
Madanakollu, fl-ispirtu ta’ sħubija li jifforma l-bażi tal-Ftehim ta’ Cotonou, l-UE tesprimi d-disponibilità tagħha li tieħu sehem f’konsultazzjonijiet formali ġodda malli jkun hemm prospetti raġjonevoli għal konklużjoni pożittiva għal dawn il-konsultazzjonijiet. Fl-1 ta’ Lulju 2009 il-Prim Ministru Proviżorju ppreżenta pjan direzzjonali biex issir riforma u biex terġa’ tiġi stabbilita l-ordni demokratika. L-UE hija lesta li tipparteċipa fi djalogu dwar dan il-pjan direzzjonali, u li tikkunsidra jekk dan jistax iservi bħala bażi għal konsultazzjonijiet ġodda. Għaldaqstant, l-UE ddeċidiet li testendi l-miżuri xierqa eżistenti fir-għall-Fiġi sabiex toħloq spazju ta’ opportunità għal konsultazzjonijiet ġodda. Filwaqt li, xi wħud mill-miżuri xierqa issa skada żmienhom, ġie konkluż li minflok taġġornahom unilateralment, l-UE tippreferi tesplora aktar il-possibilitajiet għal konsultazzjonijiet ġodda mal-Fiġi. Għaldaqstant, huwa ta’ importanza partikolari li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu favur djalogu politiku domestiku inklussiv u favur flessibbiltà fir-rigward taż-żmien li fih jitwettaq il-pjan direzzjonali. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-UE hija, u dejjem se tkun, iggwidata mill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou rrevedut kif ukoll mill-prinċipji fundamentali tiegħu, partikolarment fir-rigward tar-rwol ċentrali ta’ djalogu u t-twettiq ta’ obbligi reċiproki, huwa enfasizzat li m’hemmx konklużjonijiet predeterminanti min-naħa tal-UE fir-rigward tal-eżitu ta’ konsultazzjonijiet futuri.
Jekk konsultazzjonijiet ġodda jirriżultaw f’impenji sostanzjali mill-Fiġi, l-UE hija impenjata li twettaq rivalutazzjoni bikrija pożittiva ta’ dawn il-miżuri xierqa. Min-naħa l-oħra, jekk is-sitwazzjoni fil-Fiġi ma titjiebx, se jkompli jkun hemm telf ta’ fondi għall-iżvilupp għall-Fiġi. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-progress li sar għar-ritorn għal tmexxija kostituzzjonali se tiggwida lill-UE fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dwar Miżuri ta’ Akkompanjament fir-rigward tal-Pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor u l-Għaxar Programm Indikattiv Nazzjonali EDF fir-rigward tal-Fiġi.
Sakemm ikunu saru konsultazzjonijiet ġodda, l-UE tistieden lill-Fiġi sabiex tkompli tintensifikata d-djalogu politiku mkattar.
Il-miżuri xierqa huma dawn li ġejjin:
|
— |
l-għajnuna umanitarja kif ukoll l-appoġġ dirett għas-soċjetà ċivili jistgħu jkomplu, |
|
— |
attivitajiet ta’ kooperazzjoni li qed isiru b’mod partikolari taħt it-tmien u d-disa’ EDF, jistgħu jkomplu, |
|
— |
attivitajiet ta’ kooperazzjoni li għandhom jgħinu sabiex tirritorna d-demokrazija u titjieb it-tmexxija, jistgħu jsiru, ħlief f’ċirkustastanzi tassew eċċezzjonali, |
|
— |
l-implimentazzjoni tal-miżuri li jakkumpanjaw ir-riforma fiz-zokkor għall-2006 tista’ ssir. Il-ftehim ta’ finanzjament ġie ffirmat f’livell tekniku mill-Fiġi fid-19 ta’ Ġunju 2007. Wieħed għandu jinnota li l-ftehim ta’ finanzjament jinkludi wkoll klawżola ta’ sospensjoni, |
|
— |
L-aċċettazzjoni mill-Gvern Proviżorju fid-19 ta’ Ġunju 2007 tar-rapport tas-7 ta’ Ġunju mill-esperti elettorali indipendenti tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku jaqbel mal-Impenn Nru 1 miftiehem fit-18 ta’ April 2007 bejn il-Gvern Proviżorju u l-UE. Għadaqstant, it-tħejjija u l-iffirmar eventwali tal-programm indikattiv multi-annwali għal miżuri li jakkumpanjaw fir-rigward tar-riforma taz-zokkor għall-perijodu 2008-2010 jistgħu jipproċedu, |
|
— |
il-finalizzazzjoni, l-iffirmar fl-livell tekniku u l-implimentazzjoni tad-Dokument ta’ Strateġija għall-Pajjiż u l-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-għaxar EDF b’pakkett finanzjarju indikattiv, kif ukoll l-allokazzjoni possibbli ta’ pakkett ta’ inċentivi li jasal sa 25 % ta’ din is-somma, se tkun soġġetta għall-ħarsien tal-impenji magħmula fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, partikolarment: li l-Gvern Proviżorju josserva l-Kostituzzjoni, li l-indipendenza tal-ġudikatura tiġi rispettata bis-sħiħ, li r-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika, imdaħħla mill-ġdid fis-6 ta’ Settembru 2007, jitneħħew mill-aktar fis, li l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem ikunu investigati jew indirizzati skont il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Gżejjer Fiġi, u li l-Gvern Proviżorju se jagħmel li jista’ biex iwaqqaf milli jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji tas-sigurtà maħsuba biex jintimidaw, |
|
— |
l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2007 kienet żero, |
|
— |
id-disponibbiltà tal-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 kienet soġġetta għal prova ta’ tħejjija, kredibbli u f’waqtha, ta’ elezzjonijiet skont l-impenji miftiehma, partikolarment dwar iċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini elettorali u r-riforma elettorali skont il-Kostituzzjoni, u miżuri li ttieħdu biex jiżguraw il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, li jinkludi l-ħatra ta’ Sorveljant tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni. Din l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 ntilfet fil-31 ta’ Diċembru 2009, |
|
— |
l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 ġiet kanċellata f’Mejju 2009 minħabba li l-Gvern Proviżorju ddeċieda li jdewwem l-elezzjonijiet ġenerali sa Settembru 2014, |
|
— |
l-allokazzjoni għall-2010 se tiddependi fuq il-progress imwettaq fit-tkomplija tal-proċess demokratiku, |
|
— |
appoġġ addizzjonali għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ impenji ewlenin, b’mod partikolari b’appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta’ elezzjonijiet, jistgħu jitqiesu supplementari għal dak li ġie deskritt f’din l-ittra, |
|
— |
il-kooperazzjoni reġjonali, u l-parteċipazzjoni tal-Fiġi fiha, mhumiex affettwati, |
|
— |
il-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u ċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta’ Intrapriżi tista’ tkompli għaddejja iżda din hija soġġetta għat-twettiq f’waqtu tal-impenji li saru. |
Is-sorveljanza tal-impenji ser issir b’konformità mal-impenji elenkati fl-Anness għal din l-ittra li tikkonċerna d-djalogu regolari, il-kooperazzjoni ma’ missjonijiet u r-rappurtaġġ.
Barra minn hekk, l-UE tistenna li l-Fiġi tikkoopera bis-sħiħ mal-Forum tal-Ġżejjer tal-Paċifiku fir-rigward tal-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta’ Persuni Eminenti, kif approvat mill-Forum tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin fil-laqgħa tagħhom f’Vanuatu fis-16 ta’ Marzu 2007.
L-Unjoni Ewropea se tkompli ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Fiġi. Taħt l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou, djalogu politiku msaħħaħ se jitwettaq mal-Fiġi biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-ritorn tad-demokrazija u r-rispett għall-istat tad-dritt sakemm iż-żewġ partiti jikkonkludu li n-natura msaħħa tad-djalogu serviet l-iskop taghħa.
Jekk ikun hemm dewmien, waqfien jew rigress fl-implimentazzjoni tal-impenji meħuda mill-Gvern Proviżorju, l-UE tirriżerva d-dritt li taġġusta l-miżuri xierqa.
L-UE tisħaq li l-privileġġi tal-Fiġi fil-kooperazzjoni tagħha mal-UE jiddependu fuq ir-rispett għall-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou u għall-valuri msemmija fl-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Sabiex l-UE tiġi konvinta li l-Gvern Proviżorju huwa lest b’mod sħiħ sabiex isegwi l-impenji meħuda, huwa essenzjali li jsir progress bikri u sostanzjali fit-twettiq tal-impenji miftiehma.
Dejjem tiegħek,
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kummissjoni
Għall-Kunsill
ANNESS TAL-ANNESS
IMPENJI MIFTIEHMA MAR-REPUBBLIKA TAL-GZEJJER FIĠI
A. Rispett lejn il-Prinċipji tad-Demokrazija
Impenn Nru 1
Li jseħħu elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi żmien 24 xahar mill-1 ta’ Marzu 2007, soġġett għall-osservazzjonijiet tal-valutazzjoni li għandha ssir mill-awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum tal-Gżejjer Paċifiċi. Il-proċessi li jwasslu għall-elezzjonijiet, u t-twettiq tal-istess elezzjonijiet, għandhom ikunu, b’mod konġunt, sorveljati, adattati u riveduti kif xieraq fuq il-bażi ta’ parametri maqbula b’mod konġunt. Dan jimplika b’mod partikulari:
|
— |
li sat-30 ta’ Ġunju 2007 il-Gvern Proviżorju jadotta skeda li tistabbilixxi d-dati tat-tlestija tad-diversi passi li għandhom jittieħdu bi tħejjija għall-elezzjonijiet parlamentari l-ġodda, |
|
— |
li l-iskeda tispeċifika l-ħin taċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini elettorali u r-riforma elettorali, |
|
— |
li t-tfassil tal-konfini elettorali u r-riforma elettorali għandhom jitwettqu skont il-Kostituzzjoni, |
|
— |
li jittieħdu miżuri sabiex tiġi żgurata l-ħidma tal-Uffiċċju Elettorali inkluża l-ħatra ta’ Sorveljant tal-Elezzjonijiet sat- 30 ta’ Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni, |
|
— |
li l-ħatra tal-Viċi-President għandha ssir skont il-Kostituzzjoni. |
Impenn Nru 2
Li l-Gvern Proviżorju, meta jadotta inizjattivi u bidliet leġiżlattivi, fiskali u oħrajn ta’ politika, li jkunu ta’ natura importanti, għandu jagħti l-piż dovut lill-konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati relevanti l-oħra.
B. Stat tad-Dritt
Impenn Nru 1
Li l-Gvern Proviżorju għandu jagħmel l-akbar sforzi sabiex ma jħallix li jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta’ sigurtà maħsuba biex jintimidaw.
Impenn Nru 2
Li l-Gvern Proviżorju jħares il-Kostituzzjoni tal-1997, u jiggarantixxi l-ħidma normali u indipendenti tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali bħall-Kummissjoni tal-Fiġi għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni tal-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza sostanzjali u l-funzjonament tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet ikunu preżervati.
Impenn Nru 3
Li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li din titħalla taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu rispettati mill-partijiet kollha in kwistjoni, partikolarment:
|
— |
li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu sabiex it-tribunal skont it-Taqsima 138(3) tal-Kostituzzjoni jinħatar sal-15 ta’ Lulju 2007, |
|
— |
li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija ta’ ġudikanti minn issa ‘l quddiem iseħħu f’konformità stretta mad-dispożizzjonijiet u r-regoli proċedurali tal-Kostituzzjoni, |
|
— |
li ma jseħħ l-ebda każ, ikun xi jkun, ta’ interferenza mill-militar u l-pulizija jew mill-Gvern Proviżorju mal-proċess ġudizzjarju, inkluż ir-rispett sħiħ għall-professjoni legali. |
Impenn Nru 4
Li l-proċeduri kriminali kollha marbuta mal-korruzzjoni jkunu indirizzati permezz tal-mezzi ġudizzjarji xierqa u li kwalunkwe korpi oħrajn li jistgħu jitwaqqfu sabiex jinvestigaw każijiet allegati ta’ korruzzjoni joperaw fil-limiti kostituzzjonali.
C. Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem
Impenn Nru 1
Il-Gvern Proviżorju se jieħu l-passi neċessarji kollha sabiex jiffaċilita li l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem jiġu investigati jew ittrattati skont id-diversi proċeduri u fora taħt il-liġi tal-Gżejjer Fiġi.
Impenn Nru 2
Il-Gvern Proviżorju biħsiebu jneħħi r-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika f’Mejju 2007, soġġett għal kwalunkwe theddidiet għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku jew is-sikurezza.
Impenn Nru 3
Il-Gvern Proviżorju hu impenjat li jara li l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Fiġi taħdem b’indipendenza sħiħa u skont il-Kostituzzjoni.
Impenn Nru 4
Li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, fil-forom kollha tagħha jkunu rispettati b’mod sħiħ kif previst fil-Kostituzzjoni.
D. Ħidma Sussegwenti dwar l-Impenji
Impenn Nru 1
Li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu li jżomm għaddej djalogu regolari sabiex jippermetti l-verifika tal-progress imwettaq u jagħti lill-awtoritajiet/ir-rappreżentanti tal-UE u l-KE aċċess sħiħ għall-informazzjoni fuq il-materji kollha marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, ir-ritorn paċifiku lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Fiġi.
Impenn Nru 2
Li l-Gvern Proviżorju jikkopera bis-sħiħ ma’ missjonijiet eventwali mill-UE u l-KE għall-valutazzjoni u s-sorveljanza tal-progress.
Impenn Nru 3
Li l-Gvern Proviżorju jibgħat rapporti ta’ progress kull tliet xhur mit-30 ta’ Ġunju 2007 dwar l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-impenji.
Hu nnutat li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv biss permezz ta’ approċċ pragmatiku li jagħraf ir-realtajiet preżenti u jiffoka fuq il-ġejjieni.